EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0293

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ Novembru 2018.
Coöperatie Mobilisation for the Environment UA u Vereniging Leefmilieu vs College van gedeputeerde staten van Limburg u College van gedeputeerde staten van Gelderland.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Artikolu 6 – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit – Programm nazzjonali għall-ġlieda kontra d-depożiti ta’ nitroġenu – Kunċetti ta’ ‘proġett’ u ta’ ‘evalwazzjoni xierqa’ – Evalwazzjoni globali tal-awtorizzazzjonijiet individwali ta’ azjendi agrikoli li jiġġeneraw tali depożiti.
Kawżi magħquda C-293/17 u C-294/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:882

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Artikolu 6 – Evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit – Programm nazzjonali għall-ġlieda kontra d-depożiti ta’ nitroġenu – Kunċetti ta’ ‘proġett’ u ta’ ‘evalwazzjoni xierqa’ – Evalwazzjoni globali tal-awtorizzazzjonijiet individwali ta’ azjendi agrikoli li jiġġeneraw tali depożiti”

Fil-Kawżi magħquda C‑293/17 u C‑294/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjonijiet tas‑17 ta’ Mejju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Mejju 2017, fil-proċeduri

Coöperatie Mobilisation for the Environment UA,

Vereniging Leefmilieu

vs

College van gedeputeerde staten van Limburg,

College van gedeputeerde staten van Gelderland,

fil-preżenza ta’:

G. H. Wildenbeest,

Maatschap Smeets,

Maatschap Lintzen-Crooijmans,

W. A. H. Corstjens (C‑293/17),

u

Stichting Werkgroep Behoud de Peel

vs

College van gedeputeerde staten van Noord-Brabant,

fil-preżenza ta’:

Maatschap Gebr. Lammers,

Landbouwbedrijf Swinkels,

Pluimveehouderij Van Diepen VOF,

Vermeerderingsbedrijf Engelen,

Varkenshouderij Limburglaan BV,

Madou Agro Varkens CV (C‑294/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. Toader (Relatur), u A. Rosas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Coöperatie Mobilisation for the Environment UA u għal Vereniging Leefmilieu, minn V. Wösten u A. van den Burg, adviseurs,

għal Stichting Werkgroep Behoud de Peel, minn A. K. M. van Hoof, adviseur,

għall-College van gedeputeerde staten van Limburg, għall-College van gedeputeerde staten van Gelderland u għall-College van gedeputeerde staten van Noord-Brabant, minn H. J. M. Besselink, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, C. S. Schillemans u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. S. Wolff u P. Z. L. Ngo, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve, C. Hermes u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Coöperatie Mobilizzazzjoni for the Environment UA u Vereniging Leefmilieu mal-College van gedeputeerde staten van Limburg (il-Gvern Provinċjali ta’ Limburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) u mal-College van gedeputeerde staten van Gelderland (il-Gvern Provinċjali ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi) (Kawża C‑293/17), u Stichting Werkgroep Behoud Peel mal-College van gedeputeerde staten van Noord-Brabant (il-Gvern Provinċjali ta’ Noord-Brabant, il-Pajjiżi l-Baxxi) (Kawża C‑294/17) dwar skemi ta’ awtorizzazzjoni għal attivitajiet agrikoli li jiġġeneraw depożiti ta’ nitroġenu f’siti tan-netwerk ekoloġiku Ewropew “Natura 2000”.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva “Habitats”:

“Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni”.

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(e)

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-habitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

L-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jitqies ‘favorevoli’ meta:

il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu,

u

l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli, u

[…]

(l)

żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

6

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “Habitats” huwa fformulat kif ġej:

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

[…]”

7

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

8

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), ippreċediet id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”).

9

L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA, li jagħmel użu mill-kliem tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “proġett” bħala “l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazjonijiet jew skemi oħra” jew “interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali”.

Id-dritt Olandiż

10

In-Natuurbeschermingswet 1998 (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura tal‑1998, Stb. 1998, no 403, iktar ’il quddiem in-“Nbw 1998”), fis-seħħ sal‑1 ta’ Jannar 2017, jiddisponi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi u tad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa ta’ din, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

m:

‘użu eżistenti’: użu li l-awtorità kompetenti kienet taf bih jew setgħet raġonevolment tkun taf bih fil‑31 ta’ Marzu 2010”.

11

L-Artikolu 19d(1) u (3) ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“1.   Huwa pprojbit li jitwettqu proġetti jew attivitajiet oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Gvern Provinċjali jew bi ksur tal-kundizzjonijiet jew tar-restrizzjonijiet li għalihom hija suġġetta din l-awtorizzazzjoni […], proġetti jew attivitajiet oħra li, fid-dawl tal-għan ta’ konservazzjoni, […], jistgħu jiddeterjoraw il-kwalità ta’ habitats naturali u ta’ habitats tal-ispeċi li għalihom iż-żona ġiet innominata jew li jista’ jkollhom fuqhom effett ta’ tfixkil sinjifikattiv.

[…]

3.   Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tapplikax għal użu eżistenti, ħlief fejn dan huwa proġett li ma jkollux rabta diretta mat-tmexxija ta’ żona tan-Natura 2000 jew ma huwiex meħtieġ għal dan, iżda li jista’, waħdu jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, ikollu impatt sinjifikattiv fuq iż-żona Natura 2000 ikkonċernata.”

12

Skont l-Artikolu 19f(1) ta’ din il-liġi:

“Għall-proġetti li għalihom il-Gvern Provinċjali għandu jadotta deċiżjoni dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 19(1) u li ma humiex direttament konnessi ma’ jew neċessarji għat-tmexxija ta’ żona Natura 2000, iżda li, individwalment jew flimkien ma’ proġetti jew pjanijiet oħra, huma jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq din iż-żona, l-applikant għandu, qabel ma l-awtoritajiet provinċjali jadottaw id-deċiżjoni tagħhom, jeffettwa evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq din iż-żona b’kont meħud tal-għan ta’ konservazzjoni […] ta’ din iż-żona.”

13

L-Artikolu 19g(1) tan-Nbw 1998 jistabbilixxi:

“Meta l-Artikolu 19f(1) jeħtieġ evalwazzjoni xierqa, awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 19d(1) tista’ tingħata biss jekk il-Gvern Provinċjali, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni xierqa, ikun ġie żgurat li l-karatteristiċi naturali taż-żona ma humiex ser jiġu affettwati.”

14

L-Artikolu 19kg(1), (2) u (5) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“1.   [Il-ministri kompetenti] […] għandhom jistabbilixxu programm għaż-żoni Natura 2000 li huma jinnominaw sabiex inaqqsu d-depożiti ta’ nitroġenu f’dawn iż-żoni u sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ habitats sensittivi għan-nitroġenu f’dawn iż-żoni f’terminu prevedibbli.

2.   Il-programm għandu bħala għan li jitnaqqsu, b’mod ambizzjuż u realistiku, id-depożiti ta’ nitroġenu minn sorsi fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

[…]

5.   Il-programm huwa stabbilit mill-inqas darba matul il-perijodu ta’ sitt snin u għandu jkun validu għal perijodu ta’ sitt snin.”

15

L-Artikolu 19kh(1), (7) u (9) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Kull programm fis-sens tal-Artikolu 19kg għandu fi kwalunkwe każ jiddeskrivi jew jirreferi fir-rigward taż-żoni Natura 2000 ikkonċernati:

a.

għall-volum ta’ depożiti ta’ nitroġenu fil-bidu tal-perijodu ta’ validità tal-programm […];

b.

għall-iżviluppi awtonomi mistennija li jistgħu jikkawżaw emissjonijiet ta’ nitroġenu bħala riżultat tal-fatturi msemmija taħt is-subparagrafu (a) u l-impatt ta’ dawn l-iżviluppi fuq il-volum tad-depożiti ta’ nitroġenu fiż-żoni kkonċernati;

c.

għall-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-depożiti ta’ nitroġenu jew li jikkontribwixxu b’xi mod ieħor sabiex jinkiseb stat tajjeb ta’ konservazzjoni tal-habitats sensittivi għan-nitroġenu kif ukoll l-effetti mistennija li dawn il-miżuri għandu jkollhom fuq il-volum tad-depożiti ta’ nitroġenu jew fuq il-ksib ta’ stat tajjeb ta’ konservazzjoni fiż-żoni kkonċernati;

[…]

e.

għall-għanijiet fil-qasam ta’ volum tad-depożiti ta’ nitroġenu […];

f.

għall-metodu u għall-frekwenza li għandhom jiġu stabbiliti għar-rapporti […];

g.

għall-miżuri meħuda jew li għandhom jittieħdu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-ħabitats sensittivi għan-nitroġenu fiż-żoni Natura 2000 koperti mill-programm;

h.

għar-riżultati ta’ evalwazzjoni, għal kull żona Natura 2000 inkluża fil-programm, tal-proporzjon li fiha l-miżuri msemmija taħt is-subparagrafi (c) u (g), kont meħud tal-iżvilupp globali mistenni tad-depożiti ta’ nitroġenu, b’mod partikolari tal-volum totali ta’ dawn id-depożiti, fis-sens tal-paragrafi 7 u 9, u tal-marġni ta’ tkabbir ekonomiku:

1°.

jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ habitats sensittivi għan-nitroġenu fiż-żona kkonċernata;

2°.

jipprevjenu kull deterjorament tal-kwalità tal-habitats naturali u tal-habitats ta’ speċi li jinsabu fiż-żona kkonċernata;

3°.

jipprevjenu l-okkorrenza ta’ fatturi li jfixklu l-ispeċi li għalihom iż-żona ġiet innominata sa fejn, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona inkwistjoni, dawn il-fatturi huma mistennija li jkollhom effett sinjifikattiv u

4°.

ma jheddux il-kisba tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żona kkonċernata li ma għandhom l-ebda rabta ma’ habitats sensittivi għan-nitroġenu.

