Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0267

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2019.
    Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93 SA vs Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57(4) – Raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni – Esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku – Xoljiment ta’ kuntratt preċedenti minħabba s-subappalt parzjali tiegħu – Kunċett ta’ “nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti” – Portata.
    Kawża C-267/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:826

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57(4) – Raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni – Esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku – Xoljiment ta’ kuntratt preċedenti minħabba s-subappalt parzjali tiegħu – Kunċett ta’ “nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti” – Portata”

    Fil-Kawża C‑267/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2018, fil-proċedura

    Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93 SA

    vs

    Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Delta Antrepriză de Construcţii şi Montaj 93 SA, minn I. G. Iacob, R. E. Cîrlig, I. Cojocaru, A. M. Abrudan u I. Macovei, avukati,

    għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr, R. I. Haţieganu u L. Liţu, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, P. Ondrůšek u L. Haasbeek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Delta Antrepriză de Construcții și Montaj 93 SA (iktar ’il quddiem “Delta”) u Compania Națională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA (iktar ’il quddiem iċ-“CNAIR”), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kontraenti, fir-rigward tal-esklużjoni ta’ Delta milli tipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2014/24

    3

    Il-premessi 101 u 102 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:

    “(101)

    […] l-awtoritajiet kontraenti għandha tingħatalhom il-possibbiltà li jeskludu operaturi ekonomiċi li wrew li mhumiex affidabbli, pereżempju minħabba ksur ta’ obbligi ambjentali jew soċjali, inklużi regoli dwar l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità jew forom oħra ta’ kondotta professjonali serjament skorretta, bħal ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni jew ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għandu jiġi ċċarat li kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità tista’ twassal għad-dubju fl-integrità ta’ operatur ekonomiku u għalhekk twassal biex l-operatur ekonomiku ma jkunx adattat biex jingħata kuntratt pubbliku irrispettivament minn jekk l-operatur ekonomiku jkollux il-kapaċità ekonomika u teknika biex jitwettaq il-kuntratt.

    Filwaqt li wieħed iqis li l-awtorità kontraenti ser tkun responsabbli għall-konsegwenzi tad-deċiżjoni possibbilment żbaljata tagħha, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibqgħu liberi wkoll li jqisu li kien hemm kondotta professjonali serjament skorretta, fejn, qabel issir deċiżjoni finali u vinkolanti dwar il-preżenza ta’ raġunijiet obbligatorji għall-esklużjoni, huma jkunu jistgħu juru bi kwalunkwe mezz xieraq li l-operatur ekonomiku kiser l-obbligi tiegħu, inklużi l-obbligi relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor mil-liġi nazzjonali. Huma għandhom ukoll ikunu jistgħu jeskludu kandidati jew offerenti li t-twettiq tagħhom ta’ kuntratti pubbliċi preċedenti wera nuqqasijiet kbar fir-rigward ta’ rekwiżiti sostantivi, pereżempju n-nuqqas ta’ twettiq jew prestazzjoni ta’ suċċess, nuqqasijiet sinifikanti tal-prodott jew servizz mogħti, li b’hekk ma setax jintuża għall-iskop maħsub, jew imġiba skorretta li tqajjem dubji serji dwar l-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku. Il-liġi nazzjonali għandha tipprevedi għal durata massima ta’ esklużjonijiet bħal dawn.

    Bl-applikazzjoni ta’ raġunijiet fakultattivi għall-esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Irregolaritajiet minuri għandhom iwasslu għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Madankollu każijiet ripetuti ta’ irregolaritajiet minuri jistgħu jwasslu għal dubju dwar l-affidibbiltà ta’ operatur ekonomiku li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjonijiet tiegħu.

