Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0766

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-17 ta’ Ottubru 2019.
    Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).
    Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Oppożizzjoni – Artikolu 8(1)(b) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Applikabbiltà fil-każ ta’ trade mark kollettiva preċedenti – Interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks.
    Kawża C-766/18 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:881

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fis-17 ta’ Ottubru 2019 ( 1 )

    Kawża C‑766/18 P

    Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    “Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Trade mark kollettiva – Denominazzjoni ġeografika – Karattru distintiv – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva li tinkludi l-kelma BBQLOUMI – Ċaħda tal-oppożizzjoni”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Mill-2014 ’l hawn, infetħet il-proċedura għall-ħolqien ta’ denominazzjoni tal-oriġini protetta, li tista’ tkun dovuta għall-użu tad-denominazzjoni Halloumi għall-ġobon magħmul minn produtturi Ċiprijotti, iżda l-Kummissjoni sa issa għadha ma kkonkludietx din il-proċedura ( 2 ). Fl-istess ħin, Ċipru u entitajiet oħra qed jippruvaw jipprevjenu l-użu ta’ trademark fuq id-denominazzjoni Halloumi minn ċerti impriżi ( 3 ).

    2.

    F’dan il-każ, il-Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi (il-Fondazzjoni għall-Protezzjoni tal-Ġobon Tradizzjonali Ċiprijott bl-isem ta’ Halloumi, iktar ’il quddiem: il-“Foundation”) kisbet id-denominazzjoni HALLOUMI bħala trade mark kollettiva tal-Unjoni għall-ġobon. Fuq il-bażi ta’ din il-marka, qed tipprova twaqqaf impriża Bulgara milli hija wkoll tikseb trade mark figurattiva għall-ġobon li tinkludi l-kelma BBQLOUMI. Skont il-Foundation, hemm proċeduri ulterjuri pendenti fir-rigward tat-trade mark kollettiva fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u fil-Qorti Ġenerali, u tressqet kawża inizjali fejn il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet res judicata kontra l-Foundation ( 4 ).

    3.

    Sa issa, l-isforzi tal-Foundation f’din il-proċedura ma rnexxewx minħabba li l-EUIPO u l-Qorti Ġenerali jikkunsidraw li d-denominazzjoni HALLOUMI għandha livell dgħajjef ta’ karattru distintiv, peress li tiddeskrivi l-ġobon inkwistjoni. Għalhekk, minkejja ċertu xebh, l-użu ta’ BBQLOUMI ma jagħtix lok għal biża’ li l-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni mal-produtturi magħquda fi ħdan il-Foundation.

    4.

    Madankollu, il-Foundation hija tal-fehma li trade mark kollettiva teħtieġ awtomatikament żieda fil-protezzjoni u li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx din il-protezzjoni b’mod suffiċjenti.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    5.

    Il-premessa 8 tar-Regolament dwar it-trade marks ( 5 ) tikkonċerna l-funzjoni tat-trademark bħala indikazzjoni tal-oriġini:

    “Il-protezzjoni mogħtija minn trade mark Komunitarja, li l-funzjoni tagħha huwa partikolarment li tiggarantixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta f’każ ta’ identiċità bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi. Din il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebħ bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi. Il-kunċett ta’ xebħ għandu jingħata interpretazzjoni marbuta mal-possibiltà ta’ konfużjoni. Il-possibbiltà ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista ssir bejn is-sinjal użat u dak registrat, il-livell ta’ xebħ bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, għandha tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni.”

    6.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament dwar it-trade marks jistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali għal trademark:

    “Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

    7.

    L-Artikolu 7(1)(c) u (d) tar-Regolament dwar it-trade marks jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks deskrittivi:

    “Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

    a) […]

    b)

    trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

    c)

    trademarks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

    d)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

    e) […]”

    8.

    Ir-raġuni ta’ oppożizzjoni għal probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade marks għal raġunijiet relattivi għal rifjut:

    “(1)   Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark m’għandhiex tiġi milqugħa:

    a) […]

    b)

    jekk, minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trademarks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trademark preċedenti.”

    9.

    L-Artikolu 65(3) tar-Regolament dwar it-trade marks fih is-setgħat tal-qrati tal-Unjoni fir-rigward ta’ rikorsi ppreżentati skont ir-Regolament dwar it-trade marks:

    “Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kkontestata.”

    10.

    L-Artikolu 66 tar-Regolament dwar it-trade marks jippermetti l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade marks kollettivi:

    “(1)   Marka Komunitarja kollettiva hija trade mark Komunitarja li hija hekk msejħa meta ssir l-applikazzjoni u li hija kapaċi tiddistingwi l-prodotti jew servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja ta’ dik il-marka minn dawk ta’ impriżi oħrajn. Assoċjazzjonijiet ta’ fabbrikanti, produtturi, fornituri ta’ servizzi, jew negozjanti, skont il-liġi li tirregolahom, għandhom il-kapaċità li f’isimhom stess ikollhom drittijiet u obbligi ta’ kull xorta, li jidħlu f’kuntratti jew li jwettqu atti ġuridiċi oħra u li jfittxu u li jiġu mfittxa, kif ukoll persuni ġuridiċi regolati mil-liġi pubblika, jistgħu japplikaw għal marki kollettivi Komunitarji.

    (2)   B’deroga mill-Artikolu 7(1)(c), sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marki Komunitarji kollettivi skont it-tifsira tal-paragrafu 1. Marka kollettiva ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jistabbilixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm huwa jużahom skont il-prattika onesta fl-oqsma tal-industrija u tal-kummerċ; b’mod partikolari, din il-marka ma tistax tiġi invokata kontra terza persuna li hija intitolata li tuża isem ġeografiku.

    (3)   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw għal marki kolletivi Komunitarji, sakemm l-Artikoli 67 sa 74 ma jipprovdux mod ieħor.”

    11.

    L-Artikolu 67 tar-Regolament dwar it-trade marks jipprovdi r-regoli għall-użu tat-trade mark:

    “(1)   L-applikant għal marka Komunitarja kollettiva għandu jissottometti regolamenti li jirregolaw l-użu tagħha fi żmien il-perjodu preskritt.

