Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0052

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Mejju 2019.
    Christian Fülla vs Toolport GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Norderstedt.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 1999/44/KE – Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat – Artikolu 3 – Dritt tal-konsumatur li l-oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv – Determinazzjoni tal-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex dan l-oġġett jinġieb f’konformità – Kunċett ta’ oġġett miġjub f’konformità ‘mingħajr ħlas’ – Dritt tal-konsumatur li jħassar il-kuntratt.
    Kawża C-52/18.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:447

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    23 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 1999/44/KE – Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat – Artikolu 3 – Dritt tal-konsumatur li l-oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv – Determinazzjoni tal-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex dan l-oġġett jinġieb f’konformità – Kunċett ta’ oġġett miġjub f’konformità ‘mingħajr ħlas’ – Dritt tal-konsumatur li jħassar il-kuntratt”

    Fil-Kawża C‑52/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali ta’ Norderstedt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

    Christian Fülla

    vs

    Toolport GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann, J. Möller u A. Berg, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, J. Traband u A.‑L. Desjonquères, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Christian Fülla u Toolport GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, dwar talba għar-rimbors tal-prezz ta’ xiri ta’ tinda fil-kuntest tal-eżerċizzju, minn C. Fülla, tad-dritt tiegħu li jħassar il-kuntratt ta’ bejgħ.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-premessi 1 u 10 sa 12 tad-Direttiva 1999/44:

    “(1)

    Billi l-Artikolu 153(1) u (3) [KE] jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skond l-Artikolu 95 [KE];

    […]

    (10)

    Billi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt, il-konsumaturi għandhom ikunu ntitolati li l-oġġetti tagħhom jiġu rrestawrati għall-konformità mal-kuntratt mingħajr ħlas, billi jagħżlu bejn tiswija u tibdil, jew, jekk dan ma jsirx, li l-prezz jitnaqqas jew il-kuntratt jitħassar;

    (11)

    Billi l-konsumatur jista’ mill-ewwel jeħtieġ li l-bejjiegħ isewwi l-affarijiet jew li jibdilhom sakemm-il darba dawk ir-rimedji [ma] jkunu[x i]mpossibbli jew disproporzjonati; billi jekk rimedju huwa disproporzjonat jew le għandu jkun determinat oġġettivament; billi rimedju jkun disproporzjonat jekk ikun impost, f’paragun mar-rimedju l-ieħor, spejjeż mhux raġjonevoli; billi, sabiex ikun determinat jekk l-ispejjeż humiex raġjonevoli, l-ispejjeż ta’ rimedju wieħed għandhom ikun b’mod sinifikattiv akbar mill-ispejjeż tar-rimedju l-ieħor;

    (12)

    Billi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, il-bejjiegħ jista dejjem joffri lill-konsumatur, b’mod ta’ ħlas, kull rimedju disponibbli; billi għandu jitħalla llil-konsumatur li jiddeċiedi jekk għandux jaċċetta jew jirrifjuta din il-proposta”.

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-għan ta’ din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.”

    5

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konformità mal-kuntratt”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.”

    6

    L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet tal-konsumatur”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

    2.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

    3.   Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa [sakemm dan ma jkunx] impossibbli jew disproporzjonat.

    Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m’humiex raġjonevoli, b’konsiderazzjoni mogħtija:

    lill-valur li l-oġġetti jkollhom jekk ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità,

    lis-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità, u

    jekk ir-rimedju alternattiv ikun jista’ jitlesta mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

    Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.

    4.   It-termini ‘mingħajr ħlas’ fil-paragrafi 2 u 3 jirreferu għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal.

    5.   Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

    jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew

    jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli, jew

    jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

    6.   Il-konsumatur m’huwiex intitolat li jħassar il-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità hija minuri.”

    7

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/44, intitolat “Liġi nazzjonali u protezzjoni minima”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

    Id-dritt Ġermaniż

    8

    Id-Direttiva 1999/44 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz ta’ emendi introdotti fil-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”). L-Artikolu 269 tal-BGB, intitolat “Post ta’ eżekuzzjoni”, jipprovdi:

    “1.   Meta ma jkunx gie speċifikat post ta’ eżekuzzjoni jew ma jkunx jidher ċar miċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari min-natura tal-obbligu, l-eżekuzzjoni għandha ssir fil-post fejn min ikun intrabat bl-obbligu kellu r-residenza tiegħu fiż-żmien meta jkun inħoloq l-obbligu.

    2.   Jekk l-obbligu jinħoloq fl-impriża kummerċjali ta’ min ikun intrabat bl-obbligu, il-post tal-impriża kummerċjali jissostitwixxi r-residenza jekk min ikun intrabat bl-obbligu kien żamm l-impriża kummerċjali tiegħu f’post ieħor.

