EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0168

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Jannar 2019.
SH vs TG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Kúria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja – Sensiela ta’ kuntratti intiżi li jikkostitwixxu garanzija favur entità inkluża f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi – Ħlas ta’ spejjeż skont kuntratti ta’ kontrogaranzija – Regolament (UE) Nru 204/2011 – Artikolu 5 – Kunċett ta’ ‘fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ entità msemmija fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011’ – Artikolu 12(1)(c) – Kunċett ta’ ‘talba abbażi ta’ garanzija’ – Kunċett ta’ ‘persuna jew entità li taġixxi f’isem persuna msemmija fl-Artikolu 12(1)(a) u (b)’.
Kawża C-168/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:36

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja – Sensiela ta’ kuntratti intiżi li jikkostitwixxu garanzija favur entità inkluża f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi – Ħlas ta’ spejjeż skont kuntratti ta’ kontrogaranzija – Regolament (UE) Nru 204/2011 – Artikolu 5 – Kunċett ta’ ‘fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ entità msemmija fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011’ – Artikolu 12(1)(c) – Kunċett ta’ ‘talba abbażi ta’ garanzija’ – Kunċett ta’ ‘persuna jew entità li taġixxi f’isem persuna msemmija fl-Artikolu 12(1)(a) u (b)’”

Fil-Kawża C‑168/17

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ April 2017, fil-proċedura

SH

vs

TG,

fil-preżenza ta’:

UF,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SH, minn J. Burai-Kovács u G. Stanka, ügyvédek, kif ukoll minn Á. Mohay, jogi iroda vezetője,

għal TG, minn B. Kutasi u Á. Szenczy, ügyvédek, kif ukoll minn E. Rosenfeld, avocat,

għal UF, minn Z. Völgyesiné Hontvári u A. Szerencsés, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn G. Koós u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas u E. Paasivirta, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, l-ewwel nett, tal-Artikolu 5, tal-Artikolu 9 u tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat‑2 ta’ Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2011, L 58, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2011, L 87, p. 31), it-tieni nett, tal-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 45/2014 tal‑20 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 16, p. 1), u, it-tielet nett, tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat‑18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2016, L 12, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ banek Ungeriżi, SH u TG, quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), li għandha bħala suġġett il-ħlas minn SH lil TG, minn naħa, tal-ispejjeż ta’ garanzija li saru fil-kuntest ta’ garanzija bankarja maħruġa minn bank Libjan, jiġifieri Sahara Bank, lil sid ta’ kostruzzjoni Libjan, Libyan Housing and Infrastructure Board (il-Bord tad-Djar u tal-Infrastruttura Libjan, iktar ’il quddiem “HIB”), u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż taħt il-kontrogaranzija mogħtija minn TG lil Sahara Bank.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Minħabba l-ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fis‑26 ta’ Frar 2011, adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 41 tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjoni 1970 (2011), li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra dan l-Istat.

4

Skont il-paragrafi 17 u 21 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti:

“17. Jiddeċiedi li l-Istati kollha għandhom immedjatament jiffriżaw il-fondi kollha, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra li jinsabu fit-territorju tagħhom li qegħdin fil-pussess jew taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ individwi jew entitajiet indikati fl-Anness II għal din ir-riżoluzzjoni jew indikati mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 24 iktar ’il quddiem, jew kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f’isem jew fuq l-ordnijiet tagħhom, jew ta’ kwalunkwe entità fil-pussess tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom, u jiddeċiedi barra minn hekk li l-Istati Membri kollha għandhom jimpedixxu liċ-ċittadini tagħhom jew kwalunkwe persuna jew entità li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-individwi jew entitajiet indikati fl-Anness II għal din ir-riżoluzzjoni jew tal-individwi indikati mill-Kumitat fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi;

[…]

21. Jiddeċiedi li l-miżuri previsti fil-paragrafu 17 hawn fuq ma jipprojbixxux lil kull persuna jew entità indikata milli tagħmel ħlas taħt kuntratt li sar qabel ma din il-persuna jew entità ġiet inkluża fil-lista, sakemm l-Istati Membri kkonċernati jkunu żguraw li l-ħlas ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 17 hawn fuq, u li dawn l-Istati nnotifikaw lill-Kumitat bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu jew jirċievu tali ħlasijiet jew li jawtorizzaw, fejn xieraq, ir-rilaxx għal dan il-għan tal-fondi, tal-assi finanzjarji u tar-riżorsi ekonomiċi, fi żmien għaxart ġranet tax-xogħol qabel din l-awtorizzazzjoni.”

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni 2011/137/PESK

5

Sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1970 (2011), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2011/137/PESK tat‑28 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2011, L 58, p. 53 u rettifika fil-ĠU 2011, L 87, p. 31).

6

L-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“1.   Il-fondi, l-assi finanzjarji l-oħra u r-riżorsi ekonomiċi kollha, li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn:

(a)

persuni jew entitajiet elenkati fl-Anness II [għar-Riżoluzzjoni] 1970 (2011), u persuni u entitajiet addizzjonali indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f’konformità mal-paragrafu 22 [tar-Riżoluzzjoni] 1970 (2011), jew minn individwi jew entitajiet li jaġixxu f’simhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew minn entitajiet li huma l-proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, kif elenkat fl-Anness III;

(b)

persuni jew entitajiet mhux koperti mill-Anness III involuti fi jew kompliċi fl-ordni, fil-kontroll, jew fid-direzzjoni b’mod ieħor, tat-twettiq ta’ abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż b’involviment fi jew b’kompliċità fl-ippjanar, il-kmand, l-ordni jew it-twettiq ta’ attakki, bi ksur tal-liġi internazzjonali, inkluż il-bombardament mill-ajru, fuq popolazzjonijiet jew faċilitajiet ċivili, jew minn individwi jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew minn entitajiet li huma l-proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, kif elenkat fl-Anness IV;

2.   L-ebda fond, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1.”

7

Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni:

“L-ebda pretensjoni, inkluż għal kumpens jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni ta’ tpaċija jew pretensjoni koperta minn garanzija, f’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni li t-twettiq tagħhom kien affettwat, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, minħabba miżuri deċiżi skont [ir-Riżoluzzjoni] 1970 (2011), inklużi miżuri tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru f’konformità ma’, kif rikjest minn jew bi kwalunkwe konnessjoni mal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà jew miżuri koperti minn din id-Deċiżjoni, ma għandhom jingħataw lill-persuni jew l-entitajiet indikati elenkati fl-Annessi I, II, III jew IV, jew lil kwalunkwe persuna jew entità fil-Libja, inkluż il-Gvern tal-Libja, jew kwalunkwe persuna jew entità li tressaq pretensjoni permezz ta’ jew għall-benefiċċju ta’ kwalunkwe tali persuna jew entità.”

