This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0122
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 28 January 2020.#European Commission v Italian Republic.#Failure of a Member State to fulfil obligations — Directive 2011/7/EU — Combating late payment in commercial transactions — Commercial transactions where the debtor is a public authority — Obligation of Member States to ensure that the period for payment imposed on public authorities does not exceed 30 or 60 days — Obligation to achieve a specified result.#Case C-122/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ Jannar 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika – Obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-perijodu ta’ ħlas mogħti lill-awtoritajiet pubbliċi ma jaqbiżx it-tletin jew is-sittin jum – Obbligu ta’ riżultat.
Kawża C-122/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ Jannar 2020.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika – Obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-perijodu ta’ ħlas mogħti lill-awtoritajiet pubbliċi ma jaqbiżx it-tletin jew is-sittin jum – Obbligu ta’ riżultat.
Kawża C-122/18.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:41
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
28 ta’ Jannar 2020 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2011/7/UE – Ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika – Obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-perijodu ta’ ħlas mogħti lill-awtoritajiet pubbliċi ma jaqbiżx it-tletin jew is-sittin jum – Obbligu ta’ riżultat”
Fil-Kawża C‑122/18,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl‑14 ta’ Frar 2018
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara u C. Zadra, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u F. De Luca, avvocati dello Stato,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Safjan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma żguratx u għadha ma tiżgurax li l-awtoritajiet pubbliċi tagħha jevitaw li jaqbżu l-perijodi ta’ tletin jew ta’ sittin jum kalendarju applikabbli għall-ħlas tad-djun kummerċjali tagħhom, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU 2011, L 48, p. 1), u b’mod partikolari dawk li huma previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 |
Il-premessi 3, 9, 12, 14, 23 u 25 tad-Direttiva 2011/7 jipprevedu dan li ġej:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
3 |
L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2011/7 jipprevedi: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva hu l-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament kif suppost tas-suq intern, biex b’hekk titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi u, b’mod partikulari, tal-[impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)]. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ħlasijiet kollha magħmula bħala remunerazzjoni għal transazzjonijiet kummerċjali.” |
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistipula: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…] […]”. |
5 |
L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2011/7 jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-transazzjonijiet kummerċjali bejn l-intrapriżi, il-kreditur huwa intitolat għall-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard mingħajr il-bżonn ta’ tfakkira meta l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:
[…] 3. Fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:
|
6 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7, intitolat “Transazzjonijiet bejn intrapriżi u awtoritajiet pubbliċi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3, 4 u 6 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, malli jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafi 3, 4 jew 6, il-kreditur ikun intitolat, mingħajr bżonn ta’ tfakkira, għall-imgħax statutorju għall-ħlas tard, meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika:
4. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limiti ta’ żmien imsemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 2 għal massimu ta’ 60 jum kalendarju għal:
[…] 6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perjodu ta’ ħlas stipulat fil-kuntratt ma jaqbiżx il-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor b’mod espliċitu fil-kuntratt u sakemm ikun iġġustifikat oġġettivament fid-dawl tan-natura jew tal-karatteristiki partikulari tal-kuntratt, u li fl-ebda każ m’għandu jaqbeż is-60 jum kalendarju.” |
Id-dritt Taljan
7 |
Id-Direttiva 2011/7 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Taljan bid-decreto legislativo no 192 – Modifiche al decreto legislativo 9 ottobre 2002, no 231, per l’integrale recepimento della direttiva 2011/7/UE relativa alla lotta contro i ritardi di pagamento nelle transazioni commerciali, a norma dell’articolo 10, comma 1, della legge 11 novembre 2011, no 180 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 192 li jemenda d-Digriet Leġiżlattiv tad‑9 ta’ Ottubru 2002, Nru°231, għall-finijiet ta’ traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, b’mod konformi mal-Artikolu 10(1) tal-Liġi tal‑11 ta’ Novembru 2011, Nru 180), tad‑9 ta’ Novembru 2012 (GURI Nru 267, tal‑15 ta’ Novembru 2012). Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 231, tad‑9 ta’ Ottubru 2002, kien, min-naħa tiegħu, ittraspona fl-ordinament ġuridiku Taljan id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 226). |
