Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0595

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-27 ta’ Jannar 2021.
    The Goldman Sachs Group Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Tqassim tas-suq fil-kuntest ta’ proġetti – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23(2) – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija lil oħra – Preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti – Entità li tikkontrolla 100 % tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-azzjonijiet ta’ kumpannija oħra.
    Kawża C-595/18 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:73

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    27 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

    “Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Tqassim tas-suq fil-kuntest ta’ proġetti – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 23(2) – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kumpannija lil oħra – Preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti – Entità li tikkontrolla 100 % tad-drittijiet tal-vot assoċjati mal-azzjonijiet ta’ kumpannija oħra”

    Fil-Kawża C‑595/18 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑21 ta’ Settembru 2018,

    The Goldman Sachs Group Inc., stabbilita f’New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Mangiaracina, avvocatessa, u J. Koponen, advokat,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Rossi, C. Sjödin, T. Vecchi u J. Norris, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Prysmian SpA, stabbilita f’Milano (l-Italja),

    Prysmian Cavi e Sistemi Srl, stabbilita f’Milano,

    irrappreżentati minn C. Tesauro u L. Armati, avvocati,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, A. Kumin, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, The Goldman Sachs Group Inc. titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Lulju 2018, The Goldman Sachs Group vs Il-Kummissjoni (T‑419/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:445), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 final tat‑2 ta’ April 2014 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39610) – Kejbils tal-elettriku (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din tikkonċernaha, u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):

    “Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

    (a)

    jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] […]

    […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kontenzjuża

    3

    Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 1 sa 22 u 47 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-kawża, jinġabru fil-qosor kif ġej.

    4

    L-appellanti, The Goldman Sachs Group, Inc., hija kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti li taġixxi bħala bank ta’ investiment li jopera fiċ-ċentri finanzjarji prinċipali madwar id-dinja. Mid‑29 ta’ Lulju 2005 sat‑28 ta’ Jannar 2009, permezz tal-fondi GS Capital Partners V (iktar ’il quddiem il-“fondi GSCP V”) u ta’ kumpanniji intermedjarji oħra, hija kienet il-kumpannija omm (indiretta) ta’ Prysmian SpA kif ukoll tas-sussidjarja kkontrollata integralment minnha, Prysmian Cavi e Sistemi Srl (iktar ’il quddiem “PrysmianCS”), li kienet Pirelli Cavi e Sistemi Energia SpA, u sussegwentement Prysmian Cavi e Sistemi Energia Srl. Prysmian u PrysmianCS, żewġ kumpanniji stabbiliti fl-Italja, jikkostitwixxu flimkien il-grupp Prysmian, operatur globali fis-settur tal-kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art.

    5

    Filwaqt li s-sehem tal-appellanti fil-kapital ta’ Prysmian kien inizjalment ta’ 100 % tal-ishma, il-livell ta’ dan is-sehem naqas, wara żewġ trasferimenti ta’ ishma li saru fis‑7 ta’ Settembru 2005 u fil‑21 ta’ Lulju 2006 sabiex inizjalment jammonta għal 91.1 % u, sussegwentement, għal 84.4 % sat‑3 ta’ Mejju 2007, data li fiha parti mill-ishma ta’ Prysmian tqiegħdu fil-Borża ta’ Milan (l-Italja) permezz ta’ offerta pubblika inizjali (iktar ’il quddiem l-“OPI”).

    6

    Fi tmiem proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), il-Kummissjoni adottat, fit‑2 ta’ April 2014, id-Deċiżjoni kontenzjuża.

    7

    Fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-appellanti u 25 kumpannija oħra, inklużi Prysmian u PrysmianCS, kienu pparteċipaw f’akkordju, li kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli (ħafna) ta’ taħt l-art u/jew ta’ taħt il-baħar (iktar ’il quddiem il-“ksur inkwistjoni”).

    8

    L-appellanti ġiet irrikonoxxuta responsabbli għall-ksur inkwistjoni, fl-Artikolu 1(5)(c) tad-Deċiżjoni kontenzjuża, bħala kumpannija omm ta’ Prysmian u ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia matul il-perijodu mid‑29 ta’ Lulju 2005 sat‑28 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem il-“perijodu tal-ksur”).

    9

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreżumiet, minn naħa, li Prysmian kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia fis-suq matul dan il-perijodu, u, min-naħa l-oħra, li l-appellanti kienet eżerċitat, bejn id‑29 ta’ Lulju 2005 u t‑3 ta’ Mejju 2007, influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian u, konsegwentement, ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia fis-suq.

    10

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-analiżi tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali tal-appellanti mas-sussidjarji tagħha, li din kienet effettivament eżerċitat influwenza determinati fuq l-aġir ta’ Prysmian fis-suq u, konsegwentement, ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia matul il-perijodu tal-ksur.

    11

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(f) tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni imponiet fuq l-appellanti multa fl-ammont ta’ EUR 37303000, flimkien u in solidum ma’ Prysmian u PrysmianCS.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    12

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Ġunju 2014, l-appellanti ppreżentat rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn tikkonċernaha, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

    13

    Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti qajmet, quddiem il-Qorti Ġenerali, ħames motivi, fosthom b’mod partikolari l-ewwel wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    14

    Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2015, il-Qorti Ġenerali awtorizzat l-intervent ta’ Prysmian u ta’ PrysmianCS insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    15

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

    16

    Il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet korretta meta bbażat ruħha, fir-rigward tal-perijodu mid‑29 ta’ Lulju 2005 sat‑3 ta’ Mejju 2007, fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-appellanti fuq l-aġir ta’ Prysmian u ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia fis-suq.