    (102)

    Madankollu, trid tingħata xi ftit konċessjoni għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jadottaw miżuri ta’ konformità li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe reat kriminali jew kondotta skorretta u li jimpedixxu b’mod effettiv milli jkun hemm iżjed okkorrenzi tal-imġiba ħażina. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari minn miżuri tal-persunal u organizzattivi bħall-qtugħ tar-rabtiet kollha ma’ persuni jew organizzazzjonijiet involuti fl-imġiba ħażina, miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ rapportar u kontroll, il-ħolqien ta’ struttura ta’ verifika interna għall-monitoraġġ tal-konformità u l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Fejn tali miżuri joffru garanziji suffiċjenti, l-attur ekonomiku inkwistjoni ma għandux jibqa’ jiġi eskluż minħabba dawk ir-raġunijiet waħedhom. L-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li jiġu eżaminati l-miżuri ta’ konformità li ttieħdu bil-ħsieb li jiġu ammessi għall-proċedura ta’ akkwist. Madankollu, għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi eżatti applikabbli f’tali każijiet. Huma għandhom, b’mod partikolari, ikunu liberi li jiddeċiedu jekk jippermettux lill-awtoritajiet kontraenti individwali li jwettqu l-valutazzjonijiet rilevanti jew li jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet oħra f’livell ċentrali jew deċentralizzat f’dak il-kompitu.”

    4

    L-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprovdi:

    “[…]

    4.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    […]

    g)

    fejn l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku preċedenti, kuntratt preċedenti ma’ entità kontraenti jew kuntratt ta’ konċessjoni preċedenti li wassal għat-terminazzjoni antiċipata ta’ dan il-kuntratt preċedenti, penali jew sanzjonijiet komparabbli;

    h)

    fejn l-operatur ekonomiku kien ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, ikun żamm mistura tali informazzjoni jew ma jistax jissottometti id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 59; jew

    […]

    5.   Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

    Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu, operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.

    6.   Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

    Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

    Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

    Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ.

    7.   Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tal-kundanna bis-sentenza finali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.”

    5

    Skont l-Artikolu 71 tad-direttiva msemmija, dwar is-“Sottokuntrattar”:

    “[…]

    2.   Fid-dokumenti tal-akkwist, l-awtorità kontraenti tista’ titlob jew tista’ tkun meħtieġa minn Stat Membru li titlob lill-offerent sabiex fl-offerta tiegħu jindika kwalunkwe sehem mill-kuntratt li hu jista’ jkollu l-ħsieb li jagħti bħala sottokuntratt lil partijiet terzi u jindika wkoll kwalunkwe sottokuntrattur propost.

    […]

    5   Fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet u fir-rigward ta’ servizzi li għandhom jiġu provduti f’faċilità taħt is-superviżjoni diretta tal-awtorità kontraenti, wara l-għoti tal-kuntratt u mhux aktar tard minn meta jibda t-twettiq tal-kuntratt, l-awtorità kontraenti għandha tesiġi lill-kuntrattur prinċipali jindika lill-awtorità kontraenti l-isem, id-dettalji ta’ kuntatt u r-rappreżentanti legali tas-sottokuntratturi tiegħu, li huma involuti fit-tali xogħlijiet jew servizzi, kif magħrufa f’dan il-punt ta’ żmien. L-awtorità kontraenti għandha tesiġi lill-kuntrattur prinċipali javża lill-awtorità kontraenti bi kwalunkwe tibdil f’din l-informazzjoni waqt il-perijodu tal-kuntratt kif ukoll bl-informazzjoni meħtieġa dwar kwalunkwe sottokuntrattur ġdid li jinvolvi sussegwentement fit-tali xogħlijiet jew servizzi.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jimponu l-obbligu tal-għoti tal-informazzjoni meħtieġa direttament fuq il-kuntrattur prinċipali.

    Fejn meħtieġ għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni meħtieġa għandha tkun akkumpanjata mill-awtodikjarazzjonijiet tas-sottokuntratturi kif previst fl-Artikolu 59. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jipprevedu li s-sottokuntratturi li huma ppreżentati wara l-għoti tal-kuntratt għandhom jipprovdu ċ-ċertifikati u dokumenti oħra ta’ appoġġ minflok l-awtodikjarazzjoni.

    L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-fornituri.

