Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0079

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-12 ta’ Settembru 2018.
    Alain Schoonjans vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Kompetizzjoni interna – Tfassil ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti – Kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-grupp ta’ funzjonijiet li fih il-kandidat huwa kklassifikat fil-jum tal-għeluq tat-terminu għall-preżentata ta’ kandidaturi – Nuqqas ta’ ammissjoni għal parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ kompetizzjoni.
    Kawża T-79/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:531

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

    12 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

    “Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Kompetizzjoni interna – Tfassil ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti – Kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-grupp ta’ funzjonijiet li fih il-kandidat huwa kklassifikat fil-jum tal-għeluq tat-terminu għall-preżentata ta’ kandidaturi – Nuqqas ta’ ammissjoni għal parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ kompetizzjoni”

    Fil-Kawża T‑79/17,

    Alain Schoonjans, membru tal-persunal bil-kuntratt tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti fi Brussell (il‑Belġju), irrappreżentat minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

    rikorrent,

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Berscheid u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) dwar iċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent, u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu li huwa allegatament issubixxa,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrent, Alain Schoonjans, ħadem fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III bejn l-1 ta’ Diċembru 2010 u t-30 ta’ Novembru 2013, bħala interim bejn l-1 u l-31 ta’ Diċembru 2013, mill-ġdid bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-15 ta’ Settembru 2015 u, fl-aħħar nett, bħala membru tal-persunal bil-kuntatt tal-grupp ta’ funzjonijiet IV mis-16 ta’ Settembru 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2016.

    2

    Fid-9 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ kompetizzjonijiet interni bbażati fuq eżamijiet, għat-tfassil ta’ lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ segretarji/skrivani ta’ grad 2 (AST/SC 2), ta’ assistenti ta’ grad 2 (AST 2) u ta’ amministraturi ta’ grad 6 (AD 6) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”). Dawn it-tliet kompetizzjonijiet kellhom rispettivament ir-referenzi li ġejjin: COM/01/AST-SC/16 (AST/SC 2) – Segretarji/skrivani, COM/02/AST/16 (AST 2) – Assistenti, u COM/03/AD/16 (AD 6) – Amministraturi.

    3

    Taħt it-Titolu III, intitolat “Eliġibbiltà”, l-Artikolu 2.1(c) tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi dan li ġej fir-rigward tal-istatus amministrattiv tal-kandidati:

    “[Inti] tkun għaddejt mill-inqas is-sitt xhur qabel id-data ta’ għeluq tar-reġistrazzjonijiet elettroniċi fil-grupp ta’ funzjonijiet li huwa meħtieġ fit-Titolu III.2.2 għall-kompetizzjoni li rreġistrajt għaliha, jew tkun għaddejt il-perijodu kollu jew parti mis-sitt xhur imsemmija iktar ’il fuq fil-grupp ta’ funzjonijiet ogħla.

    Il-perijodi li ġejjin jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-sitt xhur meħtieġa: perijodi f’pożizzjoni amministrattiva ‘ta’ attività’, ‘leave tas-servizz militari’, ‘leave parentali jew tal-familja’, ‘kollokament fl-interess tas-servizz’, jew ‘kollokament fuq talba’ (matul l-ewwel sitt xhur tal-kollokament fuq talba), fis-sens tal-Artikoli 37 et seq tar-Regolamenti tal-Persunal [tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    Taħt l-istess titolu, l-Artikolu 2.2 tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi dan li ġej fir-rigward tal-grupp ta’ funzjonijiet u tal-grad tal-kandidati:

    “Fid-data ta’ għeluq stabbilita għar-reġistrazzjoni elettronika, inti trid tappartjeni għall-grupp ta’ funzjonijiet li ġej:

    “Għal COM/01/AST-SC/16 (AST/SC 2), inti trid tkun uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju AST/SC jew membru tal-persunal bil-kuntratt GFII.

    Għal COM/02/AST/16 (AST 2), inti trid tkun uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju AST jew membru tal-persunal bil-kuntratt GFIII.

