EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0155

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Marzu 2020.
Tulliallan Burlington Ltd vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade marks verbali u figurattivi ‘BURLINGTON’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks verbali u figurattivi preċedenti ‘BURLINGTON’ u ‘BURLINGTON ARCADE’ – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Ftehim ta’ Nice – Klassi 35 – Kunċett ta’ ‘servizzi ta’ bejgħ bl-imnut’ – Artikolu 8(4) – Abbuż – Artikolu 8(5) – Reputazzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Xebh bejn il-prodotti u s-servizzi – Ċaħda tal-oppożizzjoni.
Kawżi magħquda C-155/18 P sa C-158/18 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:151

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade marks verbali u figurattivi ‘BURLINGTON’ – Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks verbali u figurattivi preċedenti ‘BURLINGTON’ u ‘BURLINGTON ARCADE’ – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Ftehim ta’ Nice – Klassi 35 – Kunċett ta’ ‘servizzi ta’ bejgħ bl-imnut’ – Artikolu 8(4) – Abbuż – Artikolu 8(5) – Reputazzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Xebh bejn il-prodotti u s-servizzi – Ċaħda tal-oppożizzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑155/18 P sa C‑158/18 P,

li għandhom bħala suġġett erba’ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2018,

Tulliallan Burlington Ltd, stabbilita f’Saint-Hélier (Jersey), irrappreżentata minn A. Norris, barrister,

appellanti fil-Kawżi C‑155/18 P sa C‑158/18 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Fischer u D. Botis, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Burlington Fashion GmbH, stabbilita f’Schmallenberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Parr, Rechtsanwältin,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby, K. Jürimäe (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ April 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħha, Tulliallan Burlington Ltd titlob l-annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (Burlington) (T‑120/16, EU:T:2017:873), tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (BURLINGTON THE ORIGINAL) (T‑121/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:872), tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (Burlington) (T‑122/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:871), u tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (BURLINGTON), (T‑123/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:870) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom din ċaħdet ir-rikorsi tagħha intiżi għall-annullament ta’ erba’ deċiżjonijiet tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tal-11 ta’ Jannar 2016 (Każijiet R 94/2014–4, R 2501/2013–4, R 2409/2013–4, u R 1635/2013–4, iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), dwar erba’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Tulliallan Burlington u Burlington Fashion GmbH.

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1891/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 386, p. 14) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94)”.

3

Ir-Regolament Nru 40/94 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-[trade mark tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 71, p. 322, ĠU 2006, L 110, p. 4, u ĠU 2016, L 267, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016. Ir-Regolament Nru 207/2009, kif emendat, tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

4

Fid-dawl tad-dati tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, f’dan il-każ fid-19 ta’ Awwissu 2008 għar-reġistrazzjonijiet Nri 982020 u 982021, fit-2 ta’ April 2009 għar-reġistrazzjoni Nru 1007952 kif ukoll fit-8 ta’ Settembru 2009 għar-reġistrazzjoni Nru 1017273, li huma determinanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli, din il-kawża hija rregolata, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 40/94 għar-reġistrazzjonijiet Nri 982020, 982021 u 1007952 kif ukoll mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 għar-reġistrazzjoni Nru 1017273. Id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dawn iż-żewġ regolamenti rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża huma, essenzjalment, identiċi.

5

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, kien jipprovdi:

“1.   Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

(b)

jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

[…]

4.   Ma l-opposizzjoni mill-propjetarju tat-trade-mark mhux-reġistrata jew ta’ xi sinjal ieħor użat fil-korsa tal-kummerċ ta’ aktar minn sempliċement ta’ sinifikanza lokali, it-trade-mark li tkun saret applikazzjoni dwarha m’għandiex tkun reġistrata meta u sal-limitu li, bis-saħħa tal-leġislazzjoni tal-Komunità jew tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal:

(a)

id-drittijiet għal dak is-sinjal kienu nkisbu qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, jew id-data tal-prijorità mitluba għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

(b)

dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju id-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv.

5.   Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

6

Skont l-Artikolu 43(1) sa (3) tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni”, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009:

“1.   Waqt l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni l-Uffiċċju għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien iffisat lilhom mill-Uffiċċju, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.

2.   Fuq talba ta’ l-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu iġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ publikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-opposizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-opposizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-opposizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.

3.   Il-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu [fil-Komunità jiġi ssostitwit b’użu] fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta […].”

7

L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “L-irtirar, ir-restrizzjoni u l-emenda ta’ l-applikazzjoni”, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 207/2009, kien jipprevedi:

“1.   L-applikant jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jirrestrinġi l-lista ta’ prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha. Meta l-applikazzjoni tkun diġà ġiet ippubblikata, l-irtirar jew ir-restrizzjoni għandhom jiġu ppubblikati wkoll.

2.   F’aspetti oħrajn, l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tista’ biss tiġi emendata, fuq talba ta’ l-applikant, billi ssir korrezzjoni ta’ l-isem jew l-indirizz ta’ l-applikant, żbalji ta’ kitba jew ta’ l-ikkupjar, jew żbalji ovvji, sakemm il-korrezzjoni ma tbiddilx b’mod sostanzjali t-trade mark u ma testendix il-lista ta’ prodotti jew servizzi. Meta l-emendi jaffetwaw ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark jew il-lista ta’ prodotti jew servizzi u jsiru wara l-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-applikazzjoni għat-trade mark għandha tiġi ppubblikata kif emendata.”

8

L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 207/2009, li jinsab taħt it-Titolu VII tiegħu, bl-istess titolu jkun intitolat “Appelli”, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi:

“Waqt l-eżaminazzjoni tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.”

9

L-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet tal-[EUIPO] għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.”

10

Skont l-Artikolu 76 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Fi proċedimenti quddiemu l-[EUIPO] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu[;] fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.   L-[EUIPO] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

11

L-Artikolu 151(1) sa (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-[Unjoni Ewropea] għandha, mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 3(4) tal-Protokoll ta’ Madrid jew mid-data tan-nomina sussegwenti tal-[Unjoni] skont l-Artikolu 3ter(2) tal-Protokoll ta’ Madrid, ikollha l-istess effett bħal applikazzjoni għal [trade mark tal-Unjoni Ewropea].

2.   Jekk l-ebda ċaħda ma ġiet innotifikata skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll ta’ Madrid jew jekk xi ċaħda ta’ din ix-xorta ġiet irtirata, ir-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ marka li tinnomina lill-[Unjoni] għandha, mid-data msemmija fil-paragrafu 1, ikollha l-istess effett bħar-reġistrazzjoni ta’ marka bħala [trade mark tal-Unjoni Ewropea].”

12

L-Artikolu 156(1) sa (3) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Reġistrazzjoni internazzjonali li tinnomina lill-[Unjoni] għandha tkun soġġetta għal oppożizzjoni bl-istess mod bħal applikazzjonijiet ippubblikati għal trade mark [tal-Unjoni Ewropea].

2.   Avviż ta’ oppożizzjoni għandu jkun ippreżentat fi żmien perjodu ta’ tliet xhur li għandu jibda sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 152(1). L-oppożizzjoni m’għandhiex tkun trattata bħala debitament imdaħħla sakemm il-miżata tal-oppożizzjoni tkun ġiet imħallsa.

3.   Ċaħda ta’ protezzjoni għandha tieħu post ċaħda ta’ applikazzjoni għal trade mark [tal-Unjoni Ewropea].”

13

Ir-Regola 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005 tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU 2006, L 287M, p. 12), intitolata “Prova tal-verit[à] ta’ l-oppożizzjoni”, tipprovdi, fil-paragrafu 1 tagħha:

“L-[EUIPO] għandu jagħti lill-parti li qed topponi l-opportunit[à] biex tippreżenta l-fatti, evidenza u argumenti b’appoġġ għall-oppożizzjoni tagħha jew biex ittemm il-fatt, evidenza jew argumenti li kienu ġa sottomessi skond Regola 15(3), fi żmien perjodu speċifikat minnha […].”