    L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jestendu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jestendu l-obbligi previsti fl-ewwel subparagrafu, pereżempju:

    a)

    għall-kuntratti ta’ provvista, għall-kuntratti ta’ servizzi minbarra dawk li jikkonċernaw servizzi li jiġu provduti fil-faċilitajiet taħt is-superviżjoni diretta tal-awtorità kontraenti jew għall-fornituri involuti f’kuntratti ta’ xogħlijiet jew servizzi;

    b)

    għas-sottokuntratturi tas-sottokuntratturi tal-kuntrattur prinċipali jew aktar ‘l isfel fil-katina tas-sottokuntrattar.

    6.   Bil-għan li jiġi evitat ksur tal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 18(2), jistgħu jittieħdu miżuri adegwati, bħal:

    a)

    Fejn il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru jipprovdi għal mekkaniżmu ta’ responsabbiltà konġunta bejn is-sottokuntratturi u l-kuntrattur prinċipali, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li r-regoli rilevanti jiġu applikati f’konformità mal-kondizzjonijiiet stipulati fl-Artikolu 18(2).

    b)

    L-awtoritajiet kontraenti jistgħu, f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61, jivverifikaw jew ikunu obbligati mill-Istati Membri li jivverifikaw jekk hemmx raġunijiet għall-esklużjoni ta’ sottokuntratturi skont l-Artikolu 57. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi sottokuntrattur li fir-rigward tiegħu l-verifika tkun uriet li hemm raġunijiet obbligatorji għall-esklużjoni. L-awtorità kontraenti tista’ tesiġi jew tiġi obbligata minn Stat Membru li tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi sottokuntrattur li fir-rigward tiegħu l-verifika tkun uriet li hemm raġunijiet mhux obbligatorji għall-esklużjoni.

    […]”

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/7

    6

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/7 tal-5 ta’ Jannar 2016 li jistabbilixxi formola standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ĠU 2016, L 3, p. 16), jinkludi Anness 2, intitolat “Formola Standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (DEUA)”. Intitolata “Raġunijiet għall-esklużjoni”, il-Parti III ta’ dan l-anness tippreċiża l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24.

    Id-dritt Rumen

    7

    L-Artikolu 167(1) tal-Legea nr. 98/2016 privind achiziţiile publice (il-Liġi Nru 98/2016 dwar il-kuntratti pubbliċi) tad-19 ta’ Mejju 2016 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 390, tat-23 ta’ Mejju 2016) jipprovdi:

    “1.   L-awtorità kontraenti għandha teskludi mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku/kuntratt qafas lil kull operatur ekonomiku li jkun jinsab f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet segwenti:

    […]

    g)

    l-operatur ekonomiku jkun naqas serjament jew repetutament milli jwettaq l-obbligi prinċipali li kellu jissodisfa bis-saħħa ta’ kuntratt pubbliku, ta’ kuntratt ta’ akkwist settorjali jew ta’ kuntratt ta’ konċessjoni konkluż preċedentement, u tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi jkun wassal għax-xoljiment antiċipat ta’ dan il-kuntratt preċedenti, għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni jew għal sanzjonijiet oħra paragunabbli;

    h)

    l-operatur ekonomiku jkun instab ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni lill-awtorità kontraenti, sabiex din tivverifika n-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew in-nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ selezzjoni, ikun żamm din l-informazzjoni mistura, jew ma jkunx seta’ jipproduċi d-dokumenti ta’ sostenn mitluba;

    […]

    8.   Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(g), nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali jfisser, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-kunsinna/il-provvista/l-eżekuzzjoni ta’ prodotti/servizzi/xogħlijiet li jippreżentaw nuqqas ta’ konformità serja u għalhekk ma jkunux idonei sabiex jintużaw għall-iskop stabbilit fil-kuntratt.”

    8

    L-Artikolu 171 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “1.   Kull operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 164 u 167, li jwasslu għall-esklużjoni mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, jista’ jipproduċi provi li juru li l-miżuri meħuda minnu huma suffiċjenti sabiex juru l-affidabbiltà in concreto tiegħu, minkejja l-eżistenza tar-raġunijiet għal esklużjoni.

