Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0203

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Novembru 2019.
    Deutsche Post AG u Klaus Leymann vs Land Nordrhein-Westfalen u UPS Deutschland Inc. & Co. OHG et vs Deutsche Post AG.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen kif ukoll mil-Landgericht Köln.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet soċjali – Vetturi li jintużaw għall-kunsinna bħala parti mis-servizz postali universali – Derogi – Vetturi li jintużaw parzjalment għal tali kunsinna – Direttiva 97/67/KE – Artikolu 3(1) – ‘Servizz universali’ – Kunċett.
    Kawżi magħquda C-203/18 u C-374/18.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:999

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    21 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet soċjali – Vetturi li jintużaw għall-kunsinna bħala parti mis-servizz postali universali – Derogi – Vetturi li jintużaw parzjalment għal tali kunsinna – Direttiva 97/67/KE – Artikolu 3(1) – ‘Servizz universali’ – Kunċett”

    Fil-Kawżi magħquda C-203/18 u C-374/18,

    li għandha bħala s-suġġett tagħha talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) (C-203/18), b’deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2018, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2018, kif ukoll mil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) (C-374/18), b’deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2018, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2018, fil-proċeduri

    Deutsche Post AG,

    Klaus Leymann

    vs

    Land Nordrhein-Westfalen (C-203/18),

    u

    UPS Deutschland Inc. & Co. OHG,

    DPD Dynamic Parcel Distribution GmbH & Co. KG,

    Bundesverband Paket & Expresslogistik e.V.

    vs

    Deutsche Post AG (C-374/18),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi (Relatur) u M. J. Malenovský, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

    Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ unità,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Deutsche Post AG kif ukoll għal Klaus Leymann, minn T. Mayen u B. Stamm, Rechtsanwälte,

    għal Land Nordrhein-Westfalen, minn A. Baron-Barth u B. Spieles, bħala aġenti,

    għal UPS Deutschland Inc. & Co. OHG, DPD Dynamic Parcel Distribution GmbH & Co. KG kif ukoll Bundesverband Paket & Expresslogistik e.V., minn S. Maaßen u P. Pommerening, Rechtsanwälte,

    għal Deutsche Post AG, minn K. Hamacher, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u J. Hottiaux, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 60 p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 561/2006”).

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, l-operatur postal Deutsche Post AG u l-persuna responsabbli għat-trasporti tiegħu f’Bonn (il-Ġermanja), M. Leymann (iktar ’il quddiem, flimkien, “Deutsche Post et”), u Land Nordrhein-Westfalen (Kawża C-203/18) u, min-naħa l-oħra, UPS Deutschland Inc. & Co. OHG, DPD Dynamic Parcel Distribution GmbH & Co. KG, kif ukoll Bundesverband Paket & Expresslogistik e.V., (iktar ’il quddiem, flimkien, “UPS Deutschland et”), u l-operatur postali Deutsche Post (Kawża C-374/18), dwar l-applikazzjoni, għat-trasporti mwettqa mill-vetturi ta’ Deutsche Post, ta’ regoli marbuta mad-dewmien tas-sewqan, mal-pawżi u mal-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati mix-xufiera li jwettqu t-trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ persuni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 561/2006

    3

    Skont il-premessi 4, 17, 22 u 23 tar-Regolament Nru 561/2006:

    “(4)

    Infurzar effettiv u uniformi ta’ dawk id-disposizzjonijiet [tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 marbuta mad-dewmien tas-sewqan, mal-pawżi u mal-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati mix-xufiera li jwettqu t-trasporti bit-triq nazzjonali u internazzjonali fi ħdan il-Komunità] huwa mixtieq jekk l-oġġettivi tagħhom għandhom jintlaħqu u l-applikazzjoni tar-regoli ma tieħux isem ħażin. Għaldaqstant hemm il-bżonn ta’ sett ta’ regoli aktar ċari u sempliċi, li jkunu jistgħu jinftehmu, jiġu interpretati u applikati b’mod eħfef mill-industrija tat-trasport bit-triq u mill-awtoritajiet ta’ infurzar.

    […]

    (17)

    Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà ġenerali fit-triq. Jagħmel dan prinċipalment permezz tad-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħin massimu ta’ sewqan kuljum, fil-ġimgħa u kull perijodu ta’ ġimagħtejn konsekuttivi, tad-disposizzjoni li tobbliga lix-xufier jieħu perijodu regolari ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mill-inqas darba kull ġimagħtejn konsekuttivi u tad-disposizzjonijiet li jitolbu li taħt l-ebda ċirkustanza l-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ma jista’ jkun anqas minn perijodu mhux interrott ta’ disa’ sigħat. Peress li dawn id-disposizzjonijiet jiggarantixxu mistrieħ adegwat, u tenut kont ukoll ta’ l-esperjenza fil-prattiċi ta’ infurzar fl-aħħar snin, s-sistema ta’ kumpens għal perijodi mnaqqsa ta’ mistrieħ ta’ kuljum ma għadhiex aktar meħtieġa.

    […]

    (22)

    Sabiex ikun promoss il-progress soċjali u tiġi mtejba s-sigurtà fit-triq, kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt li jadotta ċerti miżuri xierqa.

    (23)

    Derogi nazzjonali għandhom jirriflettu l-bidliet fis-settur tat-trasport bit-triq u għandhom ikunu ristretti għal dawk l-elementi li issa mhumiex suġġetti għal pressjonijiet ta’ kompetizzjoni.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.”

    5

    L-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:

    a)

    ta’ merkanzija fejn il-massa massima permessa tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, taqbeż it-3,5 tunnellati, jew; […]”.

    6

    L-Artikoli 5 sa 9 tal-imsemmija regolament jesponu r-regoli applikabbli għall-ekwipaġġ ta’ vettura ta’ trasport, għad-dewmien tas-sewqan, għall-pawżi kif ukoll għall-perijodi ta’ mistrieħ.