14

Skont l-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament:

“Sakemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandu japplika [għandhom japplikaw] għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis.

[…]

Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu [76(2) tar-Regolament Nru 207/2009].”

15

Il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), ġie konkluż abbażi tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, irriveduta fl-aħħar lok fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru. 11851, p. 305), li jirriżerva lill-pajjiżi tal-Unjoni d-dritt li jagħmlu separatament, bejniethom, arranġamenti speċjali għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali.

16

Fil-klassifikazzjoni stabbilita minnu, il-klassi 35, li tirrigwarda s-servizzi, hija intitolata kif ġej:

“Reklamar; Il-ġestjoni ta’ negozju; L-amministrazzjoni ta’ negozju; Funzjonijiet ta’ uffiċċju.”

17

In-nota ta’ spjegazzjoni relattiva għal din il-klassi tispeċifika:

“Il-Klassi 35 tinkludi prinċipalment servizzi mogħtija minn persuni jew organizzazzjonijiet primarjament bl-għan ta’:

1.

għajnuna fil-ħidma jew fil-ġestjoni ta’ impriża kummerċjali, jew

2.

għajnuna fil-ġestjoni ta’ affarijiet tan-negozju u funzjonijiet kummerċjali ta’ intrapriża industrijali jew kummerċjali,

kif ukoll servizzi mogħtija minn stabbilimenti tar-reklamar li primarjament jipprovdu komunikazzjoni lill-pubbliku, dikjarazzjonijiet jew avviżi b’kull mezz ta’ diffużjoni u li jikkonċernaw kull tip ta’ prodotti u servizzi.

Din il-Klassi tinkludi, b’mod partikolari:

il-ġbir flimkien, għall-benefiċċju tal-oħrajn, ta’ varjetà ta’ oġġetti (bl-esklużjoni tat-trasport tagħhom), li jippermetti biex il-konsumatur jara u jixtri dawk l-oġġetti [b’mod faċli]; servizzi bħal dawn jistgħu jiġu pprovduti minn ħwienet tal-imnut, ħwienet bl-ingrossa, permezz ta’ magni awtomatiċi tal-bejgħ, katalogi ta’ ordni bil-posta jew permezz ta’ midja elettronika, pereżempju, permezz ta’ siti web jew programmi tax-xiri fuq it-televiżjoni;

servizzi li jikkonsistu mir-reġistrazzjoni, it-traskrizzjoni, il-kompożizzjoni, il‑kumpilazzjoni jew is-sistematizzazzjoni ta’ komunikazzjonijiet u reġistrazzjonijiet bil-miktub, kif ukoll il-kumpilazzjoni ta’ data matematika jew statistika;

servizzi ta’ aġenziji ta’ reklamar u servizzi bħat-tqassim ta’ prospetti, direttament jew bil-posta, jew it-tqassim ta’ kampjuni. Din il-Klassi tista’ tirreferi għar-reklamar f’konnessjoni ma’ servizzi oħra, bħal dawk li jikkonċernaw self bankarju jew reklamar fuq ir-radju.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjonijiet kontenzjużi

18

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenzi appellati, jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

19

Fl-20 ta’ Novembru 2008, fit-13 ta’ Awwissu 2009 u fit-12 ta’ Novembru 2009, l-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, Burlington Fashion, ippreżentat l-applikazzjonijiet għal protezzjoni fl-Unjoni Ewropea għar-reġistrazzjonijiet internazzjonali li ġejjin:

ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 1017273 li tirreferi għall-Unjoni u li tagħti protezzjoni lit-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt:

Image

ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 1007952 li tirreferi għall-Unjoni u li tagħti protezzjoni lit-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt:

Image

ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 982021 li tirreferi għall-Unjoni u li tagħti protezzjoni lit-trade mark figurattiva rrappreżentata hawn taħt:

Image

ir-reġistrazzjoni internazzjonali Nru W982020 li tirreferi għall-Unjoni u li tagħti protezzjoni lit-trade mark verbali BURLINGTON.

20

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għall-protezzjoni jaqgħu fil-Klassijiet 3, 14, 18 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

Klassi 3: “Sapun għal użu kożmetiku, sapun għat-tessuti, prodotti ta’ fwejjaħ, żjut meħudin minn pjanti, aġenti għat-tindif, għall-kura u t-tisbiħ tal-ġilda, għax-xagħar u l-ġilda tar-ras; preparazzjonijiet tat-twaletta, inklużi f’din il-klassi, deodoranti għall-użu personali, preparazzjonijiet ta’ qabel it-tqaxxir tal-leħja u after-shave lotions”;

Klassi 14:“Ġojjellerija, arloġġi ta’ l-id”;

Klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, jiġifieri bagalji [suitcases], basktijiet ta’ kuljum (inklużi f’din il-klassi), prodotti żgħar tal-ġilda (inklużi f’din il-klassi), b’mod partikolari portmonijiet, kartieri, portafolli taċ-ċwievet; umbrelel u għata tax-xemx fil-forma ta’ umbrelel tax-xemx”, u

Klassi 25: “Xedd tas-saqajn, ilbies, xedd ir-ras, ċinturini ta’ mal-qadd”.

21

Fit-12 ta’ Awwissu 2009, fis-17 ta’ Mejju 2010 u fis-16 ta’ Awwissu 2010, Tulliallan Burlington ippreżentat oppożizzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 għar-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti tal-Klassijiet 3, 14 u 18. L-oppożizzjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-ħtieġa li jiġu protetti t-trade marks u d-drittijiet preċedenti rriprodotti hawn isfel, li tagħhom Tulliallan Burlington hija l-proprjetarju:

it-trade mark verbali BURLINGTON, irreġistrata fir-Renju Unit taħt in-Numru 2314342 fil-5 ta’ Diċembru 2003 u debitament imġedda fid-29 ta’ Ottubru 2012, għal servizzi li jaqgħu fil-klassijiet li ġejjin:

Klassi 35: “Kiri u leasing ta’ spazju għar-reklamar; organizzazzjoni ta’ esebizzjonijiet għal skopijiet kummerċjali jew ta’ reklamar; organizzazzjoni ta’ fieri tal-kummerċ għal skopijiet kummerċjali; reklamar u informazzjoni korrispondenti; il-ġbir flimkien għan-nom ta’ terzi ta’ prodotti diversi li jippermetti lill-klijenti li jarawhom u jixtruhom b’mod faċli, f’firxa ta’ ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut ta’ kummerċ mhux speċjalizzat”,u

Klassi 36: “Kiri ta’ ħwienet u ta’ uffiċċji; leasing jew ġestjoni ta’ proprjetà (proprjetà immobbli); kiri ta’ bini jew ta’ spazji f’bini; ġestjoni ta’ proprjetà (proprjetà immobbli); informazzjoni dwar il-kiri ta’ ħwienet u uffiċċji; servizzi ta’ beni immobbli; investiment ta’ fondi, fondi relatati ma’ fondi komuni ta’ investiment”;

it-trade mark verbali BURLINGTON ARCADE, irreġistrata fir-Renju Unit taħt in-Numru 2314343 fis-7 ta’ Novembru 2003 u debitament imġedda fid-29 ta’ Ottubru 2012, għall-istess servizzi li jaqgħu fil-Klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, kif ukoll għas-servizzi li jaqgħu fil-Klassi 41 tiegħu u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li jmiss: “Servizzi ta’ divertiment; organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet; organizzazzjoni ta’ wirjiet; provvista ta’ informazzjoni dwar ir-rikreazzjoni; prestazzjonijiet diretti; il-provvista ta’ faċilitajiet sportivi; provvista ta’ mużika u spettakli diretti; il-provvista ta’ faċilitajiet għal prestazzjonijiet diretti minn baned; il-provvista ta’ divertiment dirett; servizzi ta’ mużika diretta; servizzi ta’ prestazzjonijiet mużikali diretti; organizzazzjoni ta’ prestazzjonijiet diretti”;

it-trade mark figurattiva riprodotta hawn taħt, irreġistrata fir-Renju Unit taħt in-Numru 2330341 fis-7 ta’ Novembru 2003 u debitament imġedda fil-25 ta’ April 2013, li tirreferi għas-servizzi msemmija hawn fuq li jaqgħu fil-Klassijiet 35, 36 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice:

