EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0377

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Lulju 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Onorarji tal-periti u tal-inġiniera għas-servizzi ta’ ppjanar – Tariffi minimi u massimi.
Kawża C-377/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:562

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15 – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Onorarji tal-periti u tal-inġiniera għas-servizzi ta’ ppjanar – Tariffi minimi u massimi”

Fil-Kawża C‑377/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-23 ta’ Ġunju 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls, L. Malferrari u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn T. Henze u D. Klebs, sussegwentement minn D. Klebs, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, L. Bay Larsen, S. Rodin (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ tariffi obbligatorji għall-periti u għall-inġinieri, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessa 40 tad-Direttiva 2006/123 hija fformulata kif ġej:

“Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet aktar importanti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku’ li għalihom qiegħda ssir referenza f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ġie żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha relatata ma’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat u jista’ jkompli jevolvi. Il-kunċett kif rikonoxxut fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja jkopri ta’ l-anqas dawn ir-raġunijiet li ġejjin: […] il-protezzjoni tar-riċevituri ta’ servizzi; […] il-protezzjoni ta’ l-ambjent u ta’ l-ambjent urban, inkluż l-ippjanar urban u rurali; […]il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali; l-objettivi tal-politika kulturali, […].”

3

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.”

4

L-Artikolu 15(1), (2)(g), (3), (5) u (6) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[…]

(g)

tariffi fissi minimi u/jew massimi li magħhom għandu jikkonforma l-fornitur;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

(b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(c)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

[…]

5.   Fir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka prevista fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti li bi ħsiebhom iżommu u r-raġunijiet għaliex jikkonsidraw li dawk ir-rekwiżiti jikkonformaw mal-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 3;

(b)

ir-rekwiżiti li tneħħew jew ġew magħmula inqas stretti.

6.   Mit-28 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri m’għandhom jintroduċu l-ebda rekwiżit ġdid tat-tip elenkat fil-paragrafu 2, sakemm dan ir-rekwiżit ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

5

It-tariffi tal-periti u tal-inġiniera huma rregolati permezz tal-Honorarordnung für Architekten und Ingenieure (ir-Regolament li Jistabbilixxi l-Iskala Uffiċjali tal-Onorarji tal-Periti u tal-Inġiniera), tal-10 ta’ Lulju 2013 (BGBl. I, p. 2276, iktar ’il quddiem il-“HOAI”).

6

L-Artikolu 1 tal-HOAI huwa fformulat b’dan il-mod:

“Dan ir-regolament jirregola l-kalkolu tar-remunerazzjonijiet tas-servizzi bażiċi tal-periti u tal-inġiniera (mandatarji) li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fil-Ġermanja, sa fejn l-imsemmija servizzi bażiċi jaqgħu taħt dan ir-regolament u huma pprovduti mit-territorju Ġermaniż.”

7

Skont l-Artikolu 3 tal-HOAI:

“1.   L-onorarji għas-servizzi bażiċi fil-qasam tal-ippjanar tal-użu tal-art, tal-ippjanar ta’ proġetti u tal-ppjanar speċjalizzat huma rregolati b’effett vinkolanti fil-Partijiet 2 sa 4 ta’ dan ir-regolament. L-onorarji għas-servizzi ta’ konsulenza msemmija fl-Anness I ma humiex irregolati b’effetti vinkolanti.

2.   Is-servizzi bażiċi li huma ġeneralment meħtieġa għall-eżekuzzjoni konformi ta’ mandat huma inklużi fil-profili tal-prestazzjoni. Il-profili tal-prestazzjoni huma maqsumin f’fażijiet ta’ servizzi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Partijiet 2 sa 4.

3.   Il-lista tas-servizzi speċjali koperti minn dan ir-regolament u l-profili tas-servizzi u l-annessi tagħhom ma humiex eżawrjenti. Jistgħu jiġu miftiehma servizzi speċjali għall-pjanijiet tal-profil tas-servizz u għall-fażijiet tas-servizz li ma humiex inklużi fihom, sakemm dawn is-servizzi ma jkunux jikkostitwixxu servizzi bażiċi. L-onorarji għas-servizzi speċjali jistgħu jiġu miftiehma b’mod liberu.

4.   L-effiċjenza ekonomika tas-servizz għandha tiġi rrispettata dejjem.”

8

L-Artikolu 7 tal-HOAI jipprevedi:

“1.   L-onorarji għandhom ikunu bbażati fuq il-ftehim bil-miktub, adottat mill-partijiet kontraenti meta jkun ingħata l-mandat u għandhom jaqgħu bejn l-ammonti minimi u massimi stabbiliti minn dan ir-regolament.

2.   Jekk l-ispejjeż jew is-superfiċji eliġibbli li jiġu ddeterminati jaqgħu barra mill-iskala prevista fit-tabelli tal-onorarji ta’ dan ir-regolament, l-onorarji jistgħu jiġu miftiehma b’mod liberu.

3.   L-ammonti minimi stabbiliti f’dan ir-regolament jistgħu jiġu mnaqqsa f’każijiet eċċezzjonali permezz ta’ ftehim bil-miktub.

4.   L-onorarji jistgħu jeċċedu l-ammonti massimi previsti f’dan ir-regolament fil-każ biss ta’ servizzi bażiċi straordinarji jew ta’ servizzi għal żmien eċċezzjonalment twil, suġġett għal ftehim bil-miktub. F’dan il-każ, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li kienu diġà deċiżivi għall-klassifikazzjoni fil-klassijiet ta’ onorarji jew għall-klassifikazzjoni fil-qafas tal-ammonti minimi u massimi.”

9

Il-Partijiet 2 sa 4 tal-HOAI, imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, fihom dispożizzjonijiet iddettaljati rigward l-ammonti minimi u massimi għall-ippjanar ta’ użu tal-art, għall-ippjanar ta’ proġetti u għall-ippjanar speċjalizzat. Uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu t-tnaqqis tat-tariffi minimi f’każijiet eċċezzjonali, skont l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament.

