This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0163
Judgment of the Court (Third Chamber) of 10 July 2019.#HQ and Others v Aegean Airlines SA.#Request for a preliminary ruling from the Rechtbank Noord-Nederland.#Reference for a preliminary ruling — Air transport — Regulation (EC) No 261/2004 — Common rules on compensation and assistance to passengers in the event of denied boarding and of cancellation or long delay of flights — Flight cancellation — Assistance — Right to reimbursement of the cost of the air ticket by the air carrier — Article 8(2) — Package tour — Directive 90/314/EEC — Insolvency of the tour organiser.#Case C-163/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019.
HQ et vs Aegean Airlines SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Noord-Nederland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Kanċellazzjoni ta’ titjira – Assistenza – Dritt għar-rimbors tal-biljett tal-ajru mit-trasportatur tal-ajru – Artikolu 8(2) – Vjaġġ kollox kompriż – Direttiva 90/314/KEE – Falliment tal-organizzatur tal-vjaġġi.
Kawża C-163/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Lulju 2019.
HQ et vs Aegean Airlines SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Noord-Nederland.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Kanċellazzjoni ta’ titjira – Assistenza – Dritt għar-rimbors tal-biljett tal-ajru mit-trasportatur tal-ajru – Artikolu 8(2) – Vjaġġ kollox kompriż – Direttiva 90/314/KEE – Falliment tal-organizzatur tal-vjaġġi.
Kawża C-163/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:585
*A9* Rechtbank Noord-Nederland, Beschikking van 21/02/2018 (5671268 OV VERZ 17-4)
*P1* Rechtbank Noord-Nederland, Afdeling Privaatrecht, Beschikking van 24/12/2019 (5671268 OV VERZ 17-4)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
10 ta’ Lulju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Kanċellazzjoni ta’ titjira – Assistenza – Dritt għar-rimbors tal-biljett tal-ajru mit-trasportatur tal-ajru – Artikolu 8(2) – Vjaġġ kollox kompriż – Direttiva 90/314/KEE – Falliment tal-organizzatur tal-vjaġġi”
Fil-Kawża C‑163/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti ta’ Noord-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura
HQ,
IP, legalment irrappreżentat minn HQ,
JO
vs
Aegean Airlines SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský (Relatur), C. G. Fernlund u L.S. Rossi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,
Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal HQ, IP, legalment irrappreżentat minn HQ, u JO, minn I. Maertzdorff, avukat, kif ukoll minn M. Duinkerke u M. J. R. Hannink, |
– |
għal Aegean Airlines SA, minn J. Croon u D. van Genderen, avukati, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn A. Kasalická, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, sussegwentement minn M. Hellmann u A. Berg, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis kif ukoll minn C. Valero u N. Yerrell, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Marzu 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn HQ, IP, legalment irrappreżentat minn HQ, u JO (iktar ’il quddiem “HQ et”) mal-linja tal-ajru Aegean Airlines SA dwar ir-rimbors tal-biljetti tal-ajru li HQ et talbu wara l-kanċellazzjoni ta’ titjira li kienet tifforma parti minn vjaġġ kollox kompriż. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 261/2004
3 |
Il-premessi 1, 2 u 16 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Soġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu: “Dan ir-Regolament m’għandux jaffetwa d-drittijiet ta’ passiġġieri taħt id-Direttiva 90/314/KEE. Dan ir-Regolament m’għandux japplika f’każijiet fejn package tour hu kkanċellat għal raġunijiet barra minn kanċellazzjoni tat-titjira.” |
6 |
