EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0240

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-27 ta’ Frar 2020.
Constantin Film Produktion GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(f) – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade mark li tmur kontra l-moralità – Sinjal verbali “Fack Ju Göhte” – Ċħid tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.
Kawża C-240/18 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:118

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 7(1)(f) – Raġuni assoluta għal rifjut – Trade mark li tmur kontra l-moralità – Sinjal verbali “Fack Ju Göhte” – Ċħid tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni”

Fil-Kawża C‑240/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-4 ta’ April 2018,

Constantin Film Produktion GmbH, stabbilita fi München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn E. Saarmann u P. Baronikians, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Constantin Film Produktion GmbH titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-24 ta’ Jannar 2018, Constantin Film Produktion vs EUIPO (Fack Ju Göhte) (T‑69/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:27), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-1 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 2205/2015–5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fir-rigward ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 1, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4, fil-ĠU 2016, L 71, p. 322), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Ir-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1). Fid-dawl tad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-21 ta’ April 2015, il-fatti tal-każ huma rregolati mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009.

3

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

f)

trade marks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità,

[…]

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f’parti tal-[Unjoni Ewropea].

3.   Il-paragrafu 1(b), (c) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark.”

4

L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Stqarrija tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati”, jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. […]”

5

L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.”

6

Il-premessa 21 tar-Regolament Nru 2015/2424 tiddikjara:

“(21)

[…] Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jiġi applikat b’tali mod li jiżgura r-rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni.”

7

Il-premessa 21 tar-Regolament 2017/1001 tirriproduċi, b’mod identiku, il-kliem tal-premessa 21 tar-Regolament 2015/2424 imsemmi fil-punt preċedenti.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

8

Fil-21 ta’ April 2015, l-appellanti, Constantin Film Produktion, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, skont ir-Regolament Nru 207/2009.

9

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali “Fack Ju Göhte”, li huwa, barra minn hekk, it-titolu ta’ kummiedja ċinematografika Ġermaniża, prodotta mill-appellanti, li kienet waħda mill-ikbar suċċessi ċinematografiċi tal-2013 fil-Ġermanja. Ġew prodotti żewġ segwiti għal din il-kummiedja ċinematografika mill-appellanti, li ħarġu fis-swali taħt it-titoli “Fack Ju Göhte 2” u “Fack Ju Göhte 3” rispettivament fl-2015 u fl-2017.

10

Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 3, 9, 14, 16, 18, 21, 25, 28, 30, 32, 33, 38 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

Klassi 3: “Preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ; preparazzjonijiet għat-tindif, għall-illustrar, li jneħħu x-xaħam u għal brix bi frizzjoni; sapun; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; dentifriċi”;

Klassi 9: “Mezzi li jaħżnu data rreġistrata ta’ kull tip; pubblikazzjonijiet elettroniċi (li jistgħu jitniżżlu), jiġifieri data awdjo, vidjo, testi, stampi u grafiċi f’format diġitali; apparat u strumenti fotografiċi, ċinematografiċi u ta’ tagħlim; apparat għar-reġistrazzjoni, trasmissjoni, riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew stampi; […]”;

Klassi 14: “Ġojjelli; ġojjellerija; ħaġar prezzjuż; […]”;

Klassi 16: “Prodotti tal-istampar; ritratti; kartolerija; oġġetti tal-uffiċċju […]”;

Klassi 18: “Bagolli [bagalji]; umbrelel u parasoli; bsaten; valiġġi; […]”;

Klassi 21: “Prodotti tal-ħġieġ, porċellana u reċipjenti tax-xaqquf mhux inklużi fi klassijiet oħra; gandlieri”;

Klassi 25: “Ilbies, xedd is-saqajn, xedd ir-ras”;

Klassi 28: “Logħob, ġugarelli; artikli tal-ġinnastika u sport mhux inklużi fi klassijiet oħra; dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied”;

Klassi 30: “Kafé, te, kawkaw u sostituti tal-kafè; ross; tapioca u sagu; dqiq u preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali, ħobż, għaġina tal-kejk u ħelu; silġ li jittiekel; zokkor, għasel, xiropp u għasel iswed; ħmira, trab tal-ħmira; […]”;

