Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0420

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2019.
IO vs Inspecteur van de rijksbelastingdienst.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Gerechtshof 's-Hertogenbosch.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 9 u 10 – Persuna taxxabbli – Attività ekonomika eżerċitata b’‘mod indipendenti’ – Kunċett – Attività ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni.
Kawża C-420/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:490

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 9 u 10 – Persuna taxxabbli – Attività ekonomika eżerċitata b’‘mod indipendenti’ – Kunċett – Attività ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni”

Fil-Kawża C‑420/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

IO

vs

Inspecteur van de rijksbelastingdienst,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, C. Vajda, P. G. Xuereb u A. Kumin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IO, minn J. L. Delleman,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u minn J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė kif ukoll minn P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn IO u l-Inspecteur van de rijksbelastingdienst (Spettur tal-awtorità tat-taxxa, il-Pajjiżi l-Baxxi) rigward l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-persuna kkonċernata fil-kwalità tagħha ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

4

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-kondizzjoni fl-Artikolu 9(1) li l-attività ekonomika titmexxa ‘b’mod indipendenti’ għandha teskludi mill–VAT persuni impjegati jew persuni oħra sakemm huma jkunu marbutin ma’ min jimpjega b’kuntratt ta’ impjieg jew b’kull irbit legali ieħor li joħloq ir–relazzjoni ta’ bejn min jimpjega u impjegat dwar kondizzjonijiet ta’ xogħol, ħlas u responsabbiltà ta’ min jimpjega.”

Id-dritt Olandiż

5

L-Artikolu 7 tal-Wet op de omzetbelasting 1968 (il-liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul) jipprevedi:

“1.   Jitqies bħala imprenditur kull min jeżerċita attività ekonomika b’mod indipendenti.

2.   Għall-finijiet ta’ din il-liġi, impriża tfisser:

a)

l-attività professjonali;

[…]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

IO huwa membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fl-offerta b’mod sostenibbli ta’ akkomodazzjoni lill-persuni li jinsabu fil-bżonn.

7

L-istatut ta’ din il-fondazzjoni jipprevedi li dan il-bord ta’ sorveljanza huwa magħmul minn mhux inqas minn ħames membri u mhux iktar minn għaxar membri, li jinħatru għal mandat ta’ erba’ snin. Persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol mal-fondazzjoni ma tistax tagħmel parti mill-imsemmi bord. Il-membri ta’ dan il-bord ta’ sorveljanza jistgħu jiġu sospiżi jew imneħħija biss minħabba negliġenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom jew għal raġunijiet serji oħra, permezz ta’ deċiżjoni tal-istess bord ta’ sorveljanza, adottata mill-maġġoranza ta’ tliet kwarti mill-voti mitfugħa f’laqgħa bl-inqas tliet kwarti tal-membri tiegħu, u ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-membru jew membri akkużati.

8

Is-setgħat bord ta’ sorveljanza tal-imsemmija fondazzjoni jinkludu, b’mod partikolari, il-ħatra, is-sospensjoni u t-tneħħija tal-membri tal-korp ta’ direzzjoni kif ukoll l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, is-sospensjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp, l-għoti ta’ pariri lil dan il-korp, l-istabbiliment tal-kontijiet annwali, il-ħatra, is-sospensjoni u t-tneħħija tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza kif ukoll l-istabbiliment tar-remunerazzjoni fissa ta’ dawn tal-aħħar.

9

Minkejja li l-fondazzjoni kkonċernata hija rrappreżentata fuq il-livell ġudizzjarju u fuq dak extra ġudizzjarju mill-korp ta’ direzzjoni tagħha, ir-rappreżentanza tagħha hija żgurata b’mod konġunt, fil-każ ta’ kunflitt ta’ interessi bejn il-korp ta’ direzzjoni jew membru ta’ dan u din il-fondazzjoni, mill-president u membru wieħed jew diversi membri mill-bord ta’ sorveljanza. Minbarra dan, jekk il-membri kollha tal-korp ta’ direzzjoni jkunu assenti, id-direzzjoni tal-imsemmija fondazzjoni tiġi żgurata mill-bord ta’ sorveljanza ta’ din sakemm jinħatar korp ta’ direzzjoni ġdid.

