EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0095

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-19 ta’ Settembru 2019.
Sociale Verzekeringsbank vs F. van den Berg et.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 13 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Resident ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Benefiċċju relatat mal-iskema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija jew mal-allowances tal-familja – Stat Membru ta’ residenza u Stat Membru ta’ impjieg – Rifjut.
Kawżi magħquda C-95/18 u C-96/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:767

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 13 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Resident ta’ Stat Membru li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Benefiċċju relatat mal-iskema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija jew mal-allowances tal-familja – Stat Membru ta’ residenza u Stat Membru ta’ impjieg – Rifjut”

Fil-Kawżi magħquda C‑95/18 u C‑96/18,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Frar 2018, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2018, fil-kawżi

Sociale Verzekeringsbank

vs

F. van den Berg (C‑95/18),

H. D. Giesen (C‑95/18),

C. E. Franzen (C‑96/18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratriċi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għas-Sociale Verzekeringsbank, minn H. van der Most u N. Abdoelbasier,

għal F. van den Berg, minn E. C. Spiering,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, H. S. Gijzen u L. Noort, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Martin, bħala aġenti,

wara li nstemgħu l-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali fis-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 48 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 13 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 392, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn is-Sociale Verzekeringsbank (il-Fond tas-Sigurtà Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“SVB”) u F. van den Berg, H. D. Giesen u C. E. Franzen fir-rigward tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom is-SVB naqqas, rispettivament, il-pensjoni tax-xjuħija u l-allowance tal-imsieħba mogħtija lil F. van den Berg u H. D. Giesen u rrifjuta li jagħti allowances tal-familja lil C. E. Franzen.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-ewwel, ir-raba’ sas-sitt u t-tmien sal-ħdax‑il premessa tar-Regolament Nru 1408/71:

“Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg;

[…]

Billi huwa meħtieġ li jkunu rispettati l-karatteristiċi speċjali tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali u biex titwaqqaf biss sistema ta’ koordinazzjoni;

Billi huwa meħtieġ, fl-ambitu ta’ dak il-koordinament, li tkun iggarantita fl-ugwaljanza tat-trattament tal-[Unjoni] taħt il-leġislazzjonijiet varji nazzjonali lill-ħaddiema li jgħixu fl-Istati Membri u d-dipendenti tagħhom u dawk li jkomplu jgħixu warajhom;

Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament iridu jiggarantixxu li l-ħaddiema li jiċċaqilqu fil-Komunità u d-dipendenti tagħhom u dawk li jibqgħu warajhom iżommu d-drittijiet u l-vantaġġi li jkunu kisbu u li jkunu fi triqthom biex jiksbu;

[…]

Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu [fl-Unjoni] għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk;

Billi l-okkażjonijiet li fihom persuna tkun suġġetta simultanjament għal-leġislazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun fin-numru u fl-iskop;

Billi minħabba l-garanzija ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju ta’ l-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha;

Billi f’ċerti sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw kriterja oħra ta’ applikabbiltà, huwa possibbli li tidderoga mir-regola ġenerali”.

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

a)

persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

i)

kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;

ii)

kwalunkwe persuna assigurata bilfors għall-kontinġenza waħda jew iktar koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, taħt sigurtà soċjali li taqa’ taħt dan ir-Regolament, taħt skema ta’ sigurtà soċjali għar-residenti kollha jew għall-popolazzjoni kollha li taħdem, jekk tali persuna:

tista’ tkun identifikata bħala impjegata jew taħdem għal rasha minħabba l-metodu li bih tali skema hija amministrata jew iffinanzjata,

jew,

jekk ma taqax taħt tali kriterja, hija assigurata għal xi kontinġenza oħra speċifikata fl-Anness I taħt skema għall-impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom, jew taħt skema li għaliha hemm riferenza fi (iii), sew jekk bilfors u sew jekk fuq bażi b’għażla kontinwu, jew, fejn ebda skema ma teżisti fl-Istat Membru konċernat, taqbel mad-definizzjoni mogħtija fl-Anness I;

[…]”

5

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Persuni koperti”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.”

6

Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament:

“Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

a)

il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)

il-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;

c)

il-benefiċċji tax-xjuħija;

d)

il-benefiċċji tas-superstiti;

e)

benefiċċji fejn jidħlu inċidenti fuq ix-xogħol u mard okkupazzjonali;

f)

għotjiet tal-mewt;

g)

benefiċċji tad-disimpjieg [qagħad];

h)

benefiċċji tal-familja.”

7

It-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, bl-isem “Determinazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli”, jinkludi Artikolu 13 li jiddikjara:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14[c] u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]

f)

persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss.”

8

Skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament:

“Tnejn jew iktar Stati Membri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati jew il-korpi ddisinjati minn dawn l-awtoritajiet jistgħu bi ftehim komuni jipprovdu għall-eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 13 sa 16 fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni.”

