Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0608

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2019.
Skatteverket vs Holmen AB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-kumpanniji – Grupp ta’ kumpanniji – Libertà ta’ stabbiliment – Tnaqqis tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti – Kunċett ta’ ‘telf definittiv’ – Applikazzjoni lil sussidjarja – Leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tal-kumpannija omm li tirrikjedi li din tkun proprejtarja diretta tas-sussidjarja – Leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja li tillimita l-imputazzjoni tat-telf u li tipprojbixxih fis-sena tal-istralċ.
Kawża C-608/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:511

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-kumpanniji – Grupp ta’ kumpanniji – Libertà ta’ stabbiliment – Tnaqqis tat-telf subit minn sussidjarja mhux residenti – Kunċett ta’ ‘telf definittiv’– Applikazzjoni lil sussidjarja – Leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tal-kumpannija omm li tirrikjedi li din tkun proprejtarja diretta tas-sussidjarja – Leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja li tillimita l-imputazzjoni tat-telf u li tipprojbixxih fis-sena tal-istralċ”

Fil-Kawża C-608/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

Skatteverket

vs

Holmen AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas, L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Skatteverket, minn M. Andersson Berg, bħala aġent,

għal Holmen AB, minn H. Andersson, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, A. Alriksson, C. Meyer-Seitz, H. Shev, H. Eklinder, L. Zettergren u J. Lundberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u sussegwentement minn R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson kif ukoll minn N. Gossement, E. Ljung Rasmussen u G. Tolstoy, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 54 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Skatteverket (l-Awtorità Fiskali, l-Isvezja) u Holmen AB dwar il-possibbiltà ta’ din tal-aħħar li tnaqqas, mit-taxxa fuq il-kumpanniji, it-telf ta’ sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Svediż

3

Is-sistema tat-trasferimenti finanzjarji fi ħdan grupp hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 35 u 35a tal-Inkomstskattelag (1999:1229) (iġi (1229:1999) dwar it-taxxa fuq id-dħul, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”)

4

Skont il-Kapitolu 35, sussidjarja li tbati telf tista’ tittrasferixxih fiskalment lill-kumpannija omm tagħha, direttament jew indirettament.

5

Dan il-vantaġġ jista’, skont il-Kapitolu 35a, jingħata meta telf ikun definittiv fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, iktar ’il quddiem: “is-sentenza Marks & Spencer, EU:C:2005:763), inkonnessjoni ma’ sussidjarja li tkun miżmuma 100 % li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li din tkun miżmuma direttament, li ġiet stralċjata u li l-kumpannija omm ma teżerċitax, permezz ta’ kumpannija relatata, attività fl-Istat tas-sussidjarja fid-data tal-istralċ.

Id-dritt Spanjol

6

Mill-indikazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema Spanjola ta’ integrazzjoni fiskali tippermetti tpaċċija, mingħajr ebda limitazzjoni, għall-profitti permezz tat-telf ta’ entitajiet tal-istess grupp. It-telf li ma jintużax jista’ jiġi ttrasferit indefinittivament u invokat fir-rigward ta’ profitti futuri.

7

Madankollu, mis-sena 2011, parti biss mill-profitti ta’ sena fiskali tista’ tiġi imputata fuq it-telf ta’ snin preċedenti. It-telf li ma jistax jitnaqqas minħabba dan il-limitu massimu jibqgħu trasferibbli fuq is-snin suċċessivi, bl-istess dritt bħala dak li japplika għat-telf l-ieħor li ma jintużax.

8

Barra minn hekk, f’każ ta’ xoljiment ta’ grupp fiskali minħabba stralċ ta’ kumpannija waħda jew iktar li jikkomponuh, it-telf rimanenti tal-grupp, fejn applikabbli, jiġi attribwit lill-kumpanniji li jkunu batewh.

