Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0254

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ April 2019.
    Syndicat des cadres de la sécurité intérieure vs Premier ministre et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (Franza).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa – Perijodu ta’ referenza – Natura varjabbli jew fissa – Deroga – Uffiċjali tal-pulizija.
    Kawża C-254/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:318

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    11 ta’ April 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa – Perijodu ta’ referenza – Natura varjabbli jew fissa – Deroga – Uffiċjali tal-pulizija”

    Fil-Kawża C‑254/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2018, fil-proċedura

    Syndicat des cadres de la sécurité intérieure

    vs

    Premier ministre,

    Ministre de l’Intérieur,

    Ministre de l’Action et des Comptes publics,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Levits, C. Vajda (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Novembru 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għas-Syndicat des cadres de la sécurité intérieure, minn P. Gernez, avocat,

    għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme, A.‑L. Desjonquères u E. de Moustier, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(b), tal-Artikolu 16(b), tal-Artikolu 17(3) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (is-Sindakat tal-Persunal ta’ Grad Għoli fil-Qasam tas-Sigurtà Interna, iktar ’il quddiem is-“SCSI”) u l-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza), il-ministre de l’Intérieur (il-Ministru għall-Intern, Franza) kif ukoll il-ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru għall-Azzjoni tal-Gvern u għall-Kontijiet Pubbliċi, Franza) dwar il-perijodu ta’ referenza użat sabiex jiġi kkalkolat il-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa tal-uffiċjali attivi fis-servizzi tal-pulizija nazzjonali.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 89/391/KEE

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), jistabbilixxi li:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.).

    Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha.

    F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

    Id-Direttiva 2003/88

    4

    Il-premessa 15 tad-Direttiva 2003/88 hija fformulata kif ġej:

    “In vista tal-kwestjonijiet imqajma mill-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fi ħdan impriża, jidher li huwa mixtieq li jkun hemm provvediment għal flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ ċerti disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, waqt li jassiguraw konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.”

    5

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxi li:

    “[…]

    2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

    (a)

    il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

    (b)

    ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

    3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

    […]

    4.   Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ għall-materji kollha li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar iebsa u/jew speċifiċi li jinstabu f’din id-Direttiva.”

    6

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 dwar is-serħan ta’ kuljum jipprevedi li:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11‑il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24‑siegħa.”

    7

    L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jistabbilixxi li:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11‑il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

    […]”

    8

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, huwa fformulat kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

    […]

    (b)

    il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it‑48 siegħa.”

    9

    L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Perjodu ta’ referenza”, jistabbilixxi li:

    “L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu:

    […]

    (b)

    għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6 (perjodu massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa), perjodu ta’ referenza li ma jeċċedix erba’ xhur.

    Il-perjodi ta’ leave annwali bil-ħlas, mogħtija b’konformità ma’ l-Artikolu 7, u l-perjodi tal-leave tal-mard, m’għandhomx ikunu inklużi jew inkella jkunu newtralizzati fil-kalkolazzjoni tal-medja;

    […]”

    10

    L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi, b’mod partikolari, id-derogi li ġejjin:

    “[…]

    2.   Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jkunu adottati permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju jew li, f’każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet objettivi, li jagħtu perjodi bħal dawn ta’ serħan obbligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa.

    3.   B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

    […]

    (b)

    fil-każ ta’ attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-propjetà u persuni, partikolarment gwardji tas-sigurtà u purtinara jew ditti tas-sigurtà;

    (ċ)

    fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa […]

    […]”

    11

    L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Limiti għad-derogi mill-perjodi ta’ referenza”, jipprevedu, fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tiegħu, li:

    “L-għażla ta’ deroga mill-Artikolu 16(b), li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 17(3) u fl-Artikolu 18, ma tistax tirriżulta fl-istabbiliment ta’ perjodu ta’ referenza li jeċċedi sitt xhur.

    B’dana kollu, l-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla, bla ħsara għal konformità mal-prinċipji ġenerali li jirrigwardaw il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, li jippermettu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għal raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija ħalli jistabbilixxu perjodi ta’ referenza li fl-ebda każ ma jeċċedu 12‑il xahar.”