10

L-Artikolu 44(7) tal-HOAI jipprevedi:

“Jekk l-ispejjeż tal-ippjanar tax-xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili b’superfiċji ta’ art kbira u li huma mibnija taħt kundizzjonijiet ta’ kostruzzjoni ekwivalenti jkunu sproporzjonati għall-onorarji kkalkolati, għandu japplika l-Artikolu 7(3).”

11

L-Artikolu 52(5) tal-HOAI jipprovdi:

“Jekk l-ispejjeż tal-ippjanar ta’ strutturi li jerfgħu tagħbija għax-xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili b’superfiċji ta’ art kbira u li huma mibnija taħt kundizzjonijiet ta’ kostruzzjoni ekwivalenti jkunu sproprozjanti għall-onorarji kkalkolati, għandu japplika l-Artikolu 7(3).”

12

L-Artikolu 56(6) tal-HOAI huwa fformulat hekk:

“Jekk l-ispejjeż tal-ippjanar ta’ tagħmir tekniku għal xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili b’superfiċji ta’ art kbira u li huma mibnija taħt kundizzjonijiet ta’ kostruzzjoni ekwivalenti jkunu sproprozjanti għall-onorarji kkalkolati, għandu japplika l-Artikolu 7(3).”

Il-proċedura prekontenzjuża

13

Wara li wettqet evalwazzjoni tal-osservanza tal-obbligi imposti mid-Direttiva 2006/123, il-Kummissjoni organizzat laqgħat bilaterali ma’ ċerti Stati Membri dwar, b’mod partikolari, it-tariffi obbligatorji previsti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Kien f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni fetħet proċedura EU Pilot li fil-kuntest tagħha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħadet pożizzjoni fl-10 ta’ Marzu 2015, bl-iskop li tiġġustifika d-dispożizzjonijiet tal-HOAI dwar l-onorarji tal-periti u tal-inġiniera.

14

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi għall-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-HOAI dwar it-tariffi setgħu jiksru l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 kif ukoll l-Artikolu 49 TFUE.

15

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat l-ilmenti mqajma fil-konfront tagħha. Hija sostniet li l-HOAI ma kienx jillimita l-libertà ta’ stabbiliment u li, anki jekk jitqies li dan kien il-każ, eventwali restrizzjoni ta’ dan it-tip setgħet tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Hija osservat ukoll li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu jirregolaw biss sitwazzjonijiet purament interni, li ma setgħux jiġu evalwati fid-dawl tad-Direttiva 2006/123 u tal-Artikolu 49 TFUE.

16

Fil-25 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn tenniet l-argumenti li kienet esponiet fl-ittra ta’ intimazzjoni. Hija stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu, f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni, il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma magħha. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għall-imsemmija opinjoni fit-13 ta’ Mejju 2016, filwaqt li żammet mal-argumenti tagħha.

17

Peress li qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx irrimedjat il-ksur invokat fil-konfront tagħha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 2017, ġie aċċettat l-intervent fil-kawża tal-Ungerija insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

19

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-HOAI jimplika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE u mid-Direttiva 2006/123. Hija tqis li din il-leġiżlazzjoni, li tistabbilixxi sistema ta’ tariffi minimi u massimi għas-servizzi tal-periti u tal-inġiniera, tostakola d-dħul fis-suq Ġermaniż ta’ fornituri ġodda minn Stati Membri oħra. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-HOAI jillimita l-possibbiltajiet għal dawn il-fornituri, li għalihom huwa inqas faċli li jattiraw klijenti fis-suq Ġermaniż, li joffru servizzi ekwivalenti għal dawk li huma proposti mill-fornituri diġà stabbiliti fil-Ġermanja bi prezzijiet irħas minn dawk previsti fit-tariffa obbligatorja jew servizzi superjuri bi prezzijiet li jaqbżu t-tariffi massimi previsti.

20

Din l-istituzzjoni tqis li d-densità tal-offerta ta’ servizzi mill-periti u mill-inġiniera fil-Ġermanja ma għandhiex impatt fuq l-eżistenza tar-restrizzjonijiet inkwistjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 ma jagħmilx riferiment għas-sitwazzjoni tas-suq u li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758), qieset li l-iffissar ta’ onorarji minimi għall-avukati kien jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, f’sitwazzjoni fejn is-suq kien ikkaratterizzat mill-preżenza ta’ numru kbir ħafna ta’ avukati.

21

Barra minn hekk, hija ssostni li, għalkemm jindirizza l-modalitajiet tal-provvista ta’ servizzi mill-periti u mill-inġiniera, il-HOAI jostakola, minħabba l-effetti tiegħu, l-aċċess għas-suq bħala tali.

22

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/123, il-Kummissjoni tiddeduċi li din tapplika wkoll fil-każ ta’ sitwazzjonijiet purament interni.

23

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment li jimplika l-HOAI ma jistgħux jiġu ġġustifikati permezz tar-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

24

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li ż-żamma ta’ livell għoli ta’ servizzi ma tistax, f’dan il-każ, tiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni. Mis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758) ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija legali kull leġiżlazzjoni li tiffissa tariffi minimi meta s-suq ikun ikkaratterizzat minn numru kbir ta’ fornituri tas-servizzi inkwistjoni. Il-prova li t-tariffi kienu ta’ natura li jiżguraw il-kwalità ta’ dawn is-servizzi kellha titressaq mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

25

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li dan l-Istat Membru kellu juri li t-tneħħija tat-tariffi minimi kienet ser twassal sabiex jiġi ffissat livell ta’ prezzijiet għal dawn is-servizzi li seta’ joħloq inċertezzi dwar il-kwalità ta’ dawn is-servizzi. Skont il-Kummissjoni, mid-data tal-Eurostat jirriżulta li r-rata grossa tal-operat fil-każ tas-servizzi ta’ periti fil-Ġermanja hija nettament ogħla minn dik fi Stati Membri oħra, filwaqt li ma jeżisti ebda indizju li l-kwalità tas-servizzi pprovduti fl-Istati Membri l-oħra hija inqas minħabba l-applikazzjoni ta’ marġni iżgħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-HOAI imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, sa fejn il-fornituri li jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom bi prezz inqas mit-tariffi minimi ma għandhomx il-possibbiltà jipprovaw li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

