This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0306
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 15 May 2019.#KORADO, a.s. v Generální ředitelství cel.#Request for a preliminary ruling from the Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci.#Reference for a preliminary ruling — Common Customs Tariff — Tariff classification — Combined Nomenclature — Welded steel parts — Radiators for central heating, not electrically heated — Headings 7307 and 7322 — Concepts of radiator ‘parts’ and ‘tube or pipe fittings’ — Implementing Regulation (EU) 2015/23 — Validity.#Case C-306/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Mejju 2019.
KORADO a.s. vs Generální ředitelství cel.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Partijiet tal-azzar iwweldjati – Radjaturi għal tisħin ċentrali, mhux imsaħħnin bl-elettriku – Intestaturi 7307 u 7322 – Kunċett ta’ “partijiet” ta’ radjaturi u ta’ “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet” – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/23 – Validità.
Kawża C-306/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Mejju 2019.
KORADO a.s. vs Generální ředitelství cel.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Partijiet tal-azzar iwweldjati – Radjaturi għal tisħin ċentrali, mhux imsaħħnin bl-elettriku – Intestaturi 7307 u 7322 – Kunċett ta’ “partijiet” ta’ radjaturi u ta’ “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet” – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/23 – Validità.
Kawża C-306/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:414
*A9* Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci, Usnesení ze dne 29/03/2018 (65 Af 92/2016 -36)
*P1* Krajský soud v Ostravě, Rozsudek 12/06/2019 (65 Af 92/2016 - 99)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
15 ta’ Mejju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Partijiet tal-azzar iwweldjati – Radjaturi għal tisħin ċentrali, mhux imsaħħnin bl-elettriku – Intestaturi 7307 u 7322 – Kunċett ta’ “partijiet” ta’ radjaturi u ta’ “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet” – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/23 – Validità”
Fil-Kawża C‑306/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, sezzjoni ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura
KORADO a.s.
vs
Generální ředitelství cel,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal KORADO a.s., minn P. Mrázek u V. Beringerová, advokáti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u J. Hradil, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-intestaturi 7307 u 7322 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas-16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1), u, min-naħa l-oħra, il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/23 tal-5 ta’ Jannar 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2015, L 4, p. 15). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn KORADO a.s. (iktar ’il quddiem “Korado” u Generální ředitelství cel (id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana, ir-Repubblika Ċeka) dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-NM. |
Il-kuntest ġuridiku
Is-SA
3 |
Il-konvenzjoni internazzjonali li stabbilixxiet is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell, fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986 ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). |
4 |
Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (WCO), imwaqqaf permezz tal-konvenzjoni li ħolqot l-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, japprova, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA msemmija fil-punt preċedenti, in-Noti ta’ Spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA. |
5 |
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti timpenja ruħha sabiex in-nomenklaturi tariffarji u statistiċi tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi tas-SA, mingħajr żidiet jew modifiki, flimkien mal-kodiċijiet numeriċi relatati magħha, u li ssegwi s-sekwenza numerika tas-SA. L-istess dispożizzjoni timponi lill-partijiet kontraenti l-obbligu li japplikaw ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi u li ma jbiddlux il-portata tagħhom. |
6 |
Il-punt C tal-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar it-Taqsima XV, intitolata “Partijiet”, tinqara kif ġej: “[…] il-partijiet ta’ użu ġenerali (ara n-nota 2 tat-taqsima), ippreżentati iżolati, ma humiex ikkunsidrati bħala partijiet, iżda jsegwu s-sistema proprja tagħhom. Dan japplika wkoll, pereżempju, għall-boltijiet maħsuba b’mod speċjali għar-radjaturi għat-tisħin ċentrali jew ta’ molol partikolari għall-vetturi. Tal-ewwel huma kklassifikati bħala boltijiet taħt in-numru 73.18 u mhux bħala partijiet ta’ radjaturi taħt in-numru 73.22, filwaqt li tat-tieni jaqgħu taħt in-numru 73.20 relatat mal-molol u mhux taħt in-numru 87.08 li jikkonċerna l-partijiet u aċċessorji tal-vetturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