    3.   Miċ-ċirkustanza biss li min ikun intrabat bl-obbligu jkun ħa r-responsabbiltà għall-ħlas tal-ispejjeż tat-trasport wieħed ma jistax jikkonkludi li l-post fejn jintemm it-trasport għandu jkun il-post ta’ eżekuzzjoni.”

    9

    L-Artikolu 439 tal-BGB, intitolat “Eżekuzzjoni sussegwenti”, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi:

    “1.   Permezz ta’ eżekuzzjoni sussegwenti, ix-xerrej jista’ jitlob li d-difett jissewwa jew li l-oġġetti jiġu kkunsinnati u jkunu ħielsa minn kull difett, skont kif jippreferi.

    2.   Il-bejjiegħ għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż meħtieġa għall-finijiet tal-eżekuzzjoni sussegwenti inklużi, b’mod partikolari, l-ispejjeż tat-trasport, ġarr, xogħol u materjal.

    3.   [I]l-bejjiegħ jista’ jirrifjuta l-mod ta’ eżekuzzjoni sussegwenti magħżul mix-xerrej jekk tali eżekuzzjoni tkun possibbli biss bi spejjeż sproporzjonati. Dwar dan għandu jitqies b’mod partikolari l-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kienx hemm nuqqas ta’ konformità, is-sinjifikat tan-nuqqas ta’ konformità, u jekk setax isir ir-rimedju alternattiv mingħajr inkonvenjenza sinjifikattiva għax-xerrej. F’każijiet bħal dawn id-dritt tax-xerrej għandu jkun limitat għall-mezzi alternattivi ta’ eżekuzzjoni sussegwenti; dan ma jippreġudikax id-dritt tal-bejjiegħ li jirrifjuta wkoll ir-rimedju alternattiv bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza.

    4.   Meta bejjiegħ jikkunsinna oġġetti ħielsa minn difetti għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni sussegwenti, huwa jista’ jitlob lix-xerrej irodd lura l-oġġetti difettużi skont l-Artikoli 346 sa 348.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10

    Fit-8 ta’ Lulju 2015, C. Fülla xtara mingħand Toolport, bit-telefon, tinda ta’ ħames metri b’sitta.

    11

    Wara l-kunsinna ta’ din it-tinda fir-residenza ta’ C. Fülla, dan tal-aħħar ikkonstata n-nuqqas ta’ konformità tagħha u għalhekk talab lil Toolport sabiex iġġib it-tinda f’konformità fir-residenza tiegħu. Huwa la bagħat it-tinda lura lil Toolport u lanqas ma ppropona li jagħmel hekk. Min-naħa tagħha, Toolport ċaħdet l-ilmenti ta’ C. Fülla dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmija tinda, peress li qieset li kienu infondati. Fl-istess ħin, hija ma indikatx lil C. Fülla li kien meħtieġ li t-tinda tiġi ttrasportata sas-sede kummerċjali tagħha, u lanqas ma pproponietlu li tħallas l-ispejjeż tat-trasport.

    12

    F’dan l-istadju l-partijiet ma ddiskutewx dwar il-post fejn it-tinda kellha tinġieb inkonformità. Barra minn hekk, fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet ma kien hemm xejn previst f’dan ir-rigward.

    13

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, C. Fülla talab li jitħassar il-kuntratt u li jiġi rrimborsat il-prezz tax-xiri ta’ din it-tinda, bħala korrispettiv għar-restituzzjoni tagħha.

    14

    Peress li Toolport ma laqgħetx din it-talba, C. Fülla ppreżenta rikors quddiem l-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali ta’ Norderstedt, il-Ġermanja).

    15

    Fil-kuntest tal-proċedura quddiem dik il-qorti, Toolport sostniet, għall-ewwel darba, li s-sede kummerċjali tagħha kien il-post fejn l-oġġett inkwistjoni kellu jinġieb f’konformità.

    16

    Skont il-qorti tar-rinviju, id-determinazzjoni tal-post fejn l-oġġett inkwistjoni għandu jinġieb f’konformità hija essenzjali sabiex ikun magħruf jekk C. Fülla tax lil Toolport il-possibbiltà li ssewwi jew li tissostitwixxi dan l-oġġett jew “żmien raġonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44, sabiex tkun tista’ tħassar il-kuntratt konformement ma’ din id-dispożizzjoni.

    17

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, il-post fejn oġġett jinġieb f’konformità huwa ddeterminat b’applikazzjoni tal-Artikolu 269 tal-BGB, li jipprovdi li dak li huwa deċiżiv, fl-ewwel lok, huwa dak li jkun ġie miftiehem bejn il-partijiet. Fl-assenza ta’ ftehim kuntrattwali dwar dan il-post, ikun meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, b’mod partikolari n-natura tal-obbligu inkwistjoni. Jekk ikun impossibbli li jinstiltu konklużjonijiet definittivi minn dawn iċ-ċirkustanzi, il-post fejn oġġett jinġieb f’konformità għandu jiġi ffissat fil-post fejn kienu jinsabu r-residenza jew l-istabbiliment kummerċjali tad-debitur fil-mument li fih tnisslet ir-relazzjoni ta’ obbligu.

