This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CC0640
Opinion of Advocate General Pitruzzella delivered on 27 November 2019.#Wagram Invest SA v État belge.#Request for a preliminary ruling from the Cour d'appel de Mons.#Reference for a preliminary ruling – Directive 78/660/EEC – Annual accounts of certain types of companies – Principle that a true and fair view must be given – Acquisition of a financial fixed asset by a public limited company – Entry as a charge in the profit and loss account of a discount relating to a non-interest-bearing debt due after one year and entry of the purchase price of the fixed asset as an asset in the balance sheet after deduction of the discount.#Case C-640/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2019.
Wagram Invest SA vs L-Istat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 78/660/KEE – Kontijiet annwali ta’ ċerti forom ta’ kumpanniji – Prinċipju ta’ stampa vera u ġusta – Akkwist ta’ attiv finanzjarju fiss minn kumpannija b’responsabbiltà limitata – Reġistrazzjoni, bħala telf, fil-kont tal-qligħ u t-telf, ta’ skont marbut ma’ dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi, u reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, bħala attiv, fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-iskont.
Kawża C-640/18.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2019.
Wagram Invest SA vs L-Istat Belġjan.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Mons.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 78/660/KEE – Kontijiet annwali ta’ ċerti forom ta’ kumpanniji – Prinċipju ta’ stampa vera u ġusta – Akkwist ta’ attiv finanzjarju fiss minn kumpannija b’responsabbiltà limitata – Reġistrazzjoni, bħala telf, fil-kont tal-qligħ u t-telf, ta’ skont marbut ma’ dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi, u reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, bħala attiv, fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-iskont.
Kawża C-640/18.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1022
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
PITRUZZELLA
ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2019 ( 1 )
Kawża C‑640/18
Wagram Invest SA
vs
L-Istat Belġjan
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ir-Raba’ Direttiva 78/660/KEE – Kontijiet annwali ta’ ċerti forom ta’ kumpanniji – Prinċipju ta’ stampa vera u ġusta – Artikolu 2(3) sa (5) – Akkwist ta’ attiv finanzjarju fiss minn kumpannija b’responsabbiltà limitata – Reġistrazzjoni, bħala telf, fil-kont tal-qligħ u t-telf, ta’ skont marbut ma’ dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi, u reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, bħala attiv, fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-iskont – Obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali – Deroga minn dispożizzjoni tad-direttiva f’‘każijiet eċċezzjonali’”
1. |
Din il-kawża tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju) dwar l-interpretazzjoni tar-Raba’ Direttiva Nru 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji ( 2 ). |
2. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża essenzjalment sabiex tivverifika l-konformità mal-prinċipju tal-istampa vera u ġusta, imsemmija fl-Artikolu 2(3) sa (5) tad-Direttiva 78/660 ( 3 ), moqri flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess direttiva, ta’ metodu użat biex jikkontabbilizza l-akkwisti ta’ azzjonijiet effettwati mill-kumpannija Wagram Invest SA. |
3. |
Tilwima ta’ natura fiskali bejn Wagram Invest u l-awtoritajiet fiskali Belġjani wasslet għal din il-kawża li ser tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara għal darba oħra l-portata tal-prinċipju tal-istampa vera u ġusta tal-kontijiet annwali li jikkostitwixxi l-għan prinċipali tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kontijiet u tal-istati finanzjarji tal-impriżi ( 4 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħmel ukoll xi kjarifiki dwar ir-relazzjoni bejn, minn naħa, l-obbligu li tingħata informazzjoni addizzjonali previst fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 78/660, u min-naħa l-oħra, il-possibbiltà, f’każijiet eċċezzjonali, li ssir deroga minn dispożizzjoni, skont l-Artikolu 2(5) tal-imsemmija direttiva. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
4. |
Skont l-Artikolu 2(3) sa (5) tad-Direttiva 78/660: “3. Il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta ta’ l-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija. 4. Meta l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma tkunx biżżejjed biex tagħti stampa vera u ġusta fis-sens ta’ paragrafu 3, għandha tingħata informazzjoni iżjed. 5. Meta f’każijiet eċċezzjonali l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun inkompatibbli ma’ l-obbligu speċifikat fil-paragrafu 3, wieħed għandu jitbiegħed minn dik id-dispożizzjoni sabiex tingħata stampa vera u ġusta fis-sens tal-paragrafu 3. Kull tbegħid bħal dak għandu jintwera fin-noti dwar il-kontijiet flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunijiet għal dan u dikjarazzjoni dwar l-effett tiegħu fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ u telf. L-Istati Membri jistgħu jfissru l-każijiet eċċezzjonali relattivi u jispeċifikaw ir-regoli rilevanti u speċjali.” |
5. |
L-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 78/660 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-entrati kollha murija fil-kontijiet annwali huma valutati skond il-prinċipji ġenerali li ġejjin: […]
|
6. |
Skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 78/660: “L-entrati murija fil-kontijiet annwali għandhom jiġu valutati skond l-Artikoli 34 sa 42, li huma bażati fuq il-prinċipju ta’ prezz tal-bejgħ jew spiża tal-produzzjoni. |
7. |
L-Artikolu 35 tad-Direttiva 78/660 jipprovdi: “1. a) Attiv fiss għandu jiġi valutat bi prezz tal-bejgħ jew spiża tal-produzzjoni, bla ħsara għal (b) u (ċ) ta’ hawn taħt. […] 2. Il-prezz tax-xiri għandu jiġi kalkolat biż-żieda mal-prezz imħallas ta’ l-ispejjez inċidentali għalih. […]”. |
B. Id-dritt Belġjan
8. |
