EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0435

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Argo Kalda Mardi talu vs Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tartu Halduskohus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni — Pagamenti diretti — Regolament (UE) Nru 1306/2013 — Artikoli 93 u 94 — Anness II — Kundizzjonalità — Kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali — Rekwiżiti minimi — Implimentazzjoni minn Stat Membru — Obbligu ta’ manutenzjoni ta’ monumenti funebri — Portata.
Kawża C-435/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:637

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni — Pagamenti diretti — Regolament (UE) Nru 1306/2013 — Artikoli 93 u 94 — Anness II — Kundizzjonalità — Kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali — Rekwiżiti minimi — Implimentazzjoni minn Stat Membru — Obbligu ta’ manutenzjoni ta’ monumenti funebri — Portata”

Fil-Kawża C-435/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Tartu Halduskohus (il-Qorti Amminstrattiva ta’ Tartu, L-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Argo Kalda Mardi talu

vs

Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (PRIA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Argo Kalda Mardi talu, minn M. Kõiva, vandeadvokaat,

għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u E. Randvere, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 72(1)(a), tal-Artikolu 93(1) u (2) tal-Artikolu 94 u tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, p. 549, u rettifiki ĠU 2016 L 130, p. 6, u ĠU 2017, L 327, p. 83), kif ukoll tal-Artikolu 4(1)(b), (c) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Argo Kalda Mardi talu u l-Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet (l-Uffiċċju tal-Informazzjoni u tar-Reġistri Agrikoli, L-Estonja) (iktar ’il quddiem il-“PRIA”) dwar it-tnaqqis tal-pagamenti diretti mogħtija lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għal ksur tar-rekwiżiti marbuta maż-żamma ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-artijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1306/2013

3

Skont il-premessa 54 tar-Regolament Nru 1306/2013:

“[…] [Is-sistema ta’] kondizzjonalità għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ agrikoltura sostenibbli b’għarfien aħjar min-naħa ta’ benefiċjarji dwar il-ħtieġa li jiġu rrispettati dawk l-istandards bażiċi. […]L-esperjenza wriet ukoll li numru tar-rekwiżiti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kondizzjonalità mhuwiex rilevanti biżżejjed għal attività ta’ biedja jew għaż-żona tal-azjenda, jew jikkonċerna awtoritajiet nazzjonali aktar milli benefiċjarji. […]”

4

L-Artikolu 2(1)(c) u (d) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“1. Għall-fini ta’ dan ir-Regolament::

[…]

c)

‘żona agrikola’ tfisser żona agrikola fit-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 1307/2013;

d)

‘azjenda’ tfisser azjenda fit-tifsira tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 1307/2013, ħlief kif previst fl-Artikolu 91(3);”

5

L-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprovdi li:

“Kull sena, benefiċjarju tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 67(2) għandu jissottometti applikazzjoni għal pagamenti diretti jew talba għal pagament għaż-żona rilevanti u għall-miżuri ta’ żvilupp rurali relatati mal-annimali, li jindikaw, rispettivament, fejn japplika:

a)

il-ħbula tar-raba’ kollha tal-azjenda, kif ukoll iż-żona mhux agrikola li għaliha jintalab appoġġ imsemmi fl-Artikolu 67(2) li għaliha tintalab għajnuna;”

6

It-Titolu VI tal-imsemmi regolament, intitolat “Kondizzjonalità”, jinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, li jifformaw parti minnu l-Artikoli 91 sa 94.

7

L-Artikolu 91 tal-istess reglolament jipprovdi:

“1.   Meta benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 92 ma jkunx konformi mar-regoli dwar il-kondizzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 93, għandha tiġi imposta piena amministrattiva fuq dak il-benefiċjarju.

2.   Il-piena amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss meta n-nuqqas ta’ konformità jkun ir-riżultat ta’ att jew omissjoni li tista’ tiġi attribwita direttament lill-benefiċjarju kkonċernat; u meta jiġi sodisfatt wieħed mill-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin, jew it-tnejn li huma:

a)

in-nuqqas ta’ konformità jkun relatat mal-attività agrikola tal-benefiċjarju;

b)

tkun ikkonċernata ż-żona tal-azjenda tal-benefiċjarju.