Ir-Regolament Nru 204/2011

8

Fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2011/137, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 204/2011, li daħal fis-seħħ fit‑3 ta’ Marzu 2011.

9

Skont il-premessi 1 u 2 ta’ dan ir-regolament:

“(1)

B’konformità mar-Riżoluzzjoni […] 1970 (2011) […], id-Deċiżjoni 2011/137 […] tipprovdi għal embargo fuq l-armi, projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet ta’ tagħmir ta’ repressjoni interna, kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet involuti f’abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż l-involviment f’attakki li jiksru d-dritt internazzjonali, fuq popolazzjonijiet u faċilitajiet ċivili. Dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u entitajiet huma elenkati fl-Annessi għad-Deċiżjoni.

(2)

Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.”

10

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘fondi’ tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull tip, li jinkludi iżda li mhumiex limitati għal:

[…]

(v)

kreditu, dritt għal kalkolazzjoni tal-valur nett, garanziji, garanziji fuq xogħol b’kuntratt jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ;

[…]

(b)

‘iffriżar ta’ fondi’ tfisser il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, jew negozjar ta’ fondi fi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, l-ammont, il-post, is-sjieda, il-pussess, in-natura, id-destinazzjoni tagħhom jew bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġjar ta’ portafolli;

(c)

‘riżorsi ekonomiċi’ tfisser assi ta’ kwalunkwe tip, kemm dawk tanġibbli kemm dawk intanġibbli, mobbli u immobbli, li mhumiex fondi iżda jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti u servizzi;

(d)

‘iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, li jinkludi, iżda li mhux limitat għal, il-bejgħ, il-kiri jew l-ipotekar;

[…]”

11

L-Artikolu 5 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta’, li huma miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Annessi II u III għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom isiru disponibbli għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi II u III.

3.   Il-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom tkun, b’mod dirett jew indirett, l-evażjoni mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 hija pprojbita.”

12

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 204/2011:

“L-Artikolu 5(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

[…]

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li okkorrew qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi(ja) fl-Artikolu 5 jkun/tkun ġie/ġiet innominat(a) mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kunsill,

bil-kundizzjoni li [dawn il-]pagamenti […] jkunu ffriżati b’konformità mal-Artikolu 5(1).”

13

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“L-ebda pretensjoni, inklużi dawk għal kumpens, jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni ta’ tpaċija jew pretensjoni koperta minn garanzija, f’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni li t-twettiq tagħhom kienet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, minħabba miżuri deċiżi b’konformità [mar-Riżoluzzjoni] 1970 (2011), inklużi miżuri tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe Stat Membru f’konformità, kif rekwiżit mill-implimentazzjoni jew b’konnessjoni mal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà jew miżuri koperti b’dan ir-Regolament, ma għandhom jiġu sodisfatti favur il-Gvern tal-Libja, jew favur kwalunkwe persuna jew entità li tressaqhom permezz tiegħu jew għall-benefiċċju tiegħu.”

Ir-Regolament Nru 45/2014

14

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 45/2014 emenda l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011 fit-termini li ġejjin:

“1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet milquta, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dak it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni, entitajiet jew korpi deżinjati elenkati fl-Anness II jew III;

(b)

kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Libjan, inkluż il-gvern Libjan;

(c)

kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) jew (b).

[…]”

15

L-emenda li saret għall-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011 daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ Jannar 2014.

Ir-Regolament Nru 2016/44

16

Skont l-Artikolu 17(1), tar-Regolament tal-Kunsill 2016/44, li daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Jannar 2016:

“L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kull kuntratt jew transazzjoni fejn il-prestazzjoni ta’ dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjali, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta’ dak it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, partikolarment garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kull forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni, entitajiet jew korpi deżinjati elenkati fl-Anness II jew III;

(b)

kull persuna, entità jew korp ieħor Libjan, inkluż il-gvern Libjan;

(c)

kull persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’, jew f’isem, waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (a) jew (b).”

Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fis‑7 ta’ Lulju 2009, HIB u UF, impriża Ungeriża ta’ kostruzzjoni, ikkonkludew kuntratt li jirrigwarda t-twettiq minn din tal-aħħar ta’ infrastrutturi pubbliċi fiż-żona ta’ Zawya (il-Libja). HIB talbet lil UF toħroġ garanziji bankarji, li għandhom jiġu pprovduti minn bank Libjan, sabiex jiġi żgurat, minn naħa, l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħha inkambju tal-ħlas bil-quddiem (garanzija għall-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem) u, min-naħa l-oħra, it-twettiq tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni (garanzija għat-twettiq).

18

Filwaqt li aċċettat li tipprovdi l-garanziji mitluba minn HIB, Sahara Bank talbet lil UF tipprovdilha kontrogaranzija li għandha tingħata minn bank Ungeriż.

19

Fis‑16 ta’ Ottubru 2009, UF u bank Ungeriż, SH, ikkonkludew kuntratt ta’ kontrogaranzija għall-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem u kuntratt ta’ kontrogaranzija għat-twettiq, li permezz tagħhom SH impenjat ruħha li tipprovdi kontrogaranziji lil bank ieħor Ungeriż, TG, li kien inkarigat minn SH sabiex jipprovdi lil Sahara Bank kontrogaranzija u l-kreditu dokumentarju li kienet teħtieġ. Konsegwentement, fl‑20 ta’ Novembru u fis‑16 ta’ Diċembru 2009, SH ħarġet favur TG, rispettivament, kontrogaranzija għall-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem għal ammont ta’ 69499610 dinar Libjani (LYD) (madwar EUR 49251000), li kienet ser tiskadi fl‑14 ta’ Settembru 2013, u kontrogaranzija għat-twettiq għal ammont ta’ 9266615 LYD (madwar EUR 6567000), li kienet ser tiskadi fil‑15 ta’ Lulju 2014.

20

Fl‑24 ta’ Novembru u fis‑17 ta’ Diċembru 2009, TG ħarġet favur Sahara Bank, rispettivament, kontrogaranzija għall-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem, li kienet ser tiskadi fit‑30 ta’ Awwissu 2013, u ittra irrevokabbli ta’ kreditu, li kienet ser tiskadi fit‑30 ta’ Ġunju 2014, b’Sahara Bank li hekk toħroġ il-garanziji bankarji mitluba minn HIB.

21

Bħala korrispettiv għas-servizz ipprovdut minn TG għall-ħruġ ta’ dawn il-garanziji, SH intrabtet li tħallas lil din tal-aħħar, kull tliet xhur u bil-quddiem, remunerazzjoni ta’ 1.30 % fis-sena, u tħallasha lura l-ispejjeż sostnuti minn Sahara Bank, kif ukoll l-ispejjeż ta’ finanzjament u l-interessi moratorji eventwalment applikabbli.

