This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0466
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 20 September 2018.#Chiara Motter v Provincia autonoma di Trento.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale di Trento.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Directive 1999/70/EC — Framework agreement on fixed-term work concluded by ETUC, UNICE and CEEP — Clause 4 — Public sector — Secondary school teachers — Employment of fixed-term workers as career civil servants through recruitment based on qualification — Determination of the period of service deemed accrued — Account taken only in part of periods of service completed under fixed-term contracts.#Case C-466/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
Chiara Motter vs Provincia autonoma di Trento.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Trento.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Settur pubbliku – Għalliema tas-sekondarja – Reklutaġġ fis-servizz pubbliku permanenti ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat permezz ta’ proċedura ta’ reklutaġġ ibbbażata fuq kwalifiki – Determinazzjoni tal-anzjanità – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi ta’ servizz imwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.
Kawża C-466/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
Chiara Motter vs Provincia autonoma di Trento.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Trento.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Settur pubbliku – Għalliema tas-sekondarja – Reklutaġġ fis-servizz pubbliku permanenti ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat permezz ta’ proċedura ta’ reklutaġġ ibbbażata fuq kwalifiki – Determinazzjoni tal-anzjanità – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi ta’ servizz imwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.
Kawża C-466/17.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:758
*A9* Tribunale di Trento, Ordinanza del 18/07/2017 (650/2016)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Settur pubbliku – Għalliema tas-sekondarja – Reklutaġġ fis-servizz pubbliku permanenti ta’ ħaddiema impjegati għal żmien determinat permezz ta’ proċedura ta’ reklutaġġ ibbbażata fuq kwalifiki – Determinazzjoni tal-anzjanità – Teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi ta’ servizz imwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat”
Fil-Kawża C‑466/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Trento (il-Qorti ta’ Trento, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura
Chiara Motter
vs
Provincia autonoma di Trento
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Sitt Awla),
komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal C. Motter, minn W. Miceli, F. Ganci, V. De Michele, E. De Nisco, S. Galleano u G. Rinaldi, avvocati, |
– |
għall-Provincia autonoma di Trento, minn N. Pedrazzoli, L. Bobbio, A. Pizzoferrato, M. Dalla Serra u M. Velardo, avvocati, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, C. Colelli u G. D’Avanzo, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. Gattinara, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Chiara Motter u l-Provincia autonoma di Trento (il-Provinċja awtonoma ta’ Trento, l-Italja), rigward il-kalkolu tal-anzjanità tagħha fil-mument tal-konkluzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ din tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. |
4 |
Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas tipprovdi:
|
5 |
Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas hija redatta kif ġej: “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:
|
6 |
Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tipprovdi li:
|
Id-dritt Taljan
7 |
L-Artikolu 485(1) tad-decreto legislativo no 297, “testo unico delle disposizioni legislative vigenti in materia di istruzione, relative alle scuole di ogni ordine e grado” (Digriet Leġiżlattiv Nru 297, “test uniku tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli fil-qasam tat-tagħlim u relatati mal-iskejjel ta’ kull tip u ta’ kull livell”), tas-16 ta’ April 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 115, tad-19 ta’ Mejju 1994), jipprovdi: “Fir-rigward tal-persunal li jgħallem fl-iskejjel ta’ tagħlim sekondarju u artistiku, is-servizz imwettaq f’dawn l-iskejjel tal-Istat u assimilati, inklużi dawk li jinsabu barra mill-pajjiż, fil-kwalità ta’ għalliem mhux permanenti, huwa rrikonoxxut bħala servizz imwettaq fil-kwalità ta’ ħaddiem permanenti, għal skopijiet legali u ekonomiċi, kollha kemm huma għall-ewwel erba’ snin u għaż-żewġ terzi tal-perijodu supplimentari eventwali, kif ukoll għal skopijiet ekonomiċi f’dak li jikkonċerna t-terz li jibqa’. Id-drittijiet ekonomiċi li jirriżultaw minn dan ir-rikonoxixment huma kkonservati u evalwati fl-iskali ta’ remunerazzjoni kollha sussegwenti għal dik mogħtija fid-data ta’ dan ir-rikonoxximent.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 |