10

F’dak li jirrigwarda l-kompiti tal-imsemmi bord ta’ sorveljanza, l-Artikolu 18 tal-istatut tal-fondazzjoni kkonċernata jipprovdi:

“1.   Il-bord ta’ sorveljanza għandu bħala kompitu li jeżerċita sorveljanza tal-istrateġija tal-korp ta’ direzzjoni u tal-andament ġenerali tal-affarijiet fi ħdan il-fondazzjoni u l-impriża li hija marbuta magħha. Il-membri tal-bord ta’ sorveljanza jwettqu l-kompiti tagħhom mingħajr mandat mill-persuna li tkun ipproponiethom u indipendentement mill-interessi speċjali involuti fl-impriża. Huwa jassisti bil-pariri tiegħu lill-korp ta’ direzzjoni. Fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom, il-membri tal-bord ta’ sorveljanza huma ggwidati mill-interess tal-fondazzjoni u tal-impriża li hija marbuta magħha.

2.   Il-bord ta’ sorveljanza ma huwiex marbut li jiġġustifika l-atti tiegħu quddiem il-korp ta’ direzzjoni.

3.   Il-bord ta’ sorveljanza huwa esternament responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu billi jirrapporta fuq l-attivitajiet tiegħu fir-rapport annwali.

4.   Il-bord ta’ sorveljanza jirregola l-modalitajiet ta’ xogħol tiegħu f’regolament li ma jistax jinkludi dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi jew dan l-istatut.”

11

Għall-attività tiegħu bħala membru tal-bord ta’ sorveljanza tal-fondazzjoni kkonċernata, IO jirċievi remunerazzjoni grossa ta’ EUR 14912 fis-sena, li hija suġġetta għal taxxa fuq is-salarju. Din ir-remunerazzjoni ġiet stabbilita minn dan il-bord ta’ sorveljanza abbażi tar-regoli ffissati mill-Wet Normering Bezoldiging topfunctionarissen publieke en semipublieke sector (il-liġi ta’ standardizzazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ uffiċjali ogħlja fis-settur pubbliku u fis-settur semi-pubbliku) u ma tiddependi la mill-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata għal laqgħat u lanqas mis-sigħat ta’ xogħol li hija effettivament tkun wettqet.

12

Barra minn hekk, IO huwa impjegat ukoll inkwantu uffiċjal mal-komun. Madankollu, il-funzjoni tiegħu ta’ membru tal-imsemmi bord ta’ sorveljanza bl-ebda mod ma tikkonċerna l-komun li jimpjegah, b’tali mod li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ eventwali kunflitti ta’ interessi ma tqumx.

13

Sal-1 ta’ Jannar 2013, IO tqies bħala mhux suġġett għall-VAT għall-attività tiegħu ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza tal-imsemmiija fondazzjoni, b’deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istati għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) tal-5 ta’ Ottubru 2006. Madankollu, din id-deċiżjoni ġiet irtirata.

14

Fit-8 ta’ Lulju 2014, IO għamel, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu inkwantu membru ta’ dan il-bord ta’ sorveljanza, dikjarazzjoni tal-VAT ta’ ammont ta’ EUR 782 għall-perijodu bejn l-1 ta’ April u t-30 ta’ Ġunju 2014, li huwa ħallas. B’ittra tad-9 ta’ Lulju 2014, huwa madankollu ressaq ilment kontra din it-taxxa, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa. Ir-rikors ippreżentat minn IO kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud bħala infondat permezz ta’ sentenza tar-rechtbank Zeeland-West-Brabant (il-Qorti Distrettwali ta’ Zeeland-West-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi).