Image

it-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Nru 3618857, irreġistrata fis-16 ta’ Ottubru 2006, riprodotta hawn taħt u limitata, wara l-proċedimenti għal annullament Nru 8715 C, għas-servizzi li jaqgħu fil-Klassijiet 35, 36 u 41, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice:

Image

Klassi 35: “Servizzi tar-reklamar u tal-promozzjoni u servizzi ta’ informazzjoni korrispondenti; il-ġbir flimkien għan-nom ta’ terzi ta’ prodotti diversi li jippermetti lill-klijenti li jarawhom u jixtruhom b’mod faċli, f’firxa ta’ ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut ta’ kummerċ mhux speċjalizzat”;

Klassi 36: “Kiri ta’ ħwienet; leasing jew ġestjoni ta’ proprjetà (proprjetà immobbli); kiri ta’ bini jew ta’ spazji f’bini; ġestjoni ta’ proprjetà (proprjetà immobbli); informazzjoni dwar il-kiri ta’ ħwienet”, u

Klassi 41: “Servizzi ta’ divertiment; provvista ta’ servizzi ta’ divertiment live”.

22

Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu bbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009.

23

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Lulju, tat-8 ta’ Ottubru, tat-8 ta’ Novembru u tat-22 ta’ Novembru 2013 id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni eżaminat l-oppożizzjonijiet abbażi biss tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea Nru 3618857, laqgħet l-oppożizzjonijiet għall-prodotti kkontestati li jaqgħu fil-Klassijiet 3, 14 u 18 u kkundannat lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

24

Fl-20 ta’ Awwissu, fit-3 u fil-11 ta’ Diċembru 2013 kif ukoll fit-2 ta’ Jannar 2014, Burlington Fashion ippreżentat erba’ appelli quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

25

Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-imsemmija oppożizzjonijiet.

26

Fid-deċiżjonijiet kontenzjużi tiegħu, ir-Raba’ Bord tal-Appell fl-ewwel lok ikkunsidra, essenzjalment, fir-rigward tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li r-reputazzjoni tat-trade marks figurattivi preċedenti kienet ipprovata fit-territorju rilevanti għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 36, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, bl-eċċezzjoni tas-servizz “il-ġbir flimkien għan-nom ta’ terzi ta’ prodotti diversi li jippermetti lill-klijenti li […] jixtruhom b’mod faċli, f’firxa ta’ ħwienet ta’ bejgħ bl-imnut ta’ kummerċ mhux speċjalizzat”. Fit-tieni lok, dwar il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 8(4) ta’ dak ir-regolament, il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra li Tulliallan Burlington ma kinitx uriet li kienu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikunu stabbiliti l-misrappreżentazzjoni u d-dannu vis-à-vis l-pubbliku mmirat. Fit-tielet lok, dwar il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament, huwa kkunsidra, essenzjalment, li peress li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni kienu differenti kellha tiġi eskluża kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni, irrispettivament mix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti.

Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

27

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Marzu 2016, Tulliallan Burlington ippreżentat erba’ rikorsi kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi.

28

Insostenn ta’ kull wieħed minn dawn ir-rikorsi, Tulliallan Burlington invokat tliet motivi, ibbażati essenzjalment, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq difett proċedurali u fuq ksur tar-regoli tal-proċedura, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq ksur tad-dritt għal smigħ u fuq ksur tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

29

Permezz tas-sentenzi appellati, li d-dispożittivi tagħhom u l-motivazzjonijiet tagħhom huma identiċi, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi kollha mressqa minn Tulliallan Burlington.

30

Dwar l-ewwel motiv, fil-punt 28 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Bord tal-Appell kien qies li, fir-rigward tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut li jaqgħu fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, ma kinitx ingħatat prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

31

Fil-punt 33 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali qieset li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte (C‑418/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza Praktiker, EU:C:2005:425), tipprekludi l-argument tal-EUIPO li s-servizzi ta’ ċentru kummerċjali huma essenzjalment limitati għal servizzi ta’ kiri u ta’ ġestjoni tal-proprjetà immobbli u li, konsegwentement, il-klijenti li għalihom huma indirizzati dawk is-servizzi jkunu prinċipalment dawk il-persuni interessati li jokkupaw b’kiri l-ħwienet jew l-uffiċċji li jkunu jinsabu f’ċentru kummerċjali.

32

Minn dan, fil-punt 34 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, il-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Praktiker, jinkludi wkoll is-servizzi ta’ bejgħ ipprovduti minn ċentru kummerċjali. Hija kkonkludiet, fil-punt segwenti tas-sentenzi appellati, li l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” adottata mir-Raba’ Bord tal-Appell kienet żbaljata u li Tulliallan Burlington setgħet tinvoka l-protezzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti għas-servizzi kollha koperti mit-trade marks preċedenti li jaqgħu taħt din il-klassi 35.

33

Wara li fil-punti 37 sa 42 tas-sentenzi appellati fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-protezzjoni tat-trade marks li għandhom reputazzjoni prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 43 tas-sentenzi appellati, li, f’dan il-każ, Tulliallan Burlington ma kinitx ipproduċiet quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell jew quddiem il-Qorti Ġenerali elementi koerenti li jippermettu li jiġi konkluż li l-użu mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Fil-punti segwenti tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, anki jekk Tulliallan Burlington tenfasizza l-karattru “kważi uniku” tat-trade marks preċedenti tagħha, hija ma pprovdietx elementi speċifiċi li jistgħu jsostnu l-fatt li l-użu tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jnaqqas l-attrattività tat-trade marks preċedenti.

34

Fir-rigward tal-allegat difett proċedurali li jivvizzja d-deċiżjonijiet kontenzjużi, fil-punt 46 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali rrilevat, li l-osservazzjonijiet ta’ Tulliallan Burlington kienu debitament ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istanzi tal-EUIPO u, għaldaqstant, ċaħdet l-ilment bħala infondat.

35

Fir-rigward tat-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali l-ewwel ċaħdet l-argument ta’ Tulliallan Burlington ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u dak ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ. B’mod partikolari, hija kkunsidrat, fil-punt 53 tas-sentenzi appellati, li Tulliallan Burlington kienet effettivament f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

36

F’dan ir-rigward, fil-punti 54 u 55 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li għalkemm quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell Tulliallan Burlington ma żviluppatx l-ilment li hija stess kienet invokat matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, dan il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma talabx lill-partijiet għal osservazzjonijiet addizzjonali dwar dan.

37

Fit-tieni lok, wara li fil-punti 56 sa 58 tas-sentenzi appellati fakkret il-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u dik dwar l-oneru tal-prova, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li Tulliallan Burlington ma kinitx ipprovdiet il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti prova li l-kundizzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kienu debitament issodisfatti, peress li quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell, kulma għamlet Tulliallan Burlington kien li ddikjarat li hija kienet qed iżżomm l-argumenti ppreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

38

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni motiv billi kkunsidrat li r-Raba’ Bord tal-Appell ġustament kien qies li Tulliallan Burlington ma kinitx tat prova li l-kundizzjonijiet sabiex jiġu bbażati l-azzjonijiet kontra l-abbuż mid-denominazzjoni kienu debitament issodisfatti.