Klassi 32: “Birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mingħajr alkoħol; xorb magħmul mill-frott u meraq tal-frott; […]”;

Klassi 33: “Xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni tal-birra)”;

Klassi 38: “Servizzi ta’ telekomunikazzjoni; provvista ta’ chatrooms u forums fl-internet, trażmissjoni ta’ data permezz tal-Internet […]”;

Klassi 41: “Edukazzjoni; taħriġ; divertiment, b’mod partikolari divertiment televiżiv u ċinematografiku, editjar ta’ programmi radjofoniċi u tat-televiżjoni, produzzjoni radjofonika, televiżiva u ċinematografika, kiri ta’ films ċinematografiċi, preżentazzjonijiet ta’ films taċ-ċinema; attivitajiet sportivi u kulturali”.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2015, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament, għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt preċedenti.

12

Fil-5 ta’ Novembru 2015, l-appellanti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

13

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad dan l-appell.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2017, l-appellanti ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

15

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

16

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn iż-żewġ motivi, u għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

18

L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

19

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba.

20

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

L-argumenti tal-partijiet

21

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-kuntest tal-eżami tagħha dwar jekk it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha tikkawżax dannu lill-moralità, diversi żbalji fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan l-aggravju jinqasam f’erba’ partijiet.

22

Fl-ewwel lok, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-eżami individwali minħabba li ma eżaminatx it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, jiġifieri “Fack Ju Göhte”, iżda s-sinjal “Fuck you, Goethe”.

23

Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-espressjonijiet “Fuck” u “Fuck you” tilfu t-tifsira vulgari tagħhom minħabba l-evoluzzjoni tal-lingwa fis-soċjetà. Ma hemmx rifjut ġenerali li jiġu rreġistrati bħala trade marks espressjonijiet li jinkludu dawn il-kliem, kif turi r-reġistrazzjoni ta’ sinjali bħal “Fucking Hell” u “MACAFUCKER” bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea.

24

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod estensiv wisq ir-raġuni assoluta għal rifjut, dwar il-moralità, imsemmija fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, billi applikat l-evalwazzjonijiet li jikkonċernaw it-termini “Fuck” u “Fuck you” għat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha fl-intier tagħha u billi qieset li s-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” huwa mimli b’vulgarità intrinsika li l-element “Göhte” ma jistax itaffi.

25

L-appellanti tqis b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali ma wrietx il-prudenza u s-sensittività meħtieġa fl-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għal rifjut li, filwaqt li tikkonċerna valuri suġġettivi, għandha tiġi applikata b’mod restrittiv u kemm jista’ jkun oġġettiv sabiex jiġi evitat ir-riskju li sinjali jiġu esklużi mir-reġistrazzjoni għas-sempliċi raġuni li ma jikkorrispondux mal-gosti personali ta’ min iwettaq l-eżami. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impressjoni globali tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, fid-dawl tat-traskrizzjoni fonetika fil-Ġermaniż tal-espressjoni “Fuck You” flimkien mal-element “Göhte” mifhuma fis-sens li tirreferi għal materjal skolastiku mhux popolari, għandha karattru innokwu, infantili u tal-logħob, li jesprimi l-frustrazzjoni bl-iskola.

26

Fit-tielet lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li ma ġiex stabbilit li l-pubbliku rilevanti li jitkellem bil-Ġermaniż ma jkunx ixxukkjat mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni. F’dan ir-rigward, din tosserva li l-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni żbaljata tar-regoli relattivi għall-oneru tal-prova. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-perċezzjoni mill-pubbliku rilevanti tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma tistax tiġi ddeterminata b’mod astratt u sseparat minn kull bażi empirika, abbażi biss ta’ valuri suġġettivi, iżda għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jipprovdu ħjiel dwar il-perċezzjoni reali minn dan il-pubbliku. Issa, b’mod partikolari s-suċċess kbir tal-film tal-istess isem kif ukoll l-użu ta’ dan il-film mill-Institut Goethe (il-Ġermanja) għal finijiet ta’ tagħlim juru li l-pubbliku ġenerali li jħaddan il-lingwa Ġermaniża, li huwa l-pubbliku rilevanti f’dan il-każ, jifhem in-natura umoristika tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha u bl-ebda mod ma jikkunsidraha bħala xokkanti jew vulgari.

