This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0270
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 16 October 2019.#UPM France v Premier ministre and Ministre de l'Action et des Comptes publics.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État.#Reference for a preliminary ruling — Directive 2003/96/EC — Taxation of energy products and electricity — Third subparagraph of Article 21(5) — Exemption of small producers of electricity, subject to the taxation of electricity produced — Lack, during an authorised transitional period, of an internal tax on end consumption of electricity — Article 14(1)(a) — Obligation to exempt energy products and electricity used to produce electricity.#Case C-270/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2019.
UPM France vs Premier ministre u Ministre de l'Action et des Comptes publics.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u fuq l-elettriku – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) – Eżenzjoni favur produtturi żgħar tal-elettriku, bil-kundizzjoni li jiġi ntaxxat l-elettriku prodott – Assenza, matul perijodu tranżitorju awtorizzat, ta’ taxxa interna fuq il-konsum finali ta’ elettriku – Artikolu 14(1)(a) – Obbligu ta’ eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku użati għall-produzzjoni tal-elettriku.
Kawża C-270/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2019.
UPM France vs Premier ministre u Ministre de l'Action et des Comptes publics.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u fuq l-elettriku – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) – Eżenzjoni favur produtturi żgħar tal-elettriku, bil-kundizzjoni li jiġi ntaxxat l-elettriku prodott – Assenza, matul perijodu tranżitorju awtorizzat, ta’ taxxa interna fuq il-konsum finali ta’ elettriku – Artikolu 14(1)(a) – Obbligu ta’ eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku użati għall-produzzjoni tal-elettriku.
Kawża C-270/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:862
*A9* Conseil d'État, Section du contentieux, 9ème et 1Dème chambres réunies, Décision du 13/04/2018 (399794)
*P1* Conseil d'État, 9ème chambre, Décision du 18/12/2019 (ECLI:FR:CECHS:2019:399794.20191218)
https://www.legifrance.gouv.fr/affichJuriAdmin.do?oldAction=rechJuriAdmin&idTexte=CETATEXT000039640695&fastReqId=1153154271&fastPos=1
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
16 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u fuq l-elettriku – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) – Eżenzjoni favur produtturi żgħar tal-elettriku, bil-kundizzjoni li jiġi ntaxxat l-elettriku prodott – Assenza, matul perijodu tranżitorju awtorizzat, ta’ taxxa interna fuq il-konsum finali ta’ elettriku – Artikolu 14(1)(a) – Obbligu ta’ eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku użati għall-produzzjoni tal-elettriku”
Fil-Kawża C‑270/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2018, fil-proċedura
UPM France SAS
vs
Premier ministre,
Ministre de l’Action et des Comptes publics,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Marzu 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal UPM France SAS, minn G. de Cordes, avocat, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u A. Alidière, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u V. Ester Casas, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u C. Perrin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Mejju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405) |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, UPM France SAS (iktar ’il quddiem “UPM”) u, min-naħa l-oħra, il-Premier ministre (il-Prim Ministru) u l-ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għall-Azzjoni u l-Kontijiet Pubbliċi) rigward it-tassazzjoni ta’ kunsinni ta’ gass naturali intiż għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 2 sa 5, 24 u 25 tad-Direttiva 2003/96 jgħidu:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku b’mod konformi mal-imsemmija direttiva. |
5 |
Skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva: “Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f”Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE [tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179),] fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:
|
6 |
L-Artikolu 15(1)(ċ) tal-istess direttiva jipprevedi: “1. Mingħajr preġudizzju għall-provissjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri jistgħu japlikaw taħt kontroll fiskali l-eżenzjonijiet jew tnaqqis kollu jew parti minnu fil-livell ta’ tassazzjoni għal: […]
|
7 |
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96 jistabbilixxi sistemi għal tranżizzjoni speċifiċi għal ċerti Stati Membri. F’dak li jirrigwarda r-Repubblika Franċiża, l-Artikolu 18(10) ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi: “Ir-Repubblika Franċiża tista’ tapplika eżenzjonijiet u tnaqqis totali jew parzjali għall-prodotti ta’ enerġija u elettriku użati mill-Istat, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali jew istituzzjonijiet oħra immexxija mill-liġi pubblika, dwar l-attivitajiet jew operazzjonijiet fejn huma jiġu mqabbda bħala awtoritajiet pubbliċi sa l-1 ta’ Jannar 2009. Ir-Repubblika Franċiża tista’ tapplika għall-perjodu transitorju sa l-1 ta’ Jannar 2009 biex tadatta is-sistema preżenti tagħha fuq l-elettriku għad-disposizzjonijiet mniżżla f’din id-Direttiva. Waqt dan il-perjodu, il-livell ta’ medja globali tat-tassazzjoni lokali u preżenti fuq l-elettriku għandha tiġi kkonsidrata biex tara jekk ir-rati minimi mniżżla f’din id-Direttiva humiex rispettati.” |
