Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0009

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Marzu 2018.
    Kawża mressqa minn Maria Tirkkonen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE - Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ konsulenza agrikola - Eżistenza jew le ta’ kuntratt pubbliku - Sistema ta’ xiri ta’ servizzi li tikkonsisti fl-ammissjoni ta’ kull operatur ekonomiku li jissodisfa kundizzjonijiet prestabbiliti bħala fornitur - Sistema mhux miftuħa sussegwentement għal operaturi ekonomiċi oħra.
    Kawża C-9/17.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:142

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    1 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2004/18/KE – Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ konsulenza agrikola – Eżistenza jew le ta’ kuntratt pubbliku – Sistema ta’ xiri ta’ servizzi li tikkonsisti fl-ammissjoni ta’ kull operatur ekonomiku li jissodisfa kundizzjonijiet prestabbiliti bħala fornitur – Sistema mhux miftuħa sussegwentement għal operaturi ekonomiċi oħra”

    Fil-Kawża C‑9/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Jannar 2017, fil-kawża mressqa

    Maria Tirkkonen,

    fil-preżenza ta’:

    Maaseutuvirasto,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Tirkkonen, minn A. Kuusniemi‑Laine, asianajaja,

    għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u I. Koskinen, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Diċembru 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn Maria Tirkkonen fir-rigward taċ-ċaħda mill-Maaseutuvirasto (l-Aġenzija Finlandiża għall-affarijiet rurali, il-Finlandja, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) tal-offerta li hija kienet għamlet sabiex tintgħażel, bħala konsulenta fil-qasam tal-“annimali għat-trobbija, pjanijiet tas-saħħa”, fi ħdan is-sistema “Neuvo 2020 – Maatilojen neuvontajärjestelmä neuvontapalveluja” (Neuvo 2020 – Servizzi ta’ konsulenza li jaqgħu taħt is-sistema ta’ konsulenza agrikola) (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ konsulenza agrikola Neuvo 2020”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2004/18

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi b’mod partikolari:

    “[…]

    a)

    ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

    […]

    5.   ‘Qafas ta’ ftehim’ [ftehim qafas] huwa ftehim bejn wieħed jew aktar mill-awtoritajiet kuntrattwali u wieħed jew aktar mill-operaturi ekonomiċi, fejn l-għan huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw l-kuntratti li jiġu mgħotija f’ċertu perjodu stabbilit, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn huma xierqa, il-kwantità prevvista.

    […]”

    4

    Iddedikat għall-“[k]wadri ta’ ftehim [ftehim qafas]”, l-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva jipprevedi, b’mod partikolari:

    “[…]

    2.   Għall-[għan] li jiġi konkluż kwadri ta’ ftehim [ftehim qafas], awtoritajiet kontrattwanti għandhom isegwu r-regoli ta’ proċedura li sar riferiment għalihom f’din id-Direttiva għall-fażijiet kollha sal-għoti tal-kuntratti bbażati fuq dak il-kwadru ta’ ftehim. Il-partijiet f’dan il-kwadru ta’ ftehim għandhom ikunu magħżula billi jiġu applikati l-kriterji mniżżlin skond l-Artikolu 53.

    Kuntratti ibbażati fuq kwadru ta’ ftehim għandhom ikunu mogħtija skond il-proċeduri imniżżlin fil-paragrafi 3 u 4. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu applikati biss bejn l-awtoritajiet kontrattwanti u l-operaturi ekonomiċi oriġinarjament imsieħba fil-kwadru ta’ ftehim.

    Meta se jingħataw kuntratti ibbażati fuq kwadru ta’ ftehim, il-partijiet taħt l-ebda ċirkonstanza ma jistgħu jagħmlu tibdiliet sostanzjali fit-termini imniżżlin f’dak il-kwadru ta’ ftehim, partikolarment fil-każ li sar riferiment għalih fil-paragrafu 3.

    […]

    4.   Fejn kwadru ta’ ftehim hu konkluż ma’ diversi operaturi ekonomiċi, dawn ta’ l-aħħar iridu jkunu mill-inqas tlieta fin-numru, safejn ikun hemm numru biżżejjed ta’ operaturi eknonomiċi biex jissodisfaw l-kriterji ta’ għażla u/jew ta’ offerti ammissibli li huma xierqa għall-kriterji ta’ għotja.