22

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 233/2011 tal‑10 ta’ Marzu 2011 li jimplimenta l-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2011, L 64, p. 13), żied l-isem ta’ HIB mal-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan l-aħħar regolament mill‑11 ta’ Marzu 2011.

23

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 272/2011 tal‑21 ta’ Marzu 2011 li jimplimenta l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2011, L 76, p. 32), żied l-isem ta’ Sahara Bank mal-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan l-aħħar regolament mit‑22 ta’ Marzu 2011. Dan l-isem ġie mħassar mil-lista fit‑2 ta’ Settembru 2011, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 872/2011 tal‑1 ta’ Settembru 2011 li jimplimenta l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2011, L 227, p. 3).

24

Mit‑2 ta’ Settembru 2011 u sas‑16 ta’ Lulju 2013, TG ħallset lil Sahara Bank l-ispejjeż dovuti skont il-kuntratt ta’ kontrogaranzija konkluż ma’ din tal-aħħar.

25

Fid‑29 ta’ Novembru 2012, Sahara Bank ipprovat, fuq talba ta’ HIB, tattiva l-kontrogaranzija għall-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem maħruġa minn TG. Din, madankollu, irrifjutat li tieħu azzjoni, billi invokat l-illegalità tat-talba. F’dan ir-rigward, b’digriet finali tat‑22 ta’ April 2013, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) ipprojbixxiet tali ħlas peress li l-isem ta’ HIB huwa elenkat fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011.

26

Fl‑20 ta’ Diċembru 2012, SH u TG iffirmaw memorandum ta’ ftehim, li permezz tiegħu kkonstataw li l-ebda talba għall-ħlas tal-garanzija għall-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem ma setgħet tintlaqa’ sakemm HIB hija s-suġġett ta’ miżuri restrittivi. SH indikat l-intenzjoni tagħha li kienet ser tħallas l-ispejjeż ta’ kontrogaranzija għall-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem u għall-kontrogaranzija ta’ twettiq li kienet intitolata għalihom TG u, permezz tal-intermedjarja tagħha, Sahara Bank, biss jekk HIB ma tibqax is-suġġett ta’ tali miżuri qabel l-iskadenzi ta’ dawn iż-żewġ kontrogaranziji. SH impenjat ruħha li tħallas fuq kont ta’ depożitu l-ispejjeż li għadhom ma tħallsux f’din id-data u l-ispejjeż ulterjuri, bir-rilaxx tas-somma hekk imħallsa għandha ssir skont il-kundizzjonijiet previsti f’kuntratt ta’ depożitu konkluż bejn il-partijiet u bank depożitarju (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ depożitu”).

27

Fl-istess 20 ta’ Diċembru 2012, SH, TG u dan il-bank depożitarju ikkonkludew il-kuntratt ta’ depożitu, li permezz tiegħu s-somom marbuta mal-kontrogaranziji mogħtija minn SH lil TG kienu ddepożitati u miżmuma, kif ukoll l-interessi li dawn jipproduċu.

28

Il-partijiet għall-kuntratt ta’ depożitu pprevedew li s-somom iddepożitati kellhom jitħallsu lil SH fil-każ fejn l-isem ta’ HIB ma jkunx tħassar mil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011 qabel id-dati ta’ skadenza tal-kontrogaranziji maħruġa minn SH. Alternattivament, huma pprevedew li, fil-każ fejn l-isem ta’ HIB jitħassar mil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011 qabel dawn id-dati, is-somom ddepożitati jmorru għand TG.

29

Wara l‑20 ta’ Diċembru 2012, SH ħallset fl-imsemmi kont ta’ depożitu l-ispejjeż dovuti lil TG taħt il-kontrogaranziji maħruġa minn din.

30

Il-kontrogaranzija għall-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem minn SH skada fl‑14 ta’ Settembru 2013 mingħajr l-isem ta’ HIB ma tneħħa mil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011.

31

Wara l-emenda li saret bir-Regolament Nru 45/2014, li daħal fis-seħħ fit‑22 ta’ Jannar 2014, l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 204/2011 jipprojbixxi li tintlaqa’ talba relatata ma’ kuntratt jew tranżazzjoni li t-twettieq tagħha ġiet affettwata b’miżuri imposti bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, imressqa, b’mod partikolari, minn kull persuna jew entità jew organu ieħor Libjan.

32

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 74/2014 tat‑28 ta’ Jannar 2014 li jimplimenta l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2014, L 26, p. 1), l-isem ta’ HIB tneħħa mil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan l-aħħar regolament, b’effett mid‑29 ta’ Jannar 2014.

33

Fil‑31 ta’ Jannar 2014, SH talbet lill-bank depożitarju sabiex tirrilaxxa favuriha l-ammont iddepożitat, għar-raġuni li l-kontrogaranzija ta’ ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem maħruġa minnha kienet skadiet matul il-perijodu li fih l-isem ta’ HIB kien imniżżel fil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011. TG irrifjutat li tagħmel id-dikjarazzjoni neċessarja għar-rilaxx tad-depożitu, previst mill-kuntratt ta’ depożitu, minħabba li l-kundizzjonijiet ta’ tali rilaxx ma kinux issodisfatti.

34

SH, konsegwentement, adixxiet il-qorti tal-ewwel istanza bil-għan li tikseb ir-rilaxx tad-depożitu inkwistjoni. Min-naħa tagħha, TG ippreżentat kontrotalba għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 2072 321.18, li tirrappreżenta l-ispejjeż li tqis li huma dovuti lilha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti li kienu jorbtuha ma’ SH u l-ispejjeż ta’ kontrogaranzija mħallsa minnha lil Sahara Bank.

35

Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba ta’ SH, iżda kkundannat lil din tal-aħħar tħallas is-somma ta’ EUR 1352 713.04 lil TG. Hija fil-fatt ikkunsidrat li l-ispejjeż dovuti skont il-kuntratti ta’ kontrogaranzija konklużi bejn SH u TG ma jaqgħux taħt ir-Regolament Nru 204/2011, peress li dan kien korrispettiv għal servizz ipprovdut minn persuna ġuridika Ungeriża. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-ispejjeż ta’ garanzija mħallsa minn TG lil Sahara Bank jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 204/2011 u li għalhekk TG ma setgħetx titlob ir-rimbors tagħhom lil SH.