8 |
Fost il-miżuri adottati mir-Repubblika Taljana sabiex jiġi ggarantit li l-ħlasijiet tal-awtoritajiet pubbliċi jsiru fil-ħin hemm id-decreto-legge no 35 – Disposizioni urgenti per il pagamento dei debiti scaduti della pubblica amministrazione, per il riequilibrio finanziario degli enti territoriali, nonché in materia di versamento di tributi degli enti locali (id-Digriet Liġi Nru 35, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti għall-ħlas tad-djun skaduti tal-amministrazzjoni pubblika, għall-ibbilanċjar finanzjarju mill-ġdid tal-kollettivitajiet lokali u reġjonali u għall-ħlas tat-taxxi mill-kollettivitajiet lokali), tat‑8 ta’ April 2013 (GURI Nru 82, tat‑8 ta’ April 2013), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 64 tas-6 ta’ Ġunju 2013 (GURI Nru 132, tas-7 ta’ Ġunju 2013), kif ukoll id-decreto-legge no 66, – Misure urgenti per la competitività e la giustizia sociale (id-Digriet Liġi Nru°66, li jistabbilixxi miżuri urġenti għall-kompetittività u għall-ġustizzja soċjali) tal-24 ta’ April 2014 (GURI Nru 95, tal-24 ta’ April 2014), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 89 tat‑23 ta’ Ġunju 2014 (GURI Nru 143, tat‑23 ta’ Ġunju 2014). Dawn id-digrieti liġi b’mod partikolari jipprevedu l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-finijiet tal-ħlas tal-krediti li huma ċerti, likwidi u eżiġibbli li l-impriżi għandhom fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi. |
9 |
Ġew adottati miżuri fiskali sabiex tittejjeb il-pożizzjoni tal-impriżi li għandhom krediti fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi, fosthom l-Artikolu 12(7 bis) tad-decreto-legge no 145 – Interventi urgenti di avvio del piano “Destinazione Italia”, per il contenimento delle tariffe elettriche e del gas, per la riduzione dei premi RC-auto, per l’internazionalizzazione, lo sviluppo e la digitalizzazione delle imprese, nonché misure per la realizzazione di opere pubbliche ed EXPO 2015 (id-Digriet Liġi Nru 145, li jistabbilixxi miżuri urġenti għat-tnedija tal-pjan “Destinazzjoni Italja”, sabiex jiġu limitati t-tariffi tal-elettriku u tal-gass, għat-tnaqqis tal-primjums għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur, għall-internazzjonalizzazzjoni, l-iżvilupp u d-diġitalizzazzjoni tal-impriżi, kif ukoll għat-twettiq ta’ xogħlijiet pubbliċi u EXPO 2015), tat‑23 ta’ Diċembru 2013 (GURI Nru 300, tat‑23 ta’ Diċembru 2013), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, bil-Liġi Nru 9, tal‑21 ta’ Frar 2014 (GURI Nru 43, tal‑21 ta’ Frar 2014). Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-impriżi jistgħu jpaċu d-djun fiskali tagħhom mal-krediti ċerti, likwidi u eżiġibbli li huma għandhom fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi. |
Il-proċedura prekontenzjuża
10 |
Wara sensiela ta’ lmenti minn operaturi ekonomiċi u minn assoċjazzjonijiet ta’ operaturi ekonomiċi Taljani, fid‑19 ta’ Ġunju 2014 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, fejn hija akkużata li kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7. |
11 |
Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Awwissu 2014, dan l-Istat Membru wieġeb għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni billi kkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri speċifiċi adottati sabiex jiġu miġġielda l-ħlasijiet tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn entitajiet pubbliċi u privati. Dawn il-miżuri kienu jikkonsistu fit-traspożizzjoni antiċipata tad-Direttiva 2011/7, f’azzjonijiet intiżi għat-tneħħija tal-istokk tad-djun skaduti tal-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll fil-ħolqien ta’ sistema leġiżlattiva u amministrattiva ġdida intiża sabiex tiġi mħeġġa l-osservanza tal-perijodi ta’ ħlas previsti minn din id-direttiva u sabiex jiġi evitat it-tkabbir tal-istokk tad-djun skaduti u mhux imħallsa tal-awtoritajiet pubbliċi. Fl-istess ittra, ir-Repubblika Taljana speċifikat li, minkejja l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri, l-eżistenza ta’ ħlasijiet tard ma setgħetx tiġi eskluża. |
12 |
Fit‑12 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana tibgħatilha rapporti ta’ kull xahrejn fir-rigward tat-tul effettiv tal-perijodi ta’ ħlas tal-awtoritajiet pubbliċi. Ir-Repubblika Taljana onorat din it-talba billi bagħtet lill-Kummissjoni seba’ rapporti ta’ kull xahrejn bejn l‑1 ta’ Diċembru 2014 u s‑6 ta’ Awwissu 2016. |
13 |
Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni enfasizzat li r-rapporti ta’ kull xahrejn mibgħuta sa dik id-data ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li d-destinatarji tagħhom huma l-awtoritajiet pubbliċi Taljani, iżda biss dawk il-fatturi li kienu effettivament tħallsu mill-imsemmija awtoritajiet matul il-perijodi ta’ riferiment. Konsegwentement, din l-istituzzjoni talbet lir-Repubblika Taljana tipprovdilha data attwalizzata dwar it-totalità tal-fatturi. |
