This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0355
Judgment of the Court (Third Chamber) of 19 December 2019.#Barbara Rust-Hackner and Others v Nürnberger Versicherung Aktiengesellschaft Österreich and Others.#Requests for a preliminary ruling from the Landesgericht Salzburg and Bezirksgericht für Handelssachen Wien.#References for a preliminary ruling — Freedom to provide services — Direct life assurance — Directives 90/619/EEC, 92/96/EEC, 2002/83/EC and 2009/138/EC — Right of cancellation — Incorrect information concerning the detailed rules for exercising the right of cancellation — Formal requirements for the declaration of cancellation — Effects on the obligations of the assurance undertaking — Time limit — Lapse of the right of cancellation — Possibility to cancel a contract after it has been terminated — Repayment of the surrender value of the contract — Reimbursement of premiums paid — Right to remuneration interest — Limitation.#Joined Cases C-355/18, C-356/18 and C-479/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Barbara Rust-Hackner et vs Nürnberger Versicherung Aktiengesellschaft Österreich et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht Salzburg u Bezirksgericht für Handelssachen Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Assigurazzjoni diretta għall-ħajja – Direttivi 90/619/KEE, 92/96/KEE, 2002/83/KE u 2009/138/KE – Dritt ta’ rinunzja – Informazzjoni żbaljata dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja – Kundizzjonijiet formali tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja – Effetti fuq l-obbligi tal-impriża ta’ assigurazzjoni – Terminu – Skadenza tad-dritt ta’ rinunzja – Possibbiltà ta’ rinunzja wara x-xoljiment tal-kuntratt – Rimbors tal-valur tax-xiri mill-ġdid tal-kuntratt – Ħlas lura tal-primjums imħallsa – Dritt għall-interessi remunerattivi – Preskrizzjoni.
Kawżi magħquda C-355/18 sa C-357/18 u C-479/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
Barbara Rust-Hackner et vs Nürnberger Versicherung Aktiengesellschaft Österreich et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht Salzburg u Bezirksgericht für Handelssachen Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Assigurazzjoni diretta għall-ħajja – Direttivi 90/619/KEE, 92/96/KEE, 2002/83/KE u 2009/138/KE – Dritt ta’ rinunzja – Informazzjoni żbaljata dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja – Kundizzjonijiet formali tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja – Effetti fuq l-obbligi tal-impriża ta’ assigurazzjoni – Terminu – Skadenza tad-dritt ta’ rinunzja – Possibbiltà ta’ rinunzja wara x-xoljiment tal-kuntratt – Rimbors tal-valur tax-xiri mill-ġdid tal-kuntratt – Ħlas lura tal-primjums imħallsa – Dritt għall-interessi remunerattivi – Preskrizzjoni.
Kawżi magħquda C-355/18 sa C-357/18 u C-479/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1123
** AFFAIRE C-355/18 **
*A9* Landesgericht Salzburg, Beschluss vom 16/05/2018 (22 R 80/18w)
*P1* Oberster Gerichtshof, Urteil vom 10.02.2020 10/02/2020 (ECLI:AT:OGH0002:2020:0070OB00004.20V.0210.000)
Publication Flash News "Décisions de suivi" N° 2/20
** AFFAIRE C-356/18 **
*A9* Landesgericht Salzburg, Beschluss vom 16/05/2018 (22 R 81/18t)
** AFFAIRE C-357/18 **
*A9* Landesgericht Salzburg, Beschluss vom 16/05/2018 (22 R 98/18t)
** AFFAIRE C-479/18 **
*A9* Bezirksgericht für Handelssachen Wien, Beschluss vom 12/07/2018
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Assigurazzjoni diretta għall-ħajja – Direttivi 90/619/KEE, 92/96/KEE, 2002/83/KE u 2009/138/KE – Dritt ta’ rinunzja – Informazzjoni żbaljata dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja – Kundizzjonijiet formali tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja – Effetti fuq l-obbligi tal-impriża ta’ assigurazzjoni – Terminu – Skadenza tad-dritt ta’ rinunzja – Possibbiltà ta’ rinunzja wara x-xoljiment tal-kuntratt – Rimbors tal-valur tax-xiri mill-ġdid tal-kuntratt – Ħlas lura tal-primjums imħallsa – Dritt għall-interessi remunerattivi – Preskrizzjoni”
Fil-Kawżi magħquda C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18,
li għandhom bħala suġġett erba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, bi tliet talbiet imressqa mil-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-16 ta’ Mejju 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2018 (C‑355/18 sa C‑357/18), u talba mressqa mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2018 (C‑479/18), fil-proċeduri
Barbara Rust-Hackner (C‑355/18),
Christian Gmoser (C‑356/18),
Bettina Plackner (C‑357/18),
vs
Nürnberger Versicherung Aktiengesellschaft Österreich,
u
KL
vs
UNIQA Österreich Versicherungen AG,
LK
vs
DONAU Versicherung AG Vienna Insurance Group,
MJ
vs
Allianz Elementar Lebensversicherungs-Aktiengesellschaft,
NI
vs
Allianz Elementar Lebensversicherungs-Aktiengesellschaft (C‑479/18),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatur), M. Ilešič, J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal B. Rust-Hackner, C. Gmoser u B. Plackner kif ukoll għal KL, minn N. Nowak, Rechtsanwalt, |
– |
għal LK, minn M. Poduschka, Rechtsanwalt, |
– |
għal MJ u NI, minn P. Mandl, Rechtsanwalt, |
– |
għal Nürnberger Versicherung Aktiengesellschaft Österreich, UNIQA Österreich Versicherungen AG u Allianz Elementar Lebensversicherungs-Aktiengesellschaft, minn P. Konwitschka, Rechtsanwalt, |
– |
għal DONAU Versicherung AG Vienna Insurance Group, minn D. Altenburger u G. Hoffmann, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, K.‑P. Wojcik u G. Braun, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE tat-8 ta’ Novembru 1990 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-assigurazjoni diretta għall-ħajja, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE (ĠU 1990, L 330, p. 50), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal-10 ta’ Novembru 1992 (ĠU 1992, L 360, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/619”), tal-Artikolu 31 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal-10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-assigurazzjoni diretta għall-ħajja, u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja) (ĠU 1992, L 360, p. 1), tal-Artikolu 35(1) u tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3), kif ukoll tal-Artikolu 185(1) u tal-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66 u fil-ĠU 2016, L 262, p. 34). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ seba’ tilwimiet, li tlieta minnhom jinsabu pendenti quddiem il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), bejn, rispettivament, Barbara Rust-Hackner, Christian Gmoser kif ukoll Bettina Plackner u Nürnberger Versicherung Aktiengesellschaft Österreich (iktar ’il quddiem “Nürnberger”), u li l-erbgħa l-oħra jinsabu pendenti quddiem il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija), bejn, rispettivament, KL u UNIQA Österreich Versicherungen AG (iktar ’il quddiem “UNIQA”), LK u DONAU Versicherung AG Vienna Insurance Group (iktar ’il quddiem “DONAU”), MJ u Allianz Elementar Lebensversicherungs-Aktiengesellschaft (iktar ’il quddiem “Allianz”) kif ukoll NI u Allianz dwar il-portata u t-terminu ta’ dekadenza tad-dritt ta’ rinunzja għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 90/619
3 |
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, li tħassret bid-Direttiva 2002/83, kien jipprevedi: “Kull Stat Membru għandu jippreskrivi li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jikkonkludi kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni għall-ħajja għandu jkollu perijodu ta’ bejn erbatax u tletin jum minn meta jiġi informat li l-kuntratt kien ġie konkluż sabiex fih jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt. In-notifika mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni tar-rinunzja tiegħu għall-kuntratt għandu jkollha l-effett li teħilsu minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt. L-effetti legali l-oħra u l-kundizzjonijiet għar-rinunzja għandhom jiġu ddeterminati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt, kif iddefinita fl-Artikolu 4, b’mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet sabiex id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jiġi informat li l-kuntratt ġie konkluż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-Direttiva 92/96
4 |