26

Il-Kummissjoni ssostni li l-użu frekwenti tal-possibbiltà, prevista fil-HOAI, li jiġi konkluż ftehim dwar l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u li jiġu ffissati onorarji inqas mit-tariffi minimi, mingħajr ma jkun jista’ jingħad li kien hemm tnaqqis fil-kwalità tas-servizzi, idgħajjef l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

27

It-tieni nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi bl-eliminazzjoni tal-asimetrija fl-informazzjoni bejn il-konsumaturi u l-fornituri jintlaħaq bil-livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi, li min-naħa tiegħu huwa ggarantit mill-impożizzjoni ta’ tariffi minimi. Skont il-Kummissjoni, dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tali tariffi jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi pprovduti.

28

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/123 jobbliga lill-fornituri jagħtu informazzjoni lid-destinatarji dwar il-prezz ta’ servizz jew dwar il-metodu tal-kalkolu ta’ dan il-prezz. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprevedu l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet normalment applikati bħala indizji tal-prassi tas-suq. Barra minn hekk, hija tosserva li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex asimetrija fl-informazzjoni ma kinitx teżisti fil-każ tas-servizzi ta’ konsulenza, li ma humiex suġġetti għat-tariffi obbligatorji previsti fil-HOAI.

29

Din l-istituzzjoni tqis li l-istudji invokati minn dan l-Istat Membru ma jippermettux li tintwera l-eżistenza ta’ korrelazzjoni bejn il-prezzijiet tas-servizzi u l-kwalità tagħhom. Hija tosserva wkoll li r-raġunijiet għaliex l-allegat effett ta’ inċentiv tat-tariffi minimi ser iwassal għall-konsegwenzi deskritti b’mod ġenerali mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma joħorġux mill-ispjegazzjonijiet mogħija mill-imsemmi Stat Membru. Il-Kummissjoni tqis li l-ittra tal-Kunsill Ewropew tal-Kmamar tal-Inġiniera, tal-5 ta’ Novembru 2015, tirreferi għad-dikjarazzjoni tal-imsemmi Kunsill, tas-26 ta’ Settembru 2015, li tiddeskrivi b’mod pożittiv is-sistemi li jiżguraw remunerazzjoni uniformi, prevedibbli u trasparenti, għal ċerti tipi ta’ servizzi, mingħajr, madankollu, ma jistabbilixxu b’mod vinkolanti l-limiti tat-tariffi ffissati għal dawn is-servizzi. Fil-fehma tal-Kummissjoni, mill-imsemmija dikjarazzjoni jirriżulta li miżuri inqas vinkolanti minn dawk previsti fil-HOAI jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Hija tqis li, sabiex jintlaħaq il-livell ta’ kwalità mistenni, hemm lok li jiġu adottati miżuri alternattivi għal dawk previsti mill-HOAI, bħalma huma regoli dwar il-kwalifiki professjonali u r-responsabbiltà professjonali.

30

It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-għanijiet li tiġi żgurata ż-żamma u d-durabbiltà tal-impriżi ta’ servizzi kif ukoll li jiġi żgurat id-dħul tal-fornituri huma għanijiet ta’ natura purament ekonomika u ma jikkostitwixxux raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

31

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-regoli tariffarji previsti fil-HOAI ma humiex adatti sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi sa fejn la jinformawhom dwar in-natura adegwata tal-prezzijiet proposti u lanqas ma jqiegħduhom f’pożizzjoni li jivverifikaw, minkejja l-iskeda tat-tariffi previsti fil-HOAI, l-ammonti applikati. Skont din l-istituzzjoni, għalkemm tippermetti lill-konsumaturi jiddistingwu b’mod iktar faċli d-diversi servizzi proposti lilhom u tista’ eventwalment tkun utli sabiex is-servizzi jiġu kklassifikati skont l-importanza tagħhom, din l-iskeda tariffarja madankollu ma tiġġustifikax l-obbligu li jintużaw it-tariffi minimi u massimi ffissati fuq il-bażi ta’ din is-subdiviżjoni.

32

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 7(3) u (4) tal-HOAI, li jippermetti ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni tat-tariffi obbligatorji, kien ġie maħsub bħala eċċezzjoni, li hija interpretata b’mod restrittiv mill-qrati Ġermaniżi. B’hekk, tista’ ssir deroga, permezz ta’ ftehim bil-miktub, mit-tariffi massimi fil-każ biss ta’ servizzi bażiċi straordinarji jew ta’ servizzi li jdumu għal perijodu twil iktar min-normal.

33

Hija ssostni wkoll li, skont l-Artikolu 7(3) tal-HOAI, id-derogi mit-tariffi minimi huma permessi f’każijiet speċifiċi, marbuta mas-servizzi pprovduti minn inġiniera u mhux minn periti.

34

Skont il-Kummissjoni, id-derogi mit-tariffi minimi huma wkoll interpretati b’mod strett mill-qrati Ġermaniżi. Filwaqt li tiċċita l-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-Kummissjoni ssostni li fornitur ma jistax jgħaddi fuq il-klijenti tiegħu l-ekonomiji f’termini ta’ spejjeż magħmula fl-impriża tiegħu, permezz ta’ razzjonalizzazzjoni, jekk dan iwassal sabiex jiġi ffissat prezz li jkun inqas mit-tariffi minimi. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), tat-22 ta’ Mejju 1997, il-Kummissjoni ssostni li mill-imsemmija sentenza jirriżulta li anki l-każ ta’ kollaborazzjoni dejjiema bbażata fuq offerta ta’ perit jew ta’ inġinier li tipprevedi tariffi inqas mit-tariffi minimi jikkostitwixxi ksur tal-HOAI, peress li kull kuntratt għandu jitqies b’mod separat. Il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sistema Ġermaniża ma hijiex flessibbli biżżejjed sabiex titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.

