EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0462

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2018.
Tänzer & Trasper GmbH vs Altenweddinger Geflügelhof KG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Xorb spirituż – Definizzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni, ittikkettjar u protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi – Punt 41 tal-Anness II – Likur tal-bajd – Definizzjoni – Natura eżawrjenti tal-ingredjenti awtorizzati.
Kawża C-462/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:866

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

25 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Xorb spirituż – Definizzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni, ittikkettjar u protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi – Punt 41 tal-Anness II – Likur tal-bajd – Definizzjoni – Natura eżawrjenti tal-ingredjenti awtorizzati”

Fil-Kawża C‑462/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Tänzer & Trasper GmbH

vs

Altenweddinger Geflügelhof KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Għaxar Awla, li qed jaġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, E. Juhász u C. Vajda (Relatur), Imħallfin

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Tänzer & Trasper GmbH, minn K. Krietsch, Rechtsanwältin,

għal Altenweddinger Geflügelhof KG, minn H. J. Omsels, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos, M. Tassopoulou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u B. Hofstötter, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008, L 354, p. 34) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 110/2008”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Tänzer & Trasper GmbH u Altenweddinger Geflügelhof KG dwar id-denominazzjoni tal-bejgħ “likur tal-bajd” li jinsab fuq il-prodotti ta’ din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 2, 4 u 9 tar-Regolament Nru 110/2008 jgħidu li:

“(2)

Is-settur tax-xorb spirituż huwa importanti għall-konsumaturi, għall-produtturi u għas-settur agrikolu [fl-Unjoni]. Il-miżuri applikabbli għas-settur tax-xorb spirituż għandhom jikkontribwixxu sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u jikkontribwixxu lejn il-prevenzjoni ta’ prattika qarrieqa u l-kisba ta’ trasparenza fis-suq u ta’ kompetizzjoni ġusta. Permezz ta’ dan huwa mistenni li l-miżuri jissalvagwardjaw ir-reputazzjoni li x-xorb spirituż [tal-Unjoni] kiseb fi ħdanha u fis-suq dinji billi jibqa’ jittieħed kont tal-metodi tradizzjonali użati fil-produzzjoni tax-xorb spirituż kif ukoll taż-żieda fit-talba għall-protezzjoni tal-konsumatur u għall-informazzjoni. […]

[…]

(4)

Sabiex jiġi żgurat approċċ aktar sistematiku fil-Leġiżlazzjoni li tirregola x-xorb spirituż, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi b’mod ċar kriterji definiti għall-produzzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni u tikkettar ta’ xorb spirituż kif ukoll għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi.

[…]

(9)

Meta wieħed iqis l-importanza u l-kumplessità tas-settur tax-xorb spirituż, jixraq li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi dwar id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tax-xorb spirituż li jmorru lil hinn mir-regoli orizzontali stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati ma’ l-ittikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p.75)]. Dawk il-miżuri speċifiċi għandhom jipprevjenu wkoll l-użu improprju tat-terminu “xarba spirituża” u ta’ l-ismijiet tax-xorb spirituż għal prodotti li ma jissodisfawx id-definizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.”

4

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 110/2008 jipprevedi li dan jistabbilixxi r-regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u l-ittikkettjar ta’ xorb spirituż kif ukoll il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tiegħu.

5

L-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “xarba spirituża” tfisser xarba alkolħolika:

[…]

(ċ)

li jkollha qawwa alkoħolika minima ta’ 15 % vol.;

[…]

3.   Il-qawwa alkolħolika minima prevista fil-paragrafu 1(ċ) għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni tal-prodott fil-kategorija 41 fl-Anness II.”

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprevedi li x-xorb spirituż huwa kklassifikat skont id-definizzjonijiet elenkati fl-Anness II tiegħu.

7

L-Artikolu 5(2)(a) ta’ dan l-istess regolament jistabbilixxi li:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi stabbiliti għal kull waħda mill-kategoriji enumerati 15 sa 46 fl-Anness II, ix-xarbiet spiritużi definiti hemmhekk jistgħu:

(a)

jinkisbu minn kwalunkwe materja prima agrikola elenkata fl-Anness I mat-Trattat”

8

Skont l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 110/2008:

“1.   Xorb spirituż li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet għall-prodotti definiti fil-kategoriji 1 sa 46 ta’ l-Anness II għandu jkollhom fid-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u l-ittikkettar tagħhom id-denominazzjoni tal-bejgħ assenjata hemmhekk.

