EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0238

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Novembru 2018.
UAB ,,Renerga“ vs AB „Energijos skirstymo operatorius“ u AB „Lietuvos energijos gamyba“.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(2), (6) u (15) u Artikolu 36(f) – Suq intern tal-elettriku – Natura ipotetika tad-domandi preliminari – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-238/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:905

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(2), (6) u (15) u Artikolu 36(f) – Suq intern tal-elettriku – Natura ipotetika tad-domandi preliminari – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑238/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

UAB “Renerga”

vs

AB “Energijos skirstymo operatorius”,

AB “Lietuvos energijos gamyba”,

fil-preżenza ta’:

UAB “BALTPOOL”,

Lietuvos Respublikos Vyriausybė,

Achema AB,

Achemos Grupė UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UAB “Renerga”, inizjalment minn V. Radvila, K. Pabijanskas u G. Balčiūnas, advokatas, C. Malamataris, dikigoros, A. Wilhelm, Rechtsanwalt, E. Righini, avvocato, kif ukoll minn C. Cluzel, avocat, sussegwentement minn V. Radvila u K. Pabijanskas, advokatas, E. Righini, avvocato, kif ukoll minn C. Cluzel, avocat,

għal AB “Energijos skirstymo operatorius” u AB “Lietuvos energijos gamyba”, minn A. Žindul, advokatas,

għal UAB “BALTPOOL”, minn A. Smaliukas kif ukoll minn E. Junčienė, bħala aġenti,

għal Achemos Grupė UAB, minn G. Balčiūnas, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u R. Dzikovič, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, Y. G. Marinova, A. Steiblytė u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(2), (6) u (15) u tal-Artikolu 36(f) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UAB “Renerga” u “Energijos skirstymo operatorius” u AB “Lietuvos energijos gamyba” dwar l-għoti ta’ interessi moratorji għal ħlas tardiv ta’ kumpens tas-servizz pubbliku lil Renerga.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 46 u 50 tad-Direttiva 2009/72 jiddikjaraw:

“(46)

Ir-rispett tar-rekwiziti tas-servizz pubbliku huwa ħtieġa fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li standards minimi komuni, li jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha, jiġu speċifikati f’din id-Direttiva, liema standards għandhom jikkunsidraw l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, is-sigurtà tal-provvista, il-protezzjoni tal-ambjent u livelli ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u suġġett għar-rispett lejn il-liġi tal-Komunità.”

[…]

(50)

Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, inkluż fir-rigward tas-servizz universali, u l-istandards komuni minimi li jitnisslu minnhom, jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fuq bażi nazzjonali, filwaqt li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi nazzjonali; Il-liġi tal-Komunità għandha, madanakollu, tkun rispettata mill-Istati Membri. […]”

4

L-Artikolu 3(2),(6) u (15) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“2.   B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat [KE], b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perjodu fit-tul, meta titqies il-possibilità li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.

[…]

6.   Meta jkun hemm kumpens finanzjarju, forom oħra ta’ kumpens u drittijiet esklussivi li Stat Membru jagħti għat-twettiq tal-obbligi previsti fil-paragrafi 2 u 3, dan għandu jsir b’mod non-diskriminatorju u trasparenti.

[…]

15.   L-Istati Membri għandhom, meta tiġi implimentata din id-Direttiva, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex ikunu sodisfatti l-obbligi tas-servizz universali u tas-servizz pubbliku, inkluż il-protezzjoni tal-konsumatur u dik ambjentali, u l-effett possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, kemm jekk miżuri bħal dawn ikunu jeħtieġu deroga minn din id-Direttiva kif ukoll jekk le. Sussegwentement huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kwalunkwe bdil għat-tali miżuri, kemm jekk dawn ikunu jeħtieġu xi deroga minn din id-Direttiva kif ukoll jekk le.”

5

L-Artikolu 36(f) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

[…]

(f)

jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi xierqa, kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prestazzjoni tan-network u titrawwem l-integrazzjoni tas-suq.”

Id-dritt Litwan

6

Id-Direttiva 2009/72 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Litwan permezz tal-Energetikos įstatymas (il-Liġi dwar l-Enerġija), tal-elektros energetikos įstatymas (il-Liġi dwar l-Elettriku) u tal-Atsinaujinančių išteklių energetikos įstatymas (il-Liġi dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli).