Matul is-sena 2003, C. Motter ġiet irreklutata mill-Provinċja awtonoma ta’ Trento skont kuntratt għal żmien determinat, bħala għalliema tal-iskejjel sekondarji, u dan, għas-sena skolastika 2003/2004. Sussegwentement hija segwiet din l-attività mingħajr interruzzjoni, permezz ta’ seba’ kuntratti suċċessivi oħra, kull wieħed għal żmien determinat li jikkorrispondi ma’ dak tas-sena skolastika. |
9 |
Mill-1 ta’ Settembru 2011, C. Motter ibbenefikat minn kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Hija ġiet maħtura f’pożizzjoni permanenti fl-1 ta’ Settembru 2012. |
10 |
Fit-8 ta’ Settembru 2014, il-Provinċja awtonoma ta’ Trento għamlet rikostituzzjoni tal-karriera tal-persuna kkonċernata għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha fi grad skont leġiżlazzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2012. Skont l-Artikolu 485(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, tas-16 ta’ April 1994, C. Motter ġiet irrikonoxxuta għal dan l-iskop anzjanità ta’ 80 xahar fuq is-96 xahar effettivament imwettqa. L-ewwel erba’ snin ġew kollha meħuda inkunsiderazzjoni, l-erba’ snin ta’ wara f’proporzjon limitat għaż-żewġ terzi, jiġifieri 32 xahar fuq 48. Hija ġiet ikklassifikata fl-ewwel grad. |
11 |
Fit-2 ta’ Diċembru 2016, C. Motter ippreżentat quddiem it-Tribunale di Trento (il-Qorti ta’ Trento, l-Italja) rikors intiż sabiex il-Provinċja awtonoma ta’ Trento tieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità kollha tagħha miksuba preċedentement għall-konklużjoni tal-kuntratt għal żmien indeterminat fl-eżerċizzju tal-istess funzjonijiet, skont tmien kuntratti għal żmien determinat suċċessivament konklużi għas-snin skolastiċi 2003/2004 sa 2010/2011. |
12 |
Insostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka l-ksur tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas u titlob li l-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, tas-16 ta’ April 1994, ma jiġix applikat, sa fejn dan jipprevedi li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-servizzi mwettqa skont kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa b’mod sħiħ fil-limitu ta’ erba’ snin u, lil hinn minn dan, limitat sa żewġ terzi. |
13 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni previst fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jiġi vverifikat li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti. Sabiex titwettaq tali verifika, is-sitwazzjoni ta’ C. Motter tista’ tiġi pparagunata ma’ dik ta’ għalliem li jeżerċita xogħol simili li, wara li jkun ġie rreklutat permezz ta’ kompetizzjoni għal żmien indeterminat, għandu l-istess anzjanità bħal C. Motter. |
14 |
F’dan ir-rigward, C. Motter stabbilixxiet, mingħajr ma hija kkontestata fuq dan il-punt mill-parti avversarja, li hija wettqet kompiti identiċi għal dawk tal-għalliema rreklutati permezz ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kuntratti għal żmien indeterminat. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza ta’ differenza bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet. Peress li l-għalliema permanenti għaddew minn kompetizzjoni, jista’ jiġi sostnut li s-servizzi tagħhom huma ta’ kwalità superjuri minn dik tal-għalliema għal żmien determinat. Kieku dan kellu jkun il-każ, ma hemmx lok li jiġi segwit il-motiv espost fil-punt 45 tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valena et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tikkunsidra li persuni impjegati li jwettqu kompiti identiċi jistgħu jitqiesu bħala li huma f’sitwazzjonijiet differenti skont jekk għaddewx minn kompetizzjoni ta’ aċċess għas-servizz pubbliku. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-opinjonijiet tal-qrati Taljani huma maqsuma fuq dan il-punt. Il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) għalhekk iddeċidiet li, għall-għalliema, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas teħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità miksuba skont kuntratti għal żmien determinat preċedenti, sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tagħhom fir-rigward tal-għalliema li jibbenefikaw minn kuntratti għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, diversi qrati inferjuri adottaw is-soluzzjoni kuntrarja. |
16 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk il-fatt li persuna ma tkunx għaddiet minn kompetizzjoni ta’ aċċess għas-servizz pubbliku jistax jiġġustifika differenza fit-trattament għad-dannu tal-impjegati għal żmien determinat. |
17 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punti 23, 55 u 62), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-anzjanità miksuba skont kuntratti għal żmien determinat għall-benefiċċju ta’ ħaddiema integrati fil-qafas permanenti tas-servizz pubbliku jista’ jagħti lok għal diskriminazzjoni retroattiva għad-dannu ta’ persuni li jkunu għaddew minn kompetizzjoni rreklutati għal żmien indeterminat. |
18 |