    Id-dritt Franċiż

    12

    L-Artikolu 3 tad-décret no 2000-815, du 25 août 2000, relatif à l’aménagement et à la réduction du temps de travail dans la fonction publique de l’État et dans la magistrature (id-Digriet Nru 2000‑815, tal‑25 ta’ Awwissu 2000, dwar il-ġestjoni u t-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol fis-settur pubbliku tal-Istat u tal-ġudikatura) (JORF tad‑29 ta’ Awwissu 2000, p. 13301), kif emendat bid-Digriet Nru 2011‑184, tal‑15 ta’ Frar 2011 (JORF tas‑17 ta’ Frar 2011, p. 2963), jistabbilixxi li:

    “I.- L-organizzazzjoni tax-xogħol għandha tosserva l-garanziji minimi ddefiniti hawn taħt.

    Il-ħin tax-xogħol effettiv ta’ kull ġimgħa, inkluża s-sahra, la ma għandu jaqbeż tmienja u erbgħin siegħa matul l-istess ġimgħa u lanqas medja ta’ erba’ u erbgħin siegħa fuq kwalunkwe perijodu ta’ tnax‑il ġimgħa konsekuttivi u l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, li jinkludi bħala prinċipju l-Ħadd, ma għandux ikun inqas minn ħamsa u tletin siegħa.

    […]

    II.- Jista’ jkun hemm deroga mir-regoli stabbiliti f’I biss fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    Meta l-għan stess tas-servizz pubbliku inkwistjoni jkun jeħtieġ tali deroga fuq bażi permanenti, b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-persuni u tal-oġġetti, permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État [(il-Kunsill tal-Istat, Franza)], meħud wara l-opinjoni tal-comité d’hygiène et de sécurité [(il-Kumitat għas-Saħħa u għas-Sigurtà, Franza)] fejn applikabbli, tal-comité technique ministériel [(il-Kumitat Tekniku Ministerjali, Franza)] u tal-Conseil supérieur de la fonction publique [(il-Kunsill Superjuri tas-Servizz Pubbliku, Franza)], li jiddetermina il-korrispettivi mogħtija lill-kategoriji ta’ uffiċjali kkonċernati;

    […]”

    13

    L-Artikolu 1 tad-décret no 2002-1279, du 23 octobre 2002, portant dérogations aux garanties minimales de durée du travail et de repos applicables aux personnels de la police nationale (id-Digriet Nru 2002‑1279, tat‑23 ta’ Ottubru 2002, li jistabbilixxi derogi għall-garanziji minimi tal-ħin tax-xogħol u tal-perijodi ta’ mistrieħ applikabbli għall-persunal tal-pulizija nazzjonali) (JORF tal‑25 ta’ Ottubru 2002, p. 17681), kif emendat bid-Digriet Nru 2017‑109, tat‑30 ta’ Jannar 2017 (JORF tal‑31 ta’ Jannar 2017), huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-organizzazzjoni tax-xogħol f’dak li jirrigwarda uffiċjali attivi fis-servizzi tal-pulizija nazzjonali, issir deroga għall-garanziji minimi msemmija fil-punt I tal-Artikolu 3 tad-Digriet tal‑25 ta’ Awwissu 2000 imsemmi iktar ’il fuq, fejn il-kompiti tas-sigurtà u tal-paċi pubblika, tal-pulizija ġudizzjarja u ta’ intelligence u ta’ informazzjoni, li għalihom huma responsabbli, ikunu jeħtieġu hekk.

    Din id-deroga għandha, madankollu, tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    Il-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa, ikkalkulat għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma għandux jaqbeż medja ta’ tmienja u erbgħin siegħa fuq perijodu ta’ semestru tas-sena kalendarja;

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    14

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Digriet Nru 2002‑1279, kif emendat bid-Digriet Nru 2017‑109, jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-ħin massimu ta’ xogħol u l-perijodi ta’ mistrieħ applikabbli għall-persunal tal-pulizija nazzjonali Franċiża. Dan id-digriet jipprevedi b’mod partikolari, fl-Artikolu 1 tiegħu, li l-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa mkejjel, għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma għandux jaqbeż medja ta’ tmienja u erbgħin siegħa fuq perijodu ta’ semestru tas-sena kalendarja.

