EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0452

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018.
Zako SPRL vs Sanidel SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de commerce de Liège.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali indipendenti – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 1(2) – Kunċett ta’ ‘aġent kummerċjali’ – Intermedjarju indipendenti li jeżerċita l-attività tiegħu mill-impriża tal-prinċipal – Twettiq ta’ kompiti differenti minn dawk marbuta man-negozjar tal-bejgħ jew tax-xiri tal-merkanzija għall-prinċipal.
Kawża C-452/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:935

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali indipendenti – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 1(2) – Kunċett ta’ ‘aġent kummerċjali’ – Intermedjarju indipendenti li jeżerċita l-attività tiegħu mill-impriża tal-prinċipal – Twettiq ta’ kompiti differenti minn dawk marbuta man-negozjar tal-bejgħ jew tax-xiri tal-merkanzija għall-prinċipal”

Fil-Kawża C‑452/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de commerce de Liège (il-Qorti Kummerċjali ta’ Liège, il‑Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Zako SPRL

vs

Sanidel SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sanidel SA, minn H. Deckers, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni ta’ l-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Zako SPRL u Sanidel SA rigward il-ħlas ta’ servizzi u ta’ kummissjonijiet wara t-terminazzjoni tal-ftehim li kien jorbot dawn iż-żewġ kumpanniji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 86/653 jistabbilixxu:

“Billi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività [fl-Unjoni Ewropea] u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barraminnhekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

[b]illi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli”.

4

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.

3.   Aġent kummerċjali għandu jinftiehem fis-sens ta’ din id-Direttiva bħala li ma jinkludix b’mod partikolari:

persuna li, fil-kapaċità tagħha bħala uffiċjal, tkun awtorizzata li tidħol f’impenji li jorbtu fuq kumpannija jew assoċjazzjoni,

sieħeb li huwa legalment awtorizzat li jidħol f’impenji li jorbtu lis-sieħba tiegħu,

riċevitur, riċevitur u amministratur, likwidatur jew trustee f’falliment.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

aġenti kummerċjali li l-attivitajiet tagħhom huma mingħajr ħlas,

aġenti kummerċjali meta dawn joperaw fuq skambji ta’ komodità jew fis-suq ta’ komoditajiet, jew

il-korp magħruf bħala Crown Agents for Overseas Governments and Administrations, kif stabbilit taħt il-Crown Agents Act1979 fir-Renju Unit, jew is-sussidjarji tiegħu.

2.   Kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jipprovdi li d-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawk il-persuni li l-attivitajiet tagħhom bħala aġenti kummerċjali huma kkunsidrati sekondarji bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

6

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva:

“1.   Fit-twettiq ta’ l-attivitajiet tiegħu, aġent kummerċjali għandu jfittex li jħares l-interessi tal-prinċipal tiegħu u jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba.

2.   B’mod partikolari, aġent kummerċjali għandu:

(a)

jagħmel sforzi approprjati biex jinnegozja u, meta approprjat, jikkonkludi l-operazzjonijiet li jkun intalab jieħu ħsieb;

(b)

jikkomunika lill-prinċipal tiegħu l-informazjoni kollha neċessarja disponibbli għalih;

(ċ)

jikkonforma ma’ istruzzjonijiet raġonevoli mogħtija mill-prinċipal tiegħu.”

Id-dritt Belġjan

7

Id-Direttiva 86/653 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan bil-loi du 13 avril 1995 relative aux contrats d’agence commerciale (il-Liġi tat-13 ta’ April 1995 dwar il-Kuntratti tal-Aġenziji Kummerċjali) (Moniteur belge tat-2 ta’ Ġunju 1995, p. 15621, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1995”). Il-Liġi tal-1995, fis-seħħ matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet tiddefinixxi, fl-Artikolu 1 tagħha, il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali kif ġej:

“Il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali huwa l-kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet, l-aġent kummerċjali, tkun inkarigata b’mod permanenti, u bi ħlas, mill-parti l-oħra, il-prinċipal, mingħajr ma tkun suġġetta għall-awtorità ta’ din tal-aħħar, li tinnegozja u eventwalment tikkonkludi negozju għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal. L-aġent kummerċjali għandu jorganizza l-attivitajiet tiegħu kif jixtieq u jista’ jiddisponi liberament mill-ħin tiegħu.”