14 |
Bi tweġiba għall-ittra tal‑21 ta’ Settembru 2016, fil‑5 ta’ Diċembru 2016 dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni data miksuba bl-użu tal-pjattaforma li żżomm kont tal-krediti kummerċjali, li minnha kien jirriżulta li l-perijodu medju ta’ ħlas għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2016 kien ta’ ħamsin jum. |
15 |
Fis‑16 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni, peress li kienet tqis li s-sitwazzjoni li kienet tirriżulta mir-rapporti kollha mibgħuta mir-Repubblika Taljana ma kinitx konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7, ħarġet opinjoni motivata fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE u stiednet lil dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu magħha f’perijodu ta’ xahrejn. |
16 |
Fit-tweġiba tagħha tad‑19 ta’ April 2017 għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika Taljana indikat li l-perijodu medju ta’ ħlas tal-awtoritajiet pubbliċi kien ta’ wieħed u ħamsin jum għas-sena 2016 kollha kemm hija, jiġifieri erbgħa u erbgħin jum għall-amministrazzjonijiet tal-Istat, sebgħa u sittin jum għas-servizz nazzjonali tas-saħħa, sitta u tletin jum għar-reġjuni u għall-provinċji awtonomi, tlieta u erbgħin jum għall-entitajiet lokali, tletin jum għall-entitajiet pubbliċi nazzjonali u tmienja u tletin jum għall-awtoritajiet pubbliċi l-oħra. |
17 |
Peress li kienet tqis li r-Repubblika Taljana kienet għadha ma rrimedjatx għall-ksur tal-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors. |
18 |
Ir-Repubblika Taljana talbet, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ f’Awla Manja. |
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
19 |
Il-Kummissjoni ssostni li d-data kkomunikata mir-Repubblika Taljana nnifisha turi li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani qabżu l-perijodi ta’ ħlas ta’ tletin jew ta’ sittin jum stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7. Tali qbiż, li l-eżistenza tiegħu ma hijiex ikkontestata espliċitament mill-Istat Membru, jikkonċerna l-awtoritajiet pubbliċi kollha u jkopri perijodu ta’ diversi snin. |
20 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li d-data li turi r-realtà tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġiet irreġistrata u attwalizzata b’mod kontinwu matul il-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Settembru 2014 u dak ta’ Diċembru 2016. |
21 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li ċerti studji mwettqa minn entitajiet u assoċjazzjonijiet oħra jikkontradixxu l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ kull xahrejn mibgħuta mir-Repubblika Taljana, li skonthom jeżisti tnaqqis progressiv tal-perijodi medji ta’ ħlas. Fil-fatt, dawn l-istudji juru l-eżistenza ta’ perijodi medji ta’ ħlas li jestendu minn disgħa u disgħin jum (studju mwettaq mill-Confartigianato, assoċjazzjoni li tirrappreżenta ċerti artiġjani u SMEs) għal mija u ħamsa u erbgħin jum (studju mwettaq mill-Assobiomedica, assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-impriżi li jipprovdu mezzi mediċi lill-istrutturi tas-saħħa Taljani), jew saħansitra għal mija u sitta u ħamsin jum (studju mwettaq mill-ANCE, assoċjazzjoni tal-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni). F’każijiet estremi, il-perijodu medju ta’ ħlas jilħaq saħansitra sitt mija u sebgħa u tmenin jum (studju mwettaq mill-gazzetta ta’ kuljum Il Sole 24 Ore). |
22 |
Skont il-Kummissjoni, tali qbiż kontinwu u sistematiku, mill-awtoritajiet pubbliċi Taljani, tal-perijodi ta’ ħlas previsti fl-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur ta’ din id-direttiva, imputabbli lir-Repubblika Taljana. Fil-fatt, mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri, abbażi tal-Artikolu 4(3) u (4) tagħha, mhux biss huma obbligati li jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom li tittrasponi l-imsemmija direttiva u fil-kuntratti li jirrigwardaw tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur huwa waħda mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, perijodi massimi ta’ ħlas konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda huma obbligati wkoll li jiżguraw l-osservanza effettiva ta’ dawn il-perijodi minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi. |
23 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva, fl-ewwel lok, li l-kunċett ta’ “perijodu ta’ ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2011/7, jirreferi għall-perijodu li matulu l-awtoritajiet pubbliċi huma obbligati li jħallsu b’mod effettiv id-djun kummerċjali tagħhom, fejn dan il-perijodu jibda jidekorri mis-seħħ ta’ ċirkustanzi fattwali konkreti, bħall-wasla tal-fattura, il-kunsinna tal-prodotti jew il-provvista tas-servizzi. Il-Kummissjoni tkompli tesponi li, sabiex jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħlas tard”, l-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva jagħmel riferiment għal element konkret, jiġifieri, il-“ħlas li ma jsirx” fil-perijodu kuntrattwali jew statutorju. Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “perijodu ta’ ħlas” hija, barra minn hekk, l-unika waħda li tippermetti li jintlaħaq b’mod effikaċi l-għan tad-Direttiva 2011/7, li huwa l-ġlieda effettiva kontra l-ħlasijiet tard fis-suq intern. |
