Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0360

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fid-29 ta’ Lulju 2019.
    Cargill Deutschland GmbH vs Hauptzollamt Krefeld.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1360/2013 – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Settur taz-zokkor – Imposta fuq il-produzzjoni – Effett utli – Dritt għar-rimbors tas-somom imħallsa indebitament – Applikabbiltà tar-regoli nazzjonali dwar it-termini ta’ preskrizzjoni – Prinċipju ta’ effettività.
    Kawża C-360/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:648

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fid‑29 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

    Kawża C‑360/18

    Cargill Deutschland GmbH

    vs

    Hauptzollamt Krefeld

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor — Imposti fuq il-produzzjoni — Rimbors ta’ somom imħallsa indebitament — Interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1360/2013 — Regoli nazzjonali dwar termini ta’ preskrizzjoni — Prinċipju ta’ effettività”

    1.

    Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari l-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) qiegħda tfittex gwida dwar jekk rimbors ta’ imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1360/2013 ( 2 ), għandux jingħata skont id-dritt nazzjonali (fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività), u b’mod partikolari suġġett għat-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fih. Il-kwistjoni tirriżulta minn tilwima bejn Cargill Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Cargill Deutschland”), produttriċi ta’ isoglukożju, u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Cargill Deutschland qiegħda titlob rimbors ta’ imposti fuq iz-zokkor li hija ħallset abbażi ta’ leġiżlazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddikjarat bħala invalida. L-awtoritajiet kompetenti jallegaw li dawn it-talbiet huma preskritti minħabba regoli nazzjonali li jistabbilixxu terminu ta’ preskrizzjoni għal dawn ir-rikorsi.

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

    L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

    2.

    Fiż-żmien rilevanti ( 3 ), il-karatteristiċi essenzjali tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq taz-zokkor kienu jinkludu regoli dwar prezzijiet, kwoti ta’ produzzjoni u kummerċ ma’ pajjiżi terzi. Is-sistema kienet awtofinanzjata. Dak li f’dak iż-żmien kien appoġġ Komunitarju għas-settur kien jinvolvi prezz minimu għall-pitravi għaz-zokkor, li l-manifatturi taz-zokkor kienu jħallsu lill-bdiewa tal-Komunità, u prezz ta’ intervent għaz-zokkor li bih l-organi ta’ intervent kienu jixtru z-zokkor kollu offrut lilhom mill-produtturi tal-Komunità. Imposti fuq il-produzzjoni kienu ntaxxati fuq produtturi taz-zokkor sabiex jiġi ffinanzjat il-prezz tal-appoġġ finanzjarju għall-produzzjoni taz-zokkor li kien maqsum f’kategoriji differenti ( 4 ). L-imposti fuq il-produzzjoni kienu intiżi b’mod partikolari biex jirriflettu n-nefqa tal-Komunità għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – jiġifieri, ħlasijiet li kienu jsiru f’ċerti ċirkustanzi sabiex jikkumpensaw lil produtturi taz-zokkor għall-fatt li l-prezzijiet globali taz-zokkor kienu, b’mod ġenerali, iktar baxxi mill-prezz tal-Komunità sostnut. Il-prinċipju applikat kien li l-industrija nnifisha għandha tiffinanzja t-telf sostnut mir-rimi tal-eċċess fil-produzzjoni ( 5 ).

    Ġurisprudenza

    3.

    Fil-kawża Jülich I ( 6 ) numru ta’ produtturi taz-zokkor ikkontestaw il-legalità ta’ ċerti aspetti ta’ kif kienu kkalkolati l-imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor. Dawn sostnew li l-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni Ewropea rriżulta fi ħlas ikbar min-naħa tagħhom meta mqabbel mal-ispejjeż għar-rimi tal-eċċess tal-produzzjoni Komunitarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija jekk il-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni kienx validu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur il-produtturi taz-zokkor. Din iddikjarat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003 ( 7 ) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004 bħala invalidi ( 8 ).

    4.

    Fid‑29 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha fil-Kawża T‑4/06, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni ( 9 ), li fiha ddikjarat li ma kienx hemm bażi legali xierqa għal koeffiċjent iddifferenzjat għall-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor, u annullat l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1686/2005 ( 10 ).

    5.

    F’Jülich II ( 11 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita għal darba oħra bi kwistjonijiet rigward il-kalkolu tal-imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor. Il-kwistjoni prinċipali issa kienet tikkonċerna l-inċertezza dwar l-“ammont totali ta’ rifużjoni” inkwistjoni. L-inċertezza rriżultat mill-fatt li l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjonijiet, li kienu kkwalifikaw għalihom ċerti kwantitajiet ta’ zokkor inklużi fi prodotti pproċessati esportati, la kienu ntalbu u lanqas kienu tħallsu. F’regolamenti li jistabbilixxu l-imposti fuq il-produzzjoni għas-snin tas-suq bejn l‑2003 u l‑2006, il-Kummissjoni inkludiet dawn il-kwantitajiet fl-“eċċess esportabbli” iżda mhux fl-“obbligi tal-esportazzjoni li għandhom jitwettqu”. Mitluba biex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dan il-kalkolu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fl‑2008, f’Jülich I, li l-kwantitajiet esportati kollha kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fiż-żewġ każijiet, indipendentement minn jekk kinux ingħataw rifużjonijiet jew le, u jekk ir-regolamenti inkwistjoni kinux invalidi għal din ir-raġuni. Madankollu, din ma ddeċidietx jekk “l-ammont totali ta’ rifużjoni” kellux jinkludi bl-istess mod il-ħlasijiet lura kollha disponibbli, indipendentement minn jekk dawn kinux tħallsu jew le, jew jekk kellux jinkludi biss ir-rifużjonijiet effettivament mogħtija ( 12 ).

    6.