8

L-Artikolu 26 tal-Liġi tal-1995 kien jipprovdi:

“L-azzjonijiet li joriġinaw mill-kuntratt ta’ aġenzija huma preskritti sena wara t-tmiem tiegħu jew ħames snin wara l-fatt li ta lok għall-azzjoni, mingħajr ma dan l-aħħar terminu jkun jista’ jaqbeż sena wara t-tmiem tal-kuntratt.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Zako, li l-għan soċjali tagħha huwa b’mod partikolari x-xiri u l-bejgħ ta’ proprjetà mobbli, magni, faċilitajiet, materjal informatiku u apparat domestiku, sa minn tmiem is-sena 2007 kienet marbuta, permezz ta’ ftehim mhux miktub, ma’ Sanidel li topera negozju ta’ kmamar tal-banju u ta’ kċejjen tal-qjies. Il-ġestjonarju ta’ Zako kien responsabbli mis-settur tal-kċejjen tal-qjies ta’ Sanidel sa minn dik id-data.

10

Fit-30 ta’ Ottubru 2012, Sanidel innotifikat lil Zako li hija kienet ser ittemm dan il-ftehim mingħajr kumpens u lanqas b’avviż minn qabel.

11

Zako intimat lil Sanidel li tħallasha kumpensi ta’ avviż minn qabel u ta’ interruzzjoni ta’ kirja kummerċjali kif ukoll żewġ fatturi u l-kummissjonijiet tagħha abbażi tal-Liġi tal-1995. Sanidel irrifjutat li tagħmel dan il-pagament minħabba li r-relazzjoni kuntrattwali li kienet torbotha ma’ Zako ma kinitx tikkostitwixxi kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, iżda kuntratt ta’ impriża.

12

Il-ġestjonarju ta’ Zako ħarrek lil Sanidel għal pagament għal kumpensi u kummissjonijiet li kienu għadhom mhux imħallsa quddiem it-tribunal du travail de Marche-en-Famenne (il-Qorti Industrijali ta’ Marche-en-Famenne, il‑Belġju). Din il-qorti, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2014, iddikjarat din it-talba ammissibbli iżda infondata, minħabba li l-ftehim bejn il-partijiet ma setax jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ rappreżentant ta’ kummerċ” iżda bħala “kuntratt ta’ impriża”. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza tal-cour du travail de Liège (il‑Qorti Industrijali ta’ Liège, il-Belġju) tad-9 ta’ Settembru 2015.

13

Għalhekk Zako adixxiet quddiem il-qorti tar-rinviju billi invokat, din id-darba, insostenn tal-azzjoni tagħha, l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ impriża. Quddiem din il-qorti, Sanidel issostni, min-naħa tagħha, li l-ftehim bejn il-partijiet għandu jiġi kklassifikat bħala “kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali”, b’tali mod li l-azzjoni ta’ Zako hija inammissibbli peress li tressqet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sena previst mid-dritt nazzjonali.

14

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward il-klassifikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tindika li Zako wettqet id-diversi kompiti sussegwenti f’isem Sanidel: għażla tal-prodotti u tal-fornituri, għażla tal-politika kummerċjali, akkoljenza tal-klijenti, tfassil tal-pjanti tal-kċejjen, tħejjija ta’ kwotazzjonijiet, negozjar tal-prezzijiet, firem tal-ordnijiet, kejl fuq il-post, soluzzjoni tat-tilwimiet, ġestjoni tal-persunal tad-dipartiment (segretarji, bejjiegħa u persuni li jarmaw), twettiq u ġestjoni tas-sit internet tal-bejgħ online, żvilupp tal-bejgħ tal-grossisti, promoturi ta’ proprjetajiet immobbli, imprendituri, negozjar u finalizzazzjoni tal-kuntratti ta’ subappalt f’isem Sanidel. Zako rċeviet somma f’daqqa kull xahar ta’ EUR 5500, kumpensi li jkopru l-ispejjeż ta’ ċaqliq u kummissjoni annwali, li l-ammont tagħhom ivarja minn EUR 5 197.53 sa EUR 30 574.19 fuq il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Ir-rappreżentant ta’ Zako kien jokkupa post tax-xogħol permanenti bil-linja telefonika u b’indirizz elettroniku diretti ġewwa stabbilimenti ta’ Sanidel. Huwa paċifiku li dan ir-rappreżentant wettaq il-kompiti tiegħu b’mod awtonomu.