9

Fl-aħħar, fis-sena tal-istralċ, dan it-telf jista’ jintuża biss mill-kumpannija li batietu.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Holmen hija l-kumpannija omm ta’ grupp stabbilit taħt id-dritt Svediż. Permezz ta’ sussidjarja tagħha, hija għandha fi Spanja, diversi sub-sussidjarji attivi fil-qasam tal-kartollerija u tal-istampar, li flimkien jifformaw grupp fiskali integrat. Peress li waħda mis-sub-sussidjarji akkumulat mis-sena 2003 telf li jekwivali għal EUR 140 miljun, Holmen ipprevediet it-terminazzjoni tal-attivitajiet Spanjoli tagħha.

11

Hija talbet deċiżjoni fiskali mingħand l-iSkatterättsnämnden (il-Kummissjoni tad-Dritt Fiskali, l-Isvezja) sabiex tkun taf jekk, ladarba l-istralċ jintemm, hija tkunx awtorizzata, abbażi tal-ġurisprudenza naxxenti mis-sentenza Marks & Spencer, twettaq fl-Isvezja tnaqqis fiskali tal-grupp għal dan it-telf, li mingħajr, dan la jkun jista’ jitnaqqas fi Spanja, minħabba l-impossibbiltà legali li jiġi ttrasferit telf ta’ kumpannija stralċjata fis-sena tal-istralċ, u lanqas fl-Isvezja, minħabba l-kundizzjoni li s-sussidjarja għandha tkun proprjetà diretta tas-sussidjarja li tbati telf definittiv.

12

B’mod iktar preċiż, Holmen talbet l-opinjoni tal-kummissjoni tad-dritt fiskali f’żewġ ipoteżijiet, waħda, ta’ stralċ tas-sussidjarja u taż-żewġ sub-sussidjarji Spanjoli, l-oħra, ta’ assorbiment invers tas-sussidjarja mis-sub-sussidjarja Spanjola li tagħmel it-telf, segwit minn stralċ tal-istruttura l-ġdida. Fiż-żewġ xenarji, Holmen ma baqgħetx teżerċita l-attività fi Spanja matul l-istralċ u suċċessivament ma żammet l-ebda attività.

13

Id-deċiżjoni fiskali mogħtija mill-kummissjoni tad-dritt fiskali tinkludi opinjoni sfavorevoli għall-ewwel possibbiltà, u opinjoni favorevoli għat-tieni waħda.

14

Il-kummissjoni tad-dritt fiskali ammettiet li l-opinjoni sfavorevoli tagħha fuq l-ewwel possibbiltà kienet twassal għal restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, iżda qieset li, skont il-ġurisprudenza naxxenti mis-sentenza Marks & Spencer, din ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata dment li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u, għaldaqstant, li t-telf inkwistjoni ma jaqax taħt waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, fejn it-telf ikun jissejjaħ “definittiv”.

15

Kemm l-awtorità fiskali kif ukoll Holmen ikkontestaw din id-deċiżjoni fiskali quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Isvezja).

16

Din il-qorti tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tispeċifikax, minn-naħa, jekk id-dritt għal tnaqqis ta’ telf definittiv jippreżumix li s-sussidjarja tkun proprjetà diretta tal-kumpannija omm, u min-naħa l-oħra, jekk, sabiex tiġi evalwata n-natura definittiva tat-telf ta’ sussidjarja, jeħtieġx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet offruti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja lil entitajiet legali oħra sabiex jieħdu dan it-telf inkunsiderazzjoni u, jekk fl-affermattiv, kif għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din il-leġiżlazzjoni.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt li jirriżulta minn, fost oħrajn, is-sentenza [Marks & Spencer], għal kumpannija parent stabbilita fi Stat Membru li, abbażi tal-Artikolu 49 TFUE, tnaqqas it-telf definittiv ta’ sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, jippreżupponi li s-sussidjarja tkun miżmuma direttament mill-kumpannija parent?

2)

Għandha wkoll titqies bħala definittiva l-parti ta’ telf li, minħabba l-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sussidjarja, ma setgħetx issir tpaċija tagħha mal-profitti mwettqa f’dan l-Istat matul sena partikolari, iżda, minflok, setgħet tiġi posposta sabiex tkun tista’ eventwalment titnaqqas f’sena fil-futur?