[…]

3.   Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu:

a)

‘azjenda’ tfisser l-unitajiet ta’ produzzjoni u ż-żoni kollha ġestiti mill-benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 92 li jkunu jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

b)

‘rekwiżit’ tfisser kull rekwiżit individwali statutorju ta’ ġestjoni skont il-liġi tal-Unjoni msemmi fl-Anness II f’att speċifiku, li jvarja fis-sustanza minn kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-istess att.”

8

L-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 huwa redatt kif ġej:

“Ir-regoli dwar il-kondizzjonalità għandhom jikkonsistu mir-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni skont il-liġi tal-Unjoni u l-istandards għal kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba ta’ art stabbiliti fuq livell nazzjonali kif elenkati fl-Anness II, relatati mal-oqsma li ġejjin:

a)

l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-kondizzjoni agrikola tajba tal-artijiet;

b)

is-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti;

c)

it-trattament xieraq tal-annimali.”

9

Skont l-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żona agrikola kollha, inkluża art li ma tkunx għadha tintuża għal finijiet ta’ produzzjoni, tinżamm f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, standards minimi għal benefiċjarji għal kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba ta’ art abbażi tal-Anness II, billi jqisu l-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni kkonċernati, inklużi l-ħamrija u l-kondizzjoni klimatika, sistemi eżistenti ta’ biedja, użu ta’ artijiet, tinwib, prattiki ta’ biedja u strutturi ta’ azjenda agrikola.

L-Istati Membri m’għandhomx jiddefinixxu rekwiżiti minimi li mhumiex stabbiliti fl-Anness II.”

10

L-Anness II tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli dwar il-kondizzjonalità skont l-Artikolu 93”, jipprevedi lista ta’ rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ġestjoni u tar-regoli marbuta mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-artijiet.

11

Ir-regola marbuta mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba msejħa “regola BCAE 7”, li t-tema prinċipali tagħha hija intitolata “Pajsaġġ, livell minimu ta’ żamma”, hija ddefinita kif ġej:

“Żamma ta’ karatteristiċi ta’ pajsaġġ, inkluż fejn adatt, ħitan tal-ħaxix, għadajjar, fossijiet, siġar f’linji dritti, fi grupp jew iżolati, marġnijiet tal- għelieqi u l-artijiet imtarrġa […]”

Ir-Regolament Nru 1307/2013

12

L-Artikolu 4(1)(b), (c) u (e) tar-Regolament Nru 1307/2013, intitolat “Definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

‘impriża’ tfisser l-unitajiet kollha użati għall-attivitajiet agrikoli mmexxija minn bidwi li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru;

c)

‘attività agrikola’ tfisser:

i)

il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli, inklużi l-ħsad, it-taħlib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma tal-annimali għall-finijiet ta’ biedja;

ii)

iż-żamma ta’ erja agrikola fi stat li jagħmilha tajba għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni ta’ tħejjija li tmur lil hinn mill-metodi u makkinarji agrikoli tas-soltu, abbażi ta’ kriterji stabbiliti mill-Istati Membri abbażi ta’ qafas stabbilit mill-Kummissjoni, jew

iii)

it-twettiq ta’ attività minima,, definita mill-Istati Membri, fuq erjas agrikoli li huma miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni;

[…]

e)

‘erja agrikola’ tfisser kull erja meħuda minn raba’ li jinħarat, bwar permanenti u mergħat permanenti, jew uċuħ tar-raba’ permanenti”.

Id-dritt Estonjan

13

Skont l-Artikolu 32(3) tal-Euroopa Liidu põllumajanduspoliitika rakendamise seadus (il-Liġi ta’ Implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea):

“Ir-rekwiżiti marbuta maż-żamma ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-artijiet huma stabbiliti fir-regolament tal-ministeru kompetenti f’dan il-qasam.”