24 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li, peress li l-ksur tal-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 mill-awtoritajiet pubbliċi jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat, il-kwistjoni ta’ jekk dawn l-awtoritajiet jeżerċitawx prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew jekk dawn jaġixxux jure privatorum hija irrilevanti f’dan il-kuntest. Mill-kumplament, il-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva sabiex jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità pubblika” huwa indipendenti mill-eżistenza ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. |
25 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni li hija tipproponi tal-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 ma hijiex ikkonfutata mis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC (C‑555/14, EU:C:2017:121), invokata mir-Repubblika Taljana fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata. |
26 |
Fir-rigward tad-data li hija pprovdiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana ssostni, fl-ewwel lok, li din id-data, li tirrigwarda s-snin 2015 sa 2017 u attwalizzata fix-xahar ta’ Marzu 2018, turi titjib kontinwu u sistematiku tal-perijodi medji ta’ ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi. Dan it-titjib ittraduċa ruħu fi tnaqqis tan-numru medju ta’ jiem ta’ dewmien matul il-perijodu li jikkorrispondi għas-snin 2015 sa 2017 (minn tnejn u tletin jum għal tmint ijiem). Jekk din it-tendenza jkollha tkun ikkonfermata, jista’ jiġi previst li ser ikun hemm, fir-rigward tal-fatturi maħruġa matul is-sena 2018, osservanza tal-perijodi ta’ ħlas stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7. |
27 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-modalitajiet ta’ analiżi adottati mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-data pprovduta fir-rapporti ta’ kull xahrejn ma humiex xierqa. |
28 |
F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, minn naħa, li l-għażla tal-Kummissjoni li tuża l-indikatur li jikkorrispondi għall-“perijodu medju ta’ ħlas” iktar milli l-indikatur dwar il-“perijodu medju ta’ dewmien” taffettwa l-affidabbiltà tal-analiżi mwettqa minn din tal-aħħar. Fil-fatt, peress li dan l-ewwel indikatur għandu bħala punt ta’ riferiment, sabiex tiġi analizzata l-portata tal-ħlasijiet tard tal-awtoritajiet pubbliċi, il-perijodu “standard” ta’ tletin jum, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-perijodu ta’ ħlas ta’ sittin jum, previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2011/7, ma japplikax biss għat-tranżazzjonijiet imwettqa mill-entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi ta’ kura tas-saħħa, iżda wkoll għal dawk imwettqa minn kull awtorità pubblika li teżerċità attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali u kummerċjali u li hija suġġetta għad-Direttiva 2006/111. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni wettqet paragun qarrieqi tad-data minn perspettiva ratione temporis, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dinamika tat-twettiq tal-ħlasijiet. Għalhekk l-analiżi ta’ din l-istituzzjoni tieqaf sal-mument ta’ meta ntbagħat l-aħħar rapport ta’ kull xahrejn, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-ħlasijiet li seħħew iktar tard. |
29 |
Fit-tielet lok, ir-Repubblika Taljana tikkontesta r-riżultati tal-istudji msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, sa fejn dawn huma, minħabba l-assenza ta’ affidabbiltà tagħhom u n-natura parzjali tad-data miġbura, irrilevanti. |
30 |
F’dak li jirrigwarda l-portata tal-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7, ir-Repubblika Taljana ssostni, fl-ewwel lok, li minn interpretazzjoni letterali u sistematika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, għalkemm din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiggarantixxu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom li tittrasponi l-imsemmija direttiva u fil-kuntratti li jirrigwardaw tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur huwa waħda mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, perijodi massimi ta’ ħlas konformi mal-imsemmija dispożizzjonijiet, kif ukoll li jipprevedu d-dritt tal-kredituri, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-perijodi, għal interessi għal ħlas tard u għal kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru, dawn l-istess dispożizzjonijiet ma jeżiġixxux, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri jiggarantixxu l-osservanza effettiva, fiċ-ċirkustanzi kollha, tal-imsemmija perijodi mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom. Id-Direttiva 2011/7 ma hijiex intiża li tirrendi uniformi l-perijodi li matulhom l-awtoritajiet pubbliċi għandhom effettivament iwettqu l-ħlas tal-ammonti dovuti bħala kontroparti għat-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom, iżda biss il-perijodi li matulhom huma għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom mingħajr ma jinkorru s-sanzjonijiet awtomatiċi għal ħlas tard. |