    Għal COM/03/AD/16 (AD 6), inti trid tkun uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju AD jew membru tal-persunal bil-kuntratt GFIV.”

    5

    F’data mhux stabbilita, ir-rikorrent ippreżenta l-kandidatura tiegħu għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2).

    6

    Fil-11 ta’ April 2016, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jiċħad il-kandidatura tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), peress li ma ssodisfax il-kundizzjoni stabbilita mill-avviż ta’ kompetizzjoni li kienet teżiġi li jiġi kklassifikat fil-grupp ta’ funzjonijiet III fil-jum tal-għeluq tar-reġistrazzjonijiet għall-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni kontenzjuża”).

    7

    Fil-11 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

    8

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2016 innotifikata fl-istess jum lir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tiegħu.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    9

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

    10

    B’ittra tal-14 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent talab li l-ewwel kawża tingħaqad, minħabba konnessjoni, mal-Kawżi T‑55/17, Healy vs Il‑Kummissjoni, u T‑73/17, RS vs Il‑Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    11

    B’ittra tal-15 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq eventwali għaqda ta’ din il-kawża u tal-Kawżi T‑55/17, Healy vs Il‑Kummissjoni, u T‑73/17, RS vs Il‑Kummissjoni.

    12

    Fil-5 ta’ April 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

    13

    B’ittra tat-18 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent indika li rrinunzja li jippreżenta replika.

    14

    B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent talab li sseħħ seduta.

    15

    B’deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jgħaqqadx din il-kawża u l-Kawżi T‑55/17, Healy vs Il‑Kummissjoni, u T‑73/17, RS vs Il‑Kummissjoni.

    16

    Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2018.

    17

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 5000 għad-dannu morali allegatament subit;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    18

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    Fuq it-talbiet għal annullament

    L-argumenti tal-partijiet

    19

    Insostenn tat-talbiet tiegħu mressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-kundizzjoni kontenzjuża sa fejn din tikser l-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

    20

    Minn naħa, ir-rikorrent jikkunsidra li l-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg hija univokali u ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-Kummissjoni, billi tipprovdi li l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet IV jistgħu jieħdu parti fil-kompetizzjonijiet b’mod partikolari għall-gradi AST 1 sa AST 4.

    21

    Issa, f’dan il-każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi li kienu biss il-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni għall-grad AST 2. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u, konsegwentement, billi dan l-avviż kellu jitqies bħala illegali, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

    22

    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent iqis li, anki jekk jiġi preżuppost li l-kundizzjoni kontenzjuża hija kompatibbli mal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, hija tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn tirrestrinġi l-kamp ta’ reklutaġġ b’mod inġustifikat u, f’kull ipoteżi, b’mod sproporzjonat.

    23

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    24

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal:

    “Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula milll-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

    25

    Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “Filwaqt li jinżamm il-prinċipju li l-maġġoranza l-kbira tal-uffiċjali għandhom jiġu rreklutati abbażi ta’ kompetizzjonijiet miftuħa, l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li, b’deroga mill-punt (d) u f’każijiet eċċezzjonali biss, torganizza kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni li tkun miftuħa wkoll għall-persunal kuntrattwali kif definit fl-Artikolu 3a u 3b tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg]. Dik il-kategorija tal-aħħar ta’ persunal għandha tkun suġġetta għal restrizzjonijiet fir-rigward ta’ dik il-possibbiltà kif stabbilit fl-Artikolu 82(7), tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg] u fir-riwgard ta’ xogħlijiet speċifiċi li kien intitolat li jagħmel bħala persunal kuntrattwali.”

    26

    Fl-ewwel lok, għandhom jitfakkru l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni.

