EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0575

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta’ Lulju 2020.
Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri – Talba sabiex jinħelsu milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi proprji – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ittra tal-Kummissjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’ – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Unjoni.
Kawża C-575/18 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:530

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Appell – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri – Talba sabiex jinħelsu milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni riżorsi proprji – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ittra tal-Kummissjoni Ewropea – Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’ – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑575/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2018,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn O. Serdula, J. Vláčil u M. Smolek, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman, C. S. Schillemans, L. Noort u H. S. Gijzen kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn M. Owsiany-Hornung u Z. Malůšková, u sussegwentement minn Z. Malůšková kif ukoll minn J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, K. Jürimäe (Relatur), N. Piçarra u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (T‑147/15, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2018:395), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tad-Direttorat “Riżorsi proprji u programmazzjoni finanzjarja” tad-Direttorat Ġenerali tal-Baġit tal-Kummissjoni Ewropea li tinsab fl-ittra bir-referenza Ares (2015) 217973, tal‑20 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Deċiżjonijiet 2000/597/KE, Euratom u 2007/436/KE, Euratom

2

Fir-rigward tal-perijodu kkonċernat mill-fatti li wasslu għall-kawża, ġew applikati suċċessivament żewġ deċiżjonijiet dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2000, L 253, p. 42), imbagħad, mill-1 ta’ Jannar 2007, id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom tal-Kunsill, tas‑7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2007, L 163, p. 17).

3

Skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2000/597 li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment riprodott fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436, id-dħul li ġej, b’mod partikolari, mid-“dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri” jikkostitwixxi riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4

L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjonijiet Nri 2000/597 u 2007/436 jipprovdu, b’mod partikolari, minn naħa, li dawn ir-riżorsi proprji tal-Unjoni għandhom jinġabru mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi nazzjonali, li, fejn xieraq għandhom jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom ipoġġu l-imsemmija riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

Ir-Regolament 1150/2000

5

Ir-regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplementa d-Deċiżjoni 2007/436 (ĠU 2000, L 130, p. 1), huwa r-riżultat ta’ żewġ emendi introdotti, matul il-perijodu kkonċernat mill-fatti li wasslu għall-kawża, rispettivament, b’effett mit‑28 ta’ Novembru 2004, bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2028/2004 tas‑16 ta’ Novembru 2004 (ĠU 2004, L 352, p. 1), u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 105/2009 tas‑26 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, L 36, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1150/2000”).

6

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji jitqies li huwa stabbilit malli jiġu ssodisfatti l-kondizzjonijiet previsti mill-leġiżlazzjoni doganali rigward it-teħid inkonsiderazzjoni tal-ammont tal-intitolament u n-notifikazzjoni ta’ dan lill-persuna responsabbli għall-ħlas.

7

L-Artikolu 6(1), u (3)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Kontijiet għar-riżorsi tagħha proprji għandhom jinżammu mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skond it-tipi ta’ riżorsi.

[…]

3.   

(a)

Intitolamenti stabbiliti bi qbil ma’ l-Artikolu 2 għandhom, bla ħsara għall-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, jiddaħlu fil-kontijiet mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xhar tax-xahar ta’ wara li matulu l-intitolament ikun stabbilit.

(b)

Intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet msemmija fil-punt (a), għaliex ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta għandhom jintwerew f’kontijiet separati matul il-perijodu preskritt fil-punt (a). Stati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta jkunu ġew sfidatati u jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil.”

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.”

9

Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess regolament:

“Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir taħt l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni [2007/436], id-dħul tar-riżorsi proprji msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fih l-intitolament ikun ġie stabbilit taħt l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Madanakollu, għal intitolamenti murija f’kontijiet separati taħt l-Artikolu 6(3)(b) ta’ dan ir-Regolament, id-dħul għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-19-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li fih l-intitolamenti jkunu rkuprati.”

10

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi moratorji.