31 |
Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2011/7 jillimita ruħu li jimponi l-osservanza tal-perijodu ta’ ħlas “stipulat fil-kuntratt”, mill-Artikolu 4(3) u (4) ta’ din id-direttiva ma jirriżultax li l-awtoritajiet pubbliċi huma obbligati jħallsu d-djun tagħhom fil-perijodu li huwa jipprevedi. Fir-rigward tal-espressjoni “perijodu ta’ ħlas”, din ma tirrigwardax, fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttiva, il-perijodu li matulu l-awtoritajiet pubbliċi għandhom effettivament iħallsu tali djun. |
32 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/7 jillimita ruħu li jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tal-perijodi ta’ ħlas fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali. Għalhekk, ir-riferiment, f’din id-dispożizzjoni, għaċ-ċirkustanzi fattwali li jikkonsistu fil-wasla tal-fattura, fil-kunsinna tal-prodotti, fil-provvista tas-servizzi jew ukoll fil-fatt li l-prodotti ġew aċċettati jew ivverifikati, ma jimplikax li l-Istat Membru huwa obbligat li jiżgura in concreto l-osservanza tal-imsemmija perijodi. |
33 |
Fit-tielet lok, l-assenza ta’ skadenza preċiża li fiha għandu jiġi eżegwit l-obbligu impost fl-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 turi li, f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-perijodi ta’ ħlas, din id-direttiva ma tissuġġettax lill-Istat Membru kkonċernat għal obbligi ta’ riżultat iżda l-iktar l-iktar għal obbligi ta’ mezzi, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jiġi kkonstatat biss jekk is-sitwazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tiddevja b’mod kunsiderevoli minn dik irrakkomandata mill-imsemmija direttiva. Issa, f’din il-kawża, id-data mibgħuta lill-Kummissjoni turi, minn naħa, tnaqqis kunsiderevoli u kontinwu tal-ħlasijiet tard tad-djun kummerċjali tal-awtoritajiet pubbliċi u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda iktar speċifikament l-awtoritajiet pubbliċi li joperaw fi ħdan is-servizz nazzjonali tas-saħħa, dewmien modest, li jaqbeż biss bi ftit jiem il-perijodu ta’ ħlas previst fl-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva. |
34 |
Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Taljana tallega li hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-qbiż tal-perijodi ta’ ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi. Fl-opinjoni tagħha, meta organu ta’ Stat Membru jaġixxi fuq livell ta’ ugwaljanza ma’ operatur privat, huwa biss quddiem il-qrati nazzjonali li dan l-organu għandu jagħti kont għal eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-istess bħal operatur privat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jintervjenu biss b’mod indirett, billi jittrasponu b’mod korrett id-dispożizzjonijiet li dawn l-awtoritajiet pubbliċi għandhom josservaw u billi jistabbilixxu sanzjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, billi pprevediet perijodi ta’ ħlas li ma jaqbżux dawk previsti fid-Direttiva 2011/7 kif ukoll il-ħlas ta’ interessi għal ħlas tard u l-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru sostnuti, ir-Repubblika Taljana osservat l-obbligi imposti mill-imsemmija direttiva. |
35 |
F’kull każ, anki jekk jitqies li d-Direttiva 2011/7 timponilha l-obbligu li tiżgura l-osservanza effettiva, mill-awtoritajiet pubbliċi, tal-perijodi ta’ ħlas fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom, ir-Repubblika Taljana ssostni li hija responsabbli biss għall-ksur gravi, kontinwu u sistematiku ta’ din id-direttiva, li jista’ juri ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE. |
36 |
F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC (C‑555/14, EU:C:2017:121), ir-Repubblika Taljana ssostni li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja approvat mekkaniżmu stabbilit b’liġi li jippermetti l-ħlas sistematikament tard tad-djun tal-awtoritajiet pubbliċi favur kredituri li ma rrinunċjawx għall-interessi għal ħlas tard u għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru. Issa, jekk kellu jiġi aċċettat, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li d-dewmien effettiv ta’ ħlas tal-awtoritajiet pubbliċi jikkostitwixxi ksur tad-Direttiva 2011/7 imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet neċessarjament tikkonstata li mekkaniżmu stabbilit b’liġi ta’ din in-natura ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, peress li dan kien jawtorizza l-ħlas sistematikament tard tad-djun kummerċjali tal-awtoritajiet pubbliċi. Minn dan, ir-Repubblika Taljana tikkonkludi, minn naħa, li d-dritt effettivament iggarantit lill-kredituri mid-Direttiva 2011/7 jikkonċerna biss l-interessi għal ħlas tard li din timponi u, min-naħa l-oħra, li l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa l-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard, “huwa mfittex biss indirettament”. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li, peress li ma żguratx li l-awtoritajiet pubbliċi tagħha josservaw il-perijodi ta’ tletin jew ta’ sittin jum kalendarju applikabbli għall-ħlasijiet dovuti minnhom bħala kontroparti għat-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom mal-impriżi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7. |