    Sabiex tkun konformi mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni adottat regolament ġdid fl‑2009 li jikkoreġi dawn ir-regolamenti li kienu ġew iddikjarati invalidi ( 13 ). Fil-kalkoli l-ġodda tagħha, il-Kummissjoni inkludiet fl-“ammont totali ta’ rifużjoni”, ir-rifużjonijiet kollha disponibbli, indipendentement minn jekk dawn kinux tħallsu jew le. L-imposti kkalkolati mill-ġdid ftit li xejn varjaw minn kif kienu stabbiliti oriġinarjament, iżda kienu ogħla minn kif kienu jkunu li kieku l-ħlasijiet lura effettivament mogħtija biss kienu inklużi fl-“ammont totali ta’ rifużjoni”. Din ġiet ikkontestata minn numru ta’ produtturi taz-zokkor. F’Jülich II il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ir-Regolament Nru 1193/2009 bħala invalidu, u stqarret li, għall-għan tal-kalkolu tat-telf medju stmat għal kull tunnellata ta’ prodott, l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament Nru 1260/2001 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont totali ta’ rifużjoni jinkludi biss l-ammont totali tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjonijiet effettivament mogħtija.

    7.

    B’risposta għal dan, il-Kunsill sussegwentement adotta r-Regolament Nru 1360/2013 ( 14 ).

    Ir-Regolament Nru 1360/2013

    8.

    Il-premessi 1 sa 10 jistabbilixxu l-bażi li fuqha kienu kkalkolati l-imposti għas-snin tas-suq inkwistjoni u d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li kienu ddikjaraw ir-regolamenti tal-Kummissjoni rilevanti preċedenti (li kienu stabbilixxew dawn l-imposti) bħala invalidi. Il-premessa 11 tgħid, “[k]onsegwentement, l-imposti fis-settur taz-zokkor għandhom ikunu ffissati fil-livell xieraq. Għall-esportazzjonijiet definiti skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 314/2002, it-‘telf medju’, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(d) tar-[Regolament Nru 1260/2001], għandu jiġi kkalkulat bid-diviżjoni tar-rifużjonijiet effettivament imħallsa mill-kwantitajiet esportati, irrispettivament mill-fatt jekk ir-rifużjoni tħallsitx jew le. […]” L-istqarrijiet fil-premessi jikkonfermaw li l-imposti kkorreġuti kellhom japplikaw b’mod retroattiv għas-snin tas-suq inkwistjoni, jiġifieri mid-data li fiha l-imposti kienu ddikjarati bħala invalidi ( 15 ). Il-premessa 23 tistabbilixxi, “[g]ħal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex ikun żgurat li jkun hemm trattament uniformi tal-operaturi kkonċernati fi Stati Membri differenti, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita data komuni li fiha l-imposti ffissati skont dan ir-Regolament għandhom ikunu stabbiliti, fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000[ ( 16 )]. Madankollu, din l-iskadenza ma għandhiex tapplika fejn l-Istati Membri huma meħtieġa, mil-liġi nazzjonali, li jirrimborżaw lil operaturi kkonċernati wara dik id-data.”

    9.

    L-Artikolu 1 jipprevedi li l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006 għandhom ikunu dawk stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness ( 17 ). Il-koeffiċjenti meħtieġa għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/2002 u 2004/2005 huma stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness. Finalment, l-ammonti li għandhom jitħallsu mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi, fir-rigward tal-imposti A jew B għas-snin tas-suq inkwistjoni huma stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness.

    10.

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi, “[i]d-data tat-twaqqif, kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tal-imposti ffissati b’[dan ir-regolament], għandha tkun mhux aktar tard mit‑30 ta’ Settembru 2014, ħlief meta l-Istati Membri jiġu impeduti milli jirrispettaw dik l-iskadenza minħabba l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali dwar l-irkupru minn operaturi ekonomiċi tas-somom imħallsin iżda mhux dovuti.”

    11.

    L-Artikolu 3 jelenka d-dati li fihom ir-Regolament Nru 1360/2013 jidħol fis-seħħ għas-snin tas-suq inkwistjoni. L-Artikolu 1(1) għandu japplika minn:

    “16 ta’ Ottubru 2002 għas-sena tas-suq 2001/2002,

    8 ta’ Ottubru 2003 għas-sena tas-suq 2002/2003,

    15 ta’ Ottubru 2004 għas-sena tas-suq 2003/2004,

    18 ta’ Ottubru 2005 għas-sena tas-suq 2004/2005, u

    23 ta’ Frar 2007 għas-sena tas-suq 2005/2006.”

    L-Artikolu 1(2) għandu japplika minn:

    “16 ta’ Ottubru 2002 għas-sena tas-suq 2001/2002, u

    18 ta’ Ottubru 2005 għas-sena tas-suq 2004/2005.”

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/264

    12.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/264 ( 18 ) ma huwiex, bħala tali, inkwistjoni f’dawn il-proċeduri. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tiċċita dan ir-regolament fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha. F’Raffinerie Tirlemontoise ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ddikjarat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2267/2000 ( 20 ) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1993/2001 ( 21 ) bħala invalidi. L-għanijiet tar-Regolament 2018/264 jinkludu l-konformità ma’ din is-sentenza u l-istabbiliment tal-imposta addizzjonali għas-sena tas-suq 1999/2000 u l-imposta tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2000/2001 fil-livelli xierqa ( 22 ).

    13.

    L-Artikolu 2(2) jgħid, “[i]d-differenza bejn l-imposti ffissati bir-Regolamenti (KE) Nru 2267/2000 u (KE) Nru 1993/2001 u l-imposti previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi rrimborżata lil dawk l-operaturi ekonomiċi li ħallsu imposti fir-rigward tas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u 2000/2001, bl-applikazzjoni debitament iġġustifikata ta’ dawn tal-aħħar”.

    Id-dritt nazzjonali

    14.

    Il-paragrafu 12(1) tal-Gesetz zur Durchführung der Gemeinsamen Marktorganisationen und der Direktzahlungen (il-Liġi li Timplimenta l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq u tal-Pagamenti Diretti, iktar ’il quddiem il-“MOG”), jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-Taxxi japplikaw mutatis mutandis fil-każ ta’ imposti għall-għan tal-organizzazzjoni tas-swieq, sakemm din id-deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tkunx magħmula mill-MOG jew minn regolament adottat fuq il-bażi tal-MOG.