11

L-Artikolu 17(1) sa (4) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammont korrispondenti ta’ l-intitolament stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 2 isir magħmul disponibbli lill-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal drittijiet stabbiliti li jirriżultaw irrekuperabbli minħabba:

(a)

raġunijiet ta’ force majeure; jew

(b)

raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu dikjarati irrekuperabbli b’deċiżjoni ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perijodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skond l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

Jekk ikunu ġew riċevuti ħlasijiet jew ħlasijiet parzjali, il-perjodu ta’ ħames snin massimu għandu jibda mid-data tal-aħħar ħlas li jkun sar, fejn dan ma jkunx temm id-dejn.

L-ammonti dikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jiġu mneħħija b’mod definittiv mill-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b). Għandhom jintwerew f’anness mad-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(4)(b) u, fejn applikabbli, fid-dikjarazzjoni trimestrali msemmija fl-Artikolu 6(5).

3.   Fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 2 jew skond il-limiti ta’ żmien imsemmija f’dak il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar dawk il-każijiet fejn il-paragrafu 2 ġie applikat sakemm id-drittijiet stabbiliti involuti jaqbżu l-€50000.

[…]

4.   Il-Kummissjoni għandha sitt xhur minn meta tirċievi r-rapport previst fil-paragrafu 3 biex tibgħat il-kummenti tagħha lill-Istat Membru konċernat.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

12

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 1 sa 9 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

13

Fit‑30 ta’ Mejju 2008, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) adotta rapport finali wara investigazzjoni dwar verifiki relatati mal-importazzjoni ta’ lajters tal-but li joriġinaw mil-Laos, matul il-perijodu bejn is-snin 2004 u 2007.

14

L-imsemmi rapport kien jindika li “l-provi tal-oriġini Ċiniża stabbiliti matul il-missjoni ta’ spezzjoni [kienu] biżżejjed sabiex l-Istati Membri jiftħu proċedura amministrattiva ta’ aġġustament fiskali”. Skont l-imsemmi rapport, kien neċessarju “li l-Istati Membri jwettqu awditi ta’ monitoraġġ u, jekk ikun il-każ, investigazzjonijiet fuq l-importaturi kkonċernati u li jiftħu, b’urġenza, proċedura ta’ rkupru. Jekk dan mhux diġà sar”.

15

Il-konklużjonijiet tal-istess rapport kienu jirrigwardaw 28 każ ta’ importazzjoni ta’ merkanzija, fir-Repubblika Ċeka. L-uffiċċji doganali Ċeki kompetenti ħadu miżuri sabiex jipproċedu għall-aġġustament u għall-irkupru tat-taxxa f’dawn il-każijiet.

16

Madankollu, ma kienx possibbli, fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet, li jsir l-aġġustament fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tal-verżjoni Ċeka tar-rapport tal-OLAF.

17

Bejn ix-xahar ta’ Novembru 2013 u x-xahar ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika Ċeka, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, daħħlet, fis-sistema ta’ informazzjoni WOMIS (Write-Off Management and Information System), il-każijiet ta’ impossibbiltà ta’ rkupru tal-ammont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

18

Fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2014, ir-Repubblika Ċeka, fuq talba tal-Kummissjoni, ikkomunikat informazzjoni addizzjonali lil din tal-aħħar.

19

Permezz tal-ittra kontenzjuża, id-Direttur tad-Direttorat “Riżorsi Proprji u Programmazzjoni Finanzjarja” tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni informa lill-awtoritajiet Ċeki li l-kundizzjonijiet għad-dispensa mill-obbligu tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, ma kienu ssodisfatti fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet. Huwa stieden lill-awtoritajiet Ċeki sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex il-kont tal-Kummissjoni jiġi kkreditat bl-ammont ta’ CZK 53976340 (koruni Ċeki) (madwar EUR 2112708) (iktar ’il quddiem l-“ammont inkwistjoni”), mhux iktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol wara d-dsatax-il ġurnata tat-tieni xahar wara x-xahar li fih intbagħtet din l-ittra. Huwa żied li kwalunkwe dewmien iwassal għall-ħlas ta’ interessi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

20

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni allegatament inkluża fl-ittra kontenzjuża.