27

Fir-raba’ lok, minħabba l-evalwazzjonijiet żbaljati tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni, minn naħa, tal-interess tar-rikorrenti fir-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha u, min-naħa l-oħra, tal-interess tal-pubbliku li ma jiġix ikkonfrontat bi trade marks li jmorru kontra l-moralità u għalhekk bi trade marks li jdejqu, li joffendu, li jinsultaw jew anki li jheddu.

28

L-EUIPO jqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

29

L-ewwel nett, l-EUIPO jqis li l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali eżaminat is-sinjal “Fuck you, Goethe” u mhux it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, jiġifieri “Fack Ju Göhte”, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Il-punti 17, 18 u 20 ta’ din is-sentenza għandhom jinqraw fid-dawl tal-premessa esposta fil-punt 16 tal-imsemmija sentenza, li tgħid li l-konsumatur “normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha”, li ma jipprekludihx milli jidentifika “elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew simili għal kliem li huwa jaf”.

30

It-tieni nett, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-espressjonijiet “Fuck” u “Fuck you” tilfu t-tifsira sesswali inizjali tagħhom, b’tali mod li ma humiex iktar ipperċepiti bħala vulgari u xokkanti, huwa inammissibbli peress li jikkonċerna konstatazzjoni ta’ fatt. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma huwiex fondat peress li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat il-vulgarità inerenti tal-espressjoni “Fuck you” anki fil-każ li din l-espressjoni, minħabba l-evoluzzjoni tal-lingwa, ma tibqax inkluża fil-konnotazzjoni sesswali tagħha.

31

It-tielet nett, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 18 tas-sentenza appellata, ħadet espliċitament inkunsiderazzjoni l-bidla fis-sens tal-espressjoni “Fuck you”, billi spjegat li din tista’ tintuża wkoll sabiex tesprimi r-rabja, l-isfida jew id-disprezz fir-rigward ta’ persuna.

32

Ir-raba’ nett, l-EUIPO jikkunsidra bħala infondat l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, meta kkonstatat li s-suċċess kbir tal-film “Fack Ju Göhte” ma jfissirx li l-pubbliku rilevanti ma huwiex ixxukkjat mit-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma applikatx kriterju purament suġġettiv waqt l-eżami tal-moralità, iżda analizzat b’mod espliċitu, fil-punti 28 sa 30 tas-sentenza appellata, il-possibbiltà li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma hijiex vulgari, iżda li tista’ tinftiehem bħala “ċajta”.

33

L-EUIPO jsostni, f’dan il-kuntest, li l-għan tad-dritt ta’ esklużività mogħti minn trade mark huwa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni mhux distorta u mhux il-libertà tal-espressjoni, filwaqt li t-titolu ta’ film iservi sabiex jiddistingwi xogħol artistiku minn ieħor u biex jindika l-kontenut tiegħu filwaqt li jesprimi l-libertà ta’ espressjoni u l-libertà artistika. Il-konsumatur medju huwa konxju minn din id-differenza u għalhekk mhux neċessarjament jipperċepixxi t-trade marks u t-titoli ta’ films bl-istess mod. Għaldaqstant, anki għall-konsumaturi li jafu l-film inkwistjoni, ma huwiex possibbli li jiġi preżunt li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha hija pperċepita bħala “ċajta”. Barra minn hekk, il-konsumaturi rilevanti f’dan il-każ huma ħafna iktar numerużi minn dawk li jafu l-film inkwistjoni u li huma familjari mal-“espressjonijiet taż-żgħażagħ”.

34

Il-ħames nett, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod korrett li, għalkemm it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha hija kkostitwita minn kelma li hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala intrinsikament vulgari u għalhekk bħala xokkanti, din hija “trade mark manifestament oxxena” u kuntrarja għall-“moralità”.