7 |
Skont in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7307 tas-SA: “[…] Din l-intestatura tinkludi diversi oġġetti tal-ħadid jew azzar, intiżi essenzjalment sabiex jgħaqqdu bejniethom pajpijiet jew elementi ta’ pajp jew pajp ma’ apparat ieħor, jew inkella sabiex jagħlqu ċerti elementi ta’ pajpijiet, bl-esklużjoni ta’ ċerti oġġetti li, minkejja intiżi għall-muntaġġ ta’ pajpijiet u katusi (pereżempju sleeves li jitwaħħlu mal-ħitan sabiex isostnu l-pajpijiet, l-isleeves li jservu sabiex jitwaħħlu l-pajpijiet rotob fuq elementi riġidi bħall-katusi, viti jew partijiet li jgħaqqdu, eċċ.), ma jagħmlux parti integrali minnhom (Nri 73.25 jew 73.26). […] Fost it-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet inklużi hawn, wieħed jista’ jiċċita l-flanġijiet ċatti jew b’ħolqa tal-metall mikwija f’forġa, il-liwjiet minkeb u liwjiet, adattaturi (reducers), adattaturi fil-forom ta’ T, is-slaleb u s-saddieda, il-pajpijiet għal welding tarf ma’ tarf, il-fittings b’liwja mqabbża li ssir biex jinqabeż ostakolu (offsets), fittings multifergħat, il-fittings simili għal balavostri ċilindriċi, il-viti bil-kamin, is-sleeves u l-pajpijiet ta’ konġunzjoni bil-kamin (nipples), il-pajpijiet ta’ għaqda (unions), il-filtri, il-washers għall-pajpijiet, il-morsi u l-ħoloq metalliċi ta’ konġunzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
8 |
In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7322 tas-SA tipprovdi b’mod partikolari li: “[…] Din l-intestatura tinkludi: […]
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
In-NM
9 |
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM, li hija bbażata fuq is-SA. Il-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali kienet dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1101/2014. |
10 |
L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Titolu I, iddedikat għar-regoli ġenerali, it-Taqsima A tipprovdi regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din in-nomenklatura, li skonthom issir il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-NM. Għaldaqstant huwa, b’mod partikolari, previst li l-klassifikazzjoni għandha tiġi ddeterminata legalment skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli hija meqjusa bħala li għandha biss valur indikattiv. |
11 |
It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XV, li tirrigwarda “Metalli ta’ valur baxx u oġġetti minn metalli ta’ valur baxx”. |
12 |
Din it-taqsima hija magħmula mill-Kapitoli 72 sa 83 u tinkludi, fost oħrajn, il-Kapitolu 73, intitolat “Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”. |
13 |
In-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM tipprovdi li: “Matul in-nomenklatura, l-espresjoni “partijiet għal użu ġenerali” tfisser:
[…] Kapitli 73 sa 76 u 78 sa 82 (iżda mhux f’titlu 7315), riferenzi għal partijiet ta’ oġġetti ma jinkludux riferenzi għal partijiet ta’ użu ġenerali kif definit hawn fuq. […]” |
14 |
L-intestatura 7307 tan-NM hija fformulata kif ġej: “Tagħmir ta’ tubi u pajpijiet (per eżempju, couplings, liwjiet minkeb, sleeves), ta’ ħadid jew azzar […] 730793 – – Tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf (butt welding) – – Bl-ikbar dijametru ta’ barra mhux aktar minn 609,6 mm: […] 73079319 – – – – Oħrajn […]” |
15 |
L-intestatura 7322 tan-NM hija fformulata kif ġej: “Radjaturi għal tisħin ċentrali, mhux imsaħħnin bl-elettriku, u partijiet tagħhom, ta’ ħadid jew azzar; hiters ta’ l-arja u distributuri ta’ arja sħuna (inklużi distributuri li jistgħu jqassmu ukoll arja friska jew kundizzjonata), mhux imsaħħnin bl-elettriku, li fihom fann jew blower imħaddmin b’mutur, u l-partijiet għalihom, ta’ ħadid jew azzar:
|
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/23
16 |
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-NM, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23 li, konformement mal-Artikolu 3 tiegħu, daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Jannar 2015. |
17 |
Il-premessi 1 sa 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23 jipprovdu li:
|
18 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/23 jipprovdi li: “Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jiġu kklassifikati fin-[NM] skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.” |
19 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprovdi li: “L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.” |
20 |
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23 huwa fformulat kif ġej: “
” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 |
