EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0214

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
Alexander Mölk vs Valentina Mölk.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment – Artikolu 4(3) - Talba għall-ħlas ta’ manteniment imressqa mill-kreditur tal-manteniment quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ residenza abitwali tad-debitur - Deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata - Talba sussegwenti mressqa mid-debitur quddiem l-istess awtorità sabiex jitnaqqas il-manteniment stabbilit - Dehra tal-kreditur - Determinazzjoni tal-liġi applikabbli.
Kawża C-214/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:744

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment – Artikolu 4(3) – Talba għall-ħlas ta’ manteniment imressqa mill-kreditur tal-manteniment quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ residenza abitwali tad-debitur – Deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata – Talba sussegwenti mressqa mid-debitur quddiem l-istess awtorità sabiex jitnaqqas il-manteniment stabbilit – Dehra tal-kreditur – Determinazzjoni tal-liġi applikabbli”

Fil-Kawża C‑214/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2017, fil-proċedura

Alexander Mölk

vs

Valentina Mölk

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Alexander Mölk, minn L. Lorenz, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn M. Cancela Carvalho, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, kif ukoll minn M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) tal-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE, tas-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 331, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Den Haag”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, Alexander Mölk, u bintu, Valentina Mölk, dwar talba għal manteniment.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Protokoll ta’ Den Haag

3

L-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, intitolat “Regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-obbligi ta’ manteniment għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, sakemm il-Protokoll ma jipprevedix mod ieħor.

2.   F’każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandha tapplika mill-mument ta’ meta sseħħ il-bidla.”

4

L-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll, intitolat “Regoli speċjali li jiffavorixxu ċerti kredituri”, jipprevedi:

“1.   Id-dispożizzjonjiet li ġejjin għandhom japplikaw f’każ ta’ obbligi ta’ manteniment ta’:

a)

ġen[]ituri lejn uliedhom;

[…]

2.   Jekk il-kreditur ma jkunx jista’, minħabba fil-liġi msemmija fl-Artikolu 3, jikseb manteniment mingħand id-debitur, għandha tapplika l-lex fori.

3.   Minkejja l-Artikolu 3, jekk il-kreditur diġà jkun irrikorra għall-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-lex fori għandha tapplika. Madanakollu, jekk il-kreditur ma jkunx jista’, permezz ta’ din il-liġi, jikseb manteniment mingħand id-debitur, il-liġi tal-Istat fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali għandha tapplika.

[…]”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmi protokoll, intitolat “L-għażla tal-liġi applikabbli għall-fini ta’ proċediment partikolari”, jipprovdi:

“1.   Minkejja l-Artikoli 3 sa 6, il-kreditur u d-debitur tal-manteniment għall-fini biss ta’ proċediment partikolari fi Stat speċifiku jista’ jagħżel espressament il-liġi ta’ dak l-Istat bħala l-liġi applikabbli għal obbligu ta’ manteniment.

2.   Għażla magħmula qabel ma jibdew dawn il-proċedimenti għandha ssir fi ftehim, iffirmat miż-żewġ partijiet, bil-miktub jew irreġistrata fi kwalunkwe forma, bl-informazzjoni kontenuta fih tkun aċċessibbli u għalhekk tkun tista’ tiġi użata sussegwentament bħala referenza.”

6

L-Artikolu 8 tal-istess protokoll, bit-titolu “Għażla tal-liġi applikabbli”, huwa fformulat kif ġej:

“1   Minkejja l-Artikoli 3 sa 6, il-kreditur u d-debitur tal-manteniment jista’ fi kwalunkwe ħin jagħżel waħda mil-liġijiet li ġejjin bħala dik applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment:

[…]

b)

il-liġi tal-Istat li tiegħi xi waħda mill-partijiet hija residenti abitwali fil-waqt tal-għażla;

[…]

3.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ persuna taħt l-età ta’ 18-il sena jew ta’ adult li, minħabba raġunijiet ta’ ħsara jew insuffiċjenza fil-fakultajiet personali tagħha, mhux f’pożizzjoni li tipproteġi l-interessi tagħha.

4.   Minkejja l-liġi magħżula mill-partijiet skont il-paragrafu 1, il-kwistjoni ta’ jekk il-kreditur jistax jirrinunċja għad-dritt tiegħu ta’ manteniment għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur fil-waqt tal-għażla.