L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:
|
7 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:
2. Il-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jifformaw parti minn package, ħlief għad-dritt għal rimbors fejn dan id-dritt iqum taħt id-Direttiva 90/314/KEE.” |
Id-Direttiva 90/314
8 |
Il-premessa 21 tad-Direttiva 90/314 tipprovdi: “Billi kemm il-konsumatur kif ukoll l-industrija tal-vjaġġi kollox kompriż għandhom jibbenefikaw jekk l-organizzaturi u/jew il-bejjiegħa kellhom jitqiegħdu taħt obbligazzjoni li jipprovdu xiehda biżżejjed ta’ garanzija fil-każ ta’ falliment”. |
9 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ pakketti mibjugħa jew offruti għall-bejgħ fit-territorju tal-Komunità.” |
10 |
L-Artikolu 4(6) tad-direttiva msemmija jipprovdi: “Jekk il-konsumatur jirtira mill-kuntratt skond il-paragrafu 5, jew jekk, għal xi raġuni tkun xi tkun, ħlief waħda li tkun tort tal-konsumatur, l-organizzatur iħassar il-pakkett qabel id-data tat-tluq, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt:
[…]” |
11 |
Abbażi tal-Artikolu 5(1) ta’ din l-istess direttiva: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-parti kontraenti li qed tbigħ ikunu responsabbli mal-konsumatur għat-tħaddim approprjat ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligazzjonijiet għandhomx jitwettqu minn dak l-organizzatur u/jew bejjiegħ jew minn xi fornituri oħra tas-servizzi mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-organizzatur u/jew tal-bejjiegħ li jduru fuq dawk il-fornituri l-oħra tas-servizzi.” |
12 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 jipprovdi: “L-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jkun parti kontraenti għandu jipprovdi xiehda biżżejjed ta’ sigurtà għar-rifużjoni tal-flus li jkunu tħallsu u għar-ripatrijazzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ xi falliment.” |
Il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi
13 |
Id-Direttiva 90/314 ġiet trasposta fil-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tat-Titolu 7A, intitolat “Kuntratt tal-ivvjaġġar”, tal-Ktieb 7 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili). |
14 |
L-Artikolu 7:504(3) tal-Kodiċi Ċivili jippermetti lil passiġġier, f’każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt tal-ivvjaġġar mill-operatur tal-vjaġġi, li jitolbu, b’mod partikolari, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-biljetti tal-ajru. |
15 |
L-Artikolu 7:512(1) tal-kodiċi msemmi jipprovdi l-obbligu għal organizzatur tal-vjaġġi li jieħu l-passi meħtieġa minn qabel biex jiżgura li, jekk ma jkunx jista’ jkompli jissodisfa l-obbligi tiegħu lejn il-vjaġġatur fil-każ ta’ insolvenza finanzjarja, dawn jittieħdu minn parti terza jew li l-prezz tal-vjaġġ jiġi rrimborsat. |
It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Aegean Airlines, kumpannija stabbilita fil-Greċja, ikkonkludiet kuntratt ta’ noleġġ ma’ G. S. Charter Aviation Services Ltd (“G. S. Charter”), kumpannija stabbilita f’Ċipru, li abbażi tiegħu hija kellha tpoġġi ċertu numru ta’ postijiet għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar, suġġett għall-ħlas ta’ prezz ta’ noleġġ. Sussegwentement, G. S. Charter reġgħet biegħet dawn il-postijiet lil partijiet terzi, fosthom, b’mod partikolari, lil Hellas Travel BV (iktar ’il quddiem “Hellas”), aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
17 |
G. S. Charter u Hellas ikkonkludew ftehim li abbażi tiegħu, mill-1 ta’ Mejju sal-24 ta’ Settembru 2015, kellha tiġi operata titjira bir-ritorn bejn Eelde (il-Pajjiżi l-Baxxi) u Korfu (il-Greċja) kull nhar ta’ Ġimgħa, kellu jitħallas depożitu lil Aegean Airlines u l-ħlas tat-titjira tar-ritorn, skedata għal nhar il-Ġimgħa segwenti, kellu jitħallas kull nhar ta’ Tnejn. |
18 |