3)

Fl-evalwazzjoni ta’ jekk telf huwiex definittiv, għandu jittieħed kont tar-restrizzjonijiet, previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sussidjarja, għall-possibbiltà għal entità li ma hijiex l-istess waħda li sostniet it-telf, li tnaqqas lil dan it-telf?

4)

Jekk għandu jittieħed kont ta’ restrizzjoni bħal dawk imsemmija fit-tielet domanda, għandu jittieħed kont tal-punt sa fejn ir-restrizzjoni effettivament kellha l-konsegwenza li ma setax ikun hemm tpaċija ta’ xi parti kwalunkwe mit-telf mal-profitti mwettqa minn entità oħra?”

Fuq id-domandi preliminari

18

Preliminarjament, hemm lok jitfakkar li, fil-punti 43 sa 51 tas-sentenza Marks & Spencer, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment marbuta ma’ limitazzjoni għad-dritt ta’ kumpannija li tnaqqas it-telf ta’ sussidjarja barranija, filwaqt li din il-possibbiltà ta’ tnaqqis hija pprovduta għal sussidjarja residenti, hija ġġustfikata min-neċessità li jiġi ppreservat it-tqassim ibbalanċjat tas-setgħat ta’ impożizzjoni bejn l-Istati Membri u li jiġu ostakolati r-riskji ta’ invokazzjoni doppja tat-telf kif ukoll ta’ evażjoni fiskali.

19

Fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li, anki jekk din kienet restrizzjoni li bħala prinċipju hija ġġustifikata, xorta jibqa’ sproporzjonat għall-Istat ta’ residenza tal-kumpannija omm li jeskludi l-possibbiltà ta’ din tal-aħħar li fisklament tieħu inkunsiderazzjoni fil-livell tagħha, it-telf ta’ sussidjarja mhux residenti, minkejja li kkwalifikat bħala definittiv, f’sitwazzjoni li fiha:

is-sussidjarja mhux residenti tkun eżawriet il-possibbiltajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf li jeżisti fl-Istat ta’ residenza tagħha għall-perijodu ta’ taxxa kkonċernat mit-talba għal tnaqqis fiskali kif ukoll għal snin fiskali preċedenti, skont il-każ permezz ta’ trasferiment ta’ dan it-telf lil terz jew tal-imputazzjoni tal-imsemmi telf fuq il-profitti magħmula mis-sussidjarja matul is-snin preċedenti, u

ma hemmx possibbiltà li t-telf ta’ sussidjarja barranija jiġi kkunsidrat fl-Istat ta’ residenza tagħha għal snin futuri jew mis-sussidjarja nnifisha, jew minn terz, b’mod partikolari f’każ ta’ ċessjoni tas-sussidjarja lilu.

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ telf definittiv ta’ sussidjarja mhux residenti, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer jistax japplika għal sub-sussidjarja.

21

Din il-kwistjoni tqum fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni Svediża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkundizzjona tnaqqis fiskali ta’ grupp f’każ ta’ telf ta’ sussidjarja mhux residenti għall-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-kumpannija omm li tressaq it-talba u s-sussidjarja mhux residenti li tagħmel it-telf.

22

Hemm lok li jitfakkar li tali kundizzjoni, li twassal għall-esklużjoni ta’ tnaqqis fiskali ta’ grupp transkonfinali f’ċerti ipoteżijiet, tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet impellanti ta’ interess ġenerali msemmija fil-punt 18 tas-sentenza odjerna.