    2.   Jekk l-awtorità kontraenti tqis li l-provi prodotti mill-operatur ekonomiku konformement mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma suffiċjenti sabiex juru in concreto l-affidabbiltà tiegħu, l-awtorità kontraenti ma għandhiex teskludi lill-operatur ekonomiku mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

    3.   Il-provi li l-operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 164 u 167 jista’ jipproduċi lill-awtorità kontraenti, fis-sens tal-paragrafu 1, jirreferu għall-ħlas jew għall-ftehim ta’ ħlas mill-operatur ekonomiku ta’ kumpens għal kull dannu kkawżat minn reat kriminali jew minn att illegali ieħor, għall-kjarifika eżawrjenti, min-naħa tal-operatur ekonomiku, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi permezz ta’ kooperazzjoni attiva mal-awtoritajiet li jwettqu l-investigazzjoni, u għall-adozzjoni mill-operatur ekonomiku ta’ miżuri konkreti ta’ natura teknika, organizzattiva u f’dak li jirrigwarda l-persunal, bħall-eliminazzjoni ta’ relazzjonijiet ma’ persuni u organizzazzjonijiet involuti fl-aġir li jikkawża dannu, għall-miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll u ta’ akkontabbiltà, għall-ħolqien ta’ struttura ta’ kontroll intern għall-verifika tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet legali u ta’ regoli oħra jew għall-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-ħlas ta’ kumpens, bil-għan li jiġi evitat it-twettiq ta’ ksur ġdid jew ta’ [kull] att illegali ieħor. […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2014, il-Komun ta’ Râmincu Vâlcea (ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem il-“Komun”) ta lil assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi li Delta kienet il-mexxej prinċipali tagħhom (iktar ’il quddiem l-“ATI Nru 1”) kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għat-tiġdid u għall-modernizzazzjoni ta’ struttura ta’ rikreazzjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt nru 1”).

    10

    Fis-7 ta’ Ġunju 2017, dan il-Komun xolja l-imsemmi kuntratt minħabba li, mingħajr ma kisbet l-approvazzjoni tiegħu minn qabel, l-ATI Nru 1 kienet irrikorriet għal subappaltatur.

    11

    Fil-25 ta’ Lulju 2017, l-imsemmi Komun ippreżenta, fuq il-pjattaforma online imsejħa ‘sistema elettronika ta’ kuntratti pubbliċi’ (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma SEMP”), konstatazzjoni (iktar ’il quddiem il-“konstatazzjoni”) li tindika, minn naħa, li dan il-kuntratt kien ġie xolt minħabba ksur imwettaq minn ATI Nru 1 u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi xoljiment kien ikkawżalu dannu evalwat għal RON 2345 299.70 (leu Rumen) (madwar EUR 521000).

    12

    Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tas-27 ta’ Lulju 2017, iċ-CNAIR nediet proċedura miftuħa ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li kellu bħala għan is-servizzi ta’ xogħlijiet intiżi għat-tkabbir ta’ triq nazzjonali. Għal dan il-għan, din kellha l-intenzjoni li tikkonkludi kuntratt qafas f’ammont ta’ RON 210627629 (madwar EUR 46806140) għal perijodu ta’ 84 xahar.

    13

    Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi komposta minn Delta, Aleandri SpA u Luca Way Srl (iktar ’il quddiem l-“ATI Nru 2”) issottomettiet offerta.

    14

    Peress li staqsa lill-pjattaforma SEMP għal kull offerent, il-kumitat ta’ evalwazzjoni taċ-CNAIR sar jaf bil-konstatazzjoni u talab kjarifiki f’dan ir-rigward mingħand il-Komun u mingħand Delta.

    15

    B’risposta għal din it-talba għal kjarifiki, Delta indikat, minn naħa, li, anki jekk jitqies li din tirrifletti r-realtà, l-imsemmija konstatazzjoni ma turix li hija naqset serjament diversi drabi mill-obbligi kuntrattwali tagħha u, min-naħa l-oħra, li hija ppreżentat żewġ rikorsi quddiem il-qrati Rumeni, li huma attwalment pendenti u li huma indirizzati rispettivament kontra din il-konstatazzjoni u d-deċiżjoni li twassal għax-xoljiment tal-kuntratt nru 1.