    17

    Skont il-Qorti Ġenerali, meta kumpannija omm ikollha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, b’mod partikolari flimkien ma’ sehem b’maġġoranza kbira fil-kapital tal-imsemmija sussidjarja, bħal f’dan il-każ, l-imsemmija kumpannija omm tkun tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-proprjetarju esklużiv ta’ din is-sussidjarja, b’mod li l-kumpannija omm tkun f’pożizzjoni li tiddetermina l-istrateġija ekonomika u kummerċjali tas-sussidjarja, anki jekk hija ma jkollhiex it-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar.

    18

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, li l-appellanti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian u ta’ Prysmian Cavi e Sistemi Energia fis-suq matul il-perijodu kollu tal-ksur, billi bbażat ruħha, l-ewwel, fuq is-setgħa ta’ ħatra tal-membri tad-diversi bordijiet ta’ diretturi ta’ Prysmian, miżmuma mill-appellanti, it-tieni, fuq is-setgħa tal-appellanti li tlaqqa’ lill-azzjonisti ta’ Prysmian għal-laqgħat u li tipproponi r-revoka tad-diretturi jew ta’ bordijiet ta’ diretturi sħaħ ta’ din tal-aħħar, it-tielet, fuq is-setgħat iddelegati tad-diretturi tal-fergħa tal-investiment dirett tad-diviżjoni “Merchant Banking” (“Principal Investment Area”, iktar ’il quddiem il-“PIA”) tal-appellanti fi ħdan il-bordijiet ta’ diretturi ta’ Prysmian u l-involviment tagħhom fil-kumitat strateġiku ta’ din tal-aħħar, ir-raba’, fuq il-fatt li l-appellanti kienet tirċievi aġġornamenti regolari u rapporti mensili min-naħa ta’ Prysmian, il-ħames, fuq il-miżuri elenkati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża intiżi sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta’ kontroll deċiżiv mill-appellanti wara l-OPI u, is-sitt, fuq il-prova li l-appellanti kienet aġixxiet bħala proprjetarju industrijali.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tannulla, b’mod sħiħ jew parzjalment (pereżempju, minn Mejju jew minn Novembru 2007, meta l-appellanti u s-sussidjarji tagħha kellhom biss rispettivament bejn wieħed u ieħor 45 % u 26 % tal-azzjonijiet ta’ Prysmian) l-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn jikkonċernawha, u/jew

    tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u tal-appell.

    20

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell; u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    21

    Prysmian u PrysmianCS jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell; u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-intervent tagħhom insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    Fuq l-appell

    22

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn l-appellanti nżammet responsabbli għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mwettaq minn Prysmian u minn PrysmianCS matul il-perijodu ta’ bejn id‑29 ta’ Lulju 2005 u t‑3 ta’ Mejju 2007 (iktar ’il quddiem il-“perijodu qabel l-OPI”). It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn l-appellanti nżammet responsabbli għal dan l-istess ksur għall-perijodu mit‑3 ta’ Mejju 2007 sat‑28 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem, il-“perijodu wara l-OPI”). Barra minn hekk, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħtiha l-benefiċċju ta’ kull tnaqqis tal-multa mogħti lil Prysmian u lil PrysmianCS, billi tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha in solidum ma’ dawn tal-aħħar, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell ippreżentat mill-imsemmija kumpanniji mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2018, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni (T‑475/14, EU:T:2018:448).

    Fuq l-ewwel aggravju

    23

    L-ewwel aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

    Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    24

    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 49, 50 u 52 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball sa fejn hija kienet żammet lill-appellanti responsabbli għall-ksur inkwistjoni, għall-perijodu qabel l-OPI, billi bbażat ruħha fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-appellanti fuq Prysmian u PrysmianCS.

    25

    F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li s-sehem tagħha fil-fondi GSCP V kien ta’ madwar 33 % biss, peress li l-kumplament tal-kapital kien miżmum minn investituri terzi indipendenti. Barra minn hekk, is-sehem ta’ dawn il-fondi fil-kapital ta’ Prysmian kien jammonta, matul il-perijodu qabel l-OPI, u bl-eċċezzjoni tal-ewwel 41 ġurnata, qabelxejn, għal madwar 91 %, u mbagħad għal madwar 84 %. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija applikabbli biss meta l-kumpannija omm ikollha t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li, meta kumpannija omm ikollha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, b’mod partikolari flimkien ma’ sehem b’maġġoranza kbira fil-kapital ta’ din is-sussidjarja, l-imsemmija kumpannija omm tkun tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-proprjetarju esklużiv ta’ din is-sussidjarja.

    26

    Skont l-appellanti, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tistax tapplika f’tali ċirkustanzi, konformement mal-prinċipju fundamentali li l-preżunzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod restrittiv. F’dan ir-rigward, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma huwiex konformi mas-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija żbaljata fid-dawl tal-għan tal-imsemmija preżunzjoni, peress li hija tissostitwixxi l-prova faċli tal-eżistenza ta’ sehem li jirrigwarda t-totalità tal-ishma, permezz ta’ konsultazzjoni rapida tar-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, li twassal għal ċertezza legali u hija faċilment applikabbli, permezz ta’ dimostrazzjoni ddettaljata tal-eżistenza ta’ elementi speċifiċi għall-każ inkwistjoni li jippermettu lill-kumpannija omm teżerċita effettivament influwenza determinanti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni dijametrikament opposta fir-rigward tal-istess sussidjarja u l-istess ksur fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Lulju 2018, Pirelli & C. vs Il-Kummissjoni (T‑455/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:450).