Il-premessa 23 tad-Direttiva 92/96, li wkoll tħassret bid-Direttiva 2002/83, kienet ifformulata kif ġej: “billi, fil-kuntest ta’ suq uniku tal-assigurazzjoni, il-konsumatur ser ikollu għażla ikbar u iktar diversa ta’ kuntratti; billi, sabiex ikun jista’ jibbenefika b’mod sħiħ minn din id-direttiva u minn kompetizzjoni msaħħa, il-konsumatur għandu jkollu l-informazzjoni meħtieġa sabiex jagħżel il-kuntratt li jkun jikkorrispondi l-iktar għall-ħtiġijiet tiegħu; billi din il-ħtieġa ta’ informazzjoni hija ferm iktar importanti minħabba li t-tul tal-impenji jista’ jkun twil ħafna; billi, għaldaqstant, għandhom jiġu kkoordinati d-dispożizzjonijiet minimi sabiex il-konsumatur jirċievi informazzjoni ċara u preċiża dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti li jkunu proposti lilu u dwar id-dettalji tal-korpi awtorizzati sabiex jieħdu konjizzjoni tal-ilmenti tad-detenturi tal-polza, tal-assigurati jew tal-benefiċjarji tal-kuntratt”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
5 |
L-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96 kien jipprovdi: “1. Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fil-punt A tal-Anness II għandha tiġi kkomunikata lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni. […] 4. Ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu u tal-Anness II għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru tal-impenn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
6 |
L-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni għad-detenturi ta’ polza ta’ assigurazzjoni”, kien jpprovdi: “L-informazzjoni segwenti li għandha tiġi kkomunikata lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jew (A) qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jew (B) matul it-tul tal-kuntratt, għandha tiġi pprovduta b’mod ċar u preċiż, bil-miktub, f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-impenn. […]
[traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-Direttiva 2002/83
7 |
Il-premessi 46 u 52 tad-Direttiva 2002/83, li tħassret bid-Direttiva 2009/138, kienu fformulati kif ġej:
[…]
|
8 |
L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2002/83, intitolat “Il-perjodu ta’ kanċellament”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat Membru għandu jippreskrivi li titolari ta’ polza li jikkonkludi kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għandu jkollu perjodu ta’ bejn 14 u 30 jum minn meta hu/hi kienu infurmaw li l-kuntratt ġie konkluż biex fih jiġi kkanċellat il-kuntratt. In-notifika ta’ kanċellament mit-titolari tal-poloz għandu jkollha effett li tirrilaxxa lilu/lilha minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt. L-effetti l-oħra legali u l-kondizzjonijiet ta’ kanċellament għandhom jiġu determinati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt kif definit fl-Artikolu [32], l-iktar fir-rigward ta’ l-arranġamenti biex it-titolari tal-polza jiġi infurmat li l-kuntratt ġie konkluż.” |
9 |
L-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz”, kif ifformulat kif ġej: “1. Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza. […] 4. r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Anness II għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru ta’ l-impenn.” |
10 |
L-Anness III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz”, kien jipprovdi: “L-informazzjoni li ġejja, li għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza qabel ma l-kuntratt huwa konkluż (A) jew tul it-terminu tal-kuntratt (B), għandha tiġi pprovduta b’mod ċar u eżatt, bil-miktub, f’lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-impenn. […]
|
Id-Direttiva 2009/138
11 |
Il-premessa 79 tad-Direttiva 2009/138 hija fformulata kif ġej: “F’suq intern għall-assigurazzjoni, il-konsumaturi għandhom għażla usa’ u aktar varjata ta’ kuntratti. Jekk għandhom igawdu għal kollox minn dik id-diversità u minn żieda fil-kompetizzjoni, il-konsumaturi għandhom jingħataw kwalunkwe informazzjoni li hija meħtieġa qabel ma jiġi konkluż u waqt il-perjodu ta’ validità tal-kuntratt, biex ikunu jistgħu jagħżlu l-kuntratt l-aktar adattat għall-ħtiġijiet tagħhom.” |
12 |
L-Artikolu 185 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz”, jipprevedi: “1. Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt tal-assigurazzjoni tal-ħajja, mill-inqas l-informazzjoni stipulata fil-paragrafi 2 sa 4 għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza. […] 3. L-informazzjoni li ġejja dwar l-impenn għandha tiġi komunikata: […]
[…] 6. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 għandha tiġi pprovduta b’mod ċar u eżatt, bil-miktub, f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-impenn. […] 8. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 sa 7 għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru tal-impenn.” |
13 |
L-Artikolu 186 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-perjodu ta’ kanċellament”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal titolari ta’ polza li jikkonkludu kuntratti individwali tal-assigurazzjoni tal-ħajja li jkollhom perjodu ta’ bejn 14 u 30 jum minn meta kienu infurmati li l-kuntratt ġie konkluż biex fih jiġi kkanċellat il-kuntratt. L-għoti tan-notifika ta’ kanċellament mit-titolari tal-poloz għandu jkollha l-effett li tirrilaxxahom minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt. L-effetti l-oħra legali u l-kondizzjonijiet ta’ kanċellament għandhom jiġu determinati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt, l-iktar fir-rigward tal-arranġamenti biex it-titolari tal-polza jiġi infurmat li l-kuntratt ġie konkluż.” |
Id-dritt Awstrijak
14 |
L-Artikolu 165a tal-Bundesgesetz über den Versicherungsvertrag (il-Liġi Federali dwar il-Kuntratt tal-Assigurazzjoni), tat-2 ta’ Diċembru 1958 (BGB1. 2/1959, iktar ’il quddiem il-“VersVG”), fil-verżjoni fis-seħħ fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u t-30 ta’ Settembru 2004, kien jipprovdi: “(1) Id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu d-dritt li jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt fi żmien ġimagħtejn mill-konklużjoni tal-kuntratt. Jekk l-assiguratur ikun ta kopertura provviżorja, huwa għandu jkun intitolat għal primjum li jikkorrispondi għat-tul tagħha. (2) Jekk l-assiguratur ma jkunx ikkonforma mal-obbligu li jikkomunika l-indirizz tiegħu (punt 1 tal-Artikolu 9a(1) tal-[Bundesgesetz über den Betrieb und die Beaufsichtigung der Vertragsversicherung (Versicherungsaufsichtsgesetz) (il-Liġi Federali dwar il-Ġestjoni u s-Sorveljanza tal-Assigurazzjoni Privata) (il-Liġi dwar is-Sorveljanza tal-Assigurazzjoni), tat-18 ta’ Ottubru 1978 (BGB1. 569/1978)], it-terminu għar-rinunzja skont il-paragrafu 1 ma għandux jibda jiddekorri qabel id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jsir jaf b’dan l-indirizz. (3) Il-paragrafi preċedenti ma għandhomx japplikaw għal kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja ta’ grupp u għal kuntratti li għandhom tul massimu ta’ sitt xhur.” |
15 |
L-Artikolu 165a tal-VersVG, fil-verżjoni fis-seħħ fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2012, kien jipprevedi: “(1) Id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu d-dritt li jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt fi żmien tletin jum mid-data li fiha jiġi informat bil-konklużjoni tal-kuntratt. Jekk l-assiguratur ikun ta kopertura provviżorja, huwa għandu jkun intitolat għal primjum li jikkorrispondi għat-tul tagħha. (2) Jekk l-assiguratur ma jkunx ikkonforma mal-obbligu li jikkomunika l-indirizz tiegħu (punt 1 tal-Artikolu 9a(1) tal-Liġi Federali dwar il-Ġestjoni u s-Sorveljanza tal-Assigurazzjoni Privata), it-terminu għar-rinunzja skont il-paragrafu 1 ma għandux jibda jiddekorri qabel id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jsir jaf b’dan l-indirizz. (3) Il-paragrafi preċedenti ma għandhomx japplikaw għal kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja ta’ grupp u għal kuntratti li għandhom tul massimu ta’ sitt xhur.” |
16 |
L-Artikolu 165a tal-VersVG, fil-verżjoni fis-seħħ fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2015, kien jipprevedi: “(1) Id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu d-dritt li jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt fi żmien tletin jum mid-data li fiha jiġi informat bil-konklużjoni tal-kuntratt. Jekk l-assiguratur ikun ta kopertura provviżorja, huwa għandu jkun intitolat għal primjum li jikkorrispondi għat-tul tagħha. (2) Jekk l-assiguratur ma jkunx ikkonforma mal-obbligu li jikkomunika l-indirizz tiegħu (punt 1 tal-Artikolu 9a(1) tal-Liġi Federali dwar il-Ġestjoni u s-Sorveljanza tal-Assigurazzjoni Privata), it-terminu għar-rinunzja skont il-paragrafu 1 ma għandux jibda jiddekorri qabel id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jsir jaf b’dan l-indirizz. (2a) Jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni huwa konsumatur (punt 2 tal-Artikolu 1(1) tal-Konsumentenschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi), tat-8 ta’ Marzu 1979 (BGB1. 140/1979)) it-terminu għar-rinunzja skont il-paragrafi 1 u 2 jibda jiddekorri biss hekk kif dan ikun ġie informat b’dan id-dritt ta’ rinunzja. (3) Il-paragrafi preċedenti ma għandhomx japplikaw għal kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja ta’ grupp u għal kuntratti li għandhom tul massimu ta’ sitt xhur.” |