    (2)   Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu għandhom jispeċifikaw il-persuni awtorizzati biex jużaw il-marka, il-kundizzjonijiet għal adeżjoni fl-assoċjazzjoni u, fejn dawn jeżistu, il-kondizzjonijiet għall-użu tal-marka inklużi sanzjonijiet. Ir-regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ marka msemmija fl-Artikolu 66(2) għandhom jawtorizzaw lil kull persuna li l-prodotti jew servizzi tagħha joriġinaw miz-zona ġeografika in kwistjoni sabiex din issir membru tal-assoċjazzjoni li hija proprjetarja tal-marka.”

    III. Il-proċedura preċedenti

    12.

    Fid-9 ta’ Lulju 2014, M. J. Dawes EOOD applika quddiem l-EUIPO għar-reġistrazzjoni ta’ trademark figurattiva bil-kulur kif ġej ( 6 ):

    Image

    13.

    Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jinsabu fil-klassijiet 29, 30 u 43 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat u jinkludu ċertu ikel, inkluż il-ġobon, kif ukoll ċerti servizzi bħar-ristorazzjoni għal klijenti.

    14.

    Il-Foundation hija l-proprjetarja tat-trade mark kollettiva HALLOUMI, li ġiet irreġistrata mill-EUIPO fl-14 ta’ Lulju 2000 bin-Nru 1082965 għal prodotti fil-klassi 29, bid-deskrizzjoni “Ġobon” ( 7 ). Fit-12 ta’ Novembru 2014, hija ppreżentat oppożizzjoni kontra din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, billi rreferiet, b’mod partikolari, għall-probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade marks.

    15.

    Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni u l-appell li ġie ppreżentat kontra din id-deċiżjoni ma ntlaqax lanqas. Permezz tas-sentenza appellata tal-25 ta’ Settembru 2018, il-Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO – M. J. Dairies (BBQLOUMI) (T‑328/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:594), il-Qorti Ġenerali finalment ċaħdet ukoll l-appell kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

    16.

    Dawn id-deċiżjonijiet huma essenzjalment ibbażati fuq il-premessa li t-trade mark HALLOUMI hija ekwivalenti għad-denominazzjoni ta’ ġobon Ċiprijott magħruf, li jfisser li għandha livell dgħajjef ta’ karattru distintiv. Għaldaqstant, fid-dawl tad-differenzi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-istanzi tal-EUIPO u tal-Qorti Ġenerali ma sabu l-ebda probabbilta ta’ konfużjoni.

    17.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja issa għandha tiddeċiedi dwar l-appell li l-Foundation ppreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2018.

    18.

    Il-Foundation titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1)

    tilqa’ l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża T‑328/17, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), EU:T:2018:594 u tintlaqa’ t-talba tagħha għal annullament;

    2)

    tikkundanna lill-EUIPO u lil M. J. Dairies EEOD sabiex iħallsu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk tal-Foundation.

    19.

    L-EUIPO u M. J. Dairies EOOD rispettivament jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    1)

    tiċħad l-appell u

    2)

    tikkundanna lil Foundation għall-ispejjeż.

    20.

    Il-partijiet ressqu osservazzjonijiet bil-miktub u għamlu wkoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tat-12 ta’ Settembru 2019.

    IV. Evalwazzjoni

    21.

    Il-Foundation tibbaża l-appell tagħha fuq erba’ aggravji, li huma parzjalment interkonnessi. L-ewwel żewġ aggravji jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk it-trade marks kollettivi għandhomx jingħataw karattru distintiv partikolari (ara B hawn taħt). Permezz tat-tielet aggravju, il-Foundation issostni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju żbaljat (ara A hawn taħt) fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trademarks. Fir-rigward tar-raba’ aggravju, hija toġġezzjona għall-fatt li filwaqt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni tat-trade mark, hija xorta ma bagħtitx il-każ lura quddiem il-Bord tal-Appell (ara l-punt C hawn taħt).

    A.   Il-kriterju ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali

    22.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tillimita ruħha li tiddeċiedi fuq it-tielet aggravju peress li, fil-verżjoni oriġinali Ingliża, jiġifieri fil-lingwa tal-proċedura, il-punt 71 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

    23.

    Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li ma setax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti, minkejja li l-prodotti indikati mit-trade marks inkwistjoni kienu parzjalment identiċi u sa ċertu punt parzjalment jixxiebhu, bl-eċċezzjoni tas-servizzi indikati mit-trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali ta’ trade mark deskrittiva preċedenti b’livell dgħajjef ta’ karattru distintiv ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata preżunzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ( 8 ).

    24.

    Din il-konklużjoni diġà ma tinftiehemx, peress li l-eżami ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma huwiex kwistjoni ta’ jekk jistax jiġi preżunt ir-riskju. Minflok, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fost il-pubbliku għandha tiġi evalwata kompletament fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ partikolari ( 9 ). Għalhekk għandu jiġi deċiż jekk hemmx riskju konkret.

    25.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li trade mark deskrittiva rreġistrata jeħtieġ li tingħata ċertu karattru distintiv u li minħabba f’hekk jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din it-trade mark u trade mark sussegwenti ( 10 ). Barra minn hekk, hija tammetti wkoll il-possibbiltà teoretika ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward taż-żewġ trade marks fil-punt 49 tas-sentenza appellata.

    26.

    Madankollu, skont il-verżjoni oriġinali Ingliża tal-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod konkret il-possibbiltà ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, iżda pjuttost assumiet regola li tgħid li l-eżistenza ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali għal trade mark deskrittiva preċedenti, li għandha karattru distintiv dgħajjef ma hijiex suffiċjenti għal probabbiltà ta’ konfużjoni.

    27.

    Għalhekk, il-punt 71 tas-sentenza appellata bil-lingwa oriġinali tal-kawża hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, li fil-prinċipju għandu jwassal għall-annullament tagħha. Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex hija stess is-setgħa li tevalwa l-aspetti rilevanti, li ma kienx sar mill-Qorti Ġenerali, din il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    28.