    27

    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Prysmian u PrysmianCS, tikkontesta dan l-argument. Hija ssostni li l-argument tal-appellanti li jgħid li, peress li hija kellha biss 33 % tal-kapital tal-fondi GSCP V, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ma tistax tapplika f’dan il-każ, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li ma ġiex ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat, peress li l-appellanti kienet tikkontrolla waħedha u totalment id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-investimenti tal-fondi GSCP V.

    28

    Fir-replika tagħha, l-appellanti ssostni li, quddiem il-Qorti Ġenerali, hija sostniet espliċitament li s-sjieda benefiċjarja li hija kellha fuq il-fondi GSCP V kienet insuffiċjenti sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti f’dan ir-rigward.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza, ma kinitx applikabbli f’dan il-każ, peress li s-sehem tagħha fil-fondi GSCP V kien ta’ madwar 33 % biss, fejn il-bqija tal-kapital ta’ dawn il-fondi kienet miżmuma minn investituri terzi indipendenti, għandu jitfakkar li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 48 u 64 tas-sentenza appellata, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-appellanti fuq l-aġir ta’ Prysmian u, indirettament, ta’ PrysmianCS, billi bbażat ruħha mhux fuq il-livell ta’ sehem tal-appellanti fil-kapital ta’ Prysmian iżda fuq il-konstatazzjoni li l-appellanti kienet tikkontrolla d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet ta’ Prysmian.

    30

    Issa, fl-appell tagħha, l-appellanti la tikkontesta din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali u lanqas li hija kompliet tikkontrolla 100 % tal-imsemmija drittijiet tal-vot, matul il-perijodu qabel l-OPI, anki wara t-trasferimenti tal-ishma ta’ Prysmian fis‑7 ta’ Settembru 2005 u fil‑21 ta’ Lulju 2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-appellanti bbażat fuq il-fatt li s-sehem tagħha fil-fondi GSCP V kien ta’ madwar 33 % biss għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    31

    Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument tal-appellanti dwar il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija omm b’mod partikolari meta, minkejja li għandha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija omm, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija omm ikollha direttament jew indirettament it-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija omm tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija omm teżerċita effettivament tali influwenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital ta’ sussidjarja tkun miżmuma mill-kumpannija omm tagħha sabiex ikun jista’ jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tqis li l-kumpannija omm hija responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija omm, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, Pirelli & C. vs Il-Kummissjoni, C‑611/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:868, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Sakemm ma tiġix ikkonfutata, tali preżunzjoni timplika, għaldaqstant, li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha jitqies li huwa stabbilit u huwa l-bażi li fuqha l-Kummissjoni żżomm lil din tal-ewwel responsabbli għall-aġir tat-tieni, mingħajr ma jkollha għalfejn tipproduċi kwalunkwe prova addizzjonali. L-implimentazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti b’hekk ma hijiex suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizji supplimentari dwar l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija omm (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il-Kummissjoni, C‑457/16 P u C‑459/16 P sa C‑461/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:819, punti 8586 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Ċertament, huwa paċifiku li l-appellanti ma kellhiex, matul il-perijodu qabel l-OPI, it-totalità tal-kapital ta’ Prysmian, peress li s-sehem tal-fondi GSCP V fil-kapital ta’ Prysmian kien jammonta, kif jirriżulta mill-punt 47 tas-sentenza appellata, matul dan il-perijodu, u bl-eċċezzjoni tal-ewwel 41 jum, qabelxejn, għal madwar 91 %, u sussegwentement għal madwar 84 %. Huwa paċifiku wkoll li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma qisitx li dan is-sehem kien ifisser li l-appellanti kellha l-kważi totalità tal-kapital ta’ Prysmian.

    35

    Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma hijiex is-sempliċi żamma tat-totalità jew tal-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja fiha nnifisha li tikkostitwixxi l-bażi tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, iżda l-grad ta’ kontroll tal-kumpannija omm fuq is-sussidjarja tagħha li din iż-żamma timplika. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tqis, essenzjalment, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li kumpannija omm li għandha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha tinsab, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ kumpannija li jkollha t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja, b’tali mod li l-kumpannija omm tkun f’pożizzjoni li tiddetermina l-istrateġija ekonomika u kummerċjali tas-sussidjarja. Fil-fatt, kumpannija omm li jkollha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha tista’, bħal kumpannija omm li jkollha t-totalità jew il-kważi totalità tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar.

    36

    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li, peress li kumpannija omm għandha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ din il-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq.

    37

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mqajma mill-appellanti.

    38

    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuq is-sussidjarja mill-kumpannija omm tagħha hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jinstab ekwilibriju bejn, minn naħa, l-importanza tal-għan li jiġi miġġieled l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari kontra l-Artikolu 101 KE, u ta’ prevenzjoni tas-seħħ mill-ġdid tiegħu u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, ta’ individwalità tal-pieni u ta’ ċertezza legali kif ukoll id-drittijiet tad-difiża, inklużi l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 108 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Ċertament, kif issostni l-appellanti, l-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom il-voti assoċjati mal-azzjonijiet ta’ kumpannija tista’, jekk ikun il-każ, tirriżulta iktar diffiċli mid-determinazzjoni tal-persuni li lilhom jappartjenu dawn l-azzjonijiet. Madankollu, minn naħa, xejn ma jindika li tali diffikultajiet jistgħu jippreġudikaw iċ-ċertezza legali. Fil-fatt, kumpannija omm li, mingħajr ma jkollha t-totalità jew il-kważi totalità tal-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha, tkun irriżervat jew akkwistat id-drittijiet tal-vot kollha assoċjati ma’ dawn l-azzjonijiet, ma tistax, evidentement, tinjora li dan huwa l-każ.