    27

    L-ewwel nett, ir-rwol essenzjali tal-avviż ta’ kompetizzjoni jikkonsisti li l-persuni kkonċernati jiġu informati b’mod daqstant eżatt daqs kemm huwa possibbli dwar in-natura tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jokkupaw il-pożizzjoni inkwistjoni, sabiex jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jevalwaw jekk hemmx lok għalihom li jippreżentaw att ta’ kandidatura (ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    It-tieni nett, l-istituzzjoni tipprovdi, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiġu ddeterminati l-kriterji ta’ kapaċità meħtieġa mill-impjiegi li għandhom jimtlew u sabiex jiġi stabbilit, skont dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punti 7677 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni, T‑293/03, EU:T:2006:37, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Madankollu, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-istituzzjonijiet fil-qasam ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni, għandu jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa b’mod imperattiv li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-għan ta’ kull reklutaġġ u li l-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-kuntest tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti ta’ impjieg. Konsegwentement, din is-setgħa għandha dejjem tiġi eżerċitata skont rekwiżiti marbuta mal-impjiegi li għandhom jimtlew u, iktar ġeneralment, tal-interess tas-servizz (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Fir-rigward b’mod speċifiku tal-kundizzjonijiet li jillimitaw ir-reġistrazzjoni ta’ kandidati għal kompetizzjoni, għalkemm dawn ċertament jistgħu jirrestrinġu l-possibbiltajiet għall-istituzzjoni li tirrekluta l-aħjar kandidati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, għaldaqstant dan ma jfissirx li kull kundizzjoni li għandha tali limitazzjoni tmur kontra l-artikolu hawn fuq imsemmi. Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, u b’mod iktar ġenerali, l-interess tas-servizz jippermettu lill-istituzzjoni li tagħmel il-kundizzjonijiet li hija tqis xierqa u li, filwaqt li jillimitaw l-aċċess tal-kandidati għal kompetizzjoni, u għalhekk neċessarjament in-numru ta’ kandidati rreġistrati, ma jinvolvux madankollu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jippreżentaw l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F‑99/08, EU:F:2009:153, punt 30).

    31

    F’dan ir-rigward u kif issostni l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza diġà kkunsidrat li ma kien jeżisti ebda obbligu li jiġu ammessi għal kompetizzjoni interna tal-istituzzjoni l-persuni kollha li kienu jinsabu fis-servizz tagħha. Fil-fatt, tali obbligu jippreġudika s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lil din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punti 70 sa 76, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Brown vs Il‑Kummissjoni, F‑37/05, EU:F:2009:121, punt 68). Ebda dritt assolut għal parteċipazzjoni f’kompetizzjoni interna għal istituzzjoni ma jista’, għalhekk, jiġi rrikonoxxut lill-membri tal-persunal u lill-uffiċjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punt 39, u tat-8 ta’ Novembru 2006, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, T‑357/04, EU:T:2006:339, punt 42).

    32

    Għalhekk huma biss meqjusa bħala li jiksru l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal il-kundizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess ta’ kandidati għal kompetizzjoni li jinkludu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jippreżentaw l-ogħla livell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Berge vs Il‑Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, EU:T:1997:28, punt 40, u tas-17 ta’ Novembru 2009, Di Prospero vs Il‑Kummissjoni, F 99/08, EU:F:2009:153, punt 32).

    33

    It-tielet nett, hemm lok li jitfakkar li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar l-osservanza tal-kundizzjoni relatata mal-interess tas-servizz għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-istituzzjoni żammitx ma’ limiti raġonevoli, li ma jistgħux jiġu kkontestati, u li ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 106).

    34

    Fit-tieni lok, għandha tiġi stabbilita l-portata tal-ewwel u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

    35

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tipprevedi li l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-gruppi ta’ funzjonijiet II sa IV jistgħu jiġu awtorizzati jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet interni biss wara li jkunu wettqu tliet snin ta’ servizz fi ħdan l-istituzzjoni. It-tieni sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg madankollu tippreċiża li l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III jistgħu jipparteċipaw biss fil-kompetizzjonijiet għall-gradi AST 1 u AST 2 u li l-membri tal-persunal bil-kuntratt l-oħra tal-grupp ta’ funzjonijiet IV jistgħu jipparteċipaw biss għall-kompetizzjonijiet fil-gradi AST 1 sa AST 4 jew AD 5 u AD 6.

