Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0578

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2019.
    Kawża mressqa minn Energiavirasto.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3 – Protezzjoni tal-konsumaturi – Artikolu 37 – Funzjonijiet u kompetenzi tal-awtorità regolatorja – Riżoluzzjoni tat-tilwim barra l-qrati – Kunċett ta’ “entità” – Dritt li jiġi eżerċitat appell kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja – Ilment imressaq minn klijent residenzjali kontra impriża li topera netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.
    Kawża C-578/18.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:899

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    TANCHEV

    ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2019 ( 1 )

    Kawża C‑578/18

    Energiavirasto

    Partijiet fil-kawża:

    A,

    Caruna Oy

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Rimedji – Artikolu 37(17) – Kunċett ta’ “parti affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja” – Locus standi ta’ klijent konsumatur ta’ kumpannija li topera netwerk tal-elettriku – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva)

    I. Introduzzjoni

    1.

    Jista’ l-fatt li konsumatur jitlob lil awtorità regolatorja nazzjonali tivverifika jekk l-arranġamenti dwar il-kontijiet tal-konsumatur tad-distributur tal-elettriku humiex konformi mal-liġi ta’ Stat Membru jiġi meqjus bħala “parti affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja” taħt l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE ( 2 ), b’tali mod li l-konsumatur għandu dritt jappella mid-deċiżjoni meħuda minn din l-awtorità quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull gvern, kif tirrikjedi din id-dispożizzjoni?

    2.

    Dik hija essenzjalment il-kwistjoni ċentrali mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja).

    3.

    Il-kawża preżenti tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ewwel opportunità li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u l-konsegwenzi li jsegwu, f’termini ta’ drittijiet għal stħarriġ ġudizzjarju, meta din id-dispożizzjoni tiġi invokata.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    L-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi adatti fuq il-livell nazzjonali li taħthom, entità [parti] affettwata minn deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt tal-appell lil korp li huwa indipendenti mill-partijiet involuti u minn kull gvern.”

    B.   Id-dritt Finlandiż

    5.

    Skont l-Artikolu 2 tas-Sähkö- ja maakaasumarkkinoiden valvonnasta annettu laki (590/2013) (il-Liġi Nru 590/2013 dwar is-Sorveljanza tas-Suq tal-Elettriku u tal-Gass, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sorveljanza”), dik il-liġi tapplika, inter alia, għall-eżekuzzjoni tal-ħidmiet ta’ sorveljanza u ta’ spezzjoni assenjati lil Energiavirasto (l-Awtorità tal-Enerġjia, il-Finlandja) fis-Sähkömarkkinalaki (588/2013) (il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku (588/2013)), “il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku”, kif ukoll fid-dispożizzjonijiet u ordnijiet amministrattivi maħruġin abbażi tagħha.

    6.

    Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi dwar is-Sorveljanza, l-Energiavirasto għandha l-inkarigu li tikkontrolla l-konformità mad-dispożizzjonijiet taħt id-dritt nazzjonali u taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea u mal-ordnijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ din il-liġi u li twettaq il-ħidmiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 li huma assenjati lilha bil-liġi.

    7.

    Skont l-Artikolu 6(1)(13) tal-Liġi dwar is-Sorveljanza, l-Energiavirasto għandha l-inkarigu li tikkontribwixxi, fl-attività tagħha bħala l-awtorità regolatorja nazzjonali fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni rigward is-setturi tal-elettriku u l-gass, li tassigura l-effiċjenza u l-infurzar ta’ miżuri għall-ħarsien tal- konsumatur rigward is-suq tal-elettriku u l-gass.

    8.

    L-Artikolu 57(2) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku jipprovdi, inter alia, li operatur ta’ sistema ta’ distribuzzjoni huwa obbligat joffri lill-konsumaturi metodi ta’ ħlas differenti sabiex iħallsu l-fatturi għad-distribuzzjoni tal-elettriku. L-għażliet offruti ma għandhomx jinkludu kundizzjonijiet mhux iġġustifikati jew kundizzjonijiet li jiddiskriminaw bejn gruppi differenti ta’ konsumaturi.

    9.

    L-Artikolu 106(2) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku jipprovdi li l-Energiavirasto hija responsabbli li tikkontrolla l-konformità ma’ din il-liġi u mad-dispożizzjonijiet u l-ordnijiet amministrattivi maħruġa abbażi tagħha, kif ukoll il-konformità ma’ deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni meħuda abbażi ta’ din il-liġi. Taħt dik id-dispozzjoni, is-sorveljanza hija rregolata separatament fil-Liġi dwar is-Sorveljanza. Skont ir-raba’ subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu, il-Kuluttaja-asiamies (l-Ombudsman għall-Konsumaturi, il-Finlandja) jikkontrolla l-legalità tal-klawżoli tal-kuntratti msemmija fil-Kapitolu 13 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku (kuntratti tal-elettriku) mill-perspettiva tal-ħarsien tal-konsumatur.

    10.

    L-Artikolu 114 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku jipprovdi li appell kontra deċiżjoni tal-Energiavirasto abbażi tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku jista’ jitressaq skont il-proċeduri stabbiliti fil-Hallintolainkäyttölaki (586/1996) (il-Kodiċi dwar il-Proċedura fil-Qrati Amministrattivi, “il-Kodiċi dwar il-Proċedura fil-Qrati Amministrattivi”). Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan il-kodiċi, deċiżjoni li kontra tagħha jista’ jitressaq ilment tfisser miżura li permezz tagħha każ ikun jew ġie deċiż jew miċħud bħala inammissibbli. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan l-istess kodiċi, ilment kontra deċiżjoni jista’ jitressaq minn dik il-parti li lilha tkun indirizzata d-deċiżjoni jew li jkollha d-drittijiet, l-obbligi u l-interessi tagħha direttament affettwati minnha.

    III. Il-fatti, il-kawża prinċipali d-domandi preliminari

    11.