8 |
Skont l-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva: “1. Flimkien mad-disposizzjonijiet ġenerali li jiddefinixxu l-att li jwassal għal ħlas u d-disposizzjonijiet imniżżla f’[Direttiva 92/12], l-ammont ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija għandha tiġi dovuta fl-okkorrenza ta’ wieħed mill-atti li jwassal għal ħlas msemmija fl-Artikolu 2(3). […] 5. […] Entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess għandha tiġi kkonsidrata bħala distributur. Minkejja l-Artikolu 14(1)(a), Stati Membri jistgħu jeżentaw produtturi żgħar ta’ l-elettriku jekk kemm-il darba huma jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dik l-elettriku. […]” |
9 |
L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din mill-1 ta’ Jannar 2004, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, li l-Istati Membri jistgħu japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2003. |
Id-dritt Franċiż
10 |
L-Artikolu 266 quinquies tal-Code des douanes (il-Kodiċi Doganali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2006, kien jipprevedi: “Il-gass naturali […] huwa suġġett għal taxxa interna fuq il-konsum fil-mument tal-kunsinna tiegħu lill-utent finali.” |
11 |
L-Artikolu 266 quinquies(3) tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006, kien jipprevedi: “[…] Huma wkoll eżentati dawk il-kunsinni ta’ gass intiż sabiex jintuża: […]
|
12 |
L-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2006, kien ifformulat kif ġej: “Il-kunsinni ta’ gass naturali u ta’ żjut minerali maħsuba sabiex jintużaw f’installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jew ta’ sħana u ta’ enerġija mekkanika, huma eżentati mit-taxxi interni tal-konsum previsti fl-Artikoli 265 u 266 quinquies matul il-perijodu ta’ ħames snin dekorribbli mid-dħul fis-servizz tal-installazzjonijiet. […] Din l-eżenzjoni tapplika għall-installazzjonijiet li jidħlu fis-servizz, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007. […] […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
UPM topera, għall-finijiet tal-attività tagħha ta’ produzzjoni tal-karti, installazzjoni għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku, li għaliha hija tuża gass naturali bħala kombustibbli. |
14 |
Il-gass naturali kkunsinnat lil UPM bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-1 ta’ April 2008 ġie suġġett, mill-fornitur tiegħu li ħallas l-ammont dovut, għat-taxxa interna fuq il-konsum ta’ gass naturali (iktar ’il quddiem it-“TICGN”), prevista fl-Artikolu 266 quinquies tal-Kodiċi Doganali. |
15 |
Peress li qieset li l-parti ta’ dawn il-kunsinni kkonsmata sabiex jiġi prodott elettriku kellha tiġi eżentata minn din it-taxxa skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, UPM ressqet quddiem it-tribunal administratif de Cergy-Pontoise (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cergy-Pontoise, Franza) rikors intiż għall-ħlas lura tat-taxxa sostnuta b’dan il-mod kif ukoll għall-kumpens tad-dannu li hija tqis li sofriet minħabba d-dewmien tar-Repubblika Franċiża sabiex tittrasponi din id-direttiva. |
16 |
Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Lulju 2013, le tribunal administratif de Cergy-Pontoise (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cergy-Pontoise), wara li kkonstatat li, parzjalment, ma kienx hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar is-somom li għandhom jitħallsu lura fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Marzu 2008, ċaħdet il-kumplament tat-talbiet ta’ UPM. Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Marzu 2016, il-cour administrative d’appel de Versailles (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Versailles, Franza) ċaħdet l-appell ippreżentat minn UPM France, għar-raġuni li l-gass naturali użat minn din il-kumpannija kien jaqa’ esklużivament taħt l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, u mhux taħt l-Artikolu 14 tal-istess direttiva, u li r-regoli ta’ tassazzjoni ta’ dan il-gass naturali ma setgħux jiġu sseparati skont jekk huwa kienx intiż għall-produzzjoni ta’ sħana jew għall-produzzjoni tal-elettriku. |
17 |
Fis-17 ta’ Mejju 2016, UPM appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza). |
18 |
Din il-qorti tosserva li l-aggravju mqajjem minn UPM huwa bbażat fuq is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C‑31/17, EU:C:2018:168), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni obbligatorja prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku meta dawn il-prodotti jintużaw għall-produzzjoni konġunta ta’ dan tal-aħħar u ta’ sħana, fis-sens tal-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. |
