This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0575
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 22 November 2018.#Sofina SA and Others v Ministre de l'Action et des Comptes publics.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d'État (France).#Reference for a preliminary ruling — Free movement of capital — Withholding tax on the gross amount of nationally sourced dividends paid to non-resident companies — Deferral of taxation of dividends paid to a resident company in the event of a loss-making year — Difference in treatment — Justification — Comparability — Balanced distribution of the powers of taxation between the Member States — Effective collection of tax — Proportionality — Discrimination.#Case C-575/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Novembru 2018.
Sofina SA et vs Ministre de l'Action et des Comptes publics.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (France).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa f’ras il-għajn fuq l-ammont gross tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mqassma lil kumpanniji mhux residenti – Posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija residenti fil-każ ta’ sena finanzjarja b’telf – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni – Komparabbiltà – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Effikaċità tal-ġbir tat-taxxa – Proporzjonalità – Diskriminazzjoni.
Kawża C-575/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-22 ta’ Novembru 2018.
Sofina SA et vs Ministre de l'Action et des Comptes publics.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (France).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa f’ras il-għajn fuq l-ammont gross tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mqassma lil kumpanniji mhux residenti – Posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija residenti fil-każ ta’ sena finanzjarja b’telf – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni – Komparabbiltà – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Effikaċità tal-ġbir tat-taxxa – Proporzjonalità – Diskriminazzjoni.
Kawża C-575/17.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:943
*A9* Conseil d'État, 9ème et 10ème chambres réunies, Décision du 20/09/2017 (1060612)
*P1* Conseil d'État, 9ème et 10ème chambres réunies, Décision du 27/02/2019 (ECLI:FR:CECHR:2019:398662.20190227)
https://www.legifrance.gouv.fr/ceta/id/CETATEXT000038179906
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
22 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa f’ras il-għajn fuq l-ammont gross tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mqassma lil kumpanniji mhux residenti – Posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija residenti fil-każ ta’ sena finanzjarja b’telf – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni – Komparabbiltà – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Effikaċità tal-ġbir tat-taxxa – Proporzjonalità – Diskriminazzjoni”
Fil-Kawża C‑575/17,
li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2017, fil-proċeduri
Sofina SA,
Rebelco SA,
Sidro SA
vs
Ministre de l’Action et des Comptes publics,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, F. Biltgen u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Ġunju 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Sofina SA, minn C. Valentin, avocat, |
– |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, A. Alidière u E. de Moustier, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.-C. Halleux, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, H. Gijzen, J. Langer u J. M. Hoogveld, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, H. Shev, C. Meyer-Seitz, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistit minn J. Rivett, barrister, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement u W. Roels, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Awwissu 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 65 TFUE. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Sofina SA, Rebelco SA u Sidro SA, kumpanniji rregolati mid-dritt Belġjan, u l-Ministre de l’Action et des Comptes publics (il-Ministru tal-Azzjoni u tal-Kontijiet Pubbliċi, Franza) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jħallashom lura t-taxxa f’ras il-għajn li kienu suġġetti għaliha d-dividendi li tħallsu lilhom matul l-2008 sal-2011. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Franċiż
3 |
Skont l-Artikolu 38(I) tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi) (iktar ’il quddiem iċ-“CGI”): “[…] [I]l-profitt taxxabbli huwa l-profitt nett, stabbilit skont ir-riżultati tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ kwalunkwe natura mwettqa mill-impriżi, inkluż b’mod partikolari ċ-ċessjonijiet ta’ kull element tal-attiv; kemm korrenti, kif ukoll fi tmiem l-operazzjoni.” |