Id-dritt Olandiż

L-AOW

9

Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-Algemene Ouderdomswet (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Ġenerali għax-Xjuħija), tal-31 ta’ Mejju 1956 (Stb. 1956, Nru 281, iktar ’il quddiem l-“AOW”), il-persuna li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi hija “residenti” fis-sens ta’ din il-liġi.

10

L-Artikolu 3(1) tal-AOW jipprovdi li l-post ta’ residenza ta’ persuna huwa ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi.

11

L-Artikolu 6(1)(a) tal-AOW, jipprevedi li, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, il-persuna li tkun għadha ma laħqitx l-età ta’ tluq għall-irtirar u li hija residenti hija assigurata. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 6 jippreċiża li, b’deroga mill-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, il-grupp ta’ msieħba jista’ jiġi estiż jew jiġi limitat bi jew bis-saħħa ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika.

12

Il-Liġi tad-29 ta’ April 1998 (Stb. 1998, Nru 267) żiedet Artikolu 6a mal-AOW, applikabbli retroattivament mill-1 ta’ Jannar 1989, li bis-saħħa tagħha:

“Jekk ikun il-każ b’deroga mill-Artikolu 6 tal-AOW u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnha:

a)

hija meqjusa bħala assigurata l-persuna li l-assigurazzjoni tagħha abbażi ta’ din il-liġi tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali;

b)

ma hijiex meqjusa bħala assigurata l-persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor bis-saħħa ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali.”

13

L-Artikolu 13(1)(a) tal-AOW jistabbilixxi li tnaqqis ta’ 2 % japplika fuq l-ammont tal-pensjoni għal kull sena li matulha, wara li tkun laħqet l-età ta’ 15‑il sena, iżda ma tkunx laħqet l-età ta’ 65 sena, il-persuna intitolata għall-pensjoni ma kinitx assigurata.

14

Il-paragrafu 2(a) tal-imsemmi Artikolu 13 jistabbilixxi li l-allowance netta hija mnaqqsa bi 2 % għal kull sena li matulha, wara li l-persuna intitolata għall-pensjoni tilħaq l-età ta’ 15‑il sena iżda qabel ma tkun laħqet l-età ta’ 65 sena, il-konjuġi tal-proprjetarju tal-pensjoni ma kinitx assigurata.

15

Bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 45(1) tal-AOW, hekk kif ifformulata fl-1 ta’ April 1985, il-persuni assigurati u l-ex assigurati jistgħu, skont il-każ u l-kundizzjonijiet u konformement mat-tariffa li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ regolament ta’ amministrazzjoni pubblika, iħallsu l-kontribuzzjonijiet għal perijodi ta’ wara l-għeluq il-ħmistax-il sena tagħhom, iżda qabel għeluq il-ħamsa u sittin sena tagħhom, li għalihom huma ma humiex assigurati jew ma kinux assigurati.

16

Bis-saħħa ta’ din l-istess dispożizzjoni, hekk kif din kienet tipprovdi fl‑1 ta’ Jannar 1990, il-persuni assigurati u l-ex assigurati jistgħu, skont il-każ u l-kundizzjonijiet u konformement mat-tariffa li għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ regola amministrattiva pubblika, jassiguraw lilhom infushom b’mod volontarju għal perijodi ta’ wara l-għeluq il-ħmistax-il sena tagħhom, iżda qabel għeluq il-ħamsa u sittin sena tagħhom, li għalihom huma ma humiex assigurati jew ma kinux assigurati.

L-AKW

17

L-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) tal-Algemene Kinderbijslagwet (il-Liġi Ġenerali dwar l-Allowances tal-Familja), tas-26 ta’ April 1962 (Stb. 1962, Nru 160, iktar ’il quddiem l-“AKW”) jikkorrispondu, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, għall-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) tal-AOW.

18

Bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(a) tal-AKW, il-persuna li hija residenti hija assigurata konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

19

L-Artikolu 6a(b) tal-AKW, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li, jekk ikun il-każ b’deroga mill-Artikolu 6 tal-AKW u mid-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnha, ma titqiesx li hija assigurata l-persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor bis-saħħa ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

Id-digrieti dwar l-estensjoni u l-limitazzjoni tal-grupp ta’ msieħba għall-assigurazzjonijiet soċjali

20

Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, numru ta’ verżjonijiet suċċessivi tal-Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen (id-Digriet dwar l-Estensjoni u l-Limitazzjoni tal-Grupp ta’ Msieħba għall-Assigurazzjonijiet Soċjali) ġew adottati bis-saħħa tal-Artikolu 6(3) tal-AOW u tal-Artikolu 6(3) tal-AKW. Għalhekk, għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma applikabbli suċċessivament id-digriet tad‑19 ta’ Ottubru 1976 (Stb. 557, iktar ’il quddiem il-“BUB 1976”), id-digriet tat‑3 ta’ Mejju 1989 (Stb. 164, iktar ’il quddiem il-“BUB 1989”) u d-digriet tal‑24 ta’ Diċembru 1998 (Stb. 746, iktar ’il quddiem il-“BUB 1999”).