36

Il-qorti tal-appell bidlet is-sentenza tal-ewwel istanza u ċaħdet il-kontrotalba fl-intier tagħha, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-partijiet fil-kawża kienu bidlu, permezz tal-kuntratt ta’ depożitu, l-istipulazzjonijiet tal-kuntratti ta’ kontrogaranzija għal dak li jirrigwarda d-dritt li jirċievu l-ispejjeż marbuta magħhom u l-iskadenza ta’ dan id-dritt. Minn dan kien jirriżulta li, peress li l-isem ta’ HIB ma kienx tħassar mil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011 qabel l-iskadenza tal-kontrogaranziji, TG ma kellhiex dritt għall-ħlas ta’ spejjeż differenti. Din il-qorti żiedet tgħid li, anki fl-assenza ta’ emenda tal-kuntratti, TG ma kellhiex id-dritt għal dan il-ħlas peress li l-miżuri restrittivi imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienu ta’ natura vinkolanti, u għaldaqstant TG ma setgħatx tipprovdi garanzija lil entità milquta minn dawn il-miżuri u għalhekk ma kellhiex id-dritt li l-ispejjeż relatati ma’ tali garanzija jkunu koperti. L-ispejjeż ta’ garanzija mħallsa minn TG lil Sahara Bank kienu indirettament użati għat-twettiq ta’ obbligu favur HIB, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 204/2011.

37

TG ippreżentat appell quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema) kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kontrotalba tagħha. Hija ssostni li l-qorti tal-appell interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 5 u 12 tar-Regolament Nru 204/2011, għar-raġuni li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 5 jestendi biss għall-entitajiet fil-lista ta’ sanzjonijiet, u li fuq din il-lista l-isem Sahara Bank ma kienx għadu inkluż, u li, matul il-perijodu rilevanti, l-imsemmi Artikolu 12 kien jikkonċerna biss l-awtoritajiet Libjani. TG tinnota li l-ispejjeż ta’ garanzija dovuti lilha kif ukoll dawk imħallsa lil Sahara Bank huma spejjeż bankarji, li ma jikkostitwixxux garanzija u li l-ħlas tagħhom ma jservix l-interessi ta’ HIB.

38

Kemm SH kif ukoll UF, intervenjenti fil-kawża prinċipali insostenn ta’ SH, talbu lill-qorti tar-rinviju tikkonferma s-sentenza tal-appell, peress li, fl-opinjoni tagħhom, huwa biss importanti li, fost l-operaturi tal-katina ta’ kuntratti ffirmati bejn il-partijiet, l-isem ta’ wieħed minnhom, f’dan il-każ dak ta’ HIB, huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011.

39

Il-qorti tar-rinviju tagħmel distinzjoni bejn il-garanzija, maħruġa sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta’ obbligu, u l-ispejjeż ta’ garanzija, li jirrappreżentaw il-korrispettiv tal-provvista li tikkonsisti fl-obbligu ta’ garanzija. Skont din, jekk seħħ ir-rilaxx tal-garanzija bankarja favur HIB, dan kien jikkostitwixxi ħlas ipprojbit mir-Regolament Nru 204/2011.

40

Hija tinnota li l-kontrotalba ta’ TG tinqasam f’żewġ partijiet, waħda li titlob ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ garanzija li hija ħallset lil Sahara Bank u l-oħra li tirrigwarda l-ispejjeż li hija kellha d-dritt li titlob lil SH taħt il-kuntratti ta’ kontrogaranzija konklużi bejniethom.

41

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija jistax jitqies bħala ħlas indirett ta’ fondi, fi kwalunkwe forma, fir-rigward tal-garanzija bankarja. Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, billi titlob dan il-ħlas, TG tistax titqies bħala persuna li taġixxi f’isem persuna, entità jew organu suġġett għall-miżuri restrittivi tar-Regolament Nru 204/2011. Hija tistaqsi wkoll dwar l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi eċċezzjonijiet għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi.

42

Hija tikkonstata, li għandha tiddeċiedi fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, jekk it-talba għall-ħlas ta’ spejjeż differenti ta’ garanzija magħmula minn TG kinitx taqa’, kompletament jew parzjalment, taħt ir-Regolament Nru 204/2011. Jekk il-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż kellu jiġi kklassifikat bħala ħlas indirett, fis-sens ta’ dan ir-regolament, mingħajr mar-regola ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9 jista’ jkollu rwol, il-kontrotalba kellha għalhekk tiġi miċħuda.

43

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kuntratti differenti inkwistjoni huma marbutin mill-qrib, peress li ġew konklużi bil-għan waħdieni li jikkostitwixxu garanzija bankarja favur HIB, u ma jistgħux jiġu ttrattati bħala li joħolqu obbligi awtonomi, indipendenti minn xulxin.

44

Hija tinnota li jekk il-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regolament li jimponi miżuri restrittivi, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit liema regolament huwa applikabbli, jiġifieri r-Regolament Nru 204/2011, li kien fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tal-kontrogaranziji, jew ir-Regolament 2016/44, li daħal fis-seħħ meta l-kawża kienet diġà pendenti quddiem il-qrati Ungeriżi u li l-għadd ta’ dawn l-ispejjeż ma kienx sar b’mod definittiv.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 204/2011/UE u tar-Regolament (UE) Nru 2016/44 jestendi għall-obbligi sussegwenti ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija abbażi ta’ kuntratti ta’ kontrogaranzija f’sensiela ta’ kuntratti konklużi bil-għan li tinħareġ garanzija bankarja favur il-[HIB]:

1.1.

meta, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ kontrogaranzija, bank stabbilit fl-Unjoni Ewropea huwa obbligat iħallas l-ispejjeż lil bank Libjan li jinsab fuq il-lista […] tal-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011/UE;

1.2.

meta, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ kontrogaranzija, bank stabbilit fl-Unjoni […] huwa obbligat iħallas l-ispejjeż lil bank Libjan li ma jinsabx fuq il-lista […] tal-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011/UE, iżda l-garanzija bankarja tkun inħarġet favur l-HIB, li jinsab fuq [din] il-lista […];

1.3.

meta, fil-perijodu sussegwenti għall-emenda tar-Regolament Nru 204/2011/UE permezz tar-Regolament Nru 45/2014/UE, ir-Regolament Nru 204/2011/UE jipprojbixxi l-ħlasijiet diretti jew indiretti lil kull entità Libjana;

1.4.

meta l-obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija jirriżulta minn kuntratt ta’ kontrogaranzija konkluż fil-kuntest ta’ sensiela ta’ kuntratti konklużi bil-għan tal-ħruġ ta’ garanzija bankarja favur l-HIB u fil-kuntest tar-relazzjoni bejn żewġ banek stabbiliti fl-Unjoni […];

1.5.

meta l-kalkolu relatat mal-ispejjeż tal-garanzija jsir wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ garanzija, fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 2016/44?