14

L-Artikolu 3(9) tal-põllumajandusministri määrus nr 4 “Maa heas põllumajandus- ja keskkonnaseisundis hoidmise nõuded” (Regolament Nru 4 tal-Ministeru tal-Agrikoltura - Rekwiżiti marbuta maż-żamma ta’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-artijiet, tal-14 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4”), huwa redatt kif ġej:

“Monument immobbli, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-muinsuskaitseseadus [Liġi dwar il-protezzjoni tal-patrimonju], li jikkorrispondi għal sit funebri, għal għalqa preistorika, għal ġebel b’tinqix preistoriku, għal post ta’ qima, għal toroq jew pontijiet, li jinsabu f’żona agrikola għandhom jiġu ppreżervati.”

15

Skont l-Artikolu 8(1) tal-maaeluministri määrus nr 32 “Otsetoetuste saamise üldised nõuded, ühtne pindalatoetus klimaa- ja keskkonnatoetus ning noore põllumajandustootja toetus” (ir-Regolament Nru 32 tal-Ministeru għar-Ruralità – Rekwiżiti Ġenerali għall-Kisba ta’ Pagamenti Diretti, Pagament Uniku għas-Superfiċju, Pagament Klimatiku u Ambjentali, u Appoġġ għall-Bdiewa Żgħażagħ), tas-17 ta’ April 2015:

“Il-benefiċjarju ta’ pagament previst fl-Artikolu 92 tar-Regolament […] Nru 1306/2013 […] għandu jissodisfa, fil-kuntest tal-attività agrikola tiegħu u fuq is-superfiċji kollha tal-impriża agrikola, ir-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 4 […], kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-amministrazzjoni, ippubblikati, konformement mal-Artikolu 32(2) tal-liġi ta’ implementazzjoni tal-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea.”

16

L-Artikolu 3 tal-muinsuskaitseseadus (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju), intitolat “Tipi ta’ Monumenti”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li:

“Is-segwenti oġġetti jew konglomerazzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu monumenti immobbli:

1)

is-siti ta’ abitazzjoni tal-perijodu Grieg-Ruman, tal-Medjuevu u tal-epoka moderna, il-fortifikazzjonijiet, il-postijiet ta’ rifuġju, il-postijiet ta’ qima, is-siti funebri, l-għelieqi antiki, ġebel b’tinqix preistoriku (lohukivid), it-toroq, il-pontijiet, is-siti portwarji u s-siti tal-kummerċ […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet li tibbenefika, inkonnessjoni mas-sena 2016, minn pagament uniku għas-superfiċju kif ukoll minn pagament għall-prattiki agrikoli li jibbenefikaw il-klima u l-ambjent.

18

Wara li wettqet kontroll, fl-24 ta’ Novembru 2016, il-PRIA informa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li hija kienet kisret l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 4, minħabba li l-ġebel ta’ monument arkeoloġiku, jiġifieri sit funebri mmarkat b’ġebel, li jinsab fit-tarf ta’ ħabel agrikolu, kien ġie mċaqlaq u miftuħ fit-tarf tal-għalqa u li l-arbuxxelli eżistenti kienu tneħħew. Konsegwentement, il-PRIA propona li jnaqqas bi 3 % il-pagament mitlub.

19

Fis-7 ta’ Diċembru 2016, il-PRIA wieġeb għall-oġġezzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi speċifikalha li l-obbligu li ma ġiex osservat, fil-verità, kien jirriżulta mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4 u li dan kellu jiġi osservat fuq il-parti tas-superfiċju li tinsab lil hinn mil-limiti tal-ħabel agrikolu u li għaliha ma saret l-ebda talba għal għajnuna.

20

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-15 ta’ Diċembru 2016, il-PRIA naqqas bi 3 % il-pagament uniku mogħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-pagament għall-prattiki agrikoli li jibbenefikaw il-klima u għall-ambjent, jiġifieri b’ammonti ekwivalenti rispettivament għal EUR 2 554.94 u EUR 1 161.34.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2017, il-PRIA ċaħad l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi qies li huwa kien kompetenti jikkonstata ksur tal-obbligu ta’ konservazzjoni ta’ monument immobbli li jinsab f’ħabel agrikolu, li r-rekwiżiti kellhom jiġi osservati fuq is-superfiċju agrikolu kollu, inkluż dak li għalih ma kien intalab l-ebda pagament, li kien evalwa ċ-ċirkustanzi li taw lok għat-tnaqqis tal-pagamenti fl-intier tagħhom u li ma kienx hemm ksur tad-dritt għal smigħ.