38 |
Skont l-Artikolu 4(3)(a) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fi tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika, li l-perijodu ta’ ħlas ma jaqbiżx it-tletin jum kalendarju b’effett miċ-ċirkustanzi fattwali li huwa jelenka. Fir-rigward tal-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva, dan jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jestendu dan il-perijodu sa’ massimu ta’ sittin jum kalendarju fir-rigward tal-awtoritajiet u tal-entitajiet pubbliċi indikati fih. |
39 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑105/18 sa C‑113/18, EU:C:2019:935, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kliem tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/7, minnu jirriżulta, b’mod partikolari mill-parti tas-sentenza “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi transazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika […] il-perjodu ta’ ħlas ma jaqbeż l-ebda wieħed mil-limiti ta’ żmien li ġejjin”, li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni jirrigwarda l-osservanza effettiva, mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, tal-perijodi ta’ ħlas li din tipprevedi. |
41 |
Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija dispożizzjoni hija fformulata f’termini daqstant imperattivi bħal dawk użati fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, dwar il-ħlas ta’ interessi statutorji għal ħlas tard. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jimponux fuq l-Istati Membri obbligi alternattivi għal xulxin iżda obbligi komplementari. |
42 |
It-tieni nett, din l-interpretazzjoni letterali hija sostnuta mill-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7. |
43 |
Għalhekk, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, dwar it-tranżazzjonijiet bejn impriżi, hija nettament differenti minn dik tal-Artikolu 4 tagħha, dwar it-tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi. Ċertament, dawn iż-żewġ artikoli jipprevedu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur ikollu d-dritt li jikseb il-ħlas ta’ interessi fil-każ ta’ ħlas tard. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-perijodi ta’ ħlas, filwaqt li l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva jistipula obbligu speċifiku mfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 3(3) tal-istess direttiva jillimita ruħu li jipprevedi d-dritt tal-kreditur għal interessi fil-każ li dawn il-perijodi jinqabżu. |
44 |
Din l-analiżi hija kkonfermata mill-paragun bejn id-Direttiva 2011/7 u d-Direttiva 2000/35 li ġiet qabilha. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel waħda tistipula espliċitament, fl-Artikolu 4 tagħha, dwar it-tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodu ta’ ħlas ma jaqbiżx it-tletin jum jew, f’ċerti każijiet, massimu ta’ sittin jum, it-tieni waħda ma tinkludi ebda dispożizzjoni ta’ din in-natura u tillimita ruħha li tistabbilixxi, fl-Artikolu 3 tagħha, obbligu relatat mal-ħlas ta’ interessi moratorji, li issa huwa espress fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/7, mingħajr ma tiddistingwi s-sitwazzjoni fejn id-debitur ikun awtorità pubblika. |
45 |
It-tielet nett, l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva l-għan tagħha huwa l-ġlieda kontra l-ħlas tard fit-tranżazzjonijiet kummerċjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi b’dan il-mod tittejjeb il-kompetittività tal-impriżi u, b’mod partikolari, tal-PMEs. |
46 |
F’dan ir-rigward, minn qari flimkien tal-premessi 3, 9 u 23 tad-Direttiva 2011/7 jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi, li jwettqu numru kunsiderevoli ta’ ħlasijiet lill-impriżi, jibbenefikaw minn flussi ta’ dħul iktar żguri, prevedibbli u kontinwi mill-impriżi, jistgħu jiksbu finanzjament b’kundizzjonijiet iktar attraenti minnhom, u jiddependu inqas mill-impriżi privati fuq il-bini ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbli sabiex jiksbu l-objettivi tagħhom. Issa, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija impriżi, il-ħlasijiet tard min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet iwasslu għal spejjeż mhux iġġustifikati għalihom, billi jaggravaw il-limitazzjonijiet tagħhom fil-qasam ta’ likwidità u billi jirrendu l-amministrazzjoni finanzjarja tagħhom iktar ikkumplikata. Dawn il-ħlasijiet tard huma wkoll ta’ ħsara għall-kompetittività u għall-profitabbiltà tagħhom, peress li dawn l-impriżi jkollhom jiksbu finanzjamenti esterni minħabba l-imsemmija ħlasijiet tard. |
47 |