    15

    Fit‑28 ta’ Marzu 2017, is-SCSI ppreżenta rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) fejn talab l-annullament ta’ din id-dispożizzjoni. Is-SCSI jsostni, b’mod partikolari, li, billi tuża, għall-kalkolu tal-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa, perijodu ta’ referenza espress f’semestri tas-sena kalendarja, u mhux perijodu ta’ referenza ta’ sitt xhur li l-bidu u t-tmiem tiegħu jinbidlu mal-mogħdija taż-żmien, l-imsemmija dispożizzjoni tikser ir-regoli tad-Direttiva 2003/88.

    16

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 6 u 16 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu perijodu ta’ referenza ddefinit fuq bażi varjabbli jew inkella li jħallu lill-Istati Membri l-għażla li jagħtu lil dan il-perijodu natura varjabbli jew fissa.

    17

    Hija tistaqsi wkoll, fil-każ li jkun possibbli biss perijodu ta’ referenza varjabbli, jekk l-imsemmi perijodu jistax iżomm in-natura varjabbli tiegħu meta jiġi estiż għal sitt xhur skont id-deroga prevista fl-Artikolu 17(3)(b) tad-Direttiva 2003/88.

    18

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 u 16 tad-Direttiva [2003/88] għandhom jiġu interpretati bħala li jimponu perijodu ta’ referenza definit fuq bażi kontinwu [varjabbli] jew bħala li jħallu lill-Istati Membri l-għażla li jagħtuh natura kontinwa [varjabbli] jew fissa?

    2)

    Fil-każ fejn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bħala li jimponu perijodu ta’ referenza kontinwu [varjabbli], il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 17 li ssir deroga mill-Artikolu 16(b) tista’ tikkonċerna, mhux biss il-perijodu ta’ referenza, iżda anki n-natura kontinwa [varjabbli] tiegħu?”

    Fuq id-domandi preliminari

    19

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(b), l-Artikolu 16(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa, perijodi ta’ referenza li jibdew u jintemmu f’dati kalendarji fissi u mhux perijodi ta’ referenza ddefiniti fuq bażi varjabbli.

    20

    Skont l-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva, “il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it‑48 siegħa”.

    21

    L-Artikolu 16(b) ta’ l-istess direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa, perijodu ta’ referenza li ma jeċċedix erba’ xhur.

    22

    Il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 16(b) tad-Direttiva 2003/88 jista’, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, jiġi estiż eċċezzjonalment għal sitt xhur f’ċerti każijiet jew għal ċerti attivitajiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 17(3) tal-imsemmija direttiva, bħall-“attivitajiet ta’ sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu preżenza permanenti sabiex tkun protetta l-propjetà u persuni” jew l-“attivitajiet li jinvolvu l-ħtieġa ta’ servizz jew produzzjoni kontinwa”. Fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Franċiża applikat din is-sistema derogatorja għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali attivi fis-servizzi tal-pulizija nazzjonali.

    23

    Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa jista’ jiġi kkalkulat mhux fuq perijodi ta’ sebat ijiem, iżda fuq il-perijodi hekk imsejħa ta’ “referenza” ta’ mhux iktar minn erba’ xhur fil-kuntest tas-sistema komuni u ta’ mhux iktar minn sitt xhur fil-kuntest tas-sistema derogatorja. Il-kalkolu tal-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa fuq tali perijodi ta’ referenza huwa intiż, skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2003/88, li jagħti ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li kwalunkwe qbiż tal-ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa f’ċerti mumenti fil-perijodu ta’ referenza jista’ jiġi kkumpensat permezz ta’ tnaqqis korrispondenti f’mumenti oħra tal-perijodu. Għalhekk, ma hemmx bżonn ta’ tqassim indaqs tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol matul il-perijodu kollu ta’ referenza (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa, C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 43).