4 |
L-Artikolu 39(1) taċ-CGI jispeċifika: “Il-profitt nett għandu jiġi stabbilit bit-tnaqqis tal-ispejjeż kollha […]” |
5 |
L-Artikolu 119 a(2) taċ-CGI jipprevedi b’mod partikolari li l-prodotti msemmija fl-Artikoli 108 sa 117a ta’ dan il-kodiċi għandhom iwasslu għall-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn li r-rata tagħha hija stabbilita fl-Artikolu 187 tal-imsemmi kodiċi meta dawn jibbenefikaw minnhom persuni li ma għandhomx id-domiċilju fiskali tagħhom jew is-sede tagħhom fi Franza. |
6 |
Id-dividendi jinsabu fost il-prodotti msemmija fl-Artikoli 108 sa 117a taċ-CGI. |
7 |
Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 187(1) taċ-CGI jiffissa t-taxxa f’ras il-għajn f’rata għal 25 %. |
8 |
Fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal‑21 ta’ Settembru 2011, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 209(1) taċ-CGI kien jispeċifika: “[…] [M]eta jkun hemm telf matul sena finanzjarja, dan it-telf għandu jitqies bħala piż għas-sena ta’ wara u jitnaqqas mill-profitt miksub matul dik is-sena. Jekk dan il-profitt ma huwiex suffiċjenti sabiex it-tnaqqis kollu jista’ jsir, l-eċċess tat-telf għandu jiġi mgħoddi għas-snin fiskali segwenti.” |
9 |
Mill‑21 ta’ Settembru 2011, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 209(1) taċ-CGI ġie redatt kif ġej: “[…] [M]eta jkun hemm telf matul sena finanzjarja, dan it-telf għandu jitqies bħala piż għas-sena finanzjarja segwenti u jitnaqqas mill-profitt miksub matul dik is-sena finanzjarja sal-ammont ta’ EUR 1000000 flimkien ma’ 60 % tas-somma ekwivalenti għall-profitt taxxabbli ta’ dik is-sena li teċċedi l-ewwel somma. Jekk dan il-profitt ma huwiex suffiċjenti sabiex it-tnaqqis kollu jsir, l-eċċess tat-telf għandu jgħaddi taħt l-istess kundizzjonijiet għas-snin finanzjarji segwenti. L-istess japplika wkoll għall-parti tat-telf mhux ammessa bħala tnaqqis f’applikazzjoni tal-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu.” |
Il-Konvenzjoni Franko-Belġjana
10 |
L-Artikolu 15(1) u (2) tal-Konvenzjoni bejn Franza u l-Belġju, intiża sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja u tistabbilixxi regoli ta’ assistenza amministrattiva u ġuridika reċiproka fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, iffirmata fi Brussell fl‑10 ta’ Marzu 1964, kif emendata permezz ta’ Ftehimiet Addizzjonali tal‑15 ta’ Frar 1971, 8 ta’ Frar 1999, 12 ta’ Diċembru 2008 u 7 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Franko-Belġjana”), jipprevedi: “1. Id-dividendi provenjenti minn Stat Kontraenti li jitħallsu lil resident fl-Istat Kontraenti l-ieħor għandhom ikunu taxxabbli f’dak l-Istat l-ieħor. 2. Madankollu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, dawn id-dividendi jistgħu jiġu intaxxati fl-Istat Kontraenti fejn hija residenti l-kumpannija li tħallas id-dividendi, u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, imma t-taxxa hekk stabbilita ma tistax teċċedi:
Dan il-paragrafu ma jikkonċernax it-tassazzjoni tal-kumpannija għall-profitti li jservu għall-ħlas tad-dividendi.” |
11 |
L-Artikolu 19A tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana jipprevedi b’mod partikolari: “It-taxxa doppja għandha tiġi evitata kif ġej: A. Fir-rigward tal-Belġju:
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 |
Sofina, Rebelco u Sidro rċevew, matul l-2008 sa 2011, dividendi minhħabba l-ishma tagħhom f’kumpanniji Franċiżi. |
13 |
Skont l-Artikolu 119a(2) taċ-CGI, moqri flimkien mal-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana, fuq dawn id-dividendi nżammet it-taxxa f’ras il-għajn bir-rata ta’ 15 %. |
14 |
Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalqu s-snin finanzjarji 2008 sa 2011 bit-telf, huma ressqu ilmenti mal-amministrazzjoni fiskali Franċiża, fejn talbu l-ħlas lura ta’ taxxi f’ras il-għajn mħallsa fir-rigward ta’ dividendi mħallsa matul dawn is-snin finanzjarji. |
15 |
Peress li dawn l-ilmenti ġew miċħuda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu marru quddiem il-qrati kompetenti li, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, ma laqgħux it-talbiet tagħhom għal ħlas lura. |
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għaldaqstant appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
17 |
Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) jikkonstata, l-ewwel nett, li l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn biss kontra dividendi imqassma lil kumpanniji mhux residenti li qed jagħmlu telf minħabba l-ishma tagħhom f’kumpanniji residenti twassal sabiex l-imsemmija kumpanniji jkollhom żvantaġġ finanzjarju meta mqabbla mal-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf. Madankollu, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk dan il-fatt jikkostitwixxix fih innifsu differenza fit-trattament li hija restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE. |