L-Artikolu 24 tal-arrêté royal du 30 janvier 2001 portant exécution du code des sociétés ( 5 ) (id-Digriet Irjali tat-30 ta’ Jannar 2001 li jimplimenta l-Kodiċi dwar il-Kumpanniji, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali”) jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta tal-patrimonju, tal-pożizzjoni finanzjarja kif ukoll tal-qligħ jew telf tal-kumpannija u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet ma hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa dan l-obbligu, għandha tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali fl-anness. |
9. |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tad-Digriet Irjali jispeċifika li, fil-każ eċċezzjonali fejn l-applikazzjoni tar-regoli ta’ evalwazzjoni ma twassalx għall-osservanza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, ikun hemm lok li ssir deroga mill-applikazzjoni tal-imsemmi artikolu. |
10. |
Skont l-Artikolu 35 tal-imsemmi digriet Irjali, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 29, 67 u 77, l-attiv għandu jiġi evalwat skont il-valur tal-akkwist tiegħu u jitniżżel fil-karta tal-bilanċ b’dan l-istess valur, bit-tnaqqis li jsir għad-deprezzament u t-tnaqqis fil-valuri relattivi. Bil-valur tal-akkwist, wieħed għandu jifhem, jew il-prezz tal-akkwist, jew l-ispiża tal-produzzjoni, jew il-valur tal-kontribuzzjoni ( 6 ). |
11. |
L-Artikolu 67 tad-Digriet Irjali jikkonċerna r-reġistrazzjoni fil-bilanċ tad-djun. Skont il-paragrafu 1 tiegħu, “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu […], id-djun jitniżżlu fil-bilanċ bil-valur nominali tagħhom”. |
12. |
Madankollu, il-paragrafu 2(ċ) tal-istess artikolu 67, jipprovdi sistema finanzjarja partikolari għal ċerti tipi ta’ djun. B’mod iktar speċifiku, skont din id-dispożizzjoni, ir-reġistrazzjoni tad-djun bil-valur nominali tagħhom, fil-karta tal-bilanċ, għandha tkun akkumpanjata mir-reġistrazzjoni fil-kontijiet tal-aġġustament tal-passiv u tar-riżultati prorata temporis abbażi tal-interessi komposti tal-iskont tad-djun li ma jiġġenerawx interessi jew li fuqhom jiddekorru interessi anormalment baxxi, meta dawn id-djun: 1) huma rimborsabbli f’data ’l bogħod iktar minn sena, b’effett mid-dħul tagħhom fil-patrimonju tal-kumpannija, u 2) jirrigwardaw jew ammonti mniżżla bħala dħul fir-rendikont tal-qligħ jew telf, jew prezz ta’ trasferiment ta’ attiv fiss jew fergħat ta’ attività. |
13. |
L-Artikolu 77 tad-Digriet Irjali jestendi għad-djun is-sistema li tikkonċerna d-djun, prevista fl-Artikolu 67 tal-istess digriet Irjali. Dan l-Artikolu 77 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-imsemmi artikolu 67 japplika bl-istess mod għad-djun tat-tip u ta’ durata simili. |
II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14. |
Permezz ta’ żewġ ftehimiet, wieħed tal-10 ta’ Jannar 1997 u l-ieħor tal-10 ta’ Marzu 1999, Wagram Invest akkwistat f’żewġ okkażjonijiet mid-direttur tagħha azzjonijiet f’kumpannija. Permezz tal-ewwel ftehim, Wagram Invest akkwistat 2005 azzjonijiet f’dik il-kumpannija għal prezz ekwivalenti għal EUR 594 944.45 pagabbli f’sittax-il pagament ta’ kull sitt xhur mingħajr interssi. Permezz tat-tieni ftehim, Wagram Invest akkwistat 1993 azzjonijiet fl-imsemmija kumpannija għall-prezz ekwivalenti għal EUR 787 319.75, pagabbli fi tnax-il pagament ta’ kull sitt xhur, mingħajr interessi ( 7 ). |
15. |
Sabiex iddaħħal fil-kontijiet l-imsemmija tranżazzjonijiet ta’ akkwist ta’ azzjonijiet, Wagram Invest daħħlet, skont l-Artikolu 77 tad-Digriet Irjali, is-segwenti entrati ta’ kontabbiltà. |
16. |
L-ewwel nett, hija rreġistrat fil-passiv tal-karta tal-bilanċ tagħha d-djun fir-rigward tad-direttur fost id-djun ta’ iktar minn sena bil-valur nominali tagħhom, jiġifieri l-valur ekwivalenti għal EUR 594 944.45 għall-akkwist tal-1997 u valur ekwivalenti għal EUR 787 319.75 għall-akkwist tal-1999 ( 8 ). |
17. |
It-tieni nett, hija rreġistrat fl-attiv l-2005 azzjoni akkwistati fl-1997 b’valur attwalizzat ekwivalenti għal EUR 452 004.76 u l-1993 azzjoni akkwistati fl-1999 b’valur attwalizzat ekwivalenti għal EUR 641 332.82 ( 9 ). |
18. |
Ir-rata tal-iskont adottata għall-attwalizzazzjoni kienet ir-rata tas-suq applikabbli għal tali djun fil-mument tad-dħul tagħhom fil-patrimonju, jiġifieri 8 %. |
19. |
It-tielet nett, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-iskont li jikkonsisti fid-differenza bejn il-valur nominali tad-dejn u l-valur attwalizzat tal-attiv fiss, jiġifieri valur ekwivalenti għal EUR 142 939.69 għall-akkwist tal-1997 u valur ekwivalenti għal EUR 145 986.93 għall-akkwist tal-1999 ( 10 ). |
20. |
Ir-raba’ nett, hija kkunsidrat bħala spejjeż finanzjarji, mal-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, proporzjon tal-ispejjeż li jinġarru minn sena għall-oħra li jikkorrispondi għall-iskont tad-dejn. |
21. |
Għaldaqstant, mal-għeluq tas-sena fiskali 2000, Wagram Invest ikkontabbilizzat proporzjon tal-ispejjeż ta’ ammont ekwivalenti għal EUR 48 843.41, jiġifieri ammont ekwivalenti għal EUR 24 801.90 għall-azzjonijiet akkwistati fl-1997 u għal EUR 24 041.50 għal dawk akkwistati fl-1999 ( 11 ). |
22. |
Mal-għeluq tas-sena fiskali 2001, Wagram Invest ikkontabbilizzat proporzjon tal-ispejjeż f’ammont ekwivalenti għal EUR 66 344.17, jiġifieri għal EUR 20 899.70 għall-azzjonijiet akkwistati fl-1997 u għal EUR 45 444.50 għal dawk akkwistati fl-1999 ( 12 ). |
23. |
Wara verifika, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana deherilha li kellha tiċħad l-ispejjeż ikkontabbilizzati u mnaqqsa għas-snin fiskali 2000 u 2001 u, minkejja n-nuqqas ta’ qbil ta’ Wagram Invest, bagħtitilha deċiżjoni ta’ taxxa fit-28 ta’ Ottubru 2002. |
24. |
L-amministrazzjoni fiskali Belġjana kkunsidrat, b’mod partikolari, li t-teħid inkunsiderazzjoni bħala telf ta’ skont fittizju permezz tat-tnaqqis tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss wassal sabiex it-titoli jingħataw valur inqas li ma kienx iġġustifikat ekonomikament u li għal finijiet ta’ taxxa ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni progressivament ( 13 ). |
25. |
Fuq din il-bażi, l-amministrazzjoni fiskali Belġjana imponiet fuq Wagram Invest żewġ kontribuzzjonijiet addizzjonali tat-taxxa fuq il-kumpanniji għas-snin fiskali 2000 u 2001, fl-20 ta’ Novembru 2002 u fit-18 ta’ Novembru 2002 rispettivament. |