    Kif osservat ukoll mill-EUIPO, il-Qorti Ġenerali tabilħaqq ibbażat is-sentenza appellata fuq il-verżjoni bil-Franċiż, il-lingwa ta’ ħidma interna tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-punt 71 ta’ din il-verżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, b’mod partikolari, li l-elementi inkwistjoni ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita probabbiltà ta’ konfużjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali effettivament evalwat il-każ individwali u t-traduzzjoni biss tas-sentenza tagħha fil-lingwa tal-proċedura hija żbaljata.

    29.

    Għalkemm l-EUIPO u M. J. Dairies issuġġerew li l-verżjoni Ingliża tal-punt 71 tas-sentenza appellata għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest ġenerali bħal fil-verżjoni Franċiża, fi kwalunkwe każ nikkunsidra li dan huwa eskluż fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Ċertament, jekk jitqajmu dubji dwar id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tas-sentenzi tagħha, huwa rakkomandabbli li tiġi kkonsultata l-verżjoni Franċiża, iżda r-regoli dwar il-lingwa tal-proċedura jsiru contra iudicium ( 11 ) jekk dikjarazzjonijiet ċari f’dik il-lingwa jkunu jistgħu jinbidlu b’interpretazzjoni sempliċi fid-dawl tal-verżjoni bil-lingwa Franċiża. Dawn il-bidliet għandhom pjuttost isiru permezz ta’ rettifika skont l-Artikolu 164 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    30.

    Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Foundation, rettifika ta’ dan l-iżball ta’ traduzzjoni ma tmurx kontra t-terminu ta’ ġimagħtejn ta’ wara l-għoti tas-sentenza, li jinsab fl-Artikolu 164(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. M. J. Dairies ġustament tosserva li dan il-perijodu jirreferi biss għal talbiet għal rettifika magħmula mill-partijiet, iżda mhux għal korrezzjoni ex officio ( 12 ).

    31.

    Rettifika skont l-Artikolu 164(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali hija possibbli f’każijiet ta’ żbalji tal-pinna, żbalji fil-kalkolu u ineżattezzi evidenti. Dan jinkludi żbalji ta’ traduzzjoni ( 13 ), probabbilment bħala ineżattezzi evidenti.

    32.

    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali, permezz tar-rettifika, tirtira, tal-inqas parzjalment, il-bażi legali tal-appell. Madankollu, jekk il-Qorti Ġenerali tkun diġà rrettifikat dan l-iżball, dan ikompli biss itawwal il-proċedura u jinvolvi spejjeż addizzjonali minħabba li s-sentenza appellata jkollha tiġi annullata abbażi ta’ żball manifest ta’ traduzzjoni. Wara li l-kawża tintbagħat lura, il-Qorti Ġenerali fl-aħħar mill-aħħar terġa’ tiċħad l-appell bl-istess raġunament – din id-darba iżda bi traduzzjoni korretta.

    33.

    Għandu jiġi nnotat ukoll li rettifika ma tistax taffettwa l-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet ikkonċernati. Għalhekk, fil-prinċipju, mar-rettifika għandu jibda perijodu ta’ żmien ġdid sabiex jiġi ppreżentat appell kontra l-partijiet irrettifikati tas-sentenza – iżda biss kontra l-partijiet irrettifikati. Alternattivament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tippermetti lill-partijiet ikkonċernati f’din il-proċedura perijodu ta’ żmien fejn ibiddlu t-talbiet tagħhom f’din il-proċedura.

    34.

    Il-Qorti tal-Ġustizja rrettifikat dan l-iżball ta’ traduzzjoni permezz tad-digriet tas-17 ta’ Settembru 2019, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs EUIPO – M. J. Dairies (BBQLOUMI) (T‑328/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:662), u għalhekk it-tielet aggravju, fil-forma attwali tiegħu, huwa ineffettiv.

    35.

    Minn hawnhekk ser nindirizza l-aggravji l-oħrajn.

    B.   Dwar il-karattru distintiv ta’ trade marks kollettivi

    36.

    Bl-ewwel żewġ aggravji, il-Foundation essenzjalment tikkontesta l-punt 41 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-punt 71, fil-fatt, il-Foundation teżiġi li r-Regolament dwar it-trade marks, u b’mod partikolari r-regoli dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, japplikaw għal trade marks kollettivi b’mod differenti minn kif huma applikati għal trade marks individwali. F’dan il-każ, it-talba tal-Foundation tinkludi tliet argumenti: L-ewwel nett, il-Foundation issostni li l-Qorti Ġenerali teżiġi prova mingħandha li t-trade mark kollettiva rreġistrata tagħha għandha karattru distintiv. It-tieni nett, hija tqis li trade mark kollettiva rreġistrata għandha neċessarjament tingħata karattru distintiv amplifikat, anki jekk din hija ta’ natura deskrittiva. It-tielet nett, hija ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-karattru distintiv tat-trade marks kollettivi ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks, jiġifieri trade mark kollettiva li tikkonsisti f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi fil-kummerċ, ma jistax jiġi evalwat abbażi tal-kriterji ġenerali.

    37.

    Madankollu, dawn l-argumenti għandhom jitqiesu fil-kuntest tar-raġuni għal rifjut ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li fuqha tiddependi l-Foundation.

    1. Fuq ir-raġuni għal rifjut ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni

    38.

    L-argumenti tal-Foundation jirreferu għall-probabbiltà ta’ konfużjoni li qed issostni li teżisti bejn it-trade mark tagħha stess u t-trademark kontenzjuża.

    39.

    L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade marks – li huwa, fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja prevista fl-Artikoli 67 sa 74 ta’ dan ir-regolament, applikabbli għat-trade marks kollettivi skont l-Artikolu 66(3) tal-istess regolament, jipprevedi li, meta ssir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni meta, minħabba l-identiċità tagħha jew tax-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi li ż-żewġ trade marks ikopru, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti tgawdi protezzjoni ( 14 ).