18 |
Jekk jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tali restrizzjoni, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, it-tieni nett, jekk, fid-dawl tal-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni, jiġifieri li tiggarantixxi l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa, l-imsemmija restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata. |
19 |
It-tielet nett, u sussidjarjament, fil-każ li l-prinċipju ta’ taxxa f’ras il-għajn inkwistjoni f’din il-kawa għandu jkun aċċettat, din il-qorti tixtieq, minn naħa, tkun taf jekk il-fatt li l-kumpannija residenti li qed tagħmel telf li twaqqaf l-attività tagħha tibbenefika, b’dan il-mod, minn eżenzjoni de facto mit-taxxa fuq id-dividendi rċevuti matul is-snin finanzjarji ta’ telf tistax ikollha effett fuq l-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 63 u 65 TFUE. |
20 |
Min-naħa l-oħra, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jinnota li d-differenzi bejn il-modalitajiet tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa fuq id-dividendi skont jekk il-kumpannija li tirċievi d-dividendi mħallsa hijiex residenti jew le residenti wkoll jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, filwaqt li t-taxxa f’ras il-għajn prevista fl-Artikolu 119a taċ-CGI għandha tkun likwidata fuq l-ammont gross tad-dividendi, l-ispejjeż marbuta mal-irċevuta tagħhom sess tad-dividendi għandhom jitnaqqsu mill-bażi tat-tassazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda kif ukoll fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda
22 |
Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti, filwaqt li, meta dawn ukunu rċevuti lil kumpannija residenti, it-taxxa tagħhom skont is-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji sseħħ fl-aħħar tas-sena finanzjarja li matulha ġew rċevuti biss jekk ir-riżultat ta’ din il-kumpannija tal-aħħar kien ta’ profitt matul din is-sena, peress li tali taxxa setgħet, jekk ikun il-każ, qatt ma sseħħ jekk l-imsemmija kumpannija twaqqaf l-attivitajiet tagħha mingħajr ma kisbet riżultat ta’ profitt wara li tirċievi dawn id-dividendi. |
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63(1)KE
23 |
Minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu dan fi Stati oħra (sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, punt 15; tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 44, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 27). |
24 |
B’mod partikolari, trattament sfavorevoli minn Stat Membru tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti, meta mqabbel mat-trattament tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, jista’ jiddisswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru differenti mill-ewwel Stat Membru milli jagħmlu investimenti f’dan l-ewwel Stat Membru u jikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji li għandhom ishma f’kumpannija stabbilita fi Franza huma suġġetti, f’dak li jirrigwarda d-dividendi mħallsa lilhom għal dan il-għan, għal żewġ sistemi fiskali differenti, li l-applikazzjoni tagħhom tiddependi fuq l-istatus tagħhom ta’ resident jew ta’ persuna mhux residenti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. |
26 |
Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti minn kumpannija Franċiża huma suġġetti, skont l-Artikolu 119a(2) taċ-CGI, għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 25 % tal-ammont gross tagħhom, filwaqt li din ir-rata tista’ madankollu titnaqqas taħt ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, irrispettivament mir-riżultati finanzjarji tagħhom. Kif indikat il-qorti tar-rinviju, id-dividendi rċevuti mr-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 % bl-applikazzjoni ta’ tali ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Franko-Belġjana. |
27 |
Min-naħa l-oħra, id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti huma integrati fil-bażi taxxabbli tagħha u suġġetti għas-sistema ta’ taxxa ta’ dritt komuni, jiġifieri t-taxxa fuq il-kumpanniji sa’ 33.33 %, koformement mal-Artikolu 38 taċ-CGI. Fil-każ ta’ riżultat ta’ telf fi tmiem is-sena finanzjarja kkonċernata, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 209(1) taċ-CGI, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi posponiment ta’ din it-taxxa għal sena finanzjarja ta’ profitt ulterjuri, u t-telf irreġistrat mgħoddi għas-sena finanzjarja li jmiss jitnaqqas bl-ammont tad-dividendi rċevuti. |
28 |
Minn dan jirriżulta li, filwaqt li d-dividendi mqassma lil kumpannija mhux residenti huma suġġetti għal taxxa immedjata u definittiva, it-taxxa tad-dividendi mmqassma lil kumpannija residenti tiddependi fuq ir-riżultat nett ta’ profitt jew ta’ telf ta’ din tal-aħħar. B’hekk, meta dan ir-riżultat huwa telf, it-taxxa fuq dawn id-dividendi mhux biss hija posposta għal sena finanzjarja ulterjuri, u b’hekk tipprovdi vantaġġ monetarju lill-kumpannija residenti, iżda għandha natura inċerta, peress li din it-taxxa ma sseħħx jekk il-kumpannija residenti twaqqaf l-attivitajiet tagħha qabel ma jkollha profitt. |