7

Fuq il-bażi tal-Liġi dwar l-Elettriku, il-Gvern Litwan adotta, fit-18 ta’ Lulju 2012, il-Vyriausybės nutarimas n 916 Dėl Viešuosius interesus atitinkančių paslaugų elektros energetikos sektoriuje teikimo tvarkos aprašo patvirtinimo (id-Digriet tal-Gvern Nru 916 li jistabbilixxi qafas li jirregola l-provvista ta’ servizzi tal-interess pubbliku fis-settur tal-elettriku). Skont il-punt 3 ta’ dan id-digriet, il-“kumpens għal servizz pubbliku” huwa ġestit skont il-qafas tal-ġestjoni ta’ kumpens għal servizz pubbliku stabbilit mill-Vyriausybės nutarimas n 1157 Dėl Viešuosius interesus atitinkančių paslaugų elektros energetikos sektoriuje lėšų administravimo tvarkos aprašo patvirtinimo (id-Digriet tal-Gvern Nru 1157 li Jistabbilixxi Qafas għall-Ġestjoni ta’ Kumpens għal Servizz Pubbliku fis-Settur tal-Elettriku), adottat fid-19 ta’ Settembru 2012.

8

Il-punt 18.1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 916 jipprevedi l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament il-kumpens għal servizz pubbliku mħallas skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet previsti fid-Digriet tal-Gvern Nru 1157, jekk il-fornitur tas-servizz pubbliku jew persuni konnessi miegħu jonqsu milli jħallsu l-kumpens għal servizz pubbliku kollu jew parti minnu dovut għall-elettriku effettivament ikkonsmat, konformement mal-punt 16 ta’ dan id-digriet.

9

Id-Digriet tal-Gvern Nru 1157 jiddefinixxi l-“persuni konnessi” (punt 3 tal-ħames paragrafu). Fil-punt 26.1, dan id-digriet jipprovdi li l-operatur tan-netwerk ta’ distribuzzjoni, l-impriża xerrejja u l-amministratur għandhom jissospendu l-ħlasijiet jekk il-fornitur tas-servizz pubbliku jew persuni konnessi miegħu ma jħallsux kumpens għal servizz pubbliku dovut għall-elettriku effettivament ikkonsmat. L-istess dispożizzjoni tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom dan il-ħlas jista’ jissokta. Il-punt 26.2 tal-imsemmi digriet jipprovdi li, jekk il-fornitur tas-servizz pubbliku jirtira minn grupp ta’ persuni konnessi li fih minn tal-inqas persuna waħda ma tkunx ħallset l-ammont kollu jew parti mill-kumpens għal servizz pubbliku dovut għall-elettriku effettivament ikkonsmat, il-kumpens għal servizz pubbliku jitħallas lil dan il-fornitur biss jekk il-persuna li fir-rigward tagħha huwa kien preċedentement konness tħallas il-kumpens kollu tal-elettriku effettivament ikkonsmat sal-mument tal-irtirar.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Renerga topera ħames impjanti li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Hija tipprovdi l-elettriku li tipproduċi lin-netwerk ta’ distribuzzjoni. Flimkien ma’ Achema AB u kumpanniji oħra, Renerga hija parti minn UAB Achemos Grupė.

11

Konformement ma’ kuntratti konklużi fis-7 ta’ Jannar u fid-19 ta’ Ġunju 2013 bejn Renerga u l-konvenuti fil-kawża prinċipali, Renerga timpenja ruħha li tbigħ lil tali konvenuti, li min-naħa tagħhom huma obbligati li jixtru u jħallsu, l-elettriku kollu li tipproduċi u li tipprovdi lin-netwerk ta’ distribuzzjoni. Skont dawn il-kuntratti, il-prezz li l-konvenuti fil-kawża prinċipali għandhom iħallsu għal dan l-elettriku huwa kompost mill-prezz tas-suq tal-elettriku u mill-kumpens għal servizz pubbliku, li jikkorrispondu għad-differenza bejn, minn naħa, ir-rata fissa applikabbli għall-elettriku prodott minn Renerga skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-prezz tas-suq.

12

Fil-25 ta’ Frar 2016, l-amministratur tal-kumpens għal servizz pubbliku, UAB “BALTPOOL”, informa lill-konvenuti fil-kawża prinċipali li, konformement mad-Digrieti tal-Gvern Nru 916 u 1157, il-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku lil Renerga kellu jiġi sospiż sakemm Achema jew persuni oħra konnessi magħha jħallsu integralment il-kumpens għal servizz pubbliku dovut għall-elettriku effettivament ikkonsmat. Skont BALTPOOL, minn naħa, Achema ma kinitx wettqet debitament l-obbligu tagħha ta’ ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku dovut għall-elettriku effettivament ikkonsmat u, min-naħa l-oħra, il-kapital ta’ Achema kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ kontroll fil-kapital ta’ Renerga kienu miżmuma minn Achemos Grupė, b’mod li Achema u Renerga kellhom jitqiesu bħala persuni konnessi.