19 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għall-Azzjoni u l-Kontijiet Pubbliċi), konvenut fil-kawża prinċipali, isostni li anki jekk jingħad li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/96 ma huwiex l-unika dispożizzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ UPM, it-tassazzjoni li ġiet imposta fuq din hija konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva, peress li l-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva għandu jinqara fid-dawl tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din, li minnu jirriżulta li l-eżenzjoni fir-rigward tal-gass naturali użat għall-produzzjoni tal-elettriku hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-elettriku prodott jiġi ntaxxat, li ma huwiex il-każ hawnhekk. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96, ir-Repubblika Franċiża kienet tibbenefika, sal-1 ta’ Jannar 2009, minn perijodu tranżitorju sabiex tadatta s-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku qabel ma tintroduċi d-dazju tas-sisa armonizzat. Madankollu, kien biss mid-dħul fis-seħħ tal-loi no2010-1488 du 7 décembre 2010 portant nouvelle organisation du marché de l’électricité (il-Liġi Nru 2010-1488 tas-7 ta’ Diċembru 2010 dwar l-Organizzazzjoni mill-Ġdid tas-Suq tal-Elettriku) (JORF tat-8 ta’ Diċembru 2010, p. 21467) li ġiet introdotta taxxa interna fuq il-konsum finali tal-elettriku. |
21 |
Għaldaqstant, ir-Repubblika Franċiża ma pprevedietx tassazzjoni nazzjonali tal-elettriku matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2006, inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Kienu biss il-kontribuzzjoni għas-servizz pubbliku tal-elettriku kif ukoll taxxi lokali, ibbażati f’dak iż-żmien fuq l-ammont mingħajr it-taxxa tal-fattura tal-elettriku, li ġew imposti fuq il-konsum tal-elettriku. Madankollu, l-entitajiet li jipproduċu l-elettriku għall-użu proprju tagħhom kienu eżentati mit-tassazzjoni lokali tal-elettriku. |
22 |
Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk l-eżenzjoni li l-Istati Membri huma jawtorizzaw li jagħtu lill-produtturi ż-żgħar tal-elettriku, bis-saħħa tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96, tistax tirriżulta, kif jallega l-ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għall-Azzjoni u l-Kontijiet Pubbliċi), f’sitwazzjoni, bħal dik eżistenti għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2011, li matulu r-Repubblika Franċiża kienet għadha ma introduċietx it-tassazzjoni interna fuq il-konsum finali tal-elettriku u lanqas, konsegwentement, eżenzjoni minn din it-taxxa favur il-produtturi ż-żgħar. Jekk ikun il-każ, għandu, ukoll, jiġi ddeterminat kif għandhom jiġu kkombinati bejniethom id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din, b’mod partikolari sabiex jiġi stabbilit jekk huma jimplikawx tassazzjoni minima li tirriżulta mit-tassazzjoni tal-elettriku prodott b’eżenzjoni tal-gass naturali użat, jew minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-produzzjoni tal-elettriku, f’liema każ l-Istat Membru jkun għalhekk obbligat li jintaxxa l-gass naturali użat. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
24 |
Il-Gvern Franċiż jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li r-risposta għad-domandi magħmula ma hijiex meħtieġa għas-soluzzjoni effettiva tal-kawża prinċipali. |
25 |
Skont dan il-gvern, matul il-perijodu tranżitorju li r-Repubblika Franċiża kellha sabiex tadatta s-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku taħt l-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96, dan l-Istat Membru seta’ jżomm is-sistema tiegħu ta’ tassazzjoni nazzjonali tal-elettriku, peress li hija kienet tosserva r-rati minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti minn din id-direttiva. |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-qorti tar-rinviju ġiet adita b’appell minn deċiżjoni li ċaħdet it-talba ta’ UPM intiża għall-ksib tal-ħlas lura tat-TICGN prevista fl-Artikolu 266 quinquies tal-Kodiċi Doganali, peress li din il-kumpannija qieset li l-parti tal-gass naturali kkonsmata sabiex jiġi prodott elettriku kellha tiġi eżentata minn din it-taxxa skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li d-domandi preliminari, sa fejn huma jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, huma manifestament irrilevanti. |
30 |
Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li r-Repubblika Franċiża kellha, skont l-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96, perijodu tranżitorju sabiex tadatta s-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma relatati mal-mertu tar-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi preliminari u mhux mal-ammissibbiltà tagħhom. |
31 |
Konsegwentement, għandu jitqies li dawn id-domandi huma ammissibbli. |
Fuq l-ewwel domanda
32 |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni għall-produtturi ż-żgħar tal-elettriku, sakemm, b’deroga mill-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, il-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott dan l-elettriku jiġu ntaxxati, setgħetx tiġi applikata mir-Repubblika Franċiża matul il-perijodu tranżitorju mogħti lilha, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tal-imsemmija direttiva, sal-1 ta’ Jannar 2009 u li matulu dan l-Istat Membru ma introduċiex is-sistema ta’ tassazzjoni tal-elettriku prevista mill-istess direttiva. |
33 |
Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-1 ta’ April 2008, UPM ġiet suġġetta għat-TICGN fir-rigward tal-gass naturali li hija użat sabiex tipproduċi l-elettriku. Huwa stabbilit, barra minn hekk, li peress li l-elettriku prodott b’dan il-mod intuża għall-użu proprju tagħha, dan ma kienx suġġett għat-taxxi lokali fuq l-elettriku. |