35

Is-sitt nett, l-EUIPO jqis li huwa b’mod żbaljat li l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet inverżjoni illegali tal-oneru tal-prova fil-punt 30 tas-sentenza appellata meta qieset li ma huwiex stabbilit li l-pubbliku rilevanti jirrikonoxxi fit-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha t-titolu tal-film inkwistjoni u għalhekk “ċajta”. Din il-konstatazzjoni għandha tinqara fil-kuntest tagħha. Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 75(1) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut għandhom jiġu eżaminati ex officio mill-EUIPO u li l-eżistenza tagħhom għandha tkun immotivata b’mod koerenti, xorta jibqa’ l-fatt li, meta l-EUIPO jew il-Qorti Ġenerali, li għalihom japplikaw dawn l-istess rekwiżiti legali meta din tal-aħħar tiċħad rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal trade mark mill-EUIPO, jikkonfrontaw lill-applikant b’fatti magħrufa jew b’evalwazzjoni bbażata fuq in-natura inadegwata tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, huwa l-applikant li għandu jirribattihom permezz ta’ informazzjoni konkreta u fondata. Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tosserva l-imsemmija rekwiżiti legali.

36

Finalment, is-seba’ nett, l-EUIPO jqis li l-argument tal-appellanti, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx ibbilanċjar ġust tal-interessi tal-applikant u tal-pubbliku, ma huwiex fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni tat-trade marks li huma kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-prinċipji aċċettati tal-moralità għandha tiġi rrifjutata. Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament huma applikabbli anki jekk jeżistu biss f’parti mill-Unjoni.

38

Kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 24 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-appellanti, l-EUIPO rrifjuta, abbażi tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” mhux minħabba eventwali kunflitt ta’ dan is-sinjal mal-ordni pubbliku, iżda biss minħabba li dan imur kontra l-moralità. Għalhekk, huwa biss fir-rigward ta’ din l-aħħar raġuni assoluta għal rifjut li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju tal-appell.

39

Fir-rigward tal-imsemmija raġuni għal rifjut, għandu jiġi rrilevat li peress li l-kunċett ta’ “moralità” ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 207/2009, dan għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens abitwali tiegħu kif ukoll il-kuntest li fih huwa ġeneralment użat. Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-kunċett jirreferi, fis-sens abitwali tiegħu, għall-valuri u għar-regoli morali fundamentali li taderixxi magħhom soċjetà f’mument partikolari. Dawn il-valuri u dawn ir-regoli, li jistgħu jevolvu maż-żmien u jvarjaw fl-ispazju, għandhom jiġu ddeterminati skont il-konsensus soċjali prevalenti f’din is-soċjetà fil-mument tal-evalwazzjoni. Għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni, għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kuntest soċjali, inkluż, jekk ikun il-każ, id-diversitajiet kulturali, reliġjużi jew filosofiċi li jikkaratterizzawh, sabiex jiġi evalwat, b’mod oġġettiv, dak li l-imsemmija soċjetà tqis f’dak il-mument bħala moralment aċċettabbli.

40

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk sinjal, li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, huwiex kuntrarju għall-moralità jeħtieġ analiżi tal-elementi kollha tal-każ sabiex jiġi ddeterminat il-mod li bih il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi tali sinjal fil-każ ta’ użu tiegħu bħala trade mark għall-prodotti jew għas-servizzi koperti.

41

F’dan ir-rigward, sabiex jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex biżżejjed li s-sinjal ikkonċernat jitqies li huwa ta’ gosti ħżiena. Dan għandu, fil-mument tal-eżami, jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala li jmur kontra l-valuri u l-istandards morali fundamentali tas-soċjetà hekk kif dawn jeżistu f’dak il-mument.

42

Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-perċezzjoni ta’ persuna raġonevoli li għandha livelli medji ta’ sensittività u ta’ tolleranza, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih it-trade mark tista’ tiġi ffaċċjata kif ukoll, jekk ikun il-każ, iċ-ċirkustanzi partikolari proprji tal-parti tal-Unjoni kkonċernata. Għal dan il-għan, huma rilevanti elementi bħat-testi leġiżlattivi u l-prattiki amministrattivi, l-opinjoni pubblika u, jekk ikun il-każ, il-mod kif il-pubbliku rilevanti rreaġixxa fil-passat għal dan is-sinjal jew għal sinjali simili, kif ukoll kull element ieħor li jista’ jippermetti li tiġi evalwata l-perċezzjoni ta’ dan il-pubbliku.