    18

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), l-Artikolu 269 tal-BGB għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dan il-każ, il-konsumatur huwa obbligat li jqiegħed l-oġġett inkwistjoni, sabiex jinġieb f’konformità, għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ fis-sede kummerċjali ta’ dan tal-aħħar.

    19

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ tali interpretazzjoni mad-Direttiva 1999/44 u tindika li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-oġġett inkwistjoni, l-organizzazzjoni tat-trasport tista’ tippreżenta, għall-konsumatur, “inkonvenjent sinjifikattiv”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

    20

    Skont l-imsemmija qorti, il-post fejn oġġett jinġieb f’konformità li huwa l-iktar post adegwat sabiex tiġi żgurata protezzjoni kemm jista’ jkun wiesgħa għall-konsumatur huwa l-post fejn jinsab tali oġġett. Tali approċċ jippermetti lill-bejjiegħ jorganizza huwa stess eżami ta’ dan l-oġġett bl-iktar mod effikaċi. B’hekk, il-bejjiegħ ikun jista’ jeżamina l-imsemmi oġġett fil-post fejn jinsab u jkun jista’ jittrasportah għandu bi spejjeż tiegħu u skont l-istruzzjonijiet tiegħu.

    21

    Mill-banda l-oħra, id-determinazzjoni tal-post fejn oġġett għandu jinġieb f’konformità fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret għandha, skont il-qorti tar-rinviju, tiġi eskluża sa fejn toħloq inċertezza legali, minn tal-inqas għall-konsumatur.

    22

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubju wkoll dwar jekk il-prinċipju li oġġett għandu jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, li huwa stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, ikoprix id-dritt, għall-konsumatur, li jitlob lill-bejjiegħ iħallas bil-quddiem l-ispejjeż tat-trasport ta’ dan l-oġġett sas-sede kummerċjali tal-bejjiegħ sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jsewwi jew jissostitwixxi dan l-oġġett.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Norderstedt (il-Qorti Distrettwali ta’ Norderstedt) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva 1999/44] għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur għandu dejjem iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod esklużivament fil-post fejn jinsab l-oġġett, għall-finijiet ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva 1999/44] għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur għandu dejjem iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod esklużivament fis-sede kummerċjali tal-imprenditur, għall-finijiet ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv:

    Liema kriterji jirriżultaw mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva 1999/44] fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post fejn il-konsumatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għall-finijiet ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni?

    4)

    Fil-każ li l-post fejn il-konsumatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżamina l-oġġett u jsewwih ikun – fil-każijiet kollha jew f’dan il-każ speċifiku – is-sede kummerċjali tal-imprenditur:

    Huwa konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) flimkien mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/44 li l-konsumatur ikollu jħallas l-ispejjeż tat-trasport lejn u minn is-sede kummerċjali tal-imprenditur jew mill-obbligu ‘li jsewwi […] mingħajr ħlas’ jirriżulta li l-bejjiegħ huwa marbut jagħmel ħlas antiċipat?

    5)

    Fil-każ li l-post fejn il-konsumatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżamina l-oġġett u jsewwih ikun – fil-każijiet kollha jew f’dan il-każ speċifiku – is-sede kummerċjali tal-imprenditur u fil-każ li huwa konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) flimkien mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/44 li l-konsumatur jagħmel ħlas antiċipat tal-ispejjeż tat-trasport:

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-[Direttiva 1999/44] għandhom jiġu interpretati fis-sens li konsumatur ma jistax jirrexxindi kuntratt jekk ikun sempliċement innotifika d-difett fl-oġġett lill-imprenditur, mingħajr ma jkun offra li jittrasporta l-imsemmi oġġett fis-sede kummerċjali tal-imprenditur?

    6)

    Fil-każ li l-post fejn il-konsumatur għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imprenditur l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżamina l-oġġett u jsewwih ikun – fil-każijiet kollha jew f’dan il-każ speċifiku – is-sede kummerċjali tal-imprenditur, iżda ma huwiex konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) flimkien mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/44 li l-konsumatur jagħmel ħlas antiċipat tal-ispejjeż tat-trasport:

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-[Direttiva 1999/44] għandhom jiġu interpretati fis-sens li konsumatur ma jistax jirrexxindi kuntratt jekk ikun sempliċement innotifika d-difett fl-oġġett lill-imprenditur, mingħajr ma jkun offra li jittrasporta l-imsemmi oġġett fis-sede kummerċjali tal-imprenditur?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    24

    Skont il-Gvern Ġermaniż, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari hija dubjuża sa fejn kemm l-espożizzjoni tal-fatti u kemm il-preżentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali huma bażiċi u sa fejn ir-rilevanza tad-domandi magħmula għas-soluzzjoni tat-tilwima ma tistax tiġi dedotta mill-fatti waħedhom.