    7

    Il-Kapitolu IV tal-istess regolament, intitolat “Derogi”, jinkludi l-Artikolu 13 li jipprovdi:

    “1.   Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista’ jagħti eċċezzjonijiet għall-Artikoli 5 sa 9 u jagħmel tali eċċezzjonijiet soġġetti għal kondizzjonijiet individwali fit-territorju tiegħu stess jew, bi ftehim ma’ l-Istati kkonċernati, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, li jkunu applikabbli għat-trasport b’dawn li ġejjin:

    […]

    d)

    vetturi jew kombinazzjoni ta’ vetturi b’massa massima permissibbli li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati wżati minn fornituri ta’ servizzi universali kif imfisser f’Artikolu 2(13) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewroprew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern ta’ servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz [ĠU 1998, L 15, p. 14] biex iwasslu oġġetti bħala parti mis-servizz universali; jew.

    Dawn il-vetturi għandhom jintużaw biss f’raġġ ta’ 100 km mill-bażi ta’ l-impriża, u bil-kondizzjoni illi s-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività prinċipali tax-xufier;

    e)

    vetturi li joperaw b’mod esklużiv fuq gzejjer li ma jaqbżux l-2 300 kilometru kwadru f’żona li ma tkunx magħquda mal-bqija tat-territorju nazzjonali permezz ta’ pont, baxxfond jew mina miftuħa għall-użu minn vetturi bil-mutur;

    […]

    i)

    vetturi b’10 sa 17-il sedil użati esklużivament għat-trasport mhux kummerċjali tal-passiġġieri;

    […]

    o)

    vetturi wżati esklużivament f’toroq li jinsabu f’faċilitajiet ċentrali ta’ attività bħal portijiet, interportijet u termini tal-ferrovija;

    […]”

    Id-Direttiva 97/67

    8

    Skont il-premessa 18 tad-Direttiva 97/67, kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 52, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/67”):

    “(18) Billi, minħabba l-fatt li d-differenza essenzjali bejn il-posta express u s-servizz postali universali tinsab fil-valur miżjud (tkun xi tkun il-forma tiegħu) provdut mis-servizzi express u li jifhmu l-konsumaturi, l-aktar mod effettiv sabiex jiġi stabbilit il-valur żejjed previst huwa li wieħed iqis il-prezz żejjed li l-konsumaturi huma lesti li jħallsu, mingħajr preġudizzju, madankollu, għall-limitu tal-prezz taż-żona riżervata li għandha tiġi rispettata”.

    9

    L-Artikolu 2(13) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

    […]

    (13)

    fornitur ta’ servizz universali: il-fornitur ta’ servizz postali pubbliku jew privat li jipprovdi servizz postali universali jew partijiet minnu fi Stat Membru, li l-identità tiegħu tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4;”.

    10

    L-Artikolu 3(1), (4) u (5) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi il-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

    […]

    4.   Kull Stat Membru għandu jaddotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-servizz universali jinkludi l-faċilitajiet minimi li ġejjin:

    […]

    l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa 10 kilogrammi,

    […]

    5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jżidu l-limitu tal-piż ta’ servizz universali li jkopri pakketti postali sa piż li ma jeċċedix 20 kilogramma u jistgħu jistabbilixxu arranġamenti speċjali għall-kunsinna bieb b’bieb ta’ dawk il-pakketti.

    […]”.

    Id-dritt Ġermaniż

    11

    Il-Verordnung zur Durchführung des Fahrpersonalgesetzes (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Ekwipaġġi ta’ Trasporti bit-Triq), tas-27 ta’ Ġunju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1882), kif emendat, l-aħħar darba bir-regolament tat-8 ta’ Awwissu 2017 (BGBl. 2017 I, p. 3158) (iktar ’il quddiem il-“FpersV”), ġie adottat mill-Bundesministerium für Verkehr, Bau- und Stadtentwicklung (Ministeru federali tat-Trasporti, tal-Kostruzzjoni u tal-Iżvilupp Urban, il-Ġermanja) bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implementazzjoni, fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, tar-Regolament Nru 561/2006.

    12

    Skont l-Artikolu 1 tal-FPersV, intitolat “Dewmien tas-sewqan u perijodi ta’ mistrieħ fil-qasam tat-transporti bit-triq”:

    “(1)   Ix-xufiera

    1.

    tal-vetturi, inklużi dawk b’karru jew b’nofs karru li joperaw it-trasport tal-merkanzija b’massa massima permissibbli ta’ iktar minn 2.8 tunnellati u ta’ mhux iktar minn 3.5 tunnellati, […]

    […]

    għandhom josservaw ir-regoli marbuta mad-dewmien ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ previsti fl-Artikoli 4, 6 sa 9 u 12 tar-[Regolament Nru 561/2006].

    (2)   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma humiex applikabbli

    1.

    għall-vetturi previst mill-Artikolu 18,

    […]

    (6)   […]

    L-imprenditur għandu

    1.

    jagħti lix-xufier, f’numru suffiċjenti, il-formoli adattati, konformement mal-mudell fl-Anness 1, għall-produzzjoni tar-rekords,

    2.

    jeżamina r-rekords immedjatament wara li jkunu ġew ippreżentati mix-xufier u minnufih jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura l-osservanza tas-sentenzi 1 sa 5,

    3.

    iżomm ir-rekords, f’ordni kronoloġiku u f’forma li tinqara, barra mill-vettura għal perjodu ta’ sena wara li jkunu ġew mgħoddija lilu u jippreżentahom lill-persuni kompetenti meta jintalab jagħmel dan;

    4.

    iħassar ir-rekords wara li jkun skada l-perjodu ta’ żamma, sal-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja ta’ wara […]

    […]”