17 |
L-Artikolu 176 tal-VersVG, fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. 509/1994, jipprevedi: “(1) Meta assigurazzjoni kapitali fil-każ ta’ mewt maħruġa b’tali mod li jkun ċert li ser jistkatta l-obbligu tal-assiguratur li jħallas il-kapital miftiehem tiġi kkanċellata permezz ta’ rinunzja, xoljiment jew kontestazzjoni, l-assiguratur għandu jirrimborsa l-valur tax-xiri mill-ġdid dovut taħt l-assigurazzjoni. […] (3) Il-valur tax-xiri mill-ġdid għandu jiġi kkalkolat skont ir-regoli attwarjali rrikonoxxuti fuq il-bażi tal-prinċipji tal-kalkolu tal-primjums mal-iskadenza tal-perijodu ta’ assigurazzjoni attwali, bħala valur attwali tal-assigurazzjoni. L-arrettrati marbuta mal-primjums għandhom jitnaqqsu mill-valur tax-xiri mill-ġdid. (4) L-assiguratur jista’ japplika tnaqqis biss jekk dan ikun miftiehem mad-detentur tal-polza u jekk ikun adegwat.” |
18 |
L-Artikolu 9a tal-Liġi Federali dwar il-Ġestjoni u s-Sorveljanza tal-Assigurazzjoni Privata, fil-verżjoni fis-seħħ fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu 1996 u d-9 ta’ Diċembru 2007, kien jipprovdi: “(1) Meta jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni dwar riskju li jinsab fit-territorju nazzjonali, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jirċievi bil-miktub, qabel ma jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt, informazzjoni dwar:
[…]
|
19 |
L-Artikolu 9a tal-Liġi Federali dwar il-Ġestjoni u s-Sorveljanza tal-Assigurazzjoni Privata, fil-verżjoni fis-seħħ fir-rigward tal-perijodu bejn l-10 ta’ Diċembru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2015, kien jipprovdi: “(1) Meta jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni diretta dwar riskju li jinsab fit-territorju nazzjonali, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jirċievi bil-miktub, qabel ma jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt, informazzjoni dwar:
[…]
|
It-tilwimiet fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawżi C‑355/18 sa C‑357/18
20 |
B. Rust-Hackner, C. Gmoser kif ukoll B. Plackner kienu individwalment ikkonkludew kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja marbut ma’ fondi ta’ investiment ma’ Nürnberger. Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li kull wieħed minn dawn il-kuntratti kien jinkludi l-informazzjoni li r-rinunzja għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni kellha tiġi fformulata bil-miktub sabiex tkun valida. |
21 |
B. Rust-Hackner xoljiet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja tagħha fl-14 ta’ Marzu 2017. Fit-23 ta’ Mejju 2017 hija ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għal dan il-kuntratt minħabba li Nürnberger kienet tatha informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja. |
22 |
C. Gmoser, fl-2010, ipproċeda bix-xiri mill-ġdid tal-kuntratt tiegħu konkluż fl-1998. Kien biss fit-3 ta’ Mejju 2017 li ddikjara li kien qiegħed jirrinunzja għal dan il-kuntratt, u dan għall-istess raġuni li Nürnberger kienet tatu informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja. |
23 |
Għall-istess raġuni, B. Plackner, fis-27 ta’ Mejju 2017, iddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għall-kuntratt tagħha konkluż fl-2000 u li kien għadu qiegħed jiġi eżegwit. |
24 |
Il-qorti Awstrijaka tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet ta’ B. Rust-Hackner, ta’ C. Gmoser u ta’ B. Plackner intiżi għall-ħlas lura tal-primjums kollha mħallsa kif ukoll għall-interessi minħabba l-arrikkiment indebitu ta’ Nürnberger. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, peress li d-dritt Awstrijak ma jipprevedix li r-rinunzja għandha tiġi fformulata bil-miktub, l-informazzjoni mogħtija minn Nürnberger lid-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni kienet żbaljata. Issa, kif jirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864), informazzjoni żbaljata hija ekwivalenti għal assenza ta’ informazzjoni, li minħabba fiha ma skattax it-terminu ta’ dekadenza previst għad-dritt ta’ rinunzja, b’tali mod li dan id-dritt seta’ jiġi eżerċitat mingħajr limitazzjoni ratione temporis, inkluż wara x-xoljiment tal-kuntratt. |
25 |
Adita b’appell, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) għandha dubju dwar jekk, minkejja l-fatt li l-informazzjoni li teżiġi li d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja għandha tiġi fformulata bil-miktub ma tqarraqx bid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar l-eżistenza tad-dritt li jirrinunzja għall-kuntratt, tali informazzjoni tistax xorta waħda titqies li hija żbaljata fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, b’tali mod li d-dritt ta’ rinunzja għandu jiġi eżerċitat mingħajr limitazzjoni ratione temporis. |
26 |
B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tosserva li, f’dan il-każ, l-informazzjoni mogħtija kienet konformi mar-rekwiżiti legali u kienet tindika b’mod korrett it-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja, b’tali mod li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni kien informat dwar id-dritt tiegħu. Barra minn hekk, il-forma bil-miktub ma hijiex ipprojbita mid-dritt Awstrijak u hija intiża sabiex tħares iċ-ċertezza legali, inkluż fl-interess tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni stess. Barra minn hekk, l-indikazzjoni dwar il-formulazzjoni bil-miktub tar-rinunzja ma tidhirx li hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tipprekludi lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni milli jipproċedi għal rinunzja fit-termini previsti. |
27 |
B’dan premess, fid-dawl kemm tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864), kif ukoll tal-għan segwit mill-għoti tal-informazzjoni, imsemmi fil-premessa 23 tad-Direttiva 92/96, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) għandha dubju dwar jekk interpretazzjoni tad-dritt Awstrijak konformi ma’ din id-direttiva teżiġix li jitqies li, f’tali ċirkustanzi, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu mingħajr limitazzjoni ratione temporis. |
28 |
Barra minn hekk, fil-kuntest tal-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18, l-istess qorti għandha dubju wkoll dwar jekk rinunzja għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja tistax, minħabba l-għoti ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tad-dritt ta’ rinunzja, isseħħ anki wara li l-kuntratt ikun ġie xolt minħabba d-denunzja tiegħu jew minħabba x-xiri mill-ġdid tiegħu mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni. |
29 |
Fil-fatt, wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja u tal-provvista reċiproka tal-prestazzjonijiet marbuta miegħu, ma jkun għad hemm ebda obbligu futur li joħroġ mill-kuntratt u li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun jista’ jinħeles minnu, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619. Barra minn hekk, rinunzja wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja tagħti lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni possibbiltajiet ta’ spekulazzjoni għad-detriment tal-impriża ta’ assigurazzjoni u tal-komunità ta’ persuni assigurati, sitwazzjoni li ma hijiex konformi mal-għan mixtieq fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. |
30 |
F’dan il-kuntest, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel, fil-kuntest tal-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18, iż-żewġ domandi preliminari segwenti kif ukoll, fil-kuntest tal-Kawża C‑357/18, l-ewwel waħda minn dawn id-domandi:
|
Il-Kawża C‑479/18
31 |
Għall-finijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑479/18, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) għaqdet erba’ kawżi pendenti quddiemha u sejħithom “proċeduri A, B, C u D”. |
32 |
Il-“proċedura A” hija bejn KL u UNIQA. KL kienet ikkonkludiet, mal-predeċessur legali ta’ UNIQA, kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja għall-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu 1997 u l-1 ta’ Awwissu 2032. Fil-formola tal-offerta ta’ dan il-kuntratt, KL irċeviet l-informazzjoni li r-rinunzja għall-kuntratt kellha ssir bil-miktub sabiex tkun valida. |
33 |
Fl-24 ta’ Ottubru 2017, KL informat lil UNIQA li kienet qiegħda tirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tagħha. Peress li din tal-aħħar ma aċċettatx espliċitament din ir-rinunzja, KL qiegħda titlob il-ħlas lura tal-primjums kollha, ħlief għan-nefqa tar-riskji, li hija kienet ħallset, flimkien mal-interessi. |
34 |
Il-“proċedura B” hija bejn LK u DONAU. LK kienet ikkonkludiet ma’ DONAU kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja għall-perijodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2003 u l-1 ta’ Diċembru 2022. LK ma kinitx ġiet informata, qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, dwar id-dritt ta’ rinunzja tagħha. |