22

Fit-23 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lil Tartu Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tartu, L-Estonja) tannulla d-deċiżjonijiet tal-15 ta’ Diċembru 2016 u d-deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2017, kif ukoll li tikkundanna lill-PRIA għall-ħlas tal-ammonti li, skont dawk id-deċiżjonijiet, ma kinux tħallsu lilha.

23

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-ġebel inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi sit funebru u li l-PRIA ma kienx kompetenti jikkonstata l-istat tal-monument immobbli. Hija ssostni li dan tal-aħħar ma evalwax il-punt dwar jekk hija kinitx l-awtur tal-att allegat u jekk kinux jeżistu kawżi ta’ eżenzjoni. Hija tirrileva li l-istabbiliment tal-ammont tas-sanzjoni amministrattiva ma kienx jinftiehem, peress li l-PRIA uża matriċi ta’ evalwazzjoni, filwaqt li rrinunzja milli jimmotiva l-att amministrattiv inkwistjoni, fatt li jmur kontra l-liġi mill-perspettiva formali.

24

Hija ssostni wkoll li s-superfiċju li fuqu twettaq il-ksur kien jinsab barra mill-ħabel agrikolu kkonċernat u ma kienx jifforma parti mill-impriża agrikola tagħha. Madankollu billi kkonkluda favur l-eżistenza ta’ ksur, il-PRIA kiser l-Artikoli 23 u 32 tal-Kostituzzjoni Estonjana, peress li r-regola tal-awtorizzazzjoni ma kinitx ċara u preċiża biżżejjed. Fl-opinjoni tagħha, is-sanzjoni amministrattiva imposta fuqha tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fl-aħħar, id-dritt tagħha għal smigħ ġie miskur peress li l-PRIA ma ħax inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħha.

25

Il-PRIA jitlob iċ-ċaħda tar-rikors, billi jsostni, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ċaħditx, matul il-kontroll li twettaq, l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligi tagħha, u kien hemm skambji ta’ ittri dwar dan, fit-tieni lok, li l-att amministrattiv inkwistjoni huwa formalment konformi mal-liġi u ġew prodotti spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ġiet ukoll mismugħa, u, fit-tielet lok, li l-konklużjonijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ dan l-att ġew misluta mill-provi miġbura matul dan il-kontroll.

26

Il-PRIA jispeċifika li l-monument arkeoloġiku kkonċernat, li jikkonsisti f’sit funebru mmarkat b’ġebel, huwa rreġistrat fir-reġistru nazzjonali, li huwa inkluż fis-sit tal-internet tal-Muinsuskaitseamet (L-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Patrimonju, L-Estonja). F’dan ir-rigward, huwa previst id-dritt ta’ prelazzjoni favur l-Istat stabbilit fir-reġistru tal-artijiet. Huwa jindika li huwa bbaża ruħu wkoll fuq dawn l-elementi sabiex adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Huwa jżid li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet indikat, fit-talba tagħha għall-pagament, li kellha element topografiku li kellu jiġi ppreservat. Hija qieset li, fl-assenza ta’ kumulazzjoni ta’ investigazzjonijiet ta’ natura amministrattiva u ta’ investigazzjonijiet ta’ natura kriminali, ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

27

Skont il-PRIA, it-tnaqqis tal-pagamenti huwa ġġustifikat mill-evalwazzjoni li huwa wettaq u mill-matriċi ta’ evalwazzjoni inkluża fl-att ta’ kontroll, u li r-rata ta’ 3 % ġiet stabbilita b’kont meħud tal-importanza tal-pagamenti, tal-gravità u tan-natura durabbli tal-ksur.

28

Barra minn hekk, peress li l-art ikkonċernata tifforma parti mis-superfiċju agrikolu, kellhom jiġu osservati r-rekwżiti fil-qasam tal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba.

29

Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sit funebru inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie kklassifikat bħala monument immobbli mir-Regolament Nru 59 tal-Ministeru tal-Kultura, tal-1 ta’ Settembru 1997.