5.   Sakemm fil-waqt tal-għażla l-partijiet kienu infurmati bis-sħiħ dwar u konxji mill-konsegwenzi tal-għażla tagħhom, il-liġi magħżula mill-partijiet m’għandhiex tapplikax fejn l-applikazzjoni ta’ dik il-liġi twassal għal konsegwenzi manifestament inġusti u irraġonevoli għal xi waħda mill-partijiet.”

Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009

7

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1), jipprevedi fl-artikolu 1 tiegħu intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-obbligi ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja, parentela, żwieġ jew affinità.

[…]”

8

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji”, jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)

il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)

il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu”

[…]”

9

Skont l-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-konvenut”:

“Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika jekk il-preżenza saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni.”

10

L-Artikolu 15 tal-imsemmi Protokoll, bit-titolu “Għażla tal-liġi applikabbli”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment għandha tiġi determinata skont [il-Protokoll ta’ Den Haag] fl-Istati Membri marbutin b’dak l-istrument.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Alexander Mölk normalment jirrisjedi fl-Awstrija, filwaqt li t-tifla tiegħu, Valentina Mölk, għandha r-residenza abitwali tagħha fl-Italja.

12

Skont digriet tal-Bezirksgericht Innsbruck (il-Qorti Distrettwali ta’ Innsbruck, l-Awstrija), tal-10 ta’ Ottubru 2014, A. Mölk huwa obbligat iħallas il-manteniment ta’ kull xahar lil V. Mölk.

13

Dan id-digriet ingħata skont il-liġi Awstrijaka wara talba għal manteniment imressqa mill-kreditriċi, V. Mölk, quddiem l-imsemmija qorti konformement mal-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag.

14

Matul is-sena 2015, A. Mölk talab lill-Bezirksgericht Innsbruck (il-Qorti tad-Distrett ta’ Innsbruck) inaqqas l-imsemmi manteniment mill-1 ta’ Frar 2015, minħabba li d-dħul nett tiegħu kien naqas. V. Mölk talbet li din it-talba għat-tnaqqis tiġi miċħuda.

15

B’digriet tal-11 ta’ Diċembru 2015, il-Bezirksgericht Innsbruck (il-Qorti Distrettwali ta’ Innsbruck) ċaħdet it-talba ta’ A. Mölk għat-tnaqqis tal-manteniment. Skont din il-qorti, din it-talba ta’ A. Mölk kienet irregolata mill-imsemmija liġi skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Den Haag, peress li V. Mölk kienet tinsab fl-Italja fid-data li saret din it-talba.

16

B’digriet tad-9 ta’ Marzu 2016, il-Landesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck, l-Awstrija) ikkonfermat, fl-appell, id-deċiżjoni tal-Bezirksgericht Innsbruck (il-Qorti tad-Distrett ta’ Innsbruck), fejn madankollu, ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-liġi Awstrijaka.

17

Din il-qorti tal-appell qieset li, fl-assenza ta’ bidla fir-residenza abitwali taż-żewġ partijiet, ma jista’ jkun hemm l-ebda bidla tal-liġi applikata għall-Bezirksgericht Innsbruck (il-Qorti tad-Distrett ta’ Innsbruck), tal-10 ta’ Ottubru 2014, biss minħabba fatt li d-debitur tal-manteniment kien ressaq talba għal tnaqqis tal-manteniment ikkonċernat, ftit xhur biss wara li ngħata l-imsemmi digriet, li kien sar res judicata.

18

A. Mölk ippreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju u talab li tingħata deċiżjoni dwar il-manteniment konformement mal-liġi Taljana. Huwa jsostni li kieku din il-liġi kienet ġiet applikata b’mod korrett, il-qorti kienet tilqa’ t-talba tiegħu.

19

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-liġi applikabbli f’każ bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tirrileva li għandha żewġ kurrenti opposti fid-duttrina.

20

Skont l-ewwel kurrent, il-liġi applikabbli, iddeterminata skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, għandha tkun il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, anki jekk hija mhix il-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab l-awtorità li tkun ħadet id-deċiżjoni oriġinali ta’ manteniment.

21

Skont it-tieni kurrent, hija l-liġi diġà applikata fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment li għandha tiġi applikata għal talba għal riforma ta’ deċiżjoni nazzjonali jew deċiżjoni barranija rrikonoxxuta.