[…]

7.   Il-projbizzjoni li l-Artikolu 19(1) jimponi fir-rigward taż-żoni Natura 2000 ma japplikax għal proġett jew għal attività oħra li tissodisfa kull waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

a.

il-proġett jew l-attività:

1°.

tirriżulta, fil-habitats sensittivi għan-nitroġenu li jinsabu fiż-żona Natura 2000 ikkonċernata, f’depożiti ta’ nitroġenu li, separatament jew, fejn il-proġett jew l-attività jikkonċernaw stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 1.1(3) tal-Wet milieubeheer (il-Liġi dwar il-Politika Ambjentali), flimkien ma’ proġetti jew attivitajiet oħra fl-istess stabbiliment, ma għandhomx jaqbżu, matul il-perijodu ta’ validità tal-programm, valur stabbilit permezz ta’ miżura amministrattiva ġenerali, jew

[…]

b.

ma huwiex ta’ natura li jikkawża, għaż-żona Natura 2000 ikkonċernata, konsegwenzi oħra li depożiti ta’ nitroġenu li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, jistgħu jiddeterjoraw il-kwalità ta’ habitats naturali u habitats ta’ speċi li jinsabu f’żona ta’ Natura 2000 jew ifixklu b’mod sinjifikattiv l-ispeċi li għalihom iż-żona ġiet innominata.

[…]

9.   Meta tadotta deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 19km(1), l-awtorità kompetenti ma tiħux kont ta’ depożiti ta’ nitroġenu li l-proġett jew l-attività l-oħra jwassal għalih f’habitats sensittivi għan-nitroġenu li jinsabu f’żona Natura 2000 meta dawn id-depożiti ta’ nitroġenu ma jeċċedux il-valur imsemmi fil-paragrafu 7(a), jew meta l-proġett jew l-attività jsiru f’distanza ikbar mid-distanza ffissata skont il-paragrafu 7(a).”

16

L-Artikolu 19km(1) tan-Nbw 1998 jiddisponi:

“Il-korp amministrattiv kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni jista’ jagħti […] il-marġni ta’ tkabbir ekonomiku għal żona Natura 2000 inkluża fil-programm:

[…]

b.

permezz ta’ awtorizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 19d(1);

[…]”

17

L-Artikolu 2 tal-besluit grenswaarden programmatische aanpak stikstof (ir-Regolament dwar Valuri Limitu għall-Approċċ Programmatiku fil-Ġlieda Kontra d-Depożiti ta’ Nitroġenu, Stb. 2015, no 227) jistabbilixxi:

“1.   Il-valur imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 19kh(7)(a) tan-[Nbw 1998] huwa ta’ 1 mol ha/sena.

[…]

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-valur imsemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 19kh(7)(a) tan-[Nbw 1998] huwa, għal proġett jew attività oħra li ma hijiex proġett jew attività oħra fis-sens tal-Artikolu 19kn(1) ta’ din il-liġi, 0.05 mol ha/sena wkoll sakemm dan jirriżulta mill-mudell ta’ kalkolu […] li, għal kull ettaru ta’ habitat sensittiv għan-nitroġenu li jinsab fiż-żona Natura 2000 ikkonċernata, 5 % jew inqas minn 5 % mill-marġni ta’ depożitu għal valuri limitu huwa disponibbli.”

18

L-Artikolu 2(1) tar-regeling programmatische aanpak stikstof (ir-Regolament dwar l-Approċċ Programmatiku fil-Ġlieda Kontra d-Depożiti ta’ Nitroġenu, Stcrt. 2015, no 16320, iktar ’il quddiem ir-”Regolament APA”) jiddisponi:

“Sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett jew attività oħra fis-sens tal-Artikolu 19d(1) tan-[Nbw 1998] jista’, minħabba fid-depożiti ta’ nitroġenu li jikkawża, jiddeterjora jew ifixkel b’mod sinjifikattiv habitat sensittiv għan-nitroġenu li jinsab f’żona Natura 2000, id-depożiti ta’ nitroġenu għandhom jiġu kkalkolati permezz tas-softwer Aerius Calculator.

[…]”

19

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament:

“L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina l-marġni ta’ tkabbir ekonomiku li għandhom jingħataw fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni permezz tas-softwer Aerius Calculator.”

20

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, is-softwer AERIUS Register huwa strument ta’ reġistrazzjoni ta’ data dwar id-debitu, il-kreditu u r-riżervi li jqisu l-marġni ta’ tkabbir ekonomiku kif ukoll tad-data dwar il-proġetti jew l-attivitajiet oħra suġġetti għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni.

21

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament APA jipprevedi:

“Kull min biħsiebu jwettaq proġett jew attività oħra li għaliha japplika l-punt 1 tal-Artikolu 19kh(7)(a) tan-Nbw 1998 għandu jibgħat dikjarazzjoni mill-inqas erba’ ġimgħat, u mhux iktar tard minn sentejn qabel il-bidu ta’ dan il-proġett jew ta’ din l-attività meta kull waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin hija ssodisfatta:

a.

1°.

Il-proġett jew l-attività l-oħra tikkonċerna l-bini, il-modifika jew l-estensjoni ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 1.1(3) tal-Liġi dwar il-Politika Ambjentali, stabbiliment intiż għall-agrikoltura, […];

[…]

b.

il-proġett jew l-attività l-oħra tikkawża depożiti ta’ nitroġenu fuq habitat sensittiv għan-nitroġenu li jinsab f’żona Natura 2000 li taqbeż 0.05 mol ha/sena.

[…]”

22

Il-Wet natuurbescherming (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura, Stb. 2016, no 34, iktar ’il quddiem il-“WnB”) li daħlet fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2017, tipprovdi, fl-Artikolu 2.4 tagħha:

“1.   Fejn it-tmexxija ta’ sit Natura 2000 titlob dan fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, il-Gvern Provinċjali jimponi fuq kull persuna li, fil-Provinċja tiegħu, twettaq jew ikollha l-intenzjoni li twettaq attività [fis-sens tal-Artikolu 19d(1) tan-Nbw 1998] l-obbligu:

a.

li tipprovdi l-informazzjoni kollha fir-rigward ta’ din l-attività;

b.

li tieħu l-miżuri ta’ prevenzjoni jew ta’ ripristinar kollha meħtieġa;

c.

li twettaq l-attività f’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-rigward, jew

d.

li ma teżerċitax jew ittemm dik l-attività.

2.   Fejn il-protezzjoni ta’ sit Natura 2000 tirrendi neċessarja l-eżekuzzjoni immedjata ta’ deċiżjoni fis-sens tal-paragrafu 1, il-Gvern Provinċjali jista’ jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu oralment lill-persuna li twettaq jew ikollha l-intenzjoni li twettaq l-attività inkwistjoni. Il-Gvern Provinċjali għandu jiddokumenta d-deċiżjoni bil-miktub mill-iktar fis possibbli u jibgħatha jew jgħaddiha lill-partijiet interessati.

[…]

4.   Huwa pprojbit li wieħed jaġixxi bi ksur ta’ obbligu fis-sens tal-paragrafi 1 jew 3.”

23

Skont l-Artikolu 2.7(2) tal-Wnb:

“Ħlief b’awtorizzazzjoni tal-Gvern Provinċjali, għandu jkun ipprojbit li jitwettqu l-proġetti jew li jiġu eżerċitati attivitajiet oħra li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal żona Natura 2000, jistgħu jiddeterjoraw il-kwalità ta’ habitats naturali jew ta’ habitats ta’ speċi f’dik iż-żona jew li jkollhom effett ta’ tfixkil sinjifikattiv fuq l-ispeċi li għalihom din iż-żona ġiet innominata.”

24

L-Artikolu 2.9(3) u (4) ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“3.   Il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2.7(2) ma għandhiex tapplika għall-proġetti u għall-attivitajiet l-oħra, li jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ proġetti jew attivitajiet innominati mill-Kunsilli tal-Provinċji permezz ta’ regolament, meta r-regoli stabbiliti permezz ta’ regolament jew skont regolament huma osservati għall-proġett jew għall-attività inkwistjoni.

[…]

4.   Jistgħu biss jiġu nnominati konformement mal-paragrafu 3:

a.

il-kategoriji ta’ proġetti fis-sens tal-Artikolu 2.7(3)(a) fejn jista’ a priori jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ informazzjoni oġġettiva li, waħedha jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, ser tippreġudika l-karatteristiċi naturali ta’ żona Natura 2000;

b.

il-kategoriji ta’ attivitajiet oħra fis-sens tal-Artikolu 2.7(3)(b) li fir-rigward tagħhom l-ewwel nett huma meħuda inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal żona Natura 2000, dawn jista’ jkollhom għaż-żona kkonċernata.”

25

L-Artikolu 3.7.8.1 tar-Regolament tal-Gvern Provinċjali ta’ Gelderland dwar il-qasam ambjentali u l-Artikolu 3.2.1 tar-Regolament tal-Gvern Provinċjali ta’ Limburg dwar il-qasam ambjentali, li daħlu fis-seħħ rispettivament fit‑3 ta’ Frar 2017 u fis‑26 ta’ April 2017, jipprevedu t-tnejn li huma li l-projbizzjoni tal-Artikolu 2.7(2) tal-Wnb ma għandhiex tapplika għall-proġetti ta’ “ragħa ta’ bhejjem” u ta’ “fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija”.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kunsiderazzjonijiet komuni għall-Kawżi C‑293/17 u C‑294/17

26

Il-kawżi prinċipali jikkonċernaw skemi ta’ awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet agrikoli li jwasslu għal depożiti ta’ nitroġenu f’żoni protetti skont id-Direttiva “Habitats”.

27

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, minn 162 sit Natura 2000 innominati fil-Pajjiżi l-Baxxi, 118 jħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ depożiti eċċessivi ta’ nitroġenu, li s-sors ewlieni nazzjonali tagħhom huwa t-tnissil tal-bhejjem.

28

Din il-qorti tosserva li tali depożiti ta’ nitroġenu eċċessivi huma ta’ problema sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni tar-riżorsi naturali sensittivi għan-nitroġenu f’żoni Natura 2000. B’mod partikolari, depożiti sostanzjali jwasslu għall-formazzjoni ta’ kopertura tan-nitroġenu, bil-konsegwenza li f’ħafna reġjuni, il-valuri ta’ depożiti msejħa “kritiċi” għat-tipi ta’ habitats innominati jinqabżu sewwa. L-eċċess fuq il-valur kritiku tad-depożiti jfisser li ma jistax jiġi eskluż minn qabel li hemm riskju li l-kwalità tat-tipi ta’ habitat jiġu milquta ħażin mill-influwenza aċiduża u/jew ewtrofikanti tad-depożiti ta’ nitroġenu.

29

Din il-qorti tippreċiża li approċċ programmatiku ġie żviluppat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex tiġi indirizzata l-problema tad-depożiti ta’ nitroġenu eċċessivi f’siti naturali. Il-Programma Aanpak Stikstof 2015‑2021 (il-Programm ta’ ġlieda kontra d-depożiti ta’ nitroġenu għall‑2015‑2021, iktar ’il quddiem il-“PAS”), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2015, jirriżulta minn dan.

