Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0001

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Ġunju 2018.
Petronas Lubricants Italy SpA vs Livio Guida.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte di Appello di Torino.
Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (CETA) – Riżoluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS) – Stabbiliment ta’ tribunal u ta’ tribunal tal-appell – Kompatibbiltà mad-dritt primarju tal-Unjoni – Rekwiżit ta’ osservanza tal-awtonomija tas-sistema legali tal-Unjoni – Livell ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi ffissati, konformement mal-kuntest nazzjonali tal-Unjoni, mill-istituzzjoni tagħha – Trattament ugwali bejn l-investituri Kanadiżi u dawk tal-Unjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 – Aċċess għall-qrati msemmija u indipendenza tagħhom – Artikolu 47 tal-Karta – Aċċessibbiltà finanzjarja – Impenn li din tiġi żgurata għall-persuni fiżiċi u għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju – Aspetti esterni u interni tar-rekwiżit ta’ indipendenza – Ħatra, remunerazzjoni u regoli dwar l-etika tal-membri – Rwol tal-Kumitat Konġunt taċ-CETA – Interpretazzjonijiet vinkolanti taċ-CETA ffissati mill-Kumitat.
Kawża C-1/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:478

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru°44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol – Artikolu 20(2) – Persuna li timpjega li ġiet imħarrka quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih hija ddomiċiljata – Kontrotalba tal-persuna li timpjega – Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni”

Fil-Kawża C‑1/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’Appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Petronas Lubricants Italy SpA

vs

Livio Guida,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Petronas Lubricants Italy SpA, minn L. Failla, G. Crespi u A. Valentini, avvocati,

għal L. Guida, minn U. Oliva u C. Germano, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Pucciariello, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Livio Guida, iddomiċiljat fil-Polonja, u l-persuna li kienet timpjegah, il-kumpannija rregolata mid-dritt Taljan Petronas Lubricants Italy SpA (iktar ’il quddiem “PL Italy”), stabbilita fl-Italja, dwar it-tkeċċija ta’ L. Guida minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 11, 12, 13 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 huma redatti kif ġej:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)

B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.

[…]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati, u biex jiġu eliminati problemi li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

4

Skont l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2, intitolata “Ġurisdizzjoni Speċjali” persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor “fuq kontro talba li toriġina mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha tkun pendenti t-talba oriġinali”.

5

Is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li tiġbor fiha l-Artikoli 18 sa 21 ta’ dan tal-aħħar, tipprovdi r-regoli dwar ġurisdizzjoni fil-każ ta’ kawżi dwar kuntratti individwali ta’ xogħol.

6

L-Artikolu 18(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti individwali ta’ impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5.”

7

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“Wieħed li jimpjega domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi imfittex:

1)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat, jew

2)

fi Stat Membru ieħor:

a)

fil-qrati tal-post fejn l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu jew fil-qrati ta’ l-aħħar post fejn kien jagħmel hekk, jew

b)

jekk l-impjegat ma jkunx jew inkella ma kienx abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, fil-qrati tal-post fejn ikun jinstab in-negozju li kien jimpiega lill-impjegat.”

8

Skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Wieħed li jimpjega jista’ jressaq proċedimenti biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru fejn ikun domiċiljat l-impjegat.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima m’għandhomx jinċidu fuq id-dritt ta’ kontrotalba fil-qorti li fiha, skond din it-Taqsima, tkun pendenti t-talba originali.”

9

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim dwar il-ġurisdizzjoni:

1)

li jkun seħħ wara li tkun qamet il-kwistjoni; jew

2)

li jippermetti lill-impjegat li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din is-sezzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