35 |
Wara li, fl-2013, xoljiet l-imsemmi kuntratt u kisbet b’hekk il-valur tax-xiri mill-ġdid tiegħu, LK informat lil DONAU, fl-4 ta’ Jannar 2018, li kienet qiegħda tirrinunzja għall-effetti ta’ dan l-istess kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-raġuni li kienet ingħatat informazzjoni insuffiċjenti dwar id-dritt ta’ rinunzja tagħha. Peress li DONAU ma weġbitx, LK qiegħda issa titlob il-ħlas lura tal-primjums kollha, ħlief għan-nefqa tar-riskji, li hija kienet ħallset, flimkien mal-interessi u wara li jitnaqqas il-valur tax-xiri mill-ġdid li hija kienet diġà rċeviet fl-2013. |
36 |
Il-“proċeduri C u D” huma bejn, rispettivament, MJ u NI, minn naħa, u Allianz, min-naħa l-oħra. MJ u NI kienu kkonkludew, it-tnejn li huma, kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja ma’ Allianz għall-perijodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2011 u l-1 ta’ Diċembru 2037. Fil-formola ta’ offerta ta’ dawn il-kuntratti, Allianz informat lil MJ u lil NI li kellhom id-dritt li jirrinunzjaw “bil-miktub” għall-effetti tal-kuntratt. |
37 |
Fl-2017, MJ u NI ddikjaraw lil Allianz li kienu qegħdin jirrinunzjaw għall-effetti tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tagħhom. Peress li Allianz ma aċċettatx espliċitament din ir-rinunzja, MJ u NI qegħdin issa jitolbu l-ħlas lura tal-primjums kollha, ħlief għan-nefqa tar-riskji, li kienu ħallsu, flimkien mal-interessi. |
38 |
Il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) tfakkar li l-kundizzjonijiet dwar il-validità tar-rinunzja li ma humiex irregolati direttament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni huma rregolati, konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, mid-dritt nazzjonali. Issa, skont l-imsemmija qorti, fid-dritt Awstrijak, id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni formali partikolari. Hija għalhekk għandha dubju, fl-ewwel lok, dwar jekk it-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jistax jibda jiddekorri minkejja informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-modalitajiet għall-eżerċizzju tiegħu. F’dan ir-rigward, l-istess qorti għandha dubju dwar l-opportunità li tiġi applikata, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-impriża ta’ assigurazzjonijiet ma tkun tat ebda informazzjoni lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja tiegħu, din l-impriża ma tistax tqajjem fil-konfront ta’ dan id-detentur il-fatt li t-terminu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt skada. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni ta’ jekk dan jgħoddx ukoll fil-każ li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun irċieva informazzjoni preċiża dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ rinunzja tiegħu u dwar it-terminu mogħti għall-eżerċizzju tiegħu, iżda jkun irċieva informazzjoni żbaljata dwar il-ħtieġa li d-dikjarazzjoni tiegħu tiġi fformulata bil-miktub. |
39 |
Fit-tieni lok, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) tixtieq tkun taf jekk, fi kwalunkwe każ, it-terminu sabiex jiġi rrinunzjat il-kuntratt jibdiex jiddekorri mill-mument li fih id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun kiseb b’mod ieħor konoxxenza effettiva tal-eżistenza ta’ dan id-dritt, minkejja l-informazzjoni żbaljata mogħtija mill-impriża ta’ assigurazzjoni. Risposta fl-affermattiv tista’ tkun iġġustifikata fil-każ li d-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dan il-każ ikollu l-għan esklużiv li jiġi żgurat li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun jaf bid-drittijiet tiegħu u b’hekk ikun jista’ jeżerċitahom. Madankollu, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk l-għan tad-dritt ta’ rinunzja jkun wkoll li l-impriżi ta’ assigurazzjoni jiġu inkoraġġuti josservaw l-obbligi ta’ informazzjoni tagħhom. |
40 |
Fit-tielet lok, u fir-rigward tal-“proċedura B” li fil-kuntest tagħha LK xoljiet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja tagħha u kisbet il-valur tax-xiri mill-ġdid tiegħu b’tali mod li ma għad hemm ebda obbligu kuntrattwali futur, l-istess qorti għandha dubju wkoll dwar jekk id-dritt ta’ rinunzja kienx, fi kwalunkwe każ, intemm, fid-dawl tal-fatt li dan id-dritt huwa maħsub biss sabiex jeħles lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni minn kull obbligu futur li joħroġ mill-kuntratt. |
41 |
Fir-raba’ lok, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk, fil-każ ta’ rinunzja minħabba l-għoti tard ta’ informazzjoni dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jistax ikollu biss pretensjoni għar-rimbors tal-valur tax-xiri mill-ġdid tal-kuntratt tiegħu jew, għall-kuntrarju, għall-ħlas lura ta’ kull somma mħallsa, wara li jitnaqqsu l-primjums dovuti fir-rigward tal-perijodu li matulu kien kopert. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li d-dritt ta’ rinunzja jkun b’hekk imċaħħad minn kull effett utli jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, permezz tar-rinunzja, ma jkun jista’ jikseb xejn iktar għajr il-valur tax-xiri mill-ġdid. |
42 |
Fl-aħħar nett, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk it-terminu ġenerali ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jistax jiġi applikat għall-eżerċizzju tad-dritt għall-interessi remunerattivi previst fil-każ tal-ħlas lura ta’ somom mhux dovuti, f’liema każ l-ammont ta’ dawn l-interessi jkun limitat għall-parti marbuta ma’ dan il-perijodu ta’ tliet snin. |
43 |
L-istess qorti tispeċifika li, skont il-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 165a(2) tal-VersVG mad-dritt tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-għoti ta’ informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja huwa assimilat ma’ assenza ta’ informazzjoni u li l-għoti ta’ tali informazzjoni għandu l-effett li jippermetti lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu mingħajr limitazzjoni ratione temporis. |
44 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
45 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kawżi C‑355/18 sa C‑357/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2019, dawn it-tliet kawżi ġew magħquda mal-Kawża C‑479/19 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza. |
46 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2019, Nürnberger, UNIQA u Allianz talbu li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura. |
47 |
Insostenn tat-talba tagħhom huma jsostnu, l-ewwel nett, li s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Romano (C‑143/18, EU:C:2019:701), li ngħatat xahrejn wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’dawn il-kawżi, għandha tkun tista’ tiġi diskussa mill-partijiet interessati, it-tieni nett, li l-argumenti magħmula fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar ir-rekwiżiti formali għad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja, huma argumenti ġodda u għandhom ukoll ikunu jistgħu jiġu diskussi, u, it-tielet nett, li diversi aspetti prinċipali tal-imsemmija konklużjonijiet ġew ikkritikati mid-duttrina Awstrijaka u Svizzera, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema huma l-partijiet tal-primjums tal-assigurazzjoni li għandhom jitħallsu lura fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2018, Acmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26, kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 61). |
49 |
Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiha, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li fuq il-bażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għal dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil min-naħa ta’ parti interessata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet eżaminati minnu f’dawn il-konklużjonijiet, ma huwiex fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27, kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 62). |
50 |
Madankollu, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet interessati. |
51 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tqis, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa quddiemha ma tqajjem ebda fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li hija għandha tagħti fil-kawżi ineżami. Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2019, Romano (C‑143/18, EU:C:2019:701), din is-sentenza tikkonċerna talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2), tal-Artikolu 5(1), tat-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 6(2)(ċ), tal-Artikolu 6(6) u tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14), direttiva li bl-ebda mod ma hija inkwistjoni fil-kawżi ineżami. |
52 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, wara l-fażi bil-miktub u l-fażi orali tal-proċedura f’dawn il-kawżi, hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tagħti risposta għad-domandi li sarulha u li r-risposti għal dawn id-domandi ma jeħtieġux li jittieħdu inkunsiderazzjoni argumenti, bħal dawk imsemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet interessati. |