    40

    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija obbligata tibbaża ruħha esklużivament fuq l-imsemmija preżunzjoni. Fil-fatt, xejn ma jipprekludi lil din l-istituzzjoni milli tistabbilixxi l-eżerċizzju effettiv, minn kumpannija omm, ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha permezz ta’ provi oħra jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tali provi mal-imsemmija preżunzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il-Kummissjoni, C‑457/16 P u C‑459/16 P sa C‑461/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:819, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    41

    It-tieni nett, mhux biss l-appellanti ma tispjegax kif l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan il-każ hija kontradittorja ma’ dik li hija adottat f’sentenza preċedenti, iżda tali argument huwa ineffettiv, peress li l-Qorti Ġenerali ġustament sostniet, kif jirriżulta mill-punti 31 sa 36 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

    42

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    43

    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, li tirrigwarda l-punti 71 sa 78 tas-sentenza appellata, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, talli qieset, b’mod żbaljat, li hija kellha tikkonfuta, għal dak li jirrigwarda l-perijodu qabel l-OPI, il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, peress li din ma setgħetx teżiġi minnha li tikkonfuta preżunzjoni li ma kinitx tapplika.

    44

    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali, billi għamlet interpretazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti legali applikabbli f’dan il-każ, naqset milli tevalwa korrettament l-argumenti mressqa u l-provi prodotti mill-appellanti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti.

    45

    F’dan ir-rigward, l-appellanti tosserva, l-ewwel, li l-ftit provi ċċitati mill-Qorti Ġenerali ma humiex ta’ natura li juru li l-fondi GSCP V kellhom aġir differenti minn dak ta’ sempliċi investitur finanzjarju. It-tieni, billi ċaħdet l-argument tal-appellanti, li jgħid li l-politika kummerċjali ta’ Prysmian kienet iddeterminata mit-tim maniġerjali tagħha, għar-raġuni li l-appellanti ma pprovdietx posta elettronika jew minuti speċifiċi li jikkonfermaw dan l-argument, il-Qorti Ġenerali imponitilha probatio diabolica. It-tielet, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ma tat ebda importanza lill-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għall-fondi GSCP V jew għall-appellanti fit-tweġiba ta’ Prysmian għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali qieset, mingħajr ġustifikazzjoni, li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ indipendenza u ta’ assenza ta’ kontroll li saru dak iż-żmien mill-bord tad-diretturi ta’ Prysmian kienu foloz u kienu saru bi ksur tad-dritt Taljan. Il-ħames, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet l-argument tagħha li jgħid li l-fondi GSCP V ma kinux taw istruzzjonijiet lil Prysmian, għar-raġuni li dan l-argument ġie ppreżentat b’mod inkoerenti.

    46

    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Prysmian u PrysmianCS, topponi dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħha, l-argument tal-appellanti dwar l-eżami tal-provi li hija pproduċiet sabiex tikkonfuta l-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti huwa intiż fir-realtà sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida ta’ dawn il-provi u għalhekk huwa inammissibbli.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    47

    Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-argument tal-appellanti dwar l-allegata inverżjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-oneru tal-prova huwa bbażat fuq il-premessa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha, f’dan il-każ, fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti sabiex iżżomm lill-appellanti responsabbli għall-ksur inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-perijodu qabel l-OPI. Issa, peress li, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, is-sentenza appellata ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    48

    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Il-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma hijiex, mingħajr preġudizzju għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi li, bħala tali, huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Philips u Philips France vs Il-Kummissjoni, C‑98/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:774, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Min-naħa l-oħra, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali testendi, b’mod partikolari, għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova ġewx osservati (sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni, C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punt 39, u tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Makhlouf vs Il-Kunsill, C‑458/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:441, punt 57).

    50

    Peress li, f’dan il-każ, l-appellanti ma invokat ebda żnaturament tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali, l-argumenti tagħha dwar l-eżami tal-provi invokati sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

    51

    Fit-tielet lok, sa fejn l-argumenti mqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju jistgħu jitqiesu bħala ammissibbli skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat, l-ewwel, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, ma imponietx probatio diabolica fuqha, iżda essenzjalment illimitat ruħha li tfakkar li l-oneru tal-prova sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni inkwistjoni kien jaqa’ fuq l-appellanti.

    52

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma qieset, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ indipendenza magħmula mill-bord tad-diretturi ta’ Prysmian kienu foloz u kienu kuntrarji għad-dritt Taljan. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux, fihom innifishom, jistgħu jistabbilixxu l-veraċità tal-kontenut tagħhom u li l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti kellu jiġi evalwat abbażi ta’ provi konkreti.

    53

    It-tielet, għalkemm l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet b’mod żbaljat l-argument tagħha, imsemmi fil-punt 50 tar-rikors promotur, li jgħid li l-fondi GSCP V ma kinux taw istruzzjonijiet lil Prysmian, għandu jiġi rrilevat li hija ma tispjegax kif il-Qorti Ġenerali setgħet tifhem il-portata tagħhom kuntrarjament għal dak li indikat fil-punt 76 tas-sentenza appellata u lanqas liema provi hija naqset milli teżamina f’dan ir-rigward, filwaqt li għandu jiġi osservat li hija wieġbet għall-argument li l-appellanti rreferiet għalih, f’dan il-punt ta’ dan ir-rikors, fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju inkwistjoni.

