EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0119

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ April 2018.
Ruben Alba Aguilera et vs Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Servizz pubbliku – Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Persunal tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Evalwazzjoni annwali tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien – Deċiżjoni li tnaqqas l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Etjopja minn 30 għal 25 % – Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà – Danni morali.
Kawża T-119/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:183

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

13 ta’ April 2018 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Persunal tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Evalwazzjoni annwali tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien – Deċiżjoni li tnaqqas l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Etjopja minn 30 għal 25 % – Nuqqas ta’ adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Responsabbiltà – Danni morali”

Fil-Kawża T-119/17,

Ruben Alba Aguilera, uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), residenti f’Addis-Abeba (l-Etjopja), u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tas-SEAE li isimhom huwa inkluż fl-Anness ( 1 ), irrappreżentati minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrenti,

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u R. Spac, bħala aġenti, assistiti minn M. Troncoso Ferrer, F.-M. Hislaire u S. Moya Izquierdo, avukati,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tas-SEAE tad-19 ta’ April 2016 li tnaqqas, mill-1 ta’ Jannar 2016, l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien imħallsa lill-persunal tal-Unjoni Ewropea assenjat fl-Etjopja u, min-naħa l-oħra, għar-riżarċiment tad-danni morali allegatament subiti mir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 1b tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi, b’mod partikolari, li, “[g]ħajr jekk ipprovdut mod ieħor f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna [għandu] għall-iskopijiet ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal [jitqies], bħala istituzzjoni […] tal-Unjoni”.

2

L-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jkun stabbilit li jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet u numru ndaqs ta’ rappreżentanti tal-Kumitati tal-Persunal tagħhom. Il-proċedura biex jinħatru membri tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun deċiża bil-qbil komuni ta’ l-istituzzjonijiet.”

3

L-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi dan li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jimplimentaw dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu adottati mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal.”

4

L-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jiddetermina, skont l-Artikolu 1 tiegħu, id-dispożizzjonijiet partikolari derogatorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni assenjati f’pajjiż terz.

5

L-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa redatt kif ġej:

“[L-]Anness [X] iniżżel id-disposizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jservi f’pajjiż terz.

[…]

Disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skond l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal”.

6

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi dan li ġej:

“B’mod ta’ eċċezzjoni, l-awtorità tal-ħatra tista’, b’deċiżjoni speċjali rraġunata, tagħti lill-uffiċjal leave tal-mistrieħ minħabba l-kondizzjonijiet partikolarment diffiċli ta’ l-għajxien fuq il-post ta’ l-impieg tiegħu. Għal kull tali post, l-awtorità tal-ħatra tista’ tistabbilixxi l-pajjiż(i) fejn il-leave tal-mistrieħ jistgħu jittieħdu.”

7

L-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika:

“1.   Għandha tiġi ffissata allowance għall-kondizzjonijiet tal-għajxien, skont il-post tax-xogħol tal-uffiċjal, bħala perċentwal ta’ ammont ta’ referenza. Dak l-ammont ta’ referenza għandu jkun magħmul mis-salarju bażiku totali, bl-addizzjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni, l-allowance tal-familja u l-allowance tat-tfal dipendenti, mingħajr it-tnaqqis obbligatorju msemmi fir-Regolamenti tal-Persunal jew fir-regolamenti adottati biex jimplimentawhom.

[…]

L-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li tagħti primjum supplimentari flimkien mal-allowance għall-kondizzjonijiet tal-għajxien f’każijiet fejn uffiċjali jkollhom iktar minn inkarigu wieħed f’post ta’ impjieg meqjus bħala diffiċli jew diffiċli ħafna. Dak il-primjum supplimentari m’għandux jaqbeż 5 % tal-ammont ta’ referenza […]”

8

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014, id-Direttur Ġenerali Amministrattiv tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) adotta l-linji gwida li jistabbilixxu l-metodoloġija għall-istabbiliment tal-allowances tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-għoti ta’ leave tal-mistrieħ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014”). Din id-deċiżjoni, adottata abbażi tad-Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-allowance addizzjonali previsti fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013), daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Ir-rikorrenti, Ruben Alba Aguilera u l-persuni l-oħra li isimhom huwa inkluż fl-Anness, huma uffiċjali jew membri oħra tal-persunal assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-Etjopja.