15

IO appella minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti tispeċifika li l-partijiet fit-tilwima mressqa quddiemha ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk IO għandux, għall-attività tiegħu inkwantu membru tal-bord ta’ sorveljanza kkkonċernat, jiġi kklassifikat bħala “imprenditur” fis-sens tal-Artikolu 7 tal-liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul u bħala “persuna taxxabbli” fis-sens tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva dwar il-VAT. F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li l-persuna kkonċernata, inkwantu membru ta’ dan il-bord ta’ sorveljanza, tipparteċipa b’mod kontinwu fil-ħajja ekonomika u teżerċita, għaldaqstant, attività ekonomika. L-imsemmija partijiet ma jaqblux madankollu fuq il-punt dwar jekk din l-attività hijiex eżerċitata b’mod indipendenti.

16

Skont il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc), l-elementi li ġejjin, b’mod partikolari, jindikaw li IO ma jeżerċitax attività ekonomika b’mod indipendenti:

il-membri tal-bord ta’ sorveljanza tal-fondazzjoni kkonċernata jiġu maħtura, sospiżi jew imneħħija mill-bord ta’ sorveljanza;

dan il-bord ta’ sorveljanza jistabbilixxi r-remunerazzjoni fissa tal-membri tiegħu, u din ir-remunerazzjoni ma tiddipendix la fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat u lanqas fuq is-sigħat ta’ xogħol li huma effettivament ikunu wettqu, u

membru tal-imsemmi bord ta’ sorveljanza ma jistax jeżerċita fuq bażi individwali s-setgħat mogħtija lil dan tal-aħħar, b’tali mod li dan il-membru ma jaġixxix f’ismu, u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, iżda f’isem u taħt ir-responsabbiltà tal-istess bord ta’ sorveljanza.

17

Min-naħa l-oħra, skont din il-qorti, l-elementi li ġejjin, b’mod partikolari, jindikaw tali eżerċizzju:

persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol mal-fondazzjoni kkonċernata ma tistax tkun membru tal-bord ta’ sorveljanza;

minkejja li dan il-bord ta’ sorveljanza jaħtar il-membri tiegħu, il-ħatra ssir bil-konklużjoni ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi bejn il-membru kkonċernat u l-imsemmija fondazzjoni, peress li hija biss din il-fondazzjoni, inkwantu persuna ġuridika, li tista’ tikkonkludi tali kuntratt;

fil-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, l-istess fondazzjoni ma hijiex ħielsa, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni, li tidderoga mid-dispożizzjonijiet adottati f’dan ir-rigward mill-bord ta’ sorveljanza tagħha u hija lanqas ma tassumi r-responsabbiltajiet li huma speċifiċi għal persuna li timpjega ordinarja, u

il-membri tal-bord ta’ sorveljanza tal-fondazzjoni kkonċernata huma indipendenti fi ħdan dan il-bord u għandhom jaġixxu b’mod kritiku fir-rigward tal-membri l-oħra ta’ dan u fir-rigward tal-korp ta’ direzzjoni ta’ din il-fondazzjoni.

18

L-imsemmija qorti tikkonkludi minn dan li membru tal-bord ta’ sorveljanza tal-imsemmiija fondazzjoni jinsab, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni tiegħu, f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni għal dan il-bord ta’ sorveljanza, anki jekk ma teżisti, fir-rigward tal-kumplament, l-ebda rabta ta’ subordinazzjoni bejn dan il-membru u l-imsemmi bord ta’ sorveljanza u lanqas bejn dan u l-fondazzjoni kkonċernata. Hija għaldaqstant tħoss li għandha tqis li, f’dan il-każ, l-attività ekonomika inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex eżerċitata b’mod indipendenti u li, għaldaqstant, IO ma jistax jiġi kklassifikat bħala “persuna taxxabbli”.