29 |
Issa, l-ewwel nett, l-esklużjoni ta’ vantaġġ f’likwidità monetarja filwaqt li dan ikun disponibbli f’sitwazzjoni simili fit-territorju nazzjonali domestika jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, EU:C:2005:763, punt 33, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 59). |
30 |
It-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament sfavorevoli possibbli tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti għandha ssir għal kull sena fiskali individwalment (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 41). |
31 |
Peress li d-dividendi rċevuti minn kumpannija mhux residenti huma ntaxxati meta jitqassmu, għandu jittieħed kont tas-sena finanzjarja ta’ distribuzzjoni tad-dividendi sabiex jitqabbel il-piż fiskali fuq dawn id-dividendi u dak fuq dividendi mqassma lil kumpannija residenti. |
32 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali piż huwa żero meta l-kumpannija residenti tagħlaq tali sena finanzjarja b’riżultat ta’ telf. |
33 |
It-tielet nett, tali posponiment tat-taxxa jkollu n-natura ta’ eżenzjoni finali tad-dividendi mqassma lil kumpannija residenti jekk din tal-aħħar ma għadhiex qed turi riżultat ta’ profitt qabel ma twaqqaf l-attivitajiet tagħha. |
34 |
Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tagħti vantaġġ lill-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf, peress li dan jimplika tal-inqas vantaġġ ta’ likwidità, jew saħansitra eżenzjoni fil-każ ta’ waqfien ta’ attivitajiet, filwaqt li l-kumpanniji mhux residenti huma suġġetti għal taxxa immedjata u definittiva indipendentement mir-riżultat tagħhom. |
35 |
Il-Gvern Franċiż jenfasizza, f’dan ir-rigward, li d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti huma suġġetti, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 119a(2) taċ-CGI u tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana, għal piż fiskali ta’ 15 %, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti huma suġġetti, skont l-Artikolu 38 taċ-CGI, għal piż fiskali ta’ 33.33 %. |
36 |
Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 % fi Franza ma jipprekludix lir-Renju tal-Belġju milli jintaxxa wkoll dawn l-istess dividendi, skont il-kompetenza fiskali rrikonoxxuta mill-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana, fil-limiti previsti fl-Artikolu 19A(1) ta’ din il-konvenzjoni. |
37 |
Barra minn hekk, il-fatt espost fil-punt 35 ta’ din is-sentenza bl-ebda mod ma jista’ jħassar it-trattament inqas favorevoli ta’ dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti. |
38 |
Fil-fatt, minn naħa, trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-eżistenza eventwali ta’ vantaġġi oħra (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink, C‑182/06, EU:C:2007:452, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 32). |
39 |
Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ taxxa inqas favorevoli invokata mill-Gvern Franċiż f’dak li jikkonċerna d-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti ma hijiex fi kwalunkwe każ rilevanti, peress li dawn id-dividendi huma s-suġġett ta’ eżenzjoni mit-taxxa dovuta meta l-kumpannija residenti twaqqaf l-attivitajiet tagħha mingħajr ma tkun għamlet profitt wara li tirċievi l-imsemmija dividendi. Issa, ġie deċiż li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddiskrimina kontra persuni mhux residenti ma jistax jiġi kkumpensat mill-fatt li, f’sitwazzjonijiet oħrajn, din l-istess leġiżlazzjoni ma taffettwax lill-persuni mhux residenti meta mqabbla mal-persuni residenti (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters Lakebrink, C‑182/06, EU:C:2007:452, punt 23, kif ukoll tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek, C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 38). |
40 |
Tali trattament fiskali differenti ta’ dividendi skont il-post ta’ residenza tagħhom jista’ jiddiswadi, minn naħa, lill-kumpanniji li ma humiex residenti milli jagħmlu investimenti f’kumpanniji stabbilti fi Franza u, min-naħa l-oħra, lill-investituri li jirresjedu fi Franza milli jakkwistaw ishma f’kumpanniji li ma humiex residenti. |
41 |
Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63(1) TFUE. |
42 |
Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE. |
Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 65 TFUE
43 |
Il-Gvern Franċiż isostni li, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni, minn naħa, is-sitwazzjonijiet ta’ kumpanniji residenti u mhux residenti huma oġġettivament differenti u, min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxa u tikkorrispondi għat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istat Membru ta’ residenza u l-Istat Membru tas-sors. |