10

Fid-19 ta’ April 2016, abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, id-Direttur Ġenerali tal-Baġit u l-Amministrazzjoni tas-SEAE adotta deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien (iktar ’il quddiem l-“AKGĦ”) imħallsa lill-membri tal-persunal assenjati fil-pajjiżi terzi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, ir-rata tal-AKGĦ applikabbli għall-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja tnaqqset, minn 30 għal 25 % tal-ammont ta’ riferiment. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni adottata fl-istess jum mid-Direttur Ġenerali tal-Baġit u l-Amministrazzjoni tas-SEAE dwar l-għoti ta’ leave tal-mistrieħ lill-uffiċjali, lill-membri tal-persunal temporanju u lil dawk bil-kuntratt assenjati fil-pajjiżi terzi jirriżulta li l-leave tal-mistrieħ għandu jingħata biss jekk il-post ta’ assenjazzjoni jitqies bħala diffiċli jew diffiċli ħafna. Peress li tnaqqset ir-rata tal-AKGĦ applikabbli għall-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja, ir-rikorrenti tilfu wkoll il-benefiċċju tal-leave tal-mistrieħ.

11

Bejn it-13 u t-18 ta’ Lulju 2016, kull wieħed mir-rikorrenti, ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra jew l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2016, l-Awtorità tal-Ħatra u l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ċaħdu dawn l-ilmenti.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

14

Fil-15 ta’ Mejju 2017, is-SEAE ippreżentat risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

15

Permezz ta’ ittra ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-4 ta’ Settembru 2017, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti informaw lill-Qorti li Tanja Haller kienet irtirat ir-rikors tagħha.

16

Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Settembru 2017 tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali, l-isem ta’ Tanja Haller tneħħa mil-lista tar-rikorrenti.

17

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tnaqqas mill-1 ta’ Jannar 2016, l-AKGĦ imħallsa lill-persunal assenjat fl-Etjopja, minn 30 għal 25 % tal-ammont ta’ riferiment;

tordna lis-SEAE iħallashom kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, f’ammont li għandu jiġi ddeterminat ex æquo et bono mill-Qorti Ġenerali, rappreżentanti d-danni morali subiti;

tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż.

18

Is-SEAE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-Dritt

Fuq it-talbiet għal annullament

19

Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li hija waħda illegali.

20

Ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi insostenn tad-dikjarazzjoni tagħhom li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠI”), it-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u t-tielet wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

21

Insostenn tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li s-SEAE kien obbligat, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jadotta DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

22

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI, qabel l-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta mis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), u li s-SEAE ma pproċediex bl-adozzjoni ta’ tali DĠI, u ma ħa l-ebda pass f’din id-direzzjoni.

23

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li s-SEAE stabbilixxa kriterji, adatti sabiex jservu ta’ gwida għall-evalwazzjoni tiegħu waqt ir-reviżjoni tal-AKGĦ applikabbli għall-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi, f’direttivi interni, bħad-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 u d-Deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014, ma huwiex rilevanti sa fejn dawn il-kriterji ma humiex sanċiti f’DĠI.

24

Fl-aħħar, ir-rikorrenti jsostnu li s-SEAE ma jistax jipprevalixxi ruħu mill-fatt li s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), ingħatat biss fis-17 ta’ Marzu 2016, jiġifieri ftit iktar minn xahar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress, minn naħa, li l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kien diġà ġie sanċit fis-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2014, Osorio et vs SEAE (F-101/13, EU:F:2014:223), u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa inkluż fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmi anness.

25

Is-SEAE ma jpoġġix f’dubju l-fatt li mis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), jirriżulta li huwa kien obbligat jadotta DĠI relattivi għall-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-obbligu naxxenti mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmi anness ikopri wkoll id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-AKGĦ.