    Kuntratti ibbażati fuq kwadri ta’ ftehim konklużi ma’ diversi operaturi ekonomiċi jistgħu jkunu mogħtija jew:

    b’applikazzjoni tat-termini mniżżlin fil-kwadru ta’ ftehim mingħajr ma’ terġa’ tinfetaħ kompetizzjoni, jew;

    fejn mhux it-termini kollha jkunu imniżżlin fil-kwadru ta’ ftehim, meta l-partijiet huma mill-ġdid f’kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ l-istess u, jekk meħtieġ, termini formulati b’aktar preċiżjoni, u, fejn xieraq, termini oħra li sar riferiment għalihom fl-ispeċifikazzjonijiet fil-kwadru ta’ ftehim, skond il-proċedura li ġejja:

    a)

    għal kull kuntratt li se jingħata, awtoritajiet kontrattwanti għandhom jikkonsultaw bil-miktub mal-operaturi ekonomiċi kapaċi li jwettqu l-kuntratt;

    b)

    awtoritajiet kontrattwanti għandhom jiffisaw limitu ta’ żmien li jkun twil biżżejjed li jippermetti offerti għal kull kuntratt speċifiku li għandu jkun sottomess, jieħdu akkont fatturi bħall-kumplessità tal-kontenut suġġettiv u ż-żmien meħtieġ sabiex jintbagħtu l-offerti;

    c)

    l-offerti għandhom jintbagħtu bil-miktub, u l-kontenut tagħhom għandu jibqa’ kunfidenzali sakemm il-limitu ta’ żmien stipulat għal tweġiba ikun skada;

    d)

    awtoritajiet kontrattwanti għandhom jagħtu kull kuntratt lil dak li jkun issottometta l-aħjar offerta fuq il-bażi tal-kriterji ta’ għotja imniżżlin fl-ispeċfikazzjonijiet tal-kwadru ta’ ftehim.”

    Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013

    5

    L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487), li jirrigwarda s-“[s]ervizzi konsultattivi, ġestjoni tal-azjendi agrikoli u servizzi ta’ skambju tal-azjendi agrikoli”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

    “L-awtoritajiet jew il-korpi magħżula biex jipprovdu pariri għandu jkollhom ir-riżorsi adatti fil-forma ta’ persunal imħarreġ regolarment u kkwalifikat, u esperjenza u affidabbiltà fir-rigward tal-oqsma li dwarhom huma jagħtu pariri. Il-benefiċjarji taħt din il-miżura għandhom jintgħażlu permezz ta’ sejħiet għall-offerti. Il-proċedura tal-għażla għandha tkun irregolata mil-liġi dwar l-akkwist pubbliku [il-kuntratti pubbliċi] u għandha tkun miftuħa għal korpi kemm pubbliċi kif ukoll dawk privati. Din għandha tkun oġġettiva u għandha teskludi kandidati b’kunflitti ta’ interess.

    […]”

    Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013

    6

    L-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, u r-rettifika ĠU 2016, L 130, p. 13), jindika:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ konsulenza għal benefiċjarji dwar il-ġestjoni ta’ artijiet u azjendi agrikoli (‘sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli’) […]”

    7

    L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rekwiżiti speċifiċi relatati mas-sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulenti li jaħdmu fis-sistema konsultattiva għall-azjendi agrikoli jkunu kwalifikati kif adatt u mħarrġin regolarment.”

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014

    8

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014, tas-17 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1305/2013 (ĠU 2014, L 227, p. 18), li jirrigwarda l-“[għ]ażla ta’ awtoritajiet jew korpi li joffru servizzi ta’ konsultazzjoni [konsulenza]”:

    “Is-sejħiet għall-offerti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom isegwu r-regoli tal-akkwist pubbliku nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli. Dawn għandhom jikkunsidraw kif xieraq il-livell ta’ kisba mill-applikanti tal-kwalifiki msemmijin f’dak l-Artikolu.”

    Id-Direttiva 2014/24/UE.

    9

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), id-Direttiva 2004/18 tħassret b’effett mit‑18 ta’ April 2016.

    Id-dritt Finlandiż

    10

    Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-laki julkisista hankinnoista (348/2007) (il-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi (348/2007)) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi”).