    25

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    F’dan il-każ, minn naħa, l-espożizzjoni, fid-deċiżjoni tar-rinviju, tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, riprodotti fil-punti 10 sa 15 ta’ din is-sentenza, u l-preżentazzjoni tal-kuntest legali nazzjonali rilevanti, imfakkar fil-punti 8 sa 9 ta’ din is-sentenza, huma ċari u kompleti biżżejjed sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha.

    27

    Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 16 sa 22 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-portata tad-drittijiet tal-konsumatur, taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u, b’mod partikolari, il-ħtieġa, għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, li jiġi ddeterminat il-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex dan l-oġġett jinġieb f’konformità.

    28

    Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel tliet domandi

    29

    Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex dan l-oġġett jinġieb f’konformità skont din id-dispożizzjoni, huwa dejjem il-post fejn jinsab dan l-oġġett jew, fin-negattiv, dejjem il-post fejn jinsab is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ, jew, fin-negattiv, liema kriterji joħorġu minn din id-dispożizzjoni sabiex jiġi ddeterminat dan il-post.

    30

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/44, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett meta jiġi kkunsinnat, il-konsumatur għandu d-dritt li l-oġġett jinġieb f’konformità, permezz ta’ tiswija jew ta’ sostituzzjoni, konformement mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, jew, meta ma jkunx possibbli li dan l-oġġett jinġieb f’konformità, li l-prezz jitnaqqas b’mod adegwat jew li l-kuntratt jiġi mħassar, konformement mal-Artikolu 3(5) u (6) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C‑404/06, EU:C:2008:231, punt 27).

    31

    L-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jispeċifikaw li, inizjalment, il-konsumatur għandu d-dritt jeżiġi li l-bejjiegħ isewwi jew jissostitwixxi l-oġġett, fiż-żewġ każijiet mingħajr ħlas, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew sproporzjonat. Għal dan il-għan, kwalunkwe tiswija jew kwalunkwe sostituzzjoni għandhom jitwettqu fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, fid-dawl tan-natura tal-oġġett u tal-użu ta’ dan l-oġġett mixtieq minn dan il-konsumatur.

    32

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 ma jiddeterminax il-post fejn oġġett li ma jkunx konformi għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ sabiex jissewwa jew jiġi ssostitwit, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet intiżi li jirregolaw kif dan l-oġġett għandu jinġieb f’konformità. B’hekk, kwalunkwe tiswija jew kwalunkwe sostituzzjoni għandhom jitwettqu mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur. Dawn it-tliet rekwiżiti huma l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura lill-konsumatur protezzjoni effettiva (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C‑65/09 u C‑87/09, EU:C:2011:396, punt 52).

    33

    Minn dan isegwi li l-post fejn l-oġġett mhux konformi għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ sabiex jissewwa jew jiġi ssostitwit għandu jkun adegwat sabiex jiġi żgurat li dan jinġieb f’konformità b’mod li jissodisfa l-imsemmija tliet rekwiżiti.

    34

    B’hekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rekwiżit li l-oġġett jinġieb f’konformità “mingħajr ħlas”, li jimplika l-esklużjoni ta’ kwalunkwe pretensjoni finanzjarja min-naħa tal-bejjiegħ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, kemm jekk din tieħu l-forma ta’ tiswija u kemm jekk tieħu l-forma ta’ sostituzzjoni tal-oġġett mhux konformi, u li huwa intiż li jipproteġi lill-konsumatur mir-riskju ta’ piżijiet finanzjarji li jistgħu jiddiswaduh milli jinvoka d-drittijiet tiegħu fl-assenza ta’ tali protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C‑404/06, EU:C:2008:231, punt 34), għandu jiġi osservat li dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi kkundizzjonat mill-post fejn il-konsumatur huwa obbligat iqiegħed l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex jinġieb f’konformità.

    35

    Huwa minnu li l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 jispeċifikaw li l-bejjiegħ jista’ jirrifjuta li jsewwi l-oġġett jew li jissostitwixxih mingħajr ħlas jekk dan jirriżulta impossibbli jew sproporzjonat sa fejn wieħed minn dawn il-modi ta’ rimedju jimponi fuq il-bejjiegħ spejjeż irraġonevoli meta mqabbel mal-mod l-ieħor. Madankollu, il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata n-natura irraġonevoli ta’ tali spejjeż, elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, jirreferu għall-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku ma kellux nuqqas ta’ konformità, għall-portata tan-nuqqas ta’ konformità u għall-kwistjoni ta’ jekk il-mod l-ieħor ta’ rimedju jistax jiġi implimentat mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, u huma intiżi li japplikaw irrispettivament mill-post fejn il-konsumatur huma meħtieġ iqiegħed oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex jinġieb f’konformità.