26

Madankollu, is-SEAE jsostni li ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-għoti tas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), huma sostanzjalment differenti minn dawk fil-każ ineżami. F’dan ir-rigward, is-SEAE jsostni li, fil-każ tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), l-unika bażi legali li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li wasslet għat-tħassir tal-AKGĦ għall-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-Mauritius, kien l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Għall-kuntrarju, fil-kawża odjerna, kien ġew adottati żewġ miżuri-qafas, jiġifieri d-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 u d-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014, u dan qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, liema deċiżjonijiet kellhom l-għan li jippermettulu li jipproċedi bil-proċedura ta’ evalwazzjoni annwali tal-AKGĦ, kif rikjest mill-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

27

Għaldaqstant, is-SEAE jqis li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 u d-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014 jikkostitwixxu DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati skont ir-rekwiżiti tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, jew tal-inqas jistgħu jiġu assimilati magħhom, u dan b’mod konformi mal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156).

28

Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-DĠI fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu d-DĠI previsti espressament minn ċerti dispożizzjonijiet speċjali tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-assenza ta’ stipulazzjoni espressa, l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI suġġetti għall-kundizzjonijiet formali tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi ammess biss eċċezzjonalment, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tant ma jkunux ċari u preċiżi li jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, Echauz Brigaldi et vs Il-Kummissjoni,T-156/95, EU:T:1997:102, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Konsegwentement, l-adozzjoni ta’ DĠI hija obbligatorja f’żewġ każijiet, meta din tkun prevista espressament mil-leġiżlatur jew meta din tkun imposta min-natura stess tad-dispożizzjoni li jkollha tiġi applikata.

30

F’dan il-każ, għalkemm l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, ma jinkludu l-ebda stipulazzjoni espressa li tipprevedi l-adozzjoni ta’ DĠI, għall-kuntrarju, tali obbligu huwa previst espressament fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li jaqa’ taħt l-ewwel kapitolu ta’ dan l-anness, li huwa ddedikat għal “Dispożizzjonijiet Ġenerali” tad-dispożizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall-uffiċjali li jservu f’pajjiż terz.

31

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom portata ġenerali u d-DĠI, li l-adozzjoni tagħhom hija prevista minn dawn ir-regoli, jikkonċernaw l-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien. Konsegwentement, korp tal-Unjoni li jimplementa dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-obbligu li jadotta DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmi anness.

32

L-obbligu naxxenti mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li jiġu adottati DĠI qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-AKGĦ applikabbli għall-membri tal-persunal assenjati fil-pajjiżi terzi huwa spjegat mill-fatt li l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonferixxi lill-Awtorità tal-Ħatra marġni diskrezzjonali partikolarment wiesa’ fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien eżistenti fil-pajjiżi terzi. B’hekk, billi ppreveda tali obbligu, il-leġiżlatur, minn naħa xtaq li l-kriterji li skonthom għandha ssir id-determinazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ DĠI deskritta fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, liema proċedura tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra tirrikonoxxi l-parametri rilevanti billi tikkonsulta l-kumitat tal-persunal tagħha u billi tikseb l-opinjoni tal-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur xtaq li dawn il-kriterji jiġu stabbiliti b’mod astratt u indipendenti minn kull proċedura li għandha l-għan li tirrevedi, f’każ speċifiku, l-ammont tal-AKGĦ applikabbli għall-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-għażla tal-kriterji tkun influwenzata minn riżultat eventwalment mixtieq mill-awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE, T-792/14 P, EU:T:2016:156, punt 32).

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jitqies bħala li jistabbilixxi sempliċi kundizzjoni formali li għandha tikkonforma magħha deċiżjoni li tirrevedi l-ammont tal-AKGĦ applikabbli għall-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi, bħad-deċiżjoni kkontestata. Huwa jipprevedi pjuttost li l-adozzjoni minn qabel ta’ DĠI skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tikkostitwixxi kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta b’mod imperattiv sabiex tali deċiżjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, tkun tista’ tiġi adottata legalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE, T-792/14 P, EU:T:2016:156, punt 33).

34

Issa, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li s-SEAE, li jaġixxi fir-rigward tal-persunal tiegħu bħala istituzzjoni fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, ma adottax DĠI għall-implementazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

35

Qabel xejn, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 u d-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014 ma jistgħux jitqiesu bħala DĠI fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, għall-adozzjoni ta’ sempliċi direttivi interni, bħal dawn id-deċiżjonijiet, l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati josservaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, li jiksbu l-opinjoni tal-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal u li jikkonsultaw il-kumitat tal-persunal tal-istituzzjoni kkonċernata mit-test. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li DĠI ma jistgħux jiġu adottati minn istituzzjoni mingħajr il-kundizzjoni doppja li tikkonsulta il-kumitat tal-persunal tagħha u li tikseb l-opinjoni tal-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.