22

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment tal-2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur tirregola wkoll it-talba ta’ debitur intiża, minħabba bidla li taffettwa d-dħul tiegħu, għat-tnaqqis ta’ ħlas ta’ manteniment impost fuqu permezz ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata meta l-ammont tal-manteniment li għandu jitħallas kien ġie stabbilit mill-qorti, fuq it-talba tal-kreditur u skont l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment tal-2007, konformement mal-liġi tal-Istat li fih id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu mhux mibdula?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2)

L-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur għandu ‘jadixxi’ wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu meta, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mid-debitur quddiem din l-awtorità, il-kreditur jidher, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 4/2009] u jitlob li t-talba tiġi miċħuda fil-mertu?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Protokoll ta’ Den Haag (is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, KP, C-83/17, EU:C:2018:408, 25).

Fuq l-ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa r-riżultat ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-manteniment li għandu jitħallas kien ġie stabbilit b’deċiżjoni li saret res judicata, fuq it-talba tal-kreditur u, skont dan l-Artikolu 4(3), skont il-lex fori indikat konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li din il-liġi tirregola talba sussegwenti mressqa mid-debitur quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu kontra l-kreditur biex jitnaqqas dan il-manteniment.

25

Skont dan l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag, għandha tapplika l-lex fori, minkejja l-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll, fuq l-inizjattiva ta’ kreditur meta dan, bħalma hi V. Mölk fil-kawża prinċipali, tkun ressqet it-talba tagħha quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat tar-residenza abitwali tad-debitur tal-manteniment.

26

Tqum il-kwistjoni dwar jekk, minkejja l-fatt li d-diċitura ta’ dan l-Artikolu 4(3) ma tipprevedix espressament, din id-dispożizzjoni tkompli ma tipproduċix effetti meta d-debitur, bħalma hu A. Mölk fil-kawża prinċipali, iressaq talba sussegwenti quddiem din l-istess awtorità b’tali mod li l-liġi magħżula preċedentement tkun tapplika wkoll għall-proċedura l-ġdida.

27

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag billi jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tiegħu, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha.

28

Fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni, tagħmel parti minn sistema ta’ regoli ta’ konnessjoni stabbilit minn dan il-protokoll, li jipprevedi l-applikazzjoni b’mod prinċipali tal-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi protokoll. L-awturi tal-Protokoll ta’ Den Haag ħadu inkunsiderazzjoni li din il-liġi kienet l-iktar rabta mill-qrib mas-sitwazzjoni tal-kreditur u, għaldaqstant, kienet tidher bħala li kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tirregola il-problemi konkreti li l-kreditur tal-manteniment jista’ jiltaqa’ magħhom (ara, s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, KP, C-83/17, EU:C:2018:408, punt 42).

29

L-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Den Haag jinkludi regoli speċjali li jiffavorixxu ċerti kredituri, b’mod partikolari, l-obbligi tal-ġenituri lejn uliedhom, li japplikaw sussidjarjament. B’hekk, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 4 jipprevedi li l-lex fori għandha tapplika meta l-kreditur ma jkunx jista’ jikseb manteniment skont il-liġi magħżula prinċipalment skont l-Artikolu 3 ta’ dan il-protokoll.

30

L-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag, jidderoga mir-regola stabbilita minn dan il-Protokoll u mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza skont liema l-awtorità kompetenti għandha tapplika, b’mod prinċipali, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur. Min-naħa l-oħra, dan l-Artikolu 4(3) jinverti l-kriterji ta’ konnessjoni previsti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmi protokoll, billi jindika primarjament bħala l-lex fori, il-post fejn il-kreditur ikun invoka l-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu (is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, KP, C-83/17, EU:C:2018:408, punt 44) u sekondarjament bil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, jekk dan ma jkunx jista’ jikseb manteniment mingħand id-debitur skont il-lex fori.

31

Billi huwa previst li l-lex fori tista’ tapplika primarjament, minflok il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, il-Protokoll ta’ Den Haag jagħti lil dan tal-aħħar l-opportunità li jagħżel indirettament l-ewwel waħda minn dawn il-liġijiet, peress li din l-għażla tirriżulta mit-tressiq mill-kreditur tat-talba tiegħu quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat tar-residenza abitwali tad-debitur.

32

Din il-possibbiltà ssegwi l-għan ta’ protezzjoni tal-kreditur li peress li huwa l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni tagħha mad-debitur waqt li jippermettilu li de facto jagħmel għażla tal-liġi applikabbli għat-talbiet tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-proċedura li fiha din it-talba taqa’ tingħalaq permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret res judicata, ma jirriżultax mill-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag li għandhom jiġu estiżi l-effetti ta’ din l-għażla għal proċedura ġdida mressqa, mhux mill-kreditur, iżda mid-debitur.