21

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-BUB 1976, ma jitqiesx li huwa “assigurat” fis-sens, b’mod partikolari, tal-AOW, ir-resident li, barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, għandu impjieg b’salarju u li, abbażi ta’ dan, huwa assigurat skont sistema legali barranija fil-qasam tal-benefiċċji ta’ xjuħija u ta’ mewt kif ukoll fil-qasam tal-allowances tal-familja fis-seħħ fil-pajjiż li fih jaħdem.

22

Il-BUB 1976 ġie ssostitwit bil-BUB 1989, fejn l-Artikolu 10(1) tiegħu, fil-verżjoni applikabbli mill‑1 ta’ Lulju 1989 sal‑1 ta’ Jannar 1992, kien jipprevedi li “r-resident li jkollu impjieg esklużivament barra mill-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex assigurat fuq il-bażi tal-assigurazzjonijiet soċjali”. Għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 1992 sal‑1 ta’ Jannar 1997 din l-istess dispożizzjoni tal-BUB 1989 kienet tiddikjara li “r-resident li, matul perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas tliet xhur, ikollu impjieg esklużivament barra mill-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex assigurat bis-saħħa tal-assigurazzjonijiet soċjali”. Skont ir-redazzjoni tiegħu applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 1997 sal‑1 ta’ Jannar 1999, l-Artikolu 10(1) tal-BUB 1989 kien jipprovdi li, “r-resident li, matul perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas tliet xhur, ikollu impjieg esklużivament barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, ikun assigurat bis-saħħa tal-assigurazzjonijiet soċjali biss sakemm dan l-impjieg jiġi eżerċitat bis-saħħa ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega li tkun stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

23

Fl‑1 ta’ Jannar 1999, il-BUB 1989 ġie ssostitwit bil-BUB 1999. L-Artikolu 12 ta’ dan tal-aħħar jipprevedi li “l-persuna residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, matul perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas tliet xhur, ikollha impjieg esklużivament barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, tkun assigurata bis-saħħa tal-assigurazzjonijiet soċjali biss sakemm dan l-impjieg jiġi eżerċitat esklużivament bis-saħħa ta’ relazzjoni ta’ impjieg ma’ persuna li timpjega li tkun stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

24

Kemm il-BUB 1989 kif ukoll il-BUB 1999 kienu jinkludu klawżola ta’ ekwità, rispettivament fl-Artikoli 25 u 24 tagħhom, li kienu jippermettu lis-SVB, fil-kuntest tal-BUB 1989, jidderoga f’ċerti każijiet mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan id-digriet sabiex jagħmel tajjeb għal inġustizzji gravi ħafna li setgħu jirriżultaw mill-obbligu ta’ assigurazzjoni jew mill-esklużjoni ta’ dan l-obbligu bis-saħħa tal-imsemmi digriet, jew, fil-kuntest tal-BUB 1999, biex jeskludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan id-digriet jew ulterjorment biex jidderoga minnhom sa fejn l-applikazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-importanza tal-estensjoni u tal-limitazjoni tal-grupp ta’ msieħba, twassal għal inġustizzja gravi ħafna u li tirriżulta esklużivament mill-obbligu ta’ assigurazzjoni jew mill-esklużjoni ta’ dan l-obbligu bis-saħħa ta’ dan it-tieni digriet.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

25

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha ta’ nazzjonalità Olandiża u jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Il-Kawża C‑95/18

26

Il-konjuġi ta’ H. D. Giesen, ħadmet fil-Ġermanja matul is-sena 1970, u, mill-ġdid, matul il-perijodu mid‑19 ta’ Mejju 1988 sat‑12 ta’ Mejju 1993 bħala “geringfügig Beschäftigte”, jiġifieri bħala persuna li teżerċita attività żgħira. B’mod partikolari, hija kienet bejjiegħa f’ħanut tal-ħwejjeġ u kienet teżerċita l-attività tagħha bis-saħħa ta’ kuntratt tax-xogħol okkażjonali għal numru limitat ta’ sigħat kull xahar li ma kinux jeċċedu l-ekwivalenti ta’ jumejn jew tlett ijiem fix-xahar.

27

Fit‑22 ta’ Settembru 2006, H. D. Giesen ressaq talba għal pensjoni tax-xjuħija u għall-allowance tal-imsieħba abbażi tal-AOW, li s-SVB laqa’ permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Ottubru 2007. Madankollu, l-allowance tal-imsieħba tnaqqset b’16 % peress li, matul il-perijodu li fih is-Sinjura Giesen ħadmet fil-Ġermanja, hija ma kinitx assigurata taħt is-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi. H. D. Giesen ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni sa fejn din kienet tirrigwarda t-tnaqqis tal-imsemmija allowance. Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2008, dan l-ilment ġie ddikjarat bħala infondat.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2008, ir-Rechtbank Roermond (il-Qorti ta’ Roermond, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddikjarat ir-rikors ta’ H. D. Giesen kontra din id-deċiżjoni bħala infondat.