30

Din il-qorti tqis li l-għan segwit fl-Artikolu 3(9) tar-Regolament Nru 4 jikkonsisti fil-protezzjoni tas-siti funebri mmarkati b’ġebel bħala monumenti, iżda li ma setax jiġi dedott b’mod ċar mid-dritt tal-Unjoni li l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 kien isegwi wkoll tali għan. Il-kliem “Żamma ta’ karatteristiċi ta’ pajsaġġ”, li jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, jista’ jikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent biss bħala sistema ekoloġika u bijoloġika u mhux bħala sistema kulturali u storika.

31

L-imsemmija qorti tirrileva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma użatx l-art li fuqha hemm is-sit funebru bħala superfiċju agrikolu u li hija ma talbitx pagamenti inkonnessjoni ma’ din l-art.

32

Finalment, ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati b’mod ċar jekk ir-rekwiżiti marbuta mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-artijiet japplikawx għal kull impriża agrikola.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi Tartu Halduskohus (Il-Qorti Amministrattiva ta’ Tartu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Għandu jiġi kkunsidrat li huwa konformi mal-Artikolu 93(1), mal-Artikolu 94 u mal-istandards minimi tal-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013 […] li Stat Membru jimponi fuq applikant ta’ pagament uniku fis-superfiċji u ta’ pagament għall-prattiki agrikoli li jibbenefikaw il-klima u l-ambjent l-obbligu li jżomm siti funebri immarkati bil-ġebel (kivikalmed), obbligu li l-ksur tiegħu jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 3 % tal-għajnuna bħala sanzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 39 tar-Regolament ta’ Delega [(UE) tal-Kummissjoni Nru 640/2014 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1306/2013 fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014 L 181, p. 48)]?

2)

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkunsidrat li, bis-saħħa tal-Artikolu 72(1)(a) tal-Artikolu 91(1) u (2), tal-Artikolu 93(1) u tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1306/2013 […] u bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(b), (c) u (e) tar-Regolament Nru 1307/2013 […], l-applikant ta’ pagament uniku fil-wiċċ u ta’ pagament għall-prattika agrikola li jibbenefikaw il-klima u l-ambjent għandu josserva l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin fl-azjenda agrikola tiegħu kollha jew biss fuq is-superfiċju agrikolu li għalih tintalab għajnuna b’mod konkret, sabiex tiġi evitata applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 93(1), l-Artikolu 94 u l-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru milli jimponi, bħala standard marbut mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba previsti f’dak l-Anness II, il-konservazzjoni, fuq superfiċju agrikolu, ta’ siti funebri mmarkati b’ġebel, li ċ-ċaqliq tagħhom iwassal għal ksur ta’ tali standard u, għaldaqstant, it-tnaqqis tal-pagamenti dovuti lill-bidwi kkonċernat.

35

Jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-art agrikola tinżamm b’osservanza tal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba u li għal dan l-għan, għandhom jiddefinixxu, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, rekwiżiti minimi fuq il-bażi tal-qafas stabbilit fl-anness rilevanti tar-regolament fis-seħħ li jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi taż-żoni kkonċernati. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, EU:C:2009:458, punt 25).

36

Għalkemm l-Istati Membri huma obbligati, waqt li jiddefinixxu dawn ir-rekwiżiti, li josservaw l-imsemmi anness, dan tal-aħħar xorta waħda jħallilhom ċerta setgħa diskrezzjonali, permezz tal-użu ta’ kunċetti u ta’ kliem ġenerali, fir-rigward tad-determinazzjoni konkreta tal-imsemmija rekwiżiti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, EU:C:2009:458, punt 26).

37

Barra minn hekk, mill-kliem stess tal-frażi “kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba” jirriżulta lil-Istati Membri jistgħu jadottaw kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba għall-finijiet ambjentali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, EU:C:2009:458, punt 27).

38

Dawn il-prinċipji żviluppati għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), jgħoddu wkoll għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1306/2013, li l-kontenut tiegħu huwa simili.