    15.

    Il-paragrafu 169(1) u (2) tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi Ġermaniż, iktar ’il quddiem l-“AO”) jistabbilixxi li “stima tat-taxxa u l-annullament jew l-emenda tagħha ma għandhiex tibqa’ ammissibbli meta t-terminu stabbilit għall-istima jkun skada. […] It-terminu stabbilit għall-istima għandu jkun: 1. Sena fir-rigward ta’ dazji tas-sisa u ħlasijiet lura tad-dazji tas-sisa, 2. Erba’ snin fir-rigward ta’ taxxi u tnaqqis tat-taxxi li ma humiex taxxi jew tnaqqis tat-taxxi fit-tifsira tal-punt 1 jew dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 5(20) u (21) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. […]”

    16.

    Il-paragrafu 170(1) tal-AO jistabbilixxi li t-terminu stabbilit għall-istima jibda mal-iskadenza tas-sena kalendarja li matulha nħoloq l-obbligu fiskali.

    17.

    Skont il-paragrafu 172(1) tal-AO, ikkunsidrat flimkien mal-paragrafu 172(1)(d) tiegħu, fejn ma jinħariġx avviż ta’ stima ta’ taxxa provviżorjament jew suġġett għal stħarriġ mill-ġdid, dan jista’ jiġi annullat jew emendat biss fejn huwa permess mil-liġi.

    18.

    Skont il-paragrafu 175(1) tal-AO, avviż ta’ stima ta’ taxxa għandu jiġi annullat jew emendat jekk iseħħ avveniment li jkollu implikazzjonijiet ta’ taxxa fuq it-termini li jkunu għaddew.

    Il-fatti kuntestwali, il-proċedura u d-domanda preliminari

    19.

    Il-Hauptzollamt Krefeld (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet kompetenti”) ħarġu s-segwenti avviżi tal-imposta fir-rigward tar-responsabbiltajiet ta’ Cargill Deutschland għall-produzzjoni tal-isoglukożju: (i) avviż tat‑23 ta’ Ottubru 2002 għas-sena tas-suq 2001/2002 li jinkludi imposta fuq il-produzzjoni finali ta’ EUR 832 677.71 u imposta addizzjonali ta’ EUR 69 270.46; (ii) avviż tal‑20 ta’ Ottubru 2003 għas-sena tas-suq 2002/2003 li jinkludi imposta fuq il-produzzjoni finali ta’ EUR 525 236.03; (iii) avviż tat‑30 ta’ Marzu 2004 għas-sena tas-suq 2003/2004 għal ħlasijiet bil-quddiem li għandhom isiru fuq l-imposta fuq il-produzzjoni ta’ EUR 115 084.15; u (iv) avviż tat‑18 ta’ Ottubru 2005 għas-sena tas-suq 2004/2005 li jinkludi imposta fuq il-produzzjoni finali ta’ EUR 778 800.52 u imposta addizzjonali ta’ EUR 124 101.86 ( 23 ). Cargill Deutschland ma kkontestatx dawn l-avviżi (iktar ’il quddiem l-“avviżi tal-imposta inizjali”).

    20.

    Wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1360/2013, Cargill Deutschland talbet lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jistabbilixxu mill-ġdid l-imposti għas-snin tas-suq inkwistjoni u biex jiġu rrimborsati l-ammonti korrispondenti li hija ħallset żejjed għal dawn is-snin tas-suq. L-awtoritajiet kompetenti ċaħdu din it-talba b’avviż tat‑18 ta’ April 2016. Dawn kienu tal-fehma li l-annullament, l-emenda jew il-korrezzjoni ta’ avviżi li kienu saru finali kien possibbli biss fiż-żmien tat-terminu preskritt għall-istima skont il-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 169(2) tal-AO. Dan it-terminu kien, madankollu, skada għas-snin tas-suq taz-zokkor inkwistjoni.

    21.

    Cargill Deutschland ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju għar-rimbors tal-imposti li hija ssostni li ħallset żejjed b’riżultat tal-kalkoli bbażati fuq leġiżlazzjoni li sussegwentement ġiet iddikjarata bħala invalida u li ġiet ikkoreġuta permezz tar-Regolament Nru 1360/2013. Din tissottometti li l-intitolament għar-rimbors jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u mid-dritt nazzjonali.

    22.

    L-awtoritajiet kompetenti jwieġbu li t-talba ta’ Cargill Deutschland għandha tiġi miċħuda. Dawn isostnu li japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni tal-liġi ġenerali dwar it-taxxa, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

    23.

    Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li skont id-dritt nazzjonali, Cargill Deutschland ma hijiex intitolata għal rimbors fuq l-imposti mħallsa għas-snin tas-suq inkwistjoni, għaliex fid-dawl tad-dati tal-avviżi tal-imposti rispettivi, dawn it-talbiet issa huma preskritti.

    24.

    Fir-rigward tal-operazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni skont ir-regoli nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, skont il-paragrafu 12(1) tal-MOG, ikkunsidrat flimkien mal-punt 2 tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 169(2) tal-AO, japplika terminu preskritt ta’ erba’ snin għall-istima.

    25.

    Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li t-tibdiliet għall-kalkolu tal-imposti introdotti b’effett retroattiv bir-Regolament Nru 1360/2013 ma jiskattawx, skont id-dritt nazzjonali, l-operazzjoni tal-punt 2 tal-paragrafu 175(1) tal-AO.

    26.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-avviżi tal-imposti huma finali skont id-dritt nazzjonali, din iċ-ċirkustanza tipprekludix ir-rimbors ta’ imposti mħallsa żejda, minħabba li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2018/264 jippermetti li imposti jiġu rrimborsati għas-snin tas-suq 1999/2000 u 2000/2001 wara li jiġi ppreżentat rikors debitament iġġustifikat. Din tixtieq tkun taf jekk din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2018/264 għandhiex implikazzjonijiet għar-rimbors ta’ imposti skont ir-Regolament Nru 1360/2013.