35

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma esponietx ir-raġunijiet għaliex it-tariffi massimi huma meqjusa li jikkontribwixxu għall-eliminazzjoni tal-asimetriji fl-informazzjoni bejn il-konsumaturi u l-fornituri fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi pprovduti. Din l-istituzzjoni tikkonkludi, min-naħa l-oħra, li l-għan tal-protezzjoni tal-klijenti fir-rigward tal-iffissar ta’ onorarji eċċessivi jista’ jintlaħaq billi titqiegħed informazzjoni adegwata għad-dispożizzjoni tal-klijent, informazzjoni li permezz tagħha jkun jista’ jevalwa fejn jinsab il-prezz li ntalab mingħandu meta mqabbel mal-prezzijiet normali tas-suq. Tali miżura tkun inqas vinkolanti minn dik li tirriżulta mis-sistema tariffarja prevista fil-HOAI.

36

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fl-ewwel lok, li l-HOAI la jikser l-Artikolu 49 TFUE u lanqas ma jikser id-Direttiva 2006/123, sa fejn, minn naħa, il-HOAI jipprevedi tariffi minimi u massimi fil-qasam tal-onorarji fir-rigward biss tas-servizzi bażiċi li jikkonċernaw l-ippjanar tal-użu tal-art, l-ippjanar ta’ proġetti u l-ppjanar speċjalizzat, servizzi li fir-rigward tagħhom il-garanzija ta’ standard ta’ kwalità għolja tissodisfa għan ta’ interess ġenerali, u ma jipprevedix tali tariffi fir-rigward tas-servizzi ta’ konsulenza, li l-onorarji tagħhom jistgħu jiġu nnegozjati b’mod liberu bejn il-partijiet.

37

Min-naħa l-oħra, il-HOAI jipprevedi diversi eċċezzjonijiet, sabiex jiġi ggarantit li jkun jista’ jintlaħaq ftehim dwar onorarji korretti f’kull każ partikolari, u dan juri l-livell għoli ta’ flessibbilta ta’ din il-leġiżlazzjoni li jippermetti lil operaturi minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jidħlu fis-suq Ġermaniż f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.

38

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270), li minnha jirriżulta li tariffi minimi u massimi ma jikkostitwixxux restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tas-servizzi meta s-sistema li tipprevedi dawn it-tariffi tkun ikkaratterizzata minn flessibbiltà li tippermetti ċertu aġġustament tat-tariffi fuq il-bażi tan-natura tas-servizzi li jkunu twettqu. Issa, f’dan il-każ, il-HOAI effettivament jipprevedi tali flessibbiltà, kemm fir-rigward tat-tariffi minimi u kemm fir-rigward tat-tariffi massimi.

39

Barra minn hekk, hija ssostni li mis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874) jirriżulta li sitwazzjonijiet purament interni ma għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment u tad-Direttiva 2006/123, sa fejn la waħda u lanqas l-oħra ma japplikaw għal tali sitwazzjonijiet.

40

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jqis li l-Kummissjoni ma esponietx ir-raġunijiet għaliex l-aċċess għas-suq huwa limitat mit-tariffi minimi u massimi previsti mill-HOAI, u lanqas ma uriet l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet konkreti għal-libertà ta’ stabbiliment. Il-Kummissjoni rreferiet biss għal “eventwali restrizzjonijiet” u sempliċement sostniet li s-sitwazzjoni tas-suq “ma hijiex importanti”. Issa, l-imsemmi Stat Membru jinvoka, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li ma jkunx hemm restrizzjoni meta l-eventwali effetti ta’ miżura fuq il-libertà ta’ stabbiliment ikunu aleatorji wisq jew ikunu indiretti wisq, kif ukoll il-premessa 69 tad-Direttiva 2006/123, li l-formulazzjoni tagħha tirrifletti, essenzjalment, din il-ġurisprudenza. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru jqis li, f’dan il-każ, il-miżura li għandha tiġi evalwata, li lanqas biss tikkonċerna l-aċċess għas-suq, ma għandha ebda effett konkret fuq il-libertà ta’ stabbiliment u li l-Kummissjoni ma ressqitx prova, kif kellha l-oneru li tagħmel, tal-eżistenza ta’ tali effett.

41

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirreferi wkoll għal dokumenti ta’ organizzazzjonijiet professjonali ta’ periti u ta’ inġiniera li minnhom joħroġ li l-HOAI ma jostakolax l-aċċess għas-suq Ġermaniż u ma jfixkilx il-libertà ta’ stabbiliment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

42

Fit-tieni lok, u b’mod sussidjarju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li s-sistema tariffarja prevista fil-HOAI hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġifieri li jiġu ggarantiti l-kwalità tas-servizzi tal-ippjanar, il-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sigurtà tal-bini, il-ħarsien tal-kultura arkitettonika u l-kostruzzjoni ekoloġika. Skont dan l-Istat Membru, l-għan prinċipali tal-HOAI huwa li jiġi ggarantit standard ta’ kwalità għoli tas-servizzi tal-periti u tal-inġiniera.

43

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li servizz ta’ ppjanar ta’ kwalità jissodisfa l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi minn żewġ aspetti, sa fejn tali servizz jiggarantixxi s-sigurtà tal-bini u sa fejn huwa intiż li jiġu evitati żbalji fl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, li b’hekk titwettaq ukoll f’inqas żmien u b’inqas spejjeż. L-imsemmi Stat Membru jżid li l-iffissar ta’ tariffi minimi huwa sostnut kemm mill-organizzazzjonijiet professjonali ta’ dawk li jikkummissjonaw xogħlijiet u kemm mill-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi.