39

Skont l-Artikolu 93 ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament, l-istandards marbuta mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba jifformaw parti mir-regoli marbuta mal-kundizzjonalità, li, kif previst fl-Artikolu 91 tal-imsemmi regolament, għandhom jiġu osservati taħt piena ta’ sanzjoni amministrattiva. Dawn l-istandards huma stabbiliti fil-livell nazzjonali, elenkati fl-Anness II tal-istess regolament u jikkonċernaw b’mod partikolari l-qasam tal-ambjent.

40

L-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1306/2013 jobbliga lill-Istati Membri jiddefinixxu, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, standards minimi li l-benefiċjarji għandhom japplikaw fil-qasam tal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, abbażi tal-Anness II tal-istess regolament.

41

Bħalma kien previst fl-Anness IV tar-Regolament Nru 1782/2003, l-istandard BCAE 7, inkluż fl-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013 u li t-tema prinċipali tiegħu hija intitolata “Pajsaġġ, livell minimu ta’ żamma”, jinkludi ż-żamma ta’ partikolaritajiet topografiċi fost ir-rekwiżiti u l-istandards li għandhom jiġu osservati għal dan l-għan. Fost il-partikolaritajiet topografiċi msemmija fl-Anness II ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament hemm inklużi ħitan tal-ħaxix, għadajjar, fossijiet, siġar f’linji dritti, fi grupp jew iżolati, marġnijiet tal-għelieqi u l-artijiet imtarrġa.

42

F’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk sit funebru mmarkat b’ġebel jistax, kif iqisu l-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni, jiġi kklassifikat bħala “karatteristika ta’ pajsaġġ”, li ż-żamma tagħha tinsab fost l-istandards stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013.

43

Peress li l-kunċett ta’ “karatteristiċi ta’ pajsaġġ” ma huwiex definit fir-Regolament Nru 1306/2013, hemm lok li dan jiġi interpretat, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tagħha, billi jittieħed inkunsiderazzjoni s-sens normali tiegħu kif ukoll il-kuntest li fih dan huwa ġeneralment użat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, EU:C:2009:458, punt 34).

44

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “karatteristiċi ta’ pajsaġġ” li, b’mod partikolari, teskludi l-elementi li jirriżultaw mill-influwenzi tal-bniedem, tkun kuntrarja għas-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom meta, skont l-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi marbuta mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, EU:C:2009:458, punt 37).

45

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-karatteristiċi topografiċi jikkostitwixxu komponenti fiżiċi tal-ambjent u li r-rekwiżiti dwar iż-żamma ta’ dawn il-partikolaritajiet għandhom jikkontribwixxu għall-preżervazzjoni tagħhom bħala komponenti fiżiċi (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, EU:C:2009:458, punt 41).

46

Issa, il-konservazzjoni ta’ siti funebri mmarkati b’ġebel tikkontribwixxi għas-salvagwardja ta’ elementi tal-patrimonju kulturali u storiku ta’ Stat Membru bħala komponenti fiżiċi tal-ambjent.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 93(1), l-Artikolu 94 u l-Anness II tar-Regolament Nru 1306/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru milli jimponi, bħala standard marbut mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba previsti f’dak l-Anness II, il-konservazzjoni, fuq superfiċju agrikolu, ta’ siti funebri mmarkati b’ġebel, li ċ-ċaqliq tagħhom iwassal għal ksur ta’ tali standard u, għaldaqstant, it-tnaqqis tal-pagamenti dovuti lill-bidwi kkonċernat.

Fuq it-tieni domanda

48

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 72(1)(a), l-Artikolu 91(1) u (2), l-Artikolu 93(1) u l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b), (c) u (e) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhomx jiġu interpetati fis-sens li l-obbligi bbażati fuq kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba għandhom jiġu osservati fuq l-impriża agrikola kollha jew unikament fuq is-superfiċju agrikolu li għalih ġiet b’mod konkret mitluba għajnuna.

49

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva f’każ ta’ inosservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità meta jkun kkonċernat, b’mod partikolari, is-superfiċju tal-impriża agrikola, filwaqt li impriża hija ddefinita, għall-finijiet tat-Titolu VI ta’ dan ir-regolament li taqa’ taħtu din id-dispożizzjoni, fl-Artikolu 91(3)(a) tal-imsemmi regolament bħala li hija kkostitwita mill-unitajiet u s-superfiċji ta’ produzzjoni kollha li jinsabu fit-territorju tal-istess Stat Membru u ġestiti mill-benefiċjarju, inter alia, ta’ pagamenti diretti.