    36

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rekwiżit li l-oġġett jinġieb f’konformità “fi żmien raġonevoli”, għandu jiġi osservat li l-ħeffa li biha dan l-oġġett jinġieb f’konformità tista’ tvarja skont il-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed, għal dan il-għan, l-oġġett għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ.

    37

    Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari jekk l-oġġett jinsab f’pajjiż differenti minn dak tas-sede kummerċjali tiegħu, il-bejjiegħ jista’ jkollu bżonn ħafna żmien sabiex jorganizza l-ispezzjoni ta’ dan l-oġġett, fid-dawl tal-eventwali tiswija jew sostituzzjoni tiegħu, f’dan il-post. F’tali każ, ma huwiex eskluż li t-tqegħid tal-oġġett għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ fis-sede kummerċjali tiegħu jista’ jiżgura li dan l-oġġett jinġieb f’konformità f’inqas żmien.

    38

    Mill-banda l-oħra, jekk il-bejjiegħ ikollu diġà netwerk ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ jew netwerk ta’ trasport disponibbli fil-post fejn jinsab l-oġġett, dan l-oġġett ikun jista’ jinġieb f’konformità f’inqas żmien jekk il-bejjiegħ jispezzjona dan l-oġġett f’dan il-post jew jorganizza huwa stess it-trasport ta’ dan l-oġġett lejn is-sede kummerċjali tiegħu.

    39

    Fit-tielet lok, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 jeżiġi li l-oġġett jinġieb f’konformità “mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom”.

    40

    Minn dan isegwi, minn naħa, li l-post fejn l-oġġett għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ sabiex jinġieb f’konformità ma għandux jintgħażel b’mod li ma jirrappreżenta ebda inkonvenjent għall-konsumatur, sa fejn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni normalment jeħtieġ, min-naħa tal-konsumatur, ċertu investiment f’termini ta’ ħin u ta’ sforz marbut mal-ippakkjar u mal-kunsinna tal-oġġett, iżda għandu jintgħażel b’mod li ma jirrappreżentax inkonvenjent sinjifikattiv, mifhum, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, bħala piż li jkun ta’ natura li jiddiswadi lil konsumatur medju milli jinvoka d-drittijiet tiegħu.

    41

    F’dan ir-rigward, fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44 huwa intiż li jistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi tal-konsumatur u dawk tal-bejjiegħ, filwaqt li jiggarantixxi lill-konsumatur, bħala l-parti dgħajfa fil-kuntratt, protezzjoni kompleta u effikaċi kontra eżekuzzjoni inadempjenti mill-bejjiegħ tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, filwaqt li jippermetti li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika invokati minn dan tal-aħħar (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C‑65/09 u C‑87/09, EU:C:2011:396, punt 75).

    42

    Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi evalwat jekk, fil-kuntest tal-proċess li bih oġġett jinġieb f’konformità, sitwazzjoni tistax tirrappreżenta inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur medju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġett u l-użu ta’ dan l-oġġett mixtieq minn dan il-konsumatur.

    43

    B’hekk, f’ċerti każijiet, kemm minħabba n-natura tal-oġġetti, b’mod partikolari minħabba l-piż kbir tagħhom, il-volum kbir tagħhom, in-natura partikolarment fraġli tagħhom jew inkella minħabba rekwiżiti partikolarment kumplessi marbuta mal-ispedizzjoni tagħhom, u kemm minħabba l-użu tagħhom mixtieq minn konsumatur medju, li jimplika b’mod partikolari l-installazzjoni minn qabel tagħhom, l-ispedizzjoni tagħhom lejn is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ tista’ tikkostitwixxi, għal dan il-konsumatur, inkonvenjent sinjifikattiv li jmur kontra r-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44.

    44

    F’każijiet oħra, jista’ jiġi preżunt, għall-kuntrarju, li l-ispedizzjoni lejn is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ ta’ oġġetti żgħar, li la jirrikjedu manutenzjoni speċjali u lanqas mod ta’ trasport partikolari, ma hijiex ta’ natura tali li tikkostitwixxi, għall-imsemmi konsumatur, inkonvenjent sinjifikattiv.

    45

    Għaldaqstant, il-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex dan l-oġġett jinġieb f’konformità, li huwa l-iktar post adegwat sabiex jiġi żgurat li l-oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, jiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ partikolari.