    54

    Isegwi li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

    Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    55

    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li hija kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq Prysmian matul il-perijodu qabel l-OPI.

    56

    Il-Kummissjoni, Prysmian u PrysmianCS iqisu li din il-parti hija inammissibbli, għar-raġuni li hija tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi eżaminati fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, din il-parti hija infondata.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    57

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, hekk kif jirriżulta mill-punti 9 u 10 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq bażi doppja sabiex iżżomm lill-appellanti responsabbli għall-ksur inkwistjoni matul il-perijodu qabel l-OPI. Minn naħa, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, għar-raġuni li l-appellanti kellha d-drittijiet tal-vot kollha assoċjati mal-azzjonijiet ta’ Prysmian. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-appellanti kienet effettivament eżerċitat tali influwenza fuq Prysmian.

    58

    Issa, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-appellanti għall-ksur inkwistjoni fir-rigward tal-perijodu qabel l-OPI. Barra minn hekk, mill-eżami tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, f’dan il-każ, li l-appellanti ma rnexxilhiex tikkonfuta din il-preżunzjoni.

    59

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju, li tirrigwarda l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda t-tieni bażi li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex iżżomm lill-appellanti responsabbli għall-ksur inkwistjoni fil-perijodu qabel l-OPI, għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

    60

    Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    Fuq it-tieni aggravju

    61

    It-tieni aggravju, li jirrigwarda l-punti 81 sa 144 tas-sentenza appellata, jinkludi tliet partijiet.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    62

    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, l-ewwel, meta bbażat ruħha, sabiex tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li r-responsabbiltà tal-appellanti setgħet tinżamm ukoll għall-perijodu wara l-OPI, fuq provi applikabbli għall-perijodu qabel l-OPI, it-tieni, billi affermat biss li l-OPI ma kienet biddlet xejn, u, it-tielet, billi qalbet, fil-prattika, l-oneru tal-prova għad-detriment tal-appellanti. Issa, l-OPI ta’ Prysmian ikkostitwixxiet bidla deċiżiva għal din il-kumpannija. Mit‑3 ta’ Mejju 2007, il-fondi GSCP V kellhom biss madwar 46 % tal-kapital ta’ Prysmian u dan is-sehem laħaq biss madwar 26 % fit‑12 ta’ Novembru 2007. Barra minn hekk, mit‑3 ta’ Mejju 2007, Prysmian kienet suġġetta għal obbligu ta’ trasparenza fir-rigward tas-suq.

    63

    L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali jikkontradixxi wkoll it-tagħlim li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punt 34 tas-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni (C‑155/14 P, EU:C:2016:446) li jgħid li, minn naħa, hija dik il-qorti, sabiex tevalwa jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq jew jekk tapplikax essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija omm tagħha, li għandha twettaq evalwazzjoni li tirrigwarda fatti li seħħew fil-perijodu tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li elementi li jirrigwardaw perijodu ieħor jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss bil-kundizzjoni li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistabbilixxi r-rilevanza ta’ dawn l-elementi għall-perijodu kkonċernat u li ma tittrasponix awtomatikament għal dan il-perijodu l-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi.

    64

    Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat din il-ġurisprudenza billi għamlet riferiment, fil-punti 93, 94 u 133 tas-sentenza appellata, minn naħa, għall-unika okkażjoni, li seħħet wara l-perijodu tal-ksur, fejn il-fondi GSCP V irrevokaw il-ħatra ta’ membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li l-bord tad-diretturi maħtur qabel l-OPI baqa’ fis-seħħ mingħajr tibdil wara l-OPI, peress li l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ elementi ma kellu effett fuq l-allegat eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-appellanti fuq Prysmian matul il-perijodu wara l-OPI. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tibbaża ruħha, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, fuq kontroll tad-drittijiet tal-vot jew fuq sehem maġġoritarju fi ħdan il-laqgħa tal-azzjonisti ta’ Prysmian, peress li dawn ma kinux għadhom jeżistu matul il-perijodu wara l-OPI. Barra minn hekk, filwaqt li tammetti li, sabiex tkun tista’ timputa l-aġir ta’ sussidjarja lill-kumpannija omm, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tikkonstata li l-kumpannija omm hija f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda għandha wkoll tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq elementi li jistgħu, l-iktar l-iktar, juru setgħa li tiġi eżerċitata ċerta influwenza u vvalidat il-konklużjonijiet li huma bbażati fuq il-komunikazzjonijiet parzjali ta’ Prysmian.

    65

    Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, għar-raġuni li jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi eżaminati fl-ewwel istanza. F’kull każ, dan l-aggravju huwa infondat.

    66

    Prysmian u PrysmianCS isostnu li l-ewwel parti tat-tieni aggravju ma hijiex fondata.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    67

    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżami tal-punt dwar jekk il-kumpannija omm tistax teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali li jgħaqqdu lis-sussidjarja mal-kumpannija omm tagħha u, għalhekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika. Barra minn hekk, l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja jista’ jiġi dedott minn sensiela ta’ elementi konkordanti, anki jekk ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħud waħdu, ma huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali influwenza (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2017, Toshiba vs Il-Kummissjoni, C‑623/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:21, punti 4647 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    68

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tagħmel evalwazzjoni fuq il-fatti li seħħew fil-perijodu tal-ksur, iżda bla ħsara għall-possibbiltà li tibbaża ruħha fuq elementi relatati ma’ perijodu preċedenti għalih, bil-kundizzjoni li tkun tista’ tistabbilixxi r-rilevanza ta’ dawn l-elementi għall-perijodu tal-ksur u ma tittrasponix awtomatikament għal dan il-perijodu l-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-evalwazzjoni ta’ elementi preċedenti għal dan tal-aħħar (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Il-Kummissjoni, EU:C:2016:446, C‑155/14, punt 34).