2.   Ix-xarbiet spiritużi li jissodisfaw id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 iżda li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-inklużjoni fil-kategoriji 1 sa 46 ta’ l-Anness II għandhom ikollhom fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni u fit-tikketti tagħhom id-denominazzjoni tal-bejgħ “xorb spirituż”. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, dik id-denominazzjoni tal-bejgħ m’għandhiex tiġi sostitwita jew modifikata.”

9

L-Anness II ta’ dan ir-regolament huwa intitolat “Xorb spirituż”. Fil-parti ta’ dan l-anness iddedikata għall-“Kategoriji ta’ xorb spirituż”, il-punti 41 u 42 tiegħu huma fformulati kif ġej:

“41.

Likur tal-bajd jew advocaat jew avocat jew advokat

(a)

Il-likur tal-bajd jew advocaat jew avocat jew advokat huwa xarba spirituża, sew bit-togħma miżjuda jew le, miksuba minn alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, distillat u/jew spirtu, li l-ingredjenti tiegħu huma isfar tal-bajd [ta’ kwalità], abjad tal-bajd u zokkor jew għasel […]. Il-kontenut minimu ta’ zokkor jew għasel għandu jkun ta’ 150 gramma għal kull litru espress bħala zokkor invertit. Il-kontenut minimu ta’ isfar tal-bajd pur għandu jkun ta’ 140 gramma għal kull litru tal-prodott finali.

(b)

B’deroga mill-Artikolu 2(1)(ċ), il-qawwa alkoħolika minima skond il-volum tal-likur tal-bajd jew advocaat jew avocat jew advokat għandha tkun ta’ 14 %.

(c)

Sustanzi aromatizzanti biss kif definiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament […] Nru 1334/2008 u preparazzjonijiet aromatizzanti biss kif definiti fl-Artikolu 3(2)(d) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw fil-preparazzjoni tal-liqueur tal-bajd jew l-advocaat jew l-avocat jew l-advokat.

42.

Likur bil-bajd

(a)

Il-likur bil-bajd huwa xarba spirituża, sew bit-togħma miżjuda jew le, miksuba minn alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, distillat u/jew spirtu, li l-ingredjenti karatteristiċi tiegħu huma isfar tal-bajd [ta’ kwalità], abjad tal-bajd u zokkor jew għasel. […]

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Kemm Tänzer & Trasper kif ukoll Altenweddinger Geflügelhof jipproduċu likuri li fil-kompożizzjoni tagħhom hemm, b’mod partikolari, il-bajd u li jinbiegħu taħt id-denominazzjoni tal-bejgħ “likur tal-bajd”. Fost il-likuri mibjugħa taħt din id-denominazzjoni minn Altenweddinger Geflügelhof hemm firxa ta’ prodotti li jinkludu fuq it-tikketta mwaħħla fuq in-naħa ta’ wara tal-fliexken l-indikazzjoni “fih il-ħalib”. Huwa paċifiku li dawn il-prodotti fihom effettivament il-ħalib.

11

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), Tänzer & Trasper titlob, skont id-dispożizzjonijiet kemm tad-dritt nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, li Altenweddinger Geflügelhof tiġi ordnata tieqaf tuża d-denominazzjoni tal-bejgħ “likur tal-bajd” għall-imsemmija firxa ta’ prodotti. Skont Tänzer & Trasper, peress li l-ħalib ma huwiex imsemmi fil-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008 bħala ingredjent tal-likur tal-bajd, prodott li jkun fih il-ħalib ma jistax juża l-imsemmija denominazzjoni tal-bejgħ.