    27.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Ir-rimbors tal-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor, li għandhom jiġu kkalkolati mill-ġdid skont ir-[Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1360/2013] għandu jsir konformement mad-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, billi jiġu applikati r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti minn dan ir-regolament, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività?”

    28.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Cargill Deutschland, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tat‑2 ta’ Mejju 2019 l-istess partijiet għamlu sottomissjonijiet orali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti (li ma ssottomettewx osservazzjonijiet bil-miktub) ukoll attendew is-seduta u għamlu osservazzjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    Evalwazzjoni tad-domanda preliminari

    29.

    Il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tfittex li taċċerta jekk Cargill Deutschland tibqax responsabbli għall-imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor ikkalkolati fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddikjarat bħala invalida; u jekk regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni jipprekludux kalkoli ġodda milli jsiru skont ir-Regolament Nru 1360/2013 li jiġġenera dritt għal rimbors ta’ dik il-parti tal-imposti mħallsa li ma kinitx legalment dovuta.

    Osservazzjonijiet preliminari

    30.

    Huwa paċifiku li s-sitwazzjoni ta’ Cargill Deutschland taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1360/2013 u li fil-prinċipju hija intitolata għal rimbors (suġġett għall-effetti tal-liġijiet proċedurali nazzjonali, b’mod partikolari r-regoli dwar it-termini ta’ preskrizzjoni).

    31.

    Cargill Deutschland tissottometti li d-dritt tagħha għal rimbors ta’ imposti mħallsa żejda huwa kkonfermat mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament 2018/264. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi wkoll jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1360/2013. Naqbel mal-Kummissjoni sa fejn tissottometti li l-formulazzjoni tar-Regolament 2018/264 ma hijiex rilevanti. L-ewwel nett, is-snin tas-suq inkwistjoni hawnhekk ma jinkludux 1999/2000 u 2000/2001 – is-sentejn tas-suq li huma rregolati mir-Regolament 2018/264. It-tieni nett, ir-Regolament Nru 1360/2013 għandu jiġi interpretat b’riferiment għall-formulazzjoni, l-għanijiet u l-kuntest tiegħu.

    Ir-Regolament Nru 1360/2013

    32.

    Cargill Deutschland tissottometti li hija għandha dritt għal rimbors tal-imposti mħallsa żejda għas-snin tas-suq inkwistjoni skont ir-Regolament Nru 1360/2013. Dan id-dritt jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikoli 264 u 267 TFUE li għandhom jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 291 TFUE.

    33.

    L-awtoritajiet kompetenti jsostnu, kuntrarjament, li r-Regolament Nru 1360/2013 ma jagħtix dritt dirett għal rimbors lill-manifatturi taz-zokkor. Sabiex jagħmlu talba skont dan ir-regolament il-manifatturi taz-zokkor għandhom jibbażaw ruħhom fuq regoli proċedurali nazzjonali.

    34.

    Il-Gvern Belġjan isostni li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fl-affermattiv. It-terminu ta’ preskrizzjoni jista’ jibda jiddekorri biss mid-data li fiha r-regolamenti li jiffurmaw il-bażi legali tal-imposti mħallsa żejda jiġu mħassra jew iddikjarati bħala invalidi.

    35.

    Il-Kummissjoni tissottometti li skont ġurisprudenza stabbilita, fejn ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet tal-Unjoni armonizzati biex jiġu applikati, il-proċess ta’ rimbors huwa rregolat mir-regoli proċedurali nazzjonali.

    36.

    Ir-Regolament Nru 1360/2013 jipprovdi minnu nnifsu lill-operaturi ekonomiċi dritt għal rimbors ta’ imposti mħallsa żejda għas-snin tas-suq inkwistjoni jew tali drittijiet jirriżultaw mir-regoli proċedurali u modalitajiet nazzjonali?

    37.

    Jidhirli li d-drittijiet għal rimbors ta’ imposti mħallsa żejda għas-snin tas-suq inkwistjoni jirriżultaw mingħajr dubju mid-dritt tal-Unjoni. Tali drittijiet jirriżultaw loġikament mid-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiddikjaraw bħala invalida l-leġiżlazzjoni li skontha tħallsu dawn l-imposti ( 24 ). Ir-Regolament Nru 1360/2013 ma jagħtix minnu nnifsu drittijiet lil operaturi ekonomiċi bħala tali. Minflok, dan jikkoreġi b’effett retroattiv l-iżbalji magħmula fil-kalkoli tal-imposti ta’ produzzjoni għas-snin tas-suq inkwistjoni u jistabbilixxi ammonti ġodda għal dawn l-imposti li jippermettu lil operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jistabbilixxu l-ammonti mħallsa żejda skont is-sistema l-antika ( 25 ).

    38.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1360/2013 jġib fis-seħħ l-imposti fuq il-produzzjoni (ġodda, ikkoreġuti) għas-snin tas-suq inkwistjoni u jirreferi għall-punt 1 fl-Anness tiegħu. Dan il-punt jinkludi lista li tistabbilixxi, għal kull sena tas-suq, l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor (espressi bħala ċifra EUR għal kull tunnellata tal-prodott rilevanti) ( 26 ).

    39.

    Skont l-Artikolu 2, id-data ta’ stabbiliment ( 27 ) tal-imposti stabbiliti bir-Regolament Nru 1360/2013 ma hijiex iktar tard mit‑30 ta’ Settembru 2014. Isegwi mill-Artikolu 2 li s-sistema ta’ ġestjoni kondiviża tapplika għall-imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor ( 28 ). Il-manifatturi ma jagħmlux talbiet lill-Kummissjoni. Minflok, it-talbiet isiru lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont modalitajiet domestiċi.

    40.

    L-Artikolu 3 jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni retroattiva tar-Regolament Nru 1360/2013 billi jistabbilixxi d-dati li minnhom l-imposti fuq il-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali japplikaw għas-snin tas-suq inkwistjoni ( 29 ).

    41.