L. Guida kien ġie rreklutat fl-1982 minn PL Italy u fl-1996 kien ġie kkollokat mal-impriża assoċjata Pollakka Petronas Lubricants Poland sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “PL Poland”), miżmuma 100 % minn PL Italy, u ħdanha huwa eżerċita l-funzjonijiet ta’ Direttur Ġenerali, bl-istatus ta’ direttur mis-sena 1998. Fl-2001, huwa kkonkluda kuntratt ta’ xogħol parallel għal żmien determinat ma’ PL Poland, suġġett għal-liġi Pollakka, li ġie estiż permezz ta’ diversi tiġdid ta’ kuntratti suċċessivi, u li d-data ta’ skadenza tal-aħħar kuntratt kienet it-30 ta’ April 2016. Permezz ta’ żewġ ittri tas-17 u tad-29 ta’ April 2014, ġew innotifikati lilu diversi lmenti dixxiplinarji. Huwa ġie akkużat, b’mod partikolari, li talab u kiseb, diversi drabi, minn PL Poland, ir-rimbors ta’ spejjeż għal allegati trasferimenti professjonali li, fir-realtà, kienu jirrigwardaw perijodi li matulhom huwa kien bil-leave, li qarraq bi PL Italy fir-rigward tal-likwidazzjoni tal-ammonti intiżi sabiex jiggarantixxu l-valur nett tar-remunerazzjoni rċevut fi zlotys Pollakki għas-snin 2012 u 2013, billi kkomunika lil din rat tal-kambju taż-zloty Pollakk u l-euro iktar favorevoli mir-rata tal-kambju uffiċjali, u li tħallas indebitament mingħand PL Poland, bi skadenza annwali, il-konċessjoni kumpensatorja għal leave mhux meħud bejn is-snin 2008 u l-2014.

11

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Mejju 2014, L. Guida tkeċċa minn PL Italy għal allegata ġusta kawża. Permezz ta’ ittra oħra tal-istess jum, ġiet ikkomunikata lilu t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ma’ PL Poland.

12

Fil-31 ta’ Lulju 2014, L. Guida ħarrek lil PL Italy quddiem it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino, l-Italja), billi talab li tiddikjara t-tkeċċija tiegħu bħala mhux iġġustifikata u, fi kwalunkwe każ, bħala illegali, u li tikkundanna lill-PL Italy għall-ħlas tal-kumpens previst skont id-dritt Taljan kif ukoll kumpens għad-dannu morali subit minħabba n-natura dannuża tat-tkeċċija tiegħu. Għal dan il-għan, L. Guida sostna li l-ilmenti ta’ natura dixxiplinarja miġjuba kontra tiegħu kienu tardivi u ġeneriċi u li l-fatti li ġie akkużat bihom ma kinux seħħu.

13

Fil-5 ta’ Diċembru 2014, PL Italy dehret fil-proċedura quddiem il-qorti u talbet iċ-ċaħda tat-talbiet ta’ L. Guida. Permezz ta’ kontrotalba, din il-kumpannija talbet li L. Guida jiġi kkundannat għar-restituzzjoni tas-somma ta’ EUR 143 816.29 rċevuti indebitament bħala rimbors ta’ spejjeż għal trasferimenti, allowances ta’ kumpens għal leave mhux meħud u pagamenti żejda minħabba l-applikazzjoni tar-rata ta’ kambju żbaljata bejn iż-zloty Pollakk u l-euro, billi speċifikat li PL Poland kienet ittrasferietlu dawn il-krediti permezz ta’ att tat-3 ta’ Diċembru 2014.

14

L. Guida sostna li, skont l-Artikolu 20(1) u (2) u tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti Taljana ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kontrotalba ta’ PL Italy.

15

Permezz ta’ sentenza ppubblikata fl-14 ta’ Settembru 2015, it-Tribunale di Torino (il-Qorti Distrettwali ta’ Torino) ikkundannat lil PL Italy tħallas lil L. Guida s-somma ta’ EUR 100000 bħala kumpens għad-danni morali minħabba n-natura dannuża tat-tkeċċija, ċaħdet ir-rikors rigward il-kumplament u ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kontrotalba ta’ PL Italy, għall-benefiċċju tal-qrati Pollakki.

16

F’dan ir-rigward, din il-qorti kkonstatat li L. Guida kien wera, bil-provi prodotti insostenn, li kien iddomiċiljat fil-Polonja.