    16

    Min-naħa tiegħu, il-Komun iddikjara li x-xoljiment tal-kuntratt nru 1 kien iġġustifikat mill-fatt li, matul il-perijodu tal-kuntratt, partijiet importanti tax-xogħlijiet ikkonċernati kienu ġew subappaltati mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tiegħu.

    17

    Fid-dawl tar-risposti hekk miksuba, il-kumitat ta’ evalwazzjoni taċ-CNAIR ikkonkluda li Delta ma kinitx ipprovat li l-konstatazzjoni kienet ġiet sospiża jew annullata. Barra minn hekk, peress li l-ATI Nru 2 iddikjarat, fil-kuntest tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist, li fir-rigward tagħha ma kienx hemm raġuni għal esklużjoni li tirriżulta mill-ksur professjonali serju u lanqas sitwazzjoni li tat lok għal xoljiment antiċipat ta’ kuntratt pubbliku preċedenti, għad-danni jew għal sanzjoni oħra paragunabbli f’rabta mal-kuntratt nru 1, dan il-kumitat ikkunsidra li l-offerta magħmula minn din l-assoċjazzjoni kienet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 167(1)(g) tal-Liġi Nru 98/2016. Konsegwentement, iċ-CNAIR eskludiet l-offerta tal-ATI Nru 2 b’deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ esklużjoni”).

    18

    Delta għalhekk talbet liċ-CNAIR sabiex tirrimedja għall-allegat ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi billi tirrevoka d-deċiżjoni ta’ esklużjoni u billi tevalwa mill-ġdid id-dokumentazzjoni u l-offerta ppreżentati mill-ATI Nru 2.

    19

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-talba baqgħet mingħajr risposta min-naħa taċ-CNAIR.

    20

    Fit-8 ta’ Jannar 2018, Delta ppreżentat quddiem il-Consiliul Național de Soluționare a Contestațiilor (il-Kunsill Nazzjonali għar-Riżoluzzjoni tal-Kontestazzjonijiet, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem iċ-“CNSC”), kontestazzjoni li ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2018. F’din id-deċiżjoni, iċ-CNSC qies li ma kellux kompetenza biex jevalwa l-legalità tal-konstatazzjoni u biex jistabbilixxi ksur eventwali fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt nru 1. Madankollu, dan ippreċiża li, sa fejn il-konstatazzjoni ma kinitx ġiet annullata b’sentenza definittiva, din kienet tibbenefika minn preżunzjoni ta’ legalità ta’ natura li tipprova n-natura serja tal-ksur tal-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw mill-kuntratt nru 1. Iċ-CNSC irrileva wkoll li l-awtorità kontraenti ma bbażatx ruħha fuq din il-konstatazzjoni biss sabiex teskludi lill-ATI Nru 2. Fil-fatt, din ħadet passi bil-għan li tevalwa l-elementi li jirriżultaw mill-imsemmija konstatazzjoni u bbażat ruħha fuq l-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali. Finalment, l-ATI Nru 2 invokat biss l-illegalità tal-konstatazzjoni, mingħajr ma ppreżentat provi li juru l-kredibbiltà tagħha fir-rigward tal-motivi ta’ esklużjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 171 tal-Liġi Nru 98/2016.

    21

    Sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni adottata miċ-CNSC fit-2 ta’ Frar 2018, Delta ressqet liċ-CNAIR quddiem il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), fis-16 ta’ Frar 2018.

    22

    Delta tikkontesta d-dritt taċ-CNAIR li teskludiha mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għal servizzi ta’ xogħol intiżi għat-tkabbir ta’ triq nazzjonali abbażi tad-deċiżjoni ta’ xoljiment imsemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, ix-xoljiment tal-kuntratt nru 1 minħabba li parti mix-xogħlijiet ġew sottokuntrattati mingħajr il-kunsens minn qabel tal-awtorità kontraenti, jikkostitwixxi irregolarità minuri u mhux ksur ta’ obbligu prinċipali tal-kuntratt. Għaldaqstant, tali irregolarità tista’ twassal għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, konformement mal-premessa 101 tad-Direttiva 2014/24. F’dan ir-rigward, Delta tirreferi għall-punt 30 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801), li minnu jirriżulta li l-kunċett ta’ “ksur serju” jirrigwarda aġir tal-operatur ekonomiku inkwistjoni li juri intenzjoni ta’ kondotta ħażina jew negliġenza ta’ ċerta gravità min-naħa tiegħu.