    46

    F’dan id-dawl, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/44 u l-Artikolu 8(2) tagħha, din id-direttiva hija intiża li tiżgura protezzjoni uniformi minima għall-konsumaturi fil-qasam irregolat minnha. B’hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-post jew il-postijiet fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex dan l-oġġett jinġieb f’konformità, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni ogħla għall-konsumatur, bħalma huma regoli speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti.

    47

    Meta japplikaw id-dritt nazzjonali adottat b’dan il-mod, il-qrati nazzjonali li jkunu meħtieġa jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u għandhom japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex jinterpretawh, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-finalità tad-Direttiva 1999/44 sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u sabiex b’hekk ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jibdlu, jekk ikun meħtieġ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ din id-direttiva (sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 3133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel tliet domandi hija li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għadhom kompetenti sabiex jistabbilixxu l-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex jinġieb f’konformità b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-post għandu jkun adegwat sabiex jiġi żgurat li l-oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, fid-dawl tan-natura tal-oġġett u tal-użu mixtieq mill-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tagħti interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 1999/44, inkluż, jekk ikun il-każ, billi tibdel ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

    Fuq ir-raba’ domanda

    49

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) sa (4) tad-Direttiva 1999/44 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-konsumatur li oġġett, mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod, jinġieb f’konformità “mingħajr ħlas”, ikopri l-obbligu tal-bejjiegħ li jħallas bil-quddiem l-ispejjeż tat-trasport ta’ dan l-oġġett, bil-għan li jinġieb f’konformità, lejn is-sede kummerċjali ta’ dan il-bejjiegħ.

    50

    Konformement mal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, il-kunċett “mingħajr ħlas” jirreferi għall-ispejjeż neċessarji esposti sabiex oġġett jinġieb f’konformità, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-ispedizzjoni tal-oġġett u l-ispejjeż marbuta max-xogħol u mal-materjal.

    51

    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, dan l-obbligu li oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jagħmel element essenzjali tal-protezzjoni żgurata lill-konsumatur mid-Direttiva 1999/44, huwa intiż li jipproteġi lill-konsumatur mir-riskju ta’ piżijiet finanzjarji li jista’ jiddiswadih milli jinvoka d-drittijiet tiegħu fl-assenza ta’ tali protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C‑404/06, EU:C:2008:231, punti 3334).

    52

    Fl-istess ħin, kif diġà ġie osservat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva ma hijiex intiża biss li tipproteġi l-interessi tal-konsumatur, billi tiggarantixxilu protezzjoni kompleta u effikaċi kontra eżekuzzjoni inadempjenti mill-bejjiegħ tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, iżda hija intiża wkoll li tibbilanċja dawn l-interessi ma’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika invokati mill-bejjiegħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C‑65/09 u C‑87/09, EU:C:2011:396, punt 75).

    53

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi osservat li l-obbligu, għall-bejjiegħ, li jħallas bil-quddiem u b’mod sistematiku l-ispejjeż ta’ trasport ta’ oġġett mhux konformi, mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod, lejn is-sede kummerċjali tiegħu jista’, minn naħa, itawwal il-ħin meħtieġ sabiex tali oġġett jinġieb f’konformità, għad-detriment tat-twettiq ta’ dan il-proċess fi żmien raġonevoli. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-bejjiegħ ma jużax tikketti għal ritorn li jkollhom diġà bolla u jkollu jittrasferixxi tali ħlas bil-quddiem. Min-naħa l-oħra, tali obbligu jista’ jimponi oneru kbir wisq għall-bejjiegħ, b’mod partikolari fil-każijiet fejn, wara ispezzjoni, tali oġġett jirriżulta li ma huwiex difettuż.

    54

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ibbilanċjar tal-interessi tal-konsumatur u tal-bejjiegħ mixtieq mid-Direttiva 1999/44 ma jeżiġix li l-obbligu li l-oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas jinkludi wkoll, lil hinn mill-obbligu, għall-bejjiegħ, li jirrimborsa lill-konsumatur l-ispejjeż tat-trasport ta’ dan l-oġġett lejn is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ, l-obbligu li dawn l-ispejjeż jitħallsu bil-quddiem u b’mod sistematiku lill-konsumatur.

    55

    B’dan premess, dan l-ibbilanċjar, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, jeżiġi, kif jirriżulta mill-punti 34 u 40 ta’ din is-sentenza, li l-ispejjeż tat-trasport imħallsa bil-quddiem mill-konsumaturi ma jikkostitwixxux piż ta’ natura li jiddiswadi lil konsumatur medju milli jinvoka d-drittijiet tiegħu. F’dan id-dawl, meta teżamina jekk piż huwiex ta’ natura li jiddiswadi lil tali konsumatur milli jinvoka d-drittijiet tiegħu, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ partikolari, b’mod partikolari elementi bħalma huma l-ammont tal-ispejjeż tat-trasport, il-valur tal-oġġett mhux konformi jew il-possibbiltà, fil-liġi jew fil-fatt, għall-konsumatur li jinvoka d-drittijiet tiegħu fl-assenza ta’ rimbors, mill-bejjiegħ, tal-ispejjeż tat-trasport imħallsa bil-quddiem mill-konsumatur.