    40.

    Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade marks, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti kif ukoll identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti, u dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi ( 15 ).

    41.

    L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Għalhekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi paċut b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċeversa. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi hija riflessa fil-premessa 8 tar-Regolament dwar it-trade marks, li tipprovdi li jeħtieġ li l-kunċett ta’ xebh jiġi interpretat fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi, min-naħa tiegħu, b’mod partikolari mil-livell ta’ rikonoxximent tat-trade mark fis-suq u l-grad ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minnha ( 16 ).

    42.

    Barra minn hekk, il-probabbiltà ta’ konfużjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza dwar trade marks individwali hija saħansitra ikbar, iktar ma jkun evidenti l-karattru distintiv tat-trademark preċedenti ( 17 ). Għalhekk, it-trademarks li għandhom karattru distintiv għoli, intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar dgħajjef ( 18 ). Madankollu, il-punt sa fejn dawn il-kunsiderazzjonijiet huma trasferibbli għal trade marks kollettivi għandu jiġi diskuss hawn taħt (ara Taqsima 4).

    43.

    Il-kunċett tal-karattru distintiv ta’ trade mark jiddeskrivi, fil-kuntest ta’ trade marks individwali, l-adegwatezza sabiex jiġi identifikat il-prodott jew is-servizz li għalih tiġi mitluba r-reġistrazzjoni, bħala li ġej minn impriża stabbilita u għalhekk li t-trade mark tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħrajn ( 19 ).

    44.

    Madankollu, skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament dwar it-trade marks, trade mark kollettiva hija intiża sabiex tiddistingwi prodotti u servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni, li hija l-proprjetarja tat-trade mark, minn dawk ta’ impriżi oħra. Il-funzjoni essenzjali ta’ tali trade mark kollettiva għalhekk hija li tiggarantixxi l-oriġini kummerċjali kollettiva ta’ prodotti u servizzi ( 20 ).

    2. Dwar l-oneru tal-prova tal-karattru distintiv ta’ trade mark kollettiva rreġistrata

    45.

    Il-Foundation tirreferi b’mod partikolari għall-punt 41 tas-sentenza appellata. Fil-fehma tagħha, huwa l-proprjetarju ta’ trade mark kollettiva li għandu jipproduċi prova tal-grad ta’ karattru distintiv li għandha t-trade mark, meta jkollu l-intenzjoni li jsostnih fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

    46.

    F’xi każijiet, il-Foundation tidher li tifhem il-Qorti Ġenerali parzjalment fis-sens li l-eżistenza tal-karattru distintiv ta’ trade mark kollettiva rreġistrata teħtieġ il-provi.

    47.

    Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tidher effettivament li hija dubjuża peress li la d-deċiżjoni Tulliallan Burlington vs EUIPO ( 21 ) li hija direttament iċċitata mill-Qorti Ġenerali sabiex issostni dan, u lanqas is-sentenza Anheuser-Busch vs Budìjovický Budvar ( 22 ), iċċitata indirettament, ma jinkludu dikjarazzjoni dwar l-oneru tal-prova tal-karattru distintiv ta’ trade mark kollettiva rreġistrata.

    48.

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 76 tar-Regolament dwar it-trade marks imsemmi wkoll mill-Qorti Ġenerali huwa rilevanti sa fejn, skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-EUIPO, fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, huwa limitat għall-argumenti u t-talbiet tal-partijiet ikkonċernati. Madankollu,, bħaż-żewġ sentenzi msemmija iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx prova speċifika tal-karattru distintiv ta’ trade marks kollettivi rreġistrati.

    49.

    Iktar ċarezza hija pprovduta fis-sentenza applikata “b’analoġija” mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Formula One Licensing vs UASI ( 23 )– kif mitlub mill-Foundation fir-rikors tagħha ( 24 ). Nifhem din is-sentenza fis-sens li trade mark irreġistrata għandu bilfors ikollha karattru distintiv minimu, sakemm din ma tkunx tħassret ( 25 ). Għalhekk, ma jistgħux jintalbu provi speċifiċi.

    50.

    Xejn iktar ma jitressaq mill-punt 41 tas-sentenza appellata, peress li skontha huwa biss il-livell (“level”, “niveau”) tal-karattru distintiv li għandu jiġi pprovat, filwaqt li l-Qorti Ġenerali tippermetti grad minimu ta’ karattru distintiv (“a certain degree”, “un certain degré”), dan huwa mtenni mill-ġdid fil-punt 47. Dan huwa kkonfermat ukoll permezz tal-punt 71 tas-sentenza appellata, ikkontestat wkoll mill-Foundation, fejn ċertament il-Qorti Ġenerali tispjega li t-trade mark kollettiva HALLOUMI għandha karattru distintiv dgħajjef, iżda tesprimi wkoll fl-istess ħin livell minimu ta’ karattru distintiv eżistenti.

    51.

    Sa fejn il-Foundation issostni li l-Qorti Ġenerali eżiġiet li jiġi pprovat li trade mark kollettiva rreġistrata jkollha karattru distintiv, tkun qiegħda għalhekk tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    3. Dwar il-karattru distintiv ta’ trade mark kollettiva rreġistrata

    52.

    Fil-fatt, il-Foundation ma hijiex ikkonċernata dwar jekk grad minimu ta’ karattru distintiv tat-trade mark kollettiva tagħha jiġix rikonoxxut, iżda ssostni, b’mod ġenerali, karattru distintiv amplifikat tat-trade marks kollettivi. Fl-istess ħin ikollha hawnhekk tiġi ssodisfatta l-ħtieġa għal prova speċjali.

    53.

    Madankollu, din it-talba għandha tiġi miċħuda.

    54.