39

Fir-rigward tat-tielet motiv, wara li fakkret il-ġurisprudenza dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, fil-punti 66 sa 68 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-Raba’ Bord tal-Appell kien, ġustament, qies li l-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni ma kinux simili għas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti u koperti mill-klassijiet 35 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ din il-klassi 35, fil-punt 70 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali fakkret li l-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet li, għas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut, kien neċessarju li l-prodotti offruti għall-bejgħ ikunu speċifikati sew. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-sentenza Praktiker (punt 50) u għas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2008, Oakley vs UASI – Venticinque (O STORE) (T‑116/06, EU:T:2008:399, punt 44).

40

Issa, skont il-Qorti Ġenerali, fin-nuqqas li jiġu indikati l-prodotti li jistgħu jinbiegħu fid-diversi ħwienet li jifformaw ċentru kummerċjali bħall-gallerija Burlington Arcade, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit xebh jew komplementarjetà bejn is-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti u l-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni. Minn dan, fil-punt 72 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-argument ta’ Tulliallan Burlington li, għas-servizzi ta’ ċentru kummerċjali, ma huwiex meħtieġ li l-prodotti kkonċernati jkunu speċifikati għandu jiġi miċħud peress li, meqjus il-kliem tal-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, il-kunċett ta’ “servizz ta’ bejgħ bl-imnut”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Praktiker, jinkludi wkoll is-servizzi ta’ bejgħ ipprovduti minn ċentru kummerċjali.

41

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 74 tas-sentenzi appellati, li waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx issodisfatta u li, għaldaqstant, it-tielet motiv kellu jiġi miċħud u r-rikorsi kellhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

42

Permezz tal-appelli tagħha, Tulliallan Burlington titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenzi appellati sa fejn jiċħdu r-rikorsi tagħha kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi;

tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi jew, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawżi lill-Qorti Ġenerali biex jinqatgħu skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-EUIPO kif ukoll lil Burlington Fashion għall-ispejjeż.

43

L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenzi appellati sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u t-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi bin-Numri 2314342, 2314343 u 2330341;

tiċħad l-appelli għall-bqija, u

tikkundanna lil kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

44

Burlington Fashion titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli fl-intier tagħhom u

tikkundanna lil Tulliallan Burlington tbati l-ispejjeż sostnuti minn Burlington Fashion quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell.

45

B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2018, il-kawżi ngħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq l-appelli

46

Insostenn tal-appelli tagħha, Tulliallan tinvoka tliet aggravji, identiċi fl-erba’ kawżi inkwistjoni, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament, u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

47

L-ewwel aggravju mqajjem minn Tulliallan Burlington huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar l-oppożizzjoni bbażata fuq ħsara għar-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti.

48

Dan l-aggravju jinqasam essenzjalment fi tliet partijiet.

49

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, Tulliallan Burlington tqis li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi dwar in-natura u l-portata ta’ din ir-reputazzjoni, il-Qorti Ġenerali messha, billi bbażat ruħha fuq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi esposti fis-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 42), iddeċidiet li l-pubbliku jagħmel konnessjoni bejn it-trade marks preċedenti u t-trade marks li għalihom issir applikazzjoni.

50

Fil-fatt, is-servizzi ta’ ċentru kummerċjali jeħtieġu interazzjoni mal-konsumaturi finali tal-prodotti mibjugħa fil-ħwienet. Il-bejjiegħa bl-imnut taċ-ċentru kummerċjali u l-prodotti tagħhom jiksbu prestiġju minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom maċ-ċentru kummerċjali Burlington Arcade u l-konsumatur jassoċja t-trade marks preċedenti mal-provvista ta’ prodotti ta’ lussu, bħal, b’mod partikolari, il-ġojjellerija, il-prodotti tal-ġilda jew ukoll il-fwejjaħ.

51

Issa, minflok ma kkonstatat l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks preċedenti u t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-dannu kkawżat lill-karattru distintiv u l-vantaġġ miksub indebitament minnu.

52

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, dwar it-tidjif tal-karattru distintiv u tal-vantaġġ miksub indebitament minnu, Tulliallan Burlington tqis li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 36 sa 44 tas-sentenzi appellati, li hija ma kinitx ipproduċiet prova ta’ tali tidjif jew ta’ tali vantaġġ fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata.

53

Issa, l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 44 u 45 tas-sentenzi appellati, huwa, b’mod żbaljat, iktar eżiġenti minn dak meħtieġ mill-ġurisprudenza. Għalhekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade marks tal-ħwienet taċ-ċentru kummerċjali minkejja li din hija irrilevanti. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li t-terminu “Burlington” kien ukoll l-isem ta’ postijiet oħra magħrufa ħafna filwaqt li ma kellha ebda prova dwar l-eventwali reputazzjoni ta’ dawn il-postijiet, u dan kien iwassalha sabiex teżiġi livell ta’ prova impossibbli li jintlaħaq. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kkonformatx ruħha mal-approċċ żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C‑252/07, EU:C:2008:655).

54

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti li kienu prodotti quddiemha u quddiem ir-Raba’ l-Bord tal-Appell, li kienu biżżejjed fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 7677), u tal-14 ta’ Novembru 2013, Environmental Manufacturing vs UASI (C‑383/12 P, EU:C:2013:741, punt 43).

55

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Tulliallan Burlington tirrepeti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wieħed mill-motivi li hija kienet ressqet insostenn tar-rikorsi tagħha għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, li skontu r-Raba’ Bord tal-Appell, u issa l-Qorti Ġenerali, ma ħax inkunsiderazzjoni l-argumenti li kienu tressqu quddiemu.

56

Burlington Fashion titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

57

Hija tqis, fir-rigward tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju, li Tulliallan Burlington ma spjegatx ir-raġuni għalfejn hemm riskju ta’ vantaġġ indebitu jew ta’ dannu fir-rigward tal-prodotti fil-klassijiet 3, 14 u 18, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Minn naħa, il-karattru uniku tat-trade marks preċedenti ma jistax jiġi aċċettat sa fejn sinjal identiku jew li jixxiebah kien ukoll użat minn Burlington Fashion għal żmien twil b’rabta ma’ firxa ta’ prodotti differenti. Min-naħa l-oħra, Tulliallan Burlington lanqas ma pproduċiet prova dwar ir-rabta bejn is-sinjali protetti mit-trade marks preċedenti u ċ-ċentru kummerċjali Burlington Arcade.

58

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li imponiet fuq Tulliallan Burlington standard ta’ prova ogħla minn dak li jirriżulta mill-ġurisprudenza. Fil-fehma ta’ din tal-aħħar, il-parti li topponi għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żewġ kundizzjonijiet awtonomi, jiġifieri, minn naħa, it-tixrid tal-immaġni u tal-identità tat-trade mark li għandha reputazzjoni fil-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat, u, min-naħa l-oħra, il-bidla fl-aġir ekonomiku ta’ dan il-pubbliku. Issa, il-Qorti Ġenerali affermat b’mod korrett, fil-konklużjonijiet tagħha fformulati fil-punt 43 tas-sentenzi appellati, li Tulliallan Burlington ma kinitx ipproduċiet quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell jew quddiem il-Qorti Ġenerali provi suffiċjenti sabiex turi li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti.