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
54 |
B. Rust-Hackner, C. Gmoser, B. Plackner u, fir-rigward tat-tielet u tal-ħames domanda magħmula fil-kuntest tal-Kawża C‑479/18, Allianz u UNIQA jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal domandi li jikkonċernaw biss id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, minn naħa, il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja għandhom jiġu rregolati mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, id-dritt Awstrijak applikabbli kien ippreveda speċifikament l-obbligu, li jaqa’ fuq l-impriża ta’ assigurazzjoni, li d-detenturi ta’ polza ta’ assigurazzjoni jiġu informati, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni u bil-miktub, dwar iċ-ċirkustanzi li fihom dawn id-detenturi jistgħu jirrevokaw dan il-kuntratt jew jirrinunzjaw għall-effetti tiegħu. |
55 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 23 sa 25 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa minnu li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619 u l-Artikolu 31(1) u (4) tad-Direttiva 92/96, moqri flimkien mal-punt a.13 tal-Parti A tal-Anness II ta’ din id-direttiva, jagħtu lill-Istati Membri r-responsabbiltà li jadottaw ir-regoli li jiffissaw il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja kif ukoll dawk dwar il-komunikazzjoni, b’mod partikolari, ta’ informazzjoni marbuta mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tispeċifika li, meta jadottaw dawn ir-regoli, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-effett utli tal-imsemmija direttivi, fid-dawl tal-għan tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli f’dawn il-kawżi u li, għalhekk, hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula f’dawn il-kawżi. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑355/18 sa C‑357/18
57 |
B. Rust-Hackner, C. Gmoser u B. Plackner jesprimu dubju dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑355/18 sa C‑357/18, għar-raġuni li d-deċiżjonijiet ta’ rinviju f’dawn il-kawżi jesponu l-kuntest ġuridiku nazzjonali b’mod insuffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
58 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-domandi preliminari magħmula fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi jikkonċernaw direttament l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb kjarifika dwar il-limiti tal-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja previst minn dawn id-dispożizzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali li tinsab fl-imsemmija deċiżjonijiet ta’ rinviju bl-ebda mod ma tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-partijiet interessati milli jifhmu l-imsemmija domandi kif ukoll il-kuntest li fih saru. |
59 |
Minn dan isegwi li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli. |
Fuq l-unika domanda fil-Kawża C‑357/18 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑479/18
60 |
Permezz tal-unika domanda fil-Kawża C‑357/18 u tal-ewwel domanda fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑479/18, il-qrati tar-rinviju jixtiequ jkunu jafu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, u l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2009/138, moqri flimkien mal-Artikolu 186(1) ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja għal kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja jibda jiddekorri mill-mument li fih id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jiġi informat li l-kuntratt huwa konkluż, u dan anki jekk l-informazzjoni mogħtija mill-impriża ta’ assigurazzjoni lil dan id-detentur jew tonqos milli tispeċifika li d-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt ma jipprevedi ebda rekwiżit formali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt ta’ rinunzja jew tindika rekwiżiti formali li fil-verità ma humiex meħtieġa mid-dritt nazzjonali applikabbli għal dan il-kuntratt. |
61 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, applikabbli ratione temporis għat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, kollha jipprovdu, essenzjalment, minn naħa, li d-detentur ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja individwali għandu terminu ta’ bejn erbatax u tletin jum, li jiddekorri mill-mument li fih dan id-detentur jiġi informat li l-kuntratt huwa konkluż, sabiex jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt, rinunzja din li għandha l-effett li teħles lid-detentur minn kull obbligu futur li joħroġ minn dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, li l-effetti legali l-oħra u l-kundizzjonijiet tar-rinunzja għandhom jiġu rregolati konformement mal-liġi applikabbli għall-kuntratt, b’mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet li bihom id-detentur jiġi informat li l-kuntratt huwa konkluż. |
62 |
Kif ġie indikat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tispeċifika, f’dan ir-rigward, li huwa minnu li l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli dwar il-modalitajiet speċifiċi għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja, u li dawn il-modalitajiet jistgħu jinkludu, min-natura tagħhom, ċerti limitazzjonijiet għal dan id-dritt. Madankollu, meta jadottaw dawn ir-regoli, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw l-effett utli tad-Direttivi 90/619 u 92/96, fid-dawl tal-għan tagħhom. |
63 |
Issa, fir-rigward tal-għan tal-imsemmija direttivi, għandu jitfakkar li l-premessa 23 tad-Direttiva 92/96 kienet tindika li, “fil-kuntest ta’ suq uniku tal-assigurazzjoni, il-konsumatur [kien] ser ikollu għażla ikbar u iktar diversa ta’ kuntratti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, skont din il-premessa, “sabiex ikun jista’ jibbenefika b’mod sħiħ minn din id-direttiva u minn kompetizzjoni msaħħa, il-konsumatur [kellu] jkollu l-informazzjoni meħtieġa sabiex jagħżel il-kuntratt li jkun jikkorrispondi l-iktar għall-ħtiġijiet tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, l-imsemmija premessa kienet tispeċifika li “din il-ħtieġa ta’ informazzjoni [kienet] ferm iktar importanti minħabba li t-tul tal-impenji [seta’] jkun twil ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 24). |
64 |
Sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ informazzjoni, l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 92/96, moqri flimkien mal-punt a.13 tal-Parti A tal-Anness II tagħha, kien jipprevedi li, “mill-inqas”, il-“[m]odalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja” kellhom jiġu kkomunikati lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni “qabel il-konklużjoni tal-kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 25). |
65 |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja iddeduċiet li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iskadenza tad-dritt tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jirrinunzja għall-kuntratt f’mument li fih ma jkunx ġie informat dwar dan id-dritt ma tippermettix li jintlaħaq għan essenzjali segwit mid-Direttivi 90/619 u 92/96 u, għaldaqstant, tmur kontra l-effett utli tagħhom. |
66 |
Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu estiżi għad-Direttivi 2002/83 u 2009/138, li fir-rigward tagħhom il-premessi 52 u 79, rispettivament, jiddikjaraw l-istess għanijiet. |
67 |
Minn dan isegwi, fl-ewwel lok, li, sakemm id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jkun irċieva ebda informazzjoni dwar l-eżistenza stess tad-dritt ta’ rinunzja, it-terminu ta’ dekadenza previst għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jistax jibda jiddekorri. |
68 |
Fil-fatt, f’tali każ, peress li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jkunx jaf bl-eżistenza ta’ tali dritt, ikun impossibbli għalih li jeżerċitah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 27). |
69 |
Barra minn hekk, l-impriża ta’ assigurazzjoni ma tistax tinvoka, b’mod validu, raġunijiet ta’ ċertezza legali sabiex tirrimedja sitwazzjoni kkawżata min-nuqqas tagħha stess li tikkonforma ruħha mar-rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, li tikkomunika lista definittiva ta’ informazzjoni, li tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar id-dritt tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jirrinunzja għall-kuntratt (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 30). |
70 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu mhux biss jiġi informat dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ rinunzja, iżda għandu wkoll jirċievi, konformement mal-punt a.13 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 92/96, mal-punt a.13 tal-parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83, kif ukoll mal-Artikolu 185(3)(j) u (6) tad-Direttiva 2009/138, b’mod partikolari, informazzjoni dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, informazzjoni din li għandha tingħata bil-miktub, b’mod ċar u preċiż. |