Tali kunsiderazzjonijiet, dwar in-numru kbir ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali li fihom l-awtoritajiet pubbliċi huma d-debituri ta’ impriżi, kif ukoll dwar l-ispejjeż u d-diffikultajiet maħluqa lil dawn tal-aħħar minn ħlasijiet tard min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet, juru li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jimponi fuq l-Istati Membri obbligi msaħħa f’dak li jirrigwarda t-tranżazzjonijiet bejn impriżi u awtoritajiet pubbliċi u jimplikaw li l-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-imsemmija awtoritajiet iwettqu, b’osservanza tal-perijodi previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-ħlasijiet bħala kontroparti għat-tranżazzjonijiet kummerċjali mal-impriżi. |
48 |
Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-interpretazzjoni tar-Repubblika Taljana, li tgħid li l-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 jimponi fuq l-Istati Membri biss l-obbligu li jiżguraw il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-perijodi statutorji u kuntrattwali ta’ ħlas applikabbli għat-tranżazzjonijiet kummerċjali li jinvolvu awtoritajiet pubbliċi u li jipprevedu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-perijodi, id-dritt, li kreditur li eżegwixxa l-obbligi kuntrattwali u legali tiegħu, jikseb interessi statutorji għal ħlas tard, iżda mhux l-obbligu li jiżguraw l-osservanza effettiva ta’ dawn il-perijodi minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi, ma tistax tiġi aċċettata. |
49 |
Tali konklużjoni ma hija bl-ebda mod affettwata mis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, IOS Finance EFC (C‑555/14, EU:C:2017:121), invokata mir-Repubblika Taljana. |
50 |
Fil-fatt, għandu qabel xejn jitfakkar li dik is-sentenza, li tikkonċerna “mekkaniżmu [nazzjonali] straordinarju ta’ finanzjament għall-ħlas ta’ fornituri”, għal perijodu limitat, sabiex jiġu miġġielda l-ħlasijiet tard akkumulati mill-awtoritajiet pubbliċi minħabba l-kriżi ekonomika, ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7, iżda, essenzjalment, tal-Artikolu 7(2) u (3) tagħha, dwar il-kundizzjonijiet u l-prassi kuntrattwali inġusti fil-qasam tal-interessi għal ħlas tard. |
51 |
Sussegwentement, billi qieset, fil-punti 31 u 36 tal-imsemmija sentenza, li r-rinunzja, mill-kreditur ta’ awtorità pubblika, għall-interessi għal ħlas tard u għall-kumpens għal spejjeż tal-irkupru għandha, sabiex tkun konformi mad-Direttiva 2011/7, mhux biss tkun saret b’kunsens liberu, iżda għandu jkollha, barra minn hekk, bħala kontroparti l-ħlas “immedjat” tal-ammont prinċipali tad-dejn, il-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif osservat il-Kummissjoni, enfasizzat l-importanza preponderanti li l-Istati Membri għandhom jagħtu, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, lill-ħlas effettiv u rapidu ta’ tali ammonti. |
52 |
Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Taljana, minn din l-istess sentenza ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja approvat il-ħlas sistematikament tard tad-djun kummerċjali tal-awtoritajiet pubbliċi favur kredituri li ma rrinunċjawx għall-interessi għal ħlas tard u għall-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru. |
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw l-osservanza effettiva, mill-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, tal-perijodi ta’ ħlas li huwa jipprevedi. |
54 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-argumenti tar-Repubblika Taljana msemmija fil-punti 34 ta’ din is-sentenza, jekk il-qbiż, mill-awtoritajiet pubbliċi, ta’ tali perijodi ta’ ħlas jistax jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE. |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu jista’, bħala prinċipju, jiġi kkonstatat skont l-Artikolu 258 TFUE irrispettivament mill-organu tal-Istat li l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu jkunu l-kawża tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, anki jekk tkun istituzzjoni kostituzzjonalment indipendenti (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1970, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 77/69, EU:C:1970:34, punt 15, tat‑12 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑458/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:147, punt 20 u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (taxxa f’ras il-għajn fuq dħul minn beni mobbli), C‑416/17, EU:C:2018:811, punt 107). |
56 |
F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax li n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati mill-Kummissjoni jirrigwardaw l-awtoritajiet pubbliċi tagħha, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/7. Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “awtorità pubblika”, għad-definizzjoni mogħtija lill-kunċett ta’ “awtorità kontraenti”, b’mod partikolari mill-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, sa fejn dan ir-riferiment jaqdi ħtieġa ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, hekk kif huwa indikat fil-premessa 14 tad-Direttiva 2011/7. |
57 |
Għandu jiġi osservat li l-argument tar-Repubblika Taljana li l-Istat Membru ma jistax jinżamm responsabbli għall-awtoritajiet pubbliċi tiegħu meta dawn jaġixxu fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali, barra mill-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tagħhom, ikun ifisser, jekk jiġi milqugħ, li jintilef l-effett utli tad-Direttiva 2011/7, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(3) u (4) tagħha li speċifikament jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw l-osservanza effettiva tal-perijodi ta’ ħlas li huwa jipprevedi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali fejn id-debitur ikun awtorità pubblika. |