2)

Jekk l-obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-garanzija indikat fil-punti 1.1 u 1.2 hawn fuq jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-[R]egolament [Nru 204/2011], l-ispjjeż tal-garanzija mħallsa lil bank Libjan – li f’ċertu żmien kien ukoll inkluż fuq il-lista […] tal-Anness III – bil-għan tal-ħruġ ta’ garanzija ta’ rimbors tal-ħlas antiċipat u ta’ garanzija ta’ eżekuzzjoni korretta favur l-HIB, għandhom ukoll jitqiesu bħala fondi użati direttament jew indirettament favur persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jinsabu fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011?

3)

Fil-perijodu sussegwenti għall-emenda tar-Regolament Nru 204/2011/UE permezz tar-Regolament Nru 45/2014/UE (punt 1.3), l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 204/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jitqies li l-ispejjeż u l-infiq mitluba minn bank Libjan u mħallsa minn bank stabbilit fl-Unjoni […] abbażi ta’ kuntratt ta’ kontrogaranzija jikkostitwixxu direttament jew indirettament talba abbażi ta’ garanzija?

4)

Bank stabbilit fl-Unjoni […] li għandu l-obbligu jħallas l-ispejjeż tal-garanzija lil entità Libjana abbażi ta’ kuntratt ta’ kontrogranzija konkluż fil-kuntest ta’ sensiela ta’ kuntratti konklużi bil-għan tal-ħruġ ta’ garanzija bankarja favur l-HIB (punt 1.4) għandu jitqies bħala persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament Nru 204/2011 emendat permezz tar-Regolament Nru 45/2014 – persuna jew entità li taġixxi permezz ta’ jew f’isem jew favur waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 12(1) iċċitat iktar ’il fuq? Jista’ jitqies li jikkostitwixxu direttament jew indirettament talba abbażi ta’ garanzija l-ispejeż tal-garanzija mitluba minn dan il-bank lil bank ieħor stabbilit fl-Unjoni […]?

5)

Kull tip ta’ ħlas huwa marbut mar-regola ta’ esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 204/2011?

6)

Sa fejn il-kalkolu relatat mal-ispejjeż tal-garanzija jsir wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament [2016/44], li ħassar ir-Regolament Nru 204/2011 […], iżda li jinkludi regoli essenzjalment identiċi għar-regolament preċedenti (punt 1.5), dan ir-Regolament […] 2016/44 huwa applikabbli fir-rigward ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar it-tilwima bejn il-partijiet u l-Artikolu 17(1)(b) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż u l-infiq mitluba minn bank Libjan u mħallsa minn bank stabbilit fl-Unjoni […] abbażi ta’ kuntratt ta’ kontrogaranzija jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu direttament jew indirettament talba abbażi ta’ garanzija? Bank stabbilit fl-Unjoni […] li għandu l-obbligu jħallas l-ispejjeż tal-garanzija lil entità Libjana abbażi ta’ kuntratt ta’ kontrogaranzija konkluż fil-kuntest ta’ sensiela ta’ kuntratti konklużi bil-għan tal-ħruġ ta’ garanzija bankarja favur l-HIB għandu jitqies bħala persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 17(1)(c) ta’ dan ir-regolament – persuna jew entità li taġixxi permezz ta’ jew f’isem jew favur waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 17(1) tal-istess regolament? Jista’ jitqies li jikkostitwixxu direttament jew indirettament talba abbażi ta’ garanzija l-ispejeż tal-garanzija mitluba minn dan il-bank lil bank ieħor stabbilit fl-Unjoni Ewropea?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

46

Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi, b’mod partikolari, mill-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 204/2011 japplikax għall-ispejjeż dovuti taħt kuntratti maħruġa għal skopijiet ta’ kontrogaranzija ta’ kuntratt ta’ garanzija bankarja li l-benefiċjarju tagħha kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi skont dan ir-regolament.

47

Issa, peress li d-diversi domandi preliminari jikkoinċidu fuq diversi livelli, dawn għandhom jingħaqdu u jiġu rriformulati, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-iktar risposti preċiżi possibbli.

48

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-applikazzjoni għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel nett, tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 204/2011, li jipprojbixxi li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni li isimhom huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, it-tieni nett, tal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, li jipprojbixxi li jilqa’ kull talba marbuta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni milquta minn miżuri imposti taħt dan ir-regolament, it-tielet nett, tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 204/2011, li jipprevedi eċċezzjonijiet għall-Artikolu 5(2) u, ir-raba’ nett, tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2016/44, li ssostitwixxa l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011.

Fuq l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 204/2011

49

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 204/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ispejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu, l-ewwel nett, minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan li ismu huwa inkluż fuq il-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, it-tieni nett, minn bank tal-Unjoni Ewropea lil bank Libjan li ismu ma għadux inkluż fuq din il-lista, meta l-garanzija bankarja mogħtija mill-bank Libjan tibbenefika lil entità li tinsab f’din il-lista, u t-tielet nett, minn bank tal-Unjoni lil bank ieħor tal-Unjoni.

50

Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 204/2011, l-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi elenkati fl-Annessi II u III ta’ dan ir-regolament, jew jiġu użati għall-benefiċċju tagħhom.

51

Għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjoni ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuna inkluża f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, prevista f’din id-dispożizzjoni, hija fformulata b’mod partikolarment wiesgħa, hekk kif jindika l-użu tal-kliem “direttament jew indirettament”, u tinkludi, għalhekk, kull att li t-twettiq tiegħu huwa neċessarju, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, sabiex persuna effettivament tikseb is-setgħa li tiddisponi bis-sħiħ minn fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C‑117/06, EU:C:2007:596, punti 5051; tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punti 6674, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et, C‑72/11, EU:C:2011:874, punti 3940).

52

Din il-formulazzjoni wiesgħa u mhux ekwivoka tapplika għal kull tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsa ekonomika u għaldaqstant ukoll għal att li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt sinallagmatiku u li kien mogħti bi skambju għall-ħlas ta’ korrispettiv ekonomiku (sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C‑117/06, EU:C:2007:596, punt 56).

53

Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kunċett ta’ “fondi u riżorsi ekonomiċi” għandu wkoll tifsira wiesgħa li tkopri l-assi ta’ kull tip akkwistat bi kwalunkwe mezz (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 69).

54

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tipprevedi l-każ li bank fl-Unjoni għandu jħallas lil bank Libjan, li ismu huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011, spejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija.

55

Għalkemm il-kawża prinċipali tirrigwarda l-ħlas tal-ispejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija konkluż bejn żewġ banek Ewropej, il-każ previst fil-punt preċedenti jista’ madankollu jkollu influwenza fuq is-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, peress li ma huwiex eskluż li l-ħlas tal-ispejjeż ta’ kontrogaranzija, mitlub minn TG, jinkludi wkoll l-ispejjeż ta’ garanzija sostnuti minn Sahara Bank matul il-perijodu li matulu l-isem ta’ din kien inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament.