19

Madankollu, peress li għandha dubji rigward l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT, il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Qorti tal-Appell ta’ Bois-le-Duc) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni, jinsab f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni għall-imsemmi bord ta’ sorveljanza iżda li, fir-rigward tal-kumplament, ma jinsabx f’tali pożizzjoni għall-bord ta’ sorveljanza jew għall-fondazzjoni, jeżerċita l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu b’mod indipendenti fis-sens tal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva [dwar il-VAT]?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jeżerċita attività ekonomika b’mod indipendenti, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u għandu, għaldaqstant, jiġi kklassifikat bħala persuna suġġetta għall-VAT.

21

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li jitqies bħala persuna taxxabbli kull min iwettaq b’mod indipendenti waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, b’mod partikolari kull attività ta’ fornitur ta’ servizzi. Il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni jagħti għall-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” definizzjoni wiesgħa, bl-enfasi fuq l-indipendenza fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, fis-sens li l-persuni kollha li, b’mod oġġettiv, jissodisfaw il-kriterji li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, għandhom jitqiesu bħala persuni suġġetti għall-VAT (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Nigl et, C‑340/15, EU:C:2016:764, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-VAT jispeċifika li l-kundizzjoni li l-attività ekonomika tiġi eżerċitata b’mod indipendenti teskludi mit-tassazzjoni l-impjegati u persuni oħra sa fejn huma marbuta mal-persuna li timpjegahom b’kuntratt ta’ impjieg jew bi kwalunkwe relazzjoni legali oħra li toħloq irbit ta’ subordinazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni u r-responsabbiltà tal-persuna li timpjega.

23

B’dan il-mod, għandu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk attività ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni, bħal dik eżerċitata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, għandhiex tiġi kklassifikata bħala “ekonomika”, imbagħad, jekk ikun il-każ, jekk din l-attività hijiex eżerċitata “b’mod indipendenti”.

Fuq in-natura “ekonomika” tal-attività

24

F’dan il-każ, kif ma huwiex ikkontestat mill-partijiet fit-tilwima fil-kawża prinċipali, attività bħal dik inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “ekonomika”, peress li hija ta’ natura permanenti u titwettaq b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni rċevuta mill-awtur tal-operazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2018, Polfarmex, C‑421/17, EU:C:2018:432, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fil-fatt, għall-eżerċizzju tal-attività tiegħu ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza tal-fondazzjoni kkonċernata, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirċievi remunerazzjoni grossa ta’ EUR 14912 fis-sena. Ma huwiex rilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li din ir-remunerazzjoni hija stabbilita mhux skont provvisti individwali, iżda b’rata fissa u fuq bażi annwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, Nagyszénás Településszolgáltatási Nonprofit Kft., C‑182/17, EU:C:2018:91, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Minbarra dan, peress li din ir-remunerazzjoni ġiet stabbilita b’teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli stabbiliti mil-liġi ta’ standardizzazzjoni tar-remunerazzjoni ta’ uffiċjali ogħlja fis-settur pubbliku u fis-settur semi-pubbliku, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jwettaq il-provvista inkwistjoni jikkorrispondu għal dawk li fihom dan it-tip ta’ provvisti normalment jitwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2016, Geemente Borsele u Staatssecretaris van Financiën, C‑520/14, EU:C:2016:334, punti 29 u 30).

27

Minbarra dan, kif jirriżulta mill-istatut tal-fondazzjoni kkonċernata, il-membri tal-bord ta’ sorveljanza ta’ dan jinħatru għal mandat ta’ perijodu ta’ erba’ snin, u tali tul ta’ żmien jagħti lir-remunerazzjoni rċevuta natura permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C‑263/15, EU:C:2016:392, punt 33).