    69

    Issa, sa fejn permezz tal-argumenti tagħha fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju l-appellanti tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli bbażat ruħha, matul dan l-eżami, fuq elementi irrilevanti għall-perijodu inkwistjoni u talli qalbet l-oneru tal-prova, dawn l-argumenti jikkonċernaw punti ta’ dritt li jistgħu jitqajmu fil-kuntest ta’ appell.

    70

    Min-naħa l-oħra, l-argumenti intiżi li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ dan l-eżami ma humiex, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, ammissibbli fil-kuntest ta’ appell, peress li l-appellanti ma allegat ebda żnaturament ta’ dawn il-provi minn din tal-aħħar.

    71

    Fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 81 sa 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kinitx, minn naħa, matul il-perijodu qabel l-OPI u, min-naħa l-oħra, matul il-perijodu wara l-OPI, eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian fis-suq. F’dan il-kuntest, hija eżaminat, fid-dettall, it-tmien elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Fost l-elementi relatati mal-perijodu kollu tal-ksur, il-Qorti Ġenerali eżaminat b’mod partikolari s-setgħa ta’ ħatra tal-membri tad-diversi bordijiet tad-diretturi ta’ Prysmian kif ukoll is-setgħa li tlaqqa’ lill-azzjonisti għal-laqgħat u li tipproponi r-revoka tad-diretturi jew tal-bordijiet tad-diretturi sħaħ.

    72

    Minn dan l-eżami bl-ebda mod ma jirriżulta li, sabiex tivverifika jekk l-appellanti kinitx eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian fis-suq matul il-perijodu wara l-OPI, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq elementi applikabbli għall-perijodu qabel l-OPI jew li qalbet l-oneru tal-prova għad-detriment tal-appellanti. Fil-fatt, minn dan l-eżami u b’mod partikolari mill-punti 93, 94 u 133 tas-sentenza appellata jirriżulta li, mhux talli ma qisitx li l-OPI ma kinitx għamlet bidliet f’dan ir-rigward, talli l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bir-reqqa l-elementi invokati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, billi għamlet distinzjoni ċara bejn il-perijodu qabel u wara l-OPI. Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti, imsemmi fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    73

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

    Fuq it-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju

    – L-argumenti tal-partijiet

    74

    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li hija kellha, fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, il-livell ta’ rappreżentanza neċessarju sabiex tinfluwenza l-aġir ta’ din tal-aħħar fis-suq.

    75

    Fl-ewwel lok, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li ż-żamma tal-istess kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian matul il-perijodu wara l-OPI tikkostitwixxi indizju li hija kompliet teżerċita kontroll fuq dan il-bord wara l-OPI hija totalment żbaljata. Dan il-bord, maħtur fil-laqgħa tal-azzjonisti tat‑28 ta’ Frar 2007, kien jinkludi għaxar diretturi, li tlieta minnhom biss kienu diretturi maniġerjali tal-PIA. Peress li l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni mill-imsemmi bord tirrikjedi li jkun hemm maġġoranza sempliċi, id-diretturi maniġerjali tal-PIA, sedenti f’dan l-istess bord, għalhekk qatt ma kienu f’pożizzjoni li jikkontrollaw effettivament il-bord tad-diretturi sħiħ ta’ Prysmian. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-provi tal-proċess billi injorat il-fatt li kull wieħed mid-diretturi maniġerjali tal-PIA, li huma wkoll membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, kien ipprojbit milli jaġixxi, matul il-perijodu wara l-OPI, unikament jew essenzjalment għall-benefiċċju ta’ partijiet oħra, inkluża tal-appellanti.

    76

    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tar-rwol ta’ żewġ amministraturi mhux eżekuttivi indipendenti (iktar ’il quddiem, id-“diretturi inkwistjoni”), sedenti fil-bord tad-diretturi ta’ Prysmian.

    77

    F’dan ir-rigward, l-appellanti tinvoka, l-ewwel, li, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-appellanti kellha rabtiet ma’ mill-inqas 50 % tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, fid-dawl tar-rabtiet mad-diretturi inkwistjoni, dawn l-allegati rabtiet, b’mod partikolari permezz ta’ “servizzi ta’ konsulenza preċedenti” jew ta’ “kuntratti ta’ konsulent”, ma kienu s-suġġett tal-ebda eżami u ma ġewx deskritti korrettament fis-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wriet li dawn l-allegati rabtiet setgħu jipprevalu jew kienu prevalenti fuq l-obbligu ta’ indipendenza li d-diretturi inkwistjoni kellhom fir-rigward tal-azzjonisti kollha.

    78

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa biss kumulu ta’ funzjonijiet li neċessarjament ipoġġi lill-kumpannija omm f’sitwazzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq. Issa, f’dan il-każ, id-diretturi inkwistjoni la kienu membri tal-bord tad-diretturi tal-appellanti, la kienu aġenti u lanqas kienu membri tal-maniġment superjuri ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, l-ebda wieħed minnhom ma okkupa pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan l-appellanti.

    79

    Barra minn hekk, billi qieset li l-appellanti ma kinitx ipproduċiet il-prova tal-assenza ta’ rabta mad-diretturi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova.