29

F. van den Berg eżerċita attività fil-Ġermanja matul perijodi qosra mill‑25 ta’ Ġunju sal‑24 ta’ Lulju 1972 u mill‑1 ta’ Jannar 1990 sal‑31 ta’ Diċembru 1994. Peress li d-dħul tiegħu kien baxx wisq, huwa ma setax jiġi kkunsidrat bħala persuna responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fil-Ġermanja. Fis‑17 ta’ Jannar 2008, F. van den Berg talab pensjoni tax-xjuħija abbażi tal-AOW. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2008, is-SVB tatu din il-pensjoni iżda naqqasha b’14 % billi ħa inkunsiderazzjoni li, matul iktar minn seba’ snin, F. van den Berg ma kienx assigurat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Novembru 2008, l-ilment tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni ġie ddikjarat parzjalment fondat u t-tnaqqis ġie stabbilit għal 10 %.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2009, ir-Rechtbank Maastricht (il-Qorti ta’ Maastricht, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddikjara r-rikors kontra d-deċiżjoni tal‑25 ta’ Novembru 2008 bħala infondat.

Il-Kawża C‑96/18

31

C. E. Franzen irċeviet allowances tal-familja fil-Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-AKW għal bintha, li twieldet fl-1995, li hija rabbiet waħedha. F’Novembru 2002, hija informat lis-SVB li, sa mill‑1 ta’ Jannar 2001, hija kienet qed teżerċita attività bħala parrukkiera fil-Ġermanja għal 20 siegħa fil-ġimgħa. Peress li d-dħul ta’ C. E. Franzen minn din l-attività ma kienx sinjifikattiv, hija kellha obbligu tissieħeb biss fl-Unfallversicherung (is-Sistema Legali Ġermaniża għall-Inċidenti fuq il-Post tax-Xogħol), mingħajr ma kellha aċċess għal ebda sistema oħra ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2003, is-SVB irtiralha l-benefiċċju tal-allowances tal-familja mill‑1 ta’ Ottubru 2002.

32

Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Settembru 2003, C. E. Franzen talbet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 24 tal-BUB 1999, it-tneħħija tal-esklużjoni tagħha mill-kopertura taħt l-assigurazzjonijiet soċjali. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2004, is-SVB ċaħad din it-talba minħabba li C. E. Franzen ma kinitx assigurata la bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u lanqas bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Olandiż. Madankollu, man-notifika tad-deċiżjoni tal‑15 ta’ Marzu 2004, is-SVB indika li ppropona lil C. E. Franzen titlob lill-istituzzjoni kompetenti Ġermaniża li esklużivament tissuġġetta l-leġiżlazzjoni Olandiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71. C. E. Franzen ma aġixxietx fuq din il-proposta.

33

Fit‑30 ta’ Jannar 2006, C. E. Franzen ressqet talba ġdida għall-allowances tal-familja li, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2006, is-SVB laqa’ mill-ewwel tliet xhur tal-2006.

34

Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ġunju 2007, C. E. Franzen talbet li l-allowances tal-familja jingħatawlha mill-aħħar tliet xhur tal-2002. Permezz ta’deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2007, is-SVB ikkonstata li, mill-ewwel tliet xhur tal-2006, C. E. Franzen ma kienx għad baqgħalha dritt għall-allowances tal-familja, iżda hija ddeċidiet li ma tirkuprax is-somom indebitament mogħtija. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2007, l-ilment ta’ C. E. Franzen kontra d-deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2007 ġie ddikjarat bħala infondat u t-talba tagħha għal reviżjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2007 ġiet miċħuda.

35

Fis‑6 ta’ Frar 2008, filwaqt li r-rikors ta’ C. E. Franzen kontra din l-aħħar deċiżjoni ta’ ċaħda kienet għadha pendenti quddiem ir-Rechtbank Maastricht (il-Qorti ta’ Maastricht), is-SVB adotta deċiżjoni ġdida li tbiddel il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tas‑16 a’ Novembru 2007, billi jindika li t-talbiet għall-allowances tal-familja ġew miċħuda minħabba li, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71, hija biss il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li kienet tapplika għal C. E. Franzen, fejn b’dan il-mod hija eskluża l-applikazzjoni tal-assigurazzjonijiet soċjali Olandiżi.

36

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Awwissu 2008, ir-Rechtbank Maastricht (il-Qorti ta’ Maastricht) iddikjarat bħala infondati r-rikorsi ppreżentati minn C. E. Franzen kontra d-deċiżjonijiet tas-SVB tas‑16 ta’ Novembru 2007 u tas‑6 ta’ Frar 2008.