28

Min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi aċċettata l-pożizzjoni tal-Gvern Svediż, li l-fatt li membru ta’ bord ta’ sorveljanza jeżerċita biss mandat wieħed jew numru limitat ta’ mandati ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jiġi konkluż li teżisti attività eżerċitata bl-għan li jinkiseb dħul minnha li huwa ta’ natura permanenti. Skont dan il-gvern, huwa meħtieġ, f’dan ir-rigward, li l-persuna kkonċernata tieħu passi attivi sabiex tirċievi dħul li jieħu l-forma ta’ remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti u, għaldaqstant, li l-attività tkun eżerċitata b’mod kummerċjali.

29

Minkejja li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tat-trattament fiskali ta’ bejgħ ta’ art intiża għall-proprjetà privata, li s-sempliċi eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà minn dak li huwa intitolat għalih ma jistax, minnu nnifsu, jitqies li jikkostitwixxi attività ekonomika, iżda li dan ma huwiex il-każ meta l-persuna kkonċernata tieħu passi attivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2011, Słaby et, C‑180/10 u C‑181/10, EU:C:2011:589, punti 36 sa 39, u tad-9 ta’ Lulju 2015, Trgovina Prizma, C‑331/14, EU:C:2015:456, punti 23 u 24, kif ukoll, fir-rigward ta’ passi attivi fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Rēdlihs, C‑263/11, EU:C:2012:497, punt 36), għandu jiġi osservat li mhux biss din il-ġurisprudenza hija speċifika għat-trattament fiskali tal-bejgħ ta’ art intiża għall-proprjetà privata iżda li, f’kull każ, ma jistax jiġi dedott minnha li l-fatt li wieħed jieħu tali passi jikkostitwixxi kundizzjoni sabiex attività tkun tista’ titqies bħala eżerċitata bl-għan li jinkiseb dħul minnha li huwa ta’ natura permanenti u li tista’ għalhekk tiġi kklassifikata bħala “ekonomika”.

30

Għaldaqstant ma tistax tiġi kkontestata n-natura ekonomika ta’ attività ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bil-fatt li dan il-membru jeżerċita biss mandat wieħed, sakemm din l-attività tkun ta’ natura permanenti u tiġi eżerċitata b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni.

31

Barra minn hekk, sa fejn il-Gvern Svediż isostni, f’dan il-kuntest, li l-attività li tikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ mandat wieħed jew numru limitat ta’ mandati ta’ membru ta’ bord ta’ sorveljanza ma għandhiex bħala għan li tbigħ provvisti ta’ servizzi b’mod permanenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa ta’ natura oġġettiva, fis-sens li l-attività hija meqjusa fiha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations, C‑320/17, EU:C:2018:537, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-eżerċizzju indipendenti tal-attività

32

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex titqies bħala eżerċitata b’mod indipendenti, għandu jiġi evalwat, fl-ewwel lok, jekk persuna bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali hijiex eskluża mit-tassazzjoni, taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-VAT, inkwantu impjegat jew persuna oħra marbuta mal-persuna li timpjegaha b’kuntratt ta’ impjieg jew bi kwalunkwe relazzjoni legali oħra li toħloq irbit ta’ subordinazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni u r-responsabbiltà tal-persuna li timpjega.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, f’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li għandu l-kwalità ta’ impjegat. Fil-fatt, minkejja li huwa minnu li r-remunerazzjoni tiegħu hija suġġetta, skont il-qorti tar-rinviju, għal taxxa fuq is-“salarju”, din tal-aħħar tindika li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa b’fizzjoni legali li r-relazzjoni bejn membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ persuna ġuridika u din tal-aħħar hija kklassifikata bħala “impjieg”, għaliex, fir-rigward ta’ membru ta’ tali bord, ma humiex issodisfatti l-kriterji li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ impjieg.

34

Fit-tieni lok, skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jeżerċita l-attività tiegħu mhux abbażi ta’ kuntratt ta’ impjieg, iżda abbażi ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi.

