This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0032
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 18 September 2019.#Tiroler Gebietskrankenkasse v Michael Moser.#Request for a preliminary ruling from the Oberster Gerichtshof.#Reference for a preliminary ruling — Social security — Migrant workers — Regulation (EC) No 987/2009 — Article 60 — Family benefits — Right to payment of the difference between the parental allowance paid in the Member State having primary competence and the childcare allowance provided by the Member State having secondary competence.#Case C-32/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Settembru 2019.
Tiroler Gebietskrankenkasse vs Michael Moser.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 60 – Benefiċċji tal-familja – Dritt għall-ħlas tad-differenza bejn l-ammont tal-allowance parentali mħallsa fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza u l-allowance għaż-żamma ta’ wild prevista mill-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja.
Kawża C-32/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta’ Settembru 2019.
Tiroler Gebietskrankenkasse vs Michael Moser.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 60 – Benefiċċji tal-familja – Dritt għall-ħlas tad-differenza bejn l-ammont tal-allowance parentali mħallsa fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza u l-allowance għaż-żamma ta’ wild prevista mill-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja.
Kawża C-32/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:752
*A9* Oberster Gerichtshof, Beschluss vom 20/12/2017 (10 ObS 74/17f)
*P1* Oberster Gerichtshof, Beschluss vom 15/10/2019 (ECLI:AT:OGH0002:2019:010OBS00137.19Y.1015.000)
https://www.ris.bka.gv.at/Dokument.wxe?ResultFunctionToken=29bb4f2e-2d35-43e6-b30a-2b8dc6adf460&Abfrage=Gesamtabfrage&SearchInAsylGH=&SearchInAvn=&SearchInAvsv=&SearchInBegut=&SearchInBgblAlt=&SearchInBgblAuth=&SearchInBgblPdf=&SearchInBks=&SearchInBundesnormen=&SearchInDok=&SearchInDsk=&SearchInErlaesse=&SearchInGbk=&SearchInGemeinderecht=&SearchInJustiz=&SearchInBvwg=&SearchInLvwg=&SearchInLgbl=&SearchInLgblNO=&SearchInLgblAuth=&SearchInLandesnormen=&SearchInNormenliste=&SearchInPruefGewO=&SearchInPvak=&SearchInRegV=&SearchInSpg=&SearchInUbas=&SearchInUmse=&SearchInUvs=&SearchInVerg=&SearchInVfgh=&SearchInVwgh=&ImRisSeitVonDatum=&ImRisSeitBisDatum=&ImRisSeit=Undefined&ResultPageSize=100&Suchworte=10obs137%2f19y&Dokumentnummer=JJT_20191015_OGH0002_010OBS00137_19Y0000_000
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
18 ta’ Settembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 60 – Benefiċċji tal-familja – Dritt għall-ħlas tad-differenza bejn l-ammont tal-allowance parentali mħallsa fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza u l-allowance għaż-żamma ta’ wild prevista mill-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja”
Fil-Kawża C‑32/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura
Tiroler Gebietskrankenkasse
vs
Michael Moser,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal A. Moser, minn E. Suitner u P. Wallnöfer, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer, D. Martin u B.‑R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu tas‑7 ta’ Marzu 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn it-Tiroler Gebietskrankenkasse (il-Fond ta’ Assigurazzjoni għal-Land ta’ Tyrol, l-Awstrija) u Michael Moser dwar it-talba ta’ dan tal-aħħar sabiex jirċievi l-ħlas tad-differenza bejn l-allowance parentali Ġermaniża u l-allowance għaż-żamma ta’ wild Awstrijaka. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004
3 |
Skont il-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), “il-prinċipju li ċerti fatti jew każijiet li jiġru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jkunu trattati bħallikieku ġraw fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li tapplika l-leġislazzjoniji tiegħu, ma għandux ifixkel il-prinċipju li perjodi ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg, ta’ impjieg għal rashom jew ta’ residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jingħaddu flimkien ma’ dawk il-perjodu magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti. Għaldaqstant, perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor għandhom jitqiesu biss billi jkun applikat il-prinċipju li perjodi jingħaddu flimkien”. |