Fid-9 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet liz-Celní úřad pro Olomoucký kraj (l-amministrazzjoni doganali għar-reġjun ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka) informazzjoni tariffarja vinkolanti dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproponiet li tikklassifikahom fis-subintestatura 73221900 tan-NM. |
22 |
Il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bir-referenzi “T 74‑32”, “T 40‑32” u “L 35‑32”, huma partijiet tal-azzar iwweldjati, immanifatturati għal radjaturi għal tisħin ċentrali, mhux imsaħħnin bl-elettriku. |
23 |
Dawn huma kkostitwiti minn żewġ jew tliet trufijiet, fejn fosthom jistgħu jiġu identifikati, minn naħa, spalla waħda jew diversi ddisinjati sabiex jiġu konnessi mal-bordijiet tar-radjatur permezz ta’ welding tarf ma’ tarf u, min-naħa l-oħra, tarf ieħor b’għonq tal-kamin li jservi sabiex jiġi konness valv ta’ ventilazzjoni, valv ta’ regolazzjoni jew apparat ieħor, jew sabiex jiġi konness kwalunkwe pajp li jwassal għal sors ta’ tisħin. |
24 |
Permezz ta’ diversi deċiżjonijiet tal-24 ta’ Novembru 2015, l-amministrazzjoni doganali għar-reġjun ta’ Olomouc ikklassifikat, konformement mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fis-subintestatura 73079319 tan-NM. |
25 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem id-Direttorat Ġenerali tad-Dwana. Peress li dawn ġew miċħuda, hija ppreżentat rikors quddiem il-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, sezzjoni ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka). |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, minkejja li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma identiċi jew suffiċjentement simili għall-prodotti msemmija mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23 u għandhom, għaldaqstant, jiġu kklassifikati fl-intestatura 7307 tan-NM, bħala “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid jew azzar”, u b’mod iktar partikolari fis-subintestatura 73079319 tan-NM, tali klassifikazzjoni ma tkunx korretta fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura tal-prodotti. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li n-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM tindika li l-artikoli tal-intestatura 7307 tan-NM għandhom jiġu kkunsidrati bħala “partijiet għal użu ġenerali”. Hija tqis li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux parti ta’ użu ġenerali, iżda parti speċifika tar-radjaturi mmanifatturata fuq ordni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, skont id-dokumentazzjoni teknika mfassla mill-produtturi ta’ radjaturi. Min-natura tagħhom, huma jaqgħu għaldaqstant taħt l-intestatura 7322 tan-NM. |
28 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jitqiesu bħala aċċessorji u tirrileva, f’dan ir-rigward, li fis-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, (C‑250/05, EU:C:2006:681), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ unità li dawn il-partijiet ikunu indispensabbli għall-funzjonament tagħha u li l-kunċett ta’ “aċċessorji” jinkludi l-elementi ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermettu l-adattament ta’ apparat għal xogħol partikolari jew li jagħtuh possibbiltajiet supplimentari jew li nkella jippermettulu jwettaq servizz partikolari relatat mal-funzjoni prinċipali tiegħu. |
29 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma indispensabbli għall-funzjonament tar-radjatur li flimkien miegħu huma jifformaw unità. Konsegwentement, huma ma għandhomx jitqiesu li huma “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet”, fis-sens tal-intestatura 7307 tan-NM, iżda bħala “partijiet” ta’ radjaturi, li jaqgħu taħt l-intestatura 7322 tan-NM. |
30 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju hija inċerta dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23 u tistaqsi, b’mod iktar partikolari, jekk dan ir-regolament estendiex illegalment il-portata tas-subintestatura 73079319 tan-NM. |
31 |
F’dan il-kuntest, il-Krajský soud v Ostravě – pobočka v Olomouci (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, sezzjoni ta’ Olomouc) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
32 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-partijiet tal-azzar iwweldjati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati fl-intestatura 7307 tan-NM, bħala “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet”, jew pjuttost fl-intestatura 7322 tan-NM, bħala “partijiet” tar-radjaturi, kif ukoll, min-naħa l-oħra, u sussidjarjament, jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23 huwiex validu. |
33 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha hija li tiggwida lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, jidher li l-qorti nazzjonali hija fi kwalunkwe każ f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tikklassifika l-prodotti fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi sottomessi lilha. |
