This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0565
Judgment of the Court (Second Chamber) of 30 April 2020.#Société Générale S.A. v Agenzia delle Entrate – Direzione Regionale Lombardia Ufficio Contenzioso.#Request for a preliminary ruling from the Commissione Tributaria Regionale per la Lombardia.#Reference for a preliminary ruling – Article 63 TFEU – Free movement of capital – Financial transaction tax – Transactions involving derivative financial instruments based on a security issued by a company resident in the Member State of taxation – Tax due irrespective of the place of conclusion of the transaction – Administrative and reporting obligations.#Case C-565/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ April 2020.
Société Générale SA vs Agenzia delle Entrate – Direzione Regionale Lombardia Ufficio Contenzioso.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Commissione Tributaria Regionale per la Lombardia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji – Tranżazzjonijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji derivati li għandhom titolu sottostanti maħruġ minn kumpannija residenti fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni – Taxxa dovuta indipendentement mill-post ta’ konklużjoni tat-tranżazzjoni – Obbligi amministrattivi u dikjarattivi.
Kawża C-565/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ April 2020.
Société Générale SA vs Agenzia delle Entrate – Direzione Regionale Lombardia Ufficio Contenzioso.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Commissione Tributaria Regionale per la Lombardia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji – Tranżazzjonijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji derivati li għandhom titolu sottostanti maħruġ minn kumpannija residenti fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni – Taxxa dovuta indipendentement mill-post ta’ konklużjoni tat-tranżazzjoni – Obbligi amministrattivi u dikjarattivi.
Kawża C-565/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:318
*A9* Commissione Tributaria Regionale per la Lombardia, Sezione 1, Ordinanza 02/07/2018 (R.G.A. 17/2017 - C.T.P. MI 4334/8/2016)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
30 ta’ April 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji – Tranżazzjonijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji derivati li għandhom titolu sottostanti maħruġ minn kumpannija residenti fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni – Taxxa dovuta indipendentement mill-post ta’ konklużjoni tat-tranżazzjoni – Obbligi amministrattivi u dikjarattivi”
Fil-Kawża C‑565/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria regionale per la Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali għall-Lombardia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura
Société Générale SA
vs
Agenzia delle Entrate – Direzione Regionale Lombardia Ufficio Contenzioso,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Société Générale SA, minn D. Conti, M. Gusmeroli u C. Romano, avvocati, kif ukoll minn M. Gusmeroli, dottore commercialista, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u F. Tomat, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 56 u 63 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Société Générale SA (iktar ’il quddiem “Société Générale”) u, min-naħa l-oħra, l-Agenzia delle Entrate – Direzione Regionale Lombardia Ufficio Contenzioso (l-Amministrazzjoni Fiskali — Direttorat Reġjonali tal-Lombardia, Dipartiment tal-Kontenzjuż, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”), dwar talba għal rimbors ta’ taxxa mħallsa minn Société Générale fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji li għandhom bħala suġġett tranżazzjonijiet finanzjarji derivati. |
Id-dritt Taljan
3 |