30

Il-PAS għandu għan doppju. Minn naħa, din huwa intiż sabiex iżomm u fejn meħtieġ jirripristina ż-żoni Natura 2000 li tagħhom huwa jistabbilixxi l-lista sabiex jintlaħaq livell favorevoli ta’ konservazzjoni fil-livell nazzjonali kif ukoll, min-naħa l-oħra, jippermetti ż-żamma jew l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi ta’ depożiti ta’ nitroġenu f’dawn iż-żoni. Dan il-programm huwa bbażat ukoll fuq il-premessa li tgħid li d-depożiti ta’ nitroġenu ser jonqsu u nofs dan it-tnaqqis ser jagħti marġni magħruf bħala “ta’ depożitu” għal attivitajiet ekonomiċi ġodda.

31

Il-metodoloġija sottostanti tal-PAS hija bbażata fuq id-determinazzjoni ta’ valuri kritiċi ta’ depożiti għal kull sit Natura 2000 u għat-tipi ta’ habitats identifikati. Dawn il-valuri kritiċi ta’ depożiti jikkostitwixxu limiti fejn lil hinn minnhom hemm riskju li l-kwalità tal-habitat jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv mill-influwenza ta’ tniġġis jew ta’ aċidifikazzjoni ta’ depożiti ta’ nitroġenu.

32

Kull żona Natura 2000 inkluża fil-PAS hija suġġetta għal analiżi separata. Magħmula fuq il-livell tal-ettaru, dawn l-analiżi jikkostitwixxu, flimkien mal-parti ġenerali tal-evalwazzjoni xierqa tal-PAS fil-livell taż-żona, l-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”. Mad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-PAS u l-evalwazzjoni xierqa li fuqha huwa bbażat, kif ukoll il-leġiżlazzjoni li permezz tagħha dan il-programm għandu jkun akkumpanjat, jistgħu jintużaw għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet li jkopru attivitajiet li jiġġeneraw depożiti ta’ nitroġenu.

33

Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-PAS għandu jinkludi wkoll miżuri ta’ ripristinar speċifiċi għal kull żona, bħall-miżuri idroloġiċi u miżuri supplimentari ta’ veġetazzjoni, kif ukoll miżuri f’ras il-għajn bħalma huma stalel, il-metodi ta’ fertilizzazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet kif ukoll miżuri dwar l-għalf u t-tmexxija. Dawn il-miżuri jippermettu li jiġi kkunsidrat titjib tar-reżistenza tan-natura u tnaqqis addizzjonali ta’ depożiti ta’ nitroġenu meta mqabbla mat-tnaqqis diġà miksuba permezz ta’ miżuri anċillari, adottati barra mill-PAS, u li jippermettu tnaqqis awtonomu.

34

Din il-qorti tippreċiża wkoll li, fir-rigward tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, il-leġiżlazzjoni li takkumpanja l-PAS tiddistingwi bejn tliet kategoriji ta’ proġetti. L-ewwel nett, in-neċessità li tinkiseb awtorizzazzjoni ma tapplikax fil-każ ta’ proġett jew ta’ att ieħor li jikkawża depożitu ta’ nitroġenu ta’ inqas minn 0.05 mol N/ha/sena. It-tieni nett, il-proġetti u l-atti l-oħra li jikkawżaw depożitu ta’ nitroġenu ta’ iktar minn 0.05 mol N/ha/sena iżda inqas minn 1 mol N/ha/sena, huma wkoll permessi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, iżda għandhom jiġu nnotifikati. It-tielet nett, il-proġetti u l-atti oħra b’depożiti ta’ nitroġenu li jaqbeż il-limitu massimu ta’ 1 mol N/ha/sena huma kompletament suġġetti għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni.

35

F’dan l-aħħar każ, l-awtorità kompetenti għandha teżamina jekk l-attività li għaliha din it-talba tressqet ser iwassal għal żieda ta’ depożiti ta’ nitroġenu. F’dan ir-rigward, il-punt determinanti huwa jekk is-sitwazzjoni li joħloq il-proġett il-ġdid jew l-attività l-ġdida jwassalx għal żieda tad-depożiti meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni jew fir-rigward tal-iktar depożitu ogħli effettivament ikkawżat matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2012 sal‑31 ta’ Diċembru 2014. Jekk il-proġett jew l-attività proposta ma għandhiex twassal għal żieda ta’ depożiti ta’ nitroġenu, l-awtorità tista’ tagħti awtorizzazzjoni skont in-Nbw 1998 b’referenza għal evalwazzjoni xierqa li fuqha hija bbażata l-PAS. F’din l-ipoteżi, id-depożiti kkawżati minħabba l-proġett jew l-attività prevista jagħmlu parti mid-depożiti analizzati f’din l-evalwazzjoni xierqa. Jekk dan il-proġett jew din l-attività tinvolvi żieda fid-depożiti ta’ nitroġenu, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti awtorizzazzjoni jekk ikun hemm marġni ta’ tkabbir ekonomiku disponibbli għal dan il-għan.

36

Kalkolu tal-impatt ta’ dawn il-miżuri wera li d-depożiti ta’ nitroġenu ser jonqsu b’madwar 13.4 kt/sena minn issa sas-sena 2020 meta mqabbla mal-ipoteżi li fiha programm bħall-PAS ma jiġix implimentat. Sabiex ikun hemm marġni ta’ sigurtà, huma biss 6.4 kt/sena li ġew ikkunsidrati fil-PAS. Fir-rigward tal-marġni ta’ tkabbir ekonomiku, massimu ta’ 60 % jistgħu jiġu attribwiti matul l-ewwel tliet snin tal-PAS u 40 % jistgħu jiġu attribwiti matul it-tieni nofs tat-tul ta’ dan.

37

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li, sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni fil-qasam ta’ depożiti ta’ nitroġenu, jiġi mmonitorat l-iżvilupp tagħhom u tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni fl-għoti ta’ dawn l-approvazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti żviluppaw strumenti fosthom is-softwer Aerius, disponibbli online fuq is-sit tal-internet www.aerius.nl.

38

Fost is-sitt moduli ta’ dan is-softwer, AERIUS Calculator jippermetti proċess ta’ deċiżjoni parzjalment awtomatizzat. Għal dan il-għan, jikkalkola l-kontribuzzjoni ta’ depożiti ta’ nitroġenu minn sorsi ta’ emissjonijiet li utent jintroduċi jew jimporta fis-sistema u juża sabiex jiġi ddeterminat jekk proġett jew attività li x’aktarx tikkawża, b’depożiti ta’ nitroġenu, deterjorament jew tfixkil sinjifikattiv ta’ habitat sensittiv għan-nitroġenu jinsab f’żona Natura 2000. Barra minn hekk, huwa għandu jirreġistra kontinwament il-marġni ta’ depożitu u ta’ tkabbir ekonomiku disponibbli skont iż-żona li tirriżulta mill-PAS.

39

Fl-aħħar nett, jekk il-programm ta’ monitoraġġ juri n-neċessità, il-miżuri li jittieħdu fis-sors kif ukoll il-miżuri ta’ ripristinar jistgħu jiġu mibdula jew miżjuda mal-PAS u l-marġni ta’ tkabbir ekonomiku jista’ jiġi aġġustat.

Il-Kawża C‑294/17

40

Fl‑14 ta’ Diċembru 2015, il-Gvern Provinċjali ta’ Noord-Brabant ħareġ sitt awtorizzazzjonijiet għall-ħolqien jew għall-estensjoni ta’ azjendi agrikoli li jirriżultaw f’depożiti ta’ nitroġenu b’mod partikolari fuq iż-żoni Natura 2000 Groote Peel u Deurnsche Peel & Mariapeel. Dawn iż-żoni ġew innominati minn Hoge Venen, li huwa tip ta’ habitat naturali li huwa sensittiv għan-nitroġenu. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jippermettu, bl-eċċezzjoni ta’ waħda, żieda, fi proporzjonijiet varjabbli, tad-depożiti ta’ nitroġenu f’kull waħda minn dawn l-azjendi agrikoli.

41

Dan il-gvern ħareġ l-awtorizzazzjonijiet skont, b’mod partikolari, il-PAS u l-miżuri introdotti għall-implimentazzjoni tiegħu mill‑1 ta’ Lulju 2015 fin-Nbw 1998 kif ukoll fir-Regolament APA.

42

Fir-rigward tal-azjendi agrikoli inkwistjoni, dan il-gvern ta l-awtorizzazzjoni minħabba li l-proġett ma kien jinvolvi l-ebda żieda ta’ depożiti ta’ nitroġenu meta mqabbel mal-valuri li attwalment intlaħqu qabel l-adozzjoni tal-PAS. Huwa ddeċieda li d-depożiti kkawżati mill-attivitajiet eżistenti kienu adegwati għall-finijiet tal-PAS bħala parti tad-depożiti fil-ħamrija. Sabiex ta din l-awtorizzazzjoni, huwa rrefera għall-evalwazzjoni xierqa mwettqa għall-finijiet tal-PAS.

43

Fir-rigward ta’ azjendi agrikoli oħra, l-awtorizzazzjonijiet ikkontestati jikkonċernaw attivitajiet li jwasslu għal żieda ta’ depożiti ta’ nitroġenu meta mqabbel mal-valuri effettivament milħuqa jew awtorizzati qabel id-dħul fis-seħħ tal-PAS. Sa fejn dawn l-attivitajiet iwasslu għal depożiti ta’ nitroġenu li jaqbżu l-valur ta’ limitu jew il-limitu ta’ 0.05 mol N/ha/sena jew ta’ 1 mol N/ha/sena, applikabbli fiż-żona Natura 2000 ikkonċernata, marġni ta’ tkabbir ekonomiku ġie attribwit għaż-żieda ta’ depożiti ta’ nitroġenu. L-istess gvern ħareġ l-awtorizzazzjonijiet b’referenza għall-evalwazzjoni xierqa mwettqa għall-finijiet tal-PAS.

44

L-iStichting Werkgroep Behoud Peel ippreżentat rikors kontra s-sitt awtorizzazzjonijiet inkwistjoni għaliex tqis li l-Gvern Provinċjali ta’ Noord-Brabant ma setax joħroġhom skont ir-regoli nazzjonali, sa fejn din ma kinitx tikkostitwixxi traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats”.