Dawn l-elementi jwasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt Taljan, billi jipprevedi fl-Artikolu 485 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, tas-16 ta’ April 1994, formula digressiva ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba taħt kuntratti għal żmien determinat bl-għan li tiġi evitata diskriminazzjoni retroattiva fir-rigward ta’ persuni li jkunu għaddew minn kompetizzjoni tas-servizz pubbliku, huwiex kompatibbli mal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Trento (il-Qorti ta’ Trento) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġsutizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
20 |
Il-Gvern Taljan isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħha. Billi l-qorti tar-rinvju ma ddefinixxietx il-fatti b’mod adegwat u suffiċjentement preċiż, ma huwiex possibbli li tiġi evalwata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma’ dik ta’ uffiċjali li tqegħdu f’pożizzjoni paragunabbli u li tingħata risposta għad-domandi preliminari. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qrati tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija obbligata li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi bħala taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:597, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Issa, f’din il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi deskrizzjoni tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt fl-oriġini tal-kawża prinċipali suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti risposta utli għad-domandi magħmula. Dawn id-domandi, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jagħmlu parti minn qafas ta’ tilwima li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom huma meħuda inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ anzjanità mwettqa minn ħaddiema għal żmien determinat fid-dawl tal-klassifikazzjoni tagħhom fi grad fil-mument tar-reklutaġġ tagħhom bħala uffiċjali. Minħabba dan il-fatt, dawn id-domandi jippreżentaw relazzjoni diretta bejn is-suġġett tal-kawża prinċipali u ma humiex ipotetiċi. Kemm C. Motter kif ukoll il-Provinċja awtonoma ta’ Trento kif ukoll il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea, mill-bqija, kienu fil-pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
24 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domandi preliminari
25 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jitqiesu flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawola 4 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ħaddiem f’kategorija ta’ remunerazzjoni waqt ir-rekutaġġ tiegħu bbażat fuq kwalifiki inkwantu uffiċjal permanenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat b’mod sħiħ sar-raba’ sena u, lil hinn minn dan, parzjalment, sa żewġ terzi. |
26 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jitfakkar li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas tipprojbixxi li jiġu ttrattati, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli unikament għar-raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistipula l-istess projbizzjoni f’dak li jikkonċerna l-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità relattivi ma’ kundizzjonijiet partikolari tal-impjieg (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 39). Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-regoli relatati mal-perijodi ta’ servizz li għandhom jitwettqu sabiex tkun tista’ ssir klassifikazzjoni f’kategorija ta’ remunerazzjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet tal-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punti 46 u 47). |
27 |
Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura jirriżulta li, bid-differenza ta’ għalliema għal żmien indeterminat irreklutati permezz ta’ kompetizzjoni, fil-każ tal-għalliema għal żmien determinat li jidħlu fis-servizz pubbliku permanenti permezz ta’ reklutaġġ ibbażat fuq kwalifiki ma tistax, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom f’kategorija ta’ remunerazzjoni, tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità tagħhom b’mod sħiħ ħlief għall-ewwel erba’ snin ta’ servizzi tagħhom, fejn dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa sussegwentement limitat għaż-żewġ terzi għas-snin segwenti. L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għalhekk wasslet lill-amministrazzjoni li taċċetta biss 80 xahar fuq is-96 effettivament imwettqa skont kuntratti għal żmien determinat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri madwar 83 % tal-anzjanità li hija kienet kisbet fis-servizz. |
28 |
Issa, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, l-ugwaljanza fit-trattament tapplika biss bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat paragunabbli. Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita minn din il-klawżola, għanda l-ewwel nett tiġi eżaminata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni, sussegwentement, fit-tieni lok, li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ eventwali ġustifikazzjoni oġġettiva. |
Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni
29 |
Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-klawżola 3(2) u mal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