    13

    L-Artikolu 18 tal-FPersV, intitolat “Eċċezzjonijiet b’mod konformi tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014” jipprovdi:

    “(1)   Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, il-kategoriji tal-vetturi li ġejjin huma esklużi, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fahrpersonalgesetz (liġi dwar l-ekwipaġġi tat-trasporti bit-triq), mill-applikazzjoni tal-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 u mill-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 165/2014]:

    […]

    4.

    il-vetturi jew il-vetturi kollha li l-massa massima permessibbli tagħhom ma taqbiżx 7.5 tunnellati, li jintużaw f’raġġ ta’ 100 kilometru madwar il-post ta’ stabbiliment tal-impriża sabiex iwasslu kunsinni bħala parti mis-servizz universali, mill-fornituri tas-servizzi postali li jipprovdu s-servizz universali hekk kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) tal-Post-Universaldienstleistungsverordnung (ir-Regolament Federali fuq is-Servizz Postali Universali) tal-15 ta’ Diċembru 1999, kif emendat l-aħħar mill-Artikolu 3(26) tal-liġi tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. I, p. 1970) (iktar ’il quddiem il-‘PUDLV’), taħt il-kundizzjoni li s-sewqan tal-vettura ma jikkostitwixxix l-attività prinċipali tax-xufier;

    […]”

    14

    L-Artikolu 4(1)(b) tal-Postgesetz (il-Liġi fuq is-Servizz Postali) tat-22 ta’ Diċembru 1997 (BGBl. 1997 I, p. 3294), kif emendat l-aħħar permezz tal-Artikolu 169 tal-liġi tad-29 ta’ Marzu 2017 (BGBl. 2017 I, p. 626) (iktar ’il quddiem, il-“PostG”), jipprevedi:

    “1.   Is-servizzi postali fis-sens tal-liġi preżenti huma s-servizzi kummerċjali li ġejjin:

    […]

    b)

    trasport tal-pakketti indirizzati, fejn il-piż individwali ma jaqbiżx l-20 kilogrammi, jew

    […]”.

    15

    Skont l-Artikolu 11 tal-PostG:

    “(1)   is-servizz universali jikkostitwixxi offerta minima tas-servizzi postali previsti fl-Artikolu 4(1) li huma pprovduti f’kull parti tat-territorju ta’ kwalità partikolari u bi prezz raġonevoli. Is-servizz universali huwa limitat għas-servizzi postali suġġetti għal liċenzja u għas-servizzi postali li, mill-perspettiva tat-teknika tat-trasport, jistgħu jiġu pprovduti mill-inqas parzjalment b’servizzi postali suġġetti għal liċenzja. Dawn jinkludu biss is-servizzi kkunsidrati, b’mod ġenerali, bħala indispensabbli.

    (2)   Il-Gvern Federali jista’ jistabbilixxi permezz ta’ regolament, bi ftehim mal-Bundestag (il-Parlament Federali, il-Ġermanja) u mal-Bundesrat (il-Kunsill Federali, il-Ġermanja), konformement mal-paragrafu 1, il-kontenut u l-firxa tas-servizz universali. […]”

    16

    Abbażi tal-Artikolu 11(2) tal-PostG, il-Gvern Federali speċifika l-portata tas-servizz universali, inkonnessjoni mal-kunsinni ta’ pakketti, previsti fit-tieni punt tal-Artikolu 1(1) tal-Post-Universaldienstleistungsverordnung (ir-Regolament dawr is-Servizz Postali Universali) tal-15 ta’ Diċembru 1999 (BGBl. I, p. 2418), kif emendat l-aħħar darba bl-Artikolu 3(26) tal-liġi tas-7 ta’ Lulju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1970), li huwa redatt kif ġej:

    “(1)   ‘servizz universali’, jinkludi s-servizzi postali li ġejjin:

    […]

    2.

    It-twassil ta’ pakketti indirizzati, li l-piż individwali tagħhom ma jaqbiżx l-20 kilogramma u li d-dimensjonijiet tagħhom ma jeċċedux dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni Postali Universali u fir-regolamenti ta’ implimentazzjoni relatati.

    […]”.

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    Il-Kawża C-203/18

    17

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Deutsche Post hija maħtura bħala fornitur tas-servizz postali universali, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-PostG, u b’hekk twettaq it-trasport ta’ pakketti ta’ piż massimu ta’ 20 kilogrammi, skont l-Artikolu 1(1)(2) tar-Regolament dawr is-Servizz Postali Universali kif emendat bil-liġi tas-7 ta’ Lulju 2005. Hija tipprovdi dan is-servizz billi tuża vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi ta’ massa massima ammissibbli ta’ bejn 2.8 tunellati u 3.5 tunellati kif ukoll vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi ta’ massa massima ammissibbli li ma teċċedix is-7.5 tunellati. Fl-istess ħin, u bl-istess vetturi tagħha, Deutsche Post tassigura wkoll il-kunsinna ta’ pakketti li l-piż tagħhom jaqbeż 20 kilogrammi – jiġifieri l-pakketti li ma jaqgħux taħt is-servizz universali – iżda li, skont l-indikazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, ma jirrappreżentawx iktar minn 5 % tal-piż totali tal-vetturi kollha, anki f’perijodu ta’ distribuzzjoni intensiva.

    18

    Deutsche Post tqis li, bħala fornitur tas-servizz universali, hija taqa’ taħt id-dispożizzjoni derogatorja tal-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPerSV, li jirripproduċi l-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006. Minħabba dan, hija ma tistax, b’mod partikolari, tkun suġġetta għall-obbligi ta’ applikazzjoni tar-regoli mal-impriżi li jikkonċernaw id-dewmien tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati mix-xufiera li jwettqu t-trasport bit-triq ta’ merkanziji u ta’ persuni skont l-imsemmi regolament.