    24

    Mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza jirriżulta wkoll li l-kunċett ta’ “perijodu ta’ referenza” huwa, minn naħa, kunċett uniku li għandu l-istess tifsira fil-kuntest tas-sistema komuni u tas-sistema derogatorja u, min-naħa l-oħra, kunċett li ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri u li għalhekk għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, irrispettivament mill-klassifikazzjonijiet użati fl-Istati Membri, b’kont meħud tal-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jkunu jiffurmaw parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa, C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    25

    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-kliem u tal-kuntest tal-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll tal-għanijiet imfittxija minn din tal-aħħar, jekk il-perijodi ta’ referenza jistgħux jiġu ddefiniti bħala perijodi li jibdew u jintemmu f’dati kalendarji fissi, jiġifieri perijodi fissi ta’ referenza, jew inkella bħala perijodi li l-bidu u t-tmiem tagħhom ivarjaw b’mod kontinwu mal-mogħdija taż-żmien, jiġifieri perijodi ta’ referenza varjabbli.

    26

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2003/88 huma siekta dwar jekk il-perijodi ta’ referenza għandhomx jiġu stabbiliti b’mod fiss jew varjabbli u li, għaldaqstant, il-formulazzjoni ta’ dawn l-artikoli ma tipprekludix l-użu ta’ wieħed minn dawn il-metodi iktar mill-użu ta’ ieħor.

    27

    Fit-tieni lok, il-kuntest li fih jinsabu l-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2003/88 lanqas ma jippermetti, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tingħata risposta għal din id-domanda.

    28

    Huwa minnu li, kif il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea enfasizzaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fir-rigward tal-“perijodu ta’ sebat ijiem” li jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 relatat mal-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u kklassifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala “perijodu ta’ referenza”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li perijodu ta’ referenza jista’ jiġi ddefinit, f’dan il-kuntest, bħala perijodu fiss li fih ċertu numru ta’ sigħat konsekuttivi ta’ mistrieħ għandhom jingħataw, irrispettivament minn meta jingħataw dawn is-sigħat ta’ mistrieħ (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa, C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 43). Il-Gvern Franċiż jiddeduċi mill-użu tat-terminu “fiss” fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “perijodu ta’ referenza” għandu pjuttost jinftiehem bħala perijodu ddefinit b’mod fiss.

    29

    Madankollu, tali interpretazzjoni tal-punt 43 tas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844), ma tistax tiġi aċċettata, hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu. It-terminu “fiss” użat f’din is-sentenza għandu jinftiehem mhux fis-sens ta’ “perijodu li jikkoinċidi neċessarjament mas-sena kalendarja”, iżda bħala “unità ta’ kejl tal-ħin”, jiġifieri, fl-imsemmija sentenza, perijodu ta’ sebat ijiem.

    30

    Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844), id-domanda eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tirrigwarda n-natura fissa jew varjabbli tal-perijodu ta’ referenza, iżda biss il-kwistjoni ta’ jekk il-jum ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 għandux jingħata mhux iktar tard mill-jum wara perijodu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi jew jekk għandux jingħata f’kull perijodu ta’ sebat ijiem. Meta għażlet din is-soluzzjoni tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-frażi “perijodu fiss” bħala perijodu ta’ żmien determinat, mingħajr madankollu ma ddeċidiet jekk il-bidu u t-tmiem ta’ dan il-perijodu għandhomx jikkoinċidu jew le mas-sena kalendarja jew, b’mod iktar ġenerali, jikkorrispondu għal dati fissi bħal dawk tal-ġimgħa kalendarja.

    31

    Minn dak li ntqal jirriżulta li, fl-assenza ta’ indikazzjoni li tirriżulta mill-kliem u mill-kuntest tal-Artikoli 16 u 19 tad-Direttiva 2003/88, l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, liberi li jistabbilixxu l-perijodi ta’ referenza skont il-metodu tal-għażla tagħhom, bil-kundizzjoni li l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva jiġu osservati.