In-natura tal-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul is-snin li matulhom hija ħadmet bħala għalliema fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u l-kwalità tal-esperjenza li hija kisbet f’dan ir-rigward jagħmlu parti mill-kriterji li jippermettu li jiġi vverifikat jekk hija tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ uffiċjal irreklutat permezz ta’ kompetizzjoni u li kien kiseb l-istess anzjanità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 44). |
31 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali matul is-snin li matulhom hija ħadmet fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kienu identiċi għal dawk li kienu ngħatawhla bħala uffiċjal permanenti. |
32 |
Jidher madankollu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx għaddiet minn kompetizzjoni ġenerali ta’ aċċess għas-servizz pubbliku. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali ċirkustanza oġġettiva timplikax kompetenzi professjonali inferjuri, li jistgħu jfissru, b’mod partikolari matul l-ewwel perijodi ta’ tagħlim, kwalità inqas tajba tal-prestazzjonijiet ipprovduti meta pparagunati ma’ dawk tal-uffiċjali permanenti rreklutati permezz ta’ kompetizzjoni. |
33 |
Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li ma tkunx għaddiet minn kompetizzjoni amministrattiva ma jistax jimplika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-mument tar-reklutaġġ tagħha għal żmien indeterminat, ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ uffiċjali permanenti, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-proċedura nazzjonali ta’ reklutaġġ ibbażat fuq kwalifiki kienu intiżi preċiżament sabiex jippermettu l-integrazzjoni fil-kuntest permanenti tas-servizz pubbliku ta’ ħaddiema għal żmien determinat li għandhom esperjenza professjonali li tippermetti li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tagħhom tista’ tiġi assimilata ma’ dik ta’ uffiċjali permanenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 45). |
34 |
Barra minn hekk, l-ipoteżi li l-kwalità tal-prestazzjonijiet ta’ għalliema ġodda rreklutati għal żmien determinat hija inqas minn dik ta’ persuni li għaddew minn kompetizzjoni ma tidhirx konċiljabbli mal-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jirrikonoxxi b’mod sħiħ l-anzjanità miksuba fir-rigward tal-ewwel erba’ snin ta’ eżerċizzju professjonali ta’ għalliema għal żmien determinat. Minbarra dan, tali ipoteżi, kieku kienet ivverifikata, kienet timplika min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet suffiċjentement frekwenti sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ reklutaġġ. Issa, dan ma jidhirx li huwa l-każ peress li mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrenti fil-kawża prinċpiali jirriżulta li l-kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ huma organizzati biss b’mod sporadiku, fejn tal-aħħar seħħew matul is-snin 1999, 2012 u 2016. Tali sitwazzjoni, li l-verifika tagħha taqa’ fuq il-qorti tar-rinviju, tidher diffiċilment kompatibbli mal-argument difiż mill-Gvern Taljan li l-prestazzjonijiet tal-għalliema għal żmien determinat huma inqas minn dawk tal-għalliema għal żmien indeterminat irreklutati permezz ta’ kompetizzjoni. |
35 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni huma paragunabbli, bla ħsara għall-verifiki ta’ natura fattwali li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-perijodi ta’ servizz ta’ tul superjuri minn erba’ snin imwettqa fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat waqt il-klassifikazzjoni tal-uffiċjali tat-tagħlim sekondarju rreklutati abbażi tal-kwalifiki tagħhom fil-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħhom. |
Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva
36 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata mill-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola ġenerali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
L-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
L-użu biss tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma jistax jikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni unikament li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat iġġib fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 kif ukoll tal-Ftehim qafas u tipperpetwa ż-żamma ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 52). |
39 |
Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi totalment it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa minn ħaddiem għal żmien determinat ta’ awtorità pubblika għad-determinazzjoni tal-anzjanità ta’ dan tal-aħħar fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità bħala uffiċjal permanenti fl-ambitu ta’ proċedura speċifika ta’ stabilizzazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, sakemm din l-esklużjoni ma tkunx iġġustifikata minn “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-punti 1 u/jew 4 ta’ din il-klawżola. Il-fatt biss li l-ħaddiem għal żmien determinat ikun wettaq dawn il-perijodi ta’ servizz fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali raġuni oġġettiva (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 71). |
40 |