59

L-EUIPO jqis li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

60

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-EUIPO jsostni li l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment espliċitu għall-ġurisprudenza rilevanti dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti. Filwaqt li rreferiet għas-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C‑252/07, EU:C:2008:655), il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkunsidrat, essenzjalment, li l-fatt li trade mark preċedenti tgawdi minn reputazzjoni kbira ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-prova li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb jew jirriskja li jinkiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew jikkawżalha jew jista’ jikkawżalha dannu. Il-Qorti Ġenerali ġustament enfasizzat li huwa wkoll il-proprjetarju tagħha li għandu juri li l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi offruti mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti seta’ jew jista’ jinbidel minħabba l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

61

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-EUIPO jqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett li Tulliallan Burlington ma kinitx ipproduċiet provi suffiċjenti sabiex turi tali riskju u li r-rekwiżiti fil-qasam tal-prova mitluba mill-Qorti Ġenerali ma humiex għoljin wisq inkwantu din ikkonformat ruħha strettament mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, Tulliallan Burlington issostni li, fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk kinitx teżisti rabta bejn it-trade marks preċedenti, li hija rrikonoxxiet bħala li għandhom reputazzjoni, u t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni meta l-eżistenza ta’ tali rabta hija kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi kkaratterizzata l-ħsara għat-trade marks preċedenti, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

63

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħsara għat-trade marks li għandhom reputazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u sussegwenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn dawn it-trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx.

64

Fin-nuqqas ta’ rabta bħal din f’moħħ il-pubbliku, l-użu tat-trade mark sussegwenti ma huwiex tali li jista’ jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew li jkun ta’ detriment għalihom (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 31).

65

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-eżistenza ta’ tali rabta ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi konkluż li teżisti waħda mill-ħsarat imsemmija fl-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, li jikkostitwixxu l-kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni tat-trade marks li għandhom reputazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 32).

66

L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks preċedenti u t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni, it-tieni nett, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, it-tielet nett, il-probabbiltà li l-użu mingħajr raġuni xierqa tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta f’vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew jikkawżalhom dannu. Peress li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex tipprekludi l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

67

F’dan il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali qabelxejn ikkonstatat, fil-punt 35 tas-sentenzi appellati, li Tulliallan Burlington tista’ tinvoka l-protezzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti għas-servizzi koperti mir-reġistrazzjonijiet li jaqgħu fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice. Sussegwentement, fil-punt 36 tas-sentenzi tagħha, il-Qorti Ġenerali rrilevat li fid-deċiżjonijiet kontenzjużi r-Raba’ Bord tal-Appell kien qies li ma kienx hemm rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti u li Tulliallan Brulington ma kinitx tat prova li l-użu tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni ppermetta li jinkiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew li jista’ jikkawżalhom dannu. Issa, mingħajr ma evalwat jekk kinitx teżisti rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, il-Qorti Ġenerali għaddiet direttament għall-analiżi tat-tielet kundizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu, jiġifieri dik dwar id-diversi riskji ta’ ħsara.

68

Wara li fil-punti 37 sa 42 tas-sentenzi appellati fakkret il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, fil-punti 43 sa 45 ta’ dawn is-sentenzi llimitat ruħha li sempliċement tivvalida d-deċiżjonijiet kontenzjużi billi kkunsidrat, essenzjalment, li l-provi prodotti minn Tulliallan Burlington ma kinux suffiċjenti sabiex juru li l-użu tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni inaqqas l-attrattività tat-trade marks preċedenti.

69

Kif tfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 hija suġġetta għall-issodisfar ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi, b’tali mod li n-nuqqas ta’ ssodisfar ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex jipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

70

Minn dan isegwi li, fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, teżamina, fl-ewwel lok, jekk, billi titlaq mill-premessa li l-konsumaturi jistabbilixxu rabta bejn it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti, ikunx jeżisti riskju li l-użu ta’ dawn tal-ewwel iwassal sabiex jinkiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-tieni jew jikkawżalhom dannu. Billi kkonstatat l-assenza ta’ tali riskju, hija eskludiet ukoll in-neċessità li tiġi eżaminata n-natura eżatta tal-premessa li fuqha hija bbażat ruħha, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks preċedenti u t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni.

71

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala li ma hijiex fondata.

72

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Tulliallan Burlington essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju li l-użu mingħajr raġuni tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, jew jikkawżalhom dannu, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

73

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, minn naħa, li l-ħsara li kontriha l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jiżgura l-protezzjoni favur trade marks li għandhom reputazzjoni hija, fl-ewwel lok, id-dannu għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, fit-tieni lok, id-dannu għar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u, fit-tielet lok, il-vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 27).

74

Wieħed minn dawn it-tliet tipi ta’ ħsara waħdu huwa biżżejjed sabiex l-imsemmija dispożizzjoni tkun applikabbli (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 28).

75

Min-naħa l-oħra, għalkemm il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat juri l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa għandu madankollu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm riskju serju li tali ħsara sseħħ fil-futur (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 38).

76

L-eżistenza ta’ waħda mill-ħsarat inklużi fl-imsemmija dispożizzjoni jew riskju serju li tali ħsara sseħħ fil-futur għandha tiġi evalwata b’mod globali, b’tali mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll in-natura u l-grad ta’ qrubija tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 68).

77

Fir-rigward b’mod aktar partikolari tad-dannu kkawżat lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, imsejjaħ ukoll “tidjif”, “tnaqqir” jew “ċajpir”, dan id-dannu jseħħ meta tiddgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata u użata bħala provenjenti mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, bl-użu tat-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u mill-influwenza tagħha fuq il-pubbliku. Dan huwa partikolarment il-każ meta t-trade mark preċedenti, li kienet tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom hija rreġistrata, ma tkunx għadha f’pożizzjoni li tagħmel dan (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 29).

78

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-prova li l-użu tat-trade mark sussegwenti huwa jew jista’ jkun ta’ dannu għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti tippreżupponi li jintwera tibdil fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata wara l-użu tat-trade mark sussegwenti jew riskju serju li tibdil bħal dan iseħħ fil-futur (sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punt 77).

79

F’dan il-każ, fil-punt 43 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti la kienet ipproduċiet quddiem il-Bord tal-Appell u lanqas quddiemha elementi koerenti li jippermettu li jiġi konkluż li l-użu tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni “jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti”, fejn irreferiet għal wieħed biss mit-tliet tipi ta’ ħsara, imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

80

Il-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni għal din il-konstatazzjoni, fil-punt 44 tas-sentenzi appellati, billi ddikjarat li r-rikorrenti ma kinitx “[ipprovdiet] elementi speċifiċi li jistgħu jsostnu l-fatt li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jnaqqas l-attrazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha”.

81

Issa, minn naħa, ir-riferiment ambigwu tal-Qorti Ġenerali għal eventwali tnaqqis tal-“attrattività” tat-trade marks preċedenti ma huwiex ta’ natura li jikkonferma b’ċertezza li din effettivament evalwat l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ riskju ta’ tali tnaqqis ma tistax, fi kwalunkwe każ, turi l-assenza ta’ riskju ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, fis-sens tal-istess dispożizzjoni.

82

Fil-punt 45 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali żiedet li “il-fatt li suġġett ekonomiku ieħor jista’ jkun awtorizzat juża trade mark li tinkludi l-kelma ‘burlington’, għal prodotti li jixbhu dawk għall-bejgħ fiċ-ċentru kummerċjali ta’ Londra tar-rikorrenti, ma huwiex ta’ natura, fih innifsu, li jaffettwa, f’għajnejn il-konsumatur medju, l-attrazzjoni kummerċjali ta’ dan il-post.”

83

Madankollu, din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, anki jekk jitqies li hija eżatta, ma tirrigwarda direttament l-ebda wieħed mit-tliet tipi ta’ ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Dawn ma jirreferux għall-“attrattività kummerċjali” ta’ post kopert minn trade mark preċedenti, iżda r-riskju li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark preċedenti, jew li jkun ta’ dannu għalihom.

84

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx il-provi prodotti minn Tulliallan Burlington insostenn tal-motiv ta’ oppożizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, fid-dawl tal-kriterji previsti minn din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi.

85

Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija fondata. Konsegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tielet parti tal-ewwel aggravju, hemm lok li dan l-aggravju jintlaqa’.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

86

It-tieni aggravju invokat insostenn tal-appelli jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tad-dritt għal smigħ u t-tieni parti fuq ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-azzjoni kontra l-abbuż mid-denominazzjoni.