    Peress li, skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament dwar it-trade marks, trade mark kollettiva għandha tiggarantixxi l-oriġini kummerċjali kollettiva, unikament jistgħu jikkostitwixxu trade mrks tal-Unjoni, skont l-Artikolu 4 ta’dan ir-regolament, li japplika għat-trade marks kollettivi skont l-Artikolu 66(3) tal-istess regolament, is-sinjali tal-Unjoni Ewropea li huma adegwati sabiex jirrikonoxxu din l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li jidentifikaw ( 26 ). Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark kollettiva tippreżupponi, bħar-reġistrazzjoni ta’ trade marks oħra, il-karattru distintiv tagħha.

    55.

    Min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda preżunzjoni dwar jekk trade mark kollettiva għandhiex neċessarjament karattru distintiv partikolari – minħabba r-reġistrazzjoni tagħha ( 27 ). Għall-kuntrarju, trade marks kollettivi jista’ jkollhom karattru distintiv bħal kwalunkwe trade mark oħra. Anzi kif juri l-EUIPO b’mod evidenti, abbażi tal-eżempji, il-livell ta’ karattru distintiv jiddependi f’dan il-każ mis-sinjal magħżul minn naħa l-waħda u mill-kisba ta’ karattru distintiv addizzjonali permezz tal-użu tas-sinjal min-naħa l-oħra. Għalhekk, il-karattru distintiv ta’ trade marks kollettivi għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat skont ir-regoli ġenerali.

    56.

    Konsegwentement, l-ewwel żewġ aggravji huma wkoll infondati sa fejn il-Foundation tuża karattru distintiv neċessarjament amplifikat għal trade marks kollettivi rreġistrati.

    4. Dwar il-karattru distintiv ta’ trade mark kollettiva ġeografika

    57.

    Huwa iktar diffiċli li wieħed iwieġeb il-mistoqsija dwar jekk il-karattru distintiv ta’ trade marks kollettivi ġeografiċi skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks jistax jiġi evalwat skont kriterji ġenerali.

    58.

    L-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks jippermetti li b’deroga mill-Artikolu 7(1)(c), it-trade marks kollettivi jkunu jikkonsistu f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, għad-denominazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi. L-Artikolu 7(1)(c), b’mod partikolari, jeskludi trade marks mir-reġistrazzjoni li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li, fil-kummerċ, jistgħu jindikaw l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi.

    59.

    It-trade mark kollettiva DARJEELING ( 28 ), li kienet is-suġġett tal-iktar sentenzi importanti sa issa dwar it-trade marks kollettivi, hija eżempju sabiħ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks, peress li hija l-isem ta’ belt u ta’ distrett fl-Indja. Huwa wkoll te iswed magħruf sew li jitkabbar hemmhekk.

    60.

    L-argument tal-Foundation jista’ jiġi interpretat fis-sens li tal-inqas il-karattru distintiv ta’ trade marks kollettivi ġeografiċi ma jistax jiġi evalwat abbażi tal-kriterji ġenerali, iżda li dawn għandhom awtomatikament jingħataw karattru distintiv amplifikat.

    a) Dwar l-ammissibbiltà tal-argument tal-Foundation

    61.

    L-ammissibbiltà ta’ dan l-argument tal-Foundation hija diġà dubjuża.

    62.

    Fil-fatt, l-argumenti tal-Foundation fir-rigward tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks l-iktar li jindikaw indirettament huma żbalji ta’ liġi possibbli fis-sentenza appellata, mingħajr madankollu ma ġew speċifikati r-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan preċiżament jindika liema konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jkunu vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

    63.

    B’mod partikolari, il-Foundation ma tagħmilx distinzjoni ċara fl-argumentazzjoni tagħha bejn it-trade mark kollettiva b’mod ġenerali u t-trade mark kollettiva ġeografika.

    64.

    L-argument tal-Foundation rigward ksur possibbli tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks huwa wkoll kontradittorju: Minn naħa, hija ssostni li din id-dispożizzjoni ma hijiex ir-raġuni li għaliha l-oppożizzjoni tagħha għandha tintlaqa’ ( 29 ), min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni hija sinjifikattiva xorta waħda ( 30 ). Tali nuqqas ta’ koerenza hija inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ appell skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u jwassal ukoll għall-inammissibbiltà tat-talba ( 31 ).

    65.

    Konsegwentement, l-argument imressaq mill-Foundation dwar il-karattru distintiv ta’ trade marks kollettivi ġeografiċi huwa inammissibbli.

    66.

    Barra minn hekk, anki jekk l-argument tal-Foundation dwar il-konsegwenzi legali, li huma marbuta ma’ trade mark kollettiva ġeografika ikun ammissibbli, madankollu, xorta waħda ma jkunx jista’ jintlaqa’.

    67.

    L-EUIPO huwa korrett meta jsostni li huwa dubjuż jekk it-trade mark HALLOUMI hijiex anki trade mark fis-sens tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks u li l-Qorti Ġenerali ma għamlet ebda konstatazzjoni dwar dan.

    68.

    Il-Foundation ma tikkontestax dan in-nuqqas ta’ konstatazzjoni.

    69.

    Bid-differenza ta’ DARJEELING, id-denominazzjoni HALLOUMI ma hijiex post speċifiku, iżda hija biss marbuta ma’ post, jiġifieri Ċipru, tal-inqas fil-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti Ġenerali ( 32 ). Anki hawn jista’ jidħol id-dubju peress li dan it-tip ta’ ġobon, spiss taħt l-istess denominazzjonijiet jew denominazzjonijiet li jixxiebhu, huwa mifrux f’pajjiżi oħra fir-reġjun.

    70.

    Għalhekk ma jistax jiġi preżunt li HALLOUMI hija trade mark fis-sens tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks, u konklużjonijiet possibbli dwar l-effetti legali ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux iktar jinfluwenzaw l-eżitu tat-tilwima.

    b) Sussidjarjament: fuq il-mertu

    71.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tkun tixtieq tittratta l-kontenut tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija entità barranija fid-dritt tat-trade marks. Il-projbizzjoni tat-trade marks deskrittivi prevista fl-Artikolu 7(1)(c) u (d) hija ġġustifikata b’mod ċar fil-ħtieġa ta’ disponibbiltà ta’ tali termini ( 33 ). Parteċipanti oħra fis-suq għandhom ikollhom id-dritt li jużaw dawn id-deskrizzjonijiet għall-prodotti jew għas-servizzi tagħhom ukoll. Madankollu, fl-istess ħin, il-pubbliku ma jirreferix neċessarjament għat-trade marks deskrittivi bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodott, iżda pjuttost bħala deskrizzjoni tal-prodott ( 34 ).