17

Madankollu hija qieset li, għalkemm l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi deroga mill-obbligu, għall-persuni li jimpjegaw, li jressqu azzjonijiet kontra l-impjegati tagħhom fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn tal-aħħar ikunu ddomiċiljati, din id-deroga hija applikabli biss meta l-persuna li timpjega jkollha l-intenzjoni tirrivendika krediti mnissla fl-isfera legali tagħha, iżda min-naħa l-oħra ma hijiex applikabbli meta l-persuna li timpjega tirrivendika krediti li ma kinux tagħha mill-bidu u li tkun akkwistathom sussegwentement permezz ta’ kuntratt.

18

PL Italy appellat minn din is-sentenza quddiem il-Corte d’Appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, fejn talbet l-annullament tal-kundanna għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni morali kif ukoll il-konferma tal-kontrotalba tagħha.

19

Din il-qorti tistaqsi jekk, fir-rigward tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001, huwiex possibbli għall-persuna li timpjega ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li tkun ġiet imħarrka minn ex impjegat tagħha quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun iddomiċiljata, konformement mal-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, li tressaq kontrotalba fil-konfront tal-ħaddiem quddiem l-istess qorti adita bil-kawża prinċipali.

20

Fil-każ li possibbiltà bħal din tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tikkonferixxix ġurisdizzjoni lill-qorti adita bit-talba prinċipali wkoll fil-każ fejn, minn naħa, il-kontrotalba mressqa mill-persuna li timpjega jkollha bħala suġġett kreditu mogħti minn persuna oħra, li tkun, skont kuntratt ta’ xogħol parallel, ukoll il-persuna li timpjega tal-impjegat, u, min-naħa l-oħra, il-kontrotalba tkun ibbażata fuq kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż bejn il-persuna li timpjega mħarrka u l-proprjetarju inizjali tal-kreditu f’data wara l-preżentata tat-talba prinċipali mill-impjegat.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte d’Appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti l-possibbiltà lil persuna li timpjega ddomiċiljata fit-territorju ta’ [Stat Membru], li ġiet imħarrka minn ex impjegat tagħha quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun iddomiċiljata (konformement mal-Artikolu 19 tar-Regolament), li tressaq kontrotalba fil-konfront tal-ħaddiem quddiem l-istess qorti adita bil-kawża prinċipali?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jagħti ġurisdizzjoni lill-qorti adita bil-kawża prinċipali anki fil-każ li l-kontrotalba mressqa mill-persuna li timpjega ma tirrigwardax kreditu li oriġinarjament kien tal-istess persuna li timpjega, iżda tirrigwarda kreditu li oriġinarjament kien ta’ persuna oħra (li fl-istess ħin, hija l-persuna li timpjega dan l-istess ħaddiem bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol parallel) u fejn il-kontrotalba hija bbażata fuq kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu, konkluż bejn il-persuna li timpjega u l-persuna li oriġinarjament kienet detentriċi tal-kreditu, f’data sussegwenti għat-tressiq tal-kawża prinċipali mill-ħaddiem?”

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi lill-persuna li timpjega d-dritt li tressaq, quddiem il-qorti adita b’mod regolari bit-talba prinċipali mressqa minn ħaddiem, kontrotalba bbażata fuq kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż bejn il-persuna li timpjega u d-detentur inizjali tal-kreditu f’data sussegwenti għat-tressiq ta’ din it-talba prinċipali.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, għall-kawżi relatati mal-kuntratti ta’ xogħol, is-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi serje ta’ regoli li, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, għandhom l-għan li jipproteġu lill-parti kontraenti l-iktar dgħajfa permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni l-iktar favorevoli għall-interessi ta’ din il-parti (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et, C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 49).

24

Fil-fatt, dawn ir-regoli jippermettu lill-ħaddiem li jħarrek lill-persuna li timpjegah quddiem il-qorti li jikkunsidra bħala l-iktar qrib għall-interessi tiegħu, fejn tiġi rrikonoxxuta l-possibbiltà tiegħu li jaġixxi quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun iddomiċiljata l-persuna li timpjega jew quddiem il-qorti tal-post li fih il-ħaddiem iwettaq abitwalment il-ħidma tiegħu, jew, meta dan ix-xogħol ma jitwettaqx fl-istess pajjiż, quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab l-istabbiliment tal-persuna li timpjegah. Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija sezzjoni jillimitaw ukoll il-possibbiltà ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni minn persuna li timpjega li taġixxi kontra l-impjegat kif ukoll il-possibbiltà li ssir eċċezzjoni għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mill-imsemmi regolament (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et, C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 50).