21

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba li l-ittra kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament. Ir-Repubblika Ċeka ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni.

22

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika Slovakka talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti Ġenerali, wara li ġabret l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Kummissjoni, issospendiet il-proċeduri quddiemha sad-deċiżjonijiet li jtemmu l-istanza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni (C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800), kif ukoll Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (C‑599/15 P, EU:C:2017:801). Il-proċeduri tkomplew wara li ngħataw dawn is-sentenzi. Ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni ġew mistiedna jesprimu ruħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan.

24

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Ċeka bħala inammissibbli, sa fejn dan kien dirett kontra att li ma setax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, mingħajr ma ddeċidiet fuq it-talba għal intervent tar-Repubblika Slovakka.

Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-aggravji tal-partijiet

25

Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tar-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

27

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Jannar 2019, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka.

28

Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

29

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka tqajjem aggravju wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

30

Permezz ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Ċeka essenzjalment issostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali tagħti x’tifhem fil-punti 81 et seq tad-digriet appellat, hija ma għandha l-ebda rimedju effettiv li jippermettilha tikseb stħarriġ ġudizzjarju tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-tilwima bejnha u din l-istituzzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ obbligu li hija għandha li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar l-ammont inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara ammissibbli r-rikors fl-ewwel istanza, sabiex tiggarantilu protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

31

Preliminarjament, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li, meta l-Kummissjoni tistieden lil Stat Membru jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha ammont ta’ riżorsi proprji permezz ta’ dokument bħall-ittra kontenzjuża, dan l-Istat Membru huwa, de facto, obbligat li jħallas, fit-terminu stabbilit, l-ammont mitlub, minkejja r-riżervi li jagħmel fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni. Fil-fatt, billi jirrifjuta li jqiegħed dan l-ammont għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni, l-imsemmi Stat Membru jkun f’riskju li jkollu jħallas, minbarra l-ammont prinċipali, l-interessi moratorji fil-każ li, wara l-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni. L-ammont ta’ dawn l-interessi jiddependi, fil-prattika, fuq it-terminu li fih il-Kummissjoni tippreżenta tali rikors u fuq it-tul tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Dan l-ammont jista’ għalhekk ikun għoli ħafna u jikkostitwixxi spejjeż ġudizzjarji eċċessivi għall-Istat Membru kkonċernat.

32

Issa, skont ir-Repubblika Ċeka, l-ewwel nett, Stat Membru ma għandu l-ebda ċertezza li t-tilwima li hija għandha mal-Kummissjoni tiġi eżaminata fuq il-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni sabiex tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tal-assenza ta’ kwalunkwe kundizzjoni ta’ terminu għal dan il-għan. Sa fejn l-aċċess għall-qorti jiddependi, f’dan ir-rigward, fuq ir-“rieda tajba” tal-Kummissjoni, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex iggarantit.

33

Ir-Repubblika Ċeka tqis li s-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk il-Kummissjoni tkun obbligata tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru kkonċernat fl-ipoteżi fejn dan tal-aħħar ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni filwaqt li żied ma’ dan il-ħlas riżervi fir-rigward tal-fondatezza tal-obbligu ta’ ħlas.

34

Madankollu, fl-istat attwali, tali obbligu li jiġi ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu f’każ bħal dan ma jirriżultax mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza ma għandhiex preċiżjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet u tal-effetti ta’ tali tqegħid għad-dispożizzjoni flimkien ma’ riżervi, li jiġġenera stat ta’ inċertezza legali u jikkomprometti d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

35

Barra minn hekk, il-prassi attwali tal-Kummissjoni turi li din l-istituzzjoni ma tqisx ruħha obbligata tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li jkun akkumpanjat minn riżervi.

36

Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li, f’tali każ, ma hemmx iktar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE.