    11

    Barra minn hekk, l-Artikolu 45(1) tal-laki maatalouden tukien toimeenpanosta (192/2013) (il-Liġi dwar l-implementazzjoni tal-għajnuna agrikola (192/2013)), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprevedi li l-konsulenti għandhom jintgħażlu konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi u li jingħażlu u jiġu approvati għal perijodu speċifiku li jintemm mal-iskadenza tal-Programm ta’ Żvilupp Rurali tal-Finlandja Kontinentali għall-perijodu 2014‑2020. Mill-Artikolu 45(2) ta’ din il-liġi jirriżulta li sabiex jingħażel u jiġi approvat, il-konsulent għandu jkollu kompetenza suffiċjenti fir-rigward tal-kwalità u tal-portata tas-servizz u li barra minn hekk għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 46 ta’ din il-liġi.

    12

    L‑Artikolu 45(3) tal-istess liġi jimponi lill-konsulent iżomm u jiżviluppa l-kompetenzi professjonali rikjesti mis-servizz ta’ konsulenza agrikola.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika tal-Finlandja stabbiliet programm ta’ żvilupp taż-żona rurali tal-Finlandja kontinentali għall-perijodu 2014‑2020, li għaliha l-Aġenzija, permezz ta’ avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis‑16 ta’ Settembru 2014, nediet proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-għan tal-konklużjoni ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi ta’ konsulenza, fi ħdan is-sistema ta’ konsulenza agrikola Neuvo 2020, għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal‑31 ta’ Diċembru 2020.

    14

    Il-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’abbozz ta’ ftehim qafas li hija annessa mas-sejħa għal offerti.

    15

    Is-servizzi ta’ konsulenza msemmija mill-imsemmi avviż ta’ kuntratt huma proposti lill-agrikolturi u lill-operaturi oħra ta’ artijiet li ssottoskrivew lilhom infushom ma’ ftehim ambjentali li jirrigwarda l-ħlas ta’ allowances kumpensatorji fil-qasam tal-ambjent. L-agrikolturi li jixtiequ jitolbu konsulenza jistgħu jindirizzaw lilhom infushom lil konsulent, membru tas-sistema ta’ konsulenza agrikola Neuvo 2020, tal-għażla tagħhom. Dan il-konsulent għalhekk jitħallas skont ix-xogħol imwettaq, permezz ta’ remunerazzjoni fis-siegħa eskluża l-VAT imħallsa mill-Aġenzija, fejn l-agrikoltur iħallas biss l-ammont ta’ VAT.

    16

    Sabiex tkun tista’ ssir l-għażla ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ konsulenza agrikola u konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1305/2013, l-Aġenzija imponiet lill-kandidati li jixtiequ jintgħażlu f’dan ir-rigward juru li kienu kkwalifikati, imħarrġa b’mod regolari u li għandhom esperjenza bħala konsulenti fl-oqsma li fihom huma kellhom l-intenzjoni li jagħtu konsulenza.

    17

    Kif issemmi l-qorti tar-rinviju, l-Aġenzija inizjalment adottat, fit‑18 ta’ Diċembru 2014, deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt kundizzjonata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) fejn aċċettat lill-konsulenti kollha li kienu applikaw u li kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ kapaċità kif ukoll ir-rekwiżiti minimi meħtieġa fis-sejħa għal offerti u fl-annessi tagħha. Sussegwentement, l-Aġenzija, permezz ta’ deċiżjoni definittiva ta’ għoti ta’ kuntratt, aċċettat lil dawk il-kandidati li kienu għaddew b’suċċess l-eżami msemmi fl-anness tas-sejħa għal offerti.

    18

    M. Tirkkonen ma kinitx tirriżulta fost il-konsulenti aċċettati b’mod ikkundizzjonat mid-deċiżjoni kontenzjuża, peress li ma kinitx issodisfat il-punt 7 tal-formola tas-sejħa għal offerti, intitolat “Konformità tal-offerta mar-rekwiżiti formali u mas-sejħa għal offerti”, li fiha l-fornitur għandu jindika jekk jaċċettax il-modalitajiet tal-abbozz ta’ ftehim qafas anness mas-sejħa għal offerti billi jingassa l-kaxxa “iva” jew il-kaxxa “le”. Peress li kien imperattiv li jiġu aċċettati l-modalitajiet ta’ dan il-ftehim qafas, l-Aġenzija, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ċaħdet il-kandidatura ta’ M. Tirkkonen u ma awtorizzathiex temenda l-offerta tagħha billi tingassa l-kaxxa “iva” fil-punt 7 tal-imsemmija formola.