26. |
Wara li ppreżentat ilment li ma ngħatax deċiżjoni fuqu fit-terminu applikabbli, Wagram Invest ippreżentat, fl-10 ta’ Marzu 2005, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana quddiem it-tribunal de première instance de Namur (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Namur, il-Belġju). Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2007, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors u kkonfermat il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet kontenzjużi għas-snin fiskali 2000 u 2001. |
27. |
Għaldaqstant Wagram Invest appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège, il-Belġju), li, f’sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2011, ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza. |
28. |
Għaldaqstant Wagram Invest ressqet appell ta’ kassazzjoni fit-2 ta’ Lulju 2014. Il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju), b’sentenza tal-11 ta’ Marzu 2016, annullat is-sentenza tal-cour d’appel de Liège (il-Qorti tal-Appell ta’ Liège) u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. |
29. |
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-metodu ta’ kontabbiltà użat minn Wagram Invest huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kontabbiltà Belġjan, u b’mod iktar partikolari mal-Artikolu 77 tad-Digriet Irjali. Madankollu, hija tistaqsi jekk tali metodu huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 78/660. |
30. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
31. |
Qabel ma jiġi analizzat il-mertu tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġu ttrattati żewġ punti ta’ natura preliminari. |
32. |
Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mal-prinċipju tal-istampa vera u ġusta, kif previst fl-Artikolu 2(3) sa (5) tad-Direttiva 78/660, tal-metodu użat minn Wagram Invest sabiex tikkontabbilizza d-djun marbutin maż-żewġ akkwisti ta’ azzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 78/660, li tirrigwarda l-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji. |
33. |
Għalkemm id-deċiżjoni tar-rinviju tikkonċentra biss fuq l-aspett ta’ kontabbiltà tal-kawża, jirriżulta madankollu b’mod espliċitu minn din id-deċiżjoni li l-kawża prinċipali pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju hija, fir-realtà, ta’ natura fiskali. |
34. |
Jirriżulta wkoll mill-imsemmija deċiżjoni li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 78/660 jista’ jkollha effett fiskali, inkwantu t-teħid inkunsiderazzjoni bħala telf mill-perspettiva ta’ kontabbiltà tal-iskont li jikkonsisti fid-differenza bejn il-valur nominali tad-dejn għaż-żewġ akkwisti ta’ azzjonijiet inkwistjoni u l-valur attwalizzat ta’ dawn l-azzjonijiet, kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu progressivament għandhom effett fuq it-taxxa ta’ Wagram Invest, bħala taxxa fuq il-kumpanniji, għas-snin fiskali 2000 u 2001. |
35. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-interrelazzjoni bejn l-aspetti kontabbli u fiskali tal-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li d-Direttiva 78/660 ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-kontijiet annwali tal-kumpanniji jistgħu jew għandhom iservu bħala bażi għad-determinazzjoni, mill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, tal-bażi jew tal-ammont tat-taxxi, bħat-taxxa fuq il-kumpanniji inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ( 14 ). |
36. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li l-kontijiet annwali jistgħu jintużaw bħala bażi ta’ riferiment mill-Istati Membri għall-finijiet fiskali u li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 78/660 ma tipprekludi lill-Istati Membri milli jikkoreġu, fuq livell fiskali, l-effetti tar-regoli tal-kontabbiltà inklużi f’din id-direttiva, bl-għan li jiġi ddeterminat qligħ taxxabbli eqreb lejn ir-realtà ekonomika ( 15 ). |
37. |
L-istess bħall-Kummissjoni Ewropea, jidhirli li jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li, għalkemm ir-regoli tal-kontabbiltà meħuda mid-Direttiva 78/660 ma humiex intiżi li jirregolaw is-sistemi fiskali tal-Istati Membri, b’mod li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma għandhiex neċessarjament ikollha konsegwenzi fil-qasam fiskali, l-Istati Membri jibqgħu madankollu liberi li jagħżlu, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom sabiex jistabbilixxu b’mod partikolari l-metodu ta’ tassazzjoni tad-djun ta’ żmien twil li ma jiġġenerawx interessi, li jibbażaw ruħhom jew le fuq l-imsemmija regoli tal-kontabbiltà sabiex jiddefinixxu s-sistema fiskali applikabbli għal dawn id-djun. |
38. |
Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, minn naħa, Wagram Invest fl-osservazzjonijiet tagħha tikkontesta r-rilevanza tagħha, sa fejn ir-regolarità tal-entrati ta’ kontabbiltà tagħha kienet ġiet ivvalidata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Apell ta’ Liège, imsemmija fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Min-naħa l-oħra, l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari kienet is-suġġett ta’ diskussjoni waqt is-seduta fir-rigward tan-natura ipotetika possibbli tagħhom. Fil-fatt, ġie rrilevat li peress li l-konformità tal-entrati ta’ kontabbiltà ta’ Wagram Invest mad-dritt Belġjan ma ġietx ikkontestata, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna esklużivament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali Belġjani, li ma għandhom ebda konnessjoni mad-Direttiva 78/660, b’mod li l-interpretazzjoni ta’ din jista’ ma jkollhiex effett fuq it-tilwima fil-kawża prinċipali. |
39. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni ( 16 ). |
40. |
Minn dan isegwi, skont il-ġurisprudenza, li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 17 ). |
41. |
Issa, fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ ma teżisti ebda waħda minn dawn it-tliet sitwazzjonijiet. Fil-fatt, min-naħa, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 78/660 jista’ jkollha effett fiskali, b’mod li jidher li ma jistax jiġi miċħud il-fatt li l-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tal-imsemmija dispożizzjonijiet hija marbuta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li għaldaqstant il-problema li jqajmu d-domandi preliminari ma hijiex ta’ natura ipotetika. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda preliminari li saritilha mill-qorti tar-rinviju. |
42. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
B. Fuq l-ewwel domanda preliminari
43. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-prinċipji ta’ evalwazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 78/660, l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, meta jsir l-akkwist ta’ attiv finanzjarju fiss minn kumpannija, ir-reġistrazzjoni bħala telf fil-kont tal-qligħ u t-telf ta’ skont marbut ma’ dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi, u r-reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss bħala attiv tal-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-imsemmi skont. |
44. |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar, qabelxejn, li d-Direttiva 78/660 hija intiża sabiex tiżgura il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-istruttura u l-kontenut tal-kontijiet annwali kif ukoll tar-rapport ta’ ġestjoni u l-metodi ta’ evalwazzjoni bil-għan li jiġu protetti l-persuni assoċjati u t-terzi. Għal dan l-għan, skont it-tielet premessa tagħha, din hija intiża biss sabiex tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi dwar il-portata tal-informazzjoni finanzjarja li għandha tingħata lill-pubbliku ( 18 ). |
45. |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservanza tal-prinċipju ta’ “stampa vera u ġusta”, tikkostitwixxi l-għan oriġinali tad-Direttiva 78/660. Skont dan il-prinċipju, li jinsab fl-Artikolu 2(3) sa (5) ta’ din id-direttiva, il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta tal-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija ( 19 ). |
46. |
Il-prinċipju tal-istampa vera u ġusta jeżiġi, minn naħa, li l-kontijiet annwali tal-kumpanniji jirriflettu l-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet li huma meqjusa li jiddeskrivu u, min-naħa l-oħra, li l-informazzjoni kontabbli tingħata fil-forma meqjusa l-iktar valida u l-iktar waħda xierqa sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ informazzjoni tat-terzi, mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-interessi tal-kumpannija ( 20 ). |
47. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta għandu jkun iggwidat, sa fejn dan ikun possibbli, mill-prinċipji ġenerali inklużi fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 78/660, fosthom il-prinċipju ta’ prudenza stabbilit fl-Artikolu 31(1)(ċ) ta’ din id-direttiva li huwa ta’ importanza partikolari ( 21 ). |
48. |
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ prudenza, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha – profitti magħmula, spejjeż, dħul, riskji u telf – li huma realment marbuta mas-sena inkwistjoni jippermetti li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta ( 22 ). |
49. |
Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-prinċipju tal-istampa vera u ġusta għandu jinftiehem ukoll fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 78/660, li jistabbilixxi li l-evalwazzjoni tal-entrati inklużi fil-kontijiet annwali għandha tkun ibbażata fuq il-prezz tal-akkwist jew fuq l-ispiża tal-produzzjoni tal-assi ( 23 ). |
50. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, skont din id-dispożizzjoni, l-istampa vera u ġusta li għandhom jagħtu l-kontijiet annwali ta’ kumpannija għandha tkun ibbażata mhux fuq il-valur reali tagħhom, iżda fuq dak tal-prezz storiku tagħhom ( 24 ). |
51. |
Skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 78/660, huwa biss jekk, f’każijiet eċċezzjonali, jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ din id-direttiva tmur kontra l-prinċipju tal-istampa vera u ġusta previst fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, li jkun hemm lok li ssir deroga mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 32, bil-għan li tingħata stampa vera u ġusta fis-sens tal-imsemmi paragrafu 3 ( 25 ). |
52. |
Huwa fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali esposti fil-punti preċedenti li jeħtieġ li tiġi evalwata l-konformità mal-prinċipju tal-istampa vera u ġusta ta’ metodu ta’ kontabbiltà li jippermetti, meta jsir l-akkwist minn kumpannija ta’ attiv finanzjarju fiss, bħalma huma l-azzjonijiet, ir-reġistrazzjoni bħala telf fil-kont tal-qligħ u t-telf ta’ skont marbut mad-dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi, li jirrigwarda tali akkwist, u r-reġistrazzjoni bħala attiv fil-karta tal-bilanċ tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss wara t-tnaqqis tal-imsemmi skont. |
53. |
Fost il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Wagram Invest, il-Gvern Belġjan u dak Awstrijak, u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu, essenzjalment, li tali metodu huwa kompatibbli mal-prinċipju tal-istampa vera u ġusta. Huwa biss il-Gvern Ġermaniż li jiddefendi pożizzjoni kuntrarja. |
54. |
F’dan ir-rigward, nosserva li mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 78/660, li fid-dawl tiegħu, kif irrilevajt fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jinftiehem il-prinċipju tal-istampa vera u ġusta, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-entrati li jinsabu fil-kontijiet annwali għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 34 sa 42, ibbażati fuq il-prinċipju tal-prezz tal-akkwist jew tal-ispiża tal-produzzjoni. |
55. |
L-Artikolu 35(1)(a) tad-Direttiva 78/660 jispeċifika li l-elementi tal-attiv fiss għandhom jiġu evalwati bil-prezz tal-akkwist jew bl-ispiża tal-produzzjoni ( 26 ). |
56. |
Madankollu, id-Direttiva 78/660 ma fihiex definizzjoni tal-kunċett ta’ prezz tal-akkwist ( 27 ). Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-evalwazzjoni tal-attiv hija bbażata mhux fuq il-valur reali tiegħu, imma fuq dak tal-prezz storiku tiegħu. |
57. |
