Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0558

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2018.
    OZ vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
    Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Fastidju sesswali – Investigazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-programm ‘Dignity at work’ – Ċaħda ta’ lment minħabba fastidju – Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI li tiċħad l-ilment – Kumpens għad-dannu.
    Kawża C-558/17 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:930

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2018 ( 1 )

    Kawża C‑558/17 P

    OZ

    vs

    Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

    “Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Fastidju sesswali – Ilment – Investigazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-programm ‘Dignity at work’ – Ċaħda tal-ilment – Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI li jiċħad l-ilment – Talba għall-kumpens għad-dannu kkawżat mill-aġir tal-BEI”

    I. Introduzzjoni

    1.

    L-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni Ewropea għandhom jipproteġu l-persunal tagħhom kontra kull forma ta’ intimidazzjoni u fastidju fuq il-post tax-xogħol. Għal dan il-għan, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) adotta regoli interni msejħa “Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol”.

    2.

    F’dan il-każ, l-appellanti ppreżentat “ilment” skont dawn ir-regoli quddiem il-BEI, minħabba fastidju sesswali li hija tallega li ġarrbet min-naħa tas-superjuri ġerarkiku tagħha sa mis-sena 2011 sakemm bidlet il-pożizzjoni tagħha matul is-sena 2012. Skont l-appellanti, il-proċedura interna ta’ investigazzjoni li kienet infetħet wara l-preżentazzjoni tal-ilment tagħha kienet ivvizzjata b’diversi żbalji li, fl-aħħar mill-aħħar, wasslu għaċ-ċaħda tal-ilment tagħha.

    3.

    Minbarra ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, l-appellanti tinvoka b’mod partikolari l-illegalità tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi tal-ħajja privata tagħha sempliċement sabiex titqiegħed inkwistjoni l-kredibbiltà tagħha.

    4.

    Id-diffikultà li jiġi pprovat fastidju hija inerenti għan-natura u għall-mod ta’ twettiq ta’ dan it-tip ta’ aġir. Għalhekk, deċiżjoni amministrattiva intiża sabiex tistabbilixxi r-realtà ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju, meħuda fit-tmiem ta’ proċedura ta’ investigazzjoni, hija dejjem ibbażata, tal-inqas sa ċertu punt, fuq opinjonijiet jew evalwazzjonijiet dwar aspetti tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-osservanza tar-regoli proċedurali li jirregolaw il-proċess deċiżjonali għandha importanza partikolari.

    5.

    Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar liema rekwiżiti proċedurali għandhom jiġu ssodisfatti minn proċedura amministrattiva ta’ investigazzjoni dwar fastidju. Din il-kawża tqajjem, għalhekk, il-kwistjoni tal-fondatezza ta’ ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tal-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li fil-kuntest ta’ lment dwar fastidju, id-drittijiet proċedurali li għandhom jingħataw lill-persuna akkużata b’fastidju huma distinti minn dawk, iktar limitati, li għandu l-lanjanti li jqis li huwa vittma ta’ fastidju ( 2 ).

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea

    6.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea kif emendati bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ( 3 ) jistabbilixxi:

    “Il-Komunitajiet għandhom jassistu kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu.”

    B. Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI

    7.

    Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, adottati fl-20 ta’ April 1960 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI, fil-verżjoni tagħhom irreveduta bid-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tal-4 ta’ Ġunju 2013, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013, jipprovdu, fl-Artikolu 41 tagħhom:

    “Kull tilwima ta’ natura individwali bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Kull azzjoni ta’ membru tal-persunal kontra miżura tal-Bank li tista’ tikkawżalu preġudizzju għandha ssir fi żmien tliet xhur.

    Barra l-azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja […] u qabel l-introduzzjoni tagħha, kull tilwima, minbarra dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ miżuri previsti fl-Artikolu 38, għandhom ikunu s-suġġett ta’ proċedura bonarja quddiem il-Kummissjoni ta’ Konċiljazzjoni tal-Bank.

    It-talba għal konċiljazzjoni għandha ssir fi żmien tliet xhur [li jibdew] minn meta jseħħu l-fatti jew min-notifika tal-miżuri li huma s-suġġett tat-tilwima. […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    C. Il-Politika tal-BEI fil-qasam tar-rispett tad-dinjità tal-persuna fuq ix-xogħol

    8.