L-Artikolu 1 tal-legge n. 228 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (Legge di stabbilita 2013) (il-Liġi Nru 228, dwar id-dispożizzjonijiet għall-istabbiliment tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (il-Liġi ta’ Stabbiltà 2013)), tal‑24 ta’ Diċembru 2012 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad‑29 ta’ Diċembru 2012, Nru 212, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 228/2012”), jipprovdi, fil-paragrafi 491, 492 u 494 tagħha: “491. It-trasferiment ta’ sjieda ta’ azzjonijiet u ta’ strumenti finanzjarji oħra parteċipanti […], maħruġa minn kumpanniji residenti fit-territorju tal-Istat, kif ukoll it-titoli li jirrappreżentaw dawn l-istrumenti, irrispettivament mill-Istat ta’ residenza tal-entità emittenti, huma suġġetti għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji bir-rata ta’ 0.2 % tal-valur tat-tranżazzjoni. It-trasferiment tas-sjieda ta’ azzjonijiet li jirriżulta mill-konverżjoni ta’ bonds huwa wkoll suġġett għat-taxxa msemmija hawn fuq. […] It-taxxa hija dovuta indipendentement mill-post tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni u tal-Istat ta’ residenza tal-partijiet kontraenti. […] 492. It-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw strumenti finanzjarji derivati previsti fl-Artikolu 1(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 58, tal‑24 ta’ Frar 1998, kif emendata, li għandhom bħala l-istrument sottostanti tagħhom wieħed jew iktar mill-istrumenti finanzjarji previsti fil-paragrafu 491, jew li l-valur tagħhom jiddependi essenzjalment minn strument finanzjarju wieħed jew iktar imsemmija fl-istess paragrafu, u tranżazzjonijiet f’titoli previsti fl-Artikolu 1(1-bis, punti (c) u (d), tal-istess digriet leġiżlattiv, li jippermetti x-xiri jew il-bejgħ prinċipalment ta’ strument finanzjarju wieħed jew iktar imsemmija fil-paragrafu 491 jew li jinvolvu ħlas fi flus kontanti ddeterminat prinċipalment fir-rigward ta’ strument finanzjarju wieħed jew iktar imsemmi fil-paragrafu preċedenti, inklużi mandati, mandati u ċertifikati koperti, għandhom ikunu suġġetti, fil-ħin ta’ konklużjoni, għal taxxa fissa, iddeterminata skont it-tip ta’ strument u l-valur tal-kuntratt, skont it-Tabella 3 annessa ma’ din il-liġi. It-taxxa hija dovuta indipendentement mill-post ta’ konklużjoni tat-tranżazzjoni u mill-Istat ta’ residenza tal-partijiet kontraenti. Fil-każ fejn it-tranżazzjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza jipprevedu wkoll, bħala mod ta’ regolament, it-trasferiment ta’ azzjonijiet jew ta’ strumenti finanzjarji oħra parteċipanti, it-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà ta’ tali strumenti finanzjarji, li jseħħ fil-mument tat-tranżazzjoni, huwa suġġett għat-taxxa skont il-modalitajiet u sa fejn previst fil-paragrafu 491. […] […] 494. It-taxxa prevista fil-paragrafu 491 hija dovuta miċ-ċessjonarju; dik prevista fil-paragrafu 492 hija dovuta sa fejn huwa stabbilit minn kull waħda mill-kontropartijiet għat-tranżazzjonijiet. It-taxxa prevista fil-paragrafi 491 u 492 ma tapplikax għall-entitajiet li jintervjenu fl-istess operazzjonijiet. Fil-każ ta’ trasferiment ta’ sjieda ta’ azzjonijiet u ta’ strumenti finanzjarji previsti fil-paragrafu 491, kif ukoll għat-tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji previsti fil-paragrafu 492, it-taxxa għandha titħallas mill-banek, il-kumpanniji ta’ trusts u l-impriżi ta’ investiment awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi ta’ investiment u ta’ attivitajiet lill-pubbliku b’mod professjonali […] kif ukoll minn entitajiet oħra li jikkontribwixxu għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, inklużi l-intermedjarji mhux residenti. Meta diversi entitajiet imsemmija fit-tielet sentenza jintervjenu fl-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni, it-taxxa hija dovuta mill-entità li tirċievi l-ordni direttament mix-xerrej jew mill-kontroparti finali. Fil-każijiet l-oħra, it-taxxa titħallas mill-persuna taxxabbli. L-intermedjarji li ma humiex residenti u l-entitajiet l-oħra li jipparteċipaw fit-tranżazzjoni jistgħu jaħtru rappreżentant fiskali […] li huwa responsabbli, taħt l-istess kundizzjonijiet u bl-istess responsabbiltajiet bħall-entità mhux residenti, għall-obbligi relatati mat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi preċedenti. […]” |
4 |
It-Tabella 3, imsemmija fl-Artikolu 1(492) tal-Liġi Nru 228/2012, annessa magħha, intitolata “Tabella: taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji permezz ta’ strument finanzjarju (valur iddenominat f’euro għal kull kontroparti)”, hija fformulata kif ġej:
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
5 |
Fit‑28 ta’ Marzu 2014, Société Générale, stabbilita fi Franza, ippreżentat, permezz tal-fergħa Taljana tagħha, dikjarazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji stabbilita mil-Liġi Nru 228/2012. Abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni, dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa matul is-sena fiskali 2013 mill-kumpannija omm Franċiża, li għandhom bħala suġġett strumenti finanzjarji derivati msemmija fl-Artikolu 1(492) ta’ din il-liġi, l-ammont ta’ din it-taxxa kien jammonta għas-somma ta’ EUR 55207. |
6 |
Fl‑1 ta’ Awwissu 2014, Société Générale talbet lill-amministrazzjoni fiskali r-rimbors tas-somom imħallsa abbażi ta’ din it-taxxa, billi sostniet li l-Liġi Nru 228/2012, sa fejn tipprevedi għat-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mal-kuntratti tad-derivati meta t-titolu sottostanti għal tali strumenti jkun inħareġ minn entità stabbilita fl-Italja, tkun kuntrarja għall-kostituzzjoni Taljana, b’mod partikolari kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza formali u ta’ kapaċità kontributtiva, previsti rispettivament fl-Artikoli 3 u 53 tagħha, kif ukoll għad-dritt internazzjonali konswetudinarju, applikabbli fl-ordinament ġuridiku Taljan, skont l-Artikolu 10 ta’ din il-kostituzzjoni u tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 18, 56 u 63 TFUE. |
7 |
Fit‑28 ta’ Jannar 2015, fl-assenza ta’ risposta mill-amministrazzjoni fiskali, Société Générale ippreżentat rikors quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Milano (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Milano, l-Italja) kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut taċitu, ibbażat fuq l-istess motivi. Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2016, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors, billi qieset li l-Liġi Nru 228/2012 la kienet kontra l-kostituzzjoni u lanqas kontra d-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tal-kostituzzjonalità tal-Artikolu 1(492) ta’ din il-liġi, l-imsemmija qorti qieset li kienet teżisti rabta effettiva u oġġettiva, ta’ natura ekonomika, bejn il-fatt taxxabbli stabbilit minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri n-negozjar li jwassal għall-konklużjoni ta’ strumenti finanzjarji derivati, li jesprimi kapaċità kontributtiva, u l-Istat Taljan, kif ukoll rabta indissolubbli bejn il-valur ta’ tali strument u dak tat-titolu sottostanti. Barra minn hekk, it-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet biss li jikkonċernaw it-titoli sottostanti tista’ twassal għal aġir ta’ evażjoni tat-taxxa u l-prinċipju internazzjonali ta’ territorjalità u ta’ sovranità fiskali ma jkunux inkisru. Fir-rigward tal-eventwali inkompatibbiltà tal-imsemmija liġi mad-dritt tal-Unjoni, din l-istess qorti qieset li dan ma kienx il-każ, fid-dawl tal-assenza ta’ sistemi ta’ tassazzjoni differenti bejn il-persuni taxxabbli Taljani u dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra. |
8 |
Société Générale appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione tributaria regionale per la Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali għall-Lombardia, l-Italja), fejn talbet ir-rimbors tat-taxxa mħallsa abbażi tal-istess argument imressaq quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u, sussidjarjament, ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Corte Costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), kif ukoll, talba għal domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. |
9 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji stabbilita mil-Liġi Nru 228/2012, fl-Artikolu 1(491) sa (500) tagħha, għandha l-għan li tiżgura kontribuzzjoni għall-ispejjeż pubbliċi, fil-kuntest tas-swieq rispettivi tagħhom, tal-entitajiet li jwettqu operazzjonijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji li għandhom rabta mat-territorju Taljan. |
10 |