    80

    Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li d-diretturi inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni flimkien mad-diretturi maniġerjali tal-PIA, dawn ma kinux jirrappreżentaw, flimkien, il-maġġoranza tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, iżda biss ħamsa minn għaxra tal-membri u għalhekk nofs dan il-bord, li jfisser li huma ma setgħux jadottaw waħedhom ir-riżoluzzjonijiet tal-bord tad-diretturi.

    81

    It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, li jikkostitwixxi żnaturament tal-provi inkwistjoni, billi ċaħdet il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-bord tad-diretturi ta’ Prysmian li jikkonfermaw l-indipendenza tal-membri indipendenti tagħha, u b’hekk qalbet għal darba oħra l-oneru tal-prova. Wara l-OPI, Prysmian kienet obbligata taħtar numru partikolari ta’ diretturi indipendenti fi ħdan il-bord tad-diretturi tagħha. F’dan ir-rigward, kull forma ta’ familjarità jew ta’ relazzjoni professjonali bejn direttur u l-kumpannija, inklużi l-impriżi l-oħra tal-grupp jew l-azzjonisti prinċipali, kienet eskluża. Issa, il-bord tad-diretturi ta’ Prysmian ikkonferma formalment, diversi drabi, li d-diretturi indipendenti kienu verament indipendenti. Li kieku Prysmian kellha l-iċken dubju dwar l-eżattezza ta’ dawn il-konfermi, hija kienet tinkorri, billi tagħmilhom, pieni ċivili, amministrattivi u, eventwalment, kriminali, skont id-dritt Taljan.

    82

    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni inkoerenti tal-provi fis-sentenza appellata, billi kkonkludiet, minn naħa, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li l-bord tad-diretturi ta’ Prysmian kien evalwa wħud mid-diretturi tiegħu bħala indipendenti ma jistax juri l-assenza ta’ rabtiet mal‑appellanti u, konsegwentement, l-indipendenza vera ta’ dawn id-diretturi u, min‑naħa l-oħra, fil-punt 136 ta’ dik is-sentenza, li, fir-rigward ta’ minuti ta’ laqgħa ta’ dan il-bord li kienu jirriproduċu l-kummenti ta’ parteċipanti, kienet l-appellanti li kellha l-obbligu tipproduċi provi li juru l-kontra.

    83

    Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li ebda wieħed mill-elementi l-oħra invokati mill-Qorti Ġenerali ma huwa biżżejjed, waħdu jew flimkien ma’ elementi oħra, sabiex juri l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti mill-appellanti fuq Prysmian matul il-perijodu wara l-OPI.

    84

    Fl-ewwel lok, is-setgħa miżmuma mill-fondi GSCP V li jaħtru membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian u s-setgħa miżmuma minn dawn il-fondi li jlaqqgħu lill-azzjonisti għal-laqgħat kif ukoll li jipproponu r-revoka tad-diretturi jew tal-bord tad-diretturi sħiħ ma jurux li l-appellanti kienet f’pożizzjoni, permezz tal-istess fondi, li teżerċita influwenza determinanti fuq Prysmian. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ ħatra, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali teżiġi li jintwera li l-membri tal-bord tad-diretturi hekk maħtura għandhom is-setgħa li jimponu kontroll effettiv fuq il-bord tad-diretturi sħiħ.

    85

    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda s-setgħat iddelegati lid-diretturi maniġerjali tal-PIA qabel l-OPI, il-ħatra tagħhom fi ħdan il-kumitat strateġiku ta’ Prysmian wara l-OPI, ir-riċezzjoni ta’ aġġornamenti regolari u ta’ rapporti mensili kif ukoll il-miżuri l-oħra adottati wara l-OPI u msemmija fil-punt 130 tas-sentenza appellata, l-ebda wieħed minnhom, meħud waħdu jew flimkien, ma jikkostitwixxi prova tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq Prysmian.

    86

    Fit-tielet lok, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 140 sa 142 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-appellanti adottat fil-konfront ta’ Prysmian aġir tipiku ta’ proprjetarju industrijali hija żbaljata. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest meta injorat il-ġurisprudenza li tgħid li r-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi imputata lil sempliċi investitur finanzjarju bħall-appellanti.

    87

    Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju huma inammissibbli għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 65 ta’ din is-sentenza. It-tieni parti hija, barra minn hekk, ineffettiva. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li dawn iż-żewġ partijiet huma infondati.

    88

    Prysmian u PrysmianCS isostnu li dawn iż-żewġ partijiet huma inammissibbli u, sussidjarjament, infondati.

    – L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    89

    L-ewwel, sa fejn l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma rrispondietx għall-argumenti tagħha dwar l-eżistenza u r-rilevanza tar-rabtiet bejnha u l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, għandu jiġi osservat li, billi bbażat ruħha u billi rreferiet, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, għall-premessi 761 u 762 tad-Deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll għan-noti ta’ qiegħ il-paġna rispettivi tagħhom, il-Qorti Ġenerali identifikat b’mod suffiċjenti r-rabtiet inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-punti 106 sa 108 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, dawn ir-rabtiet kienu tali li setgħu jitqiesu li jikkostitwixxu wieħed mill-elementi li fuqhom il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha sabiex turi li l-appellanti kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ Prysmian.

    90

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-aġir tas-sussidjarja jista’ jiġi dedott minn sensiela ta’ elementi konkordanti, anki jekk ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħud waħdu, ma huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali influwenza.