12

Altenweddinger Geflügelhof issostni, min-naħa l-oħra, li l-prodotti inkwistjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-ingredjenti li hija telenka jikkostitwixxu biss kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex prodott ikun jista’ jiġi deskritt bħala “likur tal-bajd”.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-elenkar tal-komponenti li jinsabu fil-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 isemmi l-komponenti li xarba spirituża għandha tinkludi bħala minimu biex tkun tista’ tintuża għaliha d-denominazzjoni tal-bejgħ ‘likur tal-bajd’ (speċifikazzjonijiet minimi), jew jindika b’mod eżawrjenti l-komponenti awtorizzati ta’ prodott li huwa mixtieq li tintuża għalih id-denominazzjoni tal-bejgħ ‘likur tal-bajd’?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun tista’ tuża d-denominazzjoni tal-bejgħ “likur tal-bajd”, xarba spirituża ma tistax tkun fiha ingredjenti oħra minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

15

Ir-Regolament Nru 110/2008 jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u l-ittikkettjar ta’ xorb spirituż kif ukoll il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tiegħu. Skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, dan ix-xorb spirituż għandu jiġi kklassifikat f’kategoriji skont id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ta’ dan tal-aħħar.

16

F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk Altenweddinger Geflügelhof, konvenuta f’din il-kawża, għandhiex id-dritt tagħti lill-prodotti tagħha d-denominazzjoni “likur tal-bajd”, fid-dawl tal-fatt li dawn, minbarra l-ingredjenti msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni, fihom il-ħalib.

17

Għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjonijiet bl-Ispanjol, bl-Ingliż u bil-Franċiż, l-ewwel sentenza tal-punt 41(a) tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008 hija fformulata b’tali mod li minnha jirriżulta b’mod inekwivoku li l-lista ta’ ingredjenti msemmija hemmhekk hija eżawrjenti.

18

Madankollu, il-verżjoni bil-Ġermaniż ta’ din is-sentenza tipprovdi li l-likur tal-bajd huwa xarba spirituża “li tinkludi”, bħala ingredjenti, isfar tal-bajd ta’ kwalità, abjad tal-bajd u zokkor jew għasel. Kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din il-formulazzjoni ma teskludix interpretazzjoni li tgħid li jistgħu jiżdiedu ingredjenti oħra minbarra dawn tal-aħħar.

19

Barra minn hekk, Altenweddinger Geflügelhof tenfasizza, fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-verżjoni bit-Taljan tal-imsemmija sentenza tikklassifika l-ingredjenti msemmija fiha bħala “karatteristiċi” (“elementi caratteristici”). Għalhekk, f’din il-verżjoni lingwistika, il-formulazzjoni tal-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008 tikkorrispondi għal dik tal-punt 42 tal-istess anness, li jiddefinixxi x-xarba spirituża bl-isem “likur bil-bajd”.

20

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-fatt, jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet bil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li minnha tkun tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 110/2008 jirriżulta li x-xorb spirituż li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti għall-prodotti ddefiniti fil-kategoriji tal-Anness II jingħata, fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni u fl-ittikkettjar tiegħu, id-denominazzjoni tal-bejgħ assenjata hemmhekk. L-Artikolu 9(2) tal-imsemmi regolament jippreċiża li, meta x-xorb spirituż, li jissodisfa d-definizzjoni fl-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament, ma jissodisfax ir-rekwiżiti għall-inklużjoni tiegħu fil-kategoriji 1 sa 46 tal-imsemmi anness, huwa għandu jiġi deskritt bid-denominazzjoni tal-bejgħ “xorb spirituż”. Mir-relazzjoni bejn l-ewwel żewġ paragrafi tal-imsemmi Artikolu 9 jirriżulta li d-definizzjonijiet ta’ xorb spirituż li jinsabu fil-kategoriji tal-imsemmi Anness II tar-Regolament Nru 110/2008 għandhom natura preċiża u eżawrjenti.

22

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-iskop tar-Regolament Nru 110/2008, mill-premessa 4 tiegħu jirriżulta, l-ewwel nett, li dan ir-regolament huwa intiż li jiggarantixxi approċċ iktar sistematiku fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tax-xorb spirituż, billi jistabbilixxi kriterji ċari għall-produzzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni u ttikkettjar ta’ dan ix-xorb kif ukoll għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi. Barra minn hekk, il-premessa 9 ta’ dan ir-regolament tindika li dan tal-aħħar għandu wkoll l-għan li jistabbilixxi miżuri speċifiċi dwar id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tax-xorb spirituż intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tat-terminu “xorb spirituż” u tad-denominazzjonijiet ta’ xorb spirituż sabiex jiġu deskritti prodotti li ma jissodisfawx id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-regolament.