    Skont id-digriet tar-rinviju, A, bħala klijent konsumatur, ikkonkluda kuntratt għat-trażmissjoni tal-elettriku ma’ Caruna Oy, l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni (li qabel kienet Fortum Sähkönsiirto Oy) ( 3 ).

    12.

    Fil-5 ta’ Settembru 2013, A bagħat talba permezz ta’ posta elettronika lill-Energiavirasto fil-kapaċità tagħha bħala l-awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) taħt id-Direttiva 2009/72, li fiha talabha tivverifika jekk is-sistema ta’ ħruġ ta’ kontijiet ta’ Caruna Oy kinitx konformi mal-Artikolu 57(2) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku li jirrikjedi li l-operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni joffri lill-konsumatur metodi differenti ta’ ħlas biex jitħallsu l-fatturi għad-distribuzzjoni tal-elettriku. It-talba ta’ A kienet timplika għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt ta’ kljient konsumatur skont il-punt 1(d) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72 li jkun jista’ jagħżel minn fost diversi metodi differenti ta’ ħlas. Bi tweġiba għat-talba ta’ A, l-Energiavirasto għażlet li teżamina l-legalità tas-sistema ta’ Caruna Oy għall-ħruġ ta’ kontijiet.

    13.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2014, l-Energiavirasto kkonstatat li Caruna Oy ma kisritx l-Artikolu 57(2) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku u li ma kienx hemm ħtieġa ta’ iktar miżuri fil-kwistjoni. F’din id-deċiżjoni, Caruna Oy kienet indikata bħala parti involuta u A kienet indikata bħala l-persuna li talbet li ssir investigazzjoni.

    14.

    B’deċiżjoni tat-28 ta’ April 2014, l-Energiavirasto ċaħdet it-talba ta’ A biex issir korrezzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2014 bħala inammissibbli, u ċaħdet it-talba tiegħu sabiex jingħata l-pożizzjoni ta’ parti involuta u li ssir korrezzjoni tad-deċiżjoni fuq il-mertu tagħha.

    15.

    A ppreżenta appell quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), b’talba biex jingħata l-pożizzjoni ta’ parti involuta fil-każ quddiem l-Energiavirasto. A talab ukoll li d-deċiżjonijiet tal-31 ta’ Marzu u tat-28 ta’ April 2014 ikunu annullati u li l-każ tintbagħat lura quddiem l-Energiavirasto għal smigħ mill-ġdid.

    16.

    B’deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2016, Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki) laqgħet it-talbiet ta’ A.

    17.

    L-Energiavirasto appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja). Bħala bażi għall-azzjoni tagħha, l-Energiavirasto ssostni li l-fatt li A ressaq talba għal investigazzjoni lill-Energiavirasto ma jagħtix id-dritt lil A li jipparteċipa fit-trattament tat-talba tiegħu jew li jappella mid-deċiżjonijiet tagħha li jirrigwardaw it-talba tiegħu quddiem qorti nazzjonali.

    18.

    Il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ma tqisx li huwa ċar, bħala kwistjoni ta’ interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72, jekk klijent konsumatur ta’ kumpannija li topera netwerk tal-elettriku, bħalma huwa A, li jqis li ġarrab preġudizzju minħabba s-sistema ta’ ħruġ ta’ kontijiet ta’ din il-kumpannija u jkun ressaq il-kwistjoni quddiem l-ARN, jikkwalifikax bħala “parti affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja” fl-ambitu tat-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni u għalhekk għandux id-dritt li jappella minn din id-deċiżjoni quddiem qorti.

    19.

    B’mod partikolari, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tinkludix każijiet fejn klijent konsumatur jew persuna fiżika oħra li taġixxi bħala klijent instab li kien awtorizzat jippreżenta appell quddiem qorti kontra deċiżjonijiet tal-ARN f’ċirkustanzi simili għal dawk fil-kawża preżenti, meta wieħed iqis li d-deċiżjoni maħruġa mill-Energiavirasto bħala ARN rigward il-kompatibbiltà tas-sistema tal-ħruġ ta’ kontijiet tal-kumpannija li topera netwerk mal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku kienet marbuta wkoll ma’ klawżola, konnessa ma’ ħruġ ta’ kontijiet, fil-kuntratt għat-trażmissjoni tal-elettriku bejn din il-kumpannija u l-klijent konsumatur. Barra minn hekk, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tindika li s-sorveljanza tal-legalità tal-kuntratti tal-elettriku mill-perspettiva tal-ħarsien tal-konsumatur hija meqjusa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala inkarigu tal-Ombudsman tal-Konsumatur, u huwa wkoll possibbli għall-konsumatur li jressaq tilwim quddiem il-Kuluttajariitalautakunta (il-Bord għal Tilwimiet mal-Konsumatur, il-Finlandja) jew il-qrati ordinarji, għalkemm il-kompetenza biex tingħata deċiżjoni li tkun torbot ġuridikament f’tilwima ma’ konsumatur individwali qiegħda biss għand qorti ordinajra, u mhux għand qorti amministrattiva, billi fil-Finlandja ma hemm ebda istituzzjoni ġuridika speċifika għal tilwimiet żgħar tal-konsumatur.

    20.

    Kien f’dawn iċ-ċirkustazi li l-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-kawża prinċipali u li tressaq id-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

    “1.

    L-Artikolu 37 tad-[Direttiva 2009/72] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li hija klijent konsumatur ta’ impriża li topera netwerk u li adixxiet l-awtorità nazzjonali regolatorja b’ilment kontra l-imsemmija impriża għandha tiġi kklassifikata, fis-sens tal-paragrafu 17 tal-imsemmi artikolu, bħala ‘entità [parti] affettwata’ minn deċiżjoni tal-imsemmija awtorità u li konsegwentement għandha d-dritt tappella quddiem qorti nazzjonali minn deċiżjoni ta’ din l-istess awtorità li taffettwa lil din l-istess impriża?

    2.