43

B’hekk, l-eżami li għandu jsir ma jistax ikun limitat għal evalwazzjoni astratta tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, jew ta’ ċerti komponenti tagħha, iżda għandu jiġi stabbilit, b’mod partikolari meta l-applikant invoka elementi li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-fatt li din it-trade mark hija pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li tmur kontra l-moralità, li l-użu tal-imsemmija trade mark fil-kuntest soċjali konkret u attwali huwa effettivament ipperċepit minn dan il-pubbliku bħala li jmur kontra l-valuri u r-regoli morali fundamentali tas-soċjetà.

44

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

45

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 14 u 17 tas-sentenza appellata billi kkonfermat f’dan ir-rigward l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li l-pubbliku rilevanti huwa kompost mill-pubbliku ġenerali li jitkellem bil-Ġermaniż tal-Unjoni, jiġifieri b’mod partikolari dak tal-Ġermanja u tal-Awstrija.

46

Fir-rigward tal-perċezzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha minn dan il-pubbliku, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 18 tas-sentenza appellata, li l-pubbliku msemmi jqabbel din it-trade mark mal-espressjoni Ingliża “Fuck you” flimkien mal-kunjom Goethe, u dan kollu miktub b’ortografija differenti li tirriżulta minn traskrizzjoni fonetika fil-lingwa Ġermaniża ta’ dawn il-kliem. Għalkemm, fl-ewwel sens tagħha, l-espressjoni Ingliża “Fuck you” kellha konnotazzjoni sesswali u kienet immarkata b’vulgarità, hija tintuża wkoll f’kuntest differenti sabiex tesprimi r-rabja, l-isfida jew id-disprezz fil-konfront ta’ persuna. Madankollu, anki f’tali ipoteżi, din l-espressjoni xorta tibqa’ kkaratterizzata minn vulgarità intrinsika u ż-żieda tal-element “Göhte” fl-aħħar tas-sinjal inkwistjoni, għalkemm tippermetti li jiġi identifikat lil min huma “indirizzati” t-termini li jikkomponu l-bidu tal-imsemmi sinjal, ma tistax tnaqqas il-vulgarità tagħha.

47

Fil-punt 19 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, kuntrarjament għal dak li ssuġġeriet l-appellanti, il-fatt li l-film “Fack Ju Göhte” kienu rawh diversi miljuni ta’ persuni waqt il-ħruġ ċinematografiku tiegħu ma jfissirx li l-pubbliku rilevanti ma huwiex ixxokkjat mit-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha.

48

Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 20 tas-sentenza appellata, li f’dawn iċ-ċirkustanzi, kellu jitqies li l-Bord tal-Appell ġustament qies li l-espressjoni Ingliża “Fuck you” u, għaldaqstant, it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha kollha kemm hi kienu intrinsikament vulgari u li setgħu jixxokkjaw lill-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, huwa ġustament ikkonkluda minn dan li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha kellha tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

49

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma jissodisfax l-istandards imposti mill-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, esposti fil-punti 39 sa 43 ta’ din is-sentenza.

50

Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntest soċjali u tal-elementi invokati f’dan ir-rigward mill-appellanti, u b’mod partikolari tal-fatt li s-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” jikkorrispondi, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 2 u 19 tas-sentenza appellata, għat-titolu ta’ kummiedja ċinematografika Ġermaniża, prodotta mill-appellanti, li kienet waħda mill-ikbar suċċessi ċinematografiċi tal-2013 fil-Ġermanja u li rawha diversi miljuni ta’ persuni waqt il-ħruġ tagħha fis-swali – il-Qorti Ġenerali, sabiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fil-liġi li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha tinftiehem mill-pubbliku ġenerali li jitkellem bil-Ġermaniż bħala kuntrarja għall-moralità, ma setgħetx tillimita ruħha għal evalwazzjoni astratta ta’ din it-trade mark u tal-espressjoni Ingliża li titqabbel magħha l-ewwel parti tagħha minn dan il-pubbliku.

51

Għalhekk, iċ-ċirkustanza li hija din it-trade mark stess li għandha tiġi eżaminata ma tfissirx li, waqt dan l-eżami, jistgħu jiġu injorati elementi tal-kuntest, li jistgħu jiċċaraw il-mod li bih il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-imsemmija trade mark.