71 |
Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttivi jirriżulta b’mod ċar li dawn huma intiżi li jiġi żgurat li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jirċievi informazzjoni preċiża dwar, b’mod partikolari, id-dritt ta’ rinunzja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 25). |
72 |
B’mod partikolari, sa fejn l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet formali tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja hija meħtieġa sabiex id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu, din l-informazzjoni għandha tingħatalu. Dan japplika b’mod partikolari meta d-dritt nazzjonali jimponi imperattivament tali kundizzjonijiet fuq il-partijiet f’kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja. Fil-fatt, dikjarazzjoni ta’ rinunzja mwettqa b’forom differenti minn dawk previsti imperattivament tista’ titqies li ma hijiex valida. |
73 |
Mill-proċessi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ ineżami, id-dritt Awstrijak applikabbli għall-kawżi prinċipali kien jipprevedi li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja ma kien suġġett għal ebda kundizzjoni formali partikolari. Għall-kuntrarju, minn dawn il-proċessi ma jirriżultax b’mod ċar li d-dritt Awstrijak jippermetti lill-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għalll-osservanza ta’ kundizzjonijiet formali. |
74 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, jekk id-dritt Awstrijak ma jippermettix lill-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni jiftiehmu dwar forma partikolari għad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja, ma jkunx neċessarju, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dritt ta’ rinunzja, li jkun meħtieġ li d-detentur jiġi obbligatorjament informat dwar il-fatt li dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat bi kwalunkwe forma, tkun liema tkun. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun jista’ jikkomunika b’mod validu lill-impriża ta’ assigurazzjoni l-intenzjoni tiegħu li jirrinunzja għall-kuntratt fil-forma tal-għażla tiegħu u, għalhekk, mingħajr ma din l-impriża tkun tista’ teżiġi li d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja titwettaq f’forma partikolari, b’tali mod li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja previst fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bl-ebda mod ma jkun limitat. Naturalment, anki f’din l-ipoteżi, l-impriża ta’ assigurazzjoni żżomm il-possibbiltà li tinforma lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni bl-assenza ta’ forma prevista fid-dritt nazzjonali. |
75 |
Jekk, għall-kuntrarju, il-partijiet fil-kuntratt setgħu, skont id-dritt Awstrijak, jidderogaw mill-assenza ta’ forma prevista f’dan id-dritt, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkollu obbligatorjament jirċievi informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet formali tad-dritt ta’ rinunzja. |
76 |
Min-naħa l-oħra, sabiex tkun preċiża, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet formali tad-dritt ta’ rinunzja, kemm jekk obbligatorja u kemm jekk fakultattiva, għandha tkun konformi mad-dritt nazzjonali jew mal-klawżoli kuntrattwali miftiehma bejn il-partijiet b’osservanza tad-dritt applikabbli għal dan il-kuntratt. |
77 |
Minn dan isegwi li għandha titqies li hija żbaljata l-informazzjoni mogħtija minn impriża ta’ assigurazzjoni li teżiġi l-osservanza ta’ kundizzjonijiet formali għad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux konformi mar-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mid-dritt applikabbli jew mill-klawżoli tal-kuntratt, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qrati tar-rinviju. |
78 |
Issa, għalkemm l-għoti lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar ir-rekwiżiti formali meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jista’ jqarraq b’dan id-detentur fir-rigward tad-dritt ta’ rinunzja tiegħu u, għalhekk, jista’ jiġi assimilat mal-assenza ta’ kull informazzjoni f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Hamilton, C‑412/06, EU:C:2008:215, punt 35), ma jistax jitqies li kull żball dwar l-imsemmija rekwiżiti formali, li jinsab fl-informazzjoni mogħtija mill-impriża ta’ assigurazzjoni lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, jikkorrispondi għal nuqqas ta’ informazzjoni. |
79 |
B’mod partikolari, meta informazzjoni, anki jekk żbaljata, ma ċċaħħadx lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni mill-possibbiltà li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, essenzjalment fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu japplikaw li kieku l-informazzjoni kienet preċiża, ikun sproporzjonat jekk dan tal-aħħar jitħalla jillibera ruħu mill-obbligi li joħorġu minn kuntratt konkluż in bona fide. |
80 |
Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, id-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni, informat dwar id-dritt ta’ rinunzja tiegħu, iżomm il-possibbiltà kollha li jeżerċita dan id-dritt u li jirtira mill-impenji li jkun ħa, b’tali mod li b’hekk ikun żgurat l-għan tad-Direttivi 90/619, 92/96, 2002/83 u 2009/138, imsemmi fil-punti 63 sa 66 ta’ din is-sentenza. |
81 |
Fil-kawżi prinċipali, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw jekk l-impriżi ta’ assigurazzjoni tawx informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet formali tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja. Fl-affermattiv, l-imsemmija qrati għandhom jevalwaw ukoll jekk din l-informazzjoni kinitx preċiża jew inkella kinitx tant żbaljata li, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali u l-fatti fil-kawżi prinċipali, ċaħħdet lid-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni mill-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt ta’ rinunzja tagħhom essenzjalment fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu japplikaw li kieku din l-informazzjoni kienet preċiża. |
82 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-unika domanda fil-Kawża C‑357/18 u għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑479/18 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2009/138, moqri flimkien mal-Artikolu 186(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja għal kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja jibda jiddekorri mill-mument li fih id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jiġi informat li l-kuntratt huwa konkluż, anki jekk l-informazzjoni mogħtija mill-impriża ta’ assigurazzjoni lil dan id-detentur
|
Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑479/18
83 |
Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑479/18, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ informazzjoni mogħtija mill-impriża ta’ assigurazzjoni lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, dwar id-dritt ta’ rinunzja ta’ dan tal-aħħar, jew fil-preżenza ta’ informazzjoni mogħtija mill-impriża ta’ assigurazzjoni li tkun tant żbaljata li ċċaħħad lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni mill-possibbiltà li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, essenzjalment, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jkunu applikabbli li kieku l-informazzjoni kienet preċiża, it-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja ma jiddekorrix, anki jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni sar jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rinunzja b’mezzi oħra. |
84 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat li la l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619 u lanqas l-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96 ma jispeċifikaw espliċitament li l-informazzjoni li għaliha jirreferu dawn id-dispożizzjonijiet għandha tingħata lid-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni mill-impriżi ta’ assigurazzjoni. |
85 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li d-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-impriża ta’ assigurazzjoni tagħti lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni lista definittiva ta’ informazzjoni, li tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar id-dritt tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jirrinunzja għall-kuntratt (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 30). |
86 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun irċieva, permezz ta’ mezzi oħra, il-kontenut preċiż ta’ informazzjoni li l-impriża ta’ assigurazzjoni kienet obbligata tagħtih ma jistax jipproduċi l-istess effetti legali fuq it-terminu għar-rinunzja bħall-għoti ta’ din l-istess informazzjoni lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni minn din l-impriża, li b’hekk jeħles lil din tal-aħħar minn kull obbligu f’dan ir-rigward. |