33

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ regola li tidderoga regola stabbilita fl-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Den Haag, din għandha tiġi interpretata b’mod strett, mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa espressament previst.

34

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkonfermati mir-Rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Protokoll ta’ Den Haag, stabbilit minn Andrea Bonomi (test adottat mill-wieħed u għoxrin sessjoni tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat).

35

Fil-fatt, kif A. Bonomi irrileva, fil-punt 67 ta’ dan ir-rapport, id-deroga prevista fir-rabta fil-prinċipju għal-liġi tar-residenza abitwali tal-kreditur tista’ tkun iġġustifikata jekk il-kreditur jiddeċiedi huwa stess li jieħu azzjoni fl-Istat ta’ residenza tad-debitur, filwaqt li din tidher eċċessiva fil-każ fejn l-azzjoni kienet tressqet f’dak l-Istat għall-inizjattiva tad-debitur, b’mod partikolari ta’ talba għal riforma ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment.

36

Tqabbil ta’ dan l-Artikolu 4(3) mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Den Haag li jippermetti lill-partijiet jagħżlu bi qbil komuni l-liġi applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment, jiġifieri l-Artikoli 7 u 8 ta’ dan il-Protokoll, isaħħaħ ukoll din l-analiżi.

37

L-Artikolu 8 tal-Protokoll ta’ Den Haag, jippermetti kemm lill-kreditur kif ukoll għad-debitur li, fi kwalunkwe mument, jagħżlu waħda mid-diversi liġijiet elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 8, bħala applikabbli għal obbligu ta’ manteniment. Il-liġi magħżula ma tapplikax għal proċedura partikolari, iżda għall-proċeduri kollha dwar tali obbligu.

38

Peress li l-għażla tal-liġi applikabbli hija għal tul ta’ żmien, l-awturi tal-Protokoll ta’ Den Haag issuġġettaw għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar għal ċerti kundizzjonijiet sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ effetti negattivi b’mod partikolari għall-kreditur. Fost dawn, għandha tissemma, fost oħrajn, dik li tinsab fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 8, li tgħid li huma biss il-partijiet li għandhom 18-il sena jew iktar li jistgħu jagħmlu tali għażla abbażi tal-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, il-paragrafu 5 tal-istess Artikolu 8 jipprevedi li sakemm il-partijiet kinux ġew infurmati b’mod sħiħ u ma kinux konxji mill-konsegwenzi tal-għażla tagħhom, il-liġi magħżula mill-partijiet ma għandhiex tapplika fejn l-applikazzjoni ta’ dik il-liġi twassal għal konsegwenzi manifestament inġusti jew mhux raġonevoli għal xi waħda mill-partijiet.

39

Dawn id-dispożizzjonijiet protettivi ma jeżistux fil-kuntest tal-Artikolu 7 tal-Protokoll ta’Den Haag li jippermetti wkoll lill-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli, iżda fil-każ ta’ proċedura partikolari biss. L-għażla ta’ liġi għalhekk tapplika biss għal din il-proċedura u mhux għall-proċeduri li jsegwu dwar l-istess obbligu ta’ manteniment, li tillimita r-riskju ta’ effetti negattivi ta’ din l-għażla.

40

L-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet protettivi fil-kliem tal-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’Den Haag issostni wkoll it-teżi li din id-disposizzjoni tapplika biss f’proċedura waħda, jiġifieri dik imressqa mill-kreditur fiċ-ċirkustanzi li hija tipprevedi espressament.

41

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-għażla inizjali tal-lex fori ssir mill-kreditur skont l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag dan kien jimplika li fi proċedura sussegwenti mressqa mid-debitur quddiem l-awtorità kompetenti tar-residenza abitwali tagħha, din l-istess liġi tapplika wkoll, dan jippermetti li jiġi evitat il-limitu tal-età minima prevista fl-Artikolu 8(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag kif ukoll id-dispożizzjonijiet protettivi l-oħra msemmija fl-Artikolu 8.

42

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag jikkonċerna biss is-sitwazzjoni fejn il-kreditur jagħżel indirettament il-lex fori fil-kuntest ta’ proċedura li ġiet mibdija quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat tar-residenza abitwali tad-debitur u ma jestendix għad-deċiżjoni fil-proċeduri sussegwenti wara li l-proċedura inizjali tkun saret res judicata.