F’dan il-każ, sabiex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament allegata fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan isostni li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntarjament għal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et (C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646), tirrikonoxxi b’mod sħiħ il-karriera mwettqa minn ħaddiema għal żmien determinat waqt ir-reklutaġġ tagħhom bħala uffiċjali permanenti. |
41 |
Ċertament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikonoxxi b’mod sħiħ din il-karriera. Madnakollu, hija ma tagħmilx dan b’mod uniformi peress li l-anzjanità miksuba lil hinn mill-ewwel erba’ snin tittieħed inkunsiderazzjoni unikament fil-limitu taż-żewġ terzi. |
42 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jispjega tali tnaqqis permezz tan-neċessità li jiġi rifless il-fatt li l-esperjenza tal-għalliema għal żmien determinat ma tistax tiġi kompletament ipparagunata ma’ dik tal-kollegi uffiċjali permanenti tagħhom irreklutati permezz ta’ kompetizzjoni. Kuntrarjament għal dawn tal-aħħar, l-għalliema għal żmien determinat huma ta’ spiss imsejħa sabiex jiżguraw missjonijiet ta’ sostituzzjoni temporanji u sabiex jgħallmu varjetà ta’ suġġetti. Minbarra dan, dawn tal-aħħar ikunu suġġetti għal sistema ta’ kalkolu tal-ħin imwettaq li tvarja minn dik applikabbli għall-uffiċjali permanenti. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, kemm mill-perspettiva kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva, u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni retroattiva għad-dannu tal-uffiċjali rreklutati permezz ta’ kompetizzjoni, il-Gvern Taljan iqis iġġustifikat li jiġi applikat koeffiċjent ta’ tnaqqis waqt it-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. |
43 |
Għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom stess, huma jistgħu, bħala prinċipju, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 1999/70 jew il-Ftehim qafas, jipprovdu għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kwalità ta’ uffiċjali permanenti kif ukoll għall-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ dawn l-uffiċjali, b’mod partikolari meta dawn kienu preċedentement ġew impjegati minn dawn l-amministrazzjonijiet fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 57). |
44 |
Madankollu, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha ssir b’mod trasparenti u għandha tkun tista’ tiġi kkontrollata sabiex jiġi prekluż kull trattament sfavorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat biss abbażi tat-tul tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 59). |
45 |
Meta tali trattament differenzjat jirriżulta min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi relatati mal-impjieg li ser jimtela permezz tal-proċedura ta’ reklutaġġ u li ma għandhomx x’jaqsmu maż-żmien determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot il-ħaddiem ma’ min jimpjegaha, dan jista’ jiġi ġġustifikat fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 79). |
46 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li ċerti differenzi fit-trattament bejn l-uffiċjali permanenti rreklutati fit-tmiem ta’ kompetizzjoni ġenerali u dawk irreklutati wara li kienu kisbu esperjenza professjonali fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, bħala prinċipju jistgħu jiġu ġġustifikati mid-differenzi ta’ kwalifiki meħtieġa u min-natura tal-kompiti li huma għandhom jieħdu r-responsabbiltà tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 60). |
47 |
L-għanijiet allegati mill-Gvern Taljan li jikkonsistu, minn naħa, li jiġu riflessi d-differenzi ta’ eżerċizzju professjonali bejn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li tiġi evitata l-emerġenza ta’ diskriminazzjonijiet retroattivi kontra uffiċjali permanenti rreklutati meta jgħaddu minn kompetizzjoni ġenerali, jistgħu għalhekk jitqiesu bħala li jikkostitwixxu “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew 4 tal-Ftehim qafas, sa fejn jissodisfaw bżonn reali, għandhom il-kapaċità li jilħqu l-għan imfittex u huma neċessarji għal dan l-effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 62). |
48 |
Bla ħsara għall-verifiki li jaqgħu esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi ammess li l-għanijiet invokati mill-Gvern Taljan f’dan il-każ jistgħu leġittimament jitqiesu bħala li huma intiżi li jissodisfaw bżonn reali. |
49 |
Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet ta’ dan il-gvern jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, parzjalment, sabiex tirrifletti d-differenzi bejn l-esperjenza miksuba mill-għalliema rreklutati fuq bażi ta’ kompetizzjoni u dawk irreklutati fuq bażi ta’ kwalifiki, minħabba d-diversità tas-suġġetti, tal-kundizzjonijiet u tal-ħinijiet li fihom dawn għal-aħħar għandhom jintervjenu, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ missjonijiet ta’ sostituzzjoni ta’ għalliema oħra. Il-Gvern Taljan jafferma li, minħabba l-eteroġeneità ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, il-prestazzjonijiet ipprovduti mill-għalliema għal żmien determinat matul tul li jilħaq 180 jum fis-sena, jiġifieri madwar iż-żewġ terzi ta’ sena skolastika, huma assimilati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ servizz ta’ sena skolastika kompleta. Bla ħsara għall-verifika ta’ dawn l-elementi mill-qorti tar-rinviju, tali għan jidher konformi mal-prinċipju “pro rata temporis” li tirreferi espressament għalih il-klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas. |