87

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, Tulliallan Burlington tirrileva li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni evalwat il-validità tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni biss abbażi tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea u fid-dawl tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

88

Issa, Tulliallan Burlington, li kienet ukoll ressqet raġunijiet ta’ oppożizzjoni bbażati fuq l-Artikolu 8(1) u (4) ta’ dan ir-regolament, żammet ir-raġunijiet ta’ oppożizzjoni kollha tagħha quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell. Fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Settembru 2015 dan esprima l-intenzjoni tiegħu li jeżamina l-każijiet ukoll fuq il-bażi tat-trade mark preċedenti Brittanika Nru 2314343, billi stieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-trade mark, iżda mingħajr ma semma r-raġunijiet l-oħra ta’ eżami u mingħajr ma stieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet fuq raġuni oħra.

89

Tulliallan Burlington għalhekk tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma rrikonoxxietx li r-Raba’ Bord tal-Appell messu stieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-punt 54 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali affermat li dan ir-Raba’ Bord tal-Appell ma kienx obbligat li jitlob lill-partijiet jipprovdu osservazzjonijiet addizzjonali, ħaġa li tmur kontra d-dritt għal smigħ, ħlief jekk tingħata deċiżjoni biss dwar il-kwistjoni relatata mal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament.

90

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, Tulliallan Burlington tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli fil-punt 62 tas-sentenzi appellati ddeċidiet li hija ma kinitx ipproduċiet il-prova li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 kienu ssodisfatti. B’mod iktar preċiż, hija tikkritikaha li wettqet żball fil-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tal-provi li kellu r-Raba’ Bord tal-Appell dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

91

L-EUIPO u Burlington Fashion jitolbu li t-tieni aggravju mqajjem insostenn tal-appelli jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, Tulliallan Burlington tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret id-dritt għal smigħ tagħha inkwantu ma rrikonoxxietx li r-Raba’ Bord tal-Appell kellu jistieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn huwa kellu l-intenzjoni li jittratta din il-kwistjoni, b’differenza mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO.

93

Mill-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-EUIPO jistgħu biss ikunu bbażati fuq raġunijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi d-dritt għal smigħ fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

94

Dan id-dritt jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jifformaw il-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni beħsiebha tadotta (digriet tat-8 ta’ Settembru 2015, DTL Corporación vs UASI, C‑62/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:568, punt 45). Huwa lanqas ma jirrikjedi li, qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni finali tiegħu fuq l-evalwazzjoni tal-provi prodotti minn parti, il-Bord tal-Appell tal-EUIPO jkun marbut li joffri lil din tal-aħħar possibbiltà ġdida li tesprimi ruħha dwar l-imsemmija l-elementi (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2012, UASI vs Nike International, C‑53/11 P, EU:C:2012:27, punt 53). Barra minn hekk, parti, li hija stess tkun ipproduċiet il-punti ta’ fatt u l-provi inkwistjoni, kienet, ipotetikament, kompletament f’pożizzjoni li, fl-okkażjoni tal-imsemmija produzzjoni, tesponi l-eventwali rilevanza li dawn għandhom għas-soluzzjoni tat-tilwima (digriet tal-4 ta’ Marzu 2010, Kaul vs UASI, C‑193/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:121, punt 66).

95

F’dan il-każ, kienet Tulliallan Burlington stess li invokat, bħala waħda mir-raġunijiet għall-oppożizzjonijiet tagħha, l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u f’dan ir-rigward hija setgħet tippreżenta l-argumenti u l-provi li hija qieset rilevanti.

96

Fil-fatt, fil-punt 53 tas-sentenzi appellati l-Qorti Ġenerali osservat li mill-proċess fil-kawża inkwistjoni jirriżulta li, matul il-proċedimenti quddiem l-istanzi tal-EUIPO, Tulliallan Burlington kienet effettivament f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Tulliallan Burlington ma tikkontestax din id-dikjarazzjoni u tirrikonoxxi hija stess, fl-appelli tagħha, li, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-20 ta’ Frar 2014 ippreżentati quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell, hija kienet iddikjarat li hija kienet qiegħda żżomm kull waħda mir-raġunijiet ta’ oppożizzjoni tagħha, inkluża dik li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

97

Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 57), permezz tal-effett tal-appell adit bih, il-Bord tal-Appell huwa mitlub iwettaq eżami ġdid u komplut tal-mertu tal-oppożizzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt. Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kien obbligat iwettaq eżami ġdid tar-raġunijiet kollha ta’ oppożizzjoni invokati minn Tulliallan Burlington, fosthom, b’mod partikolari, dak ibbażat fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, din tal-aħħar setgħet tressaq, fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, kull argument addizzjonali li hija kienet tqis rilevanti fir-rigward ta’ din ir-raġuni ta’ oppożizzjoni, mingħajr ma kien neċessarju li hija tiġi mistiedna tagħmel dan b’mod espress mill-Bord tal-Appell.

98

Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet, ġustament, li r-Raba’ Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li ma talabx lill-partijiet jipprovdu osservazzjonijiet addizzjonali dwar dan is-suġġett.

99

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

100

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, Tulliallan Burlington tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-provi prodotti insostenn tal-oppożizzjoni tagħha bbażata fuq l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.

101

Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma hijiex, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi li, bħala tali, huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2019, Outsource Professional Services vs EUIPO, C‑528/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:961, punt 47).

102

Barra minn hekk, tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Huwa l-appellant li għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u li għandu juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wassluha għal dan l-iżnaturament (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2019, Outsource Professional Services vs EUIPO, C‑528/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:961, punt 48).

103

Tulliallan Burlington issostni, essenzjalment, illi li kieku l-Qorti Ġenerali kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-provi prodotti bil-mod kif tirrakkomanda, din kien ikollha tikkonkludi li l-abbuż mid-denominazzjoni kien ġie stabbilit. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-mod, Tulliallan Burlington sempliċement tikkritika l-evalwazzjoni ta’ natura fattwali magħmula fis-sentenzi appellati u ma tipproduċi ebda prova li turi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti jew il-provi rilevanti.

104

Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju mqajjem insostenn tal-appelli għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

106

It-tielet aggravju invokat insostenn tal-appelli huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Dan l-aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.

107

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, Tulliallan Burlington targumenta li fis-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit li jirriżulta mis-sentenza Praktiker li l-applikant għal trade mark li tindika servizzi ta’ bejgħ bl-imnut għandu jippreċiża t-tip ta’ prodotti kkonċernati minn dawn is-servizzi, ma japplikax għat-trade marks li kienu ġew irreġistrati qabel din is-sentenza. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750) għandha tapplika wkoll, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għall-applikazzjonijiet għal trade marks li kienu ġew ippubblikati fid-data tas-sentenza Praktiker kif ukoll għal dawk li kienu diġà ġew ippreżentati mingħajr talba għal emenda maħruġa mill-EUIPO. Għalhekk, is-sentenza Praktiker ma hija applikabbli għal ebda waħda mit-trade marks preċedenti, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati.

108

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, Tulliallan Burlington issostni li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, wettqet żball ta’ analiżi tas-sentenza Praktiker. Il-portata ta’ din is-sentenza hija limitata ħafna sa fejn tikkonċerna speċifikament biss il-prodotti koperti mis-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u ma tistax tapplika għal trade marks li jkopru servizzi ta’ ċentru kummerċjali.

109

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, Tulliallan Burlington tqis li, minkejja li t-trade marks preċedenti effettivament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sentenza Praktiker, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li din is-sentenza kienet neċessarjament tipprekludi li jiġi konkluż li jeżisti xebh bejn is-sinjali. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza ma timponix tali limitazzjoni inkwantu tagħti sempliċement indikazzjonijiet dwar għamla ta’ reġistrazzjoni li tiffaċilita l-analiżi ta’ xebh li joħloq konfużjoni, iżda ma tipprekludix lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti milli jinvoka l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward ta’ reġistrazzjoni sussegwenti simili tant li toħloq konfużjoni.