    23

    Filwaqt li kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tinterpreta l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 57(4)(g) tad-[Direttiva 2014/24] jista’ jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment ta’ kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi għar-raġuni li parti mix-xogħlijiet ngħatat bħala subappalt mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtorità kontraenti tikkostitwixxi nuqqas sinjifikattiv jew persistenti fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku preċedenti li jwassal biex operatur ekonomiku jiġi eskluż milli jipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku?”

    Fuq id-domanda preliminari

    24

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-subappalt, minn operatur ekonomiku, ta’ parti mix-xogħlijiet fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku preċedenti, deċiż mingħajr il-kunsens tal-awtorità kontraenti u li wassal għax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt, jikkostitwixxi nuqqas sinjifikattiv jew persistenti kkonstatat waqt l-eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali relatat mal-imsemmi kuntratt pubbliku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u jiġġustifika l-esklużjoni ta’ dan l-operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ulterjuri.

    25

    Hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-awtorità kontraenti, u lilha biss, fl-istadju tal-għażla tal-offerenti, il-kompitu li tevalwa jekk kandidat jew offerent għandux jiġi eskluż minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punt 34).

    26

    Din il-possibbiltà li kull awtorità kontraenti għandha li teskludi lil offerent minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt hija partikolarment intiża sabiex tkun tista’ tevalwa l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-offerenti. B’mod partikolari, il-kawża fakultattiva ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 101 ta’ din id-direttiva, hija bbażata fuq element essenzjali tar-relazzjoni bejn l-offerent rebbieħ u l-awtorità kontraenti, jiġifieri l-affidabbiltà tal-offerent rebbieħ, li fuqha hija bbażata l-fiduċja li tagħtih l-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punti 2930).

    27

    L-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ fiduċja bejn l-awtorità kontraenti u l-offerent rebbieħ jippreżupponi għalhekk li din l-awtorità kontraenti ma tkunx awtomatikament marbuta mill-evalwazzjoni mwettqa, fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku preċedenti, minn awtorità kontraenti oħra, sabiex b’mod partikolari tkun f’pożizzjoni li tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-mument li jiġu applikati l-kawżi fakultattivi ta’ esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, Meca, C‑41/18, EU:C:2019:507, punti 3032). Dan il-prinċipju jeħtieġ fil-fatt li l-awtorità kontraenti teżamina u tevalwa hija stess il-fatti. F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem tal-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-irregolarità mwettqa mill-offerent għandha tkun gravi biżżejjed sabiex tiġġustifika x-xoljiment tal-kuntratt fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    28

    Minn dan isegwi li awtorità kontraenti ma tistax awtomatikament tiddeduċi mid-deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti oħra li xxolji kuntratt pubbliku preċedenti, minħabba li l-offerent rebbieħ kien issubappalta parti mix-xogħlijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha minn qabel, li ksur sinjifikattiv jew persistenti, fis-sens tal-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24, kien twettaq minn dan l-offerent rebbieħ fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali relatat ma’ dan il-kuntratt pubbliku.

    29

    Fil-fatt, hija l-awtorità kontraenti li għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess tal-aġir tal-operatur ekonomiku affettwat mix-xoljiment ta’ kuntratt pubbliku preċedenti. F’dan ir-rigward, din għandha teżamina, b’mod diliġenti u imparzjali, abbażi tal-elementi rilevanti kollha, b’mod partikolari d-deċiżjoni ta’ xoljiment, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk dan l-operatur huwiex, mill-perspettiva tagħha, responsabbli għal ksur sinjifikattiv jew persistenti mwettaq matul l-eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali li kien jaqa’ fuqu fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt, liema ksur seta’ jwassal għax-xoljiment tar-rabta ta’ fiduċja mal-operatur ekonomiku inkwistjoni.