Issa, jista’ jiġi kkunsidrat li, bħala regola ġenerali, il-prezz storiku ta’ attiv finanzjarju fiss jikkorrispondi għall-valur nominali tal-prezz tal-akkwist, jiġifieri l-prezz li l-kumpannija li akkwistat l-attiv fiss ħallset għall-akkwist. Ir-reġistrazzjoni fl-attiv ta’ dan il-valur nominali tippermetti għaldaqstant, b’mod partikolari, li tagħti stampa vera u ġusta tal-effett ta’ dan l-element fuq il-kontijiet tal-kumpannija. |
58. |
Madankollu, meta l-kuntratt ta’ akkwist tal-element tal-attiv jipprevedi l-ħlas tal-prezz progressivament fuq medda ta’ żmien twil mingħajr interessi, huwa possibbli li t-tranżazzjoni tal-akkwist tal-imsemmi element, għalkemm formalment waħda, għandha, fir-realtà, titqies bħala tranżazzjoni kumplessa kkostitwita b’żewġ elementi: minn naħa, l-akkwist veru u proprju tal-attiv finanzjarju fiss u, min-naħa l-oħra, it-tranżazzjoni ta’ self impliċitu ( 28 ). |
59. |
Jekk dan huwa l-każ, jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur nominali tal-prezz imħallas għall-akkwist tal-attiv fiss jinkludi, fir-realtà, żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, il-prezz veru tal-akkwist tal-attiv fiss, li jikkorrispondi għall-valur attwalizzat ta’ dan il-prezz – jiġifieri l-prezz tax-xiri mingħajr l-interessi impliċiti tas-self –, u min-naħa l-oħra, l-ammont li jikkorrispondi għal dawn l-interessi impliċiti. |
60. |
F’tali sitwazzjoni, nikkunsidra, l-istess bħal Wagram Invest, il-Gvern Belġjan u dak Awstrijak, u l-Kummissjoni, li metodu ta’ kontabbiltà li jipprevedi, minn naħa, ir-reġistrazzjoni, bħala attiv, tal-valur attwalizzat tal-prezz imħallas għall-attiv finanzjarju fiss (jiġifieri l-valur nominali mingħajr l-interessi impliċiti) u, min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni bħala telf ta’ skont li jirrappreżenta l-interessi impliċiti (ta’ ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur nominali tad-dejn għall-akkwist tal-attiv fiss u l-valur attwalizzat ta’ dan id-dejn) jippermetti li ssir rappreżentazzjoni ġusta tar-realtà ekonomika tat-tranżazzjoni kumplessa inkwistjoni u huwa, għaldaqstant, konformi mar-rekwiżiti marbutin mal-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta previst mid-Direttiva 78/660. |
61. |
Fil-fatt, f’tali każ, huwa l-valur attwalizzat tal-prezz miftiehem għall-akkwist tal-attiv fiss u mhux il-valur nominali tiegħu li jikkorrispondi għall-valur reali ta’ dan l-akkwist, filwaqt li l-interessi, anki jekk impliċiti, li jikkorrispondu għall-ammont tal-iskont, jikkostitwixxu entrata ta’ telf fuq kreditu. F’tali sitwazzjoni, ir-reġistrazzjoni, bħala attiv, tal-valur nominali tal-prezz miftiehem għall-akkwist tal-attiv fiss ikollha l-effett li xxekkel ir-riżultat tat-tranżazzjoni inkwistjoni, u għaldaqstant, ir-riżultat globali affermat ( 29 ). |
62. |
Il-metodu ta’ kontabbiltà indikat fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju ta’ prudenza stabbilit fl-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 78/660 u msemmi fil-punti 47 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, sa fejn jagħmel is-sustanza tipprevalixxi fuq il-forma ( 30 ), huwa jagħmel sottodikjarazzjoni tal-element tal-attiv inkwistjoni ( 31 ), abbażi ta’ evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, kif meħtieġ mill-imsemmi prinċipju ( 32 ), il-fatturi rilevanti kollha, b’mod partikolari, f’dan il-każ ineżami, l-ispejjeż finanzjarji, anki jekk tali spejjeż, peress li huma impliċiti, ma joħorġux formalment mill-valur nominali tal-prezz tal-akkwist tal-imsemmi element. Dan il-metodu ta’ kontabbiltà jippermetti għaldaqstant li tingħata lill-kredituri tal-kumpannija viżjoni reali u mhux wisq ottimista tas-sitwazzjoni patrimonjali tal-kumpannija kkonċernata. |
63. |
Il-konklużjoni li skontha l-użu tal-imsemmi metodu ta’ kontabbiltà huwa konformi mal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta ma hija, fil-fehma tiegħi, bl-ebda mod kontradetta mis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632. F’din is-sentenza, li tipprovdi linji gwida ta’ prinċipji importanti, il-kwistjoni kienet tikkonċerna, fil-fatt, il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta tal-eventwali reġistrazzjoni bħala attiv, ta’ attiv finanzjarju fiss f’valur ogħla mill-prezz tal-akkwist tiegħu filwaqt li, f’din il-kawża, il-kwistjoni tikkonċerna reġistrazzjoni, bħala attiv, f’valur iktar baxx mill-valur nominali sħiħ tal-prezz miftiehem għall-akkwist tal-attiv finanzjarju fiss. |
64. |
Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti u l-konklużjoni li skontha l-użu tal-metodu ta’ kontabbiltà indikat fil-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa konformi mal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta huma, fil-fehma tiegħi, madankollu, esklużivament rilevanti, sakemm it-tranżazzjoni tal-akkwist tal-attiv finanzjarju fiss, li għalih huwa previst il-ħlas tal-prezz progressivament fuq medda ta’ żmien twil mingħajr interessi, għandha titqies effettivament, mill-aspett ekonomiku, bħala tranżazzjoni kumplessa kkostitwita, minn naħa, mill-akkwist veru u proprju tal-attiv finanzjarju fiss u, min-naħa l-oħra, minn tranżazzjoni ta’ self, possibbilment impliċita. |
65. |
Huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ, billi tagħmel evalwazzjoni każ b’każ taċ-ċirkustanzi, kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt ( 33 ), tal-każ ineżami li hija adita bih. |
66. |
Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti tkun tista’, inter alia, tintalab tevalwa jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni seħħitx taħt ċirkustanzi normali tas-suq. Fil-fatt, f’każ li l-prezz miftiehem għall-akkwist tal-attiv fiss kien manifestament irħas jew ogħla mill-prezz tas-suq, il-konfigurazzjoni tat-tranżazzjoni tal-akkwist bħala tranżazzjoni kumplessa, bħal dik prevista fil-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tista’ tkun eskluża. Kif irrilevat il-Kummissjoni, dan il-fatt jista’ jkun rilevanti fil-każ ta’ tranżazzjoni li tkun seħħet bejn partijiet relatati, bħat-tranżazzjoni inkwistjoni fit-tilwima tal-kawża prinċipali ( 34 ). |
67. |