45

F’dan ir-rigward, din l-organizzazzjoni għad-difiża tal-ambjent tqis, l-ewwel nett, li programm ma għandux jissostitwixxi l-evalwazzjoni individwali kif meħtieġ fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva għall-proġetti li x’aktarx ikollhom impatt sinjifikattiv fuq żoni Natura 2000. Barra minn hekk, hija ssostni, li d-depożiti taħt il-limitu jew il-limitu massimu stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi. Hija żżid li l-evalwazzjoni xierqa li hija l-bażi tal-PAS ma hijiex konformi ma’ din id-direttiva, li l-Artikolu 6(1) u (2) tagħha, jeżiġi li jiġu adottati l-miżuri ta’ konservazzjoni xierqa. Hija tikkunsidra, barra minn hekk, li din l-evalwazzjoni għandha tinkludi miżuri fis-sors u miżuri ta’ ripristinar ta’ natura kumpensatorja u, fl-aħħar nett, tqis inkompatibbli mal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” li l-marġni ta’ tkabbir ekonomiku jista’ jiġi assenjat qabel ma l-miżuri jkunu pproduċew effetti pożittivi.

46

Il-Gvern Provinċjali ta’ Noord-Brabant huwa tal-opinjoni li l-PAS u l-leġiżlazzjoni li minnu dan jirriżulta jiżguraw traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats”. Konformement ma’ dan l-artikolu, il-PAS jinkludi evalwazzjoni ta’ kwalunkwe tniġġis tan-nitroġenu fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni fiż-żoni Natura 2000 kollha li fihom wirt naturali sensittiv għal dan l-element.

47

Għal dawn iż-żoni kollha, l-awturi tal-evalwazzjoni inkwistjoni fittxew jekk, minn perspettiva xjentifika, kienx hemm ebda dubju raġonevoli fir-rigward tal-fatti li, minkejja l-attribuzzjoni ta’ marġni ta’ depożitu u ta’ marġni ta’ tkabbir ekonomiku għal proġetti u għal attivitajiet, u fid-dawl tal-miżuri fis-sors u tal-miżuri ta’ ripristinar li fih il-PAS, l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-wirt naturali sensittiv għan-nitroġenu ser jintlaħqu u li l-konservazzjoni ta’ dan għandha tkun iggarantita. Il-marġni ta’ depożitu u l-marġni ta’ tkabbir ekonomiku allokati għall-proġetti u għall-attivitajiet kollha li huma possibbli permezz tal-PAS ġew evalwati b’mod xieraq. Minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li l-kwalità tat-tipi ta’ ħabitat ma hijiex ser tmur għall-agħar u li mhux ser jiġu ppreġudikati l-karatteristiċi naturali taż-żoni Natura 2000.

48

Fi kwalunkwe każ, skont il-Gvern Provinċjali tan-Noord-Brabant, xejn ma jippermetti li jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva “Habitats” ma tippermettix approċċ programmatiku.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva [‘Habitats’], jipprekludi dispożizzjoni […] li hija intiża li teżenta mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni, proġetti u inizjattivi oħra li jiġġeneraw depożiti ta’ nitroġenu li ma jeċċedux limitu kwantitattiv jew valur massimu u b’hekk huma awtorizzati mingħajr il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni individwali, suġġett għall-premessa li l-effett tal-proġetti kollha u ta’ inizjattivi oħra meqjusa flimkien li jistgħu jibbenefikaw mis-sistema […] ikun ġie evalwat b’mod xieraq għall-finijet tal-adozzjoni tal-imsemmija sistema legali?

2)

L-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tipprekludi li evalwazzjoni xierqa ta’ programm li fih tiġi evalwata kwantità iddeterminata totali ta’ depożiti ta’ nitroġenu tintuża bħala bażi għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni (awtorizzazzjoni individwali) għal proġett jew inizjattiva oħra li jiġġeneraw depożiti ta’ nitroġenu konformi mal-marġni ta’ depożitu evalwat fil-kuntest tal-programm?

3)

F’evalwazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’] imwettqa għall-programm bħall-[PAS], jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett pożittiv ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u tal-miżuri xierqa għal żoni eżistenti tat-tipi ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ speċi, li jiġu adottati skont obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u (2) ta’ tali direttiva?

3a)

F’każ li t-tielet domanda tingħata risposta pożittiva, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti pożittivi ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u tal-miżuri xierqa miżuri f’evalwazzjoni xierqa għal programm dment li, fil-mument tal-evalwazzjoni xierqa, dawn ikunu għadhom ma ġewx attwati u l-effetti pożittivi tagħhom jkunu għadhom ma ġewx prodotti?

Jekk jiġi preżunt li l-evalwazzjoni xierqa tkun tinkludi konklużjonijiet definittivi dwar l-effetti ta’ dawn il-miżuri bbażati fuq il-konoxxenzi xejntifiċi iktar avvanzati f’dan il-qasam, ikun rilevanti li l-attwazzjoni u r-riżultat ta’ tali miżuri jiġu ssorveljati u, jekk jirriżulta li l-effett ikun inqas favorevoli minn dak previst fl-evalwazzjoni xierqa, titwettaq korrezzjoni, jekk din tkun neċessarja?

4)

L-effetti pożittivi tat-tnaqqis awtonomu tad-depożiti tan-nitroġenu li jimmanifesta ruħu fil-perijodu li matulu jkun fis-seħħ il-[PAS] jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’]?

Jekk jiġi preżunt li l-evalwazzjoni xierqa tkun tinkludi konklużjonijiet definittivi dwar dawn l-iżviluppi bbażati fuq il-konoxxenzi xejntifiċi iktar avvanzati f’dan il-qasam, ikun rilevanti li t-tnaqqis awtonomu tad-depożiti tan-nitroġenu jiġi ssorveljat u, jekk jirriżulta li l-effett ikun inqas favorevoli minn dak previst fl-evalwazzjoni xierqa, titwettaq korrezzjoni, jekk din tkun neċessarja?

5)

Il-miżuri ta’ riparazzjoni, adottatati fil-kuntest tal-[PAS], maħsuba sabiex jipprevjenu li fattur iddeterminat li jniġġeż, bħad-depożitu tan-nitroġenu, jaffettwa b’mod negattiv iż-żoni eżistenti tat-tipi ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ speċi, jistgħu jiġu kklassifikati bħala miżuri ta’ protezzjoni fis-sens tal-punt 28 tas-sentenza […] tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels, [(C‑521/12, EU:C:2014:330)], li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’evalwazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’]?

5a)

F’każ li l-ħames domanda tingħata risposta pożittiva, l-effetti pożittivi tal-miżuri ta’ protezzjoni, li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni jekk fil-mument tal-evalwazzjoni xierqa tali miżuri ikunu għadhom ma ġewx attwati u l-effetti pożittivi tagħhom jkunu għadhom ma ġewx prodotti?

Jekk jiġi preżunt li l-evalwazzjoni xierqa tkun tinkludi konklużjonijiet definittivi dwar l-effetti ta’ dawn il-miżuri bbażati fuq il-konoxxenzi xejntifiċi iktar avvanzati f’dan il-qasam, ikun rilevanti li l-attwazzjoni u r-riżultat ta’ tali miżuri jiġu ssorveljati u, jekk jirriżulta li l-effett ikun inqas favorevoli minn dak previst fl-evalwazzjoni xierqa, titwettaq korrezzjoni, jekk din tkun neċessarja?”

Il-Kawża C‑293/17

50

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Ġunju 2015, il-Gvern Provinċjali ta’ Gelderland ċaħad bħala infondat l-ilment imressaq minn organizzazzjonijiet għad-difiża tal-ambjent, jiġifieri Coöperatie Mobilisation for the Environment UA u Vereniging Leefmilieu, kontra d-deċiżjoni ta’ dan il-gvern li ma jkunux issanzjonati l-attivitajiet ta’ impriża ta’ tnissil tal-bhejjem li jiġġeneraw depożiti ta’ nitroġenu f’żoni Natura 2000. Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Lulju 2015, il-Gvern Provinċjali ta’ Limburg ukoll ċaħad bħala infondati ilmenti analogi fir-rigward ta’ attivitajiet identiċi. It-tilwim quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw dawn l-erba’ deċiżjonijiet.

51

Peress li l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni għar-ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija daħal biss fis-seħħ biss wara l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri, l-ewwel, bl-applikazzjoni tan-Nbw 1998 u, wara l‑1 ta’ Jannar 2017, bl-applikazzjoni tal-Wnb, il-Gvernijiet Provinċjali jitolbu li din il-leġiżlazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rikors. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn ir-rikorsi għandhom jiġu fil-fatt eżaminati fuq il-bażi tar-Regolament tal-Gvern Provinċjali ta’ Gelderland dwar il-qasam ambjentali u tar-Regolament tal-Gvern Provinċjali ta’ Limburg dwar il-qasam ambjentali. L-imsemmija qorti tindika wkoll li l-evalwazzjoni xierqa li fuqha tkun ibbażata l-eżenzjoni prevista f’dawn ir-regolamenti hija dik li saret għall-finijiet tal-PAS fl-intier tiegħu.

52

Coöperatie Mobilisation for the Environment UA u Vereniging Leefmilieu sostnew quddiem il-qorti tar-rinviju li l-attivitajiet tal-azjendi agrikoli huma ta’ natura li jiddeterjoraw l-kwalità tal-habitat u għalhekk huma suġġetti għall-obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 19d(1) tan-Nbw 1998.

53

Il-Gvern Provinċjali ta’ Limburg u l-Gvern Provinċjali ta’ Gelderland jallegaw li l-bhejjem li jirgħu u l-fertilizzazzjoni permezz ta’ demel likwidu huma ċertament “attivitajiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 19d(1) tan-Nbw 1998, iżda li minn din id-dispożizzjoni ma jirriżulta ebda obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet, peress li ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawn ser ikollhom impatt fuq iż-żoni Natura 2000.

54

Dawn il-gvernijiet josservaw li, skont l-evalwazzjoni xierqa mwettqa għall-adozzjoni tal-PAS, huwa eskluż li r-ragħa u l-fertilizzazzjoni fuq skala pprattikata matul is-sena 2014 kellhom impatt sinjifikattiv u li, bħala medja, żieda ta’ depożiti ta’ nitroġenu li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet tista’ tiġi eskluża wara s-sena 2014.