4 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Trattament ugwali ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet”, jipprevedi li: “Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:
|
5 |
L-Artikolu 67 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li: “Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. […]” |
6 |
L-Artikolu 68 ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi r-regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ kumulu kif ġej: “1. Meta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawn ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw:
2. Fil-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. […]” |
Ir-Regolament Nru 987/2009
7 |
Skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009: “L-applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament bażiku, għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk [daqslikieku] il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn. Fejn persuna hi intitolata li titlob il-benefiċċji ma teżerċitax id-dritt tagħha, applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja ppreżentata mill-ġenitur l-ieħor, persuna ttrattata bħala ġenitur, jew persuna jew istituzzjoni li tkun qed taġixxi bħala t-tutur tat-tifel/tifla jew tat-tfal għandha titqies mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hi applikabbli.” |
Id-dritt Awstrijak
8 |
Il-Kinderbetreuungsgeldgesetz (il-Liġi dwar l-Allowance għaż-Żamma ta’ Wild) stabbilixxiet, fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, l-allowance għaż-żamma ta’ wild. L-għoti ta’ din l-allowance ma huwiex suġġett għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali qabel it-twelid tal-wild li jagħti dritt għaliha. |
9 |
Inizjalment, din il-liġi kienet tippermetti lill-ġenituri benefiċjarji li jagħżlu bejn tliet opzjonijiet u l-allowance kienet titħallas fil-forma ta’ tliet ammonti b’rata fissa li jikkorrispondu għal tliet perijodi ta’ kopertura differenti marbuta mal-età tal-wild. |
10 |
Wara emenda tal-imsemmija liġi, ġiet introdotta r-raba’ opzjoni. L-allowance għaż-żamma ta’ wild issa tista’ tingħata wkoll bħala benefiċċju ta’ sostituzzjoni tad-dħul professjonali sakemm il-wild jagħlaq 12‑il xahar jew, mhux iktar minn 14‑il xahar. L-ammont tal-allowance li jitħallas jiddependi, għal din l-opzjoni, mill-ammont tad-dħul professjonali preċedenti. |
11 |
L-Artikolu 6(3) ta’ din l-istess liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“KBGG”), jipprevedi li: “L-intitolament għall-allowance għaż-żamma ta’ wild għandu, sakemm il-persuna kkonċernata tkun intitolata għal benefiċċji tal-familja komparabbli fi Stat ieħor, ikun sospiż sal-ammont tal-benefiċċji dovuti fl-Istat l-ieħor. Id-differenza bejn il-benefiċċji tal-familja komparabbli dovuti fl-Istat l-ieħor u l-allowance għaż-żamma ta’ wild għandha tiġi akkreditata lill-allowance għaż-żamma ta’ wild ġaladarba l-benefiċċji tal-familja komparabbli fl-Istat l-ieħor jieqfu jitħallsu.” |
12 |
Skont l-Artikolu 24 tal-KBGG: “(1) Għall-iskopijiet ta’ din it-taqsima, ġenitur għandu jkun intitolat għall-allowance għaż-żamma tal-wild tiegħu jew tagħha […], sakemm: 1. il-kundizzjonijiet tal-intitolament stabbiliti fil-punti 1, 2, 4 u 5 tal-Artikolu 2(1), ikunu ssodisfatti; 2. għas-sitt xhur li jippreċedu immedjatament it-twelid tal-wild li għalih ser tintalab l-allowance għaż-żamma ta’ wild, dan il-ġenitur kien ilu f’attività professjonali kontinwa fis-sens tal-paragrafu 2 u ma rċieva ebda allowances tal-qagħad matul dan il-perijodu, fejn l-intitolament għall-allowance ma kienx affettwat minn interruzzjonijiet ta’ mhux iżjed minn total ta’ 14‑il ġurnata tal-kalendarju […] […] (2) Għall-iskopijiet ta’ din il-Liġi Federali, attività professjonali għandha tfisser l-eżerċizzju effettiv ta’ attività professjonali suġġetta għal kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Awstrija […]” |
13 |