13

Fis-26 ta’ Frar 2016, Energijos skirstymo operatorius informat lil Renerga li l-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku dovut lilha kien ġie sospiż. Fit-8 ta’ Marzu 2016, Lietuvos energijos Renerga gamyba bagħtet lil Renerga notifika simili, li fiha hija indikat li l-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku kien ġie sospiż għal perijodu indefinit u li għall-elettriku mibjugħ hija kienet ser titħallas biss il-prezz tas-suq.

14

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Marzu 2016, indirizzata lil Renerga, BALTPOOL ippreċiżat li, fil-31 ta’ Jannar 2016, ġiet indirizzata fattura lil Achema għal ammont totali ta’ EUR 629 794.15, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, b’data ta’ skadenza l-24 ta’ Frar 2016. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, peress li Achema kienet għadha ma ħallsitx dan l-ammont sal-25 ta’ Frar 2016, il-ħlas tal-kumpens għal servizz pubbliku lil Achema u lill-persuni kollha konnessi magħha kellu għalhekk jiġi sospiż.

15

Peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali naqsu mill-obbligu tagħhom li jħallsu lil Renerga l-prezz kollu dovut għall-elettriku li huma kienu xtraw, b’mod partikolari l-parti li tikkorrispondi għall-kumpens għal servizz pubbliku li hija parti mill-prezz tal-elettriku mixtri, il-konvenuti akkumulaw dejn ta’ EUR 1 248 199.81 fir-rigward ta’ Renerga.

16

Dan id-dejn tħallas fil-21 ta’ April 2016, data li fiha BALTPOOL adottat deċiżjonijiet dwar il-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku sospiż, intiżi għall-konvenuti fil-kawża prinċipali.

17

Fit-12 ta’ Diċembru 2016, Renerga ressqet kawża quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) li permezz tagħha talbet li Lietuvos energijos gamyba u Energijos skirstymo operatorius jiġu kkundannati jħallsuha, rispettivament, EUR 9 172.84 u EUR 572.82, bħala danni u interessi moratorji għall-ħlas tardiv ta’ kumpens għal servizz pubbliku skont il-kuntratti ta’ bejgħ tal-elettriku konklużi fis-7 ta’ Jannar u fid-19 ta’ Ġunju 2013. Barra minn hekk, Renerga talbet li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jiġu kkundannati jħallsuha, fir-rigward ta’ dawn l-ammonti, interessi bir-rata annwali ta’ 8.05 %.

18

Peress li qieset li l-kawża teħtieġ kjarifiki relatati mad-Direttiva 2009/72, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-għan li l-Artikolu 36(f) tad-Direttiva 2009/72 jassenja lill-awtorità regolatorja għall-finijiet tal-kompiti regolatorji speċifikati fl-imsemmija direttiva, jiġifieri li ‘jiġi żgurat li l-operaturi tas-sistema u l-utenti tas-sistema jingħataw inċentivi xierqa, kemm għall-perijodu qasir kif ukoll għal dak fit-tul, sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-prestazzjoni tan-network u titrawwem l-integrazzjoni tas-suq’,, għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li ma jingħata ebda inċentiv (kumpens għal servizz pubbliku) jew li jiġu limitati?

2)

Fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli, u li l-Artikolu 3(6) tal-istess direttiva jipprovdi li l-kumpens finanzjarju għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jsir b’mod nondiskriminatorju u trasparenti:

2.1 L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu limitazzjoni ta’ miżura ta’ appoġġ mogħtija lill-fornituri li fuqhom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku (iktar ’il quddiem il-“fornituri ta’ servizz pubbliku”) jekk dawn tal-aħħar jwettqu perfettament l-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuqhom?

2.2 Skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72, l-obbligu previst fid-dritt nazzjonali li jiġi sospiż il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal servizz pubbliku lill-fornituri ta’ servizz pubbliku indipendentement mit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom jew tal-obbligi tagħhom, filwaqt li din ir-regola tagħmel ir-raġuni għal-limitazzjoni (sospensjoni) tal-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku dipendenti mit-twettiq tal-attivitajiet u tal-obbligi imposti fuq persuna marbuta mal-imsemmi fornitur (meta l-istess impriża għandha holding ta’ kontroll f’din il-persuna u fil-fornitur) li tħallas il-kumpens ta’ servizz pubbliku kkalkolat fuq il-konsum tagħha stess, għandu jitqies li huwa obbligu diskriminatorju, mhux ċar u restrittiv għall-kompetizzjoni leali?