44 |
Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 [TFUE] m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”. |
45 |
Din id-dispożizzjoni, sa fejn tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għalhekk, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tinvolvi distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn jirrisjedu jew l-Istat Membru li fih dawn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat. Fil-fatt, id-deroga stess prevista fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE hija limitata mill-paragrafu 3 tal-istess artiklu, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-imsemmi paragrafu 1 “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 63). |
46 |
Hemm lok, għalhekk, li ssir distinzjoni bejn id-differenzi fit-trattament permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 65(3) TFUE. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex paragunabbli b’mod oġġettiv jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 64). |
– Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni
47 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-mument meta Stat jissuġġetta, unilateralment jew permezz ta’ ftehim, għat-taxxa fuq id-dħul mhux biss persuni taxxabbli residenti, iżda wkoll lil persuni taxxabbli mhux residenti, għad-dividendi li dawn jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija persuni taxxabbli mhux residenti toqrob għal dik tal-persuni taxxabbli residenti (sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 56, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et, C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762), il-Gvern Franċiż, dak Belġjan, Ġermaniż u tar-Renju Unit jsostnu, madankollu, li leġiżlazzjoni li tipprevedi biss modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa differenti skont il-post tas-sede tal-kumpannija benefiċjarja hija ġġustifikata minħabba differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva li fiha jinsabu l-kumpanniji residenti u l-kumpanniji mhux residenti. |
49 |
B’hekk, peress li l-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ ġbir tat-taxxa differenti skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dividendi tkun tirrifletti d-differenza oġġettiva ta’ sitwazzjonijiet li fihom jinsabu l-kumpanniji mhux residenti meta mqabbla mal-kumpanniji residenti, l-Istat Franċiż jaġixxi fir-rigward tal-kumpanniji mhux residenti bħala Stat tas-sors tad-dividendi u mhux bħala Stat ta’ residenza tal-benefiċjarju ta’ dawn id-dividendi, u dan jillimita l-kapaċità tagħha ta’ ġħir fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji tal-aħħar u jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi mħallsa lilhom. |
50 |
Dan l-argument ma jistax madankollu jiġi aċċettat. |
51 |
Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762), li differenza fit-trattament li tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ metodi differenti ta’ taxxa skont il-post ta’ residenza tal-persuna taxxabbli tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli, madankollu hija ppreċiżat, fil-punti 43 u 44 tal-imsemmija sentenza, li d-dħul inkwistjoni fil-kawża li ta lok għal din l-istess sentenza kien fi kwalunkwe każ suġġett għat-taxxa li kienet rċevuta minn persuna taxxabbli resedenti jew minn persuna taxxabbli mhux residenti. |
52 |
Issa, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex limitata li tipprevedi modalitajiet differenti ta’ ġbir tat-taxxa skont il-post ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali, iżda tista’ tirriżulta f’posponiment tat-taxxa tad-dħul ta’ dividendi fuq sena finanzjarja ulterjuri f’każ li l-kumpannija residenti tkun għamlet telf, jew saħansitra eżenzjoni f’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tagħha fl-assenza li jerġa’ jkun hemm profitt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 43). |
53 |
Għaldaqstant, peress li l-imsemmija leġiżlazzjoni tagħti vantaġġ fiskali sostanzjali lill-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf li ma ngħatax lill-kumpanniji mhux residenti li qed jagħmlu telf, ma jistax jiġi sostnut li d-differenza fit-trattament fit-taxxa fuq id-dividendi skont jekk humiex rċevuti minn kumpannija residenti jew minn kumpannija mhux residenti, hija limitata għall-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa. |
54 |
Minn dan jirriżulta li din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata minn differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva. |
– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri
55 |