15

Madankollu l-qorti tar-rinviju ssostni li n-negozjati u l-konklużjonijiet ta’ kuntratti saru esklużivament mill-istabbiliment ta’ Sanidel. Minbarra dan, din il-qorti tirrileva li Zako kienet inkarigata minn missjonijiet mhux relatati man-negozjar u mal-konklużjoni ta’ kuntratti f’isem Sanidel, jiġifieri l-ġestjoni tal-persunal tad-dipartiment tal-kċejjen tal-qjies, il-kuntratti mal-fornituri kollha u mal-imprendituri kollha, u mhux esklużivament mal-klijenti, kif ukoll it-tfassil tal-pjanti, ta’ kwotazzjonijiet u kejl ta’ kċejjen u mhux unikament formoli ta’ ordnijiet.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kompiti li jaqgħu taħt l-attività ta’ negozjar ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ merkanzija għall-prinċipal u ta’ negozjar u ta’ konklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jew għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal, minn naħa, u l-kompiti mhux relatati ma’ din l-attività, min-naħa l-oħra, kienu tal-istess importanza. Hija tindika li r-retribuzzjonijiet u l-kummissjonijiet miġbura minn Zako kienu kkalkolati għal dawn is-servizzi kollha, mingħajr ma saret distinzzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de commerce de Liège (il-Qorti Kummerċjali ta’ Liège, il-Belġju) issospendiet il-proċedura u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [86/653] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li aġent kummerċjali għandu jfittex u jżur il-klijenti jew il-fornituri barra mill-impriża tal-prinċipal?

2)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [86/653] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-aġent kummerċjali ma jkunx jista’ jwettaq kompiti oħrajn minbarra dawk marbutin man-negozju tal-bejgħ jew tax-xiri tal-merkanzija għall-prinċipali u mal-innegozjar u mal-konklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom u f’isem il-prinċipal?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [86/653] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li huwa biss b’mod anċillari li l-aġent kummerċjali jkun jista’ jwettaq dawk il-kompiti li huma marbutin mal-innegozjar tal-bejgħ jew tax-xiri tal-merkanzija għall-prinċipali u mal-innegozjar u mal-konklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom u f’isem il-prinċipal?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

18

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-klassifikazzjoni li għandha tingħata lill-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dritt nazzjonali u b’mod partikolari tistaqsi jekk din taqax taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali” jew taħt dak ta’ “kuntratt ta’ impriża” fis-sens ta’ dan id-dritt.

19

F’dan ir-rigward, hija unikament il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar din il-klassifikazzjoni skont ċirkustanzi fattwali u legali tal-kawża prinċipali. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 86/653, f’dan il-każ l-Artikolu 1(2) tagħha, u għalhekk tipprovdi l-elementi utli għal din il-qorti ta’ natura li jippermettulha li tikklassifika dan il-ftehim fir-rigward ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna inkarigata b’mod permanenti, kemm li tinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal persuna oħra, kemm li tinnegozja u li tikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isimha, teżerċita l-attività tagħha mill-istabbiliment ta’ din tal-aħħar, tipprekludi li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

21

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jiddefinixxi, għall-finijiet tagħha, l-aġent kummerċjali bħala “intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal”.

22

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, bħal fil-każ tal-partijiet u tal-persuni kkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma tikkundizzjona espressament il-klassifkazzjoni bħala “aġent kummerċjali” għall-fatt li l-persuna kkonċernata teżerċita l-attività ekonomika tagħha barra mill-bini tal-istabbiliment tal-prinċipal.

23

Fil-fatt, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jipprovdi tliet kundizzjonijiet neċessarji u suffiċjenti sabiex persuna tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali”. L-ewwel nett, din il-persuna għandu jkollha l-kwalità ta’ intermedjarju li jaħdem għal rasu. It-tieni nett, hija għandha tkun marbuta kuntrattwalment b’mod permanenti mal-prinċipal. It-tielet nett, hija għandha teżerċita attività li tikkonsisti kemm li jiġi nnegozjat il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għall-prinċipal, kemm li jiġu nnegozjati u konklużi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’ismu.