Fil-kuntest tal-imsemmija evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tista’ tkun mitluba wkoll tivverifika jekk it-tranżazzjoni impliċita ta’ self li toħroġ mill-obbligu previst tal-ħlas tal-prezz li jsir progressivament fuq medda ta’ żmien twil mingħajr interessi ma tikkostitwixxix, fir-realtà, tranżazzjoni b’titolu oneruż li r-remunerazzjoni miftiehma għaliha hija vantaġġ ta’ natura li jiġi rċevut matul is-snin sussegwenti ( 35 ). |
68. |
Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata r-risposta li fil-każ ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist minn kumpannija ta’ responsabbiltà limitata, ta’ attiv finanzjarju fiss, li għalih il-ħlas tal-prezz huwa previst li jsir progressivament fuq medda ta’ żmien twil mingħajr interessi, il-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta stabbilit fl-Artikolu 2(3) sa (5) tad-Direttiva 78/660, fid-dawl tal-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 31(1)(ċ) u 32 tal-istess direttiva, ma jipprekludix l-użu ta’ metodu ta’ kontabbiltà li jipprevedi r-reġistrazzjoni, bħala telf, fil-kont tal-qligħ u t-telf, ta’ skont marbut mad-dejn ta’ iktar minn sena, li ma jiġġenerax interessi fir-rigward ta’ dak l-akkwist, u r-reġistrazzjoni tal-prezz tal-akkwist tal-attiv fiss, bħala attiv, fil-karta tal-bilanċ wara t-tnaqqis tal-imsemmi skont, meta l-imsemmija tranżazzjoni ta’ akkwist għandha titqies bħala li hija, fir-realtà, tranżazzjoni kumplessa kkostitwita, minn naħa, mill-akkwist veru u proprju tal-attiv finanzjarju fiss u, min-naħa l-oħra, minn tranżazzjoni ta’ self, anki jekk impliċita. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ, billi tagħmel evalwazzjoni każ b’każ, abbażi ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi, kemm ta’ fatt u kif ukoll ta’ dritt, tal-każ ineżami li hija adita bih. |
C. Fuq it-tieni u t-tielet domanda preliminari
69. |
Permezz tat-tieni u t-tielet domanda preliminari, li jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb kjarifiki dwar ir-rabta bejn id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2(4) u (5) tad-Direttiva 78/660 ( 36 ). |
70. |
B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 78/660 tippreżupponix li provvista eventwali ta’ informazzjoni addizzjonali, skont l-Artikolu 2(4) tal-istess direttiva, ma tippermettix li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta. |
71. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jiġu interpretati ż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni sabiex jiġi vverifikat jekk teżistix relazzjoni ta’ kundizzjonalità bejniethom, fis-sens li l-ewwel waħda jkollha tiġi applikata bi prijorità meta mqabbla mat-tieni waħda. |
72. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 37 ). |
73. |
Issa, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 78/660 jipprovdi li, meta l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma hijiex suffiċjenti sabiex tingħata l-istampa vera u ġusta msemmija fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, għandha tingħata informazzjoni addizzjonali. |
74. |
Mit-test ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-pożizzjoni tagħha immedjatament wara l-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 2, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta, jirriżulta li hija sservi funzjoni addizzjonali meta mqabbla mad-dispożizzjoni tal-paragrafu 3 ( 38 ), billi timponi obbligu fuq il-kumpannija kkonċernata sabiex tipprovdi informazzjoni addizzjonali jekk dan jirriżulta meħtieġ sabiex tingħata stampa vera u ġusta tal-kontijiet tagħha. |
75. |
Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kumpannija li jkollha ċ-ċertezza li twettaq profitt sostanzjali permezz ta’ impenji meħuda dwar il-bejgħ mill-ġdid futur ta’ ċerti assi, hija obbligata, skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 78/660, li tipprovdi informazzjoni addizzjonali fuq dan is-suġġett ( 39 ). |
76. |
Għal dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 78/660, dan jipprovdi li, jekk, f’każijiet eċċezzjonali, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva tirriżulta li hija inkompatibbli mal-obbligu li tingħata stampa vera u ġusta tal-patrimonju, tal-pożizzjoni finanzjarja kif ukoll tal-qligħ u t-telf tal-kumpannija previst fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu, wieħed għandu jitbiegħed minn dik id-dispożizzjoni sabiex tingħata stampa vera u ġusta. Tali tbegħid għandu, madankollu, jissemma fin-noti dwar il-kontijiet u jkun debitament motivat, b’indikazzjoni dwar l-effett tiegħu fuq il-patrimonju, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ u t-telf. |
77. |
It-tielet sentenza tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 78/660 tipprovdi li huwa l-obbligu tal-Istati Membri – u għaldaqstant mhux tal-kumpanniji – li jippreċiżaw il-każijiet eċċezzjonali u li jistabbilixxu r-regoli derogatorji korrispondenti. Din id-dispożizzjoni hija intiża li tnaqqas il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-kumpanniji sabiex jistabbilixxu huma stess tali każijiet eċċezzjonali. |
78. |
Għaldaqstant, jirriżulta mill-kontenut tal-imsemmi paragrafu 5 li dan huwa intiż għall-“każijiet eċċezzjonali” li fihom l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 78/660 mill-kumpannija inkwistjoni tinvolvi riżultat “inkompatibbli” mal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta b’mod li jirriżulta meħtieġ li wieħed jitbiegħed minn tali dispożizzjoni u li huwa l-obbligu tal-Istati Membri li jiddeterminaw dawn il-każijiet eċċezzjonali u r-regoli applikabbli għalihom. |
79. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tosserva li, peress li d-Direttiva 78/660 ma tippreċiżax x’għandu jinftiehem bil-kliem “każijiet eċċezzjonali”, jeħtieġ li din l-espressjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-għan imfittex minn din id-direttiva, li skontu l-kontijiet annwali tal-kumpanniji msemmija għandhom jagħtu stampa vera u ġusta tal-patrimonju tagħhom, tal-pożizzjoni finanzjarja tagħhom u kif ukoll tal-qligħ u t-telf tagħhom ( 40 ). |
80. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn il-“każijiet eċċezzjonali” huma dawk fejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 78/660 ma tagħtix l-iktar stampa vera u ġusta possibbli tal-pożizzjoni finanzjarja reali tal-kumpannija kkonċernata ( 41 ). |
81. |