    L-għan tar-Regolament Nru 1360/2013 huwa li jikkoreġi imposti kkalkolati u imposti bi żball fuq il-bażi tar-regolamenti tal-Kummissjoni li sussegwentement ġew iddikjarati bħala invalidi ( 30 ). Għalhekk, għan neċessarju ta’ din il-miżura huwa li tiżgura li s-sistema ta’ imposti fuq iz-zokkor tkun awtofinanzjata, minflok tiġġenera fondi żejda ( 31 ). Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1360/2013 tistabbilixxi li l-imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor għandhom ikunu stabbiliti fil-livell xieraq ( 32 ).

    42.

    Ir-Regolament Nru 1360/2013 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni għall-proċeduri u l-modalitajiet li l-Istati Membri għandhom japplikaw sabiex jagħtu effett lill-obbligu li jirrimborsaw lill-operaturi ekonomiċi għall-ħlasijiet żejda ta’ imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor għas-snin tas-suq inkwistjoni. Dan ir-regolament huwa att ta’ portata ġenerali, obbligatorju kollu kemm hu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skont l-Artikolu 288 TFUE. Għaldaqstant, tali lacunae jkunu sorpriża jekk dawn il-kwistjonijiet għandhom fil-fatt ikunu rregolati mir-Regolament Nru 1360/2013.

    43.

    Il-proċessi li permezz tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirrevedu stimi u jirrimborsaw ammonti li tħallsu żejda jaqgħu b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali. Naturalment, dawn ir-regoli huma suġġetti għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ekwivalenza (regoli proċedurali ddettaljati għandhom ikunu mhux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw rikorsi domestiċi simili) u ta’ effettività (dawn ir-regoli ma jistgħux fil-prattika jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli) ( 33 ). Huwa importanti li wieħed iżomm sew f’moħħu li l-għan ċentrali tar-Regolament Nru 1360/2013 huwa li jistabbilixxi regoli li jagħtu effett lil numru ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    44.

    Filwaqt li huwa ċar li lill-operaturi ekonomiċi jirriżultalhom dritt għal rimbors ta’ imposti mħallsa żejda mid-dritt tal-Unjoni, ma naqbilx ma’ Cargill Deutschland sa fejn nikkunsidra li r-Regolament Nru 1360/2013 ma jipprovdix, bħala tali, modalitajiet jew regoli proċedurali li jippermettu lill-manifatturi taz-zokkor jitolbu rimbors għal imposti mħallsa żejda.

    Termini ta’ preskrizzjoni

    45.

    Ir-regoli nazzjonali dwar il-preskrizzjoni tar-rikorsi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konsistenti mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività?

    46.

    Cargill Deutschland tissottometti li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni huma komponent prinċipali tad-dritt ta’ rimbors skont ir-Regolament Nru 1360/2013 u għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu. Tali dispożizzjonijiet ma għandhom xejn x’jaqsmu ma’ regoli proċedurali nazzjonali. Hawn, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1360/2013 fl‑20 ta’ Diċembru 2013. Din tissuġġerixxi li fl-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel analoġiji xierqa mar-regoli ta’ rimbors fl-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali ( 34 ).

    47.

    L-awtoritajiet kompetenti jsostnu li r-regoli nazzjonali inkwistjoni huma konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività u jżidu li huwa essenzjali li jiġi applikat terminu ta’ preskrizzjoni. Dati finali għal talbiet huma neċessarji fl-interess taċ-ċertezza legali.

    48.

    Ir-Renju tal-Belġju jsostni li talbiet għal rimbors huma suġġetti għal regoli proċedurali nazzjonali, li huma suġġetti għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Ir-Renju tal-Belġju spjega fis-seduta li l-modalitajiet nazzjonali tiegħu ma humiex l-istess bħal dawk fil-Ġermanja. Fil-Belġju, r-rimedji għal rimbors fuq il-bażi ta’ ħlas indebitu jibdew japplikaw mid-data li fiha sar il-ħlas jew mill-għarfien li l-ħlas inkwistjoni kien fil-fatt “indebitu”. It-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ 10 snin minn din id-data. Li operaturi ekonomiċi jiġu mċaħħda minn kwalunkwe dritt għal rimbors jikser il-prinċipju ta’ effettività.

    49.

    Il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Nru 1360/2013 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni għall-modalitajiet ta’ rimbors ta’ imposti fuq il-produzzjoni mħallsa żejda, termini ta’ preskrizzjoni jew kwalunkwe interessi li jistgħu jkunu dovuti. Isegwi li kollox huwa kopert mid-dritt proċedurali nazzjonali.

    50.

    Ser nibda billi niddikjara li ma naqbilx mas-sottomissjoni ta’ Cargill Deutschland li l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi analoġija utli hawnhekk. Diġà indikajt li fil-fehma tiegħi, ir-Regolament Nru 1360/2013 bħala tali ma jistabbilixxix regoli li jipprevedu modalitajiet għal operaturi ekonomiċi biex jitolbu imposti fuq iz-zokkor imħallsa żejda ( 35 ). Kuntrarjament, il-verżjoni tal-Kodiċi Doganali li kienet tapplika fiż-żmien tas-snin tas-suq inkwistjoni stabbilixxiet regoli speċifiċi (fit-Titolu VII) għad-“Dejn Doganali”, li kienu jinkludu dispożizzjonijiet dwar “termini taż-żmien u proċeduri għall-ammont ta’ dazju” kif ukoll regoli dwar il-“ħlas lura u l-maħfra ta’ dazju” (fil-Kapitolu 5, li jinkludi l-Artikolu 236). Dan kollu kien jifforma parti minn sistema mfassla apposta ta’ modalitajiet imwettqa fil-livell tal-Unjoni.

    51.

    Ladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jħalli l-modalitajiet iddettaljati kemm għall-ġbir kif ukoll għar-rimbors tal-imposti fuq iz-zokkor f’idejn l-Istati Membri, l-ebda analoġija ma tista’ ssir mal-modalitajiet armonizzati tal-Kodiċi Doganali.

    52.