Kunsiderazzjonijiet komuni għat-tliet kawżi

37

Is-Sinjuri van den Berg u Giesen kif ukoll C. E. Franzen appellaw rispettivament għad-deċiżjonijiet mogħtija mir-Rechtbank Maastricht (il-Qorti ta’ Maastricht) u r-Rechtbank Roermond (il-Qorti ta’ Roermond) quddiem is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din l-aħħar qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari relatati mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikoli 45 u 48 TFUE sabiex tivverifika jekk id-dritt tal-Unjoni kienx jipprekludi l-esklużjoni tas-Sinjuri van den Berg u Giesen kif ukoll ta’ C. E. Franzen mis-sistema Olandiża ta’ sigurtà soċjali għall-perijodi inkwistjoni f’din il-kawża.

38

Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et (C‑382/13, EU:C:2015:261), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kellu jiġi interpretat fis-sens li f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ma jipprekludix li ħaddiem migrant suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, jirċievi, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza, il-benefiċċji relatati mas-sistema ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija u l-allowances tal-familja ta’ dan l-aħħar Stat.

39

Fis‑6 ta’ Ġunju 2016, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku) tat żewġ sentenzi, wieħed dwar is-Sinjuri van den Berg u Giesen u l-oħra dwar C. E. Franzen, li fihom hija ddeduċiet mis-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et (C‑382/13, EU:C:2015:261), li, f’każijiet bħal dawk tas-Sinjuri van den Berg u Giesen kif ukoll ta’ C. E. Franzen, setgħet tiġi aċċettata eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali li tirriżulta mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71. Għalhekk din il-qorti applikat il-klawżoli ta’ ekwità previsti fl-Artikolu 25 tal‑BUB 1989 u fl‑Artikolu 24 tal-BUB 1999, sabiex tevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 6a(b) tal-AOW u tal-Artikolu 6a(b) tal-AKW, u fiż-żewġ kawżi, laqgħet it-talbiet tal-appellanti.

40

Is-SVB ippreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali, kontra s-sentenzi tas-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku).

41

Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa impossibbli, fuq il-bażi tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et (C‑382/13, EU:C:2015:261), li ssolvi, mingħajr ma jkollha dubju raġonevoli, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni mhux biss jippermetti, iżda fuq kollox jimponi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi li resident tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa eskluż mill-assigurazzjonijiet soċjali ta’ dan l-Istat Membru jekk jaħdem fi Stat Membru ieħor u jkun suġġett, fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ dan l-aħħar Stat.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fil-Kawżi C‑95/18 u C‑96/18 u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

Fil-Kawża C‑95/18:

“1)

a)

L-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu, f’każijiet bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, regola nazzjonali bħall-parti inizjali tal-Artikolu 6a, u l-Artikolu 6a(b), tal-AOW? Din ir-regola timplika li resident [tal-Pajjiżi l-Baxxi] ma huwiex assigurat taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat ta’ residenza, jekk jaħdem fi Stat Membru ieħor u huwa suġġett, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. Il-karatteristika ta’ dawn il-kawżi hija li taħt is-sistema legali tal-Istat ta’ impjieg il-persuni kkonċernati ma humiex eliġibbli għal pensjoni tax-xjuħija minħabba l-volum limitat tal-attività tagħhom f’dan l-Istat.

b)

L-assenza ta’ obbligu, għal resident ta’ Stat mhux kompetenti abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, li jħallas kontribuzzjonijiet taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat għandha effett fuq ir-risposta għad-domanda 1(a)? Fil-fatt, għall-perijodi ta’ xogħol imwettqa fi Stat Membru ieħor, dan ir-resident jaqa’ esklużivament, abbażi [ta’ dan l-Artikolu 13], taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg u f’tali każ il-leġiżlazzjoni nazzjonali Olandiża lanqas ma tipprevedi obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni.

2)

Il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jidħlu f’assigurazzjoni volontarja taħt l-AOW, jew li jitolbu lill-Svb li jistabbilixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 għandha effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?

3)

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi li persuna bħall-konjuġi ta’ H.D. Giesen li, qabel l-1 ta’ Jannar 1989, kienet, abbażi biss tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, assigurata taħt l-AOW fl-Istat ta’ residenza tagħha, il-Pajjiżi l-Baxxi, takkumula dritt għal benefiċċji tax-xjuħija taħt din l-assigurazzjoni, sa fejn jirrigwarda perijodi li matulhom, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, hija kienet taqa’, minħabba l-attività li hija kienet teżerċita fi Stat Membru ieħor, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat ta’ impjieg? Jew inkella, id-dritt għal benefiċċju taħt l-AOW għandu jitqies bħala dritt għal benefiċċju li, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni, b’mod konformi mas-sentenza [tal‑20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290)], b’tali mod li r-raġunament segwit f’din is-sentenza jista’ japplika fil-każ tagħha?”