55

B’mod partikolari, il-Gvern Provinċjali ta’ Limburg jidher li qiegħed jibbaża fuq il-kunsiderazzjoni li kemm ir-ragħa kif ukoll il-fertilizzazzjoni jikkostitwixxu “użi eżistenti” fis-sens tan-Nbw 1998 u għalhekk kienu legali qabel l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” ma sar applikabbli għaż-żoni Natura 2000 ikkonċernati.

56

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minbarra d-domandi magħmula fil-Kawża C‑294/17, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑293/17 iqajjem, minn naħa, il-kwistjoni ta’ jekk attività li tikkonsisti fil-fatt li l-bhejjem jirgħu u li ssir il-fertilizzazzjoni permezz ta’ demel likwidu għandux jiġi kkwalifikat bħala proġett, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, u jekk huwiex kompatibbli mal-Artikolu 6(2) u (3) ta’ din id-direttiva li jagħti eżenzjoni li tippermetti lil impriża li teżerċita tali attività mingħajr awtorizzazzjoni individwali. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk, peress li din hija l-unika miżura xierqa li tippermetti intervent fir-rigward ta’ attivitajiet eżistenti jew futuri li jistgħu jiddeterjoraw jew jagħmlu ħsara lil sit naturali b’mod sinjifikattiv, is-setgħa li jimponu l-obbligi stipulati fl-Artikolu 2.4 tal-Wnb hijiex suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Attività li ma taqax taħt il-kunċett ta’ proġett fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva [SEA] minħabba li ma hijiex intervent fiżiku fl-ambjent naturali tista’ tkun proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’], minħabba li din l-attività tista’ jkollha konsegwenzi sinjifikattivi għal żona Natura 2000?

2)

Jekk jiġi aċċettat li l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija huwa proġett, għandu għalhekk, meta din l-applikazzjoni sseħħ b’mod legali qabel ma l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitas’] jsir applikabbli għal żona Natura 2000 u li huwa dejjem ipprattikat attwalment, jiġi kkunsidrat li dan huwa l-istess proġett wieħed, anki jekk din l-applikazzjoni mhux dejjem isseħħ fuq l-istess biċċiet ta’ art, fl-istess kwantitajiet u skont l-istess tekniki?

Huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex l-istess proġett wieħed li d-depożiti ta’ nitroġenu kkawżati bl-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija ma żdiedux wara li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’] sar applikabbli għaż-żona Natura 2000?

3)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’] jipprekludi leġiżlazzjoni legali li għandha bħala għan li teżenta mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni attività li hija indissolubbilment marbuta ma’ proġett u li għalhekk għandha wkoll titqies bħala proġett, bħal […]ir-ragħha ta’ bhejjem fit-trobbija ta’ baqar tal-ħalib, eżenzjoni li permezz tagħha ebda awtorizzazzjoni individwali ma hija meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ din l-attività, peress li l-konsegwenzi tal-attività legali mingħajr awtorizzazzjoni ġew meqjusa xierqa matul l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni […]?

3a)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’] jipprekludi leġiżlazzjoni […] intiża sabiex teżenta mill-obbligu ta’ awtorizzazzjoni kategorija partikolari ta’ proġetti, bħal […] l- applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija, eżenzjoni li permezz tagħha din l-attività hija leċita mingħajr awtorizzazzjoni individwali, peress li l-konsegwenzi tal-proġetti permessi mingħajr awtorizzazzjoni ġew meqjusa xierqa waqt l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni […]?

4)

L-evalwazzjoni xierqa li fuqha hija bbażata l-eżenzjoni tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni prevista favur ir-ragħa tal-bhejjem u tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija, evalwazzjoni li fiha l-awturi bbażaw ruħhom fuq il-kobor u fuq l-intensità, effettivi u antiċipati, ta’ dawn l-attivitajiet u kkonkludew li bħala medja, żieda tad-depożiti ta’ nitroġenu kkawżata minn dawn l-attivitajiet setgħet tiġi eskluża, hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’]?

4a)

Huwa rilevanti f’dan ir-rigward li l-eżenzjoni tal-obbligu ta’ awtorizzazzjoni tkun marbuta mal-[PAS], li huwa bbażat fuq il-premessa ta’ tnaqqis tal-kwantità totali ta’ depożiti ta’ nitroġenu li jinstabu f’siti naturali sensittivi għan-nitroġenu li jinsabu f’żoni Natura 2000 u li l-iżvilupp tad-depożiti ta’ nitroġenu fiż-żoni Natura 2000 jkun, fil-kuntest ta’ dan il-programm, suġġett għal monitoraġġ annwali u li skont il-bżonn, jittieħdu miżuri ta’ aġġustament meta jidher li t-tnaqqis huwa inqas minn dak li kien ġie stabbilit fl-evalwazzjoni xierqa mwettqa għall-finijiet ta’ dan il-programm?

5)

L-effetti pożittivi li miżuri ta’ konservazzjoni u miżuri xierqa li ġew adottati għal żoni eżistenti ta’ tipi ta’ habitat u ta’ bijotopi fl-eżekuzzjoni ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva [‘Habitats’] jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3) [ta’ din id-direttiva] li twettqet għall-finijiet ta’ programm bħall-[PAS]?

5a)

F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 5: l-effetti pożittivi ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ miżuri xierqa jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’evalwazzjoni xierqa mwettqa għall-finijiet ta’ programm meta fil-mument tat-twettiq tal-evalwazzjoni xierqa, dawn il-miżuri ma kinux għadhom ġew implementati u li l-effetti pożittivi tagħhom ma kinux għadhom seħħew?

Huwa rilevanti f’dan ir-rigward, jekk kellu jitqies li l-evalwazzjoni xierqa tinkludi konstatazzjonijiet definittivi li jikkonċernaw l-effetti ta’ dawn il-miżuri, konstatazzjonijiet ibbażati fuq l-għerf xjentifiku l-iktar avvanzat, li l-eżekuzzjoni u r-riżultat ta’ dawn il-miżuri huma suġġetti għal monitoraġġi regolari u li, meta minn monitoraġġ jirriżulta li l-effetti huma inqas favorevoli mill-ipoteżi li fuqha kienet ibbażata l-evalwazzjoni xierqa, miżuri ta’ aġġustament ser jittieħdu skont il-bżonn?

6)

L-effetti pożittivi tat-tnaqqis awtonomu tad-depożiti ta’ nitroġenu li ser jimmanifesta ruħu matul il-perijodu ta’ validità tal-[PAS] jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’]?

Huwa rilevanti f’dan ir-rigward, jekk kellu jitqies li l-evalwazzjoni xierqa tinkludi konstatazzjonijiet definittivi li jikkonċernaw l-effetti ta’ dawn il-miżuri, konstatazzjonijiet ibbażati fuq l-għerf xjentifiku l-iktar avvanzat, li t-tnaqqis awtonomu tad-depożiti ta’ nitroġenu kien is-suġġett ta’ monitoraġġi regolari u li, meta minn monitoraġġ jirriżulta li l-effetti huma inqas favorevoli mill-ipoteżi li fuqha kienet ibbażata l-evalwazzjoni xierqa, miżuri ta’ aġġustament ser jittieħdu skont il-bżonn?

7)

Miżuri ta’ ripristinar li ġew adottati fil-kuntest tal-[PAS] u li għandhom bħala għan li jipprekludu li fattur li jniġġes partikolari, bħal depożitu ta’ nitroġenu, jista’ jkollu konsegwenzi dannużi għal żoni eżistenti ta’ tipi ta’ habitats u ta’ bijotopi jistgħu jiġu kklassifikati bħala miżuri ta’ protezzjoni fis-sens tal-punt 28 tas-sentenza [tal‑15 ta’ Mejju 2014, Briels, (C‑521/12, EU:C:2014:330)], li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’evalwazzjoni xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’]?

7a.

) F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 7: l-effetti pożittivi ta’ miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa jistgħu jittieħdu inkunisderazzjoni fiha meta fil-mument li din titwettaq, dawn il-miżuri ma kinux għadhom ġew eżegwiti u ma kinux għadhom ipproduċew l-effetti pożittivi tagħhom?

Huwa rilevanti f’dan ir-rigward, jekk kellu jitqies li l-evalwazzjoni xierqa tinkludi konstatazzjonijiet definittivi li jikkonċernaw l-effetti ta’ dawn il-miżuri, konstatazzjonijiet ibbażati fuq l-għerf xjentifiku l-iktar avvanzat, li l-eżekuzzjoni u r-riżultat ta’ dawn il-miżuri jkunu suġġetti għal monitoraġġi regolari u li, meta minn monitoraġġ jirriżulta li l-effetti huma inqas favorevoli mill-ipoteżi li fuqha kienet ibbażata l-evalwazzjoni xierqa, miżuri ta’ aġġustament ser jittieħdu skont il-bżonn?

8)

Is-setgħa li timponi obbligi li l-Artikolu 2.4 tal-[Wnb] jagħti lill-awtorità kompetenti u li hija għandha tagħmel użu minnha meta l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ żona Natura 2000 jeħtieġu dan hija strument preventiv suffiċjenti ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [‘Habitats’] f’dak li jikkonċerna r-ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija?”

58

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Ġunju 2017, minn naħa, il-Kawżi C‑293/17 u C‑294/17 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza, u, min-naħa l-oħra, intlaqgħet it-talba għal trattament prijoritarju magħmula mill-qorti tar-rinviju għal dawn.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑293/17

59

Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑293/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet ta’ ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija qrib żoni Natura 2000 jistgħux jiġu kklassifikati bħala “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dawn jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv għal dawn iż-żoni, anki fl-ipoteżi fejn dawn l-attivitajiet, peress li ma jikkostitwixxux intervent fiżiku fl-ambjent naturali, ma kinux jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA.

60

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li jekk id-Direttiva “Habitats” ma fiha ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “proġett”, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA, huwa rilevanti għad-determinazzjoni ta’ dak li jirriżulta mid-Direttiva “Habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attivitajiet ta’ ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija għandhomx jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 24 tas-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154), li t-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni eżistenti ma jistax, fl-assenza ta’ xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit, jikkwalifika bħala “proġett”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet preċedenti għall-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA.

62

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, imeta fformulat il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit, ippreċiżat id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ “intervent fl-ambjent naturali” li jinsab fih.

63

Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti għal “xogħlijiet” jew “interventi li jbiddlu r-realtà fiżika” jew ukoll “intervent fl-ambjent naturali” ma jinsabux fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, b’din l-aħħar dispożizzjoni titlob evalwazzjoni xierqa, b’mod partikolari meta proġett ikun jista’ jaffettwa sit “b’mod sinjifikattiv”.