35 |
Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda, huwa importanti, qabel kollox, li jiġi enfasizzat li r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-kliem tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli huma kkunsidrati li għandhom biss valur indikattiv. Minkejja li ma għandhomx forza vinkolanti, in-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi doganali (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punti 33 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, b’mod ġenerali, jitfittex fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, G. E. Security, C‑143/15, EU:C:2016:115, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Uroplasty, C‑514/04, EU:C:2006:464, punt 42, u tas-26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 40). |
38 |
Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi f’liema intestatura tan-NM, jiġifieri l-intestatura 7307 tan-NM jew l-intestatura 7322 tagħha, għandhom jiġu kklassifikati l-partijiet tal-azzar iwweldjati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
39 |
F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-intestatura 7307 tan-NM jirriżulta li din tkopri t-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet, bħal couplings, liwjiet minkeb u sleeves, tal-ħadid jew azzar. |
40 |
In-nota ta’ spjega tas-SA relatata mal-intestatura 7307 tas-SA tippreċiża, barra minn hekk, li din l-intestatura tinkludi diversi oġġetti ta’ ħadid jew azzar, intiżi essenzjalment sabiex jgħaqqdu bejniethom żewġ pajpijiet jew elementi ta’ pajp ma’ apparat ieħor, jew inkella sabiex jagħlqu ċerti elementi ta’ pajpijiet. |
41 |
Il-kliem tal-intestatura 7322 tan-NM jindika, min-naħa tiegħu, li din l-intestatura tkopri r-radjaturi għal tisħin ċentrali, mhux imsaħħnin bl-elettriku, kif ukoll il-partijiet tagħhom tal-ħadid jew azzar. |
42 |
Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-partijiet tal-azzar iwweldjati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa importanti li jiġi ddeterminat jekk dawn jikkostitwixxux “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet”, fis-sens tal-intestatura 7307 tan-NM, jew “partijiet” ta’ radjaturi, fis-sens tal-intestatura 7322 tan-NM. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li n-NM ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens tal-intestatura 7322 tan-NM, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fil-kuntest tal-Kapitoli 84 u 85 tat-Taqsima XVI u tal-Kapitolu 90 tat-Taqsima XVIII tan-NM, jirriżulta li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ unità li dawn il-partijiet ikunu indispensabbli għall-funzjonament tagħha. Sabiex oġġett jiġi kklassifikat bħala “partijiet”, fis-sens tal-imsemmija kapitoli, ma huwiex suffiċjenti li jintwera li, mingħajr dan l-oġġett, il-magna jew l-apparat ma jistgħux jaqdu l-bżonnijiet li għalihom huma intiżi. Għandu jiġi stabbilit ukoll li l-funzjonament mekkaniku jew elettriku tal-magna jew tal-apparat inkwistjoni huwa kkundizzjonat mill-imsemmi oġġett (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punt 36). |
44 |
Fl-interess tal-applikazzjoni koerenti u uniformi tat-tariffa doganali komuni, il-kunċett ta’ “partijiet”, fis-sens tal-intestatura 7322 tan-NM, għandu jingħata l-istess definizzjoni bħal din li tirriżulta mill-ġurisprudenza mogħtija fir-rigward ta’ kapitoli oħra tan-NM (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punt 37). |
45 |
Fil-każ ineżami, mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha jirriżulta li l-partijiet tal-azzar iwweldjati inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma indispensabbli għall-funzjonament tar-radjaturi li magħhom huma konnessi u li flimkien magħhom huma jifformaw unità. |
46 |
Għaldaqstant, dawn jistgħu jiġu kklassifikati bħala “partijiet” ta’ radjaturi li jaqgħu taħt l-intestatura 7322 tan-NM. |
47 |
Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klassifikazzjoni ta’ prodott partikolari fl-intestatura 7307 tan-NM bħala “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet”, u għaldaqstant bħala “partijiet ta’ użu ġenerali”, fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM, teskludi l-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott bħala “partijiet” taħt intestatura oħra tan-NM (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punti 40 sa 43). |
48 |
Fil-fatt, skont in-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM, ir-referenzi għall-“partijiet” li jinsabu fil-Kapitoli 73 sa 76 u 78 sa 82 tan-NM ma jkoprux il-“partijiet ta’ użu ġenerali”. In-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM tippreċiża li l-oġġetti li jaqgħu, fost oħrajn, taħt l-intestatura 7307 tan-NM jikkostitwixxu “partijiet ta’ użu ġenerali”. |