    72.

    Dan japplika wkoll għall-indikazzjonijiet ġeografiċi skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade marks. Fil-fatt, il-pubbliku jista’ jużaha bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tagħha, jew saħansitra bħala deskrizzjoni tal-prodott assoċjat ma’ post speċifiku minflok bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali (kollettiva).

    73.

    Waqt is-seduta, l-EUIPO għalhekk ġustament iddikjara li l-istatus privileġġat tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks għandu effett simili fuq ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark deskrittiva wara s-sentenza Formula One Licensing vs UASI ( 35 ). Tali trade mark tingħata l-grad minimu neċessarju ta’ karattru distintiv sabiex tiġi ġġustifikata r-reġistrazzjoni tagħha, iżda mhux neċessarjament karattru distintiv amplifikat.

    74.

    Il-Qorti Ġenerali ma tistabbilixxi xejn ħlief dan, jekk, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, tirrikonoxxi t-trade mark HALLOUMI bħala li għandha biss grad minimu ta’ karattru distintiv u għalhekk tkun qed tiċħad il-probabbiltà ta’ konfużjoni.

    75.

    Dan għaliex fil-punti 50 sa 53 u 70 tas-sentenza appellata hija ddikjarat espressament li t-trade mark HALLOUMI ma hijiex meqjusa bħala denominazzjoni ta’ oriġini kummerċjali (individwali jew kollettiva), iżda bħala denominazzjoni ta’ speċjalità tal-ġobon ( 36 ). Madankollu, l-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks ma jipprivileġġax id-deskrizzjoni ta’ prodott partikolari, anki jekk il-pubbliku jista’ possibbilment ikun assoċjaha ma’ oriġini ġeografika speċifika. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni ta’ trade mark hija ta’ natura fattwali u għalhekk tneħħiet mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell ( 37 ).

    76.

    Dan ir-riżultat jitfa’ dawl fuq il-fehma tal-Foundation li l-awtorizzazzjoni espliċita ta’ trade marks kollettivi ġeografiċi tkun qed tinsterqilha l-effettività prattika tagħha, jekk dawn it-trade marks kollettivi jingħataw karattru distintiv dgħajjef biss fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

    77.

    Madankollu, l-għan segwit mill-Foundation, li ssaħħaħ it-trade mark HALLOUMI tagħha, ma jistax jintlaħaq billi t-trade marks kollettivi ġeografiċi awtomatikament jingħataw karattru distintiv iktar b’saħħtu. Minħabba li dan il-karattru distintiv jibqa’ fittizju: bħala riżultat, l-indikazzjoni ġeografika xorta ma tiġix ipperċepita mill-pubbliku bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali kollettiva tal-prodott.

    78.

    Għall-kuntrarju, it-trade mark kollettiva ġeografika jkollha tingħata funzjoni kompletament differenti, pereżempju sabiex tali trade marks jiżguraw b’mod esklużiv oriġini ġeografika speċifika tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

    79.

    Madankollu, dan kien ikun suġġett għal regola espliċita, peress li skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament dwar it-trade marks, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet (ġenerali) tar-Regolament sakemm l-Artikoli 67 sa 74 ma jipprevedux mod ieħor.

    80.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkonfermat l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali applikabbli għat-trade marks kollettivi ġeografiċi fis-sentenza dwar it-trade mark kollettiva ġeografika DARJEELING. Hija tenfasizza li t-trade marks kollettivi li jikkonsistu f’sinjali jew f’indikazzjonijiet, li, fil-kummerċ, jistgħu jservu għad-denominazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks, jirrappreżentaw trade marks kollettivi fis-sens ta’ paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Skont l-imsemmi paragrafu 1, jistgħu jikkostitwixxu trade marks kollettivi tal-Unjoni Ewropea biss is-sinjali li kapaċi jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi tal-membri tal-assoċjazzjoni, li hija proprjetarja tagħhom, minn dawk ta’ impriżi oħrajn ( 38 ).

    81.

    Il-funzjoni prinċipali tat-trade mark hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott billi tippermetti li jiġi identifikat il-prodott jew is-servizz indikat permezz tat-trade mark bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dak il-prodott jew dak is-servizz minn dawk ta’ impriżi oħrajn ( 39 ).

    82.

    Jekk jitqies li l-funzjoni essenzjali ta’ trade mark kollettiva ġeografika prevista fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks hija dik li sservi ta’ indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi proposti taħt tali trade mark, u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, tiġi injorata din il-funzjoni essenzjali ( 40 ).

    83.

    Għalhekk, il-karattru distintiv ta’ trade mark kollettiva ġeografika għandu wkoll jiġi evalwat skont il-grad ta’ kemm hija tidentifika l-oriġini kummerċjali kollettiva tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

    84.

    Madankollu, kif spjegat diġà, it-trade mark HALLOUMI toħloq identifikazzjoni bħal din f’livell minimu u xejn iktar, skont il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-karattru distintiv tat-trade mark HALLOUMI u dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni kif ukoll, b’mod partikolari, il-punti 41 u 71 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali tagħti lit-trade mark HALLOUMI grad minimu biss ta’ karattru distintiv, li ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark kontenzjuża.

    85.

    Lanqas ma hija din il-konklużjoni kkontestata bil-fatt li b’mod sinjifikattiv tillimita l-effettività prattika tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament dwar it-trade marks u l-protezzjoni ta’ trade marks kollettivi ġeografiċi. Dan għaliex il-proprjetarji ta’ trade mark kollettiva ġeografika jibqgħalhom livell minimu ta’ protezzjoni li jippermettilhom li jimpedixxu r-reġistrazzjoni ta’ trade marks identiċi għall-istess prodotti. Fl-istess ħin, jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni ta’ trade mark meta jużawha b’mod li tikseb karattru distintiv ( 41 ).