24

Għalhekk, huwa biżżejjed li persuna tissodisfa dawn it-tliet kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, indipendentement mill-modalitajiet li fihom hija teżerċita l-attività tagħha u sa fejn hija ma taqax taħt esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

25

Fit-tieni lok, din id-direttiva għandha bħala għan li tarmonizza d-dritt tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Hekk kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet premessa, din id-direttiva hija intiża sabiex tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom, sabiex tiġi promossa s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambji ta’ merkanziji bejn l-Istati Membri billi jiġu approssimati s-sistemi legali ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Quenon K., C‑338/14, EU:C:2015:795, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Issa, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-klassifikazzjoni bħala “aġent kummerċjali” u għalhekk l-applikabbiltà tad-Direttiva 86/653 tiġi suġġetta għal kundizzjonijiet supplimentari fir-rigward ta’ dawk previsti fl-Artikolu 1(2) tagħha, bħal kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-post jew il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-attività, jillimita l-portata ta’ din il-protezzjoni u għalhekk jippreġudika t-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-direttiva.

28

F’dan il-kuntest, fl-assenza ta’ dispożizzjoni f’din id-direttiva li teħtieġ li l-aġent kummerċjali jeżerċita l-attività tiegħu b’mod itineranti jew barra mill-istabbiliment tal-prinċipal, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija mill-istess direttiva għandu japplika wkoll għall-persuni li, bħal fil-kawża prinċipali, jeżerċitaw l-attività tagħhom minn dan l-istabbiliment (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ April 1998, Bellone, C‑215/97, EU:C:1998:189, punt 13).

29

Din l-interpretazzjoni tapplika iktar u iktar minħabba li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 teskludi minn dan il-benefiċċju persuni li jeżerċitaw, bl-għajnuna ta’ mezzi ta’ teknoloġija moderni, kompiti paragunabbli ma’ dawk eżerċitati minn aġenti kummerċjali li jiċċaqilqu, b’mod partikolari għat-tiftix u għall-bejgħ dirett fid-djar tal-klijentela.

30

Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 86/653 ma jistax jestendi sabiex ikopri persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, li persuna għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

31

Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-kuntest ta’ applikazzjoni in concreto tal-elementi kollha li jikkaratterizaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali kkonċernati, jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

32

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, jekk iċ-ċirkustanza li l-attività tal-aġent hija eżerċitata mill-istabbiliment tal-prinċipal ma tistax, waħedha, tiġġustifika esklużjoni ta’ dan l-aġent mill-kunċett ta’ “aġent kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, madankollu din iċ-ċirkustanza ma għandhiex taffettwa l-indipendenza ta’ dan l-aġent fir-rigward tal-prinċipal. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-indipendenza tal-aġent kummerċjali tista’ tiġi kkontestata mhux biss minħabba l-issuġġettar għall-istruzzjonijiet tal-prinċipal iżda wkoll minħabba l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-kompiti li huwa jeżerċita.

33

Għalhekk, minn naħa, billi jsib ruħu f’prossimità fil-qrib ta’ dan il-prinċipal, mill-fatt tal-preżenza tiegħu fl-istabbiliment ta’ dan tal-aħħar, dan l-aġent jista’ jkun suġġett għall-istruzzjonijiet ta’ dan il-prinċipal. Min-naħa l-oħra, billi jibbenefika minn vantaġġi materjali marbuta ma’ din il-preżenza, bħal tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ post tax-xogħol jew l-aċċess għall-faċilitajiet organizzattivi ta’ dan l-istabbiliment, ma jistax jiġi eskluż li fir-realtà dan l-aġent jitqiegħed f’sitwazzjoni li tipprekludih milli jeżerċita l-attività tiegħu b’mod indipendenti, indipendentement mill-perspettiva tal-organizzazzjoni ta’ din l-attività jew tar-riskji ekonomiċi assoċjati ma’ din tal-aħħar. F’dan l-aħħar rigward, għandu fil-fatt jiġi enfasizzat li l-benefiċċju ta’ tali vantaġġi jista’ jnaqqas l-ispjjeż ta’ funzjonament merfugħa mill-aġent ikkonċernat u li għaldaqstant jitnaqqas ir-riskju ekonomiku marbut mal-eżerċizzju tal-attività tiegħu sa fejn dan it-tnaqqis ta’ spejjeż ma jaqax fuq il-livell ta’ kummissjonijiet imħallsa mill-prinċipal lill-aġent.