58 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-materjalità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru prevalenti fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑669/16, EU:C:2018:844, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri, f’dan il-każ, is‑16 ta’ April 2017. |
59 |
F’dan ir-rigward, mill-aħħar rapport ta’ kull xahrejn mibgħut mir-Repubblika Taljana lill-Kummissjoni, stabbilit fil‑5 ta’ Diċembru 2016, jirriżulta li l-perijodu medju ta’ ħlas tal-awtoritajiet pubbliċi għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2016 kien jammonta għal ħamsin jum (sebgħa u erbgħin jum jekk tittieħed il-medja ponderata tad-data), fejn din id-data ġiet ikkalkolata abbażi tat-tranżazzjonijiet imwettqa minn iktar minn 22000 awtoritajiet pubbliċi u tikkonċerna madwar 13-il miljun fattura rċevuta minnhom. |
60 |
Barra minn hekk, fit-tweġiba għall-opinjoni motivata u fl-annessi tagħha, ir-Repubblika Taljana indikat li, għas-sena 2016 kollha, il-perijodi medji ta’ ħlas kienu ammontaw għal wieħed u erbgħin jum għall-awtoritajiet pubbliċi li ma jaqgħux taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa u għal seba’ u sittin jum għal dawk li jaqgħu taħt din is-sistema, fejn din id-data ġiet stabbilita abbażi tal-fatturi rċevuti mill-awtoritajiet pubbliċi kollha abbażi ta’ din l-istess sena (iktar minn 27 miljun). |
61 |
Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Taljana li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat abbażi tal-perijodu medju ta’ dewmien iktar milli abbażi tal-perijodu medju ta’ ħlas, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’kull każ, mit-tweġiba għall-opinjoni motivata u mill-annessi tagħha msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li l-perijodi medji ta’ dewmien kienu, matul is-sena 2016, ta’ għaxart ijiem għall-awtoritajiet pubbliċi li ma jaqgħux taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa u ta’ tmint ijiem għal dawk li jaqgħu taħt din is-sistema. |
62 |
Din id-data, ikkunsidrata flimkien ma’ dik mibgħuta mir-Repubblika Taljana sa mill-ftuħ tal-proċedura prekontenzjuża, fuq perijodu ta’ żmien kontinwu, turi li l-perijodu medju li matulu l-awtoritajiet pubbliċi Taljani, ikkunsidrati flimkien, wettqu l-ħlasijiet bħala kontroparti għat-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom qabeż il-perijodi ta’ ħlas previsti fl-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7. |
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-Repubblika Taljana la tikkontesta l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi tagħha, ikkunsidrati flimkien, qabżu, bħala medja, dawn il-perijodi, u lanqas ma ssostni li analiżi ta’ din id-data abbażi ta’ modalitajiet oħra kienet tippermetti li tiġi kkonstatata l-osservanza tal-imsemmija perijodi. Hija madankollu tenfasizza, minn naħa, li sensiela ta’ miżuri adottati wara s-sena 2013 ikkontribwixxew għal tnaqqis progressiv ta’ dawn il-ħlasijiet tard, u min-naħa l-oħra, li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jista’ jiġi kkonstatat biss jekk ikun hemm ksur gravi, kontinwu u sistematiku tal-obbligi imposti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/7, li ma kienx il-każ fil-kawża preżenti. |
64 |
Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet ma humiex ta’ natura li jeliminaw l-eżistenza, fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-opinjoni motivata, ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn naħa ta’ dan l-Istat Membru tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punti 77 u 78). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ natura oġġettiva u li, b’konsegwenza ta’ dan, in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri abbażi tad-dritt tal-Unjoni huwa meqjus li jeżisti, irrispettivament mill-portata u mill-frekwenza tas-sitwazzjonijiet li fir-rigward tagħhom tressqu lmenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑226/01, EU:C:2003:60, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
65 |
Konsegwentement, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilt, li s-sitwazzjoni relatata mal-ħlasijiet tard tal-awtoritajiet pubbliċi fit-tranżazzjonijiet kummerċjali koperti mid-Direttiva 2011/7 qegħda titjieb ma jistax jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonstata li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Franza (Qbiż tal-valuri limiti għad-diossidu tan-nitroġenu), C‑636/18, EU:C:2019:900, punt 49). |
66 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma żguratx li l-awtoritajiet pubbliċi tagħha josservaw b’mod effettiv il-perijodi ta’ ħlas stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2011/7, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet. |
Fuq l-ispejjeż
67 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li r-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.