    86.

    Fl-aħħar mill-aħħar, ma hemmx bżonn ta’ iktar protezzjoni, peress li r-regoli għal denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u għal indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ( 42 ) jistgħu jipprovdu protezzjoni suffiċjenti u indipendenti mit-trade mark. Dawn ir-regoli għandhom il-benefiċċju addizzjonali, fir-rigward tat-trade mark kollettiva ġeografika, jiġifieri li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jistgħu jintużaw minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodott li jikkorrispondi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni. Għalhekk, l-isħubija ma’ assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 67(2) tar-Regolament dwar it-trade marks ma hijiex neċessarja. Barra minn hekk, l-EUIPO ġustament jenfasizza li jkun kontradittorju li kieku l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, abbażi tal-liġi dwar it-trade marks, ikunu jistgħu jiksbu protezzjoni ekwivalenti jew saħansitra iktar b’saħħitha għall-indikazzjonijiet ġeografiċi milli fis-sistema ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti.

    87.

    Għaldaqstant, l-ewwel żewġ aggravji għandhom jiġu miċħuda.

    C.   Dwar l-assenza ta’ rinviju tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell

    88.

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Foundation tilmenta li l-Qorti Ġenerali qiegħdet lilha nnifisha fil-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell, minflok ma rreferiet il-każ lura.

    89.

    Fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li ż-żewġ sinjali huma fonetikament differenti. Barra minn hekk, fil-punti 64 sa 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma taqbilx mal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjali huma differenti fuq bażi kunċettwali. Anzi, skont il-Qorti Ġenerali, jeżisti xebh fonetiku u kunċettwali dgħajjef.

    90.

    Sussegwentement, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, tieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni globali tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u tikkonkludi li tali riskju ma jeżistix.

    91.

    Ir-raba’ aggravju jkopri wkoll il-fatt li tal-inqas din l-evalwazzjoni globali tal-Bord tal-Appell hija rriżervata.

    92.

    Madankollu, din il-fehma hija żbaljata, peress li skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament dwar it-trade marks, il-Qorti tal-Ġenerali ma hijiex limitata li tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, iżda tista’ wkoll tibdilha.

    93.

    Is-setgħa tal-Qorti Ġenerali li tibdel id-deċiżjonijiet ċertament ma għandhiex bħala effett li tagħtiha s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell bir-raġunament tagħha stess u lanqas li twettaq evalwazzjoni ta’ kwistjoni li l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma adottax pożizzjoni fuqha. Iżda l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla jkopri, bħala prinċipju, sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-imsemmi Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kien meħtieġ li jadotta ( 43 ).

    94.

    Il-Qorti Ġenerali ma pproċedietx mod ieħor fis-sentenza appellata meta kkorreġiet l-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku u kunċettwali magħmula mill-Bord tal-Appell u sussegwentement wettqet evalwazzjoni globali ġdida, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-evalwazzjonijiet mibdula, li wasslu għall-istess riżultat bħall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell.

    95.

    Għalhekk, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

    V. L-ispejjeż

    96.

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċeduri, meta l-appell huwa fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    97.

    Fil-prinċipju, peress li tilfet, il-Fondazzjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

    98.

    Madankollu, ma jkunx xieraq li jiġu imposti fuq il-Foundation l-ispejjeż li jkunu saru b’rabta mat-tielet aggravju minħabba li dan l-aggravju għandu jiġi attribwit għal żball ta’ traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-partijiet kollha għandhom l-ewwel nett ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Imbagħad ikun possibbli li jiġi vverifikat jekk jitolbux kumpens għad-danni lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

    VI. Konklużjoni

    99.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    L-appell huwa miċħud.

    2)

    Il-Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi hija kkundannata tbati l-ispejjeż, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż b’rabta mat-tielet aggravju. Fir-rigward ta’ dan l-aggravju, il-partijiet kollha għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) Publikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2015 C 246, p. 9). Ara wkoll http://ec.europa.eu/agriculture/quality/door/publishedName.html?denominationId=12050 kif ukoll il-komunikazzjoni għall-istampa IP/15/5448 tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Lulju 2015, “Cyprus ‘Χαλλουμι’ (Halloumi)/‘Hellim’ cheese set to receive Protected Designation of Origin status” (“L-ispeċjalità tal-ġobon Ċiprijotta ‘Χαλλουμι’ (Halloumi)/‘Hellim’ għandha tirċievi l-istatus ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP)”) (http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-5448_en.htm).

    ( 3 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2012, Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs UASI – Garmo (HELLIM) (T‑534/10, EU:T:2012:292), tas-7 ta’ Ottubru 2015, Ċipru vs UASI (XAΛΛOYMI u HALLOUMI) (T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752), tat-13 ta’ Lulju 2018, Ċipru vs EUIPO – Papouis Dairies (Pallas Halloumi) (T‑825/16, EU:T:2018:482), tat-13 ta’ Lulju 2018Ċipru vs EUIPO – POA (COWBOYS HALLOUMI) (T‑847/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:481), tal-25 ta’ Settembru 2018, Ċipru vs EUIPO – M. J. Dairies (BBQLOUMI) (T‑384/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:593), u tat-23 ta’ Novembru 2018, Ċipru vs EUIPO – Papouis Dairies (Papouis Halloumi) (T‑703/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:835).

    ( 4 ) Digriet tal-21 ta’ Marzu 2013, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs UASI (C‑393/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:207).

    ( 5 ) Regolament (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bl-Anness III, punt 2.I. tal-Atti dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 41), sostitwit issa bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p.1).