    Il-qorti tar-rinviju tiddikjara fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li l-awtoritajiet kompetenti kkalkolaw u ħarġu l-avviżi tal-imposta inizjali għas-snin tas-suq inkwistjoni u li dawn l-avviżi ma ġewx ikkontestati. B’avviż tat‑18 ta’ April 2016, l-awtoritajiet kompetenti ċaħdu t-talba ta’ Cargill Deutschland (tat‑13 ta’ Frar 2014) sabiex jistabbilixxu avviżi tal-imposta ġodda skont ir-Regolament Nru 1360/2013 u sabiex jirrimborsaw l-ammonti mħallsa żejda skont l-avviżi tal-imposta inizjali. Skont ir-regoli nazzjonali rilevanti, Cargill Deutschland ma hijiex intitolata għal rimbors minħabba li t-talba tagħha hija prekluża mir-regoli li jirregolaw it-terminu ta’ preskrizzjoni għal dawn it-talbiet. It-terminu preskritt ta’ erba’ snin japplika għall-istima u għall-emendi tal-istima tal-imposta fuq iz-zokkor. Fir-rigward tal-aħħar mis-snin tas-suq inkwistjoni (2004/2005), dan it-terminu beda, l-iktar tard, fil‑31 ta’ Diċembru 2006. Għalhekk, ir-rikors ta’ Cargill Deutschland għal stima mill-ġdid u rimbors ippreżentat fit‑13 ta’ Frar 2014 ma setax jirnexxi. Dan huwa a fortiori l-każ fir-rigward tas-snin tas-suq inkwistjoni preċedenti.

    53.

    Il-qorti tar-rinviju esprimiet ukoll il-fehma li r-regoli proċedurali nazzjonali inkwistjoni huma kompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    54.

    Jiena mhux konvint li l-fehma tal-qorti tar-rinviju hija korretta.

    55.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet sa mill‑1970 li r-regoli li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni fil-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti bil-quddiem u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali ( 36 ). Hemm raġunijiet konvinċenti ta’ loġika proċedurali li jindikaw li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni għandhom jinkludu sett ta’ regoli li jispeċifikaw it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni, id-data li fiha jibda jiddekorri ż-żmien u l-avvenimenti li għandhom l-effett li jinterrompu jew jissospendu t-terminu ta’ preskrizzjoni. F’dan ir-rigward għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi flimkien mar-rwol ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

    56.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u li għandha tistabbilixxi r-regoli proċedurali tal-kawżi legali intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet li jinsiltu favur l-individwi mid-dritt tal-Unjoni. Huwa b’hekk fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, kemm-il darba l-kundizzjonijiet, inklużi t-termini ta’ żmien, stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni, ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw pretensjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux stipulati b’tali mod li fil-prattika jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb il-kumpens (prinċipju ta’ effettività) ( 37 ).

    57.

    Sabiex tivverifika jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali, li hija biss għandha għarfien dirett tar-regoli proċedurali applikabbli għal rikorsi fil-qasam, għandha teżamina kemm l-għan kif ukoll l-elementi essenzjali tar-rikorsi allegatament simili ta’ natura interna. F’kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali li tirregola talba skont id-dritt tal-Unjoni hijiex inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna, din għandha tiġi analizzata mill-qorti nazzjonali billi tqis ir-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali ( 38 )

    58.

    Il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa riżultat tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni. F’dan ir-rigward ma huwiex ċar jekk rikorsi domestiċi simili jseħħux jew, fil-fatt, jistgħux iseħħu. Il-kuntest għall-kawża prinċipali huwa kumpless u s-sitwazzjoni li tirriżulta hija speċifika ħafna. Dawn il-proċeduri huma stabbiliti sew fid-dritt tal-Unjoni. Il-kalkolu għall-imposti fuq iz-zokkor iġġenera tilwim sinjifikattiv fil-livell tal-Unjoni kif ukoll deċiżjonijiet tal-qorti tal-Unjoni li ddikjaraw il-leġiżlazzjoni rilevanti bħala invalida ( 39 ). It-tentattivi inizjali tal-leġiżlatur biex jikkoreġi l-pożizzjoni ma kellhomx suċċess, kif irreġistrat fil-premessi 1 sa 22 tar-Regolament Nru 1360/2013. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, ikun sorprendenti jekk sitwazzjonijiet domestiċi verament komparabbli jistgħu jiġu identifikati. Il-fatt li r-Regolament Nru 1360/2013 għandu effetti retroattivi ma huwiex suffiċjenti fih innifsu biex jagħmel ekwivalenti rikorsi domestiċi rigward miżuri fiskali li għandhom l-istess effetti.

    59.

    Regoli li jiffissaw termini ta’ preskrizzjoni raġonevoli għall-azzjonijiet jissodisfaw, fil-prinċipju, ir-rekwiżit tal-effettività sakemm dan isir b’applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali. Madankollu, tali termini ma għandhomx ikunu ta’ natura li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 40 ).

    60.

    Mill-istqarrijiet tal-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha rigward l-operazzjoni tar-regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni huwa ċar li Cargill Deutschland ma setgħet bl-ebda mod tressaq talba għal rimbors fit-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit għal dan ( 41 ). Dan it-terminu skada qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1360/2013 fl‑20 ta’ Diċembru 2013 u qabel ma l-imposti fuq il-produzzjoni, il-koeffiċjenti meħtieġa għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali u l-ammonti dovuti mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi kif stabbilit fl-Artikolu 1 u fl-Anness għal dan ir-regolament kienu speċifikati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Kien ikun għalhekk prattikament impossibbli għal operaturi ekonomiċi bħal Cargill Deutschland li jikkwantifikaw l-ammont ta’ imposti mħallsa żejda u jitolbu rimbors. Tali talbiet kienu preskritti anki qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1360/2013.

    61.

    L-awtoritajiet kompetenti sostnew (fis-seduta) li operatur ekonomiku prudenti seta’ jikkontesta l-avviżi tal-imposta inizjali bl-effett li tiġi ppreżervata l-pożizzjoni ta’ Cargill Deutschland billi l-istimi jinżammu miftuħa.

    62.