    56

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 3(2) sa (4) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-konsumatur li oġġett, mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod, jinġieb f’konformità “mingħajr ħlas”, ma jkoprix l-obbligu tal-bejjiegħ li jħallas bil-quddiem l-ispejjeż tat-trasport ta’ dan l-oġġett, sabiex jinġieb f’konformità, lejn is-sede kummerċjali ta’ dan il-bejjiegħ, sakemm il-fatt li dan il-konsumatur iħallas bil-quddiem dawn l-ispejjeż ma jkunx jikkostitwixxi piż ta’ natura li jiddiswadih milli jinvoka d-drittijiet tiegħu, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

    Fuq il-ħames u s-sitt domanda

    57

    Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 3(3) u tat-tieni intiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsumatur li jkun informa lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod, mingħajr madankollu ma qiegħed dan l-oġġett għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ fis-sede kummerċjali tiegħu sabiex dan l-oġġett jinġieb f’konformità, għandu d-dritt li jħassar il-kuntratt minħabba nuqqas ta’ rimedju fi żmien raġonevoli.

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(3) u (5) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi sekwenza ċara ta’ implimentazzjoni ta’ modi ta’ rimedju li għalihom għandu dritt il-konsumatur fil-każ li l-oġġett ma jkunx konformi.

    59

    B’hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, il-konsumatur għandu, inizjalment, id-dritt li jeżiġi li l-bejjiegħ isewwi jew jissostitwixxi l-oġġett, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew sproporzjonat.

    60

    Huwa biss jekk il-konsumatur la jkollu dritt għat-tiswija u lanqas għas-sostituzzjoni tal-oġġett mhux konformi jew jekk il-bejjiegħ ma jkunx implimenta wieħed minn dawn il-modi ta’ rimedju fi żmien raġonevoli jew mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, li l-konsumatur jista’, skont l-Artikolu 3(5) tal-istess direttiva, jeżiġi li jitħassar il-kuntratt, ħlief, konformement mal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 1999/44, fil-każ li n-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikun minuri.

    61

    F’dan id-dawl, sa fejn mill-Artikolu 3(3) u (5) tad-Direttiva 1999/44, moqri flimkien mal-premessa 10 tagħha, jirriżulta li din id-direttiva tiffavorixxi, fl-interess taż-żewġ partijiet fil-kuntratt, l-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, permezz taż-żewġ modi ta’ rimedju previsti fl-ewwel lok, meta mqabbla mat-tħassir tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz, C‑65/09 u C‑87/09, EU:C:2011:396, punt 72), l-imsemmija direttiva tipprevedi, għal dan il-għan, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett, ċerti obbligi pożittivi kemm għall-konsumatur u kemm għall-bejjiegħ.

    62

    B’hekk, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, il-konsumatur li jixtieq li oġġett jinġieb f’konformità għandu jagħti lill-bejjiegħ possibbiltà suffiċjenti sabiex iġib dan l-oġġett f’konformità. Għaldaqstant, il-konsumatur huwa meħtieġ jinforma lill-bejjiegħ dwar dan in-nuqqas ta’ konformità u dwar il-mod ta’ rimedju magħżul minnu, jiġifieri t-tiswija tal-oġġett jew is-sostituzzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-konsumatur għandu jqiegħed tali oġġett mhux konformi għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ.

    63

    Min-naħa tiegħu, il-bejjiegħ għandu jwettaq l-eventwali tiswija jew sostituzzjoni mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur u jista’ jirrifjuta li jagħmel dan fil-każ biss li dan ikun impossibbli jew sproporzjonat. Kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza, il-konsumatur jista’ jeżiġi li jitħassar il-kuntratt fil-każ biss li l-bejjiegħ ikun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu f’dan ir-rigward, obbligi li huma imposti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44.

    64

    F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-partijiet fil-kawża prinċipali la laħqu ftehim u lanqas ma ddiskutew dwar il-post fejn l-oġġett kontenzjuż kellu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ sabiex jinġieb f’konformità. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-konsumatur, C. Fülla, informa lill-bejjiegħ, Toolport, dwar in-nuqqasijiet li kellu dan l-oġġett u talab lil din il-kumpannija ġġib dan l-oġġett f’konformità fir-residenza tiegħu, talba li madankollu ma kkawżat ebda reazzjoni min-naħa ta’ Toolport. Min-naħa tagħha, din tal-aħħar iddikjarat biss, għall-ewwel darba matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-istess oġġett kien imissu tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha fis-sede kummerċjali tagħha. Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-oġġett kontenjzuż, l-organizzazzjoni tat-trasport lejn is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ setgħet tippreżenta “inkonvenjent sinjifikattiv” għall-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva.