    91

    It-tieni, fir-rigward tal-allegata evalwazzjoni inkoerenti tal-provi mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi osservat li l-argument tal-appellanti jirrigwarda l-punti 108 u 136 tas-sentenza appellata. Fil-punt 108 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li s-sempliċi fatt li dan il-bord tad-diretturi evalwa wħud mid-diretturi tiegħu bħala indipendenti, jew li ppubblika tali evalwazzjoni fir-rapporti ta’ governanza korporattiva, kif tallega l-appellanti, ma jistax, fih innifsu, jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dawn l-istess diretturi ma waqfux milli jkollhom rabtiet mal-appellanti. B’hekk, il-Qorti Ġenerali essenzjalment indikat li l-evalwazzjonijiet tal-bord tad-diretturi setgħu jiġu miċħuda mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni. Issa, din l-evalwazzjoni ma hija bl-ebda mod inkoerenti mal-kunsiderazzjoni, magħmula fil-punt 136 tas-sentenza appellata, u li tirrigwarda kumment deskritt f’minuti formali tal-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, li tgħid li tali dokument kien intiż li jirriproduċi l-kummenti li l-parteċipanti fl-imsemmi bord kienu xtaqu li jiġu ddokumentati.

    92

    It-tielet, għal dak li jirrigwarda l-allegata inverżjoni tal-oneru tal-prova, fir-rigward tar-rwol tal-amministraturi inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fil-punt 106 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, wara li evalwat il-provi invokati mill-Kummissjoni u kkonkludiet li r-rabtiet personali sostnuti minn dawn il-provi kienu jikkostitwixxu element rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-appellanti kinitx teżerċita kontroll effettiv fuq Prysmian, illimitat ruħha, essenzjalment, li tikkonstata li l-appellanti ma rnexxilhiex tikkontesta din il-konklużjoni.

    93

    Ir-raba’, għal dak li jirrigwarda l-argument tal-appellanti li jgħid li mill-ġurisprudenza jirriżulta li kumulu ta’ funzjonijiet biss ipoġġi neċessarjament lill-kumpannija omm f’sitwazzjoni li tinfluwenza b’mod determinanti l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq u li tali sitwazzjoni ma teżistix f’dan il-każ, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta, hekk kif il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ entità ekonomika kkostitwita mill-kumpannija omm u mis-sussidjarja tagħha tista’ tinħoloq, mhux biss mir-relazzjonijiet formali bejn it-tnejn, iżda wkoll b’mod informali, b’mod partikolari minħabba r-rabtiet personali li jeżistu bejn l-entitajiet legali li jifformaw tali unità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje, C‑440/11 P, EU:C:2013:514, punt 68).

    94

    Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li rabtiet personali bejn żewġ kumpanniji jistgħu jkunu rilevanti, f’dan ir-rigward, biss fil-każ ta’ kumulu ta’ funzjonijiet. Fil-fatt, ir-rilevanza ta’ tali rabtiet personali tinsab fil-fatt li dawn jistgħu jissuġġerixxu li persuna, minkejja li tkun attiva għal kumpannija partikolari, issegwi effettivament, fid-dawl tar-rabtiet tagħha ma’ kumpannija oħra, l-interessi ta’ din tal-aħħar. Issa, dan jista’ jkun il-każ ukoll meta persuna, li tkun tinsab fil-bord tad-diretturi ta’ kumpannija, tkun marbuta ma’ kumpannija oħra permezz ta’ “servizzi ta’ konsulenza preċedenti” jew ta’ “kuntratti ta’ konsulent”, kif il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 106 tas-sentenza appellata.

    95

    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li tali rabtiet personali jistgħu, bħala prinċipju, ikunu rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk kumpannija omm tistax teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq.

    96

    Il-ħames, għal dak li jirrigwarda l-argumenti l-oħra invokati mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni aggravju, jidher li, permezz ta’ dawn l-argumenti kollha, l-appellanti fir-realtà sempliċement tikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-provi rilevanti f’dan il-każ u għalhekk tfittex li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja s-sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha.

    97

    Issa, kif tfakkar fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi u li l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    98

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li meta appellant jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, huwa għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni, C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    99

    Ċertament, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-bord tad-diretturi ta’ Prysmian, li jikkonfermaw li d-diretturi indipendenti sedenti f’dan il-bord kienu verament indipendenti. Madankollu, l-appellanti naqset milli turi kif il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi inkwistjoni.

    100

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li dan il-bord ta’ diretturi evalwa wħud mid-diretturi tiegħu bħala indipendenti, jew li ppubblika tali evalwazzjoni fir-rapporti ta’ governanza korporattiva, ma jistax, fih innifsu, jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dawn l-istess diretturi ma waqfux milli jkollhom rabtiet mal-appellanti.

    101

    Peress li, konsegwentement, ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi ma ġie stabbilit mill-appellanti, l-argument tagħha intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi mill-Qorti Ġenerali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    102

    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

    103

    Għal dak li jirrigwarda t-talba tal-appellanti sabiex jingħatalha l-benefiċċju ta’ kull tnaqqis tal-multa mogħti lil Prysmian u lil PrysmianCS, billi jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha in solidum ma’ dawn tal-aħħar, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell ippreżentat mill-imsemmija kumpanniji mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Lulju 2018, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni (T‑475/14, EU:T:2018:448), huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il-Kummissjoni (C‑601/18 P, EU:C:2020:751).

    104

    Konsegwentement, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    105

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    106

    Peress li l-appellanti tilfet fl-aggravji tagħha, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati kemm l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

    107

    Skont l-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura fl-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    108

    Peress li Prysmian u PrysmianCS ipparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi deċiż li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    The Goldman Sachs Group Inc. hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    3)

    Prysmian SpA u Prysmian Cavi e Sistemi Srl għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top