    19

    Għall-kuntrarju, skont l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi u tal-Länder, din id-dispożizzjoni derogatorja ma hijiex applikabbli għal Deutsche Post peress li din tal-aħħar tittrasporta wkoll pakketti li l-piż tagħhom jeċċedi l-limitu ta’ 20 kilogrammi, applikabbli għall-kunsinni li jaqgħu taħt is-servizz postali universali. F’dan il-kuntest, l-istabbilimenti ta’ Deutsche Post diġà ġew suġġetti għal spezzjonijiet u proċeduri li jistgħu jwasslu għal penalitajiet amministrattivi kontra dan l-operatur.

    20

    Fil-21 ta’ Jannar 2015, Deutsche Post et ressqu quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja) talba għal konstatazzjoni legali intiża sabiex tiġi speċifikata l-portata tad-deroga prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPersV u sabiex jiġi rrikonoxxut li din id-deroga tapplika wkoll għas-servizzi inkwistjoni. B’sentenza tat-2 ta’ Frar 2016, it-talba ġiet miċħuda bħala infondata, li fiha l-qorti adottat b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) li skontha d-deroga inkwistjoni tapplika biss jekk il-vetturi jintużaw “esklużivament” għall-finijiet tal-kunsinna tal-pakketti li jaqgħu taħt is-servizz postali universali.

    21

    Fis-7 ta’ Marzu 2016, Deutsche Post et appellaw minn din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja). Din il-qorti tirrileva li, billi adotta l-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPersV, il-leġiżlatur Ġermaniż irriproduċa l-kontenut tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, b’tali mod li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tiddependi essenzjalment fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjoni derogatorja tad-dritt tal-Unjoni.

    22

    B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tosserva li billi l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ċċaratx il-portata u l-kontenut ta’ din id-deroga, ma huwiex possibbli, f’dan l-istadju, li la tiġi eskluża l-interpretazzjoni avvanzata minn Deutsche Post et u lanqas dik difiża mil-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen). F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-interpretazzjoni sostnuta minn din tal-aħħar tippermetti li jiġi evitat li fil-Ġermanja impriża li wkoll tipprovdi s-servizz postali universali tkun tista’ tibbenefika minn vantaġġ kompetittiv fil-konfront ta’ impriża li ma tipprovdix tali servizz u li, minħabba dan il-fatt, hija suġġetta għar-regoli dwar id-dewmien tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ. Madankollu, skont din il-qorti, jista’ jkun prevedibbli wkoll li dan il-vantaġġ kompetittiv ikun previst sabiex jikkumpensa l-iżvantaġġ kompetittiv li joriġina, għall-impriżi li jipprovdu s-servizz postali universali, mil-leġiżlazzjoni statali dwar il-prezz u l-kwalità ta’ tali servizzi.

    23

    Barra minn hekk, fl-ipoteżi li fiha d-dispożizzjoni derogatorja tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 ma teżiġix li l-vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi previsti fih għandhom jintużaw “esklużivament” għall-kunsinni bħala parti mis-servizz universali, ikun hemm lok li jiġi ċċarat jekk din id-dispożizzjoni tirrikjedix tal-inqas ċertu proporzjon ta’ kunsinni li jaqgħu taħt is-servizz universali sabiex vetturi jew kombinazzjoni ta’ vetturi jkunu jistgħu jiġu eżentati mill-obbligi imposti minn dan ir-regolament.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-dispożizzjoni derogatorja prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tar-[Regolament Nru 561/2006], għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri biss vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi użati esklużivament għal skopijiet ta’ kunsinna ta’ pakketti fil-kuntest ta’ servizz universali, jew inkella tapplika wkoll jekk il-vetturi jew il-kombinazzjonijiet ta’ vetturi jintużaw, prinċipalment jew f’proporzjon iddeterminat mod ieħor, anki għal skopijiet ta’ kunsinna ta’ pakketti fil-kuntest ta’ servizz universali?

    2)

    Fil-kuntest tad-dispożizzjoni derogatorja li hemm riferiment għaliha fl-ewwel domanda, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi jintużawx esklużivament, jew skont il-każ, priniċipalment jew f’proporzjon iddeterminat mod ieħor, anki għal skopijiet ta’ kunsinna ta’ pakketti fil-kuntest ta’ servizz universali, hemm lok li jittieħed bħala bażi l-użu ġenerali ta’ vettura jew ta’ kombinazzjoni ta’ vetturi jew inkella l-użu konkret ta’ vettura jew ta’ kombinazzjoni ta’ vetturi matul vjaġġ wieħed?”

    Il-Kawża C-374/18

    25

    Bl-istess mod bħall-Kawża C-203/18, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-osservanza, minn Deutsche Post, tal-obbligi previsti mill-FPersV, li jirripproduċi ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006. Madankollu, fil-Kawża C-374/18, il-fatti huma differenti fis-sens li huma inkwistjoni biss vetturi jew kombinazzjoniijet ta’ vetturi ta’ massa minima ammissibbli ta’ bejn 2.8 tunellata u 3.5 tunellata.

    26

    Billi qiesu li l-inosservanza minn Deutsche Post ta’ dawn l-obbligi tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 3 u 3a tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, BGBl. 2010 I, p. 254), UPS Deutschland et ippreżentaw kawża quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) maħsuba sabiex twaqqaf dawn il-prattiki u sabiex jiġi kkonstatat l-obbligu li jingħata kumpens għad-danni subiti minħabba dan il-fatt.

    27

    Dik il-qorti qieset li Deutsche Post ma setgħetx tinvoka l-eċċezzjoni prevista fil-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPerSV sa fejn, kif kien jirriżulta mis-sens u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni, id-deroga inkwistjoni tista’ tapplika biss meta jintbagħtu pakketti li jaqgħu taħt is-servizz postali universali. Fil-fatt, l-għan li jittejjbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u tas-sigurtà fuq it-triq, segwit mill-FPersV, li jirripproduċu b’mod fidil fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż ir-Regolament Nru 561/2006, jista’ jintlaħaq biss jekk, f’settur bħal dak postali, ikkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija, l-eċċezzjonijiet jiġu interpretati strettament.