Din il-qorti ssemmi simetrija bejn il-paragrafi (491) u (492) tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, li tirrigwarda, għall-ewwel wieħed, l-azzjonijiet u l-istrumenti finanzjarji parteċipattivi maħruġa minn kumpanniji stabbiliti fl-Italja kif ukoll it-titoli rappreżentattivi ta’ dawn l-istrumenti u, għat-tieni wieħed, l-istrumenti finanzjarji derivati li għandhom bħala titoli sottostanti wieħed jew iktar mill-azzjonijiet u strumenti msemmija fil-paragrafu 491 ta’ dan l-artikolu, jew li l-valur tagħhom huwa marbut ma’ dawn l-azzjonijiet u strumenti, fejn dawn iż-żewġ paragrafi jipprevedu li l-imsemmija taxxa hija dovuta, għalkemm skont modalitajiet ta’ kalkolu differenti, indipendentment mill-post tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni u tal-Istat ta’ residenza tal-partijiet kontraenti. |
11 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li kull operatur finanzjarju li jwettaq tranżazzjonijiet li għandhom bħala suġġett tali strumenti finanzjarji derivati jibbenefika mill-valur tat-titolu sottostanti, li l-eżistenza tiegħu tiddependi minn dik tal-ordinament ġuridiku Taljan, li fil-kuntest tiegħu huwa rregolat il-ħruġ ta’ dan it-titolu. Għaldaqstant, il-leġiżlatur Taljan jikkunsidra ġustament li teżisti rabta ekonomika indissoċjabbli bejn dawn l-istrumenti u l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru. Din il-qorti żżid li hija ma taqbilx mal-argument ta’ Société Générale li ma teżistix rabta territorjali bejn it-taxxa prevista mill-Artikolu 1(492) tal-Liġi Nru 228/2012 u l-imsemmi ordinament ġuridiku. |
12 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Liġi Nru 228/2012 hijiex konformi mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni sa fejn tissuġġetta għal taxxa kif ukoll għal obbligi amministrattivi u dikjarattivi tranżazzjonijiet imwettqa bejn entitajiet mhux residenti, permezz tal-intermedjazzjoni ta’ entitajiet ukoll mhux residenti, li jirrigwardaw strumenti finanzjarji derivati li t-titoli sottostanti tagħhom inħarġu minn kumpannija residenti, peress li t-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw dawn it-titoli sottostanti huma suġġetti għal taxxa simili. |
13 |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-taxxa prevista fl-Artikolu 1(491) u (492) tal-Liġi Nru 228/2012 tistax toħloq, kif issostni Société Générale, diskriminazzjoni bejn persuni taxxabbli residenti u mhux residenti kif ukoll ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għall-moviment liberu tal-kapital. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria regionale per la Lombardia (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali għall-Lombardia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 18, 56 u 63 TFUE jipprekludu il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tranżazzjonijiet finanzjarji, irrispettivament minn liema jkun l-Istat ta’ residenza tal-operaturi finanzjarji u l-intermedjarju, għal taxxa fuq il-partijiet għall-operazzjoni li hija ugwali għal żieda b’rata fissa u dejjem tikber ta’ valur skont it-tip ta’ strument suġġett għall-operazzjoni u l-valur tal-kuntratt, u li hija dovuta minħabba l-fatt li t-tranżazzjonijiet taxxabbli jikkonċernaw in-negozjati ta’ kuntratt tad-derivattiv li s-sigurtà sottostanti tiegħu tingħata minn kumpannija residenti fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni stess?” |
Fuq id-domanda preliminari
15 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18, 56 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa kif ukoll għal obbligi amministrattivi u dikjarattivi t-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati ma’ strumenti finanzjarji derivati, imposti fuq il-partijiet fit-tranżazzjoni, indipendentement mill-post fejn it-tranżazzjoni hija konkluża jew mill-Istat ta’ residenza ta’ dawn il-partijiet u tal-eventwali intermedjarju li jintervjeni fl-eżekuzzjoni tagħha, peress li dawn l-istrumenti għandhom bħala titolu sottostanti titolu maħruġ minn kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru. |
