EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CO0036

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ April 2017.
Daher Muse Ahmed vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Minden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Applikabbiltà tal-proċedura ta’ teħid lura.
Kawża C-36/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:273

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

5 ta’ April 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Regolament (UE) Nru 604/2013 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja — Applikabbiltà tal-proċedura ta’ teħid lura”

Fil‑Kawża C‑36/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Minden (qorti amministrattiva ta’ Minden, il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Daher Muse Ahmed

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikoli 20 sa 33 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31).

2

Din it-talba tressqet fil-kunest ta’ tilwima bejn Daher Muse Ahmed u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (uffiċċju federali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“uffiċċju”), rigward id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, li kkonstatat l-assenza ta’ motivi li jipprojbixxu t-tneħħija tiegħu lejn l-Italja, li avżatu li huwa seta’ jitneħħa lejn dan l-Istat Membru jekk huwa ma kienx ser jitlaq mill-Ġermanja u li fil-konfront tiegħu stipulat projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residenza ta’ tul ta’ 30 xahar li jiddekkorru mill-jum tat-tneħħija.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 604/2013

3

Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Nru 604/2013 jipprovdu:

“(4)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw […] li s-[sistema Ewropea Komuni tal-Asil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida […]”

5

L-Artikolu 2(b) u (c) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)

‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)];

c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx”.

6

L-Artikolu 18(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

[…]

b)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza;

c)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza;

d)

jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tiegħu kienet rifjutata u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza.”

7

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jippreċiża:

“Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.”

8

L-Artikolu 23(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmi ja fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

2.   Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-“hit” mill-Eurodac […]

Jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq evidenza li mhix data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tkun mibgħuta lill-Istat Membru li saritlu t-talba fi żmien tliet xhur mid-data li fiha kienet iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 20(2).

3.   Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.”

9

L-Artikolu 24(1), (2) u (4) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Meta Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza u li quddiemu ma tkunx ġiet iddepożitata applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali, iqis li Stat Membru ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), huwa jista’ jitlob lil dak l-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

2.   B’deroga mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [(ĠU 2008, L 348, p. 98)], fejn Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu persuna tkun preżenti mingħajr dokument ta’ residenza jiddeċiedi li jfittex fis-sistema tal-Eurodac […], it-talba biex tittieħed lura persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b) jew (c) ta’ dan ir-Regolament, jew persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) tiegħu li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx ġiet rifjutata permezz ta’ deċiżjoni finali, għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva il-“hit” mill-Eurodac […]

[…]

4.   Fejn persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(d) ta’ dan ir-Regolament li l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet rifjutata permezz ta’ deċiżjoni finali fi Stat Membru wieħed tkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza, l-Istat Membru tal-aħħar jista’ jew jitlob lill-ewwel Stat Membru biex jieħu lura l-persuna kkonċernata jew inkella jwettaq proċedura skont id-Direttiva 2008/115/KE.

[…]”

10

L-Artikolu 26(1) tal-istess regolament huwa redatt kif ġej:

“Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li […] jieħu lura […] persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi trasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. […]”

Id-Direttiva 2013/32/UE

11

L‑Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), jipprovdi:

“Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.”

12

L-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjonijet inammissibbli” huwa fformulat kif ġej:

“1.   Addizzjonalment għal każijiet fejn l-applikazzjoni ma’ tiġix eżaminata skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, l-Istati Membri mhumiex obbligati jeżaminaw jekk l-applikant jikkwalifikax għal protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE fejn applikazzjoni tkun kunsidrata inammissibbli taħt dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk:

a)

il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fis-7 ta’ Diċembru 2015, Daher Muse Ahmed talab l-ażil fil-Ġermanja. Sussegwentement huwa ppreżenta applikazzjoni uffiċjali għall-ażil mal-uffiċċju fit-30 ta’ Ġunju 2016.

14

Billi tfittxija fis-sistema “Eurdac” uriet b’mod partikolari li l-persuna kkonċernata kienet diġà talbet il-protezzjoni internazzjonali fl-Italja, fis-17 ta’ Ottubru 2013, l-uffiċċju talab, fil-25 ta’ Awwissu 2016, lill-awtoritajiet Taljani li jieħdu lura lil Daher Muse Ahmed, abbażi tar-Regolament Nru 604/2013.

15

B’ittra tad-9 ta’ Settembru 2016, l-awtoritajiet Taljani ċaħdu din it-talba għall-finijiet ta’ teħid lura, minħabba li Daher Muse Ahmed ibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja fl-Italja u li l-eventwali trasferiment tiegħu għandu għalhekk iseħħ fil-kuntest tal-ftehimiet ta’ riammissjoni fis-seħħ.

16

B’deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2016, l-uffiċċju ċaħad bħala inammissibbli l-applikazzjoni għall-ażil li Daher Muse Ahmed kien introduċa, ikkonstata l- assenza ta’ motivi li jipprojbixxu t-tneħħija tiegħu lejn l-Italja, u avżah li huwa jista’ jitneħħa lejn dan l-Istat Membru jekk huwa ma kienx ser jitlaq mill-Ġermanja u fil-konfront tiegħu stipulat projbizzjoni ta’ dħul u ta’ residena ta’ tul ta’ 30 xahar li jiddekorri mill-jum tat-tneħħija.