Il-Gvern Franċiż isostni li t-taxxa f’ras il-għajn li għaliha huma suġġetti biss id-dividendi li tirċievi kumpannija mhux residenti hija l-unika teknika li tippermetti lill-Istat Franċiż li jintaxxa dan id-dħul mingħajr ma jnaqqas id-dħul fiskali tiegħu minħabba riżultat ta’ telf li beda fi Stat Membru ieħor. |
56 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ż-żamma tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tikkostitwixxi għan leġittimu u li, fl-assenza ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji għat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 35). |
57 |
Tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi aċċettata, b’mod partikolari, fejn is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 77). |
58 |
F’dan il-każ, l-Istat Franċiż għażel li jintaxxa d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn b’rata fissa fil-kuntest ta’ konvenzjoni dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja, filwaqt li ma għamilx tali taxxa fuq id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti li qed jagħmlu telf. |
59 |
Madankollu, fil-kawża prinċipali, il-posponiment tat-taxxa tad-dividendi rċevuti minn kumpannija mhux residenti li qed tagħmel telf ma jfissirx li l-Istat Franċiż għandu jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, id-dividendi mqassma mill-kumpannija residenti huma suġġetti għal taxxa ladarba l-kumpannija mhux residenti kellha riżultat ta’ profitt f’sena finanzjarja ulterjuri, bħalma huwa l-każ għal kumpannija residenti li kellha evoluzzjoni simili. |
60 |
Ċertament, jekk jiġri li l-kumpannija mhux residenti ma terġax tagħmel profitt qabel ma twaqqaf l-attivitajiet tiegħu, dan iwassal għal eżenzjoni effettiva tad-dħul minn dividendi li jirriżulta f’telf fiskali għall-Istat Membru ta’ tassazzjoni. |
61 |
Madankollu, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriulta li t-tnaqqis fid-dħul fiskali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑284/09, EU:C:2011:670, punt 83). |
62 |
Min-naħa l-oħra, meta l-Istati Membri jagħmlu użu mil-libertà li jintaxxaw id-dħul iġġenerat fit-territorju tagħhom, għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament l-libertajiet tal-moviment iggarantiti mil-liġi primarja tal-Istati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 36). |
63 |
Issa, il-Gvern Franċiż ma jistax jallega li t-telf ta’ dħul fiskali marbut mat-taxxa fuq id-dividendi rċevuti mill-kumpanniji mhux residenti f’każ ta’ waqfien tal-attivitajiet tagħhom huwa tali li jiġġustifika taxxa f’ras il-għajn fuq dan id-dħul fir-rigward ta’ dawn il-kumpannijia biss, filwaqt li l-Istat Franċiż jagħti l-kunsens tiegħu għal tali telf meta l-kumpanniji residenti jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom mingħajr ma jerġgħu jibdew jagħmlu profitt. |
64 |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni minħabba n-neċessità li jiġi ppreżervat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri ma tistax tintlaqa’. |
– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa
65 |
Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li l-isuġġettar ta’ dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti għal taxxa f’ras il-għajn jikkostitwixxi mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali tad-dħul ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni u sabiex jiġi evitat li dan id-dħul jevita t-taxxa fl-Istat tas-sors. |
66 |
It-taxxa f’ras il-għajn li għaliha huma suġġetti d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti tista’ tnaqqas il-formalitajiet amministrattivi li jinvolvi l-obbligu, għal dawn il-kumpanniji, li ssir dikjarazzjoni ta’ dħul fi tmiem is-sena fiskali, lill-amministrazzjoni fiskali Franċiża. |
67 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li jiġi żgurat ġbir effettiv tat-taxxa tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali, b’dan li, madankollu, l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland, C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 39). |
68 |
Barra minn hekk, ġie deċiż li l-proċedura ta’ taxxa f’ras il-għajn tikkostitwixxi mezz leġittimu u xieraq sabiex jiġi żgurat it-trattament fiskali tad-dħul ta’ persuna stabbilita barra mill-Istat ta’ tassazzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, X, C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 39). |
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab, kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, fiċ-ċirkustanza li, kuntrarjament għall-kumpanniji residenti li qed jagħmlu telf, il-kumpanniji mhux residenti, huma stess qed jagħmlu telf, ma jibbenefikawx mill-posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi li huma jirċievu. |
70 |
Issa, ir-rikonoxximent tal-benefiċċju ta’ dan il-posponiment lill-kumpanniji mhux residenti, filwaqt li telimina neċessarjament din ir-restrizzjoni, ma jikkontestax it-twettiq tal-għan marbut mal-ġbir effikaċi tat-taxxa dovuta minn dawn il-kumpanniji meta jirċievu dividendi ta’ kumpannija residenti. |