    Jekk il-persuna msemmija fl-ewwel domanda ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala ‘entità affettwata’ fis-sens tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72, id-dritt tal-Unjoni jagħti lil klijent konsumatur li għandu l-istatus bħal dak tal-appellant fil-kawża prinċipali, abbażi ta’ bażi legali oħra, id-dritt li jipparteċipa, quddiem l-awtorità regolatorja, fit-trattament ta’ talba għal intervent jew id-dritt li jadixxi qorti nazzjonali b’din il-kawża, jew din il-kwistjoni tibqa’ rregolata mid-dritt nazzjonali?”

    21.

    Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja minn A, mill-Gvern Finlandiż, mill-Gvern Ungeriż u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. A, l-Energiavirasto, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta li saret fid-19 ta’ Ġunju 2019.

    IV. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

    22.

    A, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jqisu li klijent konsumatur fil-pożizzjoni ta’ A jikkwalifika bħala “entità [parti] affettwata” skont l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72, filwaqt li l-Energiavirasto, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Ungeriż huma ta’ fehma opposta.

    23.

    A jargumenta li t-talba tiegħu lill-Energiavirasto rigward is-sistema ta’ ħruġ ta’ kontijiet ta’ Caruna Oy tikkostitwixxi lment bi dritt ta’ appell taħt l-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72. Il-proċeduri biex ikunu ttrattati l-ilmenti tal-konsumaturi fil-liġi Finlandiża ma jissostitwixxux l-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, minħabba, inter alia, il-ħin u l-ħlasijiet involuti biex jitressqu lmenti quddiem il-qrati ordinarji, kif ukoll minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord għal Tilwimiet mal-Konsumatur hija rakkomandazzjoni mhux vinkolanti għall-partijiet. A ddikjara waqt is-seduta li kien ressaq ilment rigward l-istess kwistjoni quddiem il-Bord għal Tilwimiet mal-Konsumatur, imma wara d-deċiżjoni tal-Energiavirasto deherlu li ma kienx jagħmel sens li jkompli, billi fil-prattika mhux probabbli li dan il-bord jieħu deċiżjoni li ma tkunx taqbel ma’ deċiżjoni tal-ARN.

    24.

    L-Energiavirasto tissottometti li l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72 ma jirrigwardax klijenti konsumaturi, u li ARN ma hijiex obbligata tittratta lmenti tal-konsumaturi taħt din id-direttiva. Il-liġi nazzjonali tipprovdi għal talbiet għal investigazzjoni, u d-deċiżjonijiet inkwistjoni ma humiex ibbażati fuq l-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72. A kien sempliċement parti li ressqet informazzjoni. Protezzjoni ġudizzjarja effettiva hija ggarantita permezz tal-Bord għal Tilwimiet mal-Konsumatur u l-qrati ordinarji, u l-għoti lill-konsumatur fil-kawża prinċipali ta’ dritt ta’ appell quddiem il-qrati amministrattivi jkun ifisser li l-klijenti konsumaturi potenzjali kollha fil-Finlandja jkollhom l-istess dritt.

    25.

    Il-Gvern Findlandiż, sostnut b’mod ġenerali mill-Gvern Ungeriż, jissottometti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-possibbiltà għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tressaq talba lill-Energiavirasto għal investigazzjoni tikkostitwixxi soluzzjoni purament nazzjonali li ma hijiex marbuta mad-Direttiva 2009/72. Taħt id-Direttiva 2009/72, ARN ma hijiex obbligata tittratta lmenti ta’ konsumaturi, u kif jidher mill-kliem, mill-oriġini, mill-kuntest u mill-għan tad-Direttiva 2009/72, l-Artikoli 37(11), (12) u (17) ta’ dik id-direttiva jikkonċernaw biss impriżi tal-elettriku. Huwa enfasizza li l-liġi Finlandiża tipprovdi mekkaniżmi biex ikunu ttrattati lmenti tal-konsumaturi permezz tal-Bord għal Tilwimiet mal-Konsumatur u tal-Ombudsman tal-Konsumatur, u l-konsumaturi jistgħu wkoll iressqu azzjonijiet quddiem il-qrati ordinarji kontra impriżi tal-elettriku li allegatament ikunu qed jiksru d-drittijiet tagħhom taħt il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, u b’dan il-mod hija ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    26.

    Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jissottometti li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-locus standi ta’ partijiet affettwati minn deċizjonijiet ta’ ARN ( 4 ), isegwi li klijent konsumatur huwa meqjus bħala “entità [parti] affettwata” taħt l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72, sa fejn id-deċiżjoni tal-ARN taffettwa d-drittijiet tiegħu ġejjin mid-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, fejn A ressaq talba lill-ARN, li qiegħed jippreżumi li kienet ittrattata bħala lment taħt l-Artikolu 37(11) tad-Direttiva 2009/72, u d-deċiżjoni tal-ARN taffettwa d-dritt ta’ A li jkollu għażla ta’ metodi ta’ ħlas taħt l-Artikolu 3(7) u l-punt 1(d) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72. Huwa jenfasizza li l-Artikolu 3(13) tad-Direttiva 2009/72 huwa distint mill-Artikolu 37(11) ta’ din id-direttiva, li bl-ebda mod ma jirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess għal qorti meta deċiżjoni tal-ARN taffettwa d-drittijiet tal-konsumatur imnisslin minn din id-direttiva.

    27.

    Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-pożizzjoni. Abbażi tal-kliem u tal-kuntest, l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 ikopri klijenti konsumaturi u, bħalma enfasizzat fis-seduta, huwa fformulat b’mod ġenerali u għalhekk huwa usa’ mill-Artikolu 37(11) u (12) ta’ din id-direttiva. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 3(13) u Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 jinvolvu obbligi separati għall-Istati Membri, u billi jidher li l-qrati ordinarji fil-Finlandja ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jeżaminaw il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-ARN, jekk il-klijent konsumatur ma jkollux dritt għal appell taħt l-Artikolu 37(17) ta’ din id-direttiva, huwa ma jkunx jista’ jikkontesta deċiżjoni tal-ARN li tkun saret finali.

    V. Analiżi

    28.