37

Minn dan isegwi li Stat Membru ma għandux aċċess għall-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ħlief billi jirrifjuta li jqiegħed l-ammont mitlub għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u b’hekk jirrisjka li jkollu jħallas interessi moratorji għoljin ħafna fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

38

It-tieni nett, ir-Repubblika Ċeka hija tal-fehma li l-insuffiċjenzi tal-protezzjoni ġudizzjarja tagħha jikkostitwixxu element tal-“kuntest fattwali u ġuridiku” tal-ħruġ tal-ittra kontenzjuża, li huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura kontestabbli ta’ din l-ittra. Issa, fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-kunċetti ta’ “effetti legali vinkolanti” u ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” għandhom jingħataw interpretazzjoni differenti minn dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, sabiex jiġi ggarantit id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

39

Dan ikun iktar u iktar il-każ jekk, minkejja l-passi meħuda mir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni tkompli tirrifjuta li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza f’dan ir-rigward li, mis‑17 ta’ Marzu 2015, hija qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont inkwistjoni, filwaqt li fformulat riżervi dwar il-fondatezza tat-teżijiet ta’ din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2018, li baqgħet mingħajr risposta, dan l-Istat Membru reġa’ tenna lill-imsemmija istituzzjoni r-riżervi tiegħu fir-rigward tal-obbligu tiegħu li jqiegħed dan l-ammont għad-dispożizzjoni u talabha tħallasha lura l-imsemmi ammont jew tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

40

Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, l-ewwel nett, ir-Repubblika Ċeka żiedet li l-ittra kontenzjuża kienet ta’ natura li tipproduċi effetti legali, peress li din kienet tistabbilixxi terminu għall-finijiet tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ammont inkwistjoni, taħt piena ta’ ħlas ta’ interessi moratorji. Issa, il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu huwa differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1150/2000.

41

It-tieni nett, ir-Repubblika Ċeka żiedet li rikors għad-danni għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni lanqas ma jiggarantilha protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stretti li jirregolaw dan ir-rimedju legali.

42

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-ittra kontenzjuża kienet tikkostitwixxi “sempliċi opinjoni legali” jew “sempliċi talba sabiex jagħmel disponibbli” l-ammont inkwistjoni. Fil-fatt, din l-ittra kienet intiża sabiex tipproduċi effetti legali peress li imponiet fuq ir-Repubblika Ċeka obbligi ġodda billi ffissat, b’mod awtonomu, data li minnha huma dovuti l-interessi moratorji.

43

Barra minn hekk, rikors intiż għall-annullament ta’ tali att u rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jistgħu jikkoeżistu. L-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, kontra atti bħalma hija l-ittra kontenzjuża tikkostitwixxi “lakuna” fil-protezzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri.

44

Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi żied li żewġ soluzzjonijiet jippermettu li din il-lakuna tiġi rrimedjata. L-ewwel soluzzjoni tikkonsisti fil-kunsiderazzjoni li, meta Stat Membru jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, filwaqt li jesprimi riżervi fir-rigward tal-obbligu tiegħu li jipproċedi b’dan il-mod, din l-istituzzjoni tkun obbligata tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru. Tali obbligu jista’ jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ kooperazzjoni leali. It-tieni soluzzjoni hija dik li tippermetti lil Stat Membru jippreżenta, quddiem il-Qorti Ġenerali, azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika l-preferenza tiegħu għall-ewwel waħda, peress li kellha dubji dwar l-adegwatezza tat-tieni waħda.