71 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, is-sistema ta’ posponiment tat-tassazzjoni fil-każ ta’ riżultat ta’ telf tikkostiwixxi, min-natura tagħha, deroga mill-prinċipju tat-tassazzjoni matul is-sena finanzjarja tad-distribuzzjoni tad-dividendi, b’tali mod li din is-sistema ma għandhiex l-għan li tapplika għall-maġġoranza tal-kumpanniji li jirċievu dividendi. |
72 |
It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li huma l-kumpanniji mhux residenti li għandhom jipproduċu l-elementi rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni li jikkonstataw li l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi sabiex jibbenefikaw minn tali posponiment huma ssodisfatti. |
73 |
It-tielet nett, il-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka eżistenti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma biżżejjed sabiex jippermettu lill-Istat Membru tas-sors sabiex jivverifika l-veraċità tal-elementi mressqa mill-kumpanniji mhux residenti li jixtiequ jagħmlu differiment tat-taxxa fuq id-dividendi li rċevew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punt 68). |
74 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/106/KE, tas‑16 ta’ Novembru 2004 (ĠU 2004, L 359, p. 30), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1), tippermetti lil Stat Membru jitlob mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, l-informazzjoni kollha li tista’ tippermettilu jistabbilixxi korrettament it-taxxi fuq id-dħul. |
75 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU L 150, p. 28), imħassra u ssostitiwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE, tas‑16 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 84, p. 1) jistabbilixxi li “[f]uq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tipprovdi kull tagħrif li jkun utli għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet [krediti] tagħha”. Għalhekk, din id-direttiva tippermetti lill-Istat Membru tas-sors li jikseb mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġbor kreditu fiskali li nħoloq fil-mument tal-ħlas tad-dividendi. |
76 |
B’hekk, id-Direttiva 2008/55 toffri lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini qafas ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza li jippermettulhom l-irkupru b’mod effettiv tal-kreditu fiskali fl-Istat Membru ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 78, kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑269/09, EU:C:2012:439, punti 70 u 71). |
77 |
Konsegwentement, ir-rikonoxximent tal-vantaġġ relatat mal-posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma wkoll lill-kumpanniji mhux residenti li qed jagħmlu telf għandu l-effett li jneħħi kull ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital mingħajr madankollu ma jostakola t-twettiq tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
78 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bbażata fuq l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa ma tistax tiġi aċċettata. |
79 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandha tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda, kif ukoll għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti li huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti, filwaqt li, meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija residenti, it-taxxa tagħhom skont is-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji ma sseħħx fl-aħħar tas-sena finanzjarja li matulha ġew rċevuti ħlief jekk din il-kumpannija għamlet profitt matul din is-sena finanzjarja, filwaqt li tali taxxa tista’, jekk ikun il-każ, qatt ma sseħħ jekk l-imsemmija kumpannija twaqqaf l-attività tiegħu mingħajr ma tkun kisbet profitt wara li tirċievi dawn id-dividendi. |
Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda
80 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi, kif ukoll għall-ewwel parti tat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda. |
Fuq l-ispejjeż
81 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 63 u 65 FUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-dividendi mqassma minn kumpannija residenti li huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija mhux residenti, filwaqt li, meta dawn jiġu rċevuti minn kumpannija residenti, it-taxxa tagħhom skont is-sistema tad-dritt komuni tat-taxxa fuq il-kumpanniji ma sseħħx fl-aħħar tas-sena finanzjarja li matulha ġew roċevuti ħlief jekk din il-kumpannija għamlet profitt matul din is-sena finanzjarja, filwaqt li tali taxxa tista’, jekk ikun il-każ, qatt ma sseħħ jekk l-imsemmija kumpannija twaqqaf l-attività tiegħu mingħajr ma tkun kisbet profitt wara li tirċievi dawn id-dividendi. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.