44

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni li permezz tagħhom din tal-aħħar tqis li r-restrizzjoni inkwistjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ma hijiex iġġustifikata. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-ħarsien ta’ struttura tas-suq ibbażata fuq impriżi ta’ daqs żgħir u medju hija għan mixtieq sa fejn għandha l-effett li tiggarantixxi l-eżistenza ta’ numru għoli ta’ fornituri u li tikkontribwixxi għal kompetizzjoni bbażata fuq “kwalità aħjar”. Dan l-Istat Membru josserva li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rata grossa tal-operat fil-Ġermanja tista’ tkun distorta b’mod kunsiderevoli mill-istruttura tal-impriżi attivi fit-territorju tiegħu. Huwa jżid li l-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim dwar l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, li kienet teżisti bejn l-2009 u l-2014, ġiet iddikjarata illegali mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) fl-2014.

45

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-iffissar ta’ tariffi minimi huwa adegwat sabiex jiġi żgurat l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et (C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758), irrikonoxxiet bħala prinċipju l-eżistenza ta’ rabta, f’suq ikkaratterizzat minn asimetrija qawwija fl-informazzjoni bejn il-fornituri u d-destinatarji ta’ servizzi kif ukoll mill-preżenza ta’ numru kbir ta’ fornituri, bejn l-introduzzjoni ta’ tariffa minima għall-provvisti ta’ servizzi u l-ħarsien tal-kwalità ta’ dawn tal-aħħar, u dan minkejja li ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tikkonstata l-eżistenza u r-rilevanza ta’ din ir-rabta fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Mill-bqija, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’sitwazzjonijiet komparabbli, b’tali mod li ma jistax ikun meħtieġ li dawn jistabbilixxu rabta kawżali fis-sens ta’ kundizzjoni sine qua non bejn il-kwalità u l-prezz ta’ servizz fis-suq nazzjonali. L-imsemmi Stat Membru jispeċifika li, minkejja li ma hemmx rekwiżit f’dan is-sens, huwa bbaża ruħu, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-HOAI, fuq studji ddettaljati dwar l-iffissar ta’ tariffi minimi u massimi u dwar l-effett tagħhom.

46

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, it-tariffi minimi u massimi huma adegwati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kwalità mixtieq, peress li hemm rabta bejn il-prezz u l-kwalità, u dan sa fejn volum ta’ xogħol kbir imwettaq minn persunal b’livell għoli ta’ kwalifiki għandu impatt fuq il-prezz, li jsir iktar għoli. Jekk il-prezz ikun inqas minn livell partikolari, jista’ jitqies li dan il-prezz jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ livell inferjuri ta’ kwalità tas-servizzi.

47

Hija tosserva f’dan ir-rigward l-eżistenza ta’ riskju ta’ “selezzjoni negattiva” fis-suq tas-servizzi tal-ippjanar fil-Ġermanja. B’hekk, sa fejn ma humiex informati biżżejjed u ma humiex kapaċi jidentifikaw id-differenzi fil-kwalità, il-konsumaturi jagħżlu sistematikament l-irħas offerta, b’tali mod li l-kompetizzjoni tkun ibbażata biss fuq il-prezzijiet. Fid-dawl ta’ din l-asimetrija fl-informazzjoni bejn il-fornituri u l-konsumaturi, ikkunsidrata flimkien ma’ preżenza qawwija ta’ fornituri fis-suq, prattikament ma jibqax possibbli li wieħed jibqa’ kompetittiv u jiġġenera profitt ħlief billi joffri servizzi ta’ kwalità inqas, sitwazzjoni li twassal għal fenomenu ta’ “perikolu morali” jew ta’ “selezzjoni negattiva”.

48

L-imsemmi Stat Membru jqis li, bl-iffissar legali ta’ tariffi minimi, l-importanza tal-prezz bħala fattur ta’ kompetizzjoni hija mnaqqsa, u dan jippermetti li jiġi evitat tali deterjorament fil-kwalità tas-servizzi.

49

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li l-iffissar ta’ tariffi minimi previsti mill-HOAI ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati u li ma hemmx miżura inqas restrittiva, sa fejn il-HOAI jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tas-servizzi kkonċernati, jimponi tali tariffi biss fuq is-servizzi tal-ippjanar u jipprevedi diversi eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu.

50

Il-miżuri alternattivi proposti mill-Kummissjoni ma humiex adegwati sabiex jieħdu post it-tariffi obbligatorji. B’hekk, regoli dwar l-aċċess għall-professjoni jiggarantixxu biss li l-membri ta’ professjoni jkollhom il-kwalifika meħtieġa, filwaqt li sistema ta’ tariffi obbligatorji tippermetti li tiġi żgurata l-provvista ta’ servizzi ta’ kwalità. Fil-fatt, minn naħa, l-aċċess għall-attivitajiet professjonali suġġetti għall-HOAI ma huwiex limitat fil-Ġermanja u, bħala prinċipju, kull persuna tista’ teżerċita tali attivitajiet sakemm tosserva din il-leġiżlazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ eventwali leġiżlazzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-professjonijiet ikkonċernati tikkostitwixxi restrizzjoni ferm ikbar għal-libertà ta’ stabbiliment minn dik li tirriżulta mill-HOAI.

51

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-alternattiva li tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà u dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà professjonali lanqas ma hija konvinċenti. Fil-fatt, ir-regoli dwar l-onorarji li jinsabu fil-HOAI huma maħsuba sabiex tiġi żgurata, b’mod preventiv, kwalità għolja tas-servizzi, filwaqt li r-regoli dwar ir-responsabbiltà u dwar l-assigurazzjoni, li japplikaw biss meta jkun hemm danni, huma, min-natura tagħhom stess, inadegwati sabiex jiġu protetti interessi ġenerali bħalma huma s-sigurtà tal-bini, il-kultura arkitettonika jew l-ekoloġija.