16 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi dwar nondiskriminazzjoni. Issa, it-Trattat jipprevedi tali regola speċifika b’mod partikolari fl-Artikolu 56 TFUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C‑53/13 u C‑80/13, EU:C:2014:2011, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) u fl-Artikolu 63 TFUE fil-qasam tal-libertà ta’ moviment tal-kapital (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Settembru 2018, Patrício Teixeira, C‑184/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:694, punti 15 u 16 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
17 |
Dan premess, fir-rigward, qabelxejn, tal-libertà applikabbli għaċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għall-moviment liberu tal-kapital. |
18 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa t-tranżazzjonijiet relatati ma’ strumenti finanzjarji derivati, bħall-Artikolu 1(492) tal-Liġi Nru 228/2012, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, peress li huma ntaxxati tranżazzjonijiet finanzjarji li joperaw movimenti ta’ kapital. Issa, tali leġiżlazzjoni tista’ wkoll taffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn din jista’ jkollha effetti fuq is-servizzi finanzjarji li għandhom bħala suġġett titoli maħruġa minn kumpanniji stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru, proposti fi Stat Membru ieħor. |
19 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta miżura nazzjonali tkun tirrigwarda kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, waħda minnhom hija kompletament sekondarja għall-oħra u tista’ tingħaqad magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C‑452/04, EU:C:2006:631, punt 34; tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International, C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 39; kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Van der Weegen et, C‑580/15, EU:C:2017:429, punt 25). |
20 |
Fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima tal-kawża prinċipali, jidher li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija sekondarja meta mqabbla mal-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet legali tat-taxxa inkwistjoni, li hija intiża għat-tranżazzjonijiet finanzjarji, japplikaw indipendentement mill-punt dwar jekk tali tranżazzjoni timplikax jew le provvisti ta’ servizzi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eventwali effetti restrittivi li jistgħu jirriżultaw mill-introduzzjoni stess ta’ tali taxxa, mingħajr ma tipprovdi preċiżazzjonijiet fuq il-modalitajiet tagħha li jistgħu jaffettwaw speċifikament tali servizzi. Fl-aħħar nett, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, Société Générale ħallset l-imsemmija taxxa bħala operatur finanzjarju li jipparteċipa fit-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma ġew ipprovduti iktar elementi dwar dawn it-tranżazzjonijiet u dwar l-intervent tagħha. B’mod partikolari, din it-talba ma tindikax taħt liema mod u fid-dawl ta’ liema għanijiet l-imsemmija tranżazzjonijiet ġew innegozjati. |
21 |
Minn dan isegwi li d-domanda magħmula għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital. |
22 |
Sussegwentement, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 50, u tat‑18 ta’ Jannar 2018, Jahin, C‑45/17, EU:C:2018:18, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
F’dan ir-rigward, id-dritt li l-Istati Membri jisiltu mill-Artikolu 65(1)(a) TFUE li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni f’dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom jew il-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital. Din id-deroga hija fiha nnifisha limitata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65(3) TFUE, li abbażi tagħhom id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li hemm lok li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minnha tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li diskriminazzjoni tista’ tirriżulta wkoll mill-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C‑298/05, EU:C:2007:754, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, il-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna tal-Istat Membru għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedji stabbiliti f’pajjiżi terzi), C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’dan il-każ, Société Générale issostni li t-taxxa prevista fl-Artikolu 1(492) tal-Liġi Nru 228/2012 tintroduċi diskriminazzjoni bejn residenti u mhux residenti kif ukoll restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital. |