52

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, fost tali elementi hemm is-suċċess kbir tal-imsemmija kummiedja bl-istess isem mal-pubbliku ġenerali li jitkellem bil-Ġermaniż u l-fatt li t-titolu tagħha ma jidhirx li qajjem kontroversji, kif ukoll il-fatt li l-aċċess tal-pubbliku żagħżugħ għaliha kien ġie awtorizzat u li l-Istitut Goethe, li huwa l-istitut kulturali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja attiv fuq livell dinji li waħda mill-missjonijiet tiegħu hija li jippromwovi l-għarfien tal-lingwa Ġermaniża, jużaha għal finijiet pedagoġiċi.

53

Sa fejn dawn l-elementi jistgħu, a priori, jikkostitwixxu indikazzjoni li, minkejja l-assimilazzjoni tal-ewwel parti tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha mal-espressjoni Ingliża “Fuck you”, il-pubbliku ġenerali li jħaddan il-lingwa Ġermaniża ma jipperċepixxix is-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” bħala moralment inaċċettabbli, il-Qorti Ġenerali, sabiex tikkonkludi li dan is-sinjal huwa inkompatibbli mal-moralità tajba, ma setgħetx tibbaża ruħha biss fuq in-natura intrinsikament vulgari ta’ din l-espressjoni Ingliża, mingħajr ma teżamina l-imsemmija elementi u mingħajr ma tesponi b’mod konklużiv ir-raġunijiet għalfejn hija tqis, minkejja dan, li l-pubbliku ġenerali li jħaddan il-lingwa Ġermaniża jipperċepixxi lis-sinjal imsemmi fis-sens li jmur kontra l-valuri u r-regoli tal-moralità fundamentali tas-soċjetà meta dan jintuża bħala trade mark.

54

B’mod partikolari, ma humiex suffiċjenti għal dawn ir-rekwiżiti ta’ eżami u ta’ motivazzjoni sempliċi affermazzjonijiet, bħal dik li tinsab fil-punt 19 tas-sentenza appellata, riprodott fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, jew dik li tinsab fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li tgħid li ma huwiex stabbilit li, fl-okkażjoni tal-attivitajiet li fihom il-pubbliku rilevanti jista’ jiġi kkonfrontat bit-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, dan il-pubbliku jirrikonoxxi f’din it-trade mark it-titolu ta’ film b’suċċess u jipperċepixxi l-imsemmija trade mark bħala “ċajta”.

55

Fir-rigward b’mod partikolari ta’ din l-aħħar affermazzjoni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali kienet obbligata, fis-sentenza appellata, tiżgura ruħha li l-EUIPO ma kienx kiser l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li, fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna raġunijiet assoluti għal rifjut, jimponi fuq dan tal-aħħar li jwettaq eżami ex officio tal-fatti u li jistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi l-preżenza ta’ tali raġunijiet. Min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu eżaminati elementi tal-kuntest bħal dawk li jidhru fil-punt 52 ta’ din is-sentenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni konkreta tal-mod li bih il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha bl-ebda mod ma hija suġġetta għall-kundizzjoni li jiġi stabbilit li dan il-pubbliku jirrikonoxxi f’din it-trade mark it-titolu tal-kummiedja bl-istess isem jew li jipperċepixxi lill-imsemmija trade mark bħala “ċajta”, u n-nuqqas ta’ dawn iż-żewġ ċirkustanzi ma jippermettix, barra minn hekk, li jiġi stabbilit ksur tal-moralità tajba.

56

Finalment, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li tikkonstata l-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li “fil-qasam tal-arti, tal-kultura u tal-letteratura, jeżisti tħassib kostanti li tiġi ppreżervata l-libertà ta’ espressjoni li ma teżistix fil-qasam tat-trade marks”, il-libertà ta’ espressjoni, stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha, hekk kif irrikonoxxa l-EUIPO waqt is-seduta u kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 sa 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, tittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. Tali konklużjoni hija barra minn hekk ikkorroborata kemm mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 2015/2424 li emenda r-Regolament Nru 207/2009, kif ukoll mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 2017/1001, li jenfasizzaw espressament il-ħtieġa li dawn ir-regolamenti jiġu applikati b’mod li tiġi żgurata l-osservanza sħiħa tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari tal-libertà tal-espressjoni.