    65

    F’dan id-dawl, għandu jiġi kkonstatat li l-konsumatur, li jkun informa b’mod ċar lill-bejjiegħ dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod li t-trasport tiegħu lejn is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ jista’ jippreżenta inkonvenjent sinjifikattiv għal dan il-konsumatur u li qiegħed dan l-oġġett għad-dispożizjoni tal-bejjiegħ fir-residenza tiegħu sabiex jinġieb f’konformità, mingħajr ma jkun kiseb mill-bejjiegħ, bħala tweġiba, informazzjoni dwar il-post fejn l-oġġett għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni sabiex jinġieb f’konformità jew att pożittiv ieħor adegwat għal dan il-għan, u li għalhekk ma qiegħedx dan l-oġġett għad-dispożizzjoni tal-imsemmi bejjiegħ fil-post inkwistjoni, ikun issodisfa l-obbligu ta’ diliġenza li għandu taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber, C‑497/13, EU:C:2015:357, punti 61 sa 63).

    66

    Għall-kuntrarju, l-obbligu tal-bejjiegħ li jimplimenta mod ta’ rimedju fi żmien raġonevoli, li n-nuqqas ta’ twettiq tiegħu jagħti lill-konsumatur, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44, id-dritt li jeżiġi t-tħassir tal-kuntratt, ma jkunx issodisfatt jekk il-bejjiegħ ma jieħu ebda miżura adegwata sabiex, minn tal-inqas, jispezzjona l-oġġett mhux konformi, inkluż il-miżura li jinforma lill-konsumatur, fi żmien raġonevoli, dwar il-post fejn l-oġġett mhux konformi għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jinġieb f’konformità.

    67

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames u għas-sitt domanda hija li d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 3(3) u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsumatur li jkun informa lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod li t-trasport tiegħu lejn is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ jista’ jippreżenta inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur u li jkun qiegħed dan l-oġġett għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ fir-residenza tiegħu sabiex jinġieb f’konformità, għandu dritt għat-tħassir tal-kuntratt minħabba nuqqas ta’ rimedju fi żmien raġonevoli fil-każ li l-bejjiegħ ma jkun ħa ebda miżura adegwata sabiex iġib l-imsemmi oġġett f’konformità, inkluż il-miżura li jinforma lill-konsumatur dwar il-post fejn dan l-istess oġġett għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jinġieb f’konformità. F’dan id-dawl, il-qorti nazzjonali għandha, permezz ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 1999/44, tiżgura d-dritt ta’ dan il-konsumatur għat-tħassir tal-kuntratt.

    Fuq l-ispejjeż

    68

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għadhom kompetenti sabiex jistabbilixxu l-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex jinġieb f’konformità b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-post għandu jkun adegwat sabiex jiġi żgurat li l-oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, fid-dawl tan-natura tal-oġġett u tal-użu mixtieq mill-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tagħti interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 1999/44, inkluż, jekk ikun il-każ, billi tibdel ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

     

    2)

    L-Artikolu 3(2) sa (4) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-konsumatur li oġġett, mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod, jinġieb f’konformità “mingħajr ħlas”, ma jkoprix l-obbligu tal-bejjiegħ li jħallas bil-quddiem l-ispejjeż tat-trasport ta’ dan l-oġġett, sabiex jinġieb f’konformità, lejn is-sede kummerċjali ta’ dan il-bejjiegħ, sakemm il-fatt li dan il-konsumatur iħallas bil-quddiem dawn l-ispejjeż ma jkunx jikkostitwixxi piż ta’ natura li jiddiswadih milli jinvoka d-drittijiet tiegħu, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

     

    3)

    Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 3(3) u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsumatur li jkun informa lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod li t-trasport tiegħu lejn is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ jista’ jippreżenta inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur u li jkun qiegħed dan l-oġġett għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ fir-residenza tiegħu sabiex jinġieb f’konformità, għandu dritt għat-tħassir tal-kuntratt minħabba nuqqas ta’ rimedju fi żmien raġonevoli fil-każ li l-bejjiegħ ma jkun ħa ebda miżura adegwata sabiex iġib l-imsemmi oġġett f’konformità, inkluż il-miżura li jinforma lill-konsumatur dwar il-post fejn dan l-istess oġġett għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jinġieb f’konformità. F’dan id-dawl, il-qorti nazzjonali għandha, permezz ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 1999/44, tiżgura d-dritt ta’ dan il-konsumatur għat-tħassir tal-kuntratt.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top