36

Sussegwentement, waqt is-seduta, is-SEAE qajjem l-argument li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 u d-Deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014 ma kinux jirrikjedu l-opinjoni tal-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex ikunu jikkostitwixxu DĠI, peress li dawn id-deċiżjonijiet kienu intiżi li japplikaw biss għall-persunal assenjat f’delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi. Issa, skont is-SEAE, sa fejn il-persunal assenjat fil-pajjiżi terzi huwa kkostitwit minn uffiċjali jew membri oħra tal-persunal tas-SEAE jew tal-Kummissjoni, hija neċessarja biss il-konsultazzjoni tal-kumitat tal-persunal tas-SEAE u tal-kumitat tal-persunal tal-Kummissjoni.

37

F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’ peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda espressament, fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, għal dispożizzjoni imperattiva li tiddistingwi b’mod ċar bejn l-obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra jew tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li tikkonsulta mal-kumitat tal-persunal tal-istituzzjoni kkonċernata u l-obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra jew tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li tikseb l-opinjoni ta’ korp konġunt li jiġbor fih ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet u tal-persunal tal-istituzzjonijiet kollha, jiġifieri il-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonferixxi lill-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal il-kompetenza li jipprovdi opinjoni fuq id-DĠI kollha, fatt li jimplika neċessarjament li l-imsemmija opinjoni hija ta’ natura li tinfluwenza d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra jew tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ. Jekk jiġi preżunt li d-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 u d-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014 kienu neċessarjament ikunu l-istess li kieku ġew adottati wara l-opinjoni tal-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, allura dan ikun jiżvesti mis-sustanza tiegħu l-obbligu li tinkiseb l-opinjoni tal-imsemmi kumitat, liema kumitat għandu jkun jista’ jesprimi ruħu dwar il-kriterji li jiggwidaw lill-awtorità l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesa’ tiegħu waqt ir-reviżjoni tal-ammont tal-AKGĦ. Għaldaqstant, l-opinjoni tal-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mid-diversi istituzzjonijiet, ikunu koerenti u josservaw il-prinċipju ta’ uniċità tar-Regolamenti tal-Persunal.

38

Finalment, għandu jiġi kkonstatat li l-opinjoni ta’ korp estern u interistituzzjonali, bħall-kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-kriterji li skonthom jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-għajxien prevalenti fil-pajjiżi terzi jiġu stabbiliti b’mod astratt u indipendenti minn kull proċedura intiża sabiex tirrevedi l-ammont tal-AKGĦ, bil-ħsieb li jiġi evitat ir-riskju li l-għażla tal-kriterji tkun influwenzata minn riżultat eventwalment mixtieq mill-awtorità. Dan japplika iktar u iktar meta uħud mill-kriterji inklużi fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014, bħall-“għanijiet ta’ politika ġenerali”, il-“problemi ta’ reklutaġġ” jew l-“istima tal-impatt baġitarju”, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-aħħar fażi sabiex tiġi ddeterminata l-AKGĦ, huma kriterji li jaffettwaw l-istituzzjonijiet kollha u mhux biss lis-SEAE.

39

Għaldaqstant, fid-dawl tal-obbligu tas-SEAE li jadotta DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra jew tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ stabbilixxiet, fid-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 u d-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014, kriterji adatti sabiex jiggwidawha fl-evalwazzjoni tar-reviżjoni tal-AKGĦ applikabbli għall-membri tal-persunal assenjati fil-pajjiżi terzi, huwa irrilevanti sa fejn l-imsemmija deċiżjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala DĠI, fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li ma ġewx adottati skont il-proċedura prevista f’dan l-artikolu.

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tas-SEAE li s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), ingħatat biss xahar wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI huwa stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, fil-punt 33 tas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), il-Qorti Ġenerali ipprovdiet interpretazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li tiċċara u tispeċifika, fejn neċessarju, is-sinjifikat u l-portata tagħhom, billi tindika b’mod partikolari kif dawn għandhom jew kellhom jiftiehmu u jiġu applikati sa mill-mument li fiha dawn daħlu fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T-80/09 P, EU:T:2011:347, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Barra minn hekk, is-SEAE ma jagħmel riferiment għal ebda ċirkustanza partikolari ta’ natura li tostakola li jiġu misluta l-konsegwenzi kollha tas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jekk xieraq, anki billi tiġi ddifferita l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jista’ jiġġustifika d-dewmien tas-SEAE sabiex iwettaq l-obbligu tiegħu li jadotta DĠI tal-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal.