    Ir-regoli tal-BEI dwar il-politika fil-qasam tar-rispett tad-dinjità tal-persuna fuq ix-xogħol (iktar ’il quddiem il-“Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol”), adottati mill-BEI fit-18 ta’ Novembru 2003 ( 4 ), jipprovdu:

    “Il-proċedura ta’ investigazzjoni

    […]

    Il-proċedura ta’ investigazzjoni għandha tinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

    […]

    għandu jitwaqqaf Bord ta’ Investigazzjoni kompost minn tliet persuni indipendenti […],

    il-Bord ta’ Investigazzjoni għandu jorganizza numru ta’ laqgħat sabiex jisma’, separatament, liż-żewġ partijiet, lil kwalunkwe xhieda u lil kull persuna oħra li jkun jixtieq jagħmillha mistoqsijiet,

    iż-żewġ partijiet għandhom id-dritt li jinstemgħu mill-Bord ta’ Investigazzjoni,

    iż-żewġ partijiet għandhom id-dritt li jkunu rrappreżentati jew assistiti,

    il-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Bord ta’ Investigazzjoni għandhom iwasslu għal rakkomandazzjoni li tiġi ppreżentata lill-President,

    il-President għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

    Il-kompiti u l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni

    Il-kompitu tal-Bord ta’ Investigazzjoni għandu jkun li jipprovdi struttura li tiggarantixxi investigazzjoni oġġettiva u indipendenti fir-rigward ta’ avveniment wieħed jew iktar, li għandha twassal għal rakkomandazzjoni lill-President, li għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

    […]

    Il-proċedura

    […]

    2.

    Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Persunal, bi qbil mar-rappreżentanti tal-persunal, għandu jipproponi l-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni lill-President u għandu jistabbilixxi data għall-bidu tal-investigazzjoni, li ma għandhiex tkun iktar tard minn 30 ġurnata tal-kalendarju wara li jasal l-ilment.

    3.

    Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Persunal għandu jikkonferma immedjatament li rċieva l-memorandum tal-membru tal-persunal ikkonċernat u għandu jikkonferma l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni […]

    4.

    Malli jasal il-memorandum tal-lanjant, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Persunal għandu

    […]

    d.

    jindika li l-investigazzjoni ser tibda fi żmien 30 ġurnata tal-kalendarju mill-preżentata uffiċjali tal-ilment quddiem id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Persunal u li ż-żewġ partijiet ser jiġu nnotifikati dwar id-data, il-ħin u l-post tas-smigħ individwali tagħhom, dwar id-dritt tagħhom li jkunu rrappreżentati jew assistiti u dwar il-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni.

    […]

    Is-smigħ

    L-iskop tas-smigħ għandu jkun li jiġi stabbilit eżattament x’ġara u li jiġbor il-fatti sabiex tkun tista’ titfassal rakkomandazzjoni motivata. Il-partijiet ma għandhomx id-dritt li jwettqu kontroeżami għaliex għandhom jinstemgħu separatament. Huma ma għandhomx ikunu obbligati jiddeskrivu dettalji mhux pjaċevoli jew imbarazzanti sa fejn dan ma jkunx assolutament meħtieġ. Il-partijiet kollha involuti fl-investigazzjoni u fis-smigħ, inklużi l-assistenti u x-xhieda, huma mfakkra li huma marbuta bi dmir ta’ kunfidenzjalità.

    […]

    Il-Bord ta’ Investigazzjoni jista’ jadotta kwalunkwe proċedura li fil-fehma tiegħu tkun adegwata. B’mod ġenerali, is-smigħ għandu jieħu l-forma ta’ sensiela ta’ laqgħat separati miżmuma b’dan l-ordni:

    l-ewwel, il-lanjant,

    kwalunkwe xhieda msemmija mil-lanjant,

    il-persuna akkużata b’fastidju,

    kwalunkwe xhieda msemmija mill-persuna akkużata b’fastidju,

    jekk il-Bord ta’ Investigazzjoni jqis li dan huwa meħtieġ, iż-żewġ partijiet jistgħu jissejħu għal smigħ ġdid separat.