56

F’dan il-każ, il-bank Libjan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri Sahara Bank, kien inkluż fl-imsemmija lista mit‑22 ta’ Marzu sat‑2 ta’ Settembru 2011, b’mod li dan ir-regolament huwa rilevanti f’dan ir-rigward.

57

Issa, is-sempliċi fatt li s-somom ta’ flus għandhom jitħallsu lil tali bank, għal kwalunkwe raġuni, iddaħħal din it-tranżazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-istess regolament, peress li, skont din id-dispożizzjoni, tali tranżazzjoni tqiegħed fondi direttament għad-dispożizzjoni ta’ persuna li isimha huwa inkluż fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011.

58

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċirkustanza li dawn il-ħlasijiet huma parti minn tranżazzjoni kkaratterizzata minn bilanċ ekonomiku bejn is-servizz u l-korrispettiv tagħha u li jikkostitwixxu atti ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 204/2011 ma tippermettix, fiha nnifisha, li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u mill-projbizzjonijiet previsti fir-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C‑117/06, EU:C:2007:596, punti 49 kif ukoll 62).

59

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 204/2011 għal ħlasijiet relatati ma’ spejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija, magħmula minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan, wara li l-isem ta’ din tal-aħħar tneħħa mil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament.

60

Ħlasijiet bħal dawn ma jikkostitwixxux tqegħid għad-dispożizzjoni diretta ta’ fondi fis-sens tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament, peress li l-isem tal-benefiċjarju ta’ dawn il-fondi ma jkunx inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III u lanqas fil-lista li tinsab fl-Anness II tal-istess regolament, li hija koperta wkoll mill-projbizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni.

61

Madankollu, dawn il-ħlasijiet jistgħu jikkostitwixxu tqegħid għad-dispożizzjoni indiretta ta’ fondi lil persuna li isimha huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011 bħal, f’dan il-każ, HIB, benefiċjarja tal-garanziji bankarji li minnhom jirriżultaw il-kuntratti ta’ kontrogaranzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li isimha kien inkluż fil-lista mill‑11 ta’ Marzu 2011 sad‑29 ta’ Jannar 2014, jiġifieri, b’mod partikolari, wara t-tħassir ta’ isem Sahara Bank minn dik il-lista.

62

Madankollu, biex jiġi żgurat li l-fondi jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li tqiegħdu indirettament għad-dispożizzjoni ta’ persuna li isimha huwa inkluż fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, huwa neċessarju li jkunu jistgħu jitħallsu lura lil din il-persuna jew li din tal-aħħar ikollha s-setgħa li tiddisponi minn dawn il-fondi, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabtiet ġuridiċi jew finanzjarji bejn il-benefiċjarju tal-fondi u tali persuna.

63

F’dan il-każ, l-ispejjeż dovuti lil Sahara Bank minn TG jirrappreżentaw il-kontroparti ta’ garanziji bankarji maħruġa favur HIB, f’kuntest fejn dawn kellhom jiġu sostnuti minn bank Ungeriż, jiġifieri minn SH. Minħabba n-natura tagħhom, dawn l-ispejjeż ma humiex intiżi sabiex jitħallsu lura lil HIB. Barra minn hekk, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li din hija marbuta ma’ Sahara Bank permezz ta’ rabtiet bħal dawk deskritti fil-punt preċedenti. Madankollu, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

64

Fl-aħħar nett, il-ħlasijiet minn bank tal-Unjoni tal-ispejjeż dovuti lil bank Libjan, taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 204/2011, bħala li qed jintużaw favur persuna li isimha huwa inkluż fl-Anness III ta’ dan ir-regolament biss jekk, abbażi tal-kuntratt ta’ garanzija bankarja u tal-kuntratti ta’ kontrogaranzija, dawn il-ħlasijiet kienu jippermettu, direttament jew indirettament, lill-benefiċjarju tal-garanzija bankarja, inkluż fuq waħda minn dawn il-listi, li jikseb l-eżekuzzjoni tagħha.

65

Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, fil-każ fejn id-dritt tal-benefiċjarju tal-garanzija bankarja li jitlob l-eżekuzzjoni tagħha kien jiddependi għalkollox jew parzjalment mill-ħlas tal-ispejjeż dovuti taħt wieħed mill-kuntratti ta’ kontrogaranzija. F’dan ir-rigward, il-ħlasijiet taħt dawn l-ispejjeż jistgħu jitqiesu bħala użati favur persuna li isimha huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament.

66

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji ta’ natura li jeskludu li l-ħlasijiet magħmula minn bank fl-Unjoni, jiġifieri minn TG, lil bank Libjan, f’dan il-każ lil Sahara Bank, għall-ispejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija, li huwa, fid-dawl tal-elementi tar-risposta mogħtija fil-punti 64 u 65 ta’ din is-sentenza, użati favur HIB.

67

Fit-tielet lok, il-ħlasijiet magħmula minn bank tal-Unjoni lil bank ieħor tal-Unjoni fir-rigward tal-ispejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija, li parti minnhom jikkonsistu fir-rimbors tal-ispejjeż imħallsa minn din tal-aħħar lil bank Libjan fil-kuntest ta’ kuntratt ieħor ta’ kontrogaranzija, ma jistgħux, bħala prinċipju, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 204/2011, bħala fondi mqiegħda direttament għad-dispożizzjoni ta’ persuna li isimha huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament.

68

Għal dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni indiretta ta’ fondi lil tali persuna jew l-użu minnha ta’ dawn il-fondi, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 61 sa 66 ta’ din is-sentenza huma applikabbli.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 204/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens:

li għandu japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ispejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni Ewropea lil bank Libjan li ismu huwa inkluż fuq il-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, u

li bħala prinċipju ma għandux japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn spejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan li ismu ma għadux inkluż fuq il-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament jew minn bank tal-Unjoni lil bank ieħor tal-Unjoni, meta l-garanzija bankarja mogħtija mill-bank Libjan tibbenefika lil entità li tinsab f’din il-lista, sakemm tali ħlas ma jwassalx, minħabba rabtiet ġuridiċi jew finanzjarji eżistenti bejn il-bank benefiċjarju ta’ dan il-ħlas u l-entità li tinsab fuq din il-lista, għal tqegħid għad-dispożizzjoni indiretta tal-ispejjeż inkwistjoni favur din l-entità.

Fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011

70

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll f’dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014, għandu japplika meta l-ispejjeż dovuti taħt kuntratti ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu, l-ewwel nett, minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, it-tieni nett, minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan li ma huwiex inkluż f’din il-lista meta l-garanzija bankarja mogħtija mill-bank Libjan tibbenefika lil entità li tinsab fl-imsemmija lista, u t-tielet nett, minn bank tal-Unjoni lil bank ieħor tal-Unjoni.

71

Essenzjalment, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011, kemm fil-verżjoni oriġinali kif ukoll f’dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014, jipprojbixxi li tintlaqa’ kull talba li hija relatata ma’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni effettwata minn miżuri stabbiliti taħt dan ir-regolament.

72

Għandu jiġi enfasizzat li l-mekkaniżmu ta’ projbizzjoni previst fl-imsemmi Artikolu 12 huwa bbażat fuq tliet elementi.

73

L-ewwel nett, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt jew ta’ tranżazzjoni għandha tkun ġiet effettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, permezz tal-miżuri imposti mir-Regolament Nru 204/2011. Għalhekk, kuntratt jew tranżazzjoni għandu jkun is-suġġett ta’ miżuri restrittivi skont dan ir-regolament sabiex l-Artikolu 12 tiegħu jkun jista’ jiġi implimentat.

74

It-tieni nett, l-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament jipprojbixxi li tintlaqa’ kwalunkwe talba relatata ma’ tali kuntratt jew tali tranżazzjoni, pereżempju, talba għal kumpens, pretensjoni ta’ tpaċija jew talba abbażi ta’ garanzija. Min-natura ġenerali tiegħu u mil-lista ta’ talbiet imsemmija bħala eżempju, introdotti permezz tal-espressjoni “inkluż”, dan l-Artikolu 12 jinkludi kull tip ta’ talba relatata ma’ kuntratt jew tranżazzjoni.

75

It-tielet nett, it-talbiet li huwa pprojbit li jintlaqgħu għandhom isiru, skont il-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011, mill-Gvern Libjan jew minn kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi permezz ta’, jew f’isem, u, skont il-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014, permezz, b’mod partikolari, ta’ kwalunkwe persuna, entità jew organu ieħor Libjan mhux elenkati fl-Anness II jew fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011.

76

F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ħlas tal-ispejjeż dovuti taħt kuntratti ta’ kontrogaranzija mill-ewwel kontrogaranti lil garanti jew mit-tieni kontrogaranti lill-ewwel kontrogaranti ma jistax, bħala prinċipju, jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011.

77

Fil-fatt, minn naħa, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kontrogaranzija tista’ tiġi effettwata mill-miżuri imposti minn dan ir-regolament jekk il-benefiċjarju ta’ din il-kontrogaranzija jara ismu inkluż fil-lista li tidher fl-Anness III tal-imsemmi regolament, bħal f’dan il-każ Sahara Bank, għall-perijodu mit‑22 ta’ Marzu sat‑2 ta’ Settembru 2011, jew jekk il-benefiċjarju tal-garanzija, li huwa wkoll kontrogaranti, jara ismu inkluż f’din il-lista, bħal f’dan il-każ HIB, għall-perijodu mill‑11 ta’ Marzu 2011 sad‑29 ta’ Jannar 2014.

78

Min-naħa l-oħra, talba għall-ħlas ta’ spejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija tikkostitwixxi talba “f’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt” jew “b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011, rispettivament fil-verżjoni oriġinali tiegħu u fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014.

79

Madankollu, sabiex tali talba tkun ipprojbita mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011, hija għandha neċessarjament tirriżulta minn waħda mill-persuni elenkati f’dan l-artikolu.

80

Sa fejn tirrigwarda l-ispejjeż dovuti skont kuntratt li permezz tiegħu bank fl-Unjoni jagħmilha ta’ kontragaranti għal bank Libjan, talba għall-ħlas taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, bil-kundizzjoni li l-bank Libjan jista’ jitqies bħala entità li taġixxi f’isem il-Gvern Libjan, l-unika kategorija msemmija f’dan l-artikolu fejn tali bank jista’ f’dan il-każ jagħmel parti.

81

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli li Sahara Bank tiġi kkunsidrata bħala li taġixxi f’isem il-Gvern Libjan.

82

Fir-rigward tal-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 204/2011, hekk kif jirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014, dan japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-bank Libjan li jagħmilha ta’ kontragaranti għal bank tal-Unjoni hija persuna, entità jew organu ieħor Libjan mhux elenkat fl-Anness II jew fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

83

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li jirriżulta mill-elementi tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-aħħar ħlasijiet magħmula minn TG lil Sahara Bank, skont il-kuntratt ta’ kontrogaranzija li jorbot dawn tal-aħħar, saru fis‑16 ta’ Lulju 2013, b’tali mod li l-evalwazzjoni dwar jekk l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011 għandu jkun applikabbli għal dawn il-ħlasijiet għandha ssir fid-dawl tal-verżjoni oriġinali ta’ dan l-artikolu.

84

Sa fejn it-talba għall-ħlas tirrigwardja l-ispejjeż dovuti skont kuntratt li permezz tiegħu bank tal-Unjoni jagħmilha ta’ kontrogaranti lil bank ieħor tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, dan l-aħħar bank jista’ jitqies li qed jaġixxi f’isem il-Gvern Libjan. Fil-fatt, huwa jirċievi dawn l-ispejjeż abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt li l-għan tiegħu huwa biss ta’ kontrogaranzija għal garanzija bankarja lil bank Libjan.

85

L-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014, huwa possibbli biss jekk il-bank tal-Unjoni li jitlob il-ħlas dovut taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija lil bank ieħor tal-Unjoni huwa persuna msemmija fl-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament Nru 204/2011, li jikkonċerna lil persuna, entità jew organu li jaġixxi f’isem waħda mill-persuni, entitajiet jew organi msemmija f’dan l-istess paragrafu 1(a) jew (b). Għalhekk huwa meħtieġ li dan il-bank tal-Unjoni jaġixxi jew f’isem persuna li isimha huwa inkluż fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, bħal HIB fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jew f’isem persuna, entità jew organu fil-Libja, jew f’isem il-Gvern Libjan.

86

Issa, f’katina kuntrattwali ta’ garanzija bankarja u ta’ żewġ kontrogaranziji, ma jistax jiġi kkunsidrat, bħala prinċipju, li meta bank tal-Unjoni jirċievi l-ispejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija li jorbtu ma’ bank ieħor tal-Unjoni, huwa jaġixxi f’isem il-garanti jew il-benefiċjarju tal-garanzija bankarja. Fil-fatt, kuntratt ta’ kontrogaranzija, bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa kuntratt konkluż bejn klijent u kontrogaranti, fejn dan jimpenja ruħu b’mod unilaterali u irrevokabbli li jħallas somma speċifika lil benefiċjarju, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, mingħajr ma l-bżonn li tiġi eżaminata r-relazzjoni ġuridika li fuqha huwa bbażat dan il-kuntratt. Il-ħlas tal-ispejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija minn klijent lil kontrogaranti għalhekk għandu biss l-għan li dan tal-aħħar jitħallas għas-servizz ipprovdut minnu lill-klijent bil-ħruġ tal-kontrogaranzija. Meta jirċievi dan il-ħlas, il-kontrogaranti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jaġixxi f’isem il-garanti jew il-benefiċjarju tal-garanzija bankarja bħala kontrogaranzija.