43

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata miċ-ċirkustanza evokata mill-Gvern Portugiż skont liema din il-proċedura sussegwenti setgħet tiġi mibdija ftit wara l-ewwel proċedura u li jkun paradossali li talbiet li jikkompetu bejniethom fir-rigward ta’ perijodu qasir li matulu l-ebda bidla ta’ residenza abitwali tal-partijiet ma tkun seħħet, għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ ordinamenti ġuridiċi differenti.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli ma tistax tiddependi mid-data li fiha tkun ġiet mibdija t-tieni proċedura. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tippreġudika l-għan ta’ prevedibbiltà mfittex il-Protokoll ta’ Den Haag (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, KP, C-83/17, EU:C:2018:408, punt 41).

45

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 u 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-iżvantaġġ li tippreżenta l-applikazzjonijiet ta’ liġijiet differenti fi proċeduri suċċessivi bejn l-istess partijiet tidher li hija parti minn sistema ta’ regoli ta’ kunflitt stabbiliti fil-Protokoll ta’ Den Haag.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa r-riżultat ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-manteniment li għandu jitħallas kien ġie stabbilit b’deċiżjoni li saret res judicata, fuq it-talba tal-kreditur u, skont dan l-Artikolu 4(3), skont il-lex fori indikata konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li tali l-liġi tirregola talba sussegwenti mressqa mid-debitur quddiem l-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu kontra l-kreditur biex jitnaqqas dan il-manteniment.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur għandu “jadixxi” wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu meta, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mid-debitur quddiem din l-awtorità, il-kreditur jidher, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009 u jitlob li t-talba tiġi miċħuda fil-mertu.

48

Kif jirriżulta mill-analiżi mwettqa fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag jikkostitwixxi dispożizzjoni derogatorja għar-regola ta’ konnessjoni prinċipali mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza u għalhekk ma hemmx lok li tiġi estiża l-applikazzjoni tiegħu lil hinn mis-sitwazzjonijiet li jipprovdi espressament.

49

Din id-dispożizzjoni tapplika biss għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li l-awtorità kompetenti tkun dik tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur u li jkun il-kreditur li jressaq din it-talba quddiem din l-awtorità, il-kawża għandha b’hekk tiġi ppreżentata minn dan tal-aħħar.

50

Fil-każ ta’ kawża mressqa mid-debitur quddiem l-awtorità tal-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu, id-dehra tal-kreditur tista’ twassal għall-ġurisdizzjoni ta’ din l-awtorità, kif jipprevedi l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009.

51

Madankollu, minn din l-aċċettazzjoni ta’ ġurisdizzjoni, ma jistax jiġi dedott li l-kreditur “adi(t)” l-awtorità tal-Istat tar-residenza abitwali tad-debitur, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag.

52

Din l-interpretazzjoni jkollha bħala konsegwenza, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-lex fori li din id-dispożizzjoni timponi tapplika fil-proċeduri kollha quddiem awtorità bħal din filwaqt li jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda li l-fakultà mogħtija lill-kreditur mill-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag li jagħżel indirettament din il-liġi tapplika biss għall-proċeduri mibdija fuq inizjattiva tiegħu.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur għandu “jadixxi” wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu meta, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mid-debitur quddiem din l-awtorità, f’każ li l-kreditur jidher, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 4/2009 u jitlob li t-talba tiġi miċħuda fil-mertu.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(3) tal-Protokoll tal-Aja [Den Haag] tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/941/KE, tas-30 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa r-riżultat ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-manteniment li għandu jitħallas kien ġie stabbilit b’deċiżjoni li saret res judicata, fuq it-talba tal-kreditur u, skont dan l-Artikolu 4(3), skont il-lex fori indikata konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li tali liġi tirregola talba sussegwenti mressqa mid-debitur quddiem l-qrati tal-Istat tar-residenza abitwali tiegħu kontra l-kreditur biex jitnaqqas dan il-manteniment.

 

2)

L-Artikolu 4(3) tal-Protokoll ta’ Den Haag tat-23 ta’ Novembru 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kreditur għandu “[jadixxi]” wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur għandu r-residenza abitwali tiegħu meta, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mid-debitur quddiem din l-awtorità, il-kreditur jidher, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, u jitlob li t-talba tiġi miċħuda fil-mertu.”

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top