    Il-qalba tad-domandi mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amminstrattiva Suprema) tinvolvi kunsiderazzjoni ta’ jekk id-Direttiva 2009/72 u d-dritt tal-Unjoni b’mod iktar ġenerali jobbligawhiex twessa’, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, dak li jidher li huwa mezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju li ma jeżistix fid-dritt ta’ Stat Membru.

    29.

    Jiena tal-opinjoni li, bħala punt ta’ tluq, għandha tingħata kunsiderazzjoni lid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-locus standi tal-partijiet affettwati minn deċiżjonijiet tal-ARN u lill-kwistjoni ta’ jekk id-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2009/72, qabel ma ngħaddu għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72.

    30.

    B’dan premess, jiena tal-opinjoni li t-tieni domanda hija inammissibbli sa fejn tikkonċerna d-drittijiet ta’ A li jipparteċipa fil-proċedura li twassal għad-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni. Ma saret ebda sottomissjoni fuq din il-kwistjoni mill-partijiet, u lanqas ma hemm ebda diskussjoni fid-digriet tar-rinviju rigward ir-rilevanza tagħha. Għalhekk, fil-proċess ma hemmx informazzjoni biżżejjed rigward il-fatti u l-liġi rilevanti li tagħmilha possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni ( 5 ). Dak li jifdal mit-tieni domanda għandu x’jaqsam mad-drittijiet għal stħarriġ ġudizzjarju, u għalhekk huwa repetizzjoni tal-ewwel domanda. Jiena ser nagħti tweġiba għall-ewwel domanda biss.

    31.

    L-analiżi tiegħi hija maqsuma fi tliet partijiet. L-ewwel, fil-Parti A, ser nevalwa d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-locus standi tal-partijiet affettwati bid-deċiżjonijiet ta’ ARN b’konnessjoni mal-kawża preżenti. It-tieni, fil-Parti B, ser neżamina jekk id-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2009/72. It-tielet, fil-Parti C, ser nindirizza l-interpretazzjoni tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

    32.

    Abbażi ta’ din l-analiżi, wasalt għall-konklużjoni li klijent konsumatur ta’ kumpannija li topera netwerk tal-elettriku bħalma huwa A fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala “entità [parti] affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja” għall-finijiet tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72.

    A.   Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward partijiet affettwati minn deċiżjonijet ta’ ARN

    33.

    Bħalma indikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset il-locus standi tal-partijiet affettwati minn deċiżjonijiet ta’ ARN u b’mod partikolari fid-deċiżjonijiet tagħha fis-sentenzi Tele2 Telecommunication ( 6 ), T‑Mobile Austria ( 7 ), Arcor ( 8 ) u E.ON Földgáz Trade ( 9 ) fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ miżuri tal-Unjoni marbutin ma’ swieq irregolati oħrajn, jiġifieri, it-telekomunikazzjonijiet u l-gass naturali. Madankollu, jiena tal-fehma li ċ-ċirkustanzi tal-każijiet indirizzati minn dawn id-deċiżjonijiet huma differenti miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali għaliex il-portata sostantiva tad-dritt tal-Unjoni ma kienet inkwistjoni fl-ebda waħda minnhom. Bħalma ser infisser fil-Parti B ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan huwa ċentrali għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    34.

    Il-kawża Tele2 Telecommunication ( 10 ) kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’, inter alia, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi [netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi] (Direttiva Kwadru) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”) ( 11 ). Il-kawża prinċipali kienet tinvolvi l-locus standi ta’ impriża biex tikkontesta deċiżjoni tal-ARN indirizzata lil impriża kompetitur fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ analiżi amministrattiva tas-suq immexxija mill-ARN b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva Qafas kien diġà stabbilit meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Tele2 Telecommunication, li l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mid-dritt tal-Unjoni kienu jipproteġu d-drittijiet ta’ partijiet terzi affettwati mid-deċiżjoni tal-ARN inkwistjoni f’dan il-każ.

    35.

    Fis-sentenza T‑Mobile Austria ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-qafas stabbilit fis-sentenza Tele2 Telecommunication rigward l-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ impriża sabiex tikkontesta deċiżjoni adottata minn ARN fi proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-modifikazzjoni tal-istruttura ta’ sjieda li rriżultat mill-amalgamazzjoni u l-akkwist ta’ ċerti impriżi taħt ir-regoli tal-Unjoni rigward it-telekomunikazzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali impriża għandha tkun meqjusa bħala parti affettwata taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas fejn hija qiegħda tikkompeti mal-impriża jew impriżi li lilhom hija indirizzata d-deċiżjoni tal-ARN u fejn din id-deċiżjoni hija adottata f’kuntest ta’ proċedura intiża sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni u li x’aktarx ikollha impatt fuq il-pożizzjoni ta’ din l-impriża f’dan is-suq.

    36.

    Fis-sentenza Arcor ( 13 ), il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ simili fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet permezz tal-implimentazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ ( 14 ), li huwa kważi identiku għall-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72. Bħas-sentenzi Tele2 Telecommunication u T‑Mobile Austria, is-sentenza Arcor kienet tikkonċerna l-locus standi ta’ parti terza biex tikkontesta deċiżjoni meħuda minn ARN li kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 90/387, jiġifieri deċiżjoni rigward l-awtorizzazzjoni tar-rati għal aċċess sempliċi għan-netwek lokali. Fis-sentenza Arcor il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li ma kienet meħtieġa ebda rabta kuntrattwali bejn il-parti terza u l-parti suġġetta għad-deċiżjoni tal-ARN qabel ma l-parti terza tkun intitolata għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv taħt din id-direttiva u, f’sens usa’, taħt id-dritt tal-Unjoni.

    37.