    28

    Barra minn hekk, peress li l-FPersV irripproduċa wkoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006 inkonnessjoni mal-vetturi li għandhom massa massima awtorizzata ta’ iktar minn 2.8 tunnellata u li ma jeċċedux 3.5 tunnellata, tqum il-kwistjoni dwar jekk, u sa liema punt, għandhom jintużaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPerSV.

    29

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar jekk il-fatt li ċerti servizzi addizzjonali pprovduti b’rabta ma’ kunsinna postali jikkostiwixxix ostakolu għall-klassifikazzjoni ta’ din il-kunsinna bħala mwettqa “bħala parti mis-servizz universali”. Fl-opinjoni ta’ din il-qorti, din id-domanda għandha tingħata risposta affermattiva. Madankollu, hija tqis li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 13(1) tar-[Regolament Nru 561/2006] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tawtorizza derogi previsti fl-Artikoli 5 sa 9 [ta’ dan ir-Regolament] biss fil-każ li fih vettura ta’ fornitur ta’ servizz universali, fis-sens tal-punt 13 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [97/67] tittrasporta unikament u esklużivament spedizzjonijiet fil-kuntest tas-servizz universali, skont l-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, jew derogi mill-Artikoli 5 sa 9 [tal-istess regolament] huma wkoll awtorizzati fil-każ li fih il-vetturi kkonċernati, minbarra t-trasport ta’ spedizzjonijiet fil-kuntest tas-servizz universali, jittrasportaw ukoll spedizzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-servizz universali?

    2)

    Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun li derogi mill-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament Nru 561/2006 huma awtorizzati wkoll meta l-vetturi kkonċernati jittrasportaw ukoll spedizzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-servizz universali, minbarra spedizzjonijiet fil-kuntest tas-servizz universali:

    a)

    F’dan il-każ, liema huwa l-proporzjon minimu li għandu jiġi stabbilit għal spedizzjonijiet ittrasportati minn vettura fil-kuntest tas-servizz universali?

    b)

    F’dan il-każ, liema huwa l-proporzjon massimu li għandu jiġi stabbilit għal spedizzjonijiet li ma humiex ittrasportati fil-kuntest tas-servizz universali u li l-vettura tittrasporta simultanjament mal-ispedizzjonijiet tas-servizz universali?

    c)

    Kif għandhom jiġu ddeterminati, f’kull każ, il-proporzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b)?

    d)

    Għandu jkun hemm proporzjon bħal dak deskritt taħt il-punti (a) u (b) għal kull traġitt individwali tal-vettura kkonċernata jew huwa biżżejjed li jkun hemm proporzjon medju, ibbażat fuq it-traġitti kollha mwettqa mill-vettura inkwistjoni?

    3)

    a)

    Dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, dwar ħinijiet tas-sewqan u perijodi ta’ mistrieħ għal vetturi jew għal kombinazzjoni ta’ vetturi intiżi għat-trasport ta’ merkanzija b’massa massima awtorizzata ta’ iktar minn 2,81 tunellati u ta’ inqas minn 3,51 tunellati li tirriproduċi letteralment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, għandha tiġi interpretata esklużivament abbażi tad-dritt tal-Unjoni?

    b)

    Minkejja r-riproduzzjoni letterali tad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali tista’ tapplika kriterji derogatorji sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet li ġew riprodotti mid-dritt tal-Unjoni?

    4.

    Huwa ostakolu għall-klassifikazzjoni ta’ spedizzjonijiet bħala spedizzjonijiet fil-kuntest tas-servizz universali skont id-Direttiva 97/67/KE [jekk], flimkien ma’ tali spedizzjonijiet, jiġu offruti servizzi supplimentari bħal:

    irtirar (mingħajr ħin);

    irtirar (bil-ħin);

    kontroll viżwali tal-età;

    ħlas kontanti mal-konsenja;

    spejjeż postali sostnuti mill-ispeditur sa 31.5 kilogrammi;

    servizz ta’ indirizzar mill-ġdid;

    istruzzjonijiet antiċipati;

    preferenza għad-data tal-kunsinna;

    preferenza għall-ħin tal-kunsinna?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    31

    Id-domandi fil-Kawża C-203/18 kif ukoll l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda fil-Kawża C-374/18 essenzjalment jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006 kif ukoll tad-Direttiva 97/67.

    32

    Għall-kuntrarju, fir-rigward tat-tielet domanda, fil-Kawża C-374/18, id-dubji li għandha l-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) joriġinaw miċ-ċirkustanza li l-kawża prinċipali tirrigwarda vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi ta’ massa massima ammissibbli ta’ bejn 2.8 tunellati sa 3.5 tunellati, jiġifieri vetturi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1)(a) tiegħu, ir-Regolament Nru 561/2006 japplika biss għat-trasport ta’ merkanziji b’vetturi li l-massa massima awtorizzata tagħhom teċċedi t-3.5 tunellati.

    33

    Madankollu, il-leġiżlatur Ġermaniż, li uża l-fakultà prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 billi segwa mill-qrib l-ittra ta’ din id-dispożizzjoni, permezz tal-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPersV, japplika d-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-imsemmi Artikolu 13 tar-Regolament Nru 561/2006 wkoll għall-vetturi li ma jilħqux il-massa ta’ 3.5 tunnellata.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirrivela l-Avukat Ġenerali, fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari fil-Kawża C‑374/18 jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għall-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda f’din il-kawża, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006. Għaldaqstant, hemm lok li din it-tielet domanda tiġi pproċessata fl-ewwel lok.

    Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C-374/18

    35

    Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C-374/18, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln) essenzjalment tistaqsi jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriproduċi litteralment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, sa fejn din tapplika għal vetturi li għandhom massa massima ta’ iktar minn 2.8 tunellati, iżda ta’ mhux iktar minn 3.5 tunellati, u li, minħabba dan, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, għandhiex tiġi interpretata esklużivament abbażi tad-dritt tal-Unjoni jew jekk qorti nazzjonali tistax tapplika kriterji differenti minn dawk tad-dritt tal-Unjoni biex tinterpreta tali dispożizzjoni interna.

    36

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat lilha nfisha kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li fihom il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom. Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea li d-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni għandhom jingħataw interpretazzjoni uniformi sabiex jiġu evitati diverġenzi futuri fl-interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punt 37 u tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C-635/17, EU:C:2019:192, punti 3536 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Għalhekk, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tkun iġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, E., C-635/17, EU:C:2019:192, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    38

    Fil-kawża odjerna, hemm lok li jiġi vverifikat jekk ir-riferiment għall-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, magħmul fil-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPersV, għandux jiġi kklassifikat bħala “dirett u inkundizzjonat”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, u, konsegwentement, jekk l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ġietx reża applikabbli għall-vetturi li, minħabba massa massima ammissibbli inferjuri għal-limitu minimu ta’ 3.5 tunnellati stabbilit mill-imsemmi regolament, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

    39

    Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kliem tal-Artikolu 18 tal-FpersV, wara li għamel riferiment espliċitu, kemm fit-titolu tiegħu kif ukoll fl-ewwel sentenza tiegħu, għar-Regolamenti Nru 561/2006 u Nru 165/2014, jirripproduċi kelma b’kelma, mingħajr ebda tibdil, fil-punt 4 tal-paragrafu 1 tiegħu, il-kontenut tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, kif emendat bl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 165/2014.

    40

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju, li waħdiha għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tas-sistema ta’ koperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u B, C-380/17, EU:C:2018:877, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), speċifikat, fid-deċiżjoni tar-rinvija tagħha, li l-FPersV jirripproduċi d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, sabiex jestendihom għall-vetturi ta’ massa massima awtorizzata ta’ bejn 2.8 u 3.5 tunellati, filwaqt li jagħmel riferiment espress għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-203/18, jirriżulta b’mod ċar mid-dokumenti marbuta mal-oriġini tal-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPersV li l-leġiżlatur Ġermaniż “ried jagħmel użu sħiħ mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006”, u b’hekk armonizza l-ipproċessar ta’ sitwazzjonijiet interni ma’ dak tas-sitwazzjonijiet koperti mir-Regolament Nru 561/2006.

    41

    Minn dan jirriżulta, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali, fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPersV jaqa’ taħt il-kuntest ta’ sistema sħiħa ta’ regoli nazzjonali li jestendu l-applikazzjoni tas-sistema legali tal-Unjoni marbuta mad-dewmien tas-sewqan, mal-pawżi u mal-perijodi ta’ mistrieħ, implementati bir-Regolament Nru 561/2006, għat-trasporti mwettqa minn vetturi li l-massa massima ammissibbli tagħhom hija inqas minn dik ta’ vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006.

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment li jsir fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 għall-punt 4 tal-Artikolu 18(1) tal-FPersV għandu jiġi kklassifikat bħala “dirett u inkundizzjonat”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 tas-sentenza odjerna, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u sabiex b’hekk tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 561/2006, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża priniċpali.

    43

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-eżistenza ta’ interess ċert sabiex tali dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni reża applikabbli fid-dritt intern tirċievi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 tas-sentenza odjerna, interpretazzjoni uniformi, il-qorti tar-rinviju hija marbuta bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u ma tistax tibbaża ruħha fuq kriterji oħra.

    44

    Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriproduċi litterlament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, safejn din tapplika għal vetturi ta’ massa massima ammissibbli ta’ iktar minn 2.8 tunellati, iżda ta’ mhux iktar minn 3.5 tunellati u li, b’hekk, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, għandha tiġi interpretata esklużivament abbażi tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali vetturi bid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat.

    Fuq id-domandi fil-Kawża C-203/18 kif ukoll fuq l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C-374/18

    45

    Permezz tad-domandi fil-Kawża C-203/18 kif ukoll permezz tal-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C-374/18, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-deroga prevista minnu tikkonċerna biss il-vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi użati esklużivament, matul operazzjoni ta’ trasport iddeterminata, għall-finijiet tal-kunsinna ta’ pakketti fil-kuntest ta’ servizz postali universali jew li din id-deroga tapplika wkoll meta l-vetturi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi kkonċernati jintużaw prinċipalment jew fi proporzjon iddefinit għall-finijiet tal-kunsinna ta’ pakketti li jaqgħu taħt is-servizz postali universali.

    46

    Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, hemm lok jitfakkar li, skont il-premessa 17 tiegħu u skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 561/2006 għandu l-għanijiet li jarmonizza l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tas-settur tat-trasport bit-triq u li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll tas-sigurtà fit-triq (sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, NK, C-231/18, EU:C:2019:103, punt 18 u l- ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Għal dan il-għan, l-Artikoli 5 sa 9 ta’ dan ir-regolament jipprevedu serje ta’ regoli li jirregolaw id-dewmien tas-sewqan, il-pawżi, kif ukoll il-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati mix-xufiera tal-vetturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    48

    Skont, b’mod partikolari, tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, l-Istati Membri huma madankollu awtorizzati jagħtu derogi mill-imsemmja regoli previsti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ dan ir-regolament, applikabbli b’mod partikolari għat-trasporti mwettqa minn vetturi jew kombinazzjoni ta’ vetturi li għandhom massa massima ammissibbli ta’ mhux iktar minn 7.5 tunellati, użati minn fornituri tas-servizz universali, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(13) tad-Direttiva 97/67, sabiex jiġu kkunsinnati pakketti fil-kuntest tas-servizz universali.