Fid-19 ta’ Marzu 2015, HQ et irriżervaw titjiriet bir-ritorn bejn Eelde u Korfu mingħand Hellas. Dawn it-titjiriet kienu jiffurmaw parti minn “vjaġġ kollox kompriż” fis-sens tad-Direttiva 90/314, li l-prezz tagħha tħallas lil Hellas. |
19 |
HQ et irċevew biljetti elettroniċi bil-logo ta’ Aegean Airlines għal dawn it-titjiriet previsti fis-17 u fl-24 ta’ Lulju 2015, kif ukoll dokumenti li jsemmu lil Hellas bħala n-nolleġġatur. |
20 |
Hekk kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, ftit jiem qabel id-data tat-tluq miftiehma, Hellas bagħtet ittra kif ukoll email lil HQ et fejn informathom li, kemm minħabba t-tnaqqis fin-numru ta’ riżervazzjonijiet kif ukoll minħabba l-kanċellazzjonijiet ta’ riżervazzjonijiet eżistenti, dovuti għall-“inċertezzi fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-Greċja” f’dak iż-żmien, din kienet obbligata li tikkanċella t-titjiriet miftiehma ma’ Aegean Airlines, wara li din tal-aħħar iddeċidiet, minħabba l-impossibbiltà li tikseb il-prezz iffissat minn qabel ma’ Hellas, li ma toperax iktar titjiriet lejn u minn Korfu mis-17 ta’ Lulju 2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Hellas ħabbret lil HQ et li l-pakkett tal-ivvjaġġar tagħhom kien ġie kkanċellat. |
21 |
Fit-3 ta’ Awwissu 2016, Hellas ġiet iddikjarata falluta. Din ma rrimborsatx il-prezz tal-biljetti tal-ajru lil HQ et. |
22 |
HQ et adixxew lir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti ta’ Noord-Nederland) sabiex Aegean Airlines tiġi kkundannata tħallashom kumpens għall-kanċellazzjoni tat-titjira tas-17 ta’ Lulju 2015 kif ukoll biex tirrimborsalhom il-biljetti relatati magħha, rispettivament abbażi, minn naħa, tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 8(1)(a) ta’ dak ir-Regolament. |
23 |
B’mod prinċipali, Aegean Airlines ikkontestat l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3(6) tiegħu. |
24 |
Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni interlokutorja tal-14 ta’ Novembru 2017, ir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti ta’ Noord-Nederland) irrifjutat din ir-raġuni ta’ difiża minħabba li l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 261/2004 favur il-passiġġieri li għandhom vjaġġ kollox kompriż hija eskluża biss, taħt dik id-dispożizzjoni, jekk l-annullament imur lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur bl-ajru kemm li jopera jew le t-titjira jew it-titjiriet li jiffurmaw parti minn dak il-vjaġġ, filwaqt li dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, dik il-qorti qieset, minn naħa, li d-deċiżjoni li tiġi kkanċellata t-titjira kienet ittieħdet minn Aegean Airlines, li kjarament kienet biss lesta li ttir jekk Hellas tħallasha minn qabel il-prezz iffissat għaliha, u, min-naħa l-oħra, li ma kienx sostnut u lanqas ipprovat li Hellas kienet ħabbret il-kanċellazzjoni tal-vjaġġ kollox kompriż għal raġunijiet differenti minn din id-deċiżjoni ta’ Aegean Airlines. |
25 |
Għaldaqstant, skont ir-Regolament Nru 261/2004, HQ et irċevew kumpens b’rata fissa mingħand Aegean Airlines minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, din il-qorti ma ħaditx deċiżjoni dwar it-talba intiża għar-rimbors tal-biljetti tal-ajru. |
26 |
F’dan il-każ, Aegean Airlines osservat, sussidjarjament, li, peress dan il-każ kien jinvolvi vjaġġ kollox kompriż, mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004 kien jirriżulta li hija ma hijiex obbligata tirrimborsa lil HQ et l-ammont li dawn kienu ħallsu lil Hellas għax-xiri tal-biljetti tal-ajru tagħhom. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti ta’ Noord-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
28 |