34

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssostni li r-rappreżentant ta’ Zako kien jokkupa post tax-xogħol permanenti b’linja telefonika u b’indirizz elettroniku diretti ġewwa stabbilimenti ta’ Sanidel. Din il-qorti tindika wkoll li huwa paċifiku li dan ir-rappreżentant kien igawdi minn indipendenza kompleta u kien iwettaq il-kompiti tiegħu b’awtonomija sħiħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-klijenti, fornituri u imprendituri.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għal verifika tal-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanza li Zako kienet teżerċita l-attività tagħha mill-istabbiliment ta’ Sanidel ma tidhirx li wasslet għat-telf tal-indipendenza tagħha.

36

Fir-rigward ta’ dak li ntqal, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi risposta li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna inkarigata b’mod permanenti, kemm li tinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal persuna oħra, kemm li tinnegozja u li tikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isimha, teżerċita l-attività tagħha mill-istabbiliment ta’ din tal-aħħar ma jipprekludix li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lil din il-persuna milli teżerċita l-attività tagħha b’mod indipendenti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

37

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati konġuntament, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna teżerċita mhux biss attivitajiet li jikkonsistu, kemm li jiġi nnegozjat il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal persuna oħra, kemm li jiġu nnegozjati u konklużi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isimha, iżda wkoll, għal din l-istess persuna, attivitajiet ta’ natura oħra, mingħajr ma t-tieni jkunu sekondarji fir-rigward tal-ewwel, tipprekludi li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali” fis-sens ta’ din id-direttiva.

38

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li mit-termini stess ta’ din id-dispożizzjoni, kif imfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, ma jirriżultax li persuna li, minbarra l-kompiti espressament imsemmija f’din id-dispożizzjoni, teżerċita kompiti oħra, ma jistax ikollha l-kwalità ta’ aġent kummerċjali, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jkun hemm rigward għall-ekonomija ġenerali u għall-iskop tad-Direttiva 86/653, sabiex jiġi stabbilit jekk din id-direttiva tipprekludix li aġent kummerċjali jwettaq kompiti oħra barra dawk espressament previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

40

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 86/653 jipprevedu ċerti esklużjonijiet iddefiniti sew, rispettivament, tal-kunċett ta’ “aġent kummerċjali” u tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Issa, minbarra l-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi s-sitwazzjoni li fiha l-aġent kummerċjali jwettaq għall-prinċipal kompiti oħra barra dawk previsti fl-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva.

41

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 86/653 jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-fakultà li jipprevedu li din id-direttiva ma tapplikax għall-persuni li jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ aġent kummerċjali kkunsidrati bħala sekondarji skont il-liġi ta’ dawn l-Istati Membri.

42

Hekk kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment jirrileva fil-punti 49 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-direttiva, bħala prinċipju, ma tipprekludix li l-attività bħala aġent kummerċjali tista’ tiġi akkumulata ma’ attivitajiet ta’ natura oħra, inkluż fil-każ fejn il-persuna kkonċernata teżerċita din l-ewwel attività unikament b’mod sekondarju jew fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, din l-attività hija tal-istess importanza bħall-kompiti l-oħra li hija twettaq, fejn il-possibbiltà ta’ tali kumulu ma huwa eskluż minn ebda dispożizzjoni oħra tal-istess direttiva.

43

Għalhekk, minbarra l-ipoteżi fejn, konformement mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 86/653, Stat Membru jagħżel li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-persuni li jeżerċitaw attività bħala aġent kummerċjali fuq bażi sekondarja, li barra minn hekk, ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-persuni li jeżerċitaw tali attività bħala aġent kummerċjali għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni, minkejja li din l-attività hija akkumulata ma’ attività ta’ natura oħra.

44

Fit-tieni lok, interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 fis-sens li din id-dispożizzjoni teskludi l-persuni li jakkumulaw l-attività tagħhom bħala aġent kummerċjali ma’ attività ta’ natura oħra, tmur kontra l-iskop ta’ din id-direttiva, imfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li jikkonsisti li l-aġent kummerċjali jiġi protett fir-relazzjoni tiegħu mal-prinċipal.