    Is-sentenza E.ON Földgáz Trade ( 15 ) kienet tirrigwarda l-locus standi ta’ operatur fis-suq Ungeriż tal-gass naturali sabiex jikkontesta, bħala detentur ta’ awtorizzazzjoni għat-trażmissjoni ta’ gass, deċiżjoni ta’ ARN li emendat ir-regoli tal-kodiċi tan-netwerk tal-gass għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjonijiet għall-allokazzjoni ta’ kapaċità għal perijodu twil. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE ( 16 ) ma kienx fiha dispożizzjonijiet speċifiċi rigward ir-rimedji disponibbli għal tali operatur, meta l-ARN adottat id-deċiżjoni tagħha, hija kienet suġġetta għar-regoli tal-Unjoni rigward l-aċċess ta’ operaturi fis-suq għan-netwerk tat-trażmissjoni ta’ gass naturali. Abbażi ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustitzzja ddikjarat li dawn ir-regoli tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jassiguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv għal partijiet terzi li d-drittijiet tagħhom ikunu potenzjalment inkisru bid-deċiżjoni tal-ARN inkwistjoni. Bħas-sentenzi Tele2 Telecommunication, T‑Mobile Austria u Arcor, is-sentenza E.ON Földgáz Trade kienet tikkonċerna deċiżjoni ta’ ARN li kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regoli rilevanti tal-Unjoni, jiġifieri deċiżjoni rigward aċċess għan-netwerk tat-trażmissjoni tal-gass.

    38.

    Iċ-ċirkustanzi tal-kawżi indirizzati mis-sentenzi ta’ hawn fuq għalhekk huma differenti miċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti mill-inqas f’żewġ aspetti kruċjali. L-ewwel, huma kollha każijiet li fihom parti terza għal deċiżjoni mogħtija minn ARN kienet qiegħda tasserixxi d-drittijiet tagħha għal stħarriġ ġudizzjarju. Hawnhekk, għall-kuntrarju, A jista’ jitqies bħala d-destinatarju tad-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni, billi A għamel talba għall-investigazzjoni u ġie indikat fl-istess deċiżjoni (ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet). It-tieni, fis-sentenzi kollha preċedenti, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-miżura rilevanti tal-Unjoni kien bla dubju stabbilit bis-saħħa ta’ proċedura li l-ARN kienet awtorizzata, jew obbligata, li tiftaħ taħt il-miżura rilevanti tal-Unjoni. B’kuntrast, fil-kawża preżenti, jeħtieġ li jkun stabbilit jekk id-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2009/72.

    B.   Applikazzjoni tad-Direttiva 2009/72 għall-kawża prinċipali

    39.

    Huwa importanti li jitfakkar li l-Unjoni Ewropea ma għandha ebda kompetenza ġenerali rigward rimedji lil hinn mill-oqsma tad-dritt tal-Unjoni li fihom għandha kompetenza sostantiva ( 17 ). Minħabba li l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva huwa essenzjalment dispożizzjoni li tipprevedi rimedju li tidentifika l-persuni li jistgħu jikkontestaw deċiżjoni ta’ ARN, ir-risposta għad-domanda magħmula tiddependi fuq jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2009/72 jestendix għad-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni. Jekk dan huwa l-każ, il-garanziji ta’ rimedju li tipprovdi d-Direttiva 2009/72 u, b’mod usa’, id-dritt tal-Unjoni neċessarjament japplikaw.

    40.

    L-ewwel, nikkonkludi li d-Direttiva 2009/72, interpretata f’sens litterali, ma timponix obbligu fuq ARN li tikkunsidra talbiet għal investigazzjoni tat-tip inkwistjoni f’din il-kawża. Bħalma indikaw l-Energiavirasto u l-Gvern Finlandiż, il-possibbiltà taħt il-leġiżlazzjoni Finlandiża għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jressqu talbiet għal investigazzjoni lill-ARN tikkostitwixxi soluzzjoni nazzjonali li ma hijiex marbuta mad-Direttiva 2009/72.

    41.

    It-tieni, bħalma indikaw l-Energiavirasto, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Ungeriż, lanqas it-test tad-Direttiva 2009/72 ma jimponi obbligu fuq ARN li tittratta lmenti ta’ konsumaturi. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Gustizzja ( 18 ), id-Direttiva 2009/72 fiha diversi dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni tal-konsumatur. Fl-Artikolu 3(7) tagħha, din id-direttiva tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa u għandhom jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, rigward, inter alia, mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwimiet. B’mod partikolari, din id-direttiva tobbliga lill-Istati Membri li jassiguraw li jkun hemm proċeduri adegwati għat-trattament ta’ lmenti kif ukoll proċeduri għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet marbuta ma’ lmenti tal-konsumaturi ( 19 ).

    42.

    Bħalma ġie indikat minn ċerti dispożizzjonijiet u premessi tad-Direttiva 2009/72, ARN twettaq rwol ta’ kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn biex jiġu żgurati l-effikaċja u l-infurzar tal-miżuri għall-protezzjoni tal-konsumatur imsemmija f’din id-direttiva ( 20 ), li jistgħu jinkludu t-trattament ta’ lmenti. Skont l-Artikolu 3(13) tad-Direttiva, “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu indipendenti bħalma hu ombudsman ta’ Enerġija jew entità tal-konsumatur għat-trattament effiċjenti ta’ lmenti u soluzzjoni ta’ tilwim barra l-qrati.” Mit-termini “bħalma hu” f’din id-dispożizzjoni wieħed jista’ jikkonkludi li l-għażla tal-awtorità kompetenti biex tittratta l-ilmenti tal-konsumaturi u s-soluzzjonijiet għal tilwim taqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. L-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż rigward l-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2009/72, li matulha l-emendi rigward it-trattament minn ARN tal-ilmenti tal-konsumaturi tmexxew minn dak li huwa bħalissa l-Artikolu 37 għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72 ( 21 ), ikomplu jsaħħu dan il-punt.

    43.

    Jista’ jkun utli li nżid ngħid li din l-analiżi tidher li hija konformi mad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (riformulazzjoni) ( 22 ), li tħassar id-Direttiva 2009/72 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021 ( 23 ). Ta’ min jinnota li d-Direttiva 2019/944 fiha dispożizzjoni identika għall-Artikolu 37(17) ( 24 ), u r-rwol kollaborattiv tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-protezzjoni tal-konsumatur inżamm ( 25 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 26(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi għad-dritt tal-konsumaturi għal soluzzjoni bonarja tat-tilwim “permezz ta’ mekkaniżmu indipendenti bħall-ombudsman ta’ Enerġija jew korp tal-konsumaturi, jew permezz ta’ awtorità regolatorja” ( 26 ), li jsaħħaħ ir-rwol fakultattiv tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

    44.