    Din hija kwistjoni ta’ dritt proċedurali domestiku. Hija wkoll kwistjoni ta’ għażla u deċiżjoni kummerċjali, li jistgħu leġittimament ikunu differenti minn operatur ekonomiku għal ieħor. Madankollu, din ma hijiex il-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni li tqajmet f’dawn il-proċeduri, jiġifieri jekk ir-regoli nazzjonali essenzjalment iċaħħdux lill-operaturi ekonomiċi bħal Cargill Deutschland mid-drittijiet tagħhom li jitolbu rimbors.

    63.

    Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, il-persuna leża, sabiex tevita li jkollha tbati hija stess id-danni, għandha tagħti prova ta’ diliġenza raġonevoli sabiex tillimita l-portata tad-danni ( 42 ). Madankollu, imur kontra l-prinċipju ta’ effettività li jiġi impost fuq persuni leżi li jkunu sistematikament irrikorrew għar-rimedji legali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom meta dan iġib miegħu diffikultajiet eċċessivi jew ma jkunx jista’ jkun meħtieġ minnhom b’mod raġonevoli.

    64.

    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali inkwistjoni kif deskritti mill-qorti tar-rinviju ċċaħħad lir-Regolament Nru 1360/2013 mill-effetti utli tiegħu. L-għan espliċitu ta’ dan ir-regolament huwa li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jagħtu effett lis-sentenzi tal-qrati tal-Unjoni li jikkonċernaw l-applikazzjoni korretta tas-sistema li tirregola l-imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor. Dawn is-sentenzi jfittxu li jiżguraw li s-sistema li tinsab fil-bażi ta’ dawn l-imposti tiġi applikata b’mod korrett. L-għan ta’ din is-sistema kien li tiżgura li l-iskema hija awtofinanzjata sabiex l-industrija nnifisha tiffinanzja telf sostnut bħala riżultat tal-eċċess tal-produzzjoni taz-zokkor. Li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew iżommu imposti żejda miġbura bi żball imur kontra l-filosofija sħiħa li tinsab fil-bażi ta’ din is-sistema.

    65.

    Minħabba li t-terminu ta’ preskrizzjoni għar-rimbors ta’ imposti mħallsa żejda ma ġiex stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-mument meta dan it-terminu jibda jiddekorri huwa kwistjoni tad-dritt nazzjonali u jvarja neċessarjament bejn l-Istati Membri ( 43 ). L-applikazzjoni tar-regoli proċedurali nazzjonali hija ċertament u bl-istess mod kwistjoni għall-qrati nazzjonali.

    66.

    Madankollu, sa fejn l-operaturi ekonomiċi ma setgħux jikkwantifikaw l-ammont ta’ kwalunkwe talba għal rimbors ta’ imposti mħallsa żejda qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1360/2013, ir-regoli nazzjonali li jipprevedu li t-terminu ta’ preskrizzjoni rilevanti jiskadi qabel ma dan ir-regolament daħal fis-seħħ jagħmluha impossibbli fil-prattika biex dawn l-operaturi ekonomiċi jitolbu rimbors ta’ imposti fuq iz-zokkor imħallsa bi żball fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala invalida.

    Konklużjoni

    67.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

    Meta l-imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor ikunu tħallsu bi żball, ir-regoli nazzjonali li jirregolaw it-termini ta’ preskrizzjoni li jċaħħdu lill-operaturi ekonomiċi mill-possibbiltà li jitolbu r-rimbors tal-imposti kkalkolati mill-ġdid fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1360/2013 tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006, il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/2002 u 2004/2005 u l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-imposta massima u l-imposta li għandha titħallas għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2005/2006, huma preklużi fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tagħmel dawn it-talbiet prattikament impossibbli.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tat‑2 ta’ Diċembru 2013 li jiffissal-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005 u 2005/2006, il-koeffiċjent meħtieġ għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali għas-snin tas-suq 2001/2002 u 2004/2005 u l-ammont li għandu jitħallas mill-manifatturi taz-zokkor lill-bejjiegħa tal-pitravi fir-rigward tad-differenza bejn l-imposta massima u l-imposta li għandha titħallas għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004 u 2005/2006 (ĠU 2013, L 343, p. 2).

    ( 3 ) Avviżi għall-ħlas tal-imposti fuq iz-zokkor li tirreferi għalihom it-talba għal rimbors inħarġu bejn Ottubru tal‑2002 u Ottubru tal‑2005 (ara ulterjorment il-punt 19 iktar ’il quddiem).

    ( 4 ) Iz-zokkor kien maqsum fi tliet kategoriji. Fi kwalunkwe sena tas-suq partikolari, il-produzzjoni taz-zokkor A u B kienet fi ħdan il-kwoti li, fil-prinċipju kienu jikkorrispondu, rispettivament, għad-domanda fis-suq intern u għall-esportazzjonijiet ta’ eċċess ta’ zokkor bil-benefiċċju ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjonijiet. Iz-zokkor C kien prodott lil hinn minn dawn il-kwoti, ma setax jiġi kkummerċjalizzat b’mod liberu fil-Komunità u kien esportat mingħajr il-benefiċċju ta’ appoġġ finanzjarju.

    ( 5 ) Il-premessi 11 sa 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad‑19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17). Dan ir-regolament ġie mħassar u ssostitwit diversi drabi. Is-swieq taz-zokkor illum huma rregolati mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189 p. 261 u fil-ĠU 2016, L 130, p. 8).

    ( 6 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008Zuckerfabrik Jülich (C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06 EU:C:2008:260, iktar ’il quddiem “Jülich I”).

    ( 7 ) Regolament tas‑7 ta’ Ottubru 2003 li jistabbilixxi l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2002/2003 (ĠU 2003, L 254, p. 4).

    ( 8 ) Regolament tal‑14 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/2004 (ĠU 2004, L 316, p. 4).

    ( 9 ) Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, T‑4/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:546.

    ( 10 ) Regolament tal‑14 ta’ Ottubru 2005, li jistabbilixxi l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2004/2005 (ĠU 2005, L 271, p. 12).