    36

    Fir-rigward tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, permezz ta’ sentenza ta’ dan il-jum, Healy vs Il‑Kummissjoni (T‑55/17), li l-istituzzjoni li tiddeċiedi li torganizza, eċċezzjonalment, kompetizzjoni interna miftuħa għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fil-gruppi ta’ funzjonijiet II sa IV hija obbligata li tosserva l-limitu minimu ta’ tliet snin ta’ anzjanità tas-servizz impost minn din id-dispożizzjoni. Madankollu huwa possibbli għal din l-istituzzjoni, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha u fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet imperattivi previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiġi stabbilit, għal ċerti impjiegi u għal ċerti gruppi ta’ funzjonijiet, kundizzjonijiet iktar iebsin billi b’mod partikolari ikun meħtieġ li jkun hemm anzjanità tas-servizz ogħla mill-minimu previst mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Jaenicke Cendoya vs Il‑Kummissjoni, 108/88, EU:C:1989:325, punt 24).

    37

    F’dak li jikkonċerna t-tieni sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet IV, bħar-rikorrent, fil-prinċipju huma awtorizzati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet għall-gradi AST 1 sa AST 4 jew AD 5 u AD 6.

    38

    Din il-konklużjoni tapplika fir-rigward tad-diverġenza tal-espressjonijiet użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, rispettivament, fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fl-ewwel sentenza, dan il-leġiżlatur jippreċiża li l-membri tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernati “jista’ jiġi awtorizzat” – “podrá autorizarse” fil-lingwa Spanjola, “kann […] erteilt werden” fil-lingwa Ġermaniża, “may be authorised” bil-lingwa Ingliża, “possono essere autorizzati” bil-lingwa Taljana, “może być upoważniony” bil-lingwa Pollakka u “podem ser autorizados” bil-lingwa Portugiża – li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet interni jekk huma jipproduċu prova ta’ anzjanità tas-servizz ta’ mhux inqas minn tliet snin. Min-naħa l-oħra, fit-tieni sentenza, huwa ma jevoka ebda awtorizzazzjoni. Bil-kontra, huwa jawtorizza lill-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet IV li jipparteċipaw għall-kompetizzjonijiet għall-gradi AST 1 sa AST 4 jew AD 5 u AD 6, mingħajr ma għaldaqstant jestendi dan id-dritt għall-kompetizzjonijiet għall-gradi l-oħrajn. F’dan ir-rigward, għalkemm il-verżjoni Franċiża tirreferi għal formulazzjoni negattiva – “ne peuvent prendre part qu’aux concours” –, l-istess idea hija espressa b’mod pożittiv f’verżjonijiet lingwistiċi oħrajn: “solo tendrán acceso” bil-lingwa Spanjola, “haben Zugang […] nur für” bil-lingwa Ġermaniża, “may have access only” bil-lingwa Ingliża, “possono partecipare unicamente” bil-lingwa Taljana, “może mieć dostęp jedynie” bil-lingwa Pollakka u “apenas podem ter acesso” bil-lingwa Portugiża.

    39

    Mill-qari flimkien tal-ewwel żewġ sentenzi tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jirriżulta li istituzzjoni tista’ torganizza, eċċezzjonalment, kompetizzjoni interna miftuħa għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li jkollhom anzjanità tas-servizz ta’ mhux inqas minn tliet snin. Iżda għalkemm din l-istituzzjoni tiddeċiedi li tiftaħ kompetizzjoni interna għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li jissodisfaw din il-kundizzjoni ta’ anzjanità tas-servizz, hija obbligata li tosserva l-awtorizzazzjoni mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni lil dawn il-membri tal-persunal u, konsegwentement, li tippermetti lil dawk minn fost dawn il-membri tal-persunal fil-grupp ta’ funzjonijiet IV li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet għall-gradi AST 1 sa AST 4 jew AD 5 u AD 6 li hija tkun għażlet li torganizza.