50 |
Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ verifika inizjali tal-kompetenzi permezz ta’ kompetizzjoni u r-riskju ta’ żvalutazzjoni ta’ din il-kwalifika professjonali ma tirrikjedix neċessarjament li tiġi eskluża parti mill-anzjanità miksuba skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Madankollu, ġustifikazzjonijiet ta’ din in-natura jistgħu, taħt ċerti ċirkustanzi, jitqiesu bħala li jissodisfaw għan leġittimu. F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li jiġi rrilevat li minn osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan jirriżulta li l-ordinament ġuridiku nazzjonali jagħti importanza partikolari lill-kompetizzjonijiet amministrattivi. Il-Kostituzzjoni Taljana, sabiex tiżgura l-imparzjalità u l-effikaċja tal-amministrazzjoni, tipprevedi, fil-fatt, fl-Artikolu 97 tagħha, li l-aċċess għall-impjiegi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi jseħħ permezz ta’ kompetizzjoni, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi. |
51 |
B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita proporzjonalment b’żewġ terzi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità ta’ iktar minn erba’ snin miksuba permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ma tistax titqies bħala li teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet preċedentement eżaminati u sabiex jintlaħaq ekwilibriju bejn l-interessi leġittimi tal-ħaddiema għal żmien determinat u dawk tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, fl-osseranza tal-valuri meritokratiċi u kunsiderazzjonijiet ta’ imparzjalità u ta’ effikaċja tal-amministrazzjoni li fuq il-bażi tagħhom iseħħu r-reklutaġġi permezz ta’ kompetizzjoni. |
52 |
Fid-dawl ta’ dan, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li mill-elementi disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dannu subit mill-fatt tad-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-ħaddiema għal żmien indeterminat jidher li huwa marbut maċ-ċirkustanza li l-kategorija ta’ remunerazzjoni tagħha ġiet stabbilita mhux skont dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fid-data tar-reklutaġġ tagħha għal żmien indeterminat, fl-1 ta’ Settembru 2011, iżda skont dispożizzjonjiet sussegwenti fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni wettqet ir-rikostituzzjoni tal-karriera tagħha, jiġifieri fit-8 ta’ Settembru 2014. Minkejja li kellha, fid-data tar-reklutaġġ tagħha għal żmien indeterminat, anzjanità superjuri għal tliet snin li kienet tagħmilha eliġibbli għat-tieni grad tal-iskala ta’ klassifikazzjoni li dak iż-żmien kienet fis-seħħ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma bbenefikatx mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji marbuta mal-modifika ta’ din l-iskala mill-1 ta’ Jannar 2012 u dan, minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji kienu intiżi sabiex jiżguraw iż-żamma fi grad tal-ħaddiema li f’dik id-data kienu jaqgħu fit-tieni grad. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mistoqsija dwar dan il-punt mill-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tivverifika, skont il-każ, jekk tali applikazzjoni retroattiva tal-iskala ġdida ta’ klassifikazzjoni hijiex konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
53 |
Isegwi li, bla ħsara tal-verifiki li jaqgħu fuq il-qorti tar-rinviju, l-elementi invokati mill-Gvern Taljan sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat jikkostitwixxu “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew 4 tal-Ftehim qafas. |
54 |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li d-domandi magħmula jiġu risposti li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li, bħala prinċipju ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ħaddiem f’kategorija ta’ remunerazzjoni waqt ir-reklutaġġ tiegħu fuq il-bażi ta’ kwalifiki inkwantu uffiċjal permanenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat b’mod sħiħ sar-raba’ sena u, lil hinn minn dan, b’mod parzjali, sa żewġ terzi. |
Fuq l-ispejjeż
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn ir-raġunijiet, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP għandha tiġi interpretata fis-sens li, bħala prinċipju ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ ħaddiem f’kategorija ta’ remunerazzjoni waqt ir-reklutaġġ tiegħu fuq il-bażi ta’ kwalifiki inkwantu uffiċjal permanenti, tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa skont kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat b’mod sħiħ sar-raba’ sena u, lil hinn minn dan, b’mod parzjali, sa żewġ terzi |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.