    19

    Għalhekk din tal-aħħar ikkontestat l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) sabiex tingħata d-dritt tikkompleta l-fajl tagħha tas-sejħa għal offerti u tissodisfa l-imsemmi punt 7 tal-imsemmija formola. Għal dan il-għan, hija kienet allegat li s-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkostitwixxi qafas ta’ kunsens jew ta’ awtorizzazzjoni u li għaldaqstant ma kinitx taqa’ taħt il-kunċett ta’ kuntratt pubbliku. Għalhekk, hija kienet issostni li jmissha ġiet awtorizzata tikkompleta l-offerta tagħha.

    20

    Peress li t-talba tagħha tqieset li kienet infondata, permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2015, M. Tirkkonen ippreżentat appell quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja).

    21

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà, għall-kawża prinċipali, tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi sa fejn mis-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016Falk Pharma (C‑410/14, EU:C:2016:399) jirriżulta li l-għażla ta’ offerta, u għaldaqstant tal-persuna li tagħmel l-offerta, tikkostitwixxi element intrinsikament marbut mal-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18. Madankollu, sa fejn l-offerenti kellhom jgħaddu b’suċċess minn eżami deskritt fis-sejħa għal offerti qabel ma jitħallew jiġu integrati mal-ftehim qafas anness mas-sejħa għal offerti, il-qorti tar-rinviju tosserva li dawn ir-rekwiżiti jistgħu jikkostitwixxu karatteristiċi determinanti fis-sens tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Ambisig (C‑601/13, EU:C:2015:204, punti 3132) u, għaldaqstant, jagħtu lok għall-klassifikazzjoni bħala “kuntratt pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18.

    22

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju madankollu tikkonstata, minn naħa, li s-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiddefinixxix il-kriterji ta’ għoti li abbażi tagħhom l-offerti kienu ġew ipparagunati wieħed fil-konfront tal-ieħor u, min-naħa l-oħra, li l-Aġenzija la mmarkat u laqnas ma’ pparagunat l-offerti. B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-offerenti kollha li kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din is-sejħa għal offerti u li għaddew mill-eżami msemmi fl-anness tal-imsemmija sejħa għal offerti tħallew jiġu integrati mal-ftehim qafas.

    23

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, minkejja li numru ta’ fornituri ammessi li jissottoskrivu lilhom infusjom mal-ftehim qafas ma huwiex limitat minn qabel fl-ispeċifikazzjonijiet, dan huwa l-każ fil-prattika, minħabba l-obbligu li jiġu ssodisfatti l-imsemmija rekwiżiti.

    24

    Il-qorti tar-rinviju tindika, barra minn hekk, li l-partikolarità tas-sistema ta’ ftehim li tat lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma (C‑410/14, EU:C:2016:399), kienet dovuta għall-ftuħ permanenti tagħha għall-operaturi interessati matul it-terminu ta’ żmien u l-validità kollha tagħha, liema fatt kien suffiċjenti sabiex issir distinzjoni bejn din is-sistema u ftehim qafas fis-sens tad-Direttiva 2004/18. Issa, f’dan il-każ, fornitur ta’ servizzi ta’ konsulenza ma jistax jiġi integrat iktar fis-sistema ta’ konsulenza agrikola Neuvo 2020 wara l-adozzjoni, mill-Aġenzija, tad-deċiżjoni definittiva ta’ għoti ta’ kuntratt, liema fatt jillimita n-numru ta’ operaturi ekonomiċi li jistgħu jipprovdu s-servizz ta’ konsulenza.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat li jfisser li d-definizzjoni ta’ ‘kuntratt pubbliku’ fis-sens ta’ din id-direttiva tinkludi sistema

    li permezz tagħha organu pubbliku jkollu l-intenzjoni li jikseb servizzi fis-suq matul perijodu limitat bil-quddiem, billi jikkonkludi kuntratti, suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ ftehim qafas anness mas-sejħa għal offerti, mal-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi fil-fajl ta’ sejħa għal offerti fir-rigward tal-kapaċità tal-fornituri u tas-servizz ipprovdut, u li jgħaddu minn eżami deskritt iktar preċiżament fis-sejħa għal offerti, u

    li tul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt ma jkunx iktar possibbli li ssir aderazzjoni magħha?”