    49

    Billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżerċitat il-fakultà mogħtija l-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-portata tad-deroga prevista minn din id-dispożizzjoni.

    50

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi enfasizzat li, bħala deroga mill-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament Nru 561/2006, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(1)(d) ta’ dan ir-regolament għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta [ara, b’analoġija, fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(1)(d) tal-imsemmi regolament, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Seeger, C-554/09, EU:C:2011:523, punt 33 u, fir-rigward tal-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament Nru 561/2006, sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, NK, C-231/18, EU:C:2019:103, punt 21]. Barra minn hekk, il-portata ta’ din id-deroga għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem, il-kuntest u l-finalitajiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    51

    Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, hemm lok li jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tikkonċerna espressament il-vetturi użati għal-kunsinna ta’ “oġġetti bħala parti mis-servizz universali”. B’hekk, id-deroga stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni hija limitata skont it-tip ta’ kunsinna mwettqa bil-vetturi kkonċernati, fatt li jissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien jixtieq li ma jinkludix fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga l-vetturi kollha tal-fornituri tas-servizz postali universali, iżda biss dawk li jittrasportaw oġġetti imputabbli lis-servizz postali universali.

    52

    Konsegwentment, id-deroga inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi interpretata bħala li tkopri l-vetturi użati għall-kunsinna, apparti ta’ oġġetti imputabbli lis-servizz postali universali, ta’ oġġetti oħra li ma jaqgħux taħt tali servizz.

    53

    Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti marbuta mal-kuntest tal-imsemmija deroga, esposti minn Deutsche Post u mill-Gvern Pollakk, li skonthom l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża t-terminu “esklużivament” inkonnessjoni mad-derogi li jinsabu fl-Artikolu 13(1)(e), (i) u (o) tar-Regolament Nru 561/2006 kienet tipprova li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tad-deroga li tinsab fl-Artikolu 13(1)(d) ta’ dan ir-regolament, ma kinitx li jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għat-trasporti mwettqa permezz ta’ vetturi użati esklużivament għall-kunsinna ta’ oġġetti fil-kuntest tas-servizz universali, iżda li jiġu integrati wkoll fih il-każijiet li fihom il-vetturi jintużaw biss parzjalment għall-kunsinna ta’ tali oġġetti.

    54

    Fil-fatt, kif issostni essenzjalment il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-assenza tat-terminu “esklużivament” fil-kliem ta’ waħda mid-derogi elenkati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006 ma għandhiex neċessarjament twassal sabiex jiġi konkluż għall-kuntrarju li din tal-aħħar tirrikjedi interpretazzjoni wiesgħa. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’każ ta’ użu, anki jekk parzjali, ta’ vetturi għal finijniet differenti minn dawn previsti espressament fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 561/2006, id-derogi previsti minn din id-dispożizzjoni ma humiex applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse, C-222/12, EU:C:2014:142, punti 3135).

    55

    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 52 tas-sentenza odjerna, hija kkorroborata mill-għanijiet tal-imsemmi regolament, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ tali deroga (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse, C‑222/12, EU:C:2014:142, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 46 tas-sentenza odjerna, skont il-premessa 17 u l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 561/2006 għandu l-għan li jarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni inkonnessjoni mas-settur tat-triq u li jtejjeb il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema kif ukoll is-sigurtà fit-triq, bl-impożizzjoni, b’mod partikolari, tar-regoli marbuta mad-dewmien tas-sewqan, mal-pawżi u mal-perijodi ta’ mistrieħ li għandhom jiġu osservati mix-xufiera li jwettqu t-trasport bit-triq ta’ merkanzija u ta’ persuni.

    57

    Issa, interpretazzjoni wiesgħa tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 jista’ jkollha l-konsegwenza li, minn naħa, ix-xufiera ta’ Deutsche Post, jiġifieri numru kbir ta’ xufiera, ma jibbenefikawx iktar mill-protezzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, kif din hija prevista mir-Regolament Nru 561/2006, fatt li jmur kontra l-għan ta’ titjib tal-kundizzjonijiet soċjali ta’ dawn il-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, tali estensjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 jista’ jkollha l-effett li numru kbir ta’ vetturi jkunu jistgħu jinsaqu minn tali xufiera li jistgħu jsuqu għal sigħat twal mingħajr mistrieħ, li għalhekk tippreġudika serjament l-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-triq (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Seeger, C-554/09, EU:C:2011:523, punti 3536).

    58

    Barra minn hekk, tali interpretazzjoni estensiva tad-deroga inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tippreġudika wkoll l-għan li jikkonsisti fl-eliminazzjoni ta’ differenzi li jistgħu joħolqu distorzjoni fil-kompetizzjoni fil-qasam tat-trasport bit-triq. Fil-fatt, impriża bħal Deutsche Post li teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-qasam tas-servizz postali universali, iżda li tipprovdi wkoll servizzi postali ordinarji oħra, filwaqt li hija eżentata mill-obbigi previsti fl-Artikolui 5 sa 9 tar-Regolament Nru 561/2006, kienet tibbenefika wkoll minn vantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri, bħal UPS Deutschland et, li jipprovdu servizzi postali ordinarji biss (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, A. Karuse, C-222/12, EU:C:2014:142, punt 32).

    59

    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ vetturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, impriża bħal Deutsche Post tista’ tiffranka l-ispejjeż marbuta mal-installazzjoni u ż-żamma ta’ takigrafi fuq il-vetturi li hija tuża, meta mqabbla ma’ impriżi oħra kompetituri.

    60

    Minn dan isegwi li hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda, rispettivament, fil-Kawżi C-203/18 u C-374/18, li l-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deroga prevista minnu tikkonċerna biss il-vetturi jew il-kombinazzjonijiet ta’ vetturi użati esklużivament, waqt operazzjoni ta’ trasport partikolari, għall-finijiet tal-kunsinna ta’ oġġetti fil-kuntest tas-servizz postali universali.

