Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0319

    Kawża T-319/17: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2017 – Aldridge et vs Il-Kummissjoni

    Information about publishing Official Journal not found, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 249/33


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2017 – Aldridge et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-319/17)

    (2017/C 249/49)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Adam Aldridge (Schaerbeek, il-Belġju) u tnejn u tletin rikorrent ieħor (rappreżentanti: S. Rodrigues u A. Tymen, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

    konsegwentement:

    tannulla d-deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2016, li tiċħad it-talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid tas-16 ta’ Marzu 2016;

    tannulla d-deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2017, li tiċħad l-ilment tal-14 ta’ Ottubru 2016;

    tordna l-kumpens għad-dannu materjali u għad-dannu morali tar-rikorrenti;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra d-deċiżjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem l-“OLAF”), tas-16 ta’ Ottubru 2012, li tiġi implementata biss klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ darba għall-membri tal-persunal temporanju li għandhom kuntratt għal żmien indeterminat.

    Ir-rikorrenti jqisu li l-imsemmija deċiżjoni hija illegali sa fejn din ġiet adottata bi ksur tal-Artikoli 10(3) u 15 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-Impjieg”), bi ksur tal-ġerarkija tar-regoli kif ukoll bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. B’hekk, id-deċiżjoni tad-Direttur tal-OLAF, tal-15 ta’ Lulju 2016, li tiċħad it-talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid tas-16 ta’ Marzu 2016 kif ukoll dik tat-13 ta’ Frar 2017, li tiċħad l-ilment tal-14 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) ġew adottati abbażi ta’ deċiżjoni li hija illegali u għaldaqstant għandhom jiġu annullati.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, prinċipalment sa fejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea l-ġodda tal-2014 u tad-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-prospetti ta’ żvilupp fil-karriera lil hinn mill-gradi AD12 u AST9 ma huwiex raġuni valida sabiex dawn il-membri tal-persunal temporanju jiġu esklużi mill-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lill-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, li tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-membri tal-persunal temporanju f’eżerċizzji ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid. B’hekk, il-membri tal-persunal temporanju li għandhom kuntratti għal żmien indeterminat taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (“JRC”) tal-Kummissjoni jibbenefikaw minn sistema ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid annwali, u dan ir-rikorrenti jsostnu li jikkostitwixxi differenza fit-trattament li ma hijiex ġustifikata.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari sa fejn il-limitazzjoni għal klassifkazzjoni mill-ġdid waħda għal kull karriera ma tikkostitwixxix miżura li tindirizza l-għan deskritt fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2016 li jiġu żgurati l-bżonnijiet tal-OLAF f’perizja speċifika, iżda għall-kuntrarju hija pjuttost ta’ natura li ma tippermettix lill-OLAF iżomm fis-servizz tiegħu membri tal-persunal temporanju għal perijodi twal.


    Top