45

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-aggravju uniku mqajjem mir-Repubblika Ċeka.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46

Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jitqiesu li huma “atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu xi effetti legali vinkolanti (sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali fakkret din il-ġurisprudenza fil-punti 31 u 35 tad-digriet appellat. Skont l-imsemmija ġurisprudenza, hija ddeċidiet, fil-punt 64 ta’ dan id-digriet, li l-ittra kkontestata ma setgħetx tipproduċi effetti legali. Hija waslet għal din il-konklużjoni wara, minn naħa, analiżi, żviluppata fil-punti 36 sa 56 tal-imsemmi digriet, dwar il-kuntest tal-ħruġ ta’ din l-ittra u dwar is-setgħat li l-Kummissjoni għandha fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2007/436, kif ukoll tal-Artikolu 2(1), tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 17(1) sa (4) tar-Regolament Nru 1150/2000, u, min-naħa l-oħra, ta’ eżami, imwettaq fil-punti 57 sa 63 tal-istess digriet.

49

Fil-kuntest tal-uniku aggravju mqajjem insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ċeka la tikkontesta l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-dispożizzjonijiet magħquda tad-Deċiżjoni 2007/436 u tar-Regolament Nru 1150/2000, u lanqas l-analiżi tal-kontenut tal-ittra kontenzjuża u tal-kuntest tal-ħruġ tagħha.

50

Ir-Repubblika Ċeka madankollu tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet ir-rikors għal annullament tagħha bħala inammissibbli minkejja li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali tagħti x’tifhem fil-punti 81 et seq tad-digriet appellat, hija ma għandha l-ebda rimedju legali ieħor li jippermettilha tikseb stħarriġ ġudizzjarju tal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fit-tilwima bejnha u din l-istituzzjoni dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar tal-ammont inkwistjoni. Skont ir-Repubblika Ċeka, in-nuqqasijiet tal-protezzjoni ġudizzjarja tagħha jikkostitwixxu element ta’ kuntest li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura kontestabbli tal-ittra kontenzjuża.

51

F’dawn il-punti tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tar-Repubblika Ċeka ppreżentat quddiemha u bbażat fuq id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Minn naħa, fil-punt 81 ta’ dan id-digriet, hija fakkret, essenzjalment, li interpretazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-kundizzjoni dwar il-produzzjoni, mill-att ikkontestat, ta’ effetti legali vinkolanti ma tistax twassal sabiex titwarrab din il-kundizzjoni. Min-naħa l-oħra, fil-punti 82 sa 86 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali indikat li kien possibbli għar-Repubblika Ċeka kemm li ma tilqax l-ittra kontenzjuża, sakemm il-Kummissjoni tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kif ukoll li tagħmel disponibbli l-ammont inkwistjoni filwaqt li tifformula riżervi dwar il-fondatezza tal-argument difiż mill-Kummissjoni.

52

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 81 tad-digriet appellat, li, skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 2) u ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li l-kundizzjoni dwar l-effetti legali vinkolanti għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan id-dritt ma għandux l-għan li jbiddel is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari, ir-regoli marbuta mal-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” fid-dawl tal-imsemmi Artikolu 47 ma tistax twassal biex twarrab din il-kundizzjoni mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi attribwiti mit-Trattat FUE lill-qrati tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Issa, dan ikun preċiżament il-każ jekk Stat Membru jkun jista’ jippreżenta rikors għal annullament kontra ittra li ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, sa fejn, fid-dawl tal-kontenut tagħha, fil-kuntest tal-ħruġ tagħha u tas-setgħat tal-istituzzjoni li minnha toriġina, din ma tkunx ta’ natura li tipproduċi effetti legali vinkolanti, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 36 sa 64 tad-digriet appellat, mingħajr ma dawn l-elementi ta’ analiżi jitqiegħdu f’dubju mir-Repubblika Ċeka.

54

L-iktar l-iktar, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-Repubblika Ċeka sostniet, bħar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fin-nota ta’ intervent tagħha, li l-ittra kontenzjuża kienet ta’ natura li tipproduċi effetti legali peress li kienet tistabbilixxi terminu għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ammont inkwistjoni taħt piena ta’ ħlas ta’ interessi moratorji. Madankollu, min-natura tagħha, l-indikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ terminu bħal dan ma tistax tipproduċi effetti legali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000 li kull dewmien fir-reġistrazzjonijiet fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi applikabbli għall-perijodu kollu ta’ dewmien, indipendentement mir-raġuni għad-dewmien u mit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑442/08, EU:C:2010:390, punti 9395, kif ukoll tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 62).