Fiż-żewġ mistoqsijiet tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li għandu, skont id-Direttiva 90/314, id-dritt li jikkuntattja lill-organizzatur tal-vjaġġi tiegħu sabiex jikseb ir-rimbors tal-biljett tal-ajru tiegħu, ma għandux iktar, għalhekk, il-possibbiltà li jitlob ir-rimbors ta’ dak il-biljett mingħand it-trasportatur tal-ajru abbażi ta’ dak ir-regolament, inkluż meta l-organizzatur tal-vjaġġi ma jkunx jista’ finanzjarjament iħallas lura l-biljett u ma jkun ħa l-ebda miżura biex jiżgura dan. |
29 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-passiġġieri, li għandhom id-dritt li jikkuntattjaw lill-organizzatur tal-vjaġġi tagħhom biex jiksbu r-rimbors tal-biljetti tal-ajru tagħhom, għandhomx il-possibbiltà li jitolbu wkoll ir-rimbors tal-biljetti tagħhom mingħand it-trasportatur tal-ajru, għandu jitqies, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dak ir-regolament, huwa t-trasportatur tal-ajru, f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, li għandu joffri assistenza lill-passiġġieri affettwati li tikkonsisti fil-proposta, b’mod partikolari, tar-rimbors tal-biljett tagħhom (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2018, Harms, C‑601/17, EU:C:2018:702, punt 12). |
30 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament jgħid li d-dritt għar-rimbors tal-biljett japplika wkoll għall-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun tifforma parti minn vjaġġ kollox kompriż, ħlief meta tali dritt ikun jirriżulta mid-Direttiva 90/314. |
31 |
Minn dan il-kliem ċar tal-Artikolu 8(2) jirriżulta li s-sempliċi eżistenza ta’ dritt għal rimbors, li jirriżulta mid-Direttiva 90/314, hija biżżejjed biex teskludi l-possibbiltà li passiġġier, li t-titjira tiegħu tkun tifforma parti minn vjaġġ kollox kompriż, jista’ jitlob rimbors tal-biljett tiegħu, abbażi tar-Regolament Nru 261/2004, mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera. |
32 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ħidma preparatorja tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, hekk kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawk ix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jeskludi kompletament lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tifforma parti minn vjaġġ kollox kompriż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament, madankollu, dan ried iżomm fir-rigward tagħhom l-effetti tas-sistema li kienet meqjusa bħala protettiva biżżejjed li kienet ġiet stabbilita preċedentement mid-Direttiva 90/314. |
33 |
F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(6) tar-Regolament Nru 261/2004, l-imsemmi regolament ma jippreġudikax id-drittijiet li l-passiġġieri, li xtraw vjaġġ kollox kompriż, jingħataw minn dik id-direttiva. |
34 |
L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004 għalhekk jimplika li d-drittijiet għar-rimbors tal-biljett, abbażi ta’ dan ir-regolament u tad-Direttiva 90/314 rispettivament, ma jistgħux japplikaw flimkien, peress li akkumulazzjoni bħal din, u hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija qabel kollox tali li twassal għal protezzjoni żejda mhux iġġustifikata tal-passiġġier ikkonċernat, u dan għad-detriment tat-trasportatur tal-ajru li jopera, fejn dan tal-aħħar effettivament jirriskja, f’dan il-każ, li jkollu jerfa’ parzjalment ir-responsabbiltà tal-organizzatur tal-vjaġġi fir-rigward tal-klijenti tiegħu, skont il-kuntratt li dan ikkonkluda ma’ dawn tal-aħħar. |
35 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-passiġġieri li, skont id-Direttiva 90/314, għandhom id-dritt li jikkuntattjaw lill-organizzatur tal-vjaġġi tagħhom sabiex jiksbu r-rimbors tal-biljetti tal-ajru tagħhom, ma għandhomx il-possibbiltà li jitolbu rimbors mingħand it-trasportatur tal-ajru, abbażi tar-Regolament Nru 261/2004. |
36 |
Din il-konklużjoni tapplika wkoll fil-każ li l-organizzatur tal-vjaġġi jkun jinsab fl-inkapaċità finanzjarja li jwettaq ir-rimbors tal-biljett u ma jkun ħa ebda miżura biex jiggarantixxi dan ir-rimbors. |