52

Fir-rigward tal-alternattiva proposta mill-Kummissjoni, fis-sens li jiġu previsti regoli dwar l-eżerċizzju tal-professjoni, din l-alternattiva tippermetti biss li tintlaħaq kwalità minima tas-servizzi mwettqa u ma tippermettix li jintlaħaq l-istandard ta’ kwalità għoli mfittex mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kwalità mixtieq, ikun hemm lok jew li l-fornituri kkonċernati kollha jkunu mġiegħla jissieħbu f’organizzazzjonijiet professjonali li jkunu responsabbli sabiex jissorveljaw il-kwalità tas-servizzi pprovduti jew li jiġu esklużi mis-suq dawk li ma humiex membri ta’ tali organizzazzjonijiet.

53

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-alternattiva li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar il-prezzijiet normalment applikati bħala indikazzjoni tal-prassi tas-suq. Dan l-Istat Membru jqis li tali pubblikazzjoni ma ssolvix il-problema tal-asimetrija fl-informazzjoni u tista’ anki ssaħħaħ “tellieqa lejn il-qiegħ” fuq livell ta’ prezzijiet.

54

Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li t-tariffi massimi ma jikkostitwixxux ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u li dawn huma, fi kwalunkwe każ, iġġustifikati mill-protezzjoni tal-konsumaturi billi jevitaw li dawn ikollhom ibatu oneru tqil b’mod esaġerat, li jirriżulta minn onorarji eċċessivi. Barra minn hekk, it-tariffi massimi huma adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati.

55

L-Ungerija, li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkondividi, essenzjalment, l-argumenti ta’ dan l-Istat Membru.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Qabel kollox, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 u mbagħad, jekk ikun il-każ, din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 TFUE.

57

Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Ġermaniż fis-sens li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 ma japplikax għal sitwazzjonijiet purament interni, jiġifieri għal sitwazzjonijiet fejn il-fatti jkunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss.

58

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, dwar il-libertà ta’ stabbiliment ta’ fornituri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet li l-elementi rilevanti tagħhom kollha jkunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, X u Visser, C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 110).

59

Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/123, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tipprevedix rekwiżiti bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, u għandhom jiżguraw li dawn ikunu kompatibbli mal-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 tiegħu.

60

L-Artikolu 15(2)(g) tal-imsemmija direttiva jikkonċerna r-rekwiżiti li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività għall-osservanza, mill-fornitur, ta’ tariffi minimi u/jew massimi.

61

Mill-paragrafi 5 u 6 tal-imsemmi Artikolu 15 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew, jekk ikun il-każ, jintroduċu rekwiżiti tat-tip bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mal-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et, C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 33).

62

L-imsemmija kundizzjonijiet jikkonċernaw, l-ewwel nett, in-natura mhux diskriminatorja tar-rekwiżiti kkonċernati, li ma jistgħux ikunu direttament jew indirettament diskriminatorji fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew, fir-rigward tal-kumpanniji, fuq il-bażi ta’ fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, it-tieni nett, in-natura meħtieġa tagħhom, jiġifieri li għandhom ikunu ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, u, it-tielet nett, il-proporzjonalità tagħhom, sa fejn l-imsemmija rekwiżiti għandhom ikunu adatti sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan segwit u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan u sa fejn miżuri oħra inqas restrittivi ma jkunux jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat.

63

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 huwa b’hekk intiż li jikkonċilja, minn naħa, il-kompetenza regolatorja tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti li għandhom jiġu evalwati b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ stabbiliment.

64

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li, għalkemm huwa minnu li l-Istat Membru li jinvoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika rekwiżit fis-sens tal-imsemmi Artikolu 15 għandu juri li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija xierqa u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit, dan l-oneru ta’ prova ma jistax iwassal sabiex dan l-Istat Membru ikun meħtieġ juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma tippermetti li jintlaħaq l-imsemmi għan fl-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑518/06, EU:C:2009:270, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 123, kif ukoll tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 55). Fil-fatt, tali rekwiżit iwassal, fil-prattika, sabiex l-Istat Membru kkonċernat jiġi mċaħħad mill-kompetenza regolatorja tiegħu fil-qasam taħt kunsiderazzjoni.

65

Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, kif tosserva r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Stat Membru għandu jkun f’pożizzjoni li jiġġustifika “rekwiżit li għandu jiġi evalwat” permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sa mill-introduzzjoni tal-imsemmi rekwiżit u, għalhekk, wieħed jassumi, mingħajr ma jkollu neċessarjament provi empiriċi dwar ir-riżultat miksub permezz ta’ dan ir-rekwiżit, imqabbel mar-riżultat miksub permezz ta’ miżuri oħra.

66

F’dan il-każ, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-HOAI, sa fejn jiffissaw it-tariffi minimi u massimi fil-qasam tas-servizzi tal-ippjanar ipprovduti minn periti u minn inġiniera, jaqgħu taħt l-Artikolu 15(2)(g) tad-Direttiva 2006/123.

67

Għaldaqstant, bħala rekwiżiti koperti minn din id-dispożizzjoni, it-tariffi kontenjzużi inkwistjoni għandhom, sabiex ikunu konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva, jissodisfaw it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tagħha, jiġifieri għandhom ikunu mhux diskriminatorji, meħtieġa u proporzjonati sabiex tiġi implimentata raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, CMVRO, C‑297/16, EU:C:2018:141, punt 54).

68

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza la huma direttament diskriminatorji u lanqas ma huma indirettament diskriminatorji fuq il-bażi tan-nazzjonalità jew, fir-rigward tal-kumpanniji, fuq il-bażi ta’ fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, fis-sens tal-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta.