55

Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika Ċeka li jgħid li hemm lok li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament tagħha jikkontradixxi l-karatteristiċi tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjonijiet 2000/597 u 2007/436 jirriżulta li r-riżorsi proprji tal-Unjoni msemmija, rispettivament, fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2000/597 u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2007/436 għandhom jinġabru mill-Istati Membri u li dawn għandhom l-obbligu li jqiegħdu dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 34).

57

Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jikkonstataw dritt tal-Unjoni għar-riżorsi proprji malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu “rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur”. L-Istati Membri huma, konsegwentement, obbligati li jinkludu d-drittijiet ikkonstatati konformement mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament fil-kontijiet tar-riżorsi proprji tal-Unjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑442/08, EU:C:2010:390, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 6(3)(b) tal-istess regolament, dritt ikkonstatat li għadu ma ġiex irkuprat u li għalih ebda garanzija ma ġiet ipprovduta għandu jiġi rreġistrat f’kontijiet separati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali), C‑304/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:601, punt 52).

58

L-Istati Membri għandhom imbagħad iqiegħdu r-riżorsi proprji tal-Unjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1150/2000, billi jinkluduhom, fl-osservanza tat-termini previsti, fil-kreditu tal-kont miftuħ għal dan il-għan f’isem din l-istituzzjoni. Skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament, kull dewmien fid-dħul f’dan il-kont jagħti lok għall-ħlas, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ interessi moratorji.

59

Konsegwentement teżisti rabta indiviżibbli bejn l-obbligu li jiġu kkonstatati r-riżorsi proprji tal-Unjoni, dak li jiġu rreġistrati fil-kont tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti u dak li jitħallsu l-interessi moratorji (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 303/84, EU:C:1986:140, punt 11), b’tali mod li dawn tal-aħħar ikunu dovuti tkun xi tkun ir-raġuni għad-dewmien li bih dawn ir-riżorsi jkunu ddaħħlu fil-kont tal-Kummissjoni (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑442/08, EU:C:2010:390, punt 93).

60

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex l-ammonti li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. L-Istati Membri huma eżentati minn dan biss jekk l-irkupru ma jkunx seta’ jiġi effettwat għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew meta jidher li huwa definittivament impossibbli li wieħed jipproċedi għall-irkupru għar-raġunijiet li ma jistgħux jiġu imputati lilhom. L-ammonti ddikjarati jew ikkunsidrati bħala irrekuperabbli għandhom jiġu mneħħija b’mod definittiv mill-kontijiet separati msemmija fl-Artikolu 6(3)(b) tal-imsemmi regolament.

61

F’dan il-kuntest, mill-Artikolu 17(3) u (4) tar-Regolament Nru 1150/2000 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-każijiet ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, dment li l-ammont tad-drittijiet ikkonstatati inkwistjoni jaqbeż EUR 50000. Il-Kummissjoni għandha sitt xhur minn meta tirċievi r-rapport previst fil-paragrafu 3 biex tibgħat il-kummenti tagħha lill-Istat Membru konċernat. Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 46 sa 50 tad-digriet appellat, mingħajr ma dan ġie kkontestat fl-appell, tali osservazzjonijiet ma għandhom l-ebda valur vinkolanti u għandhom jitqiesu bħala sempliċi opinjoni espressa mill-Kummissjoni.

62

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-ġestjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni hija fdata lill-Istati Membri u taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva ta’ dawn tal-aħħar. B’hekk, l-obbligi ta’ ġbir, ta’ konstatazzjoni u ta’ reġistrazzjoni fil-kont ta’ dawn ir-riżorsi proprji huma imposti direttament fuq l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjonijiet 2000/597 u 2007/436 kif ukoll tar-Regolament Nru 1150/2000, u dan minkejja li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa deċiżjonali li jippermettilha tordna lill-Istati Membri jikkonstataw u li jpoġġu għad-dispożizzjoni tagħha ammonti ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 64).