34 |
Il-Gvern Franċiż jallega li meta l-elettriku prodott, fil-fatt, ikun ġie eżentat, il-prodotti ta’ enerġija intiżi għall-produzzjoni ta’ dan l-elettriku għandhom jiġu ntaxxati. Fil-fatt, id-Direttiva 2003/96 timplika, minnha nnifisha, tassazzjoni minima li tirriżulta jew mit-tassazzjoni tal-elettriku prodott b’eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott dan l-elettriku, jew inkella mit-tassazzjoni minima tal-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku meta dan tal-aħħar ikun eżentat. |
35 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tassazzjoni tal-gass naturali użat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tipproduċi l-elettriku, meta r-Repubblika Franċiża ma kienet introduċiet la t-taxxa interna fuq il-konsum finali tal-elettriku, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, u lanqas, konsegwentement, eżenzjoni minn din it-taxxa favur il-produtturi ż-żgħar, hijiex konformi mat-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96. |
36 |
Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/96 tipprevedi l-istabbiliment ta’ tassazzjoni armonizzata fuq il-prodotti ta’ enerġija u fuq l-elettriku. |
37 |
F’dan ir-rigward, mill-għanijiet segwiti minn din id-direttiva jirriżulta li din tipprevedi sistema armonizzata ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku intiża, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 u 24 tagħha, sabiex jiġi promoss il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-suq tal-enerġija billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 29, u tas-27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás, C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 34). |
38 |
Għal dan il-għan, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel l-għażla, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paġna 5 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU 1997, C 139, p. 14), li jimponi fuq l-Istati Membri, b’mod konformi mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, it-tassazzjoni tal-elettriku mqassam, u l-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dan għandhom, konsegwentement, jiġu eżentati mit-tassazzjoni u dan bl-għan li tiġi evitata tassazzjoni doppja tal-elettriku (is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 30, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás, C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 35). |
39 |
B’dan il-mod, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku użati, b’mod partikolari, sabiex jiġi prodott l-elettriku. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva, l-elettriku u l-gass naturali użati sabiex jiġi prodott l-elettriku huma mbagħad suġġetti għat-tassazzjoni fil-mument tal-kunsinna tagħhom mid-distributur jew mir-ridistributur. |
40 |
It-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tal-imsemmija direttiva, jipprevedi madankollu eċċezzjoni minn dawn id-dispożizzjonijiet favur il-produtturi ż-żgħar, peress li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-elettriku prodott minn dawn, bil-kundizzjoni li huma jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott dan l-elettriku. |
41 |
Għalhekk, huwa b’eċċezzjoni minn dan il-prinċipju ta’ tassazzjoni downstream tal-elettriku li din it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jeżentaw l-elettriku prodott mill-produtturi ż-żgħar u kkonsmat għall-użu proprju tagħhom, bil-kundizzjoni li huma jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott dan l-elettriku (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás, C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 36). |
42 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 37 tas-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás (C‑90/17, EU:C:2018:498), li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5), dwar il-produtturi ż-żgħar, jirrigwardaw biss il-modalitajiet skont liema l-elettriku huwa suġġett għas-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata stabbilita mid-Direttiva 2003/96 sabiex jiġu evitati, b’mod partikolari, l-ispejjeż amministrattivi relatati mat-tassazzjoni f’din iċ-ċirkustanza partikolari. |
43 |
Issa, it-tassazzjoni tal-gass naturali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li tirriżulta mis-sistema ta’ tassazzjoni derogatorja prevista fit-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva għall-prodotturi ż-żgħar. Fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża ma kinitx stabbilixxiet is-sistema ta’ tassazzjoni tal-elettriku li minnha din id-dispożizzjoni tippermetti li ssir deroga. |
44 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96, ir-Repubblika Franċiża kienet tibbenefika, fil-fatt, minn perijodu tranżitorju sal-1 ta’ Jannar 2009 sabiex tadatta s-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku għad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva. |
45 |
B’dan il-mod, sa din id-data, l-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti mid-Direttiva 2003/96 kienet tikkostitwixxi, fost ir-regoli ta’ tassazzjoni tal-elettriku previsti mid-dritt tal-Unjoni, l-uniku obbligu impost fuq ir-Repubblika Franċiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Messer France, C‑103/17, EU:C:2018:587, punt 23). |