64

Għalhekk, l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA jiddefinixxi l-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma’ kundizzjonijiet mhux speċifikati fid-dispożizzjoni ekwivalenti tad-Direttiva “Habitats”.

65

Bl-istess mod, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sa fejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “proġett” li tirriżulta mid-Direttiva 85/337 hija iktar restrittiva minn dik li tirriżulta mid-Direttiva “Habitats”, jekk attività taqa’ taħt id-Direttiva 85/337, din għandha, a fortiori, tirriżulta mid-Direttiva “Habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 2627).

66

Minn dan isegwi li, meta attività għandha titqies bħala “proġett”, fis-sens tad-Direttiva SEA, hija tista’ tikkostitwixxi “proġett”, fis-sens tad-Direttiva “Habitats”. Madankollu, is-sempliċi fatt li attività ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala “proġett”, fis-sens tad-Direttiva SEA, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi dedott li din ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tad-Direttiva “Habitats”.

67

Fit-tieni lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet ta’ ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija jistgħux jiġu kklassifikati bħala “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, għandu jiġi eżaminat jekk dawn l-attivitajiet jistgħux jaffettwaw b’mod sinjifikattiv sit protett.

68

Fil-fatt, skont l-għaxar premessa tad-Direttiva “Habitats”, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew ser ikun innominat fil-ġejjieni. Din il-premessa hija espressa fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi b’mod partikolari li pjan jew proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat ma jistax jiġi awtorizzat mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tiegħu fuqu (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, deskritti fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li numru kbir ta’ siti Natura 2000 li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom problema ta’ depożiti eċċessivi ta’ nitroġenu u li s-sors ewlieni nazzjonali ta’ emissjoni huwa s-settur agrikolu.

70

F’dan il-kuntest, u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 117 u 126 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi eżaminat jekk l-attivitajiet bħal pereżempju l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija kif ukoll ir-ragħa ta’ bhejjem huwiex kompatibbli mal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti protetti fil-provinċji ta’ Gelderland u ta’ Limburg jew jekk dan jistax jaffettwa lil dawn is-siti b’mod sinjifikattiv.

71

Barra minn hekk, kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistax jiġi eskluż li l-attivitajiet ta’ ragħa ta’ bhejjem u tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija jaqgħu, fi kwalunkwe każ, taħt il-kunċett ta’ “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA.

72

Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti, tali attività tista’ tibdel il-karatteristiċi tal-ħamrija bl-arrikkiment ta’ nutrijenti u għalhekk tikkostitwixxi intervent li jbiddel ir-realtà fiżika tas-sit fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(2)(a) u, fil-każ tar-ragħa ta’ bhejjem, l-istabbiliment ta’ mergħa jikkorrispondi mal-“eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, u b’mod partikolari jekk tali żvilupp jimplika, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, żvilupp inevitabbli jew ippjanat ta’ tali mergħa, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑293/17 hija li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet ta’ ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija qrib żoni Natura 2000 jistgħu jiġu kklassifikati bħala “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki fl-ipoteżi fejn dawn l-attivitajiet, peress li ma jikkostitwixxux intervent fiżiku fl-ambjent naturali, ma kinux jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑293/17

74

Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑293/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li attività rikorrenti, bħall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija, awtorizzata skont id-dritt nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, tistax titqies bħala l-istess proġett wieħed, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-konsegwenza li tali attività ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni.

75

Sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, l-ebda proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat ma jista’ jiġi awtorizzat mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tiegħu fuqu.

76

Sa fejn l-attività tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija qrib żoni Natura 2000 tista’ tiġi kklassifikata bħala “proġett” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, għandu jiġi eżaminat l-effett, dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, taċ-ċirkustanza li din l-attività rikorrenti ġiet awtorizzata skont id-dritt nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

77

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li tali ċirkustanza ma tikkostitwixxix, minnha nfisha, ostakolu sabiex tali attività tista’ titqies, waqt kull intervent sussegwenti, bħala proġett distint fis-sens ta’ din id-direttiva, bir-riskju li fir-rigward ta’ din l-attività tiġi eskluża b’mod permanenti kwalunkwe evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tagħha fuq is-sit ikkonċernat fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(3) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punti 4142).

78

Madankollu, jekk, fid-dawl, b’mod partikolari tar-rikorrenza tagħhom, tan-natura tagħhom jew tal-kundizzjonijiet tagħhom għat-twettiq tax-xogħol, ċerti attivitajiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu tranżazzjoni unika, dawn l-attivitajiet jistgħu jitqiesu bħala l-istess proġett fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 47).

79

F’dan il-każ, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 132 sa 134 tal-konklużjonijiet tagħha, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq art agrikola għandha, b’mod ġenerali, għan komuni u uniformi, jiġifieri l-kultivazzjoni ta’ għelejjel fil-kuntest ta’ azjenda agrikola, u tista’ tikkostitwixxi operazzjoni unika, ikkaratterizzata, fit-tfittxija li jintlaħaq dan l-għan komuni, mill-kontinwità ta’ din l-attività f’postijiet u taħt kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni identiċi.

80

F’dan il-każ, tali tranżazzjoni unika, awtorizzata u pprattikata regolarment qabel ma l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” sar applikabbli għas-sit inkwistjoni, tista’ tikkostitwixxi l-istess proġett wieħed fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħti taħt proċedura ġdida ta’ awtorizzazzjoni.

81

Madankollu l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” u għaldaqstant, tar-rekwiżit ta’ “evalwazzjoni xierqa” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minħabba l-fatt li, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti ssir fuq diversi ħbula, fi kwantitajiet varjabbli u permezz ta’ tekniċi varji, li huma stess ikollhom bżonn jinbidlu biż-żmien, minħabba bidliet tekniċi u regolatorji, u, min-naħa l-oħra, id-depożiti ta’ nitroġenu kkawżati bl-applikazzjoni ta’ fertilizzanti ġeneralment ma żdidux wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni.

82

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jinkorpora l-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li jiġu evitati, b’mod effettiv, id-danni fuq l-integrità tas-siti protetti dovuti għall-pjanijiet jew għall-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-kriterju determinanti sabiex jiġi deċiż jekk proġett ġdid jeħtieġ it-twettiq ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu tiddependi mill-possibbiltà li dan il-proġett jaffettwa sit imħares b’mod sinjifikattiv.

83

Konsegwentement, fl-assenza ta’ kontinwità u ta’ identità b’mod partikolari fir-rigward tal-postijiet u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, l-attivitajiet rikorrenti tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija ma tistax tiġi kklassifikata bħala l-istess proġett wieħed fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”. Skont il-każ, dan jista’ jinkludi proġetti ġodda li jeħtieġu evalwazzjoni xierqa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li d-deċiżjoni dwar l-obbligu ta’ tali evalwazzjoni tiddependi, f’kull każ, mill-kriterju li jirrigwarda r-riskju ta’ ħsara sinjifikattiva fuq iż-żona protetta minħabba bidliet li affettwaw tali attività.

84

Għalhekk, il-fatt li d-depożiti ta’ nitroġenu li rriżultaw mill-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija, fl-intier tagħhom, ma żdidux wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk proġett ġdid jeħtieġx it-twettiq ta’ evalwazzjoni xierqa, peress li din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi eskluż ir-riskju li d-depożiti ta’ nitroġenu fuq is-siti protetti kkonċernati fl-intier tagħhom żdiedu u li jaffettwaw wieħed minnhom b’mod sinjifikattiv.

85

Għandu jingħad ukoll li anki jekk proġett ikun ġie awtorizzat qabel l-iskema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva “Habitats” ma ssir applikabbli għas-sit inkwistjoni u li, għalhekk, dan il-proġett ma kienx suġġett għar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, l-eżekuzzjoni tiegħu taqa’ madankollu taħt l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, attività tkun konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” biss jekk jiġi ggarantit li hija ma tiġġenera l-ebda tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxija minnha. L-eżistenza stess ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li attività fuq sit protett tikkawża tfixkil sinjifikattiv huwa tali li jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2016, Grüne Liga Sachsen et, C‑399/14, EU:C:2016:10, punti 33, 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawża C‑293/17 għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li attività rikorrenti, bħall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija, awtorizzata skont id-dritt nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, tista’ titqies bħala l-istess proġett wieħed, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħti taħt proċedura ġdida ta’ awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li din tikkostitwixxi tranżazzjoni unika, ikkaratterizzata minn għan komuni, kontinwità u identità, b’mod partikolari fir-rigward tal-postijiet u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni. Jekk proġett wieħed ikun ġie awtorizzat qabel ma l-iskema ta’ protezzjoni prevista minn din l-istess dispożizzjoni ssir applikabbli għas-sit inkwistjoni, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett tista’ madankollu taqa’ taħt l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑294/17

87

Preliminarjament, għandu jitfakkar li jekk il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” huma intiżi li jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), dawn id-dispożizzjonijiet għandhom għan differenti peress li tal-ewwel għandu l-għan li jimplimenta miżuri ta’ prevenzjoni, filwaqt li t-tieni wieħed jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni bil-għan li tiżgura, permezz ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss sakemm ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan is-sit (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

F’dan il-każ, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni mogħtija lil azjendi agrikoli fejn id-depożiti ta’ nitroġenu fiż-żoni protetti huma eżaminati b’referenza għall-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ programm, bħall-PAS, imwettqa qabel l-adozzjoni ta’ dan il-programm.

89

Id-dubji ta’ din il-qorti jikkonċernaw għalhekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

90

Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑294/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni programmatika nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jawtorizzaw proġetti abbażi ta’ “evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li twettqet qabel u f’liema kwantità globali speċifika ta’ depożiti ta’ nitroġenu ġiet meqjusa bħala kompatibbli mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

91

Għalhekk, hekk kif imfakkar fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, permezz ta’ kontroll minn qabel, tiżgura li proġett li ma jkunx direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jkun jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità ta’ dan is-sit.

92

L-ewwel fażi tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93

B’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, meta pjan jew proġett li ma jkunux direttament marbuta ma’ jew neċessarji għat-tmexxija ta’ sit jippreżentaw riskju li jiġu kompromessi l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit, dawn għandhom jitqiesu li huma ta’ natura li jistgħu jaffettwaw dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” teżiġi bħala regola ġenerali l-eżami individwali ta’ pjanijiet jew proġetti.