63

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jilqax proposta maħruġa mill-Kummissjoni fil-punt 13.3 tal-proposta tagħha għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 1150/2000, ippreżentata fl-1 ta’ Lulju 2003 [COM (2003) 366 finali], u li jipprevedi li jagħti lill-Kummissjoni kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni motivata meta din tqis li l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 ma humiex issodisfatti.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ftuħ tar-rikors għal annullament, issuġġerit mir-Repubblika Ċeka, kontra ittra, bħall-ittra kontenzjuża, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-fondatezza tal-obbligu, għal dan l-Istat Membru, li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont inkwistjoni, iwassal sabiex tiġi injorata s-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni kif prevista fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tbiddel l-għażla magħmula, f’dan ir-rigward, mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

65

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 82 sa 86 tad-digriet appellat, għandu jiġi rrilevat li, konformement mar-rwol ta’ gwardjan tat-Trattati mogħti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(1) TUE, hija din l-istituzzjoni li għandha tiżgura l-eżekuzzjoni tajba, mill-Istati Membri, tal-obbligi tagħhom fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

66

Fit-twettiq ta’ din il-missjoni, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi jekk huwiex opportun li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE, meta tqis li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Richardson, C‑137/94, EU:C:1995:342, punt 35, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑456/05, EU:C:2007:755, punt 25).

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru li jonqos milli jistabbilixxi l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji u milli jqiegħed l-ammont korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma tkun issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjonijiet 2000/597 u 2007/436 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 68; tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑19/05, EU:C:2007:606, punt 32, kif ukoll tat‑3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑60/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:219, punt 50).

68

Minn dan isegwi li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tilwima, tilwima kontra Stat Membru fir-rigward tal-obbligu tiegħu li jqiegħed ċertu ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni hija inerenti għas-sistema ta’ dawn ir-riżorsi proprji, kif attwalment ikkonċepit fid-dritt tal-Unjoni.

69

Huwa minnu li, kif sostniet ir-Repubblika Ċeka, l-Istat Membru li, peress li ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-obbligu tiegħu li jqiegħed ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni, jonqos milli jwettaq dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni, jesponi ruħu għal interessi moratorji fil-każ ta’ konstatazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

70

Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta essenzjalment mill-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, huwa anċillari meta mqabbel mal-obbligu li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji tal-Unjoni b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tat-termini stabbiliti mill-imsemmi regolament.

71

Konsegwentement, kienet b’mod żbaljat li r-Repubblika Ċeka, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, assimilat l-interessi moratorji li Stat Membru jista’ jkun obbligat iħallas fil-kuntest tas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni ma’ spejjeż ġudizzjarji li, fil-fehma tagħha, jistgħu jostakolaw l-aċċess għall-ġustizzja.

72

It-tieni nett, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tad-digriet appellat, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Stat Membru jista’ jevita l-konsegwenzi finanzjarji dannużi kkostitwiti mill-interessi moratorji, li l-ammont tagħhom jista’ jkun għoli, billi jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont mitlub minnha, filwaqt li jifformula riżervi dwar il-fondatezza tal-argumenti ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑96/89, EU:C:1991:213, punt 17, u tat‑12 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑359/97, EU:C:2000:426, punt 31).

73

Fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni flimkien ma’ tali riżervi, il-Kummissjoni għandha, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE, tiftaħ djalogu kostruttiv mal-Istat Membru kkonċernat sabiex tikkjarifika l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom u tiddetermina l-obbligi ta’ dan l-Istat Membru.

74

Fil-każ ta’ falliment ta’ dan id-djalogu bejn l-imsemmi Stat Membru u l-Kummissjoni, din l-istituzzjoni tista’, kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar fil-kuntest ta’ din il-kawża, tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-istess Stat Membru fir-rigward tal-obbligi tiegħu ta’ ġbir, ta’ konstatazzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

75

Fil-fatt, kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni jkun suġġett għal riżervi jiġġustifika l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ li jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat kien effettivament obbligat li jagħmel dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni.