87 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, li kieku s-sitwazzjoni kienet differenti, dan kien imur kontra l-għan tad-Direttiva 2002/83, imsemmi fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, li jiġi żgurat li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jirċievi informazzjoni preċiża, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ rinunzja, informazzjoni li, kif ġie speċifikat fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, għandha tingħata mill-impriża ta’ assigurazzjoni. |
88 |
It-tieni nett, kif tosserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li jinkiseb għarfien tad-dritt ta’ rinunzja f’kuntest li ma jaqax fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali fejn id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-impriża ta’ assigurazzjoni jista’ jqajjem diffikultajiet fil-qasam tal-prova, b’mod partikolari fir-rigward tal-mument li fih inkiseb dan l-għarfien u għalhekk fir-rigward tal-iffissar tat-terminu li fih għandu jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rinunzja. |
89 |
Fl-aħħar nett, kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea, jekk l-impriża ta’ assigurazzjoni tinħeles mill-obbligu ta’ informazzjoni tagħha għar-raġuni li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni kiseb għarfien tal-kontenut ta’ din l-informazzjoni permezz ta’ mezzi oħra, din l-impriża ma tkunx inkoraġġuta sabiex tosserva l-obbligu tagħha li tagħti informazzjoni preċiża lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni. |
90 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawża C‑479/18 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ informazzjoni mogħtija mill-impriża ta’ assigurazzjoni lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, dwar id-dritt ta’ rinunzja ta’ dan tal-aħħar, jew fil-preżenza ta’ informazzjoni mogħtija mill-impriża ta’ assigurazzjoni li tkun tant żbaljata li ċċaħħad lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni mill-possibbiltà li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, essenzjalment, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jkunu applikabbli li kieku l-informazzjoni kienet preċiża, it-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja ma jiddekorrix, anki jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni sar jaf bl-eżistenza tad-dritt ta’ rinunzja b’mezzi oħra. |
Fuq it-tieni domanda fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18 kif ukoll fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑479/18
91 |
Permezz tat-tieni domanda fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18 kif ukoll permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C‑479/18, il-qrati tar-rinviju jixtiequ jkunu jafu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96, u l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, ladarba jiġi xolt il-kuntratt u ladarba jiġu ssodisfatti l-obbligi kollha li joħorġu minnu, fosthom b’mod partikolari l-ħlas, mill-impriża ta’ assigurazzjoni, tal-valur tax-xiri mill-ġdid, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun għadu jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, f’sitwazzjoni fejn id-dritt applikabbli għall-kuntratt ma jirregolax l-effetti legali tal-assenza ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja jew l-għoti ta’ informazzjoni żbaljata. |
92 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619 u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83, in-notifika mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni tar-rinunzja tiegħu għall-kuntratt għandha l-effett li teħilsu minn kull obbligu futur li joħroġ minn dan il-kuntratt. |
93 |
Minn dan jirriżulta li, ladarba d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun għamel id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tiegħu fit-termini previsti għal dan il-għan, huwa jkun irrilaxxat minn kull obbligu futur li joħroġ mill-kuntratt, li l-eżekuzzjoni tiegħu ma tkunx tista’ tintalab mill-impriża ta’ assigurazzjoni. |
94 |
Dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom għandha titwettaq dikjarazzjoni ta’ rinunzja u lanqas ma jirregolaw l-effetti legali ta’ din ir-rinunzja fuq l-obbligi, b’mod partikolari ta’ ħlas lura, li d-dritt nazzjonali jista’ jimponi fuq l-impriża ta’ assigurazzjoni. |
95 |
Fil-fatt, tali kundizzjonijiet u effetti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619 u mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83, għandhom jiġu rregolati konformement mal-liġi applikabbli għall-kuntratt. |
96 |
Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-Istati Membri jissuġġettaw għall-istat ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja l-possibbiltà ta’ rinunzja għal dan il-kuntratt jew l-effetti legali ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja għal tali kuntratt imwettqa fit-termini previsti għal dan il-għan, bħalma huwa t-tnissil eventwali ta’ obbligu ta’ ħlas lura. B’hekk, f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li d-dritt Awstrijak ma jgħid xejn f’dan ir-rigward, id-dritt ta’ rinunzja jista’ jibqa’ jiġi eżerċitat anki wara li l-kuntratt ikun ġie xolt u anki wara li l-obbligi kollha li joħorġu minnu jkunu ġew eżegwiti. |
97 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu DONAU u l-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tagħhom, tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma hijiex kontradetta mis-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Hamilton (C‑412/06, EU:C:2008:215), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt ta’ revoka previst fid-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), ma jkunx jista’ jiġi eżerċitat meta ma jkunx għad hemm impenn. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza tikkonċerna l-konformità, ma’ din id-direttiva, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-iskadenza tad-dritt ta’ revoka xahar wara l-eżekuzzjoni kompleta, mill-partijiet kontraenti, tal-obbligi li joħorġu mill-kuntratt. Issa, fil-kawżi prinċipali, tali dispożizzjoni ma hijiex inkwistjoni sa fejn il-leġiżlatur Awstrijak ma adottatx tali dispożizzjoni fir-rigward tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 31). |
98 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18 kif ukoll għat-tielet domanda fil-Kawża C‑479/18 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96, u l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ladarba jiġi xolt il-kuntratt u ladarba jiġu ssodisfatti l-obbligi kollha li joħorġu minnu, fosthom b’mod partikolari l-ħlas, mill-impriża ta’ assigurazzjoni, tal-valur tax-xiri mill-ġdid, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun għadu jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, kemm il-darba d-dritt applikabbli għall-kuntratt ma jirregolax l-effetti legali tal-assenza ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja jew l-għoti ta’ informazzjoni żbaljata. |
Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑479/18
99 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża ta’ assigurazzjoni hija obbligata tirrimborsa, lil detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, il-valur tax-xiri mill-ġdid biss. |
100 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, kif diġà ġie osservat fil-punti 61, 62 u 66 ta’ din is-sentenza, l-effetti legali tar-rinunzja, għajr dawk previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu rregolati konformement mal-liġi applikabbli għall-kuntratt u li, meta jadottaw dawn ir-regoli, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-effett utli tad-Direttivi 90/619, 92/96, 2002/83 u 2009/138, fid-dawl tal-għan tagħhom. |
101 |
F’dan ir-rigward, kif diġà ġie osservat, essenzjalment, fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-għan tad-dritt ta’ rinunzja huwa li detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni jkun jista’ jagħżel il-kuntratt li l-iktar jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tiegħu u għalhekk li jkun jista’ jirrinunzja għall-effetti ta’ kuntratt li, wara l-konklużjoni tiegħu, jirriżulta, fit-terminu ta’ riflessjoni previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja, li ma huwiex adegwat għall-bżonnijiet ta’ dan id-detentur. |
102 |
Id-dispożizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138, li jipprovdu li, ladarba d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jwettaq id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja tiegħu fit-termini previsti għal dan il-għan, huwa jinħeles minn kull obbligu futur li joħroġ mill-kuntratt, jissodisfaw preċiżament ir-rekwiżit li tiġi żgurata tali libertà ta’ għażla. |