2.3 Skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2009/72, l-obbligu previst fid-dritt nazzjonali li jiġi sospiż il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju lill-fornituri ta’ servizz pubbliku filwaqt li dawn tal-aħħar jibqgħu marbuta li jwettqu b’mod sħiħ l-obbligi tagħhom ta’ servizz pubbliku u l-obbligi kuntrattwali tagħhom relatati fil-konfront tal-impriżi li qed jixtru l-elettriku, għandu jitqies li huwa diskriminatorju, mhux ċar u restrittiv għall-kompetizzjoni leali?

3.

Skont l-Artikolu 3(15) tad-Direttiva 2009/72, li jobbliga lill-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar kwalunkwe tibdil magħmul lill-miżuri adottati sabiex ikunu sodisfatti l-obbligi ta’ servizz universali u ta’ servizz pubbliku, Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida li tistabbilixxi raġunijiet, regoli u mekkaniżmu sabiex jiġi limitat il-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku lill-fornituri ta’ servizz pubbliku?

4.

Bl-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu ta’ raġunijiet, regoli u mekkaniżmu sabiex jiġi limitat il-kumpens li għandu jitħallas lill-fornituri ta’ servizz pubbliku, Stat Membru ikun qiegħed jikser l-għanijiet tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità, ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni)?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

19

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari peress li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, Renerga ma hijiex marbuta bl-obbligu tas-servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, peress li la d-dispożizzjonijiet tad-Digrieti tal-Gvern Nru 916 u Nru 1157 u lanqas il-kuntratti konklużi mal-konvenuti fil-kawża prinċipali ma jimponu obbligi tas-servizz pubbliku lill-produtturi tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, bħal Renerga.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Hewlett-Packard Belgium, C-572/13, EU:C:2015:750, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali tista’ tiġi miċħuda jekk ikun iġġustifikat li d-dritt tal-Unjoni la jista’ japplika direttament u lanqas indirettament għaċ-ċirkustanzi tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punt 28).

22

Fil-kawża inkwistjoni, permezz tad-domandi preliminari kollha tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2009/72, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2), (6) u (15), u l-Artikolu 36(f) tagħha, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludux l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-possibbiltà li jiġi sospiż, għall-benefiċċju ta’ produtturi tal-elettriku, il-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku, intiż sabiex jippromwovi l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, sakemm il-persuni konnessi ma’ dawn il-produtturi jħallsu kumpens għal servizz pubbliku dovut għall-elettriku li effettivament ikkonsmaw.

23

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li, b’kunsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE, u b’mod partikolari għall-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi tas-settur tal-elettriku, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jikkonċernaw is-sigurtà, inkluż is-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, inkluż l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-protezzjoni tal-klima.

24

Madankollu, ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, Renerga kinitx suġġetta għal obbligi ta’ servizz pubbliku imposti, skont din id-direttiva, mill-Istat Membru kkonċernat.

25

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, indirizzat talba għal kjarifiki lill-qorti tar-rinviju, li rrispondiet permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2018.

26

Fir-risposta tagħha, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni Litwana ma tipprovdix, fir-rigward ta’ Renerga, obbligu assolut ta’ produzzjoni u ta’ provvista ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Skont din l-istess qorti, Renerga ma kinitx inkluża fil-lista ta’ fornituri ta’ servizzi pubbliċi adottata mill-Gvern Litwan iżda ntrabtet volontarjament tipproduċi l-elettriku u tbigħu lill-konvenuti fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju sostniet ukoll li r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn Renerga u l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu ddefiniti b’kuntratti li huma kkonkludew fis-7 ta’ Jannar u fid-19 ta’ Ġunju 2013, liema kuntratti huma rregolati mid-dritt ċivili u setgħu jiġu xolti, b’tali mod li ma hemmx lok li jiġi sostnut li Renerga kienet marbuta tipprovdi servizzi pubbliċi.

27

Għaldaqstant, ir-risposta mogħtija mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li l-Istat Membru kkonċernat ma imponiex lil Renerga l-obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

28

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ntalbet l- interpretazzjoni tagħhom la jistgħu japplikaw direttament u lanqas indirettament għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, id-domandi kollha magħmula f’din il-kawża huma ta’ natura ipotetika.

29

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (il-Qorti Distrettwali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2017, hija inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Litwan.

Top