    ( 11 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Zuckerfabrik Jülich et,C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2012:591 (iktar ’il quddiem “Jülich II”).

    ( 12 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tiddeċiedi dwar dan il-punt, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Zuckerfabrik Jülich et (C‑113/10, C‑147/10 u C‑234/10, EU:C:2011:701, punt 82).

    ( 13 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1193/2009 tat‑3 ta’ Novembru 2009 li jirrettifika r-Regolamenti (KE) Nru 1762/2003, (KE) Nru 1775/2004, (KE) Nru 1686/2005, (KE) Nru 164/2007 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006 (ĠU 2009, L 321, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 347, p. 32).

    ( 14 ) Sadattant, ir-Regolament Nru 1260/2001 kien ġie mħassar u ssostitwit. B’hekk dan ma baqax jipprovdi bażi legali għall-Kummissjoni biex tadotta leġiżlazzjoni li tikkorreġi l-imposti.

    ( 15 ) Premessi 12 sa 22.

    ( 16 ) Regolament tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).

    ( 17 ) Il-punti (c) sa (f) huma rilevanti għall-isoglukożju.

    ( 18 ) Regolament tad‑19 ta’ Frar 2018 li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għall-kalkolu tal-imposta addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 u li jiffissa l-imposti tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001 (ĠU 2018, L 51, p. 1).

    ( 19 ) Sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017 (C‑585/15, EU:C:2017:105).

    ( 20 ) Regolament tat‑12 ta’ Ottubru 2000 li jistabbilixxi l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor kif ukoll il-koeffiċjent tal-kalkolu tal-imposti addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1999/2000 (ĠU 2000, L 259, p. 29).

    ( 21 ) Regolament tal‑11 ta’ Ottubru 2001, li jistabbilixxi l-imposti fuq il-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2000/2001 (ĠU 2001, L 271, p. 15).

    ( 22 ) Premessi 1 sa 9.

    ( 23 ) Ser nirreferi għal dawn is-snin tas-suq b’mod kollettiv bħala s-snin tas-suq inkwistjoni.

    ( 24 ) Ara l-punti 3 sa 6 iktar ’il fuq.

    ( 25 ) Ara l-punti 41 iktar ’il quddiem.

    ( 26 ) Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.

    ( 27 ) Id-data ta’ stabbiliment hija ddefinita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, Stati Membri huma suġġetti għal obbligu li: (i) jistabbilixxu r-riżorsi tal-Unjoni (Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1150/2000); (ii) jireġistrawhom fil-kont bankarju tal-Unjoni; u jekk ma jissodisfawx dawn l-obbligi (iii) iħallsu interessi moratorji fuq somom li għadhom dovuti. L-imposti fuq il-produzzjoni jikkostitwixxu parti mir-riżorsi proprji tal-Unjoni. Li “jiġu stabbiliti” ir-riżorsi proprji jfisser li dawn l-ammonti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minflok jinġabru: ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 67).

    ( 28 ) Għal fondi f’“ġestjoni kondiviża”, il-Kummissjoni tafda lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni fuq livell nazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti sussegwentement jallokaw il-fondi lill-benefiċjarji (f’dan il-każ, l-operaturi ekonomiċi fis-settur taz-zokkor).

    ( 29 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.

    ( 30 ) Il-premessi 1 sa 10 tar-Regolament Nru 1360/2013: ara wkoll il-paġna 3 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni ta’ COM(2013) 527, il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill, li tistabbilixxi, “Madankollu, il-Qorti qatgħet sentenza li l-Kummissjoni ripetutament żbaljat fil-kalkoli tal-imposti annwali stabbiliti għall-perjodu inkwistjoni skont [ir-Regolament Nru 1260/2001]. Fl-aħħar nett, hi sabet li l-metodu użat mill-Kummissjoni fir-[Regolament Nru 1193/2009] tagħha li tiffissa l-imposti kienet żbaljata għaliex dan wassal għal stima akbar tal-ispejjeż li jridu jiġu koperti u li konsegwentement, l-iċċarġjar żejjed fuq il-produtturi taz-zokkor. Bħala riżultat tal-invalidità tar-[Regolament Nru 1193/2009], il-Qorti sostniet li l-individwi huma intitolati għar-rimborż tas-somom żejda mħallsa indebitament, fir-rigward tal-imposti tal-produzzjoni invalidi miġbura mill-Istati Membri matul il-perjodu in kwistjoni, kif ukoll għall-ħlas tal-imgħax fuq somom bħal dawn. Is-sentenza ħalliet vojt ġuridiku fir-rigward tas-somma eżatta tal-imposti għas-snin tas-suq 2002/2003, 2003/2004, 2004/2005, 2005/2006. Għaldaqstant, sabiex jikkonformaw mas-sentenza, l-imposti stipulati għal dawn is-snin tas-suq għandhom jiġu sostitwiti b’oħrajn ġodda, ikkalkulati skont il-metodu validat mill-Qorti, b’effett retroattiv.”

    ( 31 ) Premessa 5 tar-Regolament Nru 1360/2013; ara wkoll il-punt 2 iktar ’il fuq.

    ( 32 ) Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.

    ( 33 ) Stqarrija reċenti dwar dawn il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni hija stabbilita fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Mejju 2018, Specializuotas transportas (C‑531/16, EU:C:2018:324, punt 36).

    ( 34 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307). Dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi. Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2) illum jirregola s-settur doganali tal-Unjoni. L-Artikoli 116, 117 u 121 tar-Regolament Nru 952/2013 huma d-dispożizzjonijiet li jirriflettu l-Artikolu 236 tal-Kodiġi Doganali tal-Komunità.

    ( 35 ) Ara l-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq.

    ( 36 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni (41/69, EU:C:1970:71, punti 1920).

    ( 37 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 38 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) Ara l-punti 3 sa 6 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ’il fuq.

    ( 40 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 41 ) Ara l-punti 23 sa 25 iktar ’il fuq.

    ( 42 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, EU:C:2009:178, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 43 ) Ara l-punt 48 iktar ’il fuq.

    Top