25

Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fis-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 huma ta’ natura mhux biss speċjali, iżda wkoll eżawrjenti (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et, C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 51).

26

Fir-rigward tal-kontrotalbiet, ir-regola prevista fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ġiet inkorporata fl-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament (sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline, C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 22).

27

Madankollu, mill-kliem stess tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-invokazzjoni, mill-ħaddiem, tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tiegħu ma għandux jaffettwa d-dritt li titressaq kontrotalba quddiem il-qorti adita bit-talba prinċipali.

28

Minn dan isegwi li, sakemm l-għażla, għall-ħaddiem, tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina t-talba tiegħu tiġi rrispettata, l-għan li jiġi privileġġat dan il-ħaddiem ikun intlaħaq u ma hemmx lok li tiġi llimitata l-possibbiltà li tiġi eżaminata din it-talba flimkien mal-kontrotalba fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

29

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kontrotalba” li ma huwiex iddefinit mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001, fir-rigward ta’ dak li tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “kontrotalba” li jinsab fl-Artikolu 6(3) kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-forum speċjali tal-kontrotalba jagħmilha possibbli lill-partijiet sabiex dawn iħallu l-pretensjonijiet reċiproċi tagħhom, li għandhom oriġini komuni, jiġu deċiżi fl-istess proċedura u quddiem l-istess qorti. B’dan il-mod jiġu evitati proċeduri superfluwi u multipli (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2016, Kostanjevec, C‑185/15, EU:C:2016:763, punt 37).

30

Tali oriġini komuni tat-talba prinċipali u l-kontrotalba tista’ tinsab f’kuntratt jew, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’sitwazzjoni fattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li L. Guida kien ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol ma’ PL Italy, proprjetarja 100 % ta’ PL Poland, qabel ma kkonkluda kuntratt ta’ xogħol speċifiku “parallel” magħha, li fuqu PL Italy ibbażat il-kontrotalba tagħha. Anki jekk il-proċedura mibdija minn L. Guida tirrigwarda l-kuntratt inizjali, it-tkeċċija tiegħu minn PL Italy, li L. Guida qed jikkontesta f’din il-proċedura, għandha bħala oriġini l-istess fatti bħal dawk li fuqha hija bbażata l-kontrotalba mressqa minn PL Italy.

32

F’ċirkustanzi bħal dawn, għandu jitqies li l-pretensjonijiet reċiproċi ta’ L. Guida u ta’ PL Italy għandhom oriġini komuni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza u li, għaldaqstant, il-qorti adita bit-talba prinċipali għandha l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kontrotalba.

33

Fl-aħħar nett, peress li l-qorti li quddiemha tressqet it-talba prinċipali mressqa mill-ħaddiem ma hijiex magħrufa bil-quddiem mill-persuna li timpjega, ma jistax ikun rilevanti li din ma akkwistatx il-krediti li fuqhom hija bbażata l-kontrotalba wara li ġiet adita din il-qorti.

34

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonferixxi lill-persuna li timpjega d-dritt li tressaq, quddiem il-qorti adita b’mod regolari bit-talba prinċipali mressqa minn ħaddiem, kontrotalba bbażata fuq kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż bejn il-persuna li timpjega u d-detentur inizjali tal-kreditu f’data sussegwenti għat-tressiq tat-talba oriġinali.

Fuq l-ispejjeż

35

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonferixxi lill-persuna li timpjega d-dritt li tressaq, quddiem il-qorti adita b’mod regolari bit-talba prinċipali mressqa minn ħaddiem, kontrotalba bbażata fuq kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu konkluż bejn il-persuna li timpjega u d-detentur inizjali tal-kreditu f’data sussegwenti għat-tressiq tat-talba oriġinali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top