    30

    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, iċ-CNAIR għandha b’mod partikolari tiddetermina jekk, fil-fehma tagħha, l-użu mill-ATE Nru 1 ta’ subappaltatur mingħajr ma talab minn qabel l-approvazzjoni tal-Komun kienx jikkostitwixxi ksur sinjifikattiv u, fl-affermattiv, jekk dan il-ksur kienx jaffettwa l-eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali tal-offerent rebbieħ fil-kuntest tal-kuntratt nru 1.

    31

    Għal dan il-għan, iċ-CNAIR għandha tevalwa l-importanza tal-parti tal-kuntratt nru 1 li ngħatat b’subappalt u għandha tiddetermina, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-intervent tas-subappaltatur kellux effett negattiv fuq l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

    32

    Din għandha wkoll teżamina jekk il-ftehim dwar dan il-kuntratt kienx jinkludi obbligu ta’ eżekuzzjoni personali mill-kuntrattur innifsu jew jekk kienx jissuġġetta l-użu ta’ subappaltatur għall-kisba tal-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Komun, peress li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-Artikolu 71(2) tad-Direttiva 2014/24, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li “[f]id-dokumenti tal-akkwist, l-awtorità kontraenti tista’ titlob jew tista’ tkun meħtieġa minn Stat Membru li titlob lill-offerent sabiex fl-offerta tiegħu jindika kwalunkwe sehem mill-kuntratt li hu jista’ jkollu l-ħsieb li jagħti bħala sottokuntratt lil partijiet terzi u jindika wkoll kwalunkwe sottokuntrattur propost”. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtorità kontraenti ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk is-subappaltatur huwiex affidabbli ħlief permezz ta’ din l-informazzjoni. It-talba tal-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kontraenti hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tippermetti lil din tal-aħħar li tiżgura ruħha li ma teżistix raġuni ta’ esklużjoni fir-rigward tas-subappaltatur li l-offerent rebbieħ għandu l-intenzjoni li jqabbad.

    33

    Iċ-CNAIR għandha, barra minn hekk, tistaqsi jekk l-użu ta’ subappaltatur jistax jikkostitwixxi bidla sostanzjali fl-offerta li kien għamel l-offerent rebbieħ (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 39), fis-sens li hija tintroduċi kundizzjonijiet li, kieku kienu previsti fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti inizjali, kienu jippermettu l-ammissjoni ta’ offerenti differenti minn dawk inizjalment aċċettati jew kienu jippermettu li tintgħażel offerta differenti minn dik inizjalment magħżula (sentenzi tat-13 ta’ April 2010, Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 38, u tad-19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur, C‑454/06, EU:C:2008:351, punt 35).

    34

    Barra minn hekk, hija ċ-CNAIR li għandha tevalwa jekk, billi ma informathiex bix-xoljiment tal-kuntratt nru 1, l-ATI Nru 2 adottatx aġir imsemmi fl-Artikolu 57(4)(h) tad-Direttiva 2014/24. Fil-fatt, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tkopri kemm aġir attiv, bħal falsifikazzjoni, kif ukoll ommissjoni, peress li l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni falza, bl-istess mod bħall-ħabi ta’ informazzjoni vera, jista’ jkollha effett fuq id-deċiżjoni adottata mill-awtorità kontraenti.

    35

    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(5) tad-Direttiva 2014/24, li jipprovdi li “[f]i kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jiġu obbligati mill-Istati Membri li jeskludu, operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4”.