    ( 6 ) Ir-ritratt ta’ xatt bis-sajjieda apparentement ittieħed fil-port ta’ Naousa fil-gżira Griega ta’ Paros (https://www.gtp.gr/locpage.asp?id=12121&lng=1), preċiżament fid-direzzjoni tal-Lvant, fi 37.124862 grad fit-Tramuntana u 25.237685 grad fil-Lvant.

    ( 7 ) Skont id-database tal-EUIPO, https://euipo.europa.eu/eSearch/#details/trademarks/001082965, hemm proċeduri pendenti ta’ kanċellazzjoni. Iżda hemm ukoll indikazzjonijiet ta’ proċedura ta’ kanċellazzjoni preċedenti – apparentement mingħajr suċċess.

    ( 8 ) It-test kien ifformulat kif ġej: “Despite the fact that, with the exception of the services covered by the mark applied for, the goods covered by the marks at issue are in part identical and in part similar to some degree, there cannot be any likelihood of confusion on the part of the relevant public since the existence of a visual, phonetic and conceptual similarity is not, in the case of an earlier descriptive mark with low distinctive character, sufficient to give rise to a presumption of a likelihood of confusion […]”.

    ( 9 ) Sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 22), tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs UASI (C‑206/04 P, EU:C:2006:194, punt 18), u tal-4 ta’ Lulju 2019, FTI Touristik vs EUIPO (C‑99/18 P, EU:C:2019:565, punt 13), kif ukoll id-digriet tal-21 ta’ Marzu 2013, Foundation for the Protection of the Traditional Cheese of Cyprus named Halloumi vs UASI (C‑393/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:207, punt 32).

    ( 10 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO (C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punti 67, 68 u 71).

    ( 11 ) Ara, dwar l-interpretazzjoni contra legem, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, EU:C:2005:386, punt 47), tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 100 u 103), u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 76).

    ( 12 ) F’dan ir-rigward, id-digriet tas-17 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑417/02, EU:C:2006:189).

    ( 13 ) F’dan ir-rigward, id-digriet tas-17 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑417/02, EU:C:2006:189).

    ( 14 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 46).

    ( 15 ) Sentenzi tat-23 ta’ Jannar 2014, UASI vs riha WeserGold Getränke (C‑558/12 P, EU:C:2014:22 punt 41), u tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 17).

    ( 17 ) Sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C‑251/95, EU:C:1997:528, punt 24), tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 18), u tat-8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO (C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 62).

    ( 18 ) Sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 18).

    ( 19 ) Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 49), tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 22), u tat-8 ta’ April 2003, Linde et (C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 40).

    ( 20 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punti 50 u 57).

    ( 21 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (BURLINGTON) (T‑123/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:870, punt 60).

    ( 22 ) Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011 (C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 189).

    ( 23 ) Sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012 (C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punti 40 sa 47).

    ( 24 ) Punt 29 tar-rikors promotur fil-Kawża T‑328/17.

    ( 25 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pandalis vs EUIPO (C‑194/17 P, EU:C:2018:725, punt 51). Ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, BSH vs EUIPO (C‑43/15 P, EU:C:2016:837, punt 67).

    ( 26 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punti 50 u 51).

    ( 27 ) Ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-5 ta’ Diċembru 2012, Consorzio vino Chianti Classico vs UASI – FFR (F.F.R.) (T‑143/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:645, punt 61).

    ( 28 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 18). Ara wkoll id-digriet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tat-30 ta’ Novembru 1995, MADEIRA (I ZB 32/93, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht 1996, p. 270).

    ( 29 ) Aggravju, punt 51.

    ( 30 ) Aggravju, punt 63.

    ( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, EU:C:2007:386, punt 47).

    ( 32 ) Punti 50 u 66 tas-sentenza appellata. Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tat-13 ta’ Ġunju 2012, Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs UASI – Garmo (HELLIM) (T‑534/10, EU:T:2012:292, punt 41), tas-7 ta’ Ottubru 2015, Ċipru vs UASI (XAΛΛOYMI u HALLOUMI) (T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752, punti 20 u 21), tat-13 ta’ Lulju 2018, Ċipru vs EUIPO – Papouis Dairies (Pallas Halloumi) (T‑825/16, EU:T:2018:482, punti 41 u 42), tat-13 ta’ Lulju 2018, Ċipru vs EUIPO – POA (COWBOYS HALLOUMI) (T‑847/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:481, punti 39 u 40), u tat-23 ta’ Novembru 2018, Ċipru vs EUIPO – Papouis Dairies (Papouis Halloumi) (T‑703/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:835, punt 61).

    ( 33 ) Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punti 25 u 26), tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI (C‑126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punt 19), u tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 59).

    ( 34 ) Bħala eżempju, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2019, Pandalis vs EUIPO (C‑194/17 P, EU:C:2019:80, punti 87 sa 93 kif ukoll punti 103 sa 105).

    ( 35 ) Sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, (C‑196/11 P, EU:C:2012:314, punti 40 sa 47).

    ( 36 ) Ara, ukoll, is-sentenzi tal-Qorti tat-13 ta’ Ġunju 2012, Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs UASI – Garmo (HELLIM) (T‑534/10, EU:T:2012:292, punt 41), tas-7 ta’ Ottubru 2015, Ċipru vs UASI (XAΛΛOYMI u HALLOUMI) (T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752, punt 28), tat-13 ta’ Lulju 2018, Ċipru vs EUIPO – Papouis Dairies (Pallas Halloumi) (T‑825/16, EU:T:2018:482, punti 42 u 43), tat-13 ta’ Lulju 2018, Ċipru vs EUIPO – POA (COWBOYS HALLOUMI) (T‑847/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:481, punti 40 u 41), u tat-23 ta’ Novembru 2018, Ċipru vs EUIPO – Papouis Dairies (Papouis Halloumi) (T‑703/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:835, punt 49).

    ( 37 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2019, Pandalis vs EUIPO (C‑194/17 P, EU:C:2019:80, punt 93).

    ( 38 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 50).

    ( 39 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 52).

    ( 40 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 54).

    ( 41 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 47).

    ( 42 ) Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 216, p. 40, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, fil-ĠU 2013, L 55, p. 27).

    ( 43 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

    Top