49 |
Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk partijiet tal-azzar iwweldjati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kkunsidrati bħala “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet” li jaqgħu taħt l-intestatura 7307 tan-NM u, għaldaqstant, bħala “partijiet ta’ użu ġenerali”, fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM, li jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ dawn il-partijiet bħala “partijiet” tar-radjaturi li jaqgħu taħt l-intestatura 7322 tan-NM. |
50 |
Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward li, sabiex jiġi kklassifikat bħala “partijiet ta’ użu ġenerali”, fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM, il-prodott inkwistjoni għandu, abbażi tal-karatteristiċi tiegħu, tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu u tal-użu inerenti intiż ta’ dan il-prodott, ikun intiż sabiex jgħaqqad żewġ pajpijiet jew elementi ta’ pajpijiet bejniethom jew anki pajp ma’ apparat ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punti 41 u 42). |
51 |
Fil-każ ineżami, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 23 tas-sentenza preżenti, il-partijiet tal-azzar iwweldjati inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkostitwiti minn żewġ trufijiet jew tlieta, fejn fosthom jistgħu jiġu identifikati, minn naħa, spalla waħda jew diversi ddisinjati sabiex jiġu konnessi mal-bordijiet tar-radjatur permezz ta’ welding tarf ma’ tarf u, min-naħa l-oħra, tarf ieħor b’għonq tal-kamin li jservi sabiex jiġi konness valv ta’ ventilazzjoni, valv ta’ regolazzjoni jew apparat ieħor, jew sabiex jiġi konness kwalunkwe pajp li jwassal għal sors ta’ tisħin. |
52 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrikonoxxiet, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dijametru intern tal-għonq tal-kamin li għandhom il-partijiet tal-azzar iwweldjati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondi għad-dijametru klassiku użat, b’mod ġenerali, għat-tagħmir ta’ tubi u pajpijiet. |
53 |
Minn dan isegwi li l-partijiet tal-azzar iwweldjati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-informazzjoni fattwali kollha quddiemha, jiġu kkunsidrati bħala “partijiet ta’ użu ġenerali”, fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM u b’mod iktar partikolari, bħala “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet” li jaqgħu taħt l-intestatura 7307 tan-NM. |
54 |
Għal dak li jikkonċerna l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, regolament ta’ klassifikazzjoni huwa adottat mill-Kummissjoni meta l-klassifikazzjoni ta’ prodott partikolari fin-NM tista’ tqajjem diffikultajiet jew tista’ tkun suġġett ta’ tilwima u, min-naħa l-oħra, tali regolament għandu portata ġenerali peress li ma japplikax għal operatur partikolari, iżda b’mod ġenerali għal prodotti identiċi għal dak li huwa s-suġġett ta’ tali klassifikazzjoni (sentenzi tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C‑376/07, EU:C:2009:105, punt 63, kif ukoll tas-26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Fil-każ ineżami, l-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk il-partijiet tal-azzar iwweldjati inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex identiċi għall-prodott kopert mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23 u għaldaqstant jekk dan huwiex applikabbli għal tali partijiet. |
56 |
Anki jekk jiġi preżunt li l-imsemmi Regolament ta’ Implimentazzjoni huwa applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali applikazzjoni ma hijiex neċessarja meta, permezz tar-risposta tagħha għal domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ipprovdiet lill-qorti tar-rinviju bl-informazzjoni kollha neċessarja għall-klassifikazzjoni ta’ prodott fl-intestatura xierqa tan-NM (sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 62). |
57 |
Minn dan isegwi li, peress li mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet lill-qorti tar-rinviju l-informazzjoni kollha neċessarja għall-klassifikazzjoni tal-partijiet tal-azzar iwweldjati inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-intestatura xierqa tan-NM, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/23. |
58 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li partijiet tal-azzar iwweldjati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-informazzjoni fattwali kollha quddiemha, fl-intestatura 7307 tan-NM, bħala “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet”. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li partijiet tal-azzar iwweldjati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju tal-informazzjoni fattwali kollha quddiemha, fl-intestatura 7307 tan-Nomenklatura Magħquda, bħala “tagħmir ta’ tubi u pajpijiet”. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.