Fil-Kawża C‑96/18:

“1)

L-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu, f’każ bħal dak inkwistjoni, regola nazzjonali bħall-parti inizjali tal-Artikolu 6a u l-Artikolu 6a(b), tal-AKW? Din ir-regola timplika li resident tal-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex assigurat taħt l-iskemi ta’ assigurazzjonijiet soċjali ta’ dan l-Istat ta’ residenza, jekk huwa jaħdem fi Stat Membru ieħor u huwa suġġett, abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ impjieg. Il-karatteristika ta’ din il-kawża hija li taħt l-iskema legali […] tal-Istat ta’ impjieg, il-persuna kkonċernata ma hijiex eliġibbli għall-allowances tal-familja minħabba l-volum limitat tal-attività tagħha f’dan l-Istat.

2)

Il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li titlob lill-Svb li jistabbilixxi ftehim fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71 għandha effett fuq ir-risposta għad-domanda preċedenti?”

43

Il-Kawżi C‑95/18 u C‑96/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Marzu 2018.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑95/18

44

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu F. van den Berg isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑95/18 ma hijiex ammissibbli minħabba li appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) jista’ jiġi ppreżentat biss fir-rigward ta’ elenku limitat ta’ dispożizzjonijiet li minnhom l-Artikolu 6a tal-AOW ma jagħmilx parti. Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju ma missietx eżaminat il-kawża fuq il-mertu u għaldaqstant ma hijiex kompetenti tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domandi preliminari.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan ir-rigward, b’mod kostanti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni li permezz tagħha hija ġiet adita tteħditx konformement mar-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji tad-dritt nazzjonali (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Konsegwentement, l-argumenti ta’ F. van den Berg ma jistgħux jitqiesu li huma suffiċjenti sabiex tinqaleb il-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza. Għalhekk it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑95/18 hija ammissibbli.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawżi C‑95/18 u C‑96/18

49

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawżi C‑95/18 u C‑96/18, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ħaddiem migrant li jirrisjedi f’dan l-Istat Membru u li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru ta’ impjieg, fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, ma huwiex assigurat taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ dan l-Istat ta’ residenza, minkejja li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg ma jagħti lil dan il-ħaddiem ebda dritt għal pensjoni tax-xjuħija jew għall-allowances tal-familja.

50

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, jeħtieġ li jitfakkar li, bil-għan li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni billi bħala prinċipju tinżamm l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, ir-Regolament Nru 1408/71 stabbilixxa, fit-Titolu II tiegħu, sistema ta’ koordinazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni jew tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema b’salarju u mingħajr salarju li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. In-natura kompleta ta’ din is-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt għandha bħala effett li tneħħi, bħala prinċipju, is-setgħa tal-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru li jiddetermina liberament il-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu fir-rigward tal-persuni suġġetti għaliha u fir-rigward tat-territorju li fih id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipproduċu l-effetti tagħhom (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, de Ruyter,C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 li jiffissa r-regoli ġenerali relatati mad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-persuni li għalihom japplika dan ir-regolament huma suġġetti biss għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss, li għalhekk jeskludi, b’eċċezzjoni tal-każijiet previsti fl-Artikoli 14c u 14f, kull possibbiltà ta’ kumulu ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali għall-istess perijodu (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, de Ruyter, C‑623/13, EU:C:2015:123, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Billi jikkonkretizza l-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, hekk kif inhu ddefinit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, il-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu jippreċiża li l-persuna li teżerċita impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, anki jekk tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

53

Madankollu, dan il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma jistax iċaħħad lil Stat Membru li ma jkunx kompetenti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 mill-possibbiltà li jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, benefiċċji tal-familja jew pensjoni tax-xjuħija lil ħaddiem migrant b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1408/71 ma għandux l-intenzjoni li jipprekludi lill-Istat Membru ta’ residenza ta’ persuna milli jagħti, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, benefiċċji tal-familja u tax-xjuħija lil din il-persuna anki jekk, skont l-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, din il-persuna tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn teżerċita impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Franzen et, C‑382/13, EU:C:2015:261, punti 58 sa 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni Olandiża applikabbli teskludi l-affiljazzjoni ta’ persuna li tirrisjedi fit-territorju nazzjonali għas-sistema ta’ sigurtà nazzjonali meta din il-persuna taħdem fi Stat Membru ieħor. Din il-leġiżlazzjoni lanqas ma tipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga minn din l-esklużjoni, inkwantu l-klawżoli ta’ ekwità previsti mill-BUB 1989 u l-BUB 1999 ma jistgħux jiġu invokati fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali. B’hekk, persuna f’sitwazzjoni bħal dawk inkwistjoni f’dawn il-kawżi ma tistax, skont il-qorti tar-rinviju, tibbenefika mill-possibbiltà li tidderoga mill-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

55

Dan il-kuntest huwa kkaratterizzat ukoll biċ-ċirkustanza li l-ħaddiema migranti, f’dan il-każ, ma għandhomx dritt għal benefiċċji soċjali skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, kompetenti bis-saħħa tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71.