L-Artikolu 24a tal-KBGG jistabbilixxi li: “(1) L-allowance għaż-żamma ta’ wild għandha tkun, għal kull ġurnata, ugwali għal: 1. fil-każ ta’ mara li tirċievi benefiċċju tal-maternità, 80 % tal-benefiċċju tal-maternità previst mid-dritt Awstrijak, espress bħala rata bbażata fuq kull ġurnata tal-kalendarju, dovut fl-okkażjoni tat-twelid ta’ kwalunkwe wild li għalih tkun ġiet mitluba l-allowance għaż-żamma ta’ wild, […] […] 3. fil-każ ta’ missier, 80 % tal-benefiċċju tal-maternità, espress bħala rata bbażata fuq kull ġurnata tal-kalendarju u li għandu jiġi kkalkolat b’mod fittizju, li jkun dovut lil mara fl-istess pożizzjoni tiegħu fl-okkażjoni tat-twelid ta’ kwalunkwe wild li għalih tkun ġiet mitluba l-allowance għaż-żamma ta’ wild. […] (2) L-allowance għaż-żamma ta’ wild kif prevista fil-paragrafu 1 għandha, fi kwalunkwe każ, tkun almenu daqs ir-rata ta’ kuljum imsemmija fil-punt 5 tal-paragrafu 1 iżda ma għandhiex teċċedi EUR 66 għal kull ġurnata. […]” |
14 |
Skont l-Artikolu 24b tal-KBGG, “[f]ejn l-allowance għaż-żamma ta’ wild tkun ġiet mitluba minn ġenitur wieħed biss, hija tkun dovuta, bħala massimu, sa meta l-wild jagħlaq l-età ta’ 12‑il xahar. Fejn dan il-benefiċċju jintalab mit-tieni ġenitur ukoll, il-perijodu ta’ intitolament għandu jkun estiż bil-perijodu li għalih it-tieni ġenitur ikun qiegħed jitlob, imma ma għandux jeċċedi l-punt li fih il-wild jagħlaq l-età ta’ 14‑il xahar. Huma biss il-perijodi li matulhom il-benefiċċju jkun effettivament ingħata li għandhom jitqiesu bħala perijodi li għalihom saret talba”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Il-konjuġi Moser jirrisjedu fil-Ġermanja maż-żewġt itfal bniet tagħhom. Mill‑1992, M. Moser jeżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Ġermanja, filwaqt li s-Sinjura Moser hija impjegata, mill‑1 ta’ Lulju 1996, fl-Awstrija. |
16 |
Wara t-twelid, fl‑14 ta’ Ġunju 2011, tal-ewwel tifla tagħha, is-Sinjura Moser ibbenefikat minn leave parentali sal‑31 ta’ Jannar 2013. Wara t-twelid tat-tieni tifla tagħha, fid-29 ta’ Awwissu 2013, hija ftehmet mal-persuna Awstrijaka li timpjegaha sabiex tieħu leave parentali ieħor sat‑28 ta’ Mejju 2015. |
17 |
Sa minn meta ntemm il-perijodu li jaqa’ taħt il-protezzjoni tal-maternità, is-Sinjura Moser irċeviet l-allowance parentali Ġermaniża kif ukoll l-allowance Ġermaniża intiża għall-ġenituri li wliedhom ma jintbagħtux f’faċilità tat-tfal ta’ matul il-jum. |
18 |
Barra minn hekk, il-Fond ta’ Assigurazzjoni għal-Land ta’ Tyrol ħallas lis-Sinjura Moser, għall-perijodu mill‑25 ta’ Ottubru 2013 sal‑31 ta’ Mejju 2014, benefiċċju kumpensatorju abbażi tal-allowance Awstrijaka għaż-żamma ta’ wild fil-varjant tagħha marbut mad-dħul. |
19 |
Wara talba mressqa mis-Sinjura Moser quddiem il-Landesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck, l-Awstrija), sabiex tingħata benefiċċju kumpensatorju supplimentari, għal perijodu li jmur lil hinn minn dak li għalih kienet ingħatat l-ewwel benefiċċju kumpensatorju, jiġifieri għall-perijodi mill‑25 ta’ Ottubru 2013 sat‑28 ta’ Ġunju 2014 kif ukoll mid‑29 ta’ Awwissu sat‑28 ta’ Ottubru 2014, li kienet ġiet milqugħa mill-qorti adita, il-Fond ta’ Assigurazzjoni għal-Land ta’ Tyrol ħallasha l-benefiċċju mitlub. |
20 |
M. Moser, min-naħa tiegħu, ibbenefika minn leave parentali bejn id‑29 ta’ Ġunju u t‑28 ta’ Awwissu 2014, perijodu li matulu huwa rċieva l-allowance parentali Ġermaniża. |
21 |
M. Moser ressaq ukoll talba quddiem il-Landesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck), sabiex jikseb, fil-konfront tiegħu, il-ħlas tal-benefiċċju kumpensatorju supplimentari kkostitwit mid-differenza bejn l-ammont tal-allowance parentali Ġermaniża rċevuta u dak tal-allowance Awstrijaka għaż-żamma ta’ wild fil-varjant tagħha marbuta mad-dħul, fl-ammont ta’ EUR 66 għal kull jum għall-perijodu li jikkorrispondi għal-leave parentali tiegħu mid‑29 ta’ Ġunju sat‑28 ta’ Awwissu 2014. |
22 |
Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2015, din il-qorti ċaħdet it-talba tiegħu. |
23 |
Adita b’appell ippreżentat minn dan tal-aħħar, l-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2017, laqgħet parzjalment l-imsemmija talba u kkundannat lill-Fond ta’ Assigurazzjoni għal-Land ta’ Tyrol għall-ħlas ta’ benefiċċju kumpensatorju ta’ kuljum ta’ EUR 29.86, jiġifieri total ta’ EUR 1 821.46. |
24 |