37 |
Fid-dawl tal-kliem ċar tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004, huwa effettivament irrilevanti jekk l-organizzatur tal-vjaġġi huwiex finanzjarjament inkapaċi li jwettaq ir-rimbors tal-biljett, jekk ħax jew le miżura sabiex jiżgura tali rimbors, jew jekk dawn iċ-ċirkustanzi jipperikolawx it-twettiq tal-obbligu tiegħu li jirrimborsa lill-passiġġieri kkonċernati. |
38 |
Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004 ma ġietx invalidata mill-għan prinċipali mfittex mir-regolament li huwa, kif jidher ċar mill-premessa 1 tiegħu, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. |
39 |
Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa preċiżament inkunsiderazzjoni s-sistema ta’ protezzjoni suffiċjenti li kienet ġiet stabbilita preċedentement mid-Direttiva 90/314. |
40 |
B’mod partikolari, l-Artikolu 7 ta’ dik id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 21 tagħha, jipprovdi, b’mod partikolari, li l-organizzatur tal-vjaġġi għandu jipprovdi garanziji suffiċjenti li jkunu xierqa sabiex jiżguraw, fil-każ ta’ insolvenza jew ta’ falliment, ir-rimbors tal-fondi ddepożitati. |
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/314 jinvolvi l-obbligu li l-vjaġġaturi kollox kompriż jingħataw dritt għall-garanziji ta’ rimbors tal-fondi ddepożitati fil-każ ta’ falliment tal-organizzatur tal-vjaġġi u li din il-garanzija hija maħsuba preċiżament biex tipproteġi lill-konsumaturi kontra l-konsegwenzi tal-falliment, irrispettivament mill-kawżi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et, C‑140/97, EU:C:1999:306, punt 74, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Jannar 2014, Bardacs et, C‑430/13, EU:C:2014:32, punt 35). |
42 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li leġiżlazzjoni nazzjonali tittrasponi b’mod korrett l-obbligi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni biss jekk, ikunu xi jkunu l-metodi tagħha, din ikollha bħala riżultat li tiżgura li l-passiġġieri jiġu effettivament irrimborsati għall-fondi kollha li jkunu ddepożitaw f’każ ta’ insolvenza tal-organizzatur tal-vjaġġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Rechberger et, C‑140/97, EU:C:1999:306, punt 64, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Jannar 2014, Bardacs et, C‑430/13, EU:C:2014:32, punt 38). |
43 |
Fin-nuqqas ta’ dan, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-vjaġġatur ikkonċernat jibbenefika, f’kull każ, mill-fakultà li jippreżenta rikors għad-danni kontra l-Istat Membru kkonċernat għad-danni kkawżati lilu minn ksur tal-liġi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C‑429/09, EU:C:2010:717, punti 45 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li għandu, skont id-Direttiva 90/314, id-dritt li jikkuntattja lill-organizzatur tal-vjaġġi tiegħu sabiex jikseb ir-rimbors tal-biljett tal-ajru tiegħu, ma għandux iktar, għalhekk, il-possibbiltà li jitlob ir-rimbors ta’ dak il-biljett mingħand it-trasportatur tal-ajru abbażi ta’ dak ir-regolament, inkluż meta l-organizzatur tal-vjaġġi ma jkunx jista’ finanzjarjament jirrimborsa l-biljett u ma jkun ħa l-ebda miżura biex jiżgura dan. |
Fuq l-ispejjeż
45 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li passiġġier li għandu, skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż, id-dritt li jikkuntattja lill-organizzatur tal-vjaġġi tiegħu sabiex jikseb ir-rimbors tal-biljett tal-ajru tiegħu, ma għandux iktar, għalhekk, il-possibbiltà li jitlob ir-rimbors ta’ dak il-biljett mingħand it-trasportatur tal-ajru abbażi ta’ dak ir-regolament, inkluż meta l-organizzatur tal-vjaġġi ma jkunx jista’ finanzjarjament jirrimborsa l-biljett u ma jkun ħa l-ebda miżura biex jiżgura dan. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.