    32

    Għal dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2003/88, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan li tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tipprovdi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(b) tagħha, limitu massimu għall-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa. Dan il-limitu massimu jikkostitwixxi regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari li minnha għandu jibbenefika kull ħaddiem bħala rekwiżit minimu intiż sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu (sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punti 3233 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 2324 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Barra minn hekk, huwa importanti li l-effett utli tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema permezz tad-Direttiva 2003/88 jiġi ggarantit kollu kemm hu, li jimplika neċessarjament l-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-osservanza ta’ kull rekwiżit minimu impost minn din id-direttiva u li jipprekludu b’mod partikolari kwalunkwe qbiż tal-ħin medju massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa kif stabbilit fl-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva. Din l-interpretazzjoni hija fil-fatt l-unika waħda li hija konformi mal-għan tal-istess direttiva, li huwa li tiggarantixxi protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tippermettilhom igawdu b’mod effettiv minn ħin tax-xogħol li ma jaqbiżx, bħala medja, il-limitu massimu ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa matul il-perijodu kollu ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, EU:C:2010:609, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-għan jimplika li kull ħaddiem għandu, b’mod partikolari, jibbenefika minn perijodi ta’ mistrieħ adegwati, li għandhom mhux biss ikunu effettivi, billi jippermettu lill-persuni kkonċernati jirkupraw mill-għejja li tirriżulta mix-xogħol tagħhom, iżda jkunu wkoll ta’ natura preventiva sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju li jiġu affettwati s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema li tista’ ġġib magħha l-akkumulazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol mingħajr il-mistrieħ neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva 2003/88, il-flessibbiltà li din id-direttiva tagħti lill-Artikoli 16 u 19 tagħha għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(b) tal-imsemmija direttiva hija bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

    36

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-derogi previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju għas-salvagwardja tal-interessi li dawn id-derogi jippermettu li jiġu protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et, C‑175/16, EU:C:2017:617, punt 31, kif ukoll tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak, C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 38).

    37

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk kemm il-perijodi ta’ referenza fissi kif ukoll il-perijodi ta’ referenza varjabbli humiex konformi mal-għan tad-Direttiva 2003/88 li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-perijodi ta’ referenza fissi u varjabbli huma konformi, fihom innifishom, mal-imsemmi għan tad-Direttiva 2003/88, sa fejn dawn jippermettu li jiġi vverifikat li l-ħaddiem ma jaħdimx, bħala medja, iktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa matul il-perijodu kollu kkonċernat u li r-rekwiżiti relatati mas-saħħa u mas-sigurtà tiegħu jiġu għalhekk osservati. Għal dan il-għan, ma huwiex importanti li l-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ referenza jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ dati kalendarji fissi jew skont il-mogħdija taż-żmien.

    39

    L-effett ta’ perijodi ta’ referenza fissi fuq is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jiddependi, madankollu, fuq iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, bħalma huma n-natura tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tiegħu kif ukoll, b’mod partikolari, il-ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa u t-tul tal-perijodu ta’ referenza magħżul mill-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, kif qablu l-parteċipanti kollu fil-proċedura, il-perijodi ta’ referenza fissi jistgħu, għall-kuntrarju tal-perijodi ta’ referenza varjabbli, joħolqu sitwazzjonijiet fejn l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema jista’ ma jintlaħaqx.

    40

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-metodu tal-perijodu ta’ referenza fiss jista’ jwassal sabiex il-persuna li timpjega jġiegħel lill-ħaddiem jaħdem, matul iż-żewġ perijodi ta’ referenza fissi suċċessivi, ħinijiet tax-xogħol intensivi u, filwaqt li josserva l-perijodi ta’ mistrieħ previsti fl-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/88, b’hekk iġiegħlu jaqbeż, bħala medja, il-limitu massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa fuq perijodu li, peress li huwa maqsum fuq dawn iż-żewġ perijodi fissi, jikkorrispondi għal perijodu ta’ referenza varjabbli tal-istess tul. Tali sitwazzjoni ma tistax isseħħ meta l-perijodu ta’ referenza huwa ddeterminat fuq bażi varjabbli, peress li, skont id-definizzjoni tagħhom stess, il-perijodi ta’ referenza varjabbli għandhom l-effett li l-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa jiġi kkalkolat mill-ġdid kontinwament.