    It-tielet, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li d-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni tikkostitwixxi deċiżjoni li taqa’ fil-kategorija ta’ soluzzjoni ta’ tilwim skont l-Artikolu 37(11) jew (12) tad-Direttiva 2009/72. Bħalma indikaw diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72, l-Artikolu 37(11) u (12) jirreferi għal deċiżjonijiet adottati mill-ARN bħala awtorità għas-soluzzjoni ta’ tilwim ( 27 ), bil-għan li tinstab soluzzjoni għal tilwimiet orizzontali bejn żewġ partijiet jew iktar fis-sitwazzjonijiet imsemmijin hemmhekk. L-Artikolu 37(11) jipprovdi għal proċedura speċifika rigward ilmenti mressqin minn “kwalunkwe parti” kontra operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni b’referenza għall-obbligi ta’ dan l-operatur taħt din id-direttiva, li tirriżulta f’deċiżjoni vinkolanti tal-ARN ħlief jekk jew sakemm tkun annullata wara appell. L-Artikolu 37(12) jikkonċerna “ilment għall-istħarriġ” rigward deċiżjonijiet ta’ ARN dwar tariffi jew metodoloġiji mressqa minn “[k]walunkwe parti li tkun affettwata u li jkollha d-dritt li tressaq ilment” dwar tali deċiżjonijiet, u jistabbilixxi ċerti restrizzjonijiet proċedurali fuq dawn l-ilmenti b’referenza għat-terminu ta’ żmien previst għas-sottomissjoni għan-nuqqas ta’ effett sospensiv ( 28 ).

    45.

    Li kieku dan kien it-tmiem tal-kwistjoni, ma kontx insib diffikultà biex nagħti risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda. Madankollu, kif indikat il-qorti tar-rinviju (ara l-punti 12 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet), id-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni tirrigwarda l-konformità tal-kumpannija li topera n-netwerk tal-elettriku mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57 tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 3(7) u l-punt 1(d) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, li jirrikjedu li l-Istati Membri jassiguraw li l-klijenti konsumaturi tingħatalhom għażla wiesgħa ta’ metodi ta’ ħlas, u din id-deċiżjoni hija marbuta wkoll ma’ klawżola fil-kuntratt bejn il-klijent konsumatur u l-kumpannija li topera n-netwerk fil-kawża prinċipali.

    46.

    Konsegwentement, il-kawża preżenti tinvolvi sitwazzjoni kkumplikata li fiha, kif nifhimha jiena, taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, l-Energiavirasto ma hijiex obbligata tieħu deċiżjoni dwar talba għal investigazzjoni, imma minħabba li hija aġixxiet fuq it-talba ta’ A u adottat deċiżjoni rigward miżuri għall-protezzjoni ta’ klijenti konsumaturi bħalma huwa A taħt id-Direttiva 2009/72, dan jidher li ħoloq ir-rabta tas-suġġett meħtieġa bejn id-deċiżjoni tal-Energiavirasto inkwistjoni u d-Direttiva 2009/72. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Energiavirasto tirrigwarda dispożizzjonijiet domestiċi li jikkostitwixxu implimentazzjoni fid-dritt Finlandiż ta’ ċerti protezzjonijiet mogħtija lill-klijenti konsumaturi taħt id-Direttiva 2009/72. Abbażi ta’ dan, id-deċiżjoni tal-Energiavirasto tista’ titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2009/72 u għalhekk japplikaw il-garanziji ta’ rimedju mogħtija mill-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u, b’mod usa’, mid-dritt tal-Unjoni.

    C.   Interpretazzjoni tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72

    47.

    Għalhekk il-punt ġdid imqajjem fil-kawża preżenti huwa relatat ma’ kif l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mid-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati b’referenza għal klijent konsumatur bħalma huwa A f’dawn iċ-ċirkustanzi. Id-dritt ta’ Stat Membru li joffri rotot biżżejjed biex jitħares id-dritt ta’ klijent konsumatur għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jew inkella d-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li Stat Membru joħloq triq oħra għal rimedju fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva b’rabta ma’ talbiet għal investigazzjoni quddiem ARN?

    48.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bbażat fuq tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ddaħħal fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li kien ukoll affermat mill-ġdid bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 (1) TUE, li skonthom l-Istati Membri għandhom jassiguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-individwu taħt id-dritt tal-Unjoni ( 29 ). Isegwi li, għalkemm bħala prinċipju huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-locus standi u l-interess ġuridiku ta’ individwu li jiftaħ proċeduri, id-dritt tal-Unjoni madankollu jirrikjedi, inter alia li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tagħmilx ħsara lid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 30 ). Huwa importanti li ninnotaw li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza Unibet ( 31 ), l-Istati Membri huma obbligati biss li joħolqu rimedji ġuridiċi ġodda taħt id-dritt nazzjonali biex jassiguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-individwu taħt id-dritt tal-Unjoni meta ma jkun hemm ebda rimedju fis-seħħ.

    49.

    Fil-kawża preżenti, jidher ċar mid-digriet tar-rinviju (ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li d-dritt Finlandiż jipprovdi rimedji ġuridiċi li jagħmluha possibbli għal klijent konsumatur li jressaq ilment individwali kontra kumpannija li topera netwerk tal-elettriku sabiex ikunu ddeterminati l-obbligi ta’ din il-kumpannija skont id-Direttiva 2009/72. Dawn ir-rimedji ġuridiċi jinkludu l-possibbiltà għal konsumatur li jressaq ilment quddiem il-Bord għal Tilwimiet mal-Konsumatur u l-Ombudsman għall-Konsumaturi, kif ukoll li jiftaħ kawża quddiem il-qrati ordinarji.

    50.