95

Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq is-sit ikkonċernat jimplika li għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96

F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 sa 44 tal-konklużjonijiet tagħha, evalwazzjoni ġenerali tal-effetti mwettqa fit-tħejjija, bħal dawk effettwati fl-adozzjoni tal-PAS, tippermetti li jiġu eżaminati l-effetti kumulattivi possibbli ta’ diversi depożiti ta’ nitroġenu fuq is-siti kkonċernati.

97

Iċ-ċirkustanza li evalwazzjoni ta’ tali livell ta’ ġeneralità tippermetti eżami aħjar tal-effett kumulattivi ta’ diversi proġetti ma jfissirx li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfa neċessarjament ir-rekwiżiti kollha permezz tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

98

Fil-fatt, l-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma tistax għaldaqstant tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tal-pjanijiet u tal-proġetti previsti fuq is-sit protett ikkonċernat (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

99

Barra minn hekk, it-tieni fażi tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, li sseħħ wara evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-sit ikkonċernat, tissuġġetta l-awtorizzazzjoni ta’ tali proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Din id-dispożizzjoni tintegra b’hekk il-prinċipju ta’ prekawzjoni u tippermetti li jiġi evitat b’mod effettiv li jiġi kkawżat preġudizzju għall-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti previsti. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett minn dak inkwistjoni ma jistax jiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti kollha hekk imfakkra huma ssodisfatti, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jagħmlu eżami fil-fond u sħiħ tal-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, li turi li hija soda xjentifikament, flimkien ma’ approċċ programmatiku u d-diversi modalitajiet ta’ implimentazzjoni tagħha, inkluż, b’mod partikolari, l-użu ta’ softwer bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali maħsub biex jikkontribwixxi għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni. Huwa biss jekk il-qorti nazzjonali tkun issodisfatta li din l-evalwazzjoni li twettqet qabel tissodisfa dawn ir-rekwiżiti li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jkunu intitolati li jawtorizzaw tali proġett individwali abbażi ta’ tali evalwazzjoni.

102

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva “Habitats”, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali huwa kkunsidrat bħala “favorevoli”, b’mod partikolari, meta l-medda naturali tiegħu kif ukoll iż-żona li huwa jkopri f’din il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu u meta l-istruttura u l-funzjonijiet speċifiċi neċessarji għaż-żamma fit-tul tiegħu jeżistu u jistgħu jkomplu jeżistu f’ġejjieni prevedibbli.

103

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali huwa sfavorevoli, il-possibbiltà li tawtorizza attivitajiet li jistgħu jaffettwaw iktar is-sitwazzjoni ekoloġika tas-siti kkonċernati hija neċessarjament limitata.

104

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawża C‑294/17 għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni programmatika nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jawtorizzaw proġetti abbażi ta’ “evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li twettqet qabel u f’liema kwantità globali speċifika ta’ depożiti ta’ nitroġenu ġiet meqjusa bħala kompatibbli mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Madankollu, dan japplika biss sa fejn, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, li eżami approfondit u komplet tas-solidità xjentifika ta’ din l-evalwazzjoni jippermetti li jiġi żgurat li ma hemm l-ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-assenza ta’ effetti li jikkawżaw ħsara ta’ kull pjan jew proġett fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat.

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑294/17

105

Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑294/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni programmatika nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżenta ċerti proġetti li ma jilħqux ċertu limitu jew li ma jeċċedux ċertu limitu massimu f’termini ta’ depożiti ta’ nitroġenu min-neċessità li tinkiseb awtorizzazzjoni individwali, peress li l-effetti kumulattivi tal-pjanijiet jew tal-proġetti kollha li jiġġeneraw tali depożiti kienu s-suġġett ta’ “evalwazzjoni xierqa” fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

106

Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 87 sa 89 ta’ din is-sentenza, għandha tingħata risposta għal din id-domanda fid-dawl biss tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

107

Fil-kawża prinċipali, in-neċessità li tinkiseb awtorizzazzjoni ma tapplikax, minn naħa, fil-każ ta’ proġett li jikkawża depożitu ta’ nitroġenu ta’ inqas minn 0.05 mol N/ha/sena. Min-naħa l-oħra, il-proġetti li jikkawżaw depożitu ta’ nitroġenu ta’ iktar minn 0.05 mol N/ha/sena iżda inqas minn 1 mol N/ha/sena, huma wkoll permessi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, iżda għandhom jiġu nnotifikati.

108

F’dan il-każ, anki jekk, f’dawn iż-żewġ każijiet, il-proġetti huma eżentati minn awtorizzazzjoni, l-iskema ta’ awtorizzazzjoni tagħhom hija bbażata fuq l-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, li saret waqt l-adozzjoni tal-PAS fejn l-effetti ta’ pjanijiet jew proġetti ta’ dan il-kobor ġew eżaminati.

109

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta Stat Membru jistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni, li ma tipprevedix għal evalwazzjoni tar-riskju abbażi b’mod partikolari tal-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat, huwa dan l-Istat Membru li għandu juri li d-dispożizzjonijiet li huwa adotta jippermettu li jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li kull pjan jew kull proġett suġġett għal din is-sistema ta’ dikjarazzjoni jaffettwa sit Natura 2000 b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra. Fil-fatt, jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu ma jkunux marbutin bl-obbligu li jwettqu evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew neċessarju għat-tmexxija ta’ sit Natura 2000 biss jekk ikun jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa l-imsemmi sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑538/09, EU:C:2011:349, punti 5253 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

110

Kif ġie ppreċiżat fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jagħmlu eżami fil-fond u sħiħ tal-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, li turi li hija soda xjentifikament, flimkien ma’ approċċ programmatiku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u huwa biss jekk il-qorti nazzjonali tkun issodisfatta li din l-evalwazzjoni li twettqet qabel ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni li eżenzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu ammessi.

111

B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat li, anki taħt il-limiti jew il-limiti massimu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemm ebda riskju li jseħħu effetti sinjifikattivi li jistgħu jippreġudikaw l-integrità tas-siti kkonċernati.

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑294/17 hija li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni programmatika nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżenta ċerti proġetti li ma jilħqux ċertu limitu jew li ma jeċċedux ċertu limitu massimu f’termini ta’ depożiti ta’ nitroġenu, min-neċessità li tinkiseb awtorizzazzjoni individwali, jekk il-qorti nazzjonali tkun issodisfatta li l-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, imwettqa qabel, tissodisfa l-kriterju tal-assenza ta’ dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-assenza ta’ effetti dannużi ta’ dawn il-pjanijiet jew proġetti fuq l-integrità tas-siti kkonċernati.

Fuq it-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C‑293/17

113

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda fil-Kawża C‑293/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li ċerta kategorija ta’ proġetti, f’dan il-każ l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija u r-ragħa ta’ bhejjem, tkun implimentata mingħajr ma tkun suġġetta għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni, u għaldaqstant għal evalwazzjoni individwali xierqa tal-effetti tagħhom fuq is-siti kkonċernati, peress li din il-leġiżlazzjoni hija bbażata hija stess fuq “evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

114

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit speċifiku li timplika li, f’każ ta’ dubju rigward l-assenza ta’ effetti sinjifikattivi, hemm lok li ssir tali evalwazzjoni ma tippermettix li jiġu eżentati minn din l-aħħar evalwazzjoni ċerti kategoriji ta’ proġetti fuq il-bażi ta’ kriterji mhux adatti sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jistgħux jaffettwaw is-siti protetti b’mod sinjifikattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà li teżenta b’mod ġenerali ċerti attivitajiet, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, tan-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit ikkonċernat, ma huwiex ta’ natura li tiggarantixxi li dawn l-attivitajiet ma jaffettwawx b’mod ħażin l-integrità tas-sit protett. Għalhekk, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma tistax tawtorizza Stat Membru li jistabbilixxi regoli nazzjonali li, b’mod ġenerali, jevitaw għal ċerti tipi ta’ pjanijiet jew ta’ proġetti l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑538/09, EU:C:2011:349, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

Minn dan isegwi li, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 144 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-każ fejn l-attivitajiet ta’ ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija jikkostitwixxu “proġetti” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, l-eżenzjoni minn evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dawn il-proġetti fuq is-sit ikkonċernat tista’ biss tkun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni jekk jiġi ggarantit li l-imsemmija attivitajiet ma jiġġeneraw l-ebda tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 32).

116

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-awturi tal-evalwazzjoni xierqa inkwistjoni fil-kawża prinċipali bbażaw ruħhom fuq l-iskala u l-intensità, b’mod partikolari mistennija, tal-attivitajiet agrikoli kkonċernati u kkonkludew li, fil-livell li fih dawn kienu pprattikati fil-mument ta’ din l-evalwazzjoni kien eskluż li tali attivitajiet kellhom konsegwenzi sinjifikattivi, u li, bħala medja, żieda fid-depożiti ta’ nitroġenu ikkawżati minn dawn l-attivitajiet setgħat tiġi eskluża. Hija tenfasizza wkoll li l-eżenzjonijiet kollettivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jindikaw li l-attivitajiet ikkonċernati jistgħu jiġu eżerċitati indipendentement mill-post fejn huma u indipendentement mid-depożiti ta’ nitroġenu li huma joħolqu.

117

Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni mwettqa abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma tistax tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tal-pjanijiet u tal-proġetti previsti fuq is-sit protett ikkonċernat.

118

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat ukoll, essenzjalment, fil-punti 146 u 147 kif ukoll 150 tal-konklużjonijiet tagħha, effetti negattivi tal-proġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq l-integrità tas-siti kkonċernati ma jidhrux li jistgħu jiġu miċħuda lil hinn minn kull dubju xjentifiku raġonevoli, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

119

Fil-fatt, valur medju ma huwiex, bħala prinċipju, ta’ natura li jiggarantixxi li l-ebda sit protett ma jiġi affettwat b’mod sinjifikattiv minħabba r-ragħa u l-fertilizzazzjoni, b’tali allokazzjoni tidher li tista’, b’mod partikolari, skont l-iskala u n-natura, fejn xieraq, intensiva, ta’ dawn l-attivitajiet, tal-prossimità li tista’ teżisti bejn il-post fejn iseħħu dawn l-attivitajiet u s-sit protett ikkonċernat, kif ukoll tal-kundizzjonijiet speċifiċi, pereżempju minħabba l-azzjoni flimkien ma’ sorsi oħra ta’ nitroġenu, li possibbilment jikkaratterizzaw l-imsemmi sit.