23

Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 45 sa 52 tas-sentenza Marks & Spencer, il-preżervazzjoni tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tirrendi neċessarja l-applikazzjoni, għall-attivitajiet ekonomiċi ta’ kumpanniji stabbiliti f’wieħed minn dawn l-Istati, tar-regoli tat-taxxa biss ta’ dan l-Istat, għal dak li jikkonċerna kemm il-profitti kif ukoll it-telf. Minn din il-perspettiva, l-għoti tal-possibbiltà lill-kumpanniji li jagħżlu li jiġi kkunsidrat it-telf tagħhom fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom jew fi Stat Membru ieħor jikkomprometti b’mod sinjifikattiv tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Isati Membri, peress illi l-bażi taxxabbli tiżdied fl-ewwel Stat u titnaqqas fit-tieni wieħed, skond it-telf ittrasferit. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikun jistgħu, billi jeskludu t-tnaqqis fiskali transkonfinali, jostakolaw kemm ir-riskju ta’ imputazzjoni doppja tat-telf kif ukoll dak li gruppi ta’ kumpanniji jwettqu trasferimenti organizzati ta’ telf lejn kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri li japplikaw rati ta’ tassazzjoni għolja u li fihom, konsegwentement, il-valur fiskali tat-telf huwa ogħla.

24

Madankollu, jeħtieġ ukoll li kundizzjoni għal tnaqqis fiskali ta’ grupp bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-obbligi segwiti u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu.

25

F’dan ir-rigward, hemm lok li ssir distinzjoni bejn żewġ każijiet.

26

L-ewwel każ jikkonċerna l-ipoteżi li fiha is-sussidjarja jew is-sussidjarji interposti bejn il-kumpannija omm li jitolbu l-benefiċċju ta’ tnaqqis fiskali ta’ grupp u s-sub-sussidjarja li tbati telf li jista’ jitqies bħala definittiv ma humiex stabbiliti fl-istess Stat Membru.

27

F’dan il-każ, ma jistax ikun eskluż li grupp jista’ jagħżel l-Istat Membru tal-użu tat-telf definittiv, billi jagħżel jew dak tal-kumpannija omm prinċipali, jew dak ta’ kull sussidjarja oħra potenzjalment interposta.

28

Tali possibbiltà ta’ għażla hija ta’ natura li tippermetti strateġiji li jottimizzaw ir-rati ta’ tassazzjoni tal-grupp, li jistgħu jpoġġu f’dubju t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u li jesponuhom għal riskju ta’ imputazzjoni multipla tat-telf.

29

Għaldaqstant, ma huwiex sproporzjonat min-naħa ta’ Stat Membru li jimponi kundizzjoni ta’ rabta diretta għat-tnaqqis fiskali transkonfinali, anki meta jkunu stabbiliti l-impossibiltajiet l-oħra kollha msemmija fil-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer, u inqas u inqas billi l-eċċezzjoni prevista f’dan il-punt tapplika, fi kwalunkwe każ, għall-Istat Membru tas-sussidjarja li hija proprejtarja diretta tas-sub-sussidjarja li kellu quddiemu talba għal tnaqqis fiskali transkonfinali marbut mat-telf ta’ din tal-aħħar.

30

It-tieni każ jikkonċerna l-ipoteżi li fiha s-sussidjarja jew is-sussidjarji interposti bejn il-kumpannija omm li jitolbu l-benefiċċju ta’ tnaqqis fiskali ta’ grupp u s-sub-sussidjarja li tbati telf li jista’ jitqies bħala definittiv huma stabbiliti fl-istess Stat Membru. Dan jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li kemm is-sussidjarja interposta ta’ Holmen kif ukoll is-sub-sussidjarja tagħha li tiddikjara t-telf għandhom is-sede tagħhom fi Spanja.

31

F’tali ċirkustanzi, ir-riskji ta’ ottimizzazzjoni tar-rata ta’ tassazzjoni tal-grupp bl-għażla tal-Istat Membru ta’ imputazzjoni tat-telf u tat-teħid inkusiderazzjoni multipla ta’ dan tal-aħħar minn diversi Stati Membri huma tal-istess natura bħal dawk ikkonstatati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 45 sa 52 tas-sentenza Marks & Spencer.

32

Għaldaqstant huwa sproporzjonat li Stat Membru jimponi kundizzjoni ta’ proprjetà diretta bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer.