35

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-eżami ta’ relazzjoni legali oħra li toħloq irbit ta’ subordinazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ remunerazzjoni kif ukoll ir-responsabbiltà tal-persuna li timpjega, għandu jiġi konkluż li ma teżistix rabta ta’ subordinazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, sa fejn, minn naħa, il-membri ta’ tali bord ta’ sorveljanza ma humiex marbuta bi struzzjonijiet li joħorġu mill-korp ta’ direzzjoni tal-fondazzjoni kkonċernata, b’mod partikolari meta huma jirregolaw il-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-attività tagħhom. B’dan il-mod, il-membri tal-imsemmi bord ta’ sorveljanza jitqiesu li jeżerċitaw sorveljanza b’mod indipendenti fuq l-istrateġija tal-korp ta’ direzzjoni u fuq l-andament ġenerali tal-affarijiet ta’ din il-fondazzjoni, peress li din il-funzjoni ta’ superviżjoni ma hijiex konċiljabbli ma’ rabta ta’ subordinazzjoni.

36

Min-naħa l-oħra, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja li l-bord ta’ sorveljanza jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ xogħol tiegħu f’regolament, dan il-bord ma jidhirx li jista’ jimponi fuq il-membri tiegħu regoli fuq il-mod kif dawn tal-aħħar jeżerċitaw individwalment il-mandat tagħhom. Fil-fatt, skont dawn l-istess indikazzjonijiet, il-membri tal-imsemmi bord ta’ sorveljanza huma indipendenti fi ħdan dan il-bord u għandhom jaġixxu b’mod kritiku fir-rigward tal-membri l-oħra tiegħu.

37

Issa, fl-assenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, il-membri ta’ tali bord ta’ sorveljanza ma humiex marbuta b’relazzjoni legali oħra li toħloq irbit ta’ subordinazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-VAT. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva li għandha tiġi evalwata, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk attività bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex titqies bħala waħda eżerċitata b’mod indipendenti.

38

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward dan l-Artikolu 9 jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk persuna teżerċitax attività ekonomika b’mod indipendenti, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix rabta ta’ subordinazzjoni fl-eżerċizzju ta’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punti 33 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ din ir-rabta ta’ subordinazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk il-persuna kkonċernata twettaqx l-attivitajiet tagħha f’isimha u taħt ir-responsabbiltà proprja tagħha kif ukoll jekk hija ġġorrx ir-riskju ekonomiku marbut mal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. Sabiex tikkonstata l-indipendenza tal-attivitajiet inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet għalhekk inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kwalunkwe rabta ta’ subordinazzjoni ġerarkika, kif ukoll il-fatt li l-persuna kkonċernata taġixxi f’isimha u taħt ir-responsabbiltà proprja tagħha, li hija torganizza liberament il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol tagħha u li hija tirċievi nnifisha r-remunerazzjoni li tikkostitwixxi d-dħul tagħha (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław, C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Kif ġie osservat fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, is-sitwazzjoni ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata mill-assenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni ġerarkika fil-konfront tal-korp ta’ direzzjoni ta’ din il-fondazzjoni u ta’ dan il-bord ta’ sorveljanza f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-attività ta’ membru tal-imsemmi bord ta’ sorveljanza.

41

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-bord ta’ sorveljanza tal-fondazzjoni kkonċernata, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jaġixxix f’ismu u lanqas taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu. Kif jirriżulta mill-istatut ta’ din il-fondazzjoni, l-attività ta’ membru ta’ dan il-bord ta’ sorveljanza tinvolvi, f’ċerti każijiet, ir-rappreżentanza, fuq il-livell ġuridiku, tal-fondazzjoni, u dan jimplika s-setgħa li jorbot lil din tal-aħħar fuq dan il-livell. Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-membri tal-imsemmi bord ta’ sorveljanza ma jistgħux jeżerċitaw individwalment is-setgħat mogħtija lil dan il-bord u li huma jaġixxu f’isem u taħt ir-responsabbiltà tal-istess bord. Jidher għalhekk li l-membri tal-bord ta’ sorveljanza tal-fondazzjoni kkonċernata ma humiex individwalment responsabbli għall-atti ta’ dan il-bord adottati fil-kuntest tar-rappreżentanza legali tal-imsemmija fondazzjoni u lanqas ma huma responsabbli għad-danni kkawżati lil terzi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u li, għaldaqstant, huma ma jaġixxux taħt ir-responsabbiltà proprja tagħhom (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Ayuntamiento de Sevilla, C‑202/90, EU:C:1991:332, punt 15).