Dawn il-każijiet eċċezzjonali għandhom jinftehmu, madankollu, li jikkonċernaw biss tranżazzjonijiet ferm mhux tas-soltu u sitwazzjonijiet mhux tas-soltu u, pereżempju, m’għandhomx jirrigwardaw setturi speċifiċi sħaħ ( 42 ). |
82. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li s-sottodikjarar tal-attiv fil-kontijiet tal-kumpanniji ma jistax, minnu nnifsu, jikkostitwixxi “każ eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 78/660 ( 43 ). |
83. |
Fil-fehma tiegħi, mill-analiżi taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni magħmula hawn fuq jirriżulta li xejn ma jindika li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 78/660 tkun suġġetta għall-applikazzjoni minn qabel tad-dispożizzjoni prevista fil-paragrafu 4 tal-istess artikolu. |
84. |
Għalkemm id-dispożizzjonijiet huma intiżi, it-tnejn li huma, sabiex jiggarantixxu li l-kontijiet annwali jagħtu effettivament stampa vera u ġusta tal-patrimonju, tal-pożizzjoni finanzjarja u kif ukoll tal-qligħ u t-telf tal-kumpannija, huma jkopru sitwazzjonijiet differenti u mhux interdipendenti. Għaldaqstant huma ma jinsabux f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni għal xulxin. |
85. |
L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 78/660 jikkompleta u jippreċiża l-kontenut tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu billi jagħti lill-kumpannija inkwistjoni l-possibbiltà li tipprovdi informazzjoni addizzjonali f’każ li dan jirriżulta li huwa meħtieġ sabiex jiġi osservat il-prinċipju tal-istampa vera u ġusta. |
86. |
L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 78/660 jipprevedi, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li wieħed jidderoga mill-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 78/660. Din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tirreferi, barra minn hekk, għad-dispożizzjoni tal-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu. |
87. |
Il-konstatazzjoni tan-natura awtonoma taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni hija msaħħa, fil-fehma tiegħi, mill-fatt, li l-Kummissjoni ġustament enfasizzat, li bl-ebda mod ma huwa eskluż li, f’ċerti sitwazzjonijiet, iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw simultanjament. Fil-fatt, huwa ferm possibbli li, minkejja li kumpannija hija obbligata tipprovdi informazzjoni addizzjonali, skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 78/660, sabiex tagħti stampa vera u ġusta tal-kontijiet tagħha sabiex jintlaħaq l-istess għan, ikun neċessarju li ssir deroga minn dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva skont l-Artikolu 2(5), u dan indipendentement mill-informazzjoni addizzjonali pprovduta. |
88. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat, l-istess bħalma rrilevat il-Kummissjoni, li, bħala deroga mill-prinċipju tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 78/660, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva għandha tiġi applikata każ b’każ u b’mod strett u limitat. Dan jimplika għaldaqstant li d-deroga għandha tkun debitament motivata, kif tippreċiża t-tieni sentenza tal-paragrafu, billi jiġi indikat għaliex hija meħtieġa tali deroga sabiex tiġi żgurata l-istampa vera u ġusta tal-kontijiet tal-kumpannija. |
89. |
F’dan il-kuntest, għalkemm, f’ċerti każijiet, il-provvista ta’ informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 78/660 tippermetti li tingħata stampa vera u ġusta mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li wieħed jirrikorri għad-deroga minn regola tal-istess direttiva, skont l-Artikolu 2(5) tagħha, tali fatt bl-ebda mod ma jimplika li fil-każijiet kollha l-applikazzjoni tat-tieni dispożizzjoni għandha tkun subordinata għall-applikazzjoni tal-ewwel waħda. |
90. |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat mill-ġdid li ma hemm ebda indikazzjoni li, f’dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju għamel użu mill-possibbiltà lilu mogħtija mit-tielet sentenza tal-imsemmi paragrafu 5 li jippreċiża liema huma l-każijiet eċċezzjonali u li jistabbilixxi r-regoli derogatorji korrispondenti ( 44 ). |
91. |
Fil-fehma tiegħi jeħtieġ, fid-dawl tal-premess, li għat-tieni u għat-tielet domanda preliminari tingħata r-risposta li l-Artikolu 2(4) u (5) tad-Direttiva 78/660 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma teżistix relazzjoni ta’ kundizzjonalità bejn dawn iż-żewġ paragrafi 4 u 5, fis-sens li dak previst fl-imsemmi paragrafu 4 għandu neċessarjament jiġi applikat qabel dak previst fl-imsemmi paragrafu 5. Fi kwalunkwe każ, huwa l-obbligu tal-Istati Membri, u mhux tal-kumpanniji, li jippreċiżaw il-“każijiet eċċezzjonali” li fihom, skont l-istess paragrafu 5, deroga minn dispożizzjoni tad-Direttiva 78/660 tkun possibbli, u li jistabbilixxu r-regoli derogatorji korrispondenti. |
IV. Konklużjoni
92. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li għad-domandi preliminari magħmula mill-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju) il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi bil-mod kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Ir-Raba’ Direttiva tal-Kunsill Nru 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq [l-Artikolu 50(2)(g) TFUE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21). Id-Direttiva 78/660, li kienet tapplika fil-mument tal-fatti rilevanti fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ġiet imħassra permezz tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19).
( 3 ) Dawn id-dispożizzjonijiet ġew riprodotti fl-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 2013/34.
( 4 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 5 ) Moniteur belge tas-6 ta’ Frar 2001, p. 3008.
( 6 ) Kif iddefiniti, rispettivament, fl-Artikoli 36, 37 u 39 tal-istess Digriet Irjali.
( 7 ) Il-prezz tal-ewwel akkwist kien, b’mod iktar preċiż, ta’ 24000000 frank Belġjan (BEF), u l-prezz tat-tieni akkwist kien ta’ BEF 31760400. Mill-proċess jirriżulta li l-prezz li serva ta’ bażi għaż-żewġ ftehimiet ta’ trasferiment tal-azzjonijiet jikkorrispondi għall-prezz imħallas mill-azzjonisti ta’ din il-kumpannija meta huma kienu ffirmaw għaż-żieda fil-kapital ftit żmien qabel.