Dan il-fond ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), billi sostna, minn naħa, li M. Moser ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka sabiex jibbenefika minn ħlas kumpensatorju u li, min-naħa l-oħra, l-element transkonfinali fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004 kien nieqes. |
25 |
M. Moser iqis li l-obbligu ta’ ħlas tal-benefiċċju kumpensatorju mill-istituzzjoni Awstrijaka jirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg kontinwa tal-mara tiegħu mal-persuna Awstrijaka li timpjegaha u li kull interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 24(2) tal-KBGG tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li M. Moser jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka sabiex jibbenefika mill-allowance fir-rigward tal-perijodu ta’ leave minimu ta’ referenza ta’ xahrejn kif ukoll tal-eżerċizzju kontinwu ta’ attività professjonali għal mill-inqas 6 xhur qabel it-twelid tal-wild. Hija tippreċiża li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha stess, il-limitazzjoni stabbilita mill-punt 2 tal-Artikolu 24(1) tal-KBGG, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, li jipprevedi li l-benefiċċju tal-allowance għaż-żamma ta’ wild huwa suġġett għall-eżerċizzju effettiv ta’ attività professjonali li hija suġġetta għas-sigurtà soċjali fl-Awstrija, kienet tqieset li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
27 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża pendenti quddiemha tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, li jipprevedi, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-familja kollha, jagħtix lill-missier id-dritt għall-ammont li jagħmel tajjeb għad-differenza fir-rigward tal-allokazzjoni Awstrijaka għaż-żamma ta’ wild fil-varjant tagħha marbuta mad-dħul, meta r-Repubblika tal-Awstrija jkollha kompetenza fuq bażi sussidjarja skont l-Artikolu 68(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004, bħala Stat Membru ta’ impjieg tal-omm, meta din tkun diġà bbenefikat minn ħlas kumpensatorju tal-allowance għaż-żamma ta’ wild fil-varjant tagħha marbuta mad-dħul. |
28 |
Billi tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tfakkar li kundizzjonijiet restrittivi dwar l-għoti jew dwar l-ammont tal-allowances tal-familja, li jipprekludu jew jiskoraġġixxu lill-ħaddiem milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni u ma għandhomx jiġu applikati (sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow, C‑245/94 u C‑312/94, EU:C:1996:379, punti 34 sa 36, kif ukoll tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström, C‑257/10, EU:C:2011:839, punti 43 u 44). Skont il-fictio juris previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex rilevanti liema mill-ġenituri jitqies, skont id-dritt nazzjonali, li hija l-persuna li jkollha d-dritt li tirċievi tali benefiċċji (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 49). |
29 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża madankollu li l-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw allowances b’rata fissa u li l-kawża pendenti quddiemha tirrigwarda benefiċċju tal-familja marbut mad-dħul. Fil-fehma tagħha, f’dan il-każ ma teżisti ebda theddida jew restrizzjoni għall-moviment liberu tal-missier minħabba r-rifjut, fl-Awstrija, tal-ħlas tal-allowance addizzjonali għaż-żamma ta’ wild. |
30 |
Fil-każ fejn, skont id-dritt tal-Unjoni, il-missier ikollu dritt għall-ħlas tal-ammont li jagħmel tajjeb għad-differenza fir-rigward tal-allokazzjoni Awstrijaka għaż-żamma ta’ wild fil-varjant tagħha marbuta mad-dħul, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-allowance għandhiex tiġi kkalkolata skont id-dħul effettivament miksub fl-Istat Membru ta’ impjieg jew jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul ipotetikament miksub għal attività komparabbli bħala persuna impjegata fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja. Minkejja s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C‑257/10, EU:C:2011:839, punt 53), din il-qorti tqis li l-assimilazzjoni tal-benefiċċji, tal-fatti jew tal-avvenimenti kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 timmilita favur interpretazzjoni li abbażi tagħha l-bażi ta’ kalkolu għandha tkun ikkostitwita mid-dħul effettivament irċevut fil-Ġermanja. |