    F’dan ir-rigward, għandu jkun innotat li ebda waħda mill-partijiet li għamlu osservazzjonijiet fil-kawża preżenti ma kkonfutaw id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż waqt is-seduta li klijent konsumatur jista’ jiftaħ kawża quddiem il-qrati ordinarji biex tkun stabbilita l-konformità tal-kumpannija li topera netwerk mad-Direttiva 2009/72, biex hekk ikun assigurat id-dritt ta’ klijent konsumatur għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont id-dritt tal-Unjoni, u li d-deċiżjonijiet ta’ ARN ma jorbtux lill-qrati nazzjonali jew lill-Bord għal Tilwimiet mal-Konsumatur. Barra minn hekk, l-argumenti ta’ A dwar l-iżvantaġġi li jista’ jkun hemm meta wieħed iressaq ilment quddiem il-Bord għal Tilwimiet mal-Konsumatur u quddiem il-qrati ordinarji (ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ma jurux li klijenti konsumaturi ma jistgħux jagħmlu użu minn dawn ir-rimedji ġuridiċi jew li d-dritt ta’ klijent konsumatur għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa b’xi mod ieħor eskluż.

    51.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena jidhirli li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva taħt id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix, bħala prinċipju, li Stat Membru joħloq rimedju ġuridiku ġdid fil-proċedura għal talbiet għal investigazzjoni quddiem ARN, fejn jeżistu rimedji ġuridiċi oħrajn li jagħmluha possibbli għal klijent konsumatur li jistabbilixxi l-konformittal-kumpannija li topera netwerk mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2009/72, li hija xi ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi.

    52.

    Jiena għalhekk nasal għall-konklużjoni li, meta jitqiesu r-rimedji għad-dispożizzjoni ta’ A taħt id-dritt Finlandiż, u kif rikjest mid-dispożizzjonijiet deskritti hawn fuq tad-Direttiva 2009/72, A ma jistax jitqies bħala li huwa “entità [parti] affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja” taħt l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72, minkejja li dispożizzjonijiet li jipprevedu rimedju bħall-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 huma ordinarjament interpretati b’mod wiesa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 32 ). L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tfixkel il-qafas ġuridiku għat-trattament ta’ lmenti tal-konsumaturi deskritt hawn fuq u stabbilit fid-Direttiva 2009/72, anki meta ARN tagħżel li tittratta lment li jista’ jitqies bħala wieħed li jinvolvi l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva. Sakemm dawn ir-rimedji jkunu adegwati biex jassiguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-konsumatur, li hija kwistjoni li trid tkun deċiża mill-qorti tar-rinviju, la t-test tal-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72, u lanqas il-kuntest u l-għan tiegħu, ma jistgħu jitqiesu li jiġġustifikaw l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni proposta minn A, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni.

    53.

    Jiena konxju mill-fatt li l-Artikolu 37(16) u (17) iddaħħlu fid-Direttiva 2009/72 flimkien ma’ regoli ġodda li jsaħħu l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-għanijiet, id-dmirijiet u s-setgħat tagħhom ( 33 ). Bħalma kien indikat fin-nota Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ( 34 ), l-Artikolu 37(16) u (17) jirreferi għar-responsabbiltà ġuridika tal-ARN, jiġifieri li għandu jkun possibbli li jitressqu azzjonijiet legali kontra deċiżjonijiet ta’ ARN, li hija marbuta mal-indipendenza u mar-responsabbiltajiet tal-ARN ( 35 ). Din in-nota tiġbed ukoll l-attenzjoni għall-possibbiltà li gvern ta’ Stat jista’ jikkontesta deċiżjoni ta’ ARN ( 36 ). Filwaqt li jagħti lil wieħed x’jifhem li l-kunċett ta’ “entità [parti] affettwata” taħt l-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72 bħala prinċipju japplika għal kwalunkwe tip ta’ parti li tkun affettwata minn deċiżjoni ta’ ARN, dan ma jiħux inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni mhux tas-soltu meta ARN tkun mitluba tieħu deċiżjoni li ma tkunx konsistenti mal-qafas ta’ rimedji previst taħt id-Direttiva 2009/72 u taħt id-dritt ta’ Stat Membru.

    VI. Konklużjoni

    54.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

    L-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li klijent konsumatur ta’ kumpannija li topera netwerk tal-elettriku ma jistax, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jitqies li huwa “entità [parti] affettwata minn deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali regolatorja” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) ĠU 2009 L 211, p. 55.

    ( 3 ) Għandu jingħad li klijent konsumatur huwa msejjaħ “klijent domestiku” fid-Direttiva 2009/72, skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(10) tagħha, filwaqt li fl-Artikolu 2(6) tal-istess direttiva hemm definizzjoni ta’ “operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni”. F’dawn il-konklużjonijiet, b’mod ġenerali, ser nuża l-kunċetti “klijent konsumatur” u “kumpannija li topera netwerk”, rispettivament, skont il-formulazzjoni użata fid-digriet tar-rinviju.

    ( 4 ) Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication (C‑426/05, EU:C:2008:103, punti 263032).

    ( 5 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2018, Rittinger et (C‑492/17, EU:C:2018:1019, punti 37 sa 39), u tat-2 ta’ Mejju 2019, Asendia Spain (C‑259/18, EU:C:2019:346, punti 16 sa 20).

    ( 6 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 2008 (C‑426/05, EU:C:2008:103).

    ( 7 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015 (C‑282/13, EU:C:2015:24).

    ( 8 ) Sentenza tal-24 ta’ April 2008 (C‑55/06, EU:C:2008:244).

    ( 9 ) Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015 (C‑510/13, EU:C:2015:189).

    ( 10 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 2008 (C‑426/05, EU:C:2008:103, b’mod partikolari l-punti 2, 12 sa 15, 27, 30 sa 39 u 43 sa 48).

    ( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21 jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effettivi jeżistu fil-livell nazzjonali li taħthom kull utent jew impriża li tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew servizzi li tkun milquta b’deċiżjoni ta’ [ARN] jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti.”

    ( 12 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2015 (C‑282/13, EU:C:2015:24, b’mod partikolari l-punti 12 sa 26, 32 sa 39 u 46 sa 48).