57

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-Qorti Ġenerali tat fis-sentenza appellata, huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi, li huma suffiċjenti fihom infushom sabiex jintlaqa’ l-ewwel aggravju, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mill-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju.

58

Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravji tal-appell.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

59

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

60

Dan huwa l-każ f’din il-kawża.

61

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti sostniet, quddiem il-Qorti Ġenerali, li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

62

Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari l-eżami mwettaq fil-punti 21 sa 41 tagħha, dwar il-perċezzjoni mill-pubbliku rilevanti tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, tippreżenta, f’parti kbira, l-istess żbalji bħal dawk li jivvizzjaw is-sentenza appellata.

63

Għalhekk, wara li kkonstata essenzjalment fil-punti 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata li l-pubbliku rilevanti jirrikonoxxi fl-ewwel parti tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha l-espressjoni Ingliża “Fuck you”, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punti 24 sa 28 ta’ din id-deċiżjoni, li din l-espressjoni hija vulgari u xokkanti. Sussegwentement dan qies, fil-punti 29 sa 33 tal-imsemmija deċiżjoni, li ż-żieda tal-element “Göhte” ma hijiex f’pożizzjoni li tbiddel b’mod sostanzjali l-perċezzjoni tal-insult “Fack ju”, billi bbaża ruħu fuq evalwazzjoni astratta ħafna tal-espressjoni Ingliża “Fuck you” u mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-elementi tal-kuntest imsemmija fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

64

Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, il-Bord tal-Appell ikkonċeda, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li mid-dokumenti prodotti mill-appellanti jista’ jiġi dedott mingħajr dubju li l-kummiedja “Fack ju Göhte”, li rawha madwar 7.4 miljun spettatur fil-Ġermanja, u l-kummiedja “Fack ju Göhte 2” huma fost l-ikbar suċċessi taċ-ċinema Ġermaniż f’termini ta’ numru ta’ spetturi u kellhom ukoll suċċess kbir fl-Awstrija. Il-Bord tal-Appell ikkonstata li għalhekk jista’ jiġi preżunt li l-pubbliku ġenerali rilevanti li jitkellem bil-Ġermaniż, minn tal-inqas, diġà sema’ b’dawn il-kummiedji. Madankollu, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 37 ta’ din id-deċiżjoni, li ma huwiex possibbli li mis-suċċess kbir ta’ dawn il-kummiedji mal-pubbliku rilevanti jiġi dedott li dan tal-aħħar ma huwiex ixxokkjat mit-titolu tagħhom, peress li dan ma huwiex deskrittiv tal-kontenut tal-imsemmija kummiedji u li Goethe ma għandu, b’mod partikolari, l-ebda rwol fihom. Għall-kuntrarju, l-użu tal-insult “Fack ju” bħala titolu ta’ film ma jindika xejn mill-aċċettazzjoni soċjali tiegħu.

65

Madankollu, minn naħa, bl-ebda mod ma huwa neċessarju li t-titolu ta’ film ikun deskrittiv tal-kontenut tiegħu sabiex jikkostitwixxi element tal-kuntest rilevanti sabiex jiġi evalwat il-punt dwar jekk il-pubbliku rilevanti jipperċepixxix lil dan it-titolu u s-sinjal verbali bl-istess isem bħala kuntrarju għall-moralità.

66

Min-naħa l-oħra, għalkemm, ċertament, is-suċċess ta’ film ma jipprovax awtomatikament l-aċċettazzjoni soċjali tat-titolu tiegħu u ta’ sinjal verbali bl-istess isem, xorta jibqa’ l-fatt li dan huwa mill-inqas ħjiel ta’ tali aċċettazzjoni li għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-każ sabiex tiġi stabbilita b’mod konkret il-perċezzjoni ta’ dan is-sinjal fil-każ tal-użu tiegħu bħala trade mark.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, mhux biss il-kummiedja “Fack ju Göhte” u “Fack ju Göhte 2”, li barra minn hekk kellhom segwitu fl-2017, kellhom, preċiżament fost il-pubbliku rilevanti, suċċess hekk kif ikkonstata wkoll il-Bord tal-Appell li jista’ jiġi preżunt li l-konsumaturi li jiffurmaw dan il-pubbliku kienu minn tal-inqas diġà semgħu b’dawn il-kummiedji, iżda, barra minn hekk u minkejja l-viżibbiltà kbira li takkumpanja tali suċċess, ma jidhirx li t-titolu tagħhom ħoloq xi kontroversja fi ħdan il-pubbliku. Barra minn hekk, l-aċċess tal-pubbliku żagħżugħ għall-kummiedji msemmija, li jseħħu fil-qasam skolastiku, kien ġie awtorizzat b’dan it-titolu u dawn irċevew, hekk kif jirriżulta mill-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, fondi ta’ diversi organizzazzjonijiet u ntużaw mill-Istitut Goethe għal finijiet pedagoġiċi.