87

Konsegwentement, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-verżjoni oriġinali tiegħu, għandu japplika meta l-ispejjeż dovuti taħt kuntratti ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament kif ukoll minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan li ma huwiex inkluż f’din il-lista, meta l-garanzija bankarja mogħtija mill-bank Libjan tibbenefika lil entità li tinsab fl-imsemmija lista, sakemm il-bank Libjan jitqies bħala entità li taġixxi f’isem il-Gvern Libjan, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika;

fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014, ma japplikax meta l-ispejjeż dovuti taħt kuntratti ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament kif ukoll minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan li ma huwiex inkluż f’din il-lista, meta l-garanzija bankarja mogħtija mill-bank Libjan tibbenefika lil entità li tinsab fl-imsemmija lista, peress li dawn l-ispejjeż kienu tħallsu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, u

kemm fil-verżjoni oriġinali tiegħu kif ukoll fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014, dan ma japplikax meta l-ispejjeż dovuti taħt kuntratti ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni lil bank ieħor tal-Unjoni.

Fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 204/2011

88

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 204/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jista japplika għall-ħlas tal-ispejjeż bħal dawk dovuti skont il-kuntratti differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

89

Skont dan l-Artikolu 9, l-Artikolu 5(2) tal-istess regolament ma għandux japplika għall-ħlasijiet fil-kontijiet iffriżati tal-ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew organu msemmi f’dan l-Artikolu 5 ġew indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kunsill, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-ħlasijiet huma ffriżati konformement mal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.

90

Għalhekk, huma biss koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 204/2011, il-ħlasijiet effettwati lil persuni li isimhom huwa inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament jew f’dik fl-Anness III tiegħu.

91

F’dan il-każ, il-benefiċjarju tal-garanzija bankarja, jiġifieri HIB, ma rċieva l-ebda ħlas taħt il-kuntratt ta’ garanzija bankarja li jibbenefika minnu mill-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 204/2011. Barra minn hekk, il-bank garanti, f’dan il-każ Sahara Bank, tħallas għall-ispejjeż relatati mal-provvista ta’ din il-garanzija mill-bank kontrogaranti, jiġifieri TG, biss matul il-perijodu li fih ismu ma kienx inkluż fil-lista li tinsab f’dan l-anness.

92

F’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi applikat.

93

Konsegwentement, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 204/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax japplika għall-ħlas tal-ispejjeż bħal dawk dovuti skont il-kuntratti differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2016/44

94

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2016/44 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kalkolu finali tal-ispejjeż ta’ kontrogaranzija dovuti minn bank tal-Unjoni Ewropea lil bank ieħor tal-Unjoni jsir wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

95

Skont l-Artikolu 26 tiegħu, ir-Regolament (UE) 2016/44 daħal fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl‑20 ta’ Jannar 2016.

96

Għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 204/2011, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014.

97

F’dan il-każ, il-ħlasijiet li saru minn TG favur Sahara Bank seħħew kollha taħt ir-Regolament Nru 204/2011 u għalhekk ma jistgħux japplikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/44 fil-konfront tagħhom.

98

Min-naħa l-oħra, il-ħlasijiet relatati mal-ispejjeż dovuti skont il-kuntratt ta’ kontrogaranzija bejn SH u TG jaqgħu taħt dan ir-regolament 2016/44, peress li l-kalkolu finali u l-ħlas sussegwenti ta’ dawn l-ispejjeż kien għadu ma tlestiex fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

99

Konsegwentement, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2016/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ispejjeż ta’ kontrogaranzija dovuti minn bank tal-Unjoni Ewropea lil bank ieħor tal-Unjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kalkolu finali jsir wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

100

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat‑2 ta’ Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, għandu jiġi interpretat fis-sens:

li għandu japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ispejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni Ewropea lil bank Libjan li ismu huwa inkluż fuq il-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, u

li bħala prinċipju ma għandux japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn spejjeż dovuti taħt kuntratt ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan li ismu ma għadux inkluż fuq il-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament jew minn bank tal-Unjoni lil bank ieħor tal-Unjoni, meta l-garanzija bankarja mogħtija mill-bank Libjan tibbenefika lil entità li tinsab f’din il-lista, sakemm tali ħlas ma jwassalx, minħabba rabtiet ġuridiċi jew finanzjarji eżistenti bejn il-bank benefiċjarju ta’ dan il-ħlas u l-entità li tinsab fuq din il-lista, għal tqegħid għad-dispożizzjoni indiretta tal-ispejjeż inkwistjoni favur din l-entità.

 

2)

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 204/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-verżjoni oriġinali tiegħu, għandu japplika meta l-ispejjeż dovuti taħt kuntratti ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni Ewropea lil bank Libjan inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament kif ukoll minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan li ma huwiex inkluż f’din il-lista, meta l-garanzija bankarja mogħtija mill-bank Libjan tibbenefika lil entità li tinsab fl-imsemmija lista, sakemm il-bank Libjan jitqies bħala entità li taġixxi f’isem il-Gvern Libjan, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika;

fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 45/2014 tal‑20 ta’ Jannar 2014, ma japplikax meta l-ispejjeż dovuti taħt kuntratti ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament kif ukoll minn bank tal-Unjoni lil bank Libjan li ma huwiex inkluż f’din il-lista, meta l-garanzija bankarja mogħtija mill-bank Libjan tibbenefika lil entità li tinsab fl-imsemmija lista, peress li dawn l-ispejjeż kienu tħallsu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, u

kemm fil-verżjoni oriġinali tiegħu kif ukoll fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 45/2014, dan ma japplikax meta l-ispejjeż dovuti taħt kuntratti ta’ kontrogaranzija għandhom jitħallsu minn bank tal-Unjoni lil bank ieħor tal-Unjoni.

 

3)

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 204/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jistax japplika għall-ħlas tal-ispejjeż bħal dawk dovuti skont il-kuntratti differenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

4)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat‑18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-ispejjeż ta’ kontrogaranzija dovuti minn bank tal-Unjoni Ewropea lil bank ieħor tal-Unjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kalkolu finali jsir wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top