46 |
Ir-Repubblika Franċiża kienet, għaldaqstant, libera li żżomm is-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku li kienet fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/96. |
47 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fil-punt 31 tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Messer France (C‑103/17, EU:C:2018:587), li għall-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Franċiża ma kinitx immodifikat is-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku sabiex toħloq tali dazju tas-sisa. Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ġie introdott permezz tal-Liġi Nru 2010-1488 tas-7 ta’ Diċembru 2010 dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid tas-suq tal-elettriku, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li ħolqot it-taxxa interna fuq il-konsum finali tal-elettriku. |
48 |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96, kienet tikkostitwixxi biss modalità ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás, C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 37). Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, ir-Repubblika Franċiża ma tistax tinvoka modalità ta’ applikazzjoni ta’ sistema li ma kinitx stabbilita fil-mument tal-fatti relatati ma’ din il-kawża. |
49 |
Fir-rigward tal-argument tal-Gvern Franċiż rigward is-sistema għal tranżizzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96, għandu jitfakkar li din is-sistema għal tranżizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’mod analogu, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, Eurodental, C‑240/05, EU:C:2006:763, punt 54, u tas-27 ta’ Frar 2019, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑670/17 P, EU:C:2019:145, punt 52). Issa, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-perijodu tranżitorju previst fiha jirreferi biss għall-possibbiltà, għar-Repubblika Franċiża li tadatta s-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku u mhux dik ta’ tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku. |
50 |
Tali qari tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96 huwa kkonfermat mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera b’mod espliċitu għal tali prodotti fil-kuntest tas-sistema għal tranżizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 18(10), li jispeċifika li r-Repubblika Franċiża tista’ tapplika eżenzjonijiet totali jew parzjali jew tnaqqis għall-imsemmija prodotti ta’ enerġija u għall-elettriku użati mill-Istat, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jew l-organi l-oħra rregolati mid-dritt pubbliku. |
51 |
Għaldaqstant, matul il-perijodu tranżitorju previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tad-Direttiva 2003/96, id-dispożizzjonijiet rigward l-eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott elettriku previsti minn din id-direttiva kienu applikabbli b’mod sħiħ għar-Repubblika Franċiża. |
52 |
Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mis-sistema ta’ eżenzjoni obbligatorja stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/96, huwa għamel dan b’mod espliċitu, rispettivament fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, skont liema dawn jistgħu jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott elettriku għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, u fit-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tal-imsemmija direttiva, skont liema l-Istati Membri li jeżentaw l-elettriku prodott mill-produtturi ż-żgħar tal-elettriku għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott dan l-elettriku (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 27). |
53 |
B’dan il-mod, mid-Direttiva 2003/96 jirriżulta li, minbarra dawn iż-żewġ każijiet speċifiċi, l-eżenzjoni mandatorja tal-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva hija vinkolanti b’mod inkundizzjonat fuq l-Istati Membri (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union, C‑31/17, EU:C:2018:168, punt 28). |
54 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni għall-produtturi ż-żgħar tal-elettriku, bil-kundizzjoni li, b’deroga mill-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, il-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott dan l-elettriku jiġu ntaxxati, ma setgħetx tiġi applikata mir-Repubblika Franċiża matul il-perijodu tranżitorju li kien ingħata lilha, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tal-imsemmija direttiva, sal-1 ta’ Jannar 2009 u li matulu dan l-Istat Membru ma stabbilixxiex is-sistema ta’ tassazzjoni tal-elettriku prevista mill-istess direttiva. |
Fuq it-tieni domanda
55 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni għall-produtturi ż-żgħar tal-elettriku, bil-kundizzjoni li, b’deroga mill-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, il-prodotti ta’ enerġija użati sabiex jiġi prodott dan l-elettriku jiġu ntaxxati, ma setgħetx tiġi applikata mir-Repubblika Franċiża matul il-perijodu tranżitorju li kien ingħata lilha, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) tal-imsemmija direttiva, sal-1 ta’ Jannar 2009 u li matulu dan l-Istat Membru ma stabbilixxiex is-sistema ta’ tassazzjoni tal-elettriku prevista mill-istess direttiva. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.