    36

    F’dan il-każ, peress li x-xoljiment tal-kuntratt nru 1 kien ġie formalment ikkonstatat, kienet l-ATI Nru 2, abbażi tar-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ lealtà, li kellha tinforma lill-awtorità kontraenti bis-sitwazzjoni tagħha. B’hekk, qabel kollox, din kellha tipprovdi l-informazzjoni kollha li tista’ turi li l-klassifikazzjoni bħala subappalt kienet żbaljata b’mod li hija ma kinitx kisret l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-kuntratt nru 1 jew inkella li n-nuqqas ta’ ksib tal-awtorizzazzjoni tal-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku preċedenti kien jikkostitwixxi biss irregolarità minuri. Tali preċiżazzjonijiet setgħu, b’mod partikolari, jissemmew fil-Formola Standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist, annessa mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/7. Fil-fatt, il-Parti III ta’ din il-formola, li hija ddedikata għar-“Raġunijiet għall-esklużjoni”, tinkludi punt C dwar “Raġunijiet relatati ma’ insolvenza, kunflitti ta’ interess jew imġiba professjonali ħażina”. Issa, fil-kuntest ta’ dan il-punt C, il-kandidati għandhom b’mod partikolari jirrispondu għall-kwistjoni dwar jekk humiex ħatja ta’ ksur professjonali serju u huma mistiedna, jekk iva, jipprovdu preċiżazzjonijiet.

    37

    Finalment, jekk tikkonkludi li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 57(4)(g) jew (h) tad-Direttiva 2014/24 huma ssodisfatti, l-awtorità kontraenti għandha, sabiex tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 57(6) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 102 tad-direttiva msemmija, tħalli l-possibbiltà lill-operatur ekonomiku inkwistjoni jippreżenta provi li juru li l-miżuri korrettivi li ħa dan tal-aħħar huma biżżejjed sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni tal-irregolarità li tat lok għax-xoljiment tal-kuntratt pubbliku preċedenti u li huma, għaldaqstant, ta’ natura li juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ kawża fakultattiva ta’ esklużjoni rilevanti.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-subappalt, minn operatur ekonomiku, ta’ parti mix-xogħlijiet fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku preċedenti, deċiż mingħajr il-kunsens tal-awtorità kontraenti u li wassal għax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt, jikkostitwixxi nuqqas sinjifikattiv jew persistenti kkonstatat waqt l-eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali relatat mal-imsemmi kuntratt, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u huwa għalhekk ta’ natura li jiġġustifika l-esklużjoni ta’ dan l-operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ulterjuri jekk, wara li tkun wettqet l-evalwazzjoni tagħha stess dwar l-integrità u l-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku li jkun ikkonċernat mix-xoljiment tal-kuntratt pubbliku preċedenti, l-awtorità kontraenti li torganizza din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt sussegwenti tqis li tali subappalt iwassal għat-tmiem tar-rabta ta’ fiduċja mal-operatur ekonomiku inkwistjoni. Madankollu, qabel ma tiddikjara tali esklużjoni, l-awtorità kontraenti għandha, skont l-Artikolu 57(6) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 102 tad-direttiva msemmija, tħalli l-possibbiltà lil dan l-operatur ekonomiku li jippreżenta l-miżuri korrettivi li jkun adotta wara x-xoljiment tal-kuntratt pubbliku preċedenti.

    Fuq l-ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-subappalt, minn operatur ekonomiku, ta’ parti mix-xogħlijiet fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku preċedenti, deċiż mingħajr il-kunsens tal-awtorità kontraenti u li wassal għax-xoljiment ta’ dan il-kuntratt, jikkostitwixxi nuqqas sinjifikattiv jew persistenti kkonstatat waqt l-eżekuzzjoni ta’ obbligu essenzjali relatat mal-imsemmi kuntratt, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, u huwa għalhekk ta’ natura li jiġġustifika l-esklużjoni ta’ dan l-operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ulterjuri jekk, wara li tkun wettqet l-evalwazzjoni tagħha stess dwar l-integrità u l-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku li jkun ikkonċernat mix-xoljiment tal-kuntratt pubbliku preċedenti, l-awtorità kontraenti li torganizza din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt sussegwenti tqis li tali subappalt iwassal għat-tmiem tar-rabta ta’ fiduċja mal-operatur ekonomiku inkwistjoni. Madankollu, qabel ma tiddikjara tali esklużjoni, l-awtorità kontraenti għandha, skont l-Artikolu 57(6) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 102 tad-direttiva msemmija, tħalli l-possibbiltà lil dan l-operatur ekonomiku li jippreżenta l-miżuri korrettivi li jkun adotta wara x-xoljiment tal-kuntratt pubbliku preċedenti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

    Top