31 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ewwel domanda
32 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu, previst f’din id-dispożizzjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja ta’ persuna, il-“familja kollha jekk [daqslikieku] il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat” japplika kemm fil-każ fejn il-benefiċċji jingħataw konformement mal-leġiżlazzjoni indikata bħala li għandha preċedenza skont l-Artikolu 68(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll fil-każ fejn il-benefiċċji huma dovuti konformement ma’ leġiżlazzjoni jew leġiżlazzjonijiet oħra. |
33 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprevedi li t-talba għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti u li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004, is-sitwazzjoni tal-familja kollha għandha tittieħed inkunsiderazzjoni daqslikieku l-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u kienu jirrisjedu fih, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ persuna li titlob tali benefiċċji. |
34 |
Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 60, is-sens u l-portata ta’ dan l-artikolu għandhom, minħabba r-riferiment li jagħmel għall-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004, jiġu eżaminati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar artikoli. |
35 |
L-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi l-prinċipju li bis-saħħa tiegħu persuna hija intitolata għall-benefiċċji tal-familja għall-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru għajr dak li huwa kompetenti sabiex iħallas dawn il-benefiċċji, daqslikieku dawn kienu jirrisjedu f’dan l-Istat Membru tal-aħħar (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 35). |
36 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-Artikolu 73 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), li ġie ssostitwit bl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u li l-kontenut tiegħu huwa, essenzjalment, identiku għal dan tal-aħħar, li dan l-artikolu huwa intiż li jiffaċilita li l-ħaddiema migranti jiċievu allowances tal-familja fl-Istat fejn huma impjegati, meta l-familja tagħhom ma tkunx iċċaqalqet magħhom, u b’mod partikolari li twaqqaf Stat Membru milli jissuġġetta l-għoti u l-ammont tal-benefiċċji tal-familja fuq ir-residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru li jipprovdi l-benefiċċji (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer, C‑16/09, EU:C:2010:605, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Għalhekk, l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 huwa applikabbli għal ħaddiem li, bħas-Sinjura Moser fil-kawża prinċipali, jaħdem fi Stat Membru, iżda jgħix flimkien mal-familja tiegħu fi Stat Membru għajr dak li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2002, Maaheimo, C‑333/00, EU:C:2002:641, punt 32). |
38 |
Meta dan ikun il-każ, il-konjuġi tal-ħaddiem għandu wkoll id-dritt li jinvoka l-imsemmi artikolu (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2002, Maaheimo, C‑333/00, EU:C:2002:641, punt 33), konformement mal-fictio juris stabbilit mill-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, li abbażi tiegħu l-familja kollha tittieħed inkunsiderazzjoni daqslikieku l-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u kienu jirrisjedu fih. |
39 |
Fil-każ fejn l-għoti ta’ benefiċċju tal-familja jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun eżerċitat xogħol fit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru kompetenti, bħal dik prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 24(1) tal-KBGG fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-benefiċċju tal-allowance għat-tmien ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni fit-territorju Awstrijak, din il-kundizzjoni għandha titqies bħala ssodisfatta meta l-persuna kkonċernata tkun ħadmet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. |