28 |
Din il-kumpannija ssostni li din id-dispożizzjoni tittratta b’mod identiku s-sitwazzjoni tal-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa residenti u mhux residenti, minkejja li differenti, u tirrendi, għat-tieni, l-investiment fl-istrumenti finanzjarji derivati li għandhom bħala bażi titolu maħruġ minn kumpannija stabbilita fl-Italja li huwa inqas vantaġġuż mill-investiment li t-titolu sottostanti tagħhom jirriżulta minn Stat ieħor. Minn dan jirriżulta ostakolu għall-aċċess għas-suq ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji derivati, peress li l-implimentazzjoni tal-imsemmija taxxa hija akkumpanjata minn obbligi amministrattivi u dikjarattivi li jiżdiedu ma’ dawk previsti fl-Istati ta’ residenza tal-operaturi finanzjarji u tal-intermedjarju eventwali. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-taxxa prevista fl-Artikolu 1(492) tal-Liġi Nru 228/2012 tkopri t-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mal-istrumenti finanzjarji derivati li għandhom rabta mal-Istat Taljan. Din it-taxxa hija dovuta indipendentement mill-post fejn it-tranżazzjoni hija konkluża jew mill-Istat ta’ residenza tal-partijiet għal din it-tranżazzjoni u minn dak tal-intermedjarju eventwali, b’tali mod li l-entitajiet residenti u mhux residenti huma suġġetti għal sistema ta’ tassazzjoni identika. |
30 |
B’mod partikolari, din it-taxxa tapplika bl-istess mod għall-operaturi finanzjarji residenti u mhux residenti kif ukoll għat-tranżazzjonijiet konklużi fl-Istat ta’ tassazzjoni jew fi Stat ieħor. Fil-fatt, l-imsemmija taxxa tvarja mhux skont il-post fejn jiġu konklużi t-tranżazzjonijiet jew l-Istat ta’ residenza tal-partijiet jew dak tal-intermedjarju eventwali, iżda l-ammont ta’ dawn it-tranżazzjonijiet u t-tip ta’ strument inkwistjoni. Għalhekk jidher li t-tranżazzjonijiet li jseħħu fil-kuntest nazzjonali huma, mill-aspett fiskali, ittrattati bl-istess mod bħal tranżazzjonijiet simili ta’ natura transkonfinali u li l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn is-sitwazzjonijiet rispettivi tal-entitajiet residenti u mhux residenti ma tistax tiġi kkonstatata. |
31 |
Fir-rigward tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-għan li tiżgura kontribuzzjoni għall-infiq pubbliku tal-entitajiet li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw l-istrumenti finanzjarji msemmija. Issa, fir-rigward ta’ dan l-għan, kuntrarjament għal dak li ssostni Société Générale, l-entitajiet residenti u mhux residenti li jipparteċipaw fit-tranżazzjonijiet relatati mal-istrumenti finanzjarji derivati li għandhom bħala titolu sottostanti titolu maħruġ fl-Italja, suġġetti għat-taxxa mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. |
32 |
Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-imsemmi għan, l-istrumenti finanzjarji derivati li t-titoli sottostanti tagħhom huma rregolati mid-dritt Taljan u li huma suġġetti għal din it-taxxa ma humiex paragunabbli ma’ dawk li t-titoli sottostanti tagħhom ma humiex irregolati minn dan id-dritt u li għalihom l-imsemmija taxxa ma tapplikax. |
33 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-taxxa prevista fl-Artikolu 1(492) tal-Liġi Nru 228/2012 ma tidhirx li tinkludi diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. |
34 |
Sa fejn Société Générale issostni li mid-differenza fit-trattament imwettqa mil-leġiżlazzjoni Taljana bejn l-istrumenti finanzjarji derivati li t-titoli sottostanti tagħhom huma rregolati mid-dritt Taljan u dawk li t-titoli sottostanti tagħhom ma humiex irregolati minn dan id-dritt jirriżulta li l-investiment f’dawn tal-ewwel isir inqas vantaġġuż, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, minn naħa, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-kompetenzi fiskali tad-diversi Stati Membri, sa fejn tali eżerċizzju ma huwiex diskriminatorju, ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ moviment u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jadattaw is-sistema fiskali tagħhom għas-sistemi ta’ tassazzjoni differenti tal-Istati Membri l-oħra (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) InternationalC‑48/15, EU:C:2016:356, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