33

Sussegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari li l-kunċett ta’ telf definittiv ta’ sussidjarja mhux residenti, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer ma japplikax għal sub-sussidjarja, dment li l-kumpanniji intermedjarji bejn il-kumpannija omm li titlob tnaqqis fiskali ta’ grupp s-sub-sussidjarja li tagħmel telf li jista’ jitqies bħala definittiv ma jkunux residenti fl-istess Stat Membru.

Fuq it-tielet domanda

34

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf liema importanza jeħtieġ li tingħata, fl-evalwazzjoni tan-natura definittiva tat-telf ta’ sussidjarja mhux residenti, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer, liċ-ċirkustanza li l-Istat Membru li taħtu taqa’ s-sussidjarja ma jippermettix it-trasferiment ta’ telf ta’ kumpannija lil persuna taxxabbli oħra fis-sena tal-istralċ iżda madankollu tawtorizza t-trasferimentta’ tali telf fuq snin fiskali oħra tal-istess kumpannija.

35

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tispeċifika jekk sitwazzjoni bħal dik prevista minn Holmen, li fiha, fis-sena tal-istralċ, l-Istat Membru tal-kumpannija mhux residenti jippermetti biss l-użu fiskali ta’ telf mill-kumpannija li batiethom, hijiex waħda minn dawk imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni inċiż tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer, li fihom ma teżistix il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf tas-sussidjarja barranija fl-Istat ta’ residenza tagħha abbażi tas-snin futuri.

36

Issa, f’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti jitfakkar li r-raġunijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni inċiż tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer ipprevedew espressament li l-impossibbiltà li tikkundizzjona n-natura definittiva tat-telf tista’ tkun marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom għas-snin futuri minn terz, b’mod partikolari f’każ ta’ ċessjoni tas-sussidjarja lil dan tal-aħħar.

37

Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik prevista minn Holmen, u meta jkunu stabbiliti l-impossibiltajiet l-oħra kollha msemmija fil-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer, it-telf ma jistax jiġi kkwalifikat bħala definittiv jekk jibqa’ possibbli li jsir sens ekonomiku minnu billi jiġi ttrasferit lil terz qabel l-għeluq tal-istralċ.

38

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż minn qabel li terz jista’ jieħu inkunsiderazzjoni fiskalment it-telf tas-sussidjarja fl-Istat ta’ residenza ta’ din tal-aħħar, pereżempju wara ċessjoni ta’ din tal-aħħar għal prezz li jiġbor fih il-valur tal-vantaġġ fiskali li tirrappreżenta l-possibbiltà tat-tnaqqis tat-telf għall-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, A, C-123/11, EU:C:2013:84, punti 52 et seq., kif ukoll is-sentenza tal-lum, Memira Holding, C-607/17, punt 26).

39

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik prevista minn Holmen, fin-nuqqas ta’ din tal-aħħar li turi li l-possibbiltà msemmija fil-punt preċedenti hija eskluża, iċ-ċirkustanza waħdiha li d-dritt tal-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja ma jippermettix it-trasferiment ta’ telf fis-sena ta’ stralċ ma tistax fiha nnifisha tkun suffiċjenti sabiex it-telf tas-sussidjarja jitqies bħala definittiv.

40

Sussegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura definittiva tat-telf ta’ sussidjarja mhux residenti, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer, iċ-ċirkustanza li l-Istat Membru li taqa’ taħtu s-sussidjarja ma jippermettix li jiġi ttrasferit it-telf ta’ kumpannija lil persuna taxxabbli oħra fis-sena ta’ stralċ ma hijiex determinanti, dment li l-kumpannija omm ma turix li huwa impossibbli għaliha li tivvalorizza dan it-telf billi ssib mezz, b’mod partikolari permezz ta’ ċessjoni, sabiex dan jittieħed inkunsiderazzjoni fiskalment minn terz fi snin futuri.