17

Daher Muse Ahmed ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

18

Din il-qorti tiddubita l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 604/2013 dwar il-proċedura ta’ teħid lura fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru ieħor.

19

Madankollu, fl-ipoteżi fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma tassew applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-qorti tistaqsi jekk, f’tali sitwazzjoni, applikant għall-ażil jistax jinvoka l-iskadenza tat-termini ta’ tressiq tat-talba għall-finijiet ta’ teħid lura previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 604/2013. Hija tistaqsi wkoll dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dawn it-termini u fuq l-effetti eventwali tad-dewmien sostnut fit-tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Minden (qorti amministrattiva ta’ Minden, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L‑Artikoli 20 sa 33 tar-Regolament Nru 604/2013 għandhom jiġu applikati għall-applikanti għall-ażil li diġa jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

2)

Applikant għall-ażil jista’ jinvoka trasferiment tar-responsabbiltà tal-Istat Membru rikorrent minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ tressiq tat-talba għall-finijiet ta’ teħid lura (Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 604/2013)?

3)

F’każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, applikant għall-ażil jista’ wkoll jinvoka trasferiment ta’ responsabbiltà meta l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jibqa’ dispost sabiex jieħu inkarigu tiegħu?

4)

F’każ ta’ risposta negattiva għat-tielet domanda, huwa possibbli li jiġi dedott mill-kunsens espliċitu jew impliċitu (Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 604/2013) tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li dan jibqa’ dispost li jieħu inkarigu tal-applikant għall-ażil?

5)

It-terminu ta’ xahrejn previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jista’ jintemm wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Reglament Nru 604/2013 meta l-Istat Membru rikorrent iħalli jiddekorri iktar minn xahar wara l-bidu tat-terminu ta’ tliet xhur qabel ma jibgħat talba għal konsultazzjoni tad-databse Eurodac?

6)

Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija meqjusa ppreżentata fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013 b’effett mill-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ dikjarazzjoni inkwantu applikant għall-ażil jew unikament meta l-uffiċċju jirċievi dan iċ-ċertifikat jew l-informazzjoni essenzjali li din tinkludi jew unikament wara r-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni formali għall-ażil? B’mod partikolari:

a)

Iċ-ċertifikat ta’ dikjarazzjoni inkwantu applikant għall-ażil huwa formola jew rapport fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013?

b)

L-awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013 hija l-awtorità kompetenti sabiex tirċievi l-formola jew tistabbilixxi r-rapport, jew l-awtorità kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil?

c)

Formola jew rapport huma meqjusa wkoll bħala li waslu għand l-awtorità kompetenti meta l-elementi essenzjali tagħhom ġew ikkomunikati lilha jew huwa meħtieġ għal dan li l-oriġinal jew kopja tar-rapport ikun ġie trażmess lilha?

7)

Id-dewmien bejn l-ewwel applikazzjoni għall-ażil jew l-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ dikjarazzjoni bħala applikant għall-ażil u t-tressiq ta’ talba għal teħid lura jista’ jwassal għal trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikorrent permezz ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 604/2013 jew jirrappreżenta obbligu għall-Istat Membru rikorrent li jagħmel użu mid-dritt ta’ evokazzjoni tiegħu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013?

8)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal waħda mill-alternattivi tas-seba’ domanda, minn liema terminu jista’ jitqies li talba sabiex jittieħed lura tressqet b’mod eċċessivament tardiv?

9)

Talba għall-finijiet ta’ teħid lura li fiha l-Istat Membru rikorrent jindika unikament id-data ta’ dħul fit-territorju tiegħu u d-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni uffiċjali għall-ażil, u mhux id-data tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil jew dik tal-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ dikjarazzjoni inkwantu applikant għall-ażil, titqies li tressqet fit-terminu tal-ewwel u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jew tali applikazzjoni hija ‘ineffettiva’?”

Fuq id-domandi preliminari

21

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal tali domanda għal deċiżjoni preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

22

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

23

Fid-dawl tat-trattament tal-kawża minn dan id-digriet adottat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal proċedura mħaffa.

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tar-Regolament Nru 604/2013 li jirregolaw, b’mod dirett jew indirett, it-termini ta’ tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura humiex applikabbli f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin ta’ pajjiż terz introduċa applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wara li ngħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dawn ir-regoli, li għandhom bħala għan li jfasslu l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ teħid lura prevista minn dan ir-regolament billi jiġi żgurat li talba għall-finijiet ta’ teħid lura tiġi fformulata f’terminu raġonevoli, ma humiex, min-natura tagħhom, applikabbli għas-sitwazzjonijiet li fihom tali proċedura tista’, bħala prinċipju, validament tiġi applikata skont dan ir-regolament.