    40

    Fl-osservanza tal-limiti magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, l-istituzzjoni kkonċernata madankollu tista’, hekk kif issostni l-Kummissjoni u konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 iktar ’il fuq, tirrestrinġi l-aċċess tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet IV għall-kompetizzjonijiet għall-gradi AST 1 sa AST 4 jew AD 5 u AD 6 billi tistabbilixxi kriterji ta’ kapaċità supplimentari li jkunu meħtieġa mill-impjiegi li għandhom jimtlew jew fl-interess tas-servizz.

    41

    F’dan il-każ, huwa manifest li l-kundizzjoni kontenzjuża teskludi l-parteċipazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt kollha tal-grupp ta’ funzjonijiet IV għall-kompetizzjoni COM/02/AST/16 (AST 2), minkejja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kisret it-tieni sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jawtorizza espressament lil dawn il-membri tal-personali li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet għall-grad AST 2.

    42

    Madankollu l-Kummissjoni tafferma fir-risposta li l-kundizzjoni kontenzjuża hija kompatibbli mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 u mal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Essenzjalment, hija tqis li din il-kundizzjoni hija f’relazzjoni diretta mal-interess tas-servizz, li huwa intiż li jkollu persunal li għandu kwalifiki għolja u li huwa immedjatament operattiv. Fil-fatt, il-kompiti u r-responsabbiltajiet li għandhom jitwettqu mill-membri tal-persunal tal-grupp ta’ funzjonijiet III u dawk li għandhom jitwettqu mill-membri tal-persunal tal-grupp ta’ funzjonijiet IV huma daqstant differenti daqs dawk li jisseparaw il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjali fil-gradi AST u AD, kif jixhdu l-Anness I, Taqsima A tal-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 80 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

    43

    Madankollu dan l-argument ma jistax jiġi adottat sa fejn essenzjalment jasal sabiex jiskarta, għall-uniku motiv li dawn jitqiesu bħala kkwalifikati ż-żejjed għall-impjiegi tal-grad AST 2, il-membri tal-persunal bil-kuntratt kollha tal-grupp ta’ funzjonijiet IV, anki dawk li kienu wettqu preċedentement, inkwantu membri tal-persunal tal-grupp ta’ funzjonijiet III, kompiti paragunabbli ma’ dawk tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew.

    44

    Fil-fatt, diġà ġie deċiż li ċ-ċaħda ta’ kandidatura għal kompetizzjoni unikament peress li l-kandidat kien ikkwalifikat iż-żejjed tipprekludi l-għan assenjat b’mod imperattiv lil kull proċedura ta’ impenn ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal permezz tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li l-istituzzjoni tiġi żgurata s-servizz ta’ persuni li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità. Min-naħa l-oħra, tali ċaħda hija ammissibbli jekk l-istituzzjoni tressaq elementi li jippermettu li jiġi dedott li din il-kwalifikazzjoni żejda tipprekludi lill-kandidati kkonċernati milli jwettqu l-kompiti marbuta mal-impjiegi li għandhom jimtlew jew li jkollha effetti negattivi fuq il-kwalità tax-xogħol tal-persuni kkonċernati, fuq l-effiċjenza tagħhom jew fuq il-motivazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Frar 1999, Jiménez vs UASI, T‑200/97, EU:T:1999:26, punti 47 sa 49; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1996, Noonan vs Il‑Kummissjoni, T‑60/92, EU:T:1996:44, punti 38 sa 44).

    45

    Issa, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li l-kompiti u l-livell ta’ responsabbiltà tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fil-grupp ta’ funzjonijiet III ma humiex l-istess bħal dawk tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet IV u, min-naħa l-oħra, l-istess japplika għall-gradi ta’ funzjonijiet AST u AD.

    46

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tafferma li, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt, il-grupp ta’ funzjonijiet III huwa l-ekwivalenti tal-gradi AST 1 u AST 2 għall-uffiċjali u li l-grupp ta’ funzjonijiet IV huwa l-ekwivalenti tal-grad AD għall-uffiċjali.