B’mod partikolari, il-moviment liberu ma jistax jinftiehem fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu skont dawk tal-Istati Membri l-oħra sabiex jiggarantixxi, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali, peress li d-deċiżjonijiet meħuda minn persuna taxxabbli fir-rigward tal-investiment fi Stat Membru ieħor jistgħu, skont il-każ, ikunu ftit jew wisq vantaġġużi jew żvantaġġużi għal tali persuna taxxabbli (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka, C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 72). |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif isostnu l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, it-taxxa prevista fl-Artikolu 1(492) tal-Liġi Nru 228/2012 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. |
37 |
Fir-rigward tal-eżistenza ta’ obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ amministrazzjoni marbuta mal-ħlas ta’ din it-taxxa, għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma żviluppatx dan l-aspett u, b’mod partikolari, ma spjegatx liema obbligi kienu u lanqas ma semmiet id-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-qasam. Fi kwalunkwe każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din it-talba ma jirriżulta l-ebda element li jagħti x’jifhem li l-obbligi imposti fuq l-entitajiet mhux residenti huma differenti minn dawk imposti fuq l-entitajiet residenti, u lanqas li dawn l-obbligi jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-irkupru tat-taxxa prevista fl-Artikolu 1(492) tal-Liġi Nru 228/2012. |
38 |
Fir-rigward ta’ dan l-aħħar argument, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, iddeċidiet li n-neċessità li jiġi żgurat irkupru effikaċi tat-taxxa tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali. Għalhekk, Stat Membru huwa awtorizzat japplika miżuri li jippermettu l-verifika, b’mod ċar u preċiż, tal-ammont tat-taxxa dovuta, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu xierqa sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, Futura Participations u Singer, C‑250/95, EU:C:1997:239, punt 31, u tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et, C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 67). Għal dan il-għan, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji. |
39 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa t-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati ma’ strumenti finanzjarji derivati, imposti fuq il-partijiet fit-tranżazzjoni, indipendentement mill-post fejn it-tranżazzjoni hija konkluża jew mill-Istat ta’ residenza ta’ dawn il-partijiet u tal-eventwali intermedjarju li jintervjeni fl-eżekuzzjoni tagħha, meta dawn l-istrumenti għandhom bħala titolu sottostanti titolu maħruġ minn kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru. L-obbligi amministrattivi u dikjarattivi li jakkumpanjaw din it-taxxa imposta fuq l-entitajiet mhux residenti ma għandhomx madankollu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-irkupru tal-imsemmija taxxa. |
Fuq l-ispejjeż
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta għal taxxa t-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati ma’ strumenti finanzjarji derivati, imposti fuq il-partijiet fit-tranżazzjoni, indipendentement mill-post fejn it-tranżazzjoni hija konkluża jew mill-Istat ta’ residenza ta’ dawn il-partijiet u tal-eventwali intermedjarju li jintervjeni fl-eżekuzzjoni tagħha, meta dawn l-istrumenti għandhom bħala titolu sottostanti titolu maħruġ minn kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru. L-obbligi amministrattivi u dikjarattivi li jakkumpanjaw din it-taxxa imposta fuq l-entitajiet mhux residenti ma għandhomx madankollu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-irkupru tal-imsemmija taxxa. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.