69

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tindika li t-tariffi minimi huma intiżi li jintlaħqu l-għanijiet tal-kwalità tas-servizzi tal-ippjanar, tal-protezzjoni tal-konsumaturi, tas-sigurtà tal-bini, tal-ħarsien tal-kultura arkitettonika u tal-kostruzzjoni ekoloġika, Fir-rigward tat-tariffi massimi, dawn huma, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi billi jiggarantixxu t-trasparenza tal-onorarji fir-rigward tas-servizzi korrispondenti u billi jipprekludu tariffi eċċessivi.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-għanijiet marbuta mal-kwalità tax-xogħlijiet u mal-protezzjoni tal-konsumaturi ġew irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten, C‑58/98, EU:C:2000:527, punt 38; tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 74, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 74).

71

Fir-rigward tal-għanijiet tal-ħarsien tal-kultura arkitettonika u tal-kostruzzjoni ekoloġika, dawn jistgħu jintrabtu mal-għanijiet iktar ġenerali tal-ħarsien tal-patrimonju kulturali u storiku, kif ukoll mal-protezzjoni tal-ambjent, li wkoll jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑154/89, EU:C:1991:76, punt 17, u tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 75).

72

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 40 tad-Direttiva 2006/123 tikkonferma li l-protezzjoni tad-destinatarji ta’ servizzi, il-protezzjoni tal-ambjent u l-għanijiet ta’ politika kulturali jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

73

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123, din teħtieġ li jkunu ssodisfatti tliet elementi, jiġifieri li r-rekwiżit ikun adatt sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq l-għan segwit u ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq, u li dan l-għan ma jkunx jista’ jintlaħaq b’miżura inqas restrittiva.

74

F’dan id-dawl, Stat Membru li, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’din il-kawża, jinvoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika miżura li jkun adotta għandu jippreżenta elementi preċiżi li jippermettu li jiġu ssostanzjati l-argumenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑296/12, EU:C:2014:24, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li, sa fejn l-osservanza tal-għanijiet tas-sigurtà tal-bini, tal-ħarsien tal-kultura arkitettonika u tal-kostruzzjoni ekoloġika hija marbuta direttament mal-kwalità tax-xogħlijiet ta’ ppjanar, kemm in-natura adatta tal-HOAI sabiex jintlaħqu dawn l-ewwel tliet għanijiet u kemm il-ħtieġa tiegħu sabiex jintlaħqu jkollhom jiġu aċċettati jekk jiġi stabbilit li l-HOAI huwa adatt u meħtieġ sabiex tiġi żgurata din il-kwalità.

76

Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura adatta tal-HOAI sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, minħabba r-rabta li hemm bejn il-prezz ta’ servizz u l-kwalità ta’ dan is-servizz, l-iffissar ta’ tariffi minimi huwa adatt sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi pprovduti.

77

Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-iffissar ta’ tali tariffi huwa adatt ukoll sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi, billi jirrimedja l-konsegwenzi tal-asimetrija fl-informazzjoni bejn, minn naħa, il-periti u l-inġinieri, u, min-naħa l-oħra, il-konsumaturi, li tista’ twassal sabiex il-kompetizzjoni tkun ibbażata biss fuq il-prezzijiet u sabiex il-konsumaturi jagħżlu l-fornituri tagħhom esklużivament fuq il-bażi tal-prezz tas-servizzi tagħhom.

78

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż a priori li l-iffissar ta’ tariffa minima jippermetti li jiġi evitat li l-fornituri ma jkollhomx inċentiv, f’kuntest bħal dak ta’ suq ikkaratterizzat mill-preżenza ta’ numru għoli ħafna ta’ fornituri, sabiex jipparteċipaw f’kompetizzjoni li tista’ timmanifesta ruħha fl-offerta ta’ servizzi bi prezzijiet imraħħsa, bir-riskju ta’ deterjorament fil-kwalità tas-servizzi pprovduti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 67).

79

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, numru kbir ħafna ta’ operaturi joperaw fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ ppjanar fis-settur tal-kostruzzjoni f’dan l-Istat Membru.

80

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tikkontestax b’mod utli l-affermazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li dan is-suq huwa kkaratterizzat minn asimetrija qawwija fl-informazzjoni, marbuta mal-fatt li l-fornituri ta’ servizzi għandhom kompetenzi tekniċi li l-parti l-kbira tal-klijenti tagħhom ma jkollhomx, b’tali mod li dawn tal-aħħar isibuha diffiċli jevalwaw il-kwalità tas-servizzi tal-ippjanar offerti.

81

Minn dan isegwi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-suq u tas-servizzi inkwistjoni, jista’ jkun hemm riskju li l-fornituri ta’ servizzi tal-ippjanar fis-settur tal-kostruzzjoni li joperaw f’dan l-Istat Membru jipparteċipaw f’kompetizzjoni li tista’ timmanifesta ruħha fl-offerta ta’ servizzi bi prezzijiet imraħħsa, jekk mhux ukoll fl-eliminazzjoni tal-operaturi li joffru servizzi ta’ kwalità permezz ta’ selezzjoni kuntrarja.

82

F’tali kuntest, l-impożizzjoni ta’ tariffi minimi tista’ tkun ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex jiġi limitat dan ir-riskju, billi tipprekludi li jiġu offerti servizzi bi prezzijiet li ma jkunux suffiċjenti sabiex tiġi żgurata, fuq perijodu twil, il-kwalità ta’ dawn is-servizzi.

83

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat diversi studji li jissostanzjaw il-pożizzjoni tagħha li, f’suq bħas-suq Ġermaniż, ikkaratterizzat minn numru kbir ta’ impriżi ta’ daqs żgħir u medju, l-iffissar ta’ tariffi minimi fil-qasam tas-servizzi ta’ ppjanar jista’ jikkostitwixxi miżura adegwata sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ kwalità ta’ dawn is-servizzi.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni li l-prezz ma huwiex, bħala tali, indikazzjoni tal-kwalità tas-servizz ma jistax ikun biżżejjed sabiex jeskludi r-riskju msemmi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li flimkien, iż-żewġ fatturi msemmija fil-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza, iwasslu għal deterjorament tal-kwalità tas-servizzi pprovduti fil-qasam tal-ippjanar, u lanqas ma jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan ir-riskju ma jistax jiġi limitat b’miżura li teskludi l-offerta ta’ servizzi bi prezzijiet baxxi wisq.