50

L-Artikoli 93 u 94 tal-istess regolament jagħmlu riferiment għas-superfiċji agrikoli kollha ta’ impriża. B’hekk, dan l-Artikolu 93 jispeċifika l-kontenut tar-regoli marbuta mal-kundizzjonalità billi jiċċita, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-artijiet, li għandhom jinftehmu bħala l-artijiet agrikoli kollha ta’ impriża. Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 94, dan jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li s-superfiċji agrikoli kollha, inklużi l-artijiet li ma jkunux għadhom jintużaw għall-finijiet ta’ produzzjoni, jinżammu f’kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba.

51

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tistabbilixxi distinzjoni, inkonnessjoni mal-osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità u, b’mod iktar partikolari, ma’ kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, bejn is-superfiċji agrikoli li għalihom tkun saret applikazzjoni għal għajnuna u dawk li għalihom ma tkunx saret tali applikazzjoni.

52

Barra minn hekk, ikun ukoll kuntrarju għall-għan tal-istess sistema ta’ kundizzjonalità, li, skont il-premessa 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, hija intiża li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ agrikoltura durabbli, jekk tiġi rikjesta l-osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità biss għas-superfiċji agrikoli li għalihom tkun intalbet għajnuna.

53

Fil-fatt, minn naħa, ir-rekwiżiti naxxenti minn dawn ir-regoli għandhom, skont il-premessa 54 ta’ dan ir-regolament, ikunu marbuta tal-attività agrikola jew mal-artijiet tal-impriża agrikola, fatt li minnu jirriżulta l-obbligu li l-imsemmija regoli għandhom jiġu osservati wkoll fuq l-artijiet li ma għadhomx jintużaw għal finijiet ta’ produzzjoni agrikola, kif previst mill-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament.

54

Min-naħa l-oħra, jekk l-inosservanza tal-imsemmija regoli tiġi ssanzjonata biss jekk din tkun tikkonċerna superfiċju agrikolu li għalih tkun intalbet għajnuna, ikun hemm riskju ta’ evażjoni tar-regoli ta’ kundizzjonalità mill-bdiewa. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, ikun suffiċjenti għal dan l-għan li, f’sena partikolari, bidwi ma jinkludix fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna superfiċju agrikolu li jkun jinkludi partikolarità topografika li xxekkel l-attività tiegħu, biex b’hekk ikun jista’ jċaqlaqha jew iħottha qabel ma jinkudi fis-sena sussegwenti lil dan is-superfiċju fl-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna, mingħajr ma jesponi ruħu għal xi sanzjoni amministrattiva.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 72(1)(a), l-Artikolu 91(1) u (2), l-Artikolu 93(1) u l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b), (c) u (e) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligi bbażati fuq kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, previsti mir-Regolament Nru 1306/2013, għandhom jiġu osservati fuq l-impriża agrikola kollha u mhux unikament fuq is-superfiċju agrikolu li għalih tintalab għajnuna b’mod konkret.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 93(1) u (2), l-Artikolu 94 u l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux Stat Membru milli jimponi, bħala standard marbut mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba previsti f’dak l-Anness II, il-konservazzjoni, fuq superfiċju agrikolu, ta’ siti funebri mmarkati b’ġebel, li ċ-ċaqliq tagħhom iwassal għal ksur ta’ tali standard u, għaldaqstant, it-tnaqqis tal-pagamenti dovuti lill-bidwi kkonċernat.

 

2)

L-Artikolu 72(1)(a), l-Artikolu 91(1) u (2), l-Artikolu 93(1) u l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b), (c) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-obbligi bbażati fuq kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, previsti mir-Regolament Nru 1306/2013, għandhom jiġu osservati fuq l-impriża agrikola kollha u mhux unikament fuq is-superfiċju agrikolu li għalih tintalab għajnuna b’mod konkret.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.

Top