Fuq it-tieni u r-raba’ domanda

41

Permezz tat-tieni u r-raba’ domanda, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fl-ipoteżi li ċ-ċirkustanza msemmija fit-tielet domanda ssir rilevanti, jeħtieġx li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sussidjarja li tiddikjara telf li jista’ jiġi kklassifkat bħala definittiv kellha l-konsegwenza li parti mit-telf kellu jiġi ttrasferit minħabba limitazzjoni fl-imputazzjoni tat-telf fuq l-istess entità, jew ma setax jiġi imputat fuq il-profitti mwettqa minn entità oħra tal-istess grupp.

42

F’dan ir-rigward, u kif intqal fil-kuntest tar-risposta għat-tielet domanda, ir-restrizzjonijiet, ikunu xi jkunu, għat-trasferiment tat-telf naxxenti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja ma humiex determinanti dment li ma tiġix stabbilita mill-kumpannija omm, l-impossibbiltà li jitteħed inkunsiderazzjoni t-telf minn terz, b’mod partikolari wara ċessjoni li l-prezz tagħha ikun jiġbor fih il-valur fiskali tiegħu.

43

Jekk tiġi prodotta tali prova, u jekk barra minn hekk, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fil-punt 55 tas-sentenza Marks & Spencer, l-awtoritajiet fiskali jkunu obbligati jqisu li t-telf ta’ sussidjarja mhux residenti huwa definittiv u li huwa, konsegwentement, sproporzjonat li l-kumpannija omm ma tiġix permessa tieħu inkunsiderazzjoni dan it-telf fil-livell tagħha.

44

F’din il-perspettiva, huwa irrilevanti, għall-evalwazzjoni tan-natura definittiva tat-telf, sa liema punt il-kumpannija li tagħmel it-telf ġiet limitata fil-possibbiltajiet tagħha li tittrasferixxi ’il quddiem it-telf, jew sa liema punt entitajiet oħra tal-istess grupp li wkoll jinsabu fl-Istat ta’ residenza tas-sussidjarja li tagħmel it-telf setgħu jiġi limitati fil-possibbiltà tagħhom li jittrasferixxu t-telf tas-sussidjarja.

45

Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni u r-raba’ domanda li, fl-ipoteżi li ċ-ċirkustanza msemmija fit-tielet domanda ssir rilevanti, huwa indifferenti l-punt sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sussidjarja li tiddikjara telf li jista’ jiġi kklassifkat bħala definittiv kellha l-konsegwenza li parti mit-telf ma setax jiġi imputat fuq il-profitti preżenti tas-sussidjarja li tagħmel it-telf jew fuq dawk ta’ entità oħra tal-istess grupp.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ telf definittiv ta’ sussidjarja mhux residenti, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, EU:C:2005:763) ma japplikax għal sub-sussidjarja, dment li l-kumpanniji intermedjarji bejn il-kumpannija omm li titlob tnaqqis fiskali ta’ grupp s-sub-sussidjarja li tagħmel telf li jista’ jitqies bħala definittiv ma jkunux residenti fl-istess Stat Membru.

 

2)

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura definittiva tat-telf ta’ sussidjarja mhux residenti, fis-sens tal-punt 55 tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C-446/03, EU:C:2005:763), iċ-ċirkustanza li l-Istat Membru li taqa’ taħtu s-sussidjarja ma jippermettix li jiġi ttrasferit it-telf ta’ kumpannija lil persuna taxxabbli oħra fis-sena ta’ stralċ ma hijiex determinanti, dment li l-kumpannija omm ma turix li huwa impossibbli għaliha li tivvalorizza dan it-telf billi ssib mezz, b’mod partikolari permezz ta’ ċessjoni, sabiex dan jittieħed inkunsiderazzjoni fiskalment minn terz fi snin futuri.

 

3)

Fl-ipoteżi li ċ-ċirkustanza msemmija fil-punt 2 ta’ dan id-dispożittiv issir rilevanti, huwa indifferenti l-punt sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat tas-sussidjarja li tiddikjara telf li jista’ jiġi kklassifkat bħala definittiv kellha l-konsegwenza li parti mit-telf ma setgħax jiġi imputat fuq il-profitti preżenti tas-sussidjarja li tagħmel it-telf jew fuq dawk ta’ entità oħra tal-istess grupp.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

Top