    Jekk ikun meħtieġ, il-Bord ta’ Investigazzjoni jista’ jagħmel mill-ġdid mistoqsijiet lill-persuni involuti u jista’ anki jsejjaħ membri oħra tal-persunal jew jitlob informazzjoni jew kopji ta’ dokumenti jekk, b’mod kollettiv, iqis li dan huwa ġġustifikat u rilevanti. Fil-każ ta’ dubju, il-President għandu jiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta ma’ aċċess għal fajls u data jew dwar l-użu ta’ metodi ta’ investigazzjoni oħra, wara li jikkonsulta lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jekk dan ikun meħtieġ. Il-Bord ta’ Investigazzjoni għandu jinforma lil-lanjant fil-każ ta’ investigazzjonijiet addizzjonali.

    L-eżitu tal-investigazzjoni

    Meta jkunu nstemgħu l-partijiet kollha u meta jintemmu investigazzjonijiet adegwati oħra li jistgħu jitwettqu, il-Bord ta’ Investigazzjoni huwa mistenni li jkun jista’ jasal għal deċiżjoni u jagħmel rakkomandazzjoni motivata. Huwa ma għandux is-setgħa li jagħti deċiżjonijiet.

    Il-Bord ta’ Investigazzjoni jista’ jirrakkomanda:

    li l-każ għandu jitwaqqaf għaliex iż-żewġ partijiet jkun irnexxielhom jiċċaraw is-sitwazzjoni u tkun instabet soluzzjoni għall-futur li tkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet, jew

    li l-każ ma għandux jitqies li jikkostitwixxi intimidazzjoni jew fastidju iżda tilwima fuq il-post tax-xogħol li għandha tiġi eżaminata f’iktar dettall jew li għandha tiġi ssorveljata, jew

    li l-ilment għandu jiġi miċħud, jew

    li l-miżuri meħtieġa għandhom jittieħdu jekk jikkonstata li l-ilment ma huwiex fondat jew huwa malizzjuż, jew

    li għandha tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari.

    Ir-rakkomandazzjoni bil-miktub tal-Bord ta’ Investigazzjoni għandha ssir fi żmien ħamest’ ijiem mit-tmiem tal-investigazzjoni u għandha tintbagħat lill-President sabiex dan jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

    Id-deċiżjoni tal-President

    […]

    Sa mhux iktar tard minn ħamest’ ijiem ta’ xogħol minn meta r-rakkomandazzjoni tintbagħat lill-President, iż-żewġ partijiet għandhom jiġu informati bil-miktub dwar id-deċiżjoni motivata tal-President. Ir-rakkomandazzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni għandha tkun inkluża ma’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

    9.

    Fl-1 ta’ Diċembru 2008, l-appellanti, OZ, kienet irreklutata mill-BEI, fejn hija ħadmet sa mill-aħħar tas-sena 2009 f’dipartiment li fih is-Sur F. kien jeżerċita l-funzjoni ta’ koordinatur tal-persunal. F’Settembru 2012, l-appellanti bidlet il-pożizzjoni tagħha. F’Jannar 2014, l-appellanti indikat lill-Kap tad-Diviżjoni tagħha li dan it-tibdil ta’ pożizzjoni kien marbut ma’ fastidju sesswali li hija tqis li ġarrbet sa mis-sena 2011 min-naħa tas-Sur F.

    10.

    Fl-20 ta’ Mejju 2015, l-appellanti ppreżentat ilment quddiem id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Persunal tal-BEI li fih hija ddikjarat li kienet vittma ta’ fastidju sesswali min-naħa tas-Sur F.

    11.

    Fit-18 ta’ Ġunju 2015, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Persunal informa lill-appellanti li, wara l-ilment tagħha, kienet infetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni”) skont ir-regoli interni dwar il-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol.

    12.

    Fis-26 ta’ Ġunju 2015, ġie uffiċjalment maħtur il-Bord ta’ Investigazzjoni u l-appellanti ġiet informata bil-fatt li s-smigħ kien ser jinżamm fl-20 ta’ Lulju ta’ wara.