    ( 13 ) Sentenza tal-24 ta’ April 2008 (C‑55/06, EU:C:2008:244, b’mod partikolari punti 32 sa 39 u 171 sa 178).

    ( 14 ) ĠU 1990 L 192, p. 1, kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 1997 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 90/387/KEE u 92/44/KEE għall-finijiet ta’ adattament għal ambjent kompetittiv fit-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1997, L 295, p. 23). L-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387 kien jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-livell nazzjonali jkun hemm mekkaniżmu adegwati sabiex parti affettwata minn deċiżjoni tal-[ARN] ikollha d-dritt tappella quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    ( 15 ) Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015 (C‑510/13, EU:C:2015:189, punti 17 sa 2937 sa 51).

    ( 16 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230. Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade (C‑510/13, EU:C:2015:189, punti 30 sa 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94) ma kinitx applikabbli ratione temporis, u għalhekk ma kellhiex l-opportunità li tintrepeta l-Artikolu 41(17) ta’ din id-direttiva, li huwa identiku għall-Artikolu 37(17) tad-Direttiva 2009/72.

    ( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fis-sentenza GRDF (C‑236/18, EU:C:2019:441, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, AceaEnergia et (C‑406/17 sa C‑408/17 u C‑417/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:404, punt 55).

    ( 19 ) Ara d-Direttiva 2009/72, b’mod partikolari l-premessi 42, 54; il-punt 1(f) tal-Anness I.

    ( 20 ) Ara d-Direttiva 2009/72, b’mod partikolari l-premessi 37, 51; l-Artikoli 36(g), 37(1)(j) u (n), 37(2). Ara wkoll, pereżempju, in-Nota Interpretattiva tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Jannar 2010, dwar is-swieq bl-imnut fid-Direttiva 2009/72 u d-Direttiva 2009/73, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/energy/, b’mod partikolari t-Taqsimiet 3 u 4.5.

    ( 21 ) Waqt l-ewwel qari fil-Parlament tal-proposta li wasslet għad-Direttiva 2009/72, kien propost li jiżdied paragrafu ma’ dak li issa huwa l-Artikolu 37: “L-[ARN] għandhom joħolqu servizz indipendenti għall-ilmenti jew skema ta’ reparazzjoni alternattivi bħall-ombudsman indipendenti ta’ Enerġija jew korp tal-konsumaturi. Dak is-servizz jew skema għandu jkun responsabbli għall-itrattar effiċjenti tal-ilmenti u għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-aħjar prattika. L-[ARN] għandha tistipula standards u linji gwida dwar kif il-produtturi u l-operaturi tan-netwerk għandhom jitrattaw l-ilmenti.” Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (ĠU 2009 C286E, p. 106), l-Artikolu 22c(13) propost. Dik il-proposta ma kinetx inkluża fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (ĠU 2009 C70E, p. 1), u, mat-tieni qari, dispożizzjonijiet simili żdiedu ma’ dak li issa huwa l-Artikolu 3. Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew għat-tieni qari, tat-2 ta’ April 2009, A6-0216/2009.

    ( 22 ) ĠU 2019 L 158, p. 125.

    ( 23 ) Ara d-Direttiva 2019/944, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 72.

    ( 24 ) Ara d-Direttiva 2019/944, Artikolu 60(8).

    ( 25 ) Ara d-Direttiva 2019/944, b’mod partikolari l-premessa 86; Artikoli 58(g) u Artikolu 59(r).

    ( 26 ) Enfasi miżjuda. Ara wkoll id-Direttiva 2019/944, premessa 36.

    ( 27 ) Ara d-Direttiva 2009/72, b’mod partikolari l-Artikolu 34(4) u l-Artikolu 37(3)(b), 37(4)(e) u 37(5)(c). Skont l-Artikolu 37(15) ta’ dik id-direttiva, ilmenti msemmija fl-Artikolu 37(11) u (12) tagħha huma “mingħajr preġudizzju għall-eżerċitu tad-drittijiet tal-appell taħt il-liġi [tal-Unjoni] u/jew taħt il-liġi nazzjonali”.

    ( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, Cabau, E., u Ennser, B., “Chapter 6, National Regulatory Authorities” f’Jones, C. (Ed.,), “EU Energy Law”, Volume 1, The Internal Energy Market, ir-raba’ edizzjoni, Claeys & Casteels, 2016, punt 6.107 sa 6.115..

    ( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 3738 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 4849 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling (C‑12/08, EU:C:2009:466, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad-19 ta’ Marzu 2015, E.ON Földgáz Trade (C‑510/13, EU:C:2015:189, punt 50).

    ( 31 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, b’mod partikolari l-punti 40 u 41). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 103104), u tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 51).

    ( 32 ) Tabilħaqq, dan huwa spjegat bid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja diskussi hawn fuq fil-Parti A ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2016, Polkomtel (C‑231/15, EU:C:2016:769, punti 2021).

    ( 33 ) Ara d-Direttiva 2009/72, b’mod partikolari l-premessa 33. L-Artikolu 37(16) ta’ dik id-direttiva jiddikjara: “Id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet regolatorji għandhom ikunu motivati u ġustifikati għal kollox sabiex tkun tista’ ssir reviżjoni ġuridika. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.”

    ( 34 ) Ara n-Nota Interpretattiva tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Jannar 2010 dwar l-awtoritajiet regolatorji fid-Direttiva 2009/72 u d-Direttiva 2009/73, aċċessibli minn https://ec.europa.eu/energy/, (“In-Nota interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-ARN”), Taqsima 5.

    ( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fis-sentenza Connect Austria (C‑462/99, EU:C:2001:683, punti 43 sa 49). Għal iktar diskussjoni, ara, pereżempju, De Somer, S., “The powers of national regulatory authorities as agents of EU law”, ERA Forum, Vol. 18, 2018, pp. 581 sa 595, b’mod partikolari pp. 589 sa 593.

    ( 36 ) Ara n-Nota Interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, (ara n-nota 34 iktar ’il fuq), p. 20.

    Top