40 |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-prinċipju tal-assimilazzjoni stabbilit mill-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex assolut, fis-sens li, meta diversi drittijiet huma dovuti taħt leġiżlazzjonijiet differenti, japplikaw ir-regoli antikumulu previsti fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, fir-rigward tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer, C‑16/09, EU:C:2010:605, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Skont l-Artikolu 68(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004, jekk, għall-istess perijodu u għall-istess membri tal-familja, benefiċċji huma previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, il-preċedenza tad-drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha għandha tingħata lil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-post ta’ residenza tal-ulied. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprevedi li, fil-każ ta’ kumulu ta’ drittijiet, il-benefiċċji tal-familja għandhom jingħataw skont il-leġiżlazzjoni indikata bħala li għandha preċedenza, peress li d-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont leġiżlazzjonijiet oħra huma sospiżi sal-ammont previst mill-ewwel leġiżlazzjoni u mogħtija, jekk ikun il-każ, fil-forma ta’ suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza, għall-parti li taqbeż dan l-ammont. |
42 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali regola antikumulu hija intiża li tiggarantixxi lill-benefiċjarju ta’ benefiċċji mħallsa minn diversi Stati Membri ammont totali ta’ benefiċċji li huwa identiku għall-ammont tal-benefiċċju l-iktar favorevoli dovut lilu skont il-leġiżlazzjoni ta’ wieħed fost dawn l-Istati (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Wagener, C‑250/13, EU:C:2014:278, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju indikat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet irrikonoxxuta, skont ir-regola ta’ preċedenza msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, bħala l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu għandha preċedenza, b’mod li l-benefiċċji tal-familja dovuti skont leġiżlazzjoni oħra, jiġifieri dik tar-Repubblika tal-Awstrija, jiġu sospiżi u mħallsa, jekk ikun il-każ, fil-forma ta’ suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza. |
44 |
Fir-rigward tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, għandu jiġi kkonstatat li l-ġenituri tal-wild li fir-rigward tiegħu qegħdin jintalbu l-benefiċċji tal-familja jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “persuni […] involuti” u għalhekk huma awtorizzati jitolbu l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-fictio juris previst fit-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu jwassal sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt għall-benefiċċji tal-familja lil persuna li ma tirrisjedix fit-territorju tal-Istat Membru kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, meta l-kundizzjonijiet l-oħra kollha għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji, previsti mid-dritt nazzjonali, huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punti 39 u 41). |
45 |
Peress li l-kliem “leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat”, li jinsab fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, ma huwa suġġett għal ebda limitazzjoni fir-rigward tal-Istat Membru inkwistjoni, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika kemm fil-każ fejn il-benefiċċju jingħata skont il-leġiżlazzjoni indikata bħala li għandha preċedenza kif ukoll fil-każ fejn dan jingħata fil-forma ta’ suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja. |
46 |
Kull interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, li tillimita l-applikazzjoni tal-fictio juris unikament għall-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija kompetenti fuq bażi ta’ preċedenza, tmur kontra mhux biss il-prinċipju ta’ assimilazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, li l-implimentazzjoni tiegħu hija żgurata mill-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, iżda wkoll ir-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004, peress li din l-interpretazzjoni hija intiża li tiggarantixxi lill-benefiċjarju ta’ benefiċċji mħallsa minn diversi Stati Membri ammont totali identiku għall-ammont tal-benefiċċju l-iktar favorevoli dovut lilu skont il-leġiżlazzjoni ta’ wieħed fost dawn l-Istati. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, l-istess bħall-ħlas tas-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza li jirriżulta minnha, ma hijiex suġġetta għar-rekwiżit ta’ element transkonfinali fir-rigward tal-benefiċjarju inkwistjoni. |