    Fuq id-domanda preliminari

    26

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li tiġi kklassifikata bħala kuntratt pubbliku, fis-sens ta’ din id-direttiva, sistema ta’ konsulenza agrikola, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha entità pubblika taċċetta l-operaturi ekonomiċi kollha, ġaladarba jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kapaċità magħmula f’sejħa għal offerti, u li jkunu għaddew mill-eżami msemmi f’din is-sejħa għal offerti, u li ma taċċetta ebda operatur ġdid matul il-validità limitata ta’ din is-sistema.

    27

    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li peress li d-Direttiva 2004/18 ġiet abrogata wara d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-interpretazzjoni tagħha tibqa’ rilevanti sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

    28

    Hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, is-sistema ta’ konsulenza agrikola tagħti lok għall-konklużjoni ta’ kuntratti b’rimunerazzjoni bejn entità pubblika, li tista’ tikkostitwixxi awtorità kontraenti fis-sens tad-Direttiva 2004/18, u operaturi ekonomiċi li l-għan tagħhom hija l-provvista ta’ servizzi, liema fatt jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” iddikjarat fl-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva.

    29

    Madankollu jeħtieġ li jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2004/18 kien li jiġi eskluż ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew lill-kandidati nazzjonali waqt kull għoti ta’ kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti. Issa, dan ir-riskju huwa marbut mill-qrib mal-esklużività li tirriżulta mill-għoti tal-kuntratt speċifiku lill-operatur li l-offerta tiegħu tkun ġiet aċċettata, jew lill-operaturi ekonomiċi li l-offerti tagħhom ikunu ġew aċċettati fil-każ ta’ ftehim qafas, liema fatt jikkostitwixxi l-għan ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma, C‑410/14, EU:C:2016:399, punti 3536).

    30

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-għażla ta’ offerta, u għaldaqstant tal-persuna li tagħmel l-offerta, tikkostitwixxi element intrinsikament marbut mar-regolamentar tal-kuntratti pubbliċi minn din id-direttiva u, konsegwentement, mal-kunċett ta’ “kunratt pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma, C‑410/14, EU:C:2016:399, punt 38).

    31

    Għalhekk l-assenza ta’ għażla ta’ operatur ekonomiku li jkun ingħata esklużività ta’ kuntratt għandha l-konsegwenza li ma teżistix ħtieġa li l-azzjoni ta’ din l-awtorità kontraenti tiġi ssuġġettata għar-regoli speċifikati fid-Direttiva 2004/18 b’tali mod li din tiġi prekluża milli tagħti kuntratt billi tiffavorixxi lill-operaturi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma, C‑410/14, EU:C:2016:399, punt 37).

    32

    F’dan il-każ, għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-Aġenzija għażlitx offerta minn fost dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li hija kienet għamlet fis-sejħa għal offerti tagħha.

    33

    F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Aġenzija għandha l-intenzjoni li tikkostitwixxi “pool” importanti ta’ konsulenti li għandhom jissodisfaw ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. Issa, sa fejn l-Aġenzija taċċetta lill-kandidati kollha li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, jidher biċ-ċar, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, li hija ma twettaq ebda għażla minn fost l-offerti ammissibbli u li hija sempliċement tissorvelja l-osservanza ta’ kriterji kwalitattivi.

    34

    Il-fatt li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-aċċess għas-sistema ta’ konsulenza agrikola inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija limitata għal perijodu preliminari, li jiġi fi tmiemu meta jiġi organizzat l-eżami jew, l-iktar tard, mal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti definittiva u li, konsegwentement, ma huwiex possibbli għal konsulent, bħal M. Tirkkonen, li tiġi integrata fl-imsemmija sistema ta’ konsulenza agrikola ma tistax tqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni.

    35

    Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċirkustanza li, b’differenza tal-kuntest li ta lok għas-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma (C‑410/14, EU:C:2016:399), sistema ta’ konsulenza agrikola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tkunx miftuħa b’mod permanenti għall-operaturi ekonomiċi interessati hija nieqsa minn rilevanza. F’dan il-każ, l-element determinanti jirrigwarda l-fatt li l-awtorità kontraenti ma semma ebda kriterju ta’ għoti tal-kuntratt li jippermetti li jiġu pparagunati u kklassifikati l-offerti ammissibbli. Fl-assenza ta’ dan l-element, li hu, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 tas-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma (C‑410/14, EU:C:2016:399), intrinsikament marbut mar-regolamentazzjoni tal-kuntratti pubbliċi, sistema ta’ konsulenza agrikola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tikkostitwixxi kuntratt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18.