76

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni f’kawża li fiha l-Istat Membru konvenut kien ipproċeda bit-tqegħid għad-dispożizzjoni riżorsi proprji tal-Unjoni flimkien akkumpanjat minn riżervi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑442/08, EU:C:2010:390, punt 51).

77

Madankollu, kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mir-Repubblika Ċeka, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, meta Stat Membru jagħmel tqegħid għad-dispożizzjoni li jkun akkumpanjat minn riżervi, il-Kummissjoni ma tistax madankollu tkun obbligata tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru.

78

Fil-fatt, tali obbligu ikun kuntrarju għall-istruttura tal-Artikolu 258 TFUE, li minnha jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda għandha setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni, 247/87, EU:C:1989:58, punt 11).

79

B’hekk, Stat Membru ma jistax jirrikjedi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, akkumpanjat minn riżervi, isir bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tobbliga ruħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan is-sens, diriet tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑163/06 P, EU:C:2007:371, punt 44).

80

Minn dan isegwi li, minħabba s-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni, ir-rimedju għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma joffri ebda garanzija lill-Istat Membru kkonċernat li jara li l-qorti tiddeċiedi t-tilwima kontra din l-istituzzjoni dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jingħad ukoll li, meta Stat Membru jkun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni billi jifformula riżervi fir-rigward tal-fondatezza tal-pożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni u meta l-proċedura ta’ djalogu msemmija fil-punt 73 ta’ din is-sentenza ma tkunx ippermettiet li tintemm it-tilwima bejn dan l-Istat Membru u l-imsemmija istituzzjoni, huwa possibbli għall-imsemmi Stat Membru li jitlob kumpens minħabba arrikkiment indebitu tal-Unjoni u, jekk ikun il-każ, li jadixxi lill-Qorti Ġenerali b’rikors għal dan l-iskop.

82

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont il-prinċipji komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, persuna li sofriet telf li jtejjeb l-assi ta’ persuna oħra mingħajr l-eżistenza ta’ bażi ġuridika għal dan l-arrikkiment, għandha, bħala regola ġenerali, dritt għal restituzzjoni, f’ammont ugwali għal dan it-telf, mill-persuna arrikkita. Fil-fatt, għalkemm it-Trattat FUE ma jipprevedix b’mod espliċitu rimedju ġudizzjarju għal dan it-tip ta’ azzjoni, interpretazzjoni tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li teskludi din il-possibbiltà twassal għal riżultat li jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni, ippreżentata abbażi ta’ dawn l-artikoli, tirrikjedi l-prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-konvenut kif ukoll prova ta’ ftaqir tar-rikorrenti marbut mal-imsemmi arrikkiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punti 4446 sa 50).

83

Fil-kuntest tal-eżami ta’ tali azzjoni, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, b’mod partikolari, jekk il-ftaqir tal-Istat Membru rikorrenti, li jikkorrispondi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li dan l-Istat Membru kkontesta, u l-arrikkiment korrelattiv ta’ din l-istituzzjoni, humiex iġġustifikati mill-obbligi imposti fuq l-imsemmi Stat Membru skont id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni jew humiex, għall-kuntrarju, imċaħħda minn tali ġustifikazzjoni.

84

Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-Repubblika Ċeka, sostnuta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tallega li Stat Membru ma għandu l-ebda protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, mal-Kummissjoni, fir-rigward tal-obbligi tiegħu fil-qasam tar-riżorsi proprji tal-Unjoni.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-aggravju uniku mqajjem mir-Repubblika Ċeka jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

86

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

87

Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet fir-rigward tal-aggravju uniku tagħha, hemm lok li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

88

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli wkoll għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn tal-aħħar, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

89

Għaldaqstant, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Slovakka għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Il-lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top