23

Issa, id-definizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmi anness jikkostitwixxu preċiżament miżuri speċifiċi dwar id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tax-xorb spirituż, imsemmija fil-punt preċedenti. Sa fejn dawn id-definizzjonijiet huma, għalhekk, fil-qalba tas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 110/2008 u l-preċiżjoni tagħhom għandha sservi l-għan, imfakkar ukoll fil-punt preċedenti, li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ denominazzjonijiet ta’ xorb spirituż, dawn għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, taħt piena li din is-sistema tiddgħajjef. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà li jiżdiedu ingredjenti oħra ma’ dawk elenkati f’dawn id-definizzjonijiet tista’ tiġi aċċettata biss jekk din kienet espressament prevista fihom.

24

Dan ma huwiex il-każ għal dak li jirrigwarda l-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008, li ma jsemmix il-possibbiltà li jiżdiedu ingredjenti oħra ma’ dawk elenkati fil-punt 41(a) ta’ dan l-anness. Fil-fatt, minbarra dawn l-ingredjenti, huwa biss l-użu ta’ ċerti sustanzi u preparazzjonijiet aromatizzanti li huwa espressament previst, u dan taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt 41(c) tal-imsemmi anness. Issa, il-ħalib ma jistax jiġi kklassifikat bħala “sustanza” jew “preparazzjoni” aromatizzanti.

25

Kif essenzjalment isostnu Tänzer & Trasper u l-Kummissjoni, jekk id-definizzjoni li tinsab fil-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008 tiġi interpretata fis-sens li l-ingredjenti li hija telenka huma dawk li l-likur tal-bajd għandu jinkludi bħala minimu, tali interpretazzjoni twassal sabiex tippermetti ż-żieda, mhux biss ta’ ħalib, iżda ta’ kwalunkwe prodott ieħor, liema fatt jippreġudika l-għan li jiġu stabbiliti kriterji ċari għall-produzzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni u ttikkettjar ta’ xorb iddefiniti f’dan l-anness.

26

Sa fejn Altenweddinger Geflügelhof issostni li l-ħalib jintuża fil-manifattura tradizzjonali tal-likur tal-bajd, b’mod li tali użu jikkorrispondi għall-aspettattivi tal-konsumatur, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà li jintużaw metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali, li hija espressament prevista għal ċerti kategoriji ta’ xorb spirituż fl-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008, ma tissemmiex fil-punt 41 ta’ dan l-anness.

27

Fir-rigward tal-argument ta’ Altenweddinger Geflügelhof li jgħid li, skont l-Artikolu 5(2)(a) tal-imsemmi regolament, ix-xorb spirituż iddefinit fl-Anness II ta’ dan tal-aħħar jista’ jinkiseb minn kwalunkwe materja prima agrikola msemmija fl-Anness I tat-Trattat FUE, inkluż għalhekk il-ħalib, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, din il-possibbiltà hija “[m]ingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi stabbiliti għal kull waħda mill-kategoriji enumerati 15 sa 46 fl-Anness II [tar-Regolament Nru 110/2008]”.

28

It-tieni nett, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 110/2008 jirriżulta li l-imsemmi regolament jirreferi b’mod ġenerali għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, għall-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa, għall-kisba ta’ trasparenza fis-suq u ta’ kompetizzjoni ġusta kif ukoll għall-protezzjoni tar-reputazzjoni li x-xorb spirituż tal-Unjoni kiseb fl-Unjoni u fis-suq dinji.

29

Issa, l-interpretazzjoni li tgħid li l-lista tal-ingredjenti li tinsab fil-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008 ma għandhiex natura eżawrjenti tista’ tippreġudika dawn l-għanijiet. Fil-fatt, il-possibbiltà li jiġu miżjuda, mal-likur tal-bajd, ingredjenti oħra minbarra dawk previsti b’mod eżawrjenti f’din il-lista tnaqqas it-trasparenza u tista’ tinkoraġġixxi lill-produtturi sabiex iżidu elementi li huma orħos, għad-detriment ta’ kompetizzjoni ġusta u tal-protezzjoni tal-konsumatur.

30

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun tista’ tuża d-denominazzjoni tal-bejgħ “likur tal-bajd”, xarba spirituża ma tistax tkun fiha ingredjenti oħra minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 41 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun tista’ tuża d-denominazzjoni tal-bejgħ “likur tal-bajd”, xarba spirituża ma tistax tkun fiha ingredjenti oħra minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top