    13.

    Fis-17 ta’ Settembru 2015, il-Bord ta’ Investigazzjoni bagħat ir-rapport tiegħu lill-President tal-BEI (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni”).

    14.

    Fir-rapport tiegħu, il-Bord espona r-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu kif ġej: l-allegazzjonijiet tal-appellanti ma setgħux jiġu kkonfermati minħabba assenza ta’ xhieda li assistew għall-atti allegati. Mill-banda l-oħra, ix-xhieda kollha qablu dwar il-fatt li kellhom għaliex jinkwetaw dwar is-saħħa tal-appellanti. Ir-relazzjoni mal-ex sieħeb tagħha kienet spiċċat b’mod trawmatiku u kienet tilfet ħafna piż wara dan. Barra minn hekk, l-appellanti kienet impazjenti sabiex tavvanza fil-karriera tagħha u kellha karattru manipulattiv li jista’ jikkawża problemi serji lil persuni oħra. Hija kellha wkoll diffikultajiet sabiex taċċetta kull forma ta’ kritika. Finalment, il-Bord irrakkomanda lill-appellanti tistaqsi kif jista’ jkollha spirtu ta’ tim aħjar u ssib attitudni pożittiva.

    15.

    Fis-16 ta’ Ottubru 2015, il-President tal-BEI ddeċieda li jiċħad l-ilment ippreżentat mill-appellanti billi bbaża ruħu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Investigazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-President tal-BEI”), filwaqt li annetta r-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni mal-imsemmija deċiżjoni.

    16.

    Wara d-deċiżjoni tiegħu, il-President tal-BEI reġa’ talab kjarifiki mingħand il-Bord ta’ Investigazzjoni fid-dawl tal-possibbiltà li tinfetaħ proċedura dixxiplinari, u l-Bord bagħat l-osservazzjonijiet finali tiegħu fit-12 ta’ Jannar 2016. Sussegwentement, l-appellanti ppreżentat talba għal konċiljazzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI.

    17.

    Fid-29 ta’ Ġunju 2016, skont il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Konċiljazzjoni tat-22 ta’ April 2016, il-President tal-BEI kkonstata li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma rnexxietx.

    18.

    Fit-22 ta’ Lulju 2016, l-appellanti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż sabiex tikseb, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI kif ukoll tar-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni u l-kundanna tal-BEI sabiex iħallasha ammont ta’ EUR 20000 bħala kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet kif ukoll ammont ta’ EUR 977 (VAT inkluża) u ammont bil-quddiem ta’ EUR 5850 bħala ħlas tal-ispejjeż mediċi tagħha wara l-imsemmi dannu.

    19.

    Insostenn tar-rikors fl-ewwel istanza tagħha, l-appellanti invokat, essenzjalment, żewġ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tar-regoli tal-proċedura ta’ investigazzjoni kif ukoll tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) peress li diversi stadji tal-proċedura ta’ investigazzjoni ma kinux osservati. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta peress li r-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni tal-President tal-BEI jinkludu elementi ta’ ġustifikazzjoni li jaqgħu fil-ħajja privata tal-appellanti, li b’mod partikolari jirrigwardaw is-saħħa psikoloġika tagħha, li ma kinux rilevanti fid-dawl tal-għan tal-investigazzjoni. L-appellanti qieset li dawn l-illegalitajiet kienu ta’ natura li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI kif ukoll l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BEI.

    20.

    Fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2017 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 5 ), il-Qorti Ġenerali ċaħdet qabel xejn it-talbiet għad-danni kollha tal-appellanti billi qieset li ebda wieħed mill-motivi invokati mill-appellanti ma kien jikkostitwixxi illegalità li setgħet tiġi attribwita lill-BEI. Imbagħad, peress li l-appellanti sostniet li l-illegalitajiet allegati fir-rigward tat-talbiet għal annullament kienu jikkorrispondu għall-aġir ikkritikat lill-BEI fir-rigward tat-talbiet għad-danni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm lok li tiċħad ukoll it-talbiet għal annullament.

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    21.

    Permezz ta’ nota tat-22 ta’ Settembru 2017, l-appellanti ppreżentat dan l-appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

    22.