    41

    Għalhekk, għalkemm il-perijodi ta’ referenza fissi u varjabbli, meħuda waħedhom, huma, fihom innifishom, konformi mal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, l-għaqda ta’ żewġ perjodi ta’ referenza fiss suċċessivi tista’, skont il-ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa u t-tul tal-perijodu ta’ referenza magħżula mill-Istat Membru kkonċernat, twassal għal sitwazzjonijiet fejn dan l-għan jista’ jiġi kompromess, minkejja li l-perijodi ta’ mistrieħ previsti fl-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/88 ikunu ġew osservati.

    42

    F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża mhux biss eżawrixxiet il-marġni mogħtija lilha mid-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa, billi stabbilixxiet tali ħin massimu għal 48 siegħa, iżda invokat ukoll id-deroga prevista fl-Artikolu 17(3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tagħha, sabiex testendi sa sitt xhur il-perijodu ta’ referenza użat għall-kalkolu tal-medja tal-ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu ta’ perijodi ta’ referenza fissi ma jippermettix li jiġi ggarantit li l-ħin medju massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa ta’ 48 siegħa jiġi osservat matul kull perijodu ta’ sitt xhur maqsum fuq żewġ perijodi ta’ referenza fissi suċċessivi.

    43

    Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li t-tilħiq tal-għan tad-Direttiva 2003/88 ikun kompromess jekk l-użu ta’ perijodi ta’ referenza fissi ma kellux mekkaniżmi li jippermettu li jiġi żgurat li l-ħin medju massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa jiġi osservat matul kull perijodu ta’ sitt xhur maqsum fuq żewġ perijodi ta’ referenza fissi suċċessivi.

    44

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/88, meta Stat Membru jkun jixtieq jestendi l-perijodu ta’ referenza għal iktar minn sitt xhur, ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali huwa neċessarju għal dan il-għan. Fil-każ li perijodu ta’ referenza msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva huwa ddefinit fuq bażi fissa, dan jista’ jwassal sabiex ħaddiem jiġi obbligat jaħdem, matul perijodu ta’ sitt xhur maqsum fuq żewġ perijodi ta’ referenza fissi suċċessivi, iktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa bħala medja, mingħajr ma jkun ġie konkluż għal dan il-għan ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali. Għaldaqstant, dan il-perijodu maqsum jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet li ma humiex fir-realtà possibbli fil-kuntest ta’ perijodu ta’ referenza msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva. Tali riżultat ikollu l-effett li jimmina d-deroga prevista f’din id-dispożizzjoni.

    45

    Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali pprevedietx mekkaniżmi li, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, jippermettu li jiġi żgurat li l-ħin medju massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa ta’ 48 siegħa jiġi osservat matul kull perijodu ta’ sitt xhur maqsum fuq żewġ perijodi ta’ referenza fissi suċċessivi.

    46

    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u fil-prattika ma għandhomx irendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ effettività, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari teżamina l-effettività tar-rimedji offruti mid-dritt nazzjonali għall-ħaddiema kkonċernati sabiex iwaqqfu mingħajr dewmien, fejn xieraq permezz ta’ proċeduri mħaffa jew proċeduri għal miżuri provviżorji, kwalunkwe prattika li ma tosservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88, kif għandhom jirriżultaw minn traspożizzjoni korretta fil-liġi nazzjonali.

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 6(b), l-Artikolu 16(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa, perijodi ta’ referenza li jibdew u jintemmu f’dati kalendarji fissi, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun tinkludi mekkaniżmi li jippermettu li jiġi żgurat li l-ħin medju massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa ta’ 48 siegħa jiġi osservat matul kull perijodu ta’ sitt xhur maqsum fuq żewġ perijodi ta’ referenza fissi suċċessivi.

    Fuq l-ispejjeż

    49

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(b), l-Artikolu 16(b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħin medju ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa, perijodi ta’ referenza li jibdew u jintemmu f’dati kalendarji fissi, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni tkun tinkludi mekkaniżmi li jippermettu li jiġi żgurat li l-ħin medju massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa ta’ 48 siegħa jiġi osservat matul kull perijodu ta’ sitt xhur maqsum fuq żewġ perijodi ta’ referenza fissi suċċessivi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top