85

Barra minn hekk, filwaqt li l-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma stabbilixxietx li t-tneħħija tat-tariffi minimi ser twassal għal tnaqqis fil-kwalità, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, dan l-Istat Membru ma huwiex meħtieġ iressaq tali prova iżda huwa meħtieġ biss juri li l-HOAI jista’ jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-għanijiet segwiti billi jillimita r-riskju ta’ tnaqqis fil-kwalità tas-servizzi tal-ippjanar.

86

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li r-rata grossa tal-operat fir-rigward tas-servizzi ta’ periti fil-Ġermanja hija nettament ogħla minn dik fi Stati Membri oħra, f’sitwazzjoni fejn ma jeżisti ebda indizju fis-sens li l-kwalità tas-servizzi pprovduti fl-Istati Membri l-oħra hija inqas minħabba l-applikazzjoni ta’ marġni inferjuri.

87

Fil-fatt, it-tabella riprodotta mill-Kummissjoni tindika r-rata grossa tal-operat għas-servizzi tal-periti fl-Istati Membri matul is-sena 2014, mingħajr ma tagħmel, fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, distinzjoni bejn is-servizzi tal-ippjanar, suġġetti għat-tariffi minimi, u s-servizzi ta’ konsulenza, li ma humiex suġġetti għal dawn it-tariffi. Barra minn hekk, din it-tabella tirrifletti s-sitwazzjoni tas-suq matul sena waħda, b’tali mod li ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni dwar l-evoluzzjoni tas-suq wara l-introduzzjoni tat-tariffi minimi. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-rata grossa tal-operat tiddependi minn ċertu numru ta’ fatturi, bħalma huma l-istruttura tal-impriżi, il-kost tax-xogħol jew l-użu ta’ provvisti ta’ servizzi fi stadju preċedenti, u mhux biss mill-pressjoni kompetittiva fis-suq ikkonċernat.

88

Mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 75 sa 87 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ tariffi minimi għas-servizzi tal-ippjanar hija, bħala prinċipju, ta’ natura, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq Ġermaniż, li tikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi tal-ippjanar u, għaldaqstant, sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

89

Madankollu, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan mixtieq fil-każ biss li tissodisfa verament l-intenzjoni li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55, u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa e.a., C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 76, kif ukoll id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sokoll-Seebacher u Naderhirn, C‑634/15, EU:C:2016:510, punt 27).

90

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma ssegwix l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi tal-ippjanar b’mod koerenti u sistematiku, sa fejn l-eżerċizzju stess tas-servizzi tal-ippjanar ma huwiex irriżervat, fil-Ġermanja, għal persuni li jeżerċitaw attività rregolata, b’tali mod li fi kwalunkwe każ ma teżisti ebda garanzija li s-servizzi tal-ippjanar ser jitwettqu minn fornituri li jkunu urew il-kapaċità professjonali tagħhom sabiex jipprovdu dawn is-servizzi.

91

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-fatt indikat, fin-noti tagħha, li s-servizzi tal-ippjanar ma kinux irriżervati għal ċerti professjonijiet li huma suġġetti għas-sorveljanza obbligatorja bis-saħħa ta’ regolamenti professjonali jew permezz tal-kmamar professjonali, u li fornituri oħra ta’ servizzi li ma humiex periti jew inġiniera, u li ma humiex suġġetti għal regolamenti professjonali, setgħu jipprovdu tali servizzi.

92

Issa, il-fatt li s-servizzi tal-ippjanar jistgħu jiġu pprovduti fil-Ġermanja minn fornituri li ma jkunux urew il-kapaċità professjonali tagħhom sabiex jipprovdu dawn is-servizzi huwa manifestazzjoni ta’ inkoerenza fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża fir-rigward tal-għan li jinżamm livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi tal-ippjanar segwit mit-tariffi minimi. Fil-fatt, minkejja l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li tali tariffi minimi ma jistgħux ikunu adegwati sabiex jintlaħaq tali għan jekk, kif jirriżulta mill-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju tas-servizzi li huma suġġetti għal dawn it-tariffi ma jkunx marbut, min-naħa tiegħu, ma’ garanziji minimi li jippermettu li tiġi żgurata l-kwalità tal-imsemmija servizzi.

93

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rnexxilhiex tistabbilixxi li t-tariffi minimi previsti mill-HOAI huma adegwati sabiex jiġi ggarantit li jintlaħaq l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ kwalità tas-servizzi tal-ippjanar u li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi.

94

Għall-kuntrarju, fir-rigward tat-tariffi massimi, dawn huma ta’ natura, kif tenfasizza r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-konsumaturi billi jżidu t-trasparenza tat-tariffi applikati mill-fornituri u billi jipprekludu lil dawn tal-aħħar milli japplikaw onorarji eċċessivi.

95

Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma urietx ir-raġunijiet għaliex il-fatt li tingħata lill-klijenti gwida dwar il-prezzijiet għad-diversi kategoriji ta’ servizzi koperti mill-HOAI, propost mill-Kummissjoni bħala miżura inqas restrittiva, ma huwiex biżżejjed sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan b’mod adegwat. Minn dan isegwi li r-rekwiżit li jikkonsisti fl-iffissar ta’ tariffi massimi ma jistax jitqies li huwa proporzjonat ma’ dan l-għan.

96

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, billi żammet fis-seħħ tariffi obbligatorji għas-servizzi tal-ippjanar tal-periti u tal-inġiniera, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123.

97

Fid-dawl ta’ dan, ma hemmx lok li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE.

Fuq l-ispejjeż

98

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

99

Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, l-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi żammet fis-seħħ tariffi obbligatorji għas-servizzi tal-ippjanar tal-periti u tal-inġiniera, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top