56

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Madankollu, id-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li ċaqliq fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ikun ta’ natura newtrali mill-perspettiva soċjali, inkwantu, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, tali ċaqliq jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata minn din il-perspettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punti 3334 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Minn naħa, fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE, għalkemm dan jipprekludi kull miżura nazzjonali li tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà fundamentali ta’ moviment iggarantita minn dan l-artikolu, l-imsemmi artikolu ma jagħtix lil ħaddiem li jiċċaqlaq fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu d-dritt li jgawdi, fl-Istat Membru ospitanti, mill-istess kopertura soċjali bħal dik li minnha jkun jibbenefika fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punti 3335).

58

L-Artikolu 45 TFUE lanqas ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil ħaddiem migrant id-dritt li jgawdi, fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, mill-istess kopertura soċjali bħal dik li minnha jkun jista’ jibbenefika li kieku kellu jaħdem f’dan l-Istat Membru, meta jaħdem fi Stat Membru ieħor u ma jibbenefikax minn tali kopertura skont id-dispożizzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71.

59

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 48 TFUE, li jipprevedi sistema ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom, id-differenzi ta’ mertu u ta’ proċedura bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ kull Stat Membru u, għaldaqstant, fid-drittijiet tal-persuni msieħba magħhom, ma humiex milquta minn din id-dispożizzjoni, fejn kull Stat Membru jibqa’ kompetenti sabiex jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak, C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339, punt 42).

60

Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu48 TFUE fis-sens li jkun jobbliga lil Stat Membru mhux kompetenti jagħti kopertura soċjali lil ħaddiem migrant li jkollu impjieg b’salarju fi Stat Membru ieħor tkun tqiegħed inkwistjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, is-sistema ta’ koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali kkonkretizzata mill-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71.

61

Fil-fatt, tali interpretazzjoni tgħaddi mir-riskju li tkisser l-ekwilibriju stabbilit mit-Trattat FUE sa fejn tali obbligu jkun jista’, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iwassal sabiex tiġi applikata biss il-liġi tal-Istat Membru li jipproponi l-iktar kopertura soċjali favorevoli. Issa, tali kriterju ta’ konnessjoni jkun ta’ ġestjoni partikolarment diffiċli fid-dawl tal-bosta benefiċċji potenzjali li jaqgħu taħt fergħat differenti tas-sigurtà soċjali, elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

62

Barra minn hekk, tali soluzzjoni tkun tista’ tippreġudika l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru li jipproponi l-iktar kopertura soċjali favorevoli.

63

Mill-elementi prodotti mill-qorti tar-rinviju fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-assenza ta’ kopertura soċjali tal-ħaddiema migranti partijiet fil-kawżi prinċipali għall-perijodi li matulhom huma ħadmu barra mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom tirriżulta biss mill-applikazzjoni tal-Istat Membru kompetenti fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71. Issa, il-kontenut tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali ma huwiex suġġett għal armonizzazzjoni, la fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u lanqas fuq dak tar-Regolament Nru 1408/71.

64

Għalhekk, l-Artikoli 45 u 48 TFUE ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, lill-Istat Membru ta’ residenza jagħti benefiċċji soċjali lil ħaddiem migrant meta dan ma jkollux dritt għal tali benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, kompetenti fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71.

65

Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1408/71, żewġ Stati Membri għandhom il-possibbiltà li jipprevedu bi ftehim komuni, fl-interess ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni jew ta’ ċerti persuni, eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Din il-possibbiltà hija partikolarment issuġġerita meta, bħal fil-każ tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, id-dritt applikabbli tal-Istat Membru ta’ impjieg ma jagħti lill-ħaddiem migrant ebda dritt għal pensjoni tax-xjuħija jew għall-benefiċċji tal-familja meta dan kien ikun ibbenefika minn tali drittijiet li kieku kien baqa’ mingħajr impjieg fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.

66

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ħaddiem migrant li jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg, fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, ma huwiex assigurat fuq il-bażi tal-assigurazzjonijiet soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ residenza, minkejja li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg ma tagħti ebda dritt għal pensjoni tax-xjuħija jew għall-benefiċċji tal-familja lil dan il-ħaddiem.

Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑95/18

67

Permezz tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑95/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedi ħaddiem migrant u li ma huwiex kompetenti taħt dan l-artikolu, jissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal pensjoni tax-xjuħija lil dan il-ħaddiem migrant għal obbligu ta’ assigurazzjoni, li jinvolvi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji.

68

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li filwaqt li, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna li teżerċita impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, anki jekk tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament ma huwiex intiż li jipprekludi lill-Istat ta’ residenza milli jagħti, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, benefiċċju soċjali bħall-pensjoni tax-xjuħija lil din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2008, Bosmann, C‑352/06, EU:C:2008:290, punt 31).