43

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li s-SEAE naqas mill-obbligu tiegħu li jadotta DĠI tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

44

Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti, jeħtieġ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tnaqqas, mill-1 ta’ Jannar 2016, l-AKGĦ imħallsa lill-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja.

Fuq it-talbiet għad-danni

45

Ir-rikorrenti jsostnu li huma ġarrbu dannu morali naxxenti mill-ineżekuzzjoni mis-SEAE, tas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156), dwar l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI. F’dan ir-rigward, huma jitolbu li s-SEAE għandu jiġi kkundannat iħallashom ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa, evalwat ex æquo et bono mill-Qorti Ġenerali, rappreżentanti d-dannu morali subit minnhom.

46

Is-SEAE jitlob iċ-ċaħda tat-talbiet għad-danni.

47

F’dan ir-rigward, minn naħa, fir-rigward tal-effetti erga omnes ta’ sentenza ta’ annullament, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ineżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament tikkostitwixxi ksur tal-aspettattiva li kull persuna suġġetta għal-liġi għandu jkollha fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-osservanza tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tagħha, u twassal, waħedha, indipendentement minn kull dannu materjali li jista’ jirriżulta minnha, għal dannu morali għall-parti li tkun kisbet sentenza favorevoli (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2000, Hautem vs BEI, T-11/00, EU:T:2000:295, punt 51, u tal-15 ta’ Ottubru 2008, Camar vs Il-Kummissjoni, T-457/04 u T-223/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:439, punt 60).

48

Madankollu, bl-istess mod, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-awtorità assoluta li tgawdi sentenza ta’ annullament ta’ qorti tal-Unjoni hija marbuta kemm mal-parti dispożittiv tas-sentenza kif ukoll mal-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn meħtieġ, hija ma tistax twassal għall-annullament ta’ att li ma jkunx inġieb għad-deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni li jkun milqut bl-istess illegalità. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-motivi li jimmanifestaw ir-raġunijiet tal-illegalità kkonstatata mill-qorti tal-Unjoni għandu l-għan sempliċiment li jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. L-awtorità ta’ motiv ta’ sentenza ta’ annullament ma tistax tapplika fil-konfront ta’ persuni li ma kinux partijiet fil-kawża u li fir-rigward tagħhom is-sentenza ma setgħet tiddeċiedi xejn. F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li l-Artikolu 266(1) TFUE jobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata tevita li kull att iddestinat li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament, għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni ma timplikax li hija għandha, fuq talba tal-persuni kkonċernati, teżamina mill-ġdid deċiżjonijiet identiċi jew simili allegatament affettwati mill-istess irregolarità, indirizzati lil destinatarji differenti mir-rikorrent (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, EU:C:1999:407, punti 54 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kinux partijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE (T-792/14 P, EU:T:2016:156). Konsegwentement, huma ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 iktar ’il fuq sabiex jinvokaw l-eżistenza ta’ dannu morali marbut mal-assenza ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

50

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dannu morali tal-partijiet inkonnessjoni mal-illegalità tal-att annullat, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament stabbilit mill-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi, fih innifsu, rimedju adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti, għal kull dannu morali li setgħet ġarrbet il-parti rikorrenti (ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, Wahlström vs Frontex, T-653/13 P, EU:T:2015:652, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħud t-talba għad-danni tar-rikorrenti.

Fuq l-ispejjeż

52

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SEAE tilef fil-punti prinċipali t-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, b’mod konformi mat-talbiet tar-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-19 ta’ April 2016 li tnaqqas, mill-1 ta’ Jannar 2016, l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien imħallsa lill-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja, minn 30 għal 25 %, tal-ammont ta’ riferiment, hija annullata.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Is-SEAE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ April 2018.

Reġistratur

E. Coulon

Il-President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Il-lista tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tas-SEAE hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.

Top