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

    tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-BEI tas-16 ta’ Ottubru 2015 li ma jilqax l-ilment dwar fastidju sesswali ppreżentat mill-appellanti u tannulla r-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni tal-BEI tal-14 ta’ Settembru 2015 (inkluż iċ-ċensura tar-rapport kif deskritt aħjar iktar ’il quddiem);

    tordna r-riżarċiment tal-ispejjeż mediċi naxxenti mid-dannu mġarrab mill-appellanti (i) fl-ammont ta’ EUR 977 sal-lum (inkluż il-VAT) u (ii) fl-ammont provviżorju ta’ EUR 5850 għal spejjeż mediċi futuri;

    tikkundanna lill-BEI għad-danni fir-rigward tad-dannu morali mġarrab li jammonta għal EUR 20000;

    tikkundanna lill-BEI għar-rimbors tal-ispejjeż legali sostnuti fil-kuntest ta’ din il-proċedura li jammontaw għal EUR 35100 (VAT inkluża);

    tikkundanna lill-BEI għar-rimbors tal-ispejjeż legali ta’ din il-proċedura tal-appell u ta’ dawk tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

    tordna li l-kawża tintbagħat lura sabiex tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura dwar il-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol mill-BEI; u/jew deċiżjoni ġdida mill-President tal-BEI.

    23.

    Min-naħa tiegħu l-BEI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell;

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    24.

    L-appellanti kif ukoll il-BEI kienu rrappreżentati waqt is-seduta tas-26 ta’ Settembru 2018.

    V. Analiżi

    25.

    L-appellanti tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 6 tal-KEDB, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 8 tal-KEDB u, it-tielet nett, fuq ċaħda tal-ġustizzja.

    26.

    L-ewwel aggravju jirrigwarda, essenzjalment, l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol u tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB. Dan l-aggravju huwa diviż f’erba’ partijiet li jirrigwardaw żbalji differenti allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali: id-determinazzjoni żbaljata tal-portata tad-drittijiet proċedurali li għandu lanjanti, l-assenza ta’ konsegwenzi għan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini li jirregolaw il-proċedura ta’ investigazzjoni, l-evalwazzjoni żbaljata tal-kompożizzjoni ġusta tal-Bord ta’ Investigazzjoni u ċ-ċaħda tal-argumenti tal-appellanti li jikkontestaw it-trattament kunfidenzjali tal-ilment tagħha.

    27.

    It-tieni u t-tielet aggravji jirrigwardaw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex juru l-illegalità, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 tal-KEDB, ta’ diversi elementi inklużi fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-President tal-BEI sabiex jiċħad l-ilment bħala infondat.

    A. Fuq l-ammissibbiltà

    28.

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-President tal-BEI tas-16 ta’ Ottubru 2015, minkejja li kien ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2016, jiġifieri iktar minn disa’ xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma kienx inammissibbli ( 6 ). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI ( 7 ) għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jiġi interrott matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni mibdija skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 41 ta’ dawn l-istess regolamenti ( 8 ). Minkejja li din il-proċedura ma hijiex obbligatorja, l-użu tagħha ma jistax jippreġudika d-dritt tal-persuna kkonċernata li tadixxi l-qorti tal-Unjoni ( 9 ). Din hija r-raġuni għaliex għandu jitfakkar li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri biss mid-data tad-deċiżjoni finali li tikkonstata li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma rnexxietx, f’dan il-każ mid-29 ta’ Ġunju 2016.

    29.

    Fit-tieni lok, il-BEI jqajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra l-appell. Huwa jsostni, l-ewwel nett, li l-appell ma jirreferi għal ebda punt speċifiku tas-sentenza appellata u, it-tieni nett, li essenzjalment jirriproduċi biss argumenti diġà esposti fir-rikors tal-ewwel istanza.

    30.

    Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fiha nuqqasijiet fattwali peress li fil-fatt ir-rikors tal-appell jirreferi, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, għal punti speċifiċi tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jimponix obbligu formali li jiġu ċċitati l-punti nnumerati tas-sentenza appellata. Huwa suffiċjenti li l-