    47

    Minn din il-premessa doppja u fid-dawl tan-neċessità li jkunu disponibbli persuni immedjatament operattivi, il-Kummissjoni tiddeduċi li l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet III setgħu jipparteċipaw biss għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) u li dawk tal-grupp ta’ funzjonijiet IV setgħu jipparteċipaw biss għall-kompetizzjoni interna COM/03/AD/16 (AD 6).

    48

    Għalhekk, kuntrarjament għall-prinċipji mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq, l-argument tal-Kummissjoni ma huwa sostnut minn ebda element ta’ natura li jistabbilixxi li l-kwalifiki żejda tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet IV setgħu kellhom effetti negattivi fuq il-kwalità tax-xogħol tagħhom, fuq l-effiċjenza tagħhom u fuq il-motivazzjoni tagħhom fl-eżerċizzju ta’ impjieg tal-grad AST 2.

    49

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat meta pprojbixxiet lill-membri tal-persunal tal-grupp ta’ funzjonijiet IV milli jippreżentaw ruħhom għall-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2).

    50

    Minbarra dan, anki jekk kellu jiġi preżuppost li l-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-grupp ta’ funzjonijiet IV, bħala regola ġenerali, ma jistgħux jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet għal impjiegi tal-grad AST 2, għar-raġuni li dan il-grupp ta’ funzjonijiet huwa l-ekwivalenti tal-grad AD għall-uffiċjali, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 82(7) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tiġi mċaħħda minn effett utli, peress li din tawtorizza ġustament lil dawn il-membri tal-persunal bil-kuntratt li jipparteċipaw f’tali kompetizzjoni.

    51

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża tiġi milqugħa u, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq it-talbiet għal kumpens

    52

    Peress li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax, skont ir-rikorrent, ikun biżżejjed sabiex jikkumpensa d-dannu morali li huwa jqis li ssubixxa, huwa jitlob lill-Qorti Ġenerali li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-pagament ta’ somma ta’ EUR 5000. Il-Kummissjoni tirribatti li, fl-assenza ta’ illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, dawn it-talbiet, ifformulati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu miċħuda. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżuppost li din id-deċiżjoni hija illegali, l-annullament tagħha huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkumpensat id-dannu morali allegat.

    53

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 127; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22).

    54

    Madankollu, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat meta, minn naħa, l-att ikkontestat jinkludi evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tar-rikorrent li tista’ tkun ta’ dannu għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il‑Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 sa 29; tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, EU:T:2000:86, punt 98, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, EU:T:2005:447, punti 205206) u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrent juri li ssubixxa dannu morali separat mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament u ma jistax jiġi għal kollox ikkumpensat permezz ta’ dan l-annullament (sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 131, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il‑Kummissjoni, T‑49/08 P, EU:T:2009:456, punt 88).

    55

    F’dan il-każ, ir-rikorrent jafferma li d-dannu morali tiegħu jirriżulta mill-inkapaċità tal-Kummissjoni li tqiegħdu mill-ġdid fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li fihom il-kompetizzjoni kellha tiġi organizzata sabiex jiġu ggarantiti l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati kollha u l-objettività tal-evalwazzjoni.

    56

    Għandu jiġi konstatat li, minn naħa, ir-rikorrent ma jakkuża lill-Kummissjoni bl-ebda evalwazzjoni negattiva tal-kapaċitajiet tiegħu li tista’ tikkawżalu dannu u, min-naħa l-oħra, huwa ma weriex li ssubixxa dannu morali li huwa separat mill-illegalità li hija l-bażi tal-annullament.

    57

    F’dawn il-kundizzjonijiet u skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li kull dannu morali li r-rikorrent seta’ ssubixxa minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata huwa kkumpensat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament tagħha. Għalhekk it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda.

    58

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jintlaqa’ sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumplament tiegħu huwa miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    59

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/02/AST/16 (AST 2) dwar iċ-ċaħda tal-kandidatura ta’ Alain Schoonjans hija annullata.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Gervasoni

    Kowalik-Bańczyk

    Mac Eochaidh

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Settembru 2018.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top