26

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ teħid lura huwa ddefinit fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 604/2013. Filwaqt li l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-każijiet li fihom ebda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida ma ġiet ippreżentata fl-Istat Membru rikorrent, l-Artikolu 23 tiegħu jirregola s-sitwazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom tali applikazzjoni ġiet ippreżentata f’dan l-Istat Membru.

27

Mill-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, f’tali sitwazzjonijiet, il-proċedura ta’ teħid lura tirreferi biss għal trasferiment ta’ persuna msemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) tal-istess regolament.

28

Dawn it-tliet l-aħħar dispożizzjonijiet huma intiżi, rispettivament, għal applikant li l-applikazzjoni tiegħu qed tiġi eżaminata, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li rtiraw l-applikazzjoni tagħhom li kienet qed tiġi eżaminata u ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tagħhom ġiet miċħuda.

29

Peress li ċ-ċirkustanza li ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja mogħtija minn Stat Membru li ma jkunx dak li wettaq id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma tistax tiġi analizzata bħala li timplika li applikazzjoni ppreżentata minn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz qed tiġi eżaminata jew ġiet irtirata fi Stat Membru ieħor, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk tali persuna tistax titqies bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu ġiet miċħuda fi Stat Membru ieħor.

30

F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jippreċiżax jekk l-“applikazzjoni” miċħuda li għaliha qed isir riferiment hijiex applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew applikazzjoni għall-ażil stricto sensu.

31

Issa, għalkemm din id-dipożizzjoni kellha tiġi interpretata bħala li tirreferi għaċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-ażil, hija tista’ eventwalment tiġi applikata għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, peress li, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, dan l-istatus għandu jingħata biss wara li jiġi ddeterminat li l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

32

Madankollu, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 ma tistax tiġi aċċettata.

33

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni timplika li jiġi ammess li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża, f’din id-dispożizzjoni, it-terminu “applikazzjoni” f’diversi sensi differenti, peress li r-riferiment, li jidher f’din id-dispożizzjoni, għall-fatt li l-persuna kkonċernata “[għamlet] applikazzjoni fi Stat Membru ieħor”, jirreferi neċessarjament, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament, għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

34

Minbarra dan, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34).

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 604/2013 jiddefinixxi t-terminu “applikant” bħala li jirreferi għal ċittadin ta’ pajjiż terz jew għal persuna apolida “li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx”.

36

Bl-istess mod, għalkemm dan ir-regolament ma jinkludix direttament id-definizzjoni tat-terminu “applikazzjoni”, l-Artikolu 2(b) tiegħu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jużaw, b’mod ġenerali, it-termini “applikazzjoni” u “applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” b’mod indissoċjabbli, mingħajr qatt ma jirreferu, għall-kuntrarju tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109), għal “applikazzjoni għall-ażil”.

37

Minbarra dan, sabiex tiġi ddefinita s-sistema applikabbli għal persuna intiża fl-Artikolu 18(1)(d) tar-Regolament Nru 604/2013 meta din ma tkunx ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġdida, l-Artikolu 24(2) u (4) ta’ dan ir-regolament jirreferi espressament għan-natura definittiva jew le tad-deċiżjoni li tiċħad l-“applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” ippreżentata minn din il-persuna.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32 jiddistingwi b’mod ċar il-każijiet li fihom applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma hijiex eżaminata skont ir-Regolament Nru 604/2013, minn dawk li fihom tali applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li “protezzjoni internazzjonali tkun ġiet mogħtija minn Stat Membru ieħor”.

39

Għalhekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi żgurata minn deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva, pjuttost milli permezz ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment u ta’ nuqqas ta’ eżami, skont l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, li jwassal għal ċertu numru ta’ konsegwenzi, b’mod partikolari dwar ir-rimedji ġudizzjarji miftuħa kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda.

40

Din il-konklużjoni ma hijiex ta’ natura li tostakola t-twettiq tal-għanijiet, imsemmija fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, intiżi, minn naħa, li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, li ma tiġix kompromessa l-ħeffa tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, peress li ċittadin ta’ pajjiż terz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibbenefika diġà minn protezzjoni internazzjonali.

41

Konsegwentement, mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 18(1)(d) tiegħu, jirriżulta li Stat Membru ma jistax validament jirrikjedi Stat Membru ieħor għall-finijiet li jieħu lura, fil-kuntest tal-proċeduri ddefiniti minn dan ir-regolament, ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-ewwel Stat Membru wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja minn dan it-tieni Stat Membru.

42

Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tar-Regolament Nru 604/2013 li jirregolaw, b’mod dirett jew indirett, it-termini ta’ tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor.

Fuq it-tieni sad-disa ’ domandi

43

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni sad-disa’ domandi.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, li jirregolaw, b’mod dirett jew indirett, it-termini ta’ tressiq ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid lura ma humiex applikabbli f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wara li jkun ingħata l-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja minn Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top