42

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni ta’ membru ta’bord ta’ sorveljanza bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, bil-kontra ta’ dik ta’ imprenditur, hija kkaratterizzata mill-assenza ta’ kwalunkwe riskju ekonomiku li jirriżulta mill-attività eżerċitata. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, tali membru jirċievi remunerazzjoni fissa li la tiddependi mill-parteċipazzjoni tiegħu għal-laqgħat u lanqas mis-sigħat ta’ xogħol li huwa effettivament ikun wettaq. Għalhekk, b’mod differenti minn imprenditur, huwa la jeżerċita influwenza sinjifikattiva fuq id-dħul tiegħu u lanqas fuq l-ispejjeż tiegħu (ara, a contrario, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-154/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:695, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minbarra dan, jidher li negliġenza mwettqa mill-membru ta’ tali bord ta’ sorveljanza, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, ma tistax taffettwa direttament ir-remunerazzjoni ta’ dan il-membru, għaliex, skont l-istatut tal-fondazzjoni kkonċernata, tali negliġenza tista’ twassal għat-tneħħija ta’ dan tal-aħħar biss wara li tkun ġiet osservata proċedura speċifika.

43

Ma tistax titqies li teżerċita attività ekonomika b’mod indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-VAT, persuna li ma ġġorrx tali riskju ekonomiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, FCE Bank, C‑210/04, EU:C:2006:196, punti 35 sa 37; tat-18 ta’ Ottubru 2007, van der Steen, C‑355/06, EU:C:2007:615, punti 24 sa 26, u tal-24 ta’ Jannar 2019, Morgan Stanley & Co International, C‑165/17, EU:C:2019:58, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeżerċitax attività ekonomika b’mod indipendenti membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, minkejja li ma huwa marbut bl-ebda rabta ta’ subordinazzjoni ġerarkika mal-korp ta’ direzzjoni ta’ din il-fondazzjoni u lanqas ma huwa marbut b’tali rabta mal-bord ta’ sorveljanza tal-imsemmija fondazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-attività tiegħu ta’ membru ta’ dan il-bord, la jaġixxi f’ismu u lanqas taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu, iżda jaġixxi f’isem u taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-istess bord u lanqas ma jġorr ir-riskju ekonomiku li jirriżulta mill-attività tiegħu, peress li huwa jirċievi remunerazzjoni fissa, li la tiddependi mill-parteċipazzjoni tiegħu għal-laqgħat u lanqas mis-sigħat ta’ xogħol li huwa effettivament ikun wettaq.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeżerċitax attività ekonomika b’mod indipendenti membru tal-bord ta’ sorveljanza ta’ fondazzjoni, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, minkejja li ma huwa marbut bl-ebda rabta ta’ subordinazzjoni ġerarkika mal-korp ta’ direzzjoni ta’ din il-fondazzjoni u lanqas ma huwa marbut b’tali rabta mal-bord ta’ sorveljanza tal-imsemmija fondazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-attività tiegħu ta’ membru ta’ dan il-bord, la jaġixxi f’ismu u lanqas taħt ir-responsabbiltà proprja tiegħu, iżda jaġixxi f’isem u taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-istess bord u lanqas ma jġorr ir-riskju ekonomiku li jirriżulta mill-attività tiegħu, peress li huwa jirċievi remunerazzjoni fissa, li la tiddependi mill-parteċipazzjoni tiegħu għal-laqgħat u lanqas mis-sigħat ta’ xogħol li huwa effettivament ikun wettaq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top