68

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi kuntestwali kollha jindikaw b’mod konkordanti li, minkejja l-assimilazzjoni tal-kliem “Fack ju” mal-espressjoni Ingliża “Fuck you”, it-titolu tal-imsemmija kummiedji ma ġiex ipperċepit bħala moralment inaċċettabbli mill-pubbliku ġenerali li jħaddan il-lingwa Ġermaniża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li l-perċezzjoni ta’ din l-espressjoni Ingliża mill-pubbliku li jħaddan il-lingwa Ġermaniża ma hijiex, anki jekk din hija magħrufa sew ma’ dan il-pubbliku u dan tal-aħħar jaf it-tifsira tagħha, neċessarjament l-istess bħall-perċezzjoni tal-pubbliku li jitkellem bl-Ingliż, peress li s-suxxettibbiltà fil-lingwa materna hija potenzjalment ikbar minn dik f’lingwa barranija. Għal din l-istess raġuni, il-pubbliku li jħaddan il-lingwa Ġermaniża lanqas ma jifhem neċessarjament l-imsemmija espressjoni Ingliża bl-istess mod kif jifhem it-traduzzjoni Ġermaniża tagħha. Barra minn hekk, it-titolu tal-kummiedji inkwistjoni u, għalhekk, it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha jikkonsisti mhux f’din l-espressjoni Ingliża bħala tali, iżda fit-traskrizzjoni fonetika tagħha fil-lingwa Ġermaniża, flimkien mal-element “Göhte”.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li ebda element konkret ma ġie prodott sabiex jispjega b’mod plawżibbli għalfejn il-pubbliku ġenerali li jħaddan il-lingwa Ġermaniża jipperċepixxi s-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” bħala li jmur kontra l-valuri u l-istandards morali fundamentali tas-soċjetà meta dan jintuża bħala trade mark, minkejja li dan l-istess pubbliku ma jidhirx li kkunsidra bħala kuntrarju għall-prinċipji aċċettati tal-moralità lill-kummiedji bl-istess isem, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-EUIPO ma weriex b’mod suffiċjenti fil-liġi li l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha.

70

Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Bord tal-Appell fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura rilevanti tas-suċċess tal-kummiedji tal-istess isem inkwantu wieħed mill-elementi tal-kuntest bl-ebda mod ma hija invalidata mill-fatt li r-raġuni assoluta għal rifjut tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax tingħeleb permezz tal-prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha. Fil-fatt, is-suċċess tal-kummiedji bl-istess isem fi ħdan il-pubbliku rilevanti u, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kontroversji f’dak li jikkonċerna t-titolu tagħhom għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-pubbliku rilevanti jipperċepixxix it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha bħala kuntrarja għall-prinċipji aċċettati tal-moralità u għalhekk sabiex jiġi stabbilit jekk din ir-raġuni assoluta għal rifjut tipprekludix ir-reġistrazzjoni tagħha, u mhux sabiex tiġi eskluża r-raġuni msemmija wara li tkun ġiet stabbilita l-applikabbiltà tagħha għall-każ inkwistjoni.

71

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell interpreta u applika b’mod żbaljat l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

72

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

73

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu f’dan is-sens.

74

Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-appellanti, kemm fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑69/17 kif ukoll tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Jannar 2018, Constantin Film Produktion vs EUIPO (Fack Ju Göhte) (T‑69/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:27), hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intelletwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-1 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 2205/2015–5), dwar applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “Fack Ju Göhte” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, hija annullata.

 

3)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intelletwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk esposti minn Constantin Film Produktion GmbH, relattivi kemm għall-proċeduri fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑69/17 kif ukoll f’dawk tal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top