45

F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-aġent kummerċjali ma jistax jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni minħabba li l-kuntratt li jorbtu mal-prinċipal jipprevedi l-eżekuzzjoni ta’ kompiti oħra barra dawk marbuta mal-attività bħala aġent kummerċjali. Fil-fatt, l-interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex il-prinċipal ikun jista’ jillibera lilu nnifsu mid-dispożizzjonijiet imperattivi tad-Direttiva 86/653, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-obbligi tiegħu lejn l-aġent kummerċjali, billi fil-kuntratt jipprevedi kompiti oħra differenti minn dawk marbuta mal-attività bħala aġent kummerċjali.

46

Min-naħa l-oħra, it-twettiq tal-kompiti tal-aġent kummerċjali previsti fl-Artikoli 1(2) tad-Direttiva 86/653, li jikonsistu kemm li jiġi nnegozjat il-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija, kemm li jiġu nnegozjati u konklużi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal, jista’, skont speċifiċitajiet tas-settur ikkonċernat, jinkludi servizzi pprovduti mill-aġent kummerċjali li, minkejja li ma jaqgħux strettament taħt l-attività ta’ negozjar jew ta’ konklużjoni ta’ kuntratti għall-prinċipal, jagħmlu parti minnhom.

47

Għalhekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 fis-sens li l-kwalità bħala aġent kummerċjali ma tistax tapplika għall-persuni li jakkumulaw attività bħala aġent kummerċjali ma’ attività waħda jew iktar ta’ natura oħra fir-realtà tista’ twassal sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni numru kbir ta’ persuni, biex għalhekk din id-direttiva tiġi miċħuda minn parti mill-effett utli tagħha.

48

Għadaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 86/653 bħala prinċipju ma tipprekludix li aġent kummerċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jeżerċita għall-prinċipal kompiti oħra differenti minn dawk espressament previsti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653.

49

Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li l-kumulu, mill-istess persuna, tal-attivitajiet ta’ aġent kummerċjali mal-attivitajiet ta’ natura oħra ma għandux iwassal sabiex tiġi affettwata l-kwalità tagħha bħala intermedjarja indipendenti.

50

Għalhekk, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet teżerċita, għall-istess persuna, l-attività ta’ aġenzija tagħha ma’ attivitajiet oħra tal-istess importanza kellux effett, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ kollha, bħan-natura tal-kompiti eżerċitati, il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tagħhom, il-proporzjon li dawn il-kompiti jirrappreżentaw fl-attività globali tal-persuna kkonċernata, il-modalitajiet ta’ ffissar tar-remunerazzjoni, jew ukoll ir-realtà tar-riskju ekonomiku inkors, li jipprekudiha milli teżerċita din l-ewwel attività b’mod indipendenti.

51

Fid-dawl ta’ dan kollu, it-tieni u t-tielet domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna teżerċita mhux biss attivitajiet li jikkonsistu, kemm li tinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal persuna oħra, kemm li tinnegozja u li tikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isimha, iżda wkoll, għal din l-istess persuna, attivitajiet ta’ natura oħra, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu sekondarji meta pparagunati ma’ tal-ewwel, ma tipprekludix li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn din iċ-ċirkustanza ma tipprekludihiex milli teżerċita l-ewwel attivitajiet b’mod indipendenti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna inkarigata b’mod permanenti, kemm li tinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal persuna oħra, kemm li tinnegozja u li tikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isimha, teżerċita l-attività tagħha mill-istabbiliment ta’ din tal-aħħar ma tipprekludix li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lil din il-persuna milli teżerċita l-attività tagħha b’mod indipendenti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

2)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza li persuna teżerċita mhux biss attivitajiet li jikkonsistu, kemm li tinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal persuna oħra, kemm li tinnegozja u li tikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isimha, iżda wkoll, għal din l-istess persuna, attivitajiet ta’ natura oħra, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu sekondarji meta pparagunati ma’ tal-ewwel, ma tipprekludix li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn din iċ-ċirkustanza ma tipprekludihiex milli teżerċita l-ewwel attivitajiet b’mod indipendenti, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.

Top