110

Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, Tulliallan Burlington targumenta li, billi interpretat is-sentenza Praktiker b’mod żbaljat, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni jew li tirrinvija l-kawżi quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell sabiex dan ikun jista’ jevalwa din il-probabbiltà.

111

Burlington Fashion tqis li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

112

L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Tulliallan Burlington, is-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti tabilħaqq jidħlu fil-kategorija ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut”. Il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li dawn is-servizzi jaqgħu taħt din il-kategorija.

113

It-tieni nett, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750) ma tippermettix li tiġi invalidata l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, esposta fil-punt 71 tas-sentenzi appellati. Minn naħa, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sentenza Praktiker kienet tapplika biss għat-trade marks irreġistrati qabel id-data tal-għoti tagħha, li ma huwiex il-każ tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, anki jekk is-sentenza Praktiker ma hijiex direttament applikabbli għat-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi, fis-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750) il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

114

L-EUIPO jqis li ċerti argumenti li jaqgħu taħt it-tielet aggravju huma fondati, iżda biss għat-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi, bl-esklużjoni tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea.

115

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn applikat is-sentenza Praktiker filwaqt li l-ġurisprudenza li rriżultat minn din is-sentenza ma kinitx rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawżi inkwistjoni fir-rigward tat-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi. L-EUIPO jirrileva, f’dan ir-rigward, li fis-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li mis-sentenza Praktiker jirriżulta li l-portata tal-protezzjoni ta’ trade mark irreġistrata qabel l-għoti ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi affettwata mill-ġurisprudenza li tirriżulta minnha sa fejn din tal-aħħar tirrigwarda biss l-applikazzjonijiet ġodda għal reġistrazzjoni.

116

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet espliċitament kull effett retroattiv tas-sentenza Praktiker għat-trade marks diġà rreġistrati qabel id-data tal-għoti tagħha. F’dawn il-kawżi, it-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi kienu ġew irreġistrati matul is-sena 2003, jiġifieri ħafna qabel l-għoti ta’ din is-sentenza mogħtija fis-7 ta’ Lulju 2005.

117

Issa, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati li jikkonkludu li l-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni u s-servizzi ta’ ċentri kummerċjali ma humiex simili huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Praktiker tapplika f’dan il-każ.

118

Għaldaqstant, l-EUIPO jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat il-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza għat-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi.

119

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali injorat ukoll it-talbiet ta’ prova tal-użu tat-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi. L-EUIPO jirrileva, fl-ewwel lok, li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet laqgħet l-oppożizzjonijiet abbażi biss tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea u kienet qieset li, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, eżami tal-provi tal-użu ppreżentati għal dawn it-tliet trade marks ma kienx neċessarju. Fit-tieni lok, l-EUIPO josserva li, mingħajr ma eżamina t-talbiet għal prova ta’ dan l-użu, ir-Raba’ Bord tal-Appell annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u dan billi kkonstata, mingħajr ma pprovda preċiżazzjoni, li l-prodotti kkontestati ma kinux simili għas-servizzi ta’ ċentru kummerċjali li jaqgħu fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

120

Issa, eżami tat-talbiet għal provi tal-użu kien eventwalment jippermetti li jiġu ddeterminati l-prodotti speċifiċi li huma s-suġġett tas-“servizzi ta’ ċentru kummerċjali/servizz ta’ bejgħ bl-imnut” ipprovduti minn Tulliallan Burlington taħt it-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi. Il-portata eżatta ta’ dawn it-tliet trade marks preċedenti setgħet tiġi ddeterminata sa fejn il-prodotti speċifiċi koperti mis-servizzi ta’ ċentru kummerċjali setgħu jiġu ddeterminati. Dan jirriżulta kemm mill-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll mis-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus (C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punt 50).

121

Minn dan isegwi li, billi naqas milli jeżamina l-provi tal-użu tat-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi, filwaqt li ċaħad ir-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba n-nuqqas ta’ xebh tal-prodotti, ir-Raba’ Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali rriproduċiet ukoll. L-EUIPO jqis, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea.

122

L-EUIPO jitlob li l-argumenti l-oħra jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

123

Permezz tad-diversi partijiet tat-tielet aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, Tulliallan Burlington tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi, sa fejn din, b’mod żbaljat, ibbażat ruħha fuq is-sentenza Praktiker sabiex fil-punt 71 tas-sentenzi appellati tikkunsidra li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit xebh jew komplementarjetà bejn is-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti u l-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret applikazzjoni.

124

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fir-rigward tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut li jaqgħu fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta’ prodotti lill-konsumaturi. Din l-attività tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għażla ta’ taħlita ta’ prodotti mqiegħda għall-bejgħ u fl-offerta ta’ diversi servizzi intiżi sabiex iwasslu lill-konsumatur sabiex jikkonkludi l-imsemmi att (ara f’dan is-sens is-sentenza Praktiker, punt 34).

125

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li n-nota ta’ spjegazzjoni dwar il-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice tippreċiża li din il-klassi tinkludi, b’mod partikolari, il-ġbir flimkien għan-nom ta’ terzi ta’ diversi prodotti, bl-eċċezzjoni tat-trasport tagħhom, li jippermetti lill-klijenti li jarawhom u jixtruhom b’mod faċli. Dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn ħwienet bl-imnut, minn ħwienet bl-ingrossa, permezz ta’ magni awtomatiċi tal-bejgħ, ta’ katalgi ta’ ordni bil-posta jew permezz ta’ midja elettronika, pereżempju permezz ta’ siti web jew programmi tax-xiri fuq it-televiżjoni.

126

Minn din in-nota ta’ spjegazzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” jirreferi għal tliet karatteristiċi essenzjali, jiġifieri, l-ewwel nett, li dawn is-servizzi għandhom bħala għan il-bejgħ ta’ oġġetti lill-konsumaturi, it-tieni nett, li huma pprovduti lill-konsumatur sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jara u jixtri dawn l-oġġetti b’mod faċli, u, it-tielet nett, li huma jiġu pprovduti għan-nom ta’ terzi.

127

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” ikopri servizzi li immirati għall-konsumatur u li, għan-nom tan-negozji li jokkupaw il-ħwienet ta’ ċentru kummerċjali, jiġbru flimkien prodotti differenti f’firxa ta’ ħwienet li jippermettu lill-konsumatur jarahom u jixtrihom b’mod faċli kif ukoll li joffru diversi servizzi distinti mill-att ta’ bejgħ, intiżi sabiex iwasslu lil dan il-konsumatur jixtri l-prodotti mibjugħa f’dawn il-ħwienet.

128

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif il-Qorti Ġenerali stess iddeċidiet ġustament fil-punt 32 tas-sentenzi appellati, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Praktiker ma tippermettix li jiġi affermat li s-servizzi pprovduti miċ-ċentri kummerċjali huma, mid-definizzjoni tagħhom, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” iddefinit fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

129

Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, ġustament, fil-punt 33 tas-sentenzi appellati, li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Praktiker tipprekludi l-argument li s-servizzi ta’ ċentru kummerċjali huma essenzjalment limitati għal servizzi ta’ kiri u ta’ ġestjoni ta’ proprjetà immobbli. Hija ssostni, fil-fatt, li l-kunċett ta’ “diversi servizzi”, kif imsemmi fl-imsemmi punt tas-sentenza Praktiker, jinkludi neċessarjament is-servizzi organizzati minn ċentru kummerċjali sabiex tinżamm l-attrattività u l-vantaġġi prattiċi ta’ tali post kummerċjali, peress li l-għan huwa li l-klijenti interessati fi prodotti diversi jitħallew jarawhom u li jixtruhom b’mod faċli f’firxa ta’ ħwienet.