    61

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal dawn id-domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, rispettivament, fil-Kawżi C-203/18 u C‑374/18.

    Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C-374/18

    62

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, fil-Kawża C-374/18, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 97/67 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li servizzi addizzjonali, bħalma huma l-ġbir b’slot jew mingħajra, spezzjoni viżwali tal-età, kontro rimborż, spejjeż postali mhux imħallsa sa 31.5 kilogrammi, servizzi ta’ trażmissjoni mill-ġdid, struzzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ kunsinna kif ukoll l-għażla tal-ġurnata u l-għażla ta’ żmien, jiġu pprovduti b’rabta ma’ kunsinna jikkostitwixxi ostaklu sabiex din tal-aħħar titqies bħala kunsinna mwettqa fil-kuntest tas-“servizz universali” skont din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, bħala kunsinna mibgħuta “bħala parti mis-servizz postali universali” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006.

    63

    F’dan ir-rigward, jirriżulta qabel xejn mill-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 97/67, li s-servizz postali universali, li l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu lill-utenti, jinkludi tal-inqas il-ġbir, l-issortjar, it-trasport u d-distribuzzjoni ta’ pakketti sa 10 kilogrammi, liema limitu jista’ jittella’ sa 20 kilogrammi.

    64

    Barra minn hekk, jeħtieġ jitfakkar, b’mod speċifiku fir-rigward tas-servizzi ta’ posta espressa, li, skont il-premessa 18 tad-Direttiva 97/67, id-differenza essenzjali bejn dawn is-servizzi u s-servizz postali universali tinsab fil-valur miżjud, tkun xi tkun il-forma, miġjuba mis-servizz espress lill-klijenti u miġbur minnhom. Għaldaqstant, l-aħjar mod kif jiġi ddeterminat il-valur miżjud miġbur mill-klijenti huwa li jiġi eżaminat il-piż addizzjonali li dawn huma disposti li jħallsu.

    65

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja riċentement iddeċidiet li kunsinna b’valur miżjud, jiġifieri kunsinna akkumpanjata minn servizz addizzjonali, għandu jinżamm distint mis-servizz universali bħala servizz bażiku. Fil-fatt, is-servizzi postali espressi huma differenti mis-servizz postali universali minħabba l-valur miżjud tagħhom mogħti lill-klijenti, li għalihom il-klijenti jaċċettaw li jħallsu somma ikbar. Tali servizzi jikkorrispondu għal servizzi speċifiċi, li jistgħu jiġu sseparati mis-servizz ta’ interess ġenerali, li jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari ta’ operaturi ekonomiċi u li jeżiġu ċerti servizzi supplimentari li s-servizz postali tradizzjonali ma joffrix (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Confetra et, C-259/16 u C-260/16, EU:C:2018:370, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    66

    F’dan il-każ, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa stabbilit li servizzi bażiċi akkumpanjati minn servizzi addizzjonali, bħal dawk elenkati mill-qorti tar-rinviju, huma ta’ natura li jipprovdu valur miżjud lill-klijenti, li b’hekk huma disposti jħallsu prezz superjuri sabiex jibbenefikaw mill-imsemmija servizzi addizzjonali.

    67

    Minn dan isegwi li tali servizzi, li iktar jaqgħu taħt servizzi ta’ posta espressa, li ma jistgħux jitqiesu bħala li jaqgħu taħt is-“servizz universali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 97/67.

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li servizzi addizzjonali, bħalma huma l-ġbir b’slot jew mingħajra, spezzjoni viżwali tal-età, kontrorimborż, spejjeż postali mhux imħallsa sa 31.5 kilogrammi, servizzi ta’ trażmissjoni mill-ġdid, struzzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ kunsinna, għażla tal-ġurnata kif ukoll l-għażla ta’ żmien, jiġu pprovduti b’rabta ma’ kunsinna jikkostitwixxi ostaklu sabiex din tal-aħħar titqies bħala kunsinna mwettqa fil-kuntest tas-“servizz universali” skont din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, bħala kunsinna mibgħuta “bħala parti mis-servizz postali universali” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(d), tar-Regolament Nru 561/2006.

    Fuq l-ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirripproduċi litterlament id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014, sa fejn din tapplika għal vetturi ta’ massa massima ammissibbli ta’ iktar minn 2.8 tunellati, iżda ta’ mhux iktar minn 3.5 tunellati u li, b’hekk, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 kif emendat bir-Regolament Nru 165/2014, għandha tiġi interpretata esklużivament abbażi tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikun ġew reżi applikabbli għal tali vetturi bid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat.

     

    2)

    L-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 165/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deroga prevista minnu tikkonċerna biss il-vetturi jew il-kombinazzjonijiet ta’ vetturi użati esklużivament, waqt operazzjoni ta’ trasport partikolari, għall-finijiet tal-kunsinna ta’ oġġetti fil-kuntest tas-servizz postali universali.

     

    3)

    L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewroprew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern ta’ servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li servizzi addizzjonali, bħalma huma l-ġbir b’slot jew mingħajra, spezzjoni viżwali tal-età, kontrorimborż, spejjeż postali mhux imħallsa sa 31.5 kilogrammi, servizzi ta’ trażmissjoni mill-ġdid, struzzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ kunsinna kif ukoll l-għażla tal-ġurnata u l-għażla ta’ żmien, jiġu pprovduti b’rabta ma’ kunsinna jikkostitwixxi ostaklu sabiex din tal-aħħar titqies bħala kunsinna mwettqa fil-kuntest tas-“servizz universali” skont din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, bħala kunsinna mibgħuta “bħala parti mis-servizz postali universali” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 561/2006.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top