120

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni programmatika nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li ċerta kategorija ta’ proġetti, f’dan il-każ l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija u r-ragħa ta’ bhejjem, tkun implimentata mingħajr ma tkun suġġetta għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni, u għaldaqstant għal evalwazzjoni individwali xierqa tal-effetti tagħhom fuq is-siti kkonċernati, sakemm ċirkustanzi oġġettivi ma jippermettux li tiġi eskluża, b’mod partikolari, kull possibbiltà li l-imsemmija proġetti, individwalment jew flimkien ma’ proġetti oħra, ikunu jistgħu jaffettwaw dawn is-siti b’mod sinjifikattiv, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq il-ħames sas-seba’ domanda fil-Kawża C‑293/17 kif ukoll fuq it-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C‑294/17

121

Permezz tal-ħames sas-seba’ domanda fil-Kawża C‑293/17 kif ukoll tat-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C‑294/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, u f’liema kundizzjonijiet, l-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ta’ “miżuri ta’ prevenzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, ta’ miżuri speċifikament adottati għal programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew inkella tal-hekk imsejħa miżuri “awtonomi”, sa fejn dawn il-miżuri huma esterni għal dan il-programm.

122

B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk dawn it-tipi ta’ miżuri jistgħux jiġu kkunsidrati f’“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, biss jekk ikunu diġà ġew adottati u pproduċew riżultati.

123

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jkun imur kontra l-effett utli tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva “Habitats” li l-effetti ta’ miżuri neċessarji skont dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati biex jagħtu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett li jkollu effett fuq is-sit ikkonċernat, qabel l-implimentazzjoni effettiva tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 213).

124

L-effetti pożittivi tal-miżuri neċessarji skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” lanqas ma jistgħu jiġu invokati biex tingħata, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, awtorizzazzjoni għal proġetti li għandhom effetti negattivi fuq is-siti protetti.

125

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mis-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330) kif ukoll tal‑21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583), il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” timplika li għandha ssir distinzjoni bejn il-miżuri ta’ protezzjoni integrati fil-pjan jew il-proġett inkwistjoni u hija intiża sabiex tevita jew tnaqqas l-effetti negattivi possibbli kkawżati direttament minn dan tal-aħħar, sabiex jiġi żgurat li dan il-pjan jew proġett ma jaffettwax l-integrità tas-siti kkonċernati, li jaqgħu taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, miżuri li, skont il-paragrafu 4 tiegħu, huma intiżi sabiex jikkumpensaw l-effetti negattivi ta’ dan il-pjan jew proġett fuq is-sit, li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan l-istess pjan jew proġett fuq l-imsemmi sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

126

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss meta teżisti ċertezza suffiċjenti li miżura li tikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex tiġi evitata ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat li jiggarantixxi asenza ta’ kull dubju raġonevoli dwar il-fatt li l-pjan jew il-proġett inkwistjoni ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan is-sit, li tali miżura tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 38, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 51).

127

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, minn naħa, li l-approċċ fir-rigward tal-kwistjoni tan-nitroġenu adottata mill-awturi tal-PAS huwa intiż sabiex jinkseb tnaqqis fid-depożiti ta’ nitroġenu fiż-żoni Natura 2000 permezz ta’ miżuri f’żoni diġà affettwati u li jipproduċu l-effetti tagħhom fit-tul, peress li xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu biss fil-futur u li oħrajn għandhom jiġu aġġornati regolarment.

128

Għalhekk, u kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tagħha, għal parti minnhom, dawn il-miżuri għadhom ma ġewx adottati jew għadhom ma tawx riżultat, b’tali mod li l-effetti tagħhom għadhom inċerti.

129

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tindika li l-PAS jippevedi monitoraġġi annwali kemm tal-evoluzzjoni tad-depożiti kif ukoll tal-progress fl-implimentazzjoni u r-riżultati tal-miżuri kif ukoll aġġustament tagħhom fejn ir-riżultat tagħhom ikun inqas favorevoli mit-tbassir li fuqu kienu bbażaw l-awturi ta’ evalwazzjoni xierqa.

130

Madankollu, l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq is-siti kkonċernati ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji futuri ta’ tali “miżuri”, jekk dawn il-benefiċċji ma humiex ċerti, b’mod partikolari peress li l-modalitajiet sabiex jiġu implimentati għadhom ma ġewx ikkompletati jew li l-livell ta’ għarfien xjentifiku ma jippermettix li jiġu identifikati jew li jiġu kkwantifikati b’mod ċert.

131

Għandu jingħad ukoll li għandhom jiġu inklużi fl-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, mhux biss l-effetti pożittivi mistennija ta’ dawn il-“miżuri”, iżda wkoll l-effetti negattivi ċerti jew potenzjali li jistgħu jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 53).

132

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ħames sas-seba’ domanda fil-Kawża C‑293/17 kif ukoll għat-tielet sal-ħames domanda fil-Kawża C‑294/17 li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ta’ “miżuri ta’ prevenzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, ta’ miżuri speċifikament adottati għal programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew inkella tal-hekk imsejħa miżuri “awtonomi”, sa fejn dawn il-miżuri huma esterni għal dan il-programm, jekk il-benefiċċji mistennija ta’ dawn il-miżuri ma jkunux ċerti fil-mument ta’ din l-evalwazzjoni.

Fuq it-tmien domanda fil-Kawża C‑293/17

133

Permezz tat-tmien domanda fil-Kawża C‑293/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludu modalitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll ta’ azjendi agrikoli, li l-attivitajiet tagħhom jiġġeneraw depożiti ta’ nitroġenu, kif ukoll il-possibbiltà li tiddeċiedi fuq sanzjonijiet li jistgħu jwasslu sa l-għeluq tal-imsemmija azjendi humiex suffiċjenti għall-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni.

134

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi modalitajiet ta’ ħidma, għall-awtoritajiet kompetenti, li huma biss ta’ natura reattiva u mhux ta’ natura preventiva ma tikkunsidrax il-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punti 207208).

135

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lill-awtoritajiet, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, minn naħa, li jimponu miżuri preventivi u korrettivi. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni tinkludi wkoll setgħa ta’ infurzar, li tinkludi wkoll il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri f’każ ta’ urġenza.

136

Konsegwentement, tali leġiżlazzjoni, billi din tippermetti li jiġi evitat it-twettiq ta’ għadd ta’ riskji relatati mal-attivitajiet inkwistjoni tikkostitwixxi miżura xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

137

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tmien domanda fil-Kawża C‑293/17 għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludu modalitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll ta’ azjendi agrikoli, li l-attivitajiet tagħhom jiġġeneraw depożiti ta’ nitroġenu, kif ukoll il-possibbiltà li tiddeċiedi fuq sanzjonijiet li jistgħu jwasslu sa l-għeluq tal-imsemmija azjendi huma suffiċjenti għall-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

138

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet ta’ ragħa ta’ bhejjem u l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija qrib żoni Natura 2000 jistgħu jiġu kklassifikati bħala “proġett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki fl-ipoteżi fejn dawn l-attivitajiet, peress li ma jikkostitwixxux intervent fiżiku fl-ambjent naturali, ma kinux jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.

 

2)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li attività rikorrenti, bħall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija, awtorizzata skont id-dritt nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, tista’ titqies bħala l-istess proġett wieħed, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mogħti taħt proċedura ġdida ta’ awtorizzazzjoni, bil-kundizzjoni li din tikkostitwixxi tranżazzjoni unika, ikkaratterizzata minn għan komuni, kontinwità u identità fir-rigward tan-natura tal-attivitajiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-postijiet u l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni. Jekk proġett wieħed ikun ġie awtorizzat qabel ma l-iskema ta’ protezzjoni prevista minn din l-istess dispożizzjoni ssir applikabbli għas-sit inkwistjoni, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett tista’ madankollu taqa’ taħt l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva.

 

3)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni programmatika nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jawtorizzaw proġetti abbażi ta’ “evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li twettqet qabel u f’liema kwantità globali speċifika ta’ depożiti ta’ nitroġenu ġiet meqjusa bħala kompatibbli mal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni. Madankollu, dan japplika biss sa fejn, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, li eżami approfondit u komplet tas-solidità xjentifika ta’ din l-evalwazzjoni jippermetti li jiġi żgurat li ma hemm l-ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tal-assenza ta’ effetti li jikkawżaw ħsara ta’ kull pjan jew proġett fuq l-integrità tas-sit ikkonċernat.

 

4)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni programmatika nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teżenta ċerti proġetti li ma jilħqux ċertu limitu jew li ma jeċċedux ċertu limitu massimu f’termini ta’ depożiti ta’ nitroġenu, min-neċessità li tinkiseb awtorizzazzjoni individwali, jekk il-qorti nazzjonali tkun issodisfatta li l-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, imwettqa qabel, tissodisfa l-kriterju tal-assenza ta’ dubju xjentifiku raġonevoli dwar l-assenza ta’ effetti dannużi ta’ dawn il-pjanijiet jew proġetti fuq l-integrità tas-siti kkonċernati.

 

5)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni programmatika nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li ċerta kategorija ta’ proġetti, f’dan il-każ l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq jew fil-ħamrija u r-ragħa ta’ bhejjem, tkun implimentata mingħajr ma tkun suġġetta għal obbligu ta’ awtorizzazzjoni, u għaldaqstant għal evalwazzjoni individwali xierqa tal-effetti tagħhom fuq is-siti kkonċernati, sakemm ċirkustanzi oġġettivi ma jippermettux li tiġi eskluża, b’mod partikolari, kull possibbiltà li l-imsemmija proġetti, individwalment jew flimkien ma’ proġetti oħra, ikunu jistgħu jaffettwaw dawn is-siti b’mod sinjifikattiv, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

6)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evalwazzjoni xierqa”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ta’ “miżuri ta’ prevenzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, ta’ miżuri speċifikament adottati għal programm bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew inkella tal-hekk imsejħa miżuri “awtonomi”, sa fejn dawn il-miżuri huma esterni għal dan il-programm, jekk il-benefiċċji mistennija ta’ dawn il-miżuri ma jkunux ċerti fil-mument ta’ din l-evalwazzjoni.

 

7)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludu modalitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll ta’ azjendi agrikoli, li l-attivitajiet tagħhom jiġġeneraw depożiti ta’ nitroġenu, kif ukoll il-possibbiltà li tiddeċiedi fuq sanzjonijiet li jistgħu jwasslu sa l-għeluq tal-imsemmija azjendi huma suffiċjenti għall-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top