103 |
Fil-fatt, li kieku d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jibqa’ marbut mill-kuntratt fil-futur, anki wara li jkun irrinunzja għalih, huwa jkun dissważ milli jinvoka d-dritt ta’ rinunzja tiegħu u għalhekk ikun imċaħħad mill-possibbiltà li jagħżel il-kuntratt li l-iktar jikkorrispondi għall-ħtiġijiet tiegħu. |
104 |
L-effetti legali l-oħra li d-dritt applikabbli għall-kuntratt jorbot mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja għandhom ukoll, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tiegħu, ikunu ta’ natura li ma jiddiswadux lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni milli jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu. |
105 |
Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑479/18, l-Artikolu 176 tal-VersVG, fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali, jipprovdi essenzjalment li, fil-każ li assigurazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tiġi kkanċellata permezz ta’ rinunzja, xoljiment jew kontestazzjoni, l-impriża ta’ assigurazzjoni għandha tirrimborsa l-valur tax-xiri mill-ġdid dovut taħt l-assigurazzjoni. |
106 |
Tali dispożizzjoni tirregola għalhekk bl-istess mod, minn naħa, is-sitwazzjoni ta’ detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni li, peress li qies li l-kuntratt kien jikkorrispondi għall-bżonnijiet tiegħu, iddeċieda li ma jinvokax id-dritt ta’ rinunzja tiegħu u, għal raġunijiet oħra, iddeċieda li jxolji l-kuntratt tiegħu u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta’ detentur ta’ polza ta’ assigurazzojni li, peress li qies, għall-kuntrarju, li l-kuntratt ma kienx jikkorrispondi għall-bżonnijiet tiegħu, eżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu. |
107 |
B’hekk, sa fejn torbot l-istess effetti legali b’mod partikolari mar-rinunzja u max-xoljiment tal-kuntratt, l-imsemmija dispożizzjoni ċċaħħad minn kull effett utli d-dritt ta’ rinunzja previst fid-dritt tal-Unjoni. |
108 |
Tali interpretazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-fatt, imsemmi b’mod partikolari minn Allianz, li, jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun intitolat għall-ħlas lura tas-somom imħallsa, l-iżvantaġġi finanzjarji jinġarru b’mod partikolari mill-komunità ta’ persuni assigurati u li, fil-każ ta’ rinunzja tardiva, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-15 ta’ April 2010, E. Friz (C‑215/08, EU:C:2010:186), irrikonoxxiet li l-persuna kkonċernata għandha ġġarrab parti mir-riskji. |
109 |
Fil-fatt, minn naħa, jekk l-impriża ta’ assigurazzjoni tagħti lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni informazzjoni preċiża dwar id-dritt ta’ rinunzja, dan tal-aħħar ikollu biss terminu relattivament qasir sabiex jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, b’tali mod li l-konsegwenzi finanzjarji ta’ eventwali rinunzja fuq il-komunità ta’ persuni assigurati jistgħu jitqiesu li jagħmlu parti mill-ġestjoni ġenerali tar-riskji assigurati. Jekk, għall-kuntrarju, ir-rinunzja titwettaq tard minħabba nuqqas ta’ informazzjoni jew minħabba informazzjoni li tkun tant żbaljata li ċċaħħad lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni mill-possibbiltà li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, essenzjalment fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jkunu applikabbli li kieku l-informazzjoni kienet preċiża, hija l-impriża ta’ assigurazzjoni stess li, kif tfakkar fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, għandha tirrimedja sitwazzjoni kkawżata min-nuqqas tagħha stess li tikkonforma ruħha mar-rekwiżit, li joħroġ mid-dritt tal-Unjoni, li tikkomunika lista definittiva ta’ informazzjoni, li tinkludi, b’mod partikolari, informazzjoni dwar id-dritt tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jirrinunzja għall-kuntratt. |
110 |
Min-naħa l-oħra, il-portata tas-sentenza tal-15 ta’ April 2010, E. Friz (C‑215/08, EU:C:2010:186), hija, konformement mal-punt 24 tagħha, limitata espliċitament għas-sħubija ta’ konsumatur f’fond magħluq ta’ proprjetà immobbli mwaqqaf fil-forma ta’ soċjetà ta’ persuni u għalhekk ma tikkonċernax il-kuntratti aleatorji b’mod ġenerali. |
111 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑479/18 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2009/138 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-impriża ta’ assigurazzjoni hija obbligata tirrimborsa, lil detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, il-valur tax-xiri mill-ġdid biss. |
Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑479/18
112 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għall-eżerċizzju tad-dritt għall-interessi remunerattivi marbut mal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament mitlub minn detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu. |
113 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, meta jipprevedu li d-detentur ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja individwali għandu terminu ta’ bejn erbatax u tletin jum, mill-mument li fih dan id-detentur jiġi informat li l-kuntratt huwa konkluż, sabiex jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt, jagħtu lill-imsemmi detentur dritt ta’ rinunzja. |
114 |
B’hekk, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jikseb id-dritt li jirrinunzja għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja bis-sempliċi fatt li jkun ikkonkluda dan il-kuntratt u l-komunikazzjoni lid-detentur mill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandha biss l-effett li tiskatta t-terminu ta’ dekadenza. |
115 |
Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑479/18 jirriżulta li, sabiex jirregola l-effetti tar-rinunzja, konformement mal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt Awstrijak applikabbli għall-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jipprevedi li, minn naħa, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jimplika l-obbligu li jitħallsu lura l-pagamenti magħmula u, min-naħa l-oħra, mas-somom li għandhom jitħallsu lura għandhom jiżdiedu interessi remunerattivi. Barra minn hekk, id-dritt li wieħed jirċievi tali interessi huwa preskritt minn terminu ta’ tliet snin, li huwa t-terminu ġeneralment previst fl-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili) fir-rigward tal-krediti ta’ prestazzjonijiet annwali mhux imħallsa. |
116 |
Issa, dan it-terminu jikkonċerna biss l-interessi remunerattivi u ma jaffettwax direttament id-dritt tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jirrinunzja għall-kuntratt tiegħu. |
117 |
Madankollu, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-interessi remunerattivi tistax iddaħħal inkwistjoni l-effettività tad-dritt ta’ rinunzja stess, dritt li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxu lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni. |
118 |
F’dan ir-rigward, għandu jitqies, minn naħa, li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma prodotti finanzjarji legalment kumplessi, li jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli skont l-assiguratur li joffrihom u li jimplikaw impenji finanzjarji importanti u potenzjalment għal perijodu twil ħafna (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 29). |
119 |
Jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-interessi dovuti għal iktar minn tliet snin jiġu preskritti jwassal lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni sabiex ma jeżerċitax id-dritt ta’ rinunzja tiegħu, u dan minkejja li l-kuntratt ma jikkorrispondix għall-ħtiġijiet tiegħu, tali terminu jkun jista’ jaffettwa l-imsemmi dritt, b’mod partikolari meta dan id-detentur ma jkunx ġie informat b’mod preċiż dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-imsemmi dritt. |
120 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-ħtiġijiet tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandhom jiġu evalwati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji li dan jista’ jislet minn rinunzja tardiva, peress li tali rinunzja ma tkunx intiża li tipproteġi l-libertà ta’ għażla tad-detentur, iżda tkun intiża li tippermettilu jikseb rendiment ikbar jekk mhux ukoll li jispekula dwar id-differenza bejn ir-rendiment effettiv tal-kuntratt u r-rata tal-interessi remunerattivi. |
121 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑479/18 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għall-eżerċizzju tad-dritt għall-interessi remunerattivi marbut mal-ħlas lura ta’ somom imħallsa indebitament mitlub minn detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, kemm-il darba l-iffissar ta’ tali terminu ma jdaħħalx inkwistjoni l-effettività tad-dritt ta’ rinunzja ta’ dan id-detentur, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑479/18. |
Fuq l-ispejjeż
122 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.