130

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tiddeċiedi, fil-punt 34 tas-sentenzi appellati, li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” jinkludi s-servizzi pprovduti minn ċentru kummerċjali għall-konsumatur sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jara u jixtri dawn l-oġġetti b’mod faċli u għall-benefiċċju tan-negozji li jokkupaw iċ-ċentru kkonċernat.

131

Fil-punti 70 u 71 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet li, għas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut, kien neċessarju li l-prodotti offruti għall-bejgħ ikunu speċifikati sew. Minn dan hija ddeduċiet li l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni preċiża dwar il-prodotti li jistgħu jinbiegħu fid-diversi ħwienet li flimkien jagħmlu ċentru kummerċjali bħal Burlington Arcade tipprekludi kwalunkwe assoċjazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-prodotti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u d-definizzjoni mogħtija, f’dan il-każ, minn Tulliallan Burlington dwar il-prodotti ta’ lussu ma hijiex suffiċjenti sabiex tippreċiża liema prodotti huma kkonċernati. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ tali preċiżjoni, skont il-Qorti Ġenerali ma huwiex possibbli jiġi stabbilit xebh jew komplementarjetà bejn is-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti u l-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni.

132

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tkopri servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut, ma huwiex neċessarju li jiġi indikat b’mod konkret is-servizz jew is-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal din ir-reġistrazzjoni, iżda, min-naħa l-oħra, l-applikant għandu jkun meħtieġ li jispeċifika l-prodotti jew it-tipi ta’ prodotti kkonċernati minn dawn is-servizzi (sentenza Praktiker, punti 49 u 50).

133

Madankollu, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Praktiker tirrigwarda biss l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks u ma tikkonċernax il-protezzjoni tat-trade marks irreġistrati fid-data tal-għoti tal-imsemmija sentenza (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2017, EUIPO vs Cactus, C‑501/15 P, EU:C:2017:750, punt 45). Sa fejn, f’dan il-każ, it-tliet trade marks preċedenti Brittaniċi ta’ Tulliallan Burlington, invokati minn din tal-aħħar insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, ġew irreġistrati qabel id-data tal-għoti tas-sentenza Praktiker, dawn ma kinux, fi kwalunkwe każ, ikkonċernati mill-obbligu li jirriżulta minn din is-sentenza.

134

Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza Praktiker imsemmija fil-punt 132 ta’ din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li, meta trade mark li tkopri s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut, irreġistrata wara l-għoti tagħha, tiġi invokata insostenn tar-raġuni ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, din ir-raġuni ta’ oppożizzjoni tista’ qabelxejn tiġi miċħuda bis-sempliċi invokazzjoni tal-assenza ta’ kull indikazzjoni preċiża dwar il-prodotti li jistgħu jkunu kkonċernati mis-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut koperti mit-trade mark preċedenti.

135

Li wieħed jipproċedi b’dan il-mod ikun jimplika li t-trade mark preċedenti tiġi mċaħħda mill-kapaċità li tiġi invokata fl-oppożizzjoni sabiex tiġi mxekkla r-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika jew li tixxiebah għal prodotti jew servizzi simili u, konsegwentement, li jiġi rrifjutat li jiġi rrikonoxxut lilha kull karattru distintiv, minkejja li din it-trade mark tkun għadha rreġistrata u l-invalidità tagħha, għal waħda mir-raġunijiet previsti fir-Regolament Nru 207/2009, ma ġietx ippronunzjata.

136

Barra minn hekk, kif essenzjalment jirrileva l-EUIPO, huwa possibbli, permezz ta’ talba intiża sabiex tinkiseb il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jiġu ddeterminati l-prodotti preċiżi koperti mis-servizzi li għalihom intużat it-trade mark preċedenti u, għaldaqstant, skont l-aħħar sentenza ta’ dan il-paragrafu, li għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni biss dawn il-prodotti.

137

Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi fil-punt 71 tas-sentenzi appellati kkonstatat li l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni preċiża dwar il-prodotti li jistgħu jinbiegħu fid-diversi ħwienet li jifformaw ċentru kummerċjali bħal dak imsemmi fit-trade marks preċedenti kienet tipprekludi kull assoċjazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-kumplament tal-argument ta’ Tulliallan Burlington, it-tielet aggravju għandu jintlaqa’.

Fuq ir-rikorsi fl-ewwel istanza

138

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tista’, f’każ ta’ annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’dawn l-erba’ kawżi.

139

Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, Tulliallan Burlington tilmenta, essenzjalment, li r-Raba’ Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

140

B’mod partikolari, ir-Raba’ Bord tal-Appell wettaq żball ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” li jindika parti mis-servizzi inklużi fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u li għaliha r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma kinitx ġiet ipprovata.

141

Barra minn hekk, permezz tat-tielet motiv ta’ dan ir-rikors, Tulliallan Burlington essenzjalment tikkritika lir-Raba’ Bord tal-Appell li kiser l-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għar-raġuni, b’mod partikolari, li dan naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumaturi fil-mira tas-servizzi taċ-ċentru kummerċjali tagħha huma l-istess bħal dawk fil-mira tal-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni.

142

Fil-punt 18 tad-deċiżjonijiet kontenzjużi r-Raba’ Bord tal-Appell ikkunsidra li l-attività ta’ Tulliallan Burlington ma għandhiex rabta ma’ attività ta’ bejgħ bl-imnut u tikkonsisti biss fil-kiri ta’ ħwienet u ta’ uffiċċji fiċ-ċentru kummerċjali tagħha. Minn dan huwa kkonkluda li Tulliallan Burlington tipprovdi biss servizzi ta’ ġestjoni ta’ proprjetà immobbli lill-klijenti tagħha u mhux servizzi ta’ bejgħ bl-imnut.

143

F’dan ir-rigward, mill-punti 124 sa 127 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” jinkludi, b’mod partikolari, is-servizzi pprovduti minn ċentru kummerċjali għall-konsumatur sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jara u jixtri b’mod faċli u għall-benefiċċju tan-negozji li jokkupaw iċ-ċentru kkonċernat.

144

Minn dan jirriżulta li, billi adotta definizzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut” u billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li Tulliallan Burlington kienet tipprovdi tali servizzi, ir-Raba’ Bord tal-Appell, minn naħa, wettaq żball ta’ liġi sa fejn ta portata restrittiva wisq lil dan il-kunċett, u, min-naħa l-oħra, ma kklassifikax l-elementi fattwali b’mod korrett.

145

Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel u t-tielet motivi tar-rikorsi jintlaqgħu u li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jiġu annullati, u dan mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikorsi.

Fuq l-ispejjeż

146

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

147

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

148

Peress li Tulliallan Burlington talbet li l-EUIPO u Burlington Fashion jiġu kkundannati għall-ispejjeż, u peress li dawn tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom u li jbatu, f’ishma ndaqs, l-ispejjeż sostnuti minn Tulliallan Burlington kemm fir-rigward tal-proċeduri tal-ewwel istanza fil-Kawżi T‑120/16 sa T‑123/16 kif ukoll dawk tal-appelli.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (Burlington) (T‑120/16, EU:T:2017:873), tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (BURLINGTON THE ORIGINAL) (T‑121/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:872), tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (Burlington) (T‑122/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:871), u tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (BURLINGTON), T‑123/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:870), huma annullati.

 

2)

Id-deċiżjonijiet tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-11 ta’ Jannar 2016 (Każijiet R 94/2014‑4, R 2501/2013‑4, R 2409/2013‑4 u R 1635/2013‑4), dwar erba’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Tulliallan Burlington Ltd u Burlington Fashion GmbH, huma annullati.

 

3)

Burlington Fashion GmbH u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, l-ispejjeż sostnuti minn Tulliallan Burlington Ltd kemm fir-rigward tal-proċeduri tal-ewwel istanza fil-Kawżi T‑120/16 sa T‑123/16 kif ukoll dawk tal-appelli, f’ishma ndaqs.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top