    36

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, anki fil-każ fejn il-verifika tal-kapaċità tal-offerenti u l-għoti tal-kuntratt isiru simultajament, dawn iż-żewġ operazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala żewġ operazzjonijiet separati rregolati minn regoli differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 1988, Beentjes, 31/87, EU:C:1988:422, punti 15 u 16, kif ukoll tal‑24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, EU:C:2008:40, punt 26).

    37

    Għalhekk il-kriterji li ma humiex intiżi sabiex jidentifikaw l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, iżda li huma essenzjalment marbuta mal-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-offerenti biex jeżegwixxu l-kuntratt in kwistjoni ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala “kriterji ta’ għotja”. Fil-fatt, kriterji li jirrigwardaw b’mod prinċipali l-esperjenza, il-kwalifiki u l-mezzi li jistgħu jiggarantixxu eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt ikkonċernat tqiesu li huma relatati mal-kapaċità tal-offerenti li jeżegwixxu dan il-kuntratt u mhux bħala “kriterji ta’ għotja”, anki fejn l-awtorità kontraenti kienet ikklassifikathom bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2008, Lianakis et, C‑532/06, EU:C:2008:40, punti 3031).

    38

    Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija affettwata bis-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Ambisig (C‑601/13, EU:C:2015:204, punti 31 sa 34), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, ikkonstatat li l-kompetenzi u l-esperjenza tal-membri tat-tim inkarigat milli jeżegwixxi kuntratt pubbliku setgħu jirriżultaw bħala kriterju ta’ għoti fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet, sa fejn il-kwalità tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tista’ tiddependi b’mod determinanti fuq il-valur professjonali tal-persuni inkarigati milli jeżegwixxu dan il-kuntratt, ikkostitwita mill-esperjenza professjonali u mit-taħriġ tagħhom, b’mod partikolari meta s-servizz li huwa s-suġġett tal-kuntratt huwa ta’ natura intellettwali u jirrigwarda servizzi ta’ taħriġ u ta’ konsulenza.

    39

    Madankollu din l-evalwazzjoni għandha tinftiehem fid-dawl taċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawża li tat lok għal din is-sentenza, jiġifieri fid-dawl tal-għażla mill-awtorità kontraenti tal-offerta li kellha l-intenzjoni li taċċetta minn fost numru ta’ offerti ammissibbli. B’dan il-mod, b’differenza mill-kawża prinċipali inkwistjoni, l-awtorità kontraenti wettqet, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Ambisig (C‑601/13, EU:C:2015:204, punti 11, 1328 sa 34), paraguni reali tal-offerti ammissibbli sabiex tidentifika l-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża. Fil-fatt, f’din l-aħħar kawża, l-esperjenza tat-tim tekniku propost kienet karatteristika intrinsika tal-offerta u ma kinitx tikkostitwixxi sempliċement kriterju tal-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-offerenza.

    40

    Mill-eżami preċedenti jirriżulta li r-rekwiżiti li jinsabu fis-sejħa għal offerti ppubblikata mill-Aġenzija ma għandhomx jikkostitwixxu kriterji ta’ għoti fis-sens tad-Direttiva 2004/18.

    41

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ konsulenza agrikola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha entità pubblika taċċetta lill-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kapaċità elenkati mis-sejħa għal offerti u li għaddew mill-eżami msemmi f’din is-sejħa għal offerti ma tikkostitwixxix kuntratt pubbliku, fis-sens ta’ din id-direttiva, anki jekk operatur ġdid ma jkunx jista’ jiġi aċċettat matul il-validità limitata ta’ din is-sistema.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li sistema ta’ konsulenza agrikola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha entità pubblika taċċetta lill-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kapaċità elenkati mis-sejħa għal offerti u li għaddew mill-eżami msemmi f’din is-sejħa għal offerti ma tikkostitwixxix kuntratt pubbliku, fis-sens ta’ din id-direttiva, anki jekk operatur ġdid ma jkunx jista’ jiġi aċċettat matul il-validità limitata ta’ din is-sistema.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Top