( 8 ) B’mod iktar speċifiku, valur nominali ta’ BEF 24000000 għall-ewwel akkwist u BEF 31760400 għat-tieni akkwist, rispettivament.
( 9 ) B’mod iktar speċifiku, valur attwalizzat ta’ BEF 18 23 3827 u ta’ BEF 25871302, rispettivament.
( 10 ) B’mod iktar speċifiku, skont ta’ BEF 5766173 u ta’ BEF 5889098, rispettivament.
( 11 ) B’mod iktar preċiż, proporzjon ta’ BEF 1970339 li jikkorrispondi għal BEF 1000506 għall-ewwel akkwist u għal BEF 969833 għat-tieni akkwist, rispettivament.
( 12 ) B’mod iktar preċiż, proporzjon ta’ BEF 2676318 li jikkorrispondi għal BEF 843090 għall-ewwel akkwist u għal BEF 1833228 għat-tieni akkwist, rispettivament.
( 13 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjoni fiskali rilevanti f’dan il-każ, li fuqha hija bbażata t-tilwima ta’ natura fiskali bejn Wagram Invest u l-amministrazzjoni fiskali Belġjana, hija l-paragrafu 7 tal-Artikolu 198 tal-code des impôts sur les revenus de 1992 (il-Kodiċi dwar it-Taxxi fuq id-Dħul tal-1992).
( 14 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne (C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C-322/12, EU:C:2013:632, punt 28) u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne (C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 33).
( 16 ) Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 24), u tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C-621/18, EU:C:2018:999, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C-62/14, EU:C:2015:400, punt 25), u tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C-621/18, EU:C:2018:999, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne (C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 39).
( 19 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), tal-15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne (C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 40).
( 20 ) Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO (C‑306/99, EU:C:2003:3, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne (C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 41).
( 21 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne (C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 42).
( 22 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne (C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 43).
( 23 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 34).
( 24 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 35).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 36). Dwar il-portata tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 78/660 ara l-punti 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) L-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 78/660 japplika mingħajr preġudizzju għas-subparagrafi (b) u (ċ) tal-istess paragrafu, li jipprevedu, skont il-prinċipju ta’ prudenza l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jew għandhom isiru l-aġġustamenti fil-valur tal-attiv finanzjarju fiss.
( 27 ) Id-Direttiva 78/660 fiha indikazzjoni, fl-Artikolu 35(2), li skontha l-prezz tal-akkwist jinkiseb billi jiżdiedu l-ispejjeż inċidentali mal-prezz tal-akkwist.
( 28 ) Il-Gvern Awstrijak juża l-espressjoni ta’ “self moħbi”.
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, ukoll, ir-rapport au roi de l’arrêté royal du 6 novembre 1987 modifiant l’arrêté royal du 8 octobre aux comptes annuels des entreprises (ir-Rapport lir-Re tad-Digriet Irjali tas-6 ta’ Novembru 1987 li jemenda d-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru dwar il-kontijiet annwali tal-impriżi (Moniteur belge tal-24 ta’ Novembru 1987, p. 17309) li jikkonċerna l-Artikolu 27a tad-Digriet Irjali tat-8 ta’ Ottubru 1976, dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 67 tad-Digriet Irjali (tat-30 ta’ Jannar 2001). Kemm il-Gvern Belġjan kif ukoll Wagram Invest għamlu riferiment għal dan ir-rapport fl-osservazzjonijiet tagħhom.
( 30 ) Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni rreferiet għall-prinċipju sostantiv li ġie introdott fid-Direttiva 78/660 permezz tad-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2003 li temenda d-Direttivi 78/660/KEE, 83/349/KEE, 86/635/KEE u 91/674/KEE fuq il-bilanċ ta’ kontijiet annwali u konsolidati ta’ ċertu kumpaniji, banek u istituzzjonijiet finanzjarji u impriżi ta’ l-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 273) li ma hijiex applikabbli ratione temporis peress li ġiet adottata wara l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Dan il-prinċipju huwa madankollu rilevanti fl-analiżi.
( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, l-ewwel sentenza tal-punt 40).
( 32 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 33 ) F’din l-analiżi, jista’ jkun neċessarju li tiġi kkunsidrata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali rilevanti jew il-ġurisprudenza ta’ qrati nazzjonali.
( 34 ) Kif jirriżulta mill-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Wagram Invest akkwistat l-azzjonijiet inkwistjoni mingħand id-direttur tagħha.
( 35 ) Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan ippropona diversi eżempji ta’ sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip, b’mod partikolari s-self lil klijent bħala korrispettiv għal wegħda ta’ akkwist ta’ oġġetti li jkunu mmanifatturati minn min isellef.
( 36 ) Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ir-risposta għal dawn id-domandi jidhru li huma rilevanti għat-tilwima tal-kawża prinċipali f’każ biss li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata, wara l-analiżi każ b’każ imsemmija fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, li l-metodu ta’ kontabbiltà użat ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta. Huwa biss f’tali kundizzjonijiet li tidħol fix-xena l-eventwali deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 78/660. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax, madankollu, liema dispożizzjoni għandha ssir deroga minnha.
( 37 ) Ara, inter alia, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Kanyeba et (C‑349/18 sa C‑351/18, EU:C:2019:936, punt 35).
( 38 ) Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-konstatazzjoni li fid-direttiva l-ġdida 2013/34, id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-Artikolu 2(3) u (4) tad-Direttiva 78/660 huma issa miġbura fl-istess paragrafu, jiġifieri l-Artikolu 4(3).
( 39 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 41).
( 40 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, DE + ES Bauunternehmung (C‑275/97, EU:C:1999:406, punt 31).
( 41 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, DE + ES Bauunternehmung (C‑275/97, EU:C:1999:406, punt 32), dwar il-kunċett ta’ “każijiet eċċezzjonali” imsemmi fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 78/660.
( 42 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2013/34, li kif diġà osservajt ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, imma tista’ madankollu tipprovdi elementi għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 78/660 li jikkorrispondu għal dawk tad-Direttiva 2013/34.
( 43 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 38).
( 44 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE (C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 41).