69

Fis-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment għas-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (302/84, EU:C:1986:242), u tal‑10 ta’ Lulju 1986Luijten (60/85, EU:C:1986:307), ippreċiżat li, moqrija fil-kuntesti speċifiċi tagħhom, differenti minn dak tal-kawża prinċipali, dawn is-sentenzi ma jistgħux iservu bħala bażi sabiex jiġi eskluż li Stat Membru, li ma huwiex l-Istat kompetenti u li ma jissuġġettax id-dritt għal benefiċċju tal-familja għal kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ assigurazzjoni, jista’ jagħti tali benefiċċju lil persuna li tirrisjedi fit-territorju tiegħu, ġaladarba l-possibbiltà ta’ tali għoti tirriżulta effettivament mil-leġiżlazzjoni tiegħu.

70

Issa, billi kkunsidrat li l-Istat Membru mhux kompetenti fir-rigward tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jissuġġetta d-dritt għal benefiċċju tal-familja għal kundizzjoni ta’ assigurazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkjarifikat il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli hekk kif għandu japplika għall-ħaddiema migranti impjegati. Fil-fatt, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li l-persuna li teżerċita impjieg fit-teritorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, anki jekk din il-persuna tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Minn dan jirriżulta li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-Istat Membru li fih jirrisjedi l-ħaddiem migrant ma jistax jimponi obbligu ta’ assigurazzjoni fuq dan il-ħaddiem mingħajr ma jqiegħed inkwistjoni s-sistema ta’ koordinazzjoni prevista fl-Artikolu 48 TFUE.

71

Tali obbligu ta’ assigurazzjoni, li jinvolvi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet, impost minn Stat Membru mhux kompetenti, fir-rigward tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, jgħaddi mir-riskju li jimponi fuq il-ħaddiem migrant li jikkontribwixxi għas-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ żewġ Stati Membri differenti, liema fatt ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ uniċità li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi.

72

Madankollu, iċ-ċirkustanza li l-Istat Membru mhux kompetenti taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jissuġġetta d-dritt għal benefiċċju tal-familja għal kundizzjoni ta’ assigurazzjoni ma tistax tinftiehem fis-sens li kull sħubija ta’ ħaddiem migrant hija pprojbita f’dan l-Istat Membru. Fil-fatt l-Istat Membru ta’ residenza jista’, fuq il-bażi ta’ kriterju ta’ rabta differenti taċ-ċirkustanzi ta’ impjieg jew ta’ assigurazzjoni, jagħti benefiċċji soċjali, u b’mod partikolari benefiċċji tax-xjuħija, lil persuna li tirrisjedi fit-territorju tagħha, ġaladarba l-possibbiltà ta’ tali għoti tirriżulta effettivament mil-leġiżlazzjoni tagħha.

73

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑95/18 jirriżulta li, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konjuġi ta’ H. D. Giesen kienet assigurata fuq il-bażi tal-AOW bħala residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi matul dan il-perijodu. Għaldaqstant il-kriterju ta’ rabta meħud inkunsiderazzjoni minn din il-leġiżlazzjoni kien il-post ta’ residenza tal-ħaddiem migrant.

74

Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi madankollu indika li l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet kien neċessarju għall-għoti ta’ benefiċċji tax-xjuħija u li, fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑95/18, is-sempliċi kundizzjoni ta’ residenza ma kinitx suffiċjenti sabiex persuna tirċievi tali benefiċċji. Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-Kawża C‑95/18, il-konjuġi ta’ H. D. Giesen kellhiex id-dritt għal benefiċċji tax-xjuħija indipendentement minn obbligu ta’ kontribuzzjoni.

75

Jeħtieġ ulterjorment li jiġi spjegat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikoli 45 u 48 TFUE, bħar-Regolament Nru 1408/71 adottat għall-implimentazzjoni tagħhom, għandhom b’mod partikolari bħala għan li jevitaw li ħaddiem li jagħmel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jiġi ttrattat, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, b’mod inqas favorevoli minn dak li jkun żvolġa l-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak, C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Issa, dan ikun il-każ li kieku l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tkun inqas favorevoli fil-konfront tal-ħaddiem migrant meta mqabbel ma’ dawk li jeżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru fejn din il-leġiżlazzjoni tapplika u fejn din tasal tobbliga lil dan il-ħaddiem iħallas kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali mhux rimborsabbli, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedi ħaddiem migrant u li ma huwiex kompetenti fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu jissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal pensjoni tax-xjuħija lil dan il-ħaddiem migrant għal obbligu ta’ assigurazzjoni, li jinvolvi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 45 u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha ħaddiem migrant li jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg, fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2006, ma huwiex assigurat fuq il-bażi tal-assigurazzjonijiet soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ residenza, minkejja li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg ma tagħti ebda dritt għal pensjoni tax-xjuħija jew għall-benefiċċji tal-familja lil dan il-ħaddiem.

 

2)

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedi ħaddiem migrant u li ma huwiex kompetenti fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu jissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal pensjoni tax-xjuħija lil dan il-ħaddiem migrant għal obbligu ta’ assigurazzjoni, li jinvolvi l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top