48 |
Minn dak li ntqal iktar’ il fuq jirriżulta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu, previst f’din id-dispożizzjoni, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja ta’ persuna, il-“familja kollha jekk [daqslikieku] il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat” japplika kemm fil-każ fejn il-benefiċċji jingħataw konformement mal-leġiżlazzjoni indikata bħala li għandha preċedenza skont l-Artikolu 68(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll fil-każ fejn il-benefiċċji huma dovuti konformement ma’ leġiżlazzjoni jew leġiżlazzjonijiet oħra. |
Fuq it-tieni domanda
49 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tas-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul effettivament riċevut fl-Istat ta’ impjieg jew skont dħul ipotetikament riċevut fl-Istat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja għal attività professjonali komparabbli. |
50 |
Fir-rigward ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C‑257/10, EU:C:2011:839, punt 53), fejn tissuġġerixxi li, minħabba l-assimilazzjoni tal-benefiċċji, tal-fatti jew tal-avvenimenti, prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004, il-bażi ta’ kalkolu tas-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza tista’ tkun ikkostitwita mid-dħul effettivament riċevut fil-Ġermanja. |
51 |
Għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża hija differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Bergström (C‑257/10, EU:C:2011:839), fis-sens li l-interpretazzjoni adottata f’dik is-sentenza, li tikkonsisti f’li jiġi kkalkolat l-ammont ta’ allowance parentali b’riferiment għal dħul nozzjonali mingħajr ebda rabta mad-dħul effettivament riċevut, ma tistax tiġi trasposta għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha M. Moser huwa intitolat jibbenefika minn benefiċċju tal-familja skont l-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004. |
52 |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 68 huwa intiż sabiex jiggarantixxi lill-benefiċjarju ammont totali ta’ benefiċċji minn diversi Stati Membri li huwa identiku għall-ammont tal-benefiċċju l-iktar favorevoli dovut lilu skont il-leġiżlazzjoni ta’ wieħed fost dawn l-Istati. |
53 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, minbarra d-diffikultajiet prattiċi li jistgħu jaffaċċjaw il-korpi kompetenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji b’riferiment għad-dħul nozzjonali tal-persuni kkonċernati, l-interpretazzjoni li tikkonsisti fl-iffissar tal-ammont tas-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza skont id-dħul effettivament riċevut fl-Istat ta’ impjieg hija konformi mal-għan imfittex kemm mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti. |
54 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, l-allowance Awstrijaka għaż-żamma ta’ wild, fil-varjant tagħha marbuta mad-dħul, tikkostitwixxi benefiċċju ta’ sostituzzjoni tad-dħul professjonali, u b’hekk tippermetti lill-ħaddiem li jirċievi benefiċċju ta’ ammont proporzjonat għall-ammont tar-remunerazzjoni li huwa kien jirċievi fil-mument tal-għoti ta’ din l-allowance. Konsegwentement, sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni għandhom jiġu evalwati fl-Istat ta’ impjieg, iktar u iktar meta, fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet transkonfinali, is-salarju jkun, b’mod ġenerali, iktar għoli fl-Istat ta’ impjieg tal-ħaddiem. |
55 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tas-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza li għandu jingħata lil ħaddiem skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru kompetenti fuq bażi sussidjarja, konformement ma’ dan l-artikolu, għandu jiġi kkalkolat b’riferiment għad-dħul effettivament riċevut mill-imsemmi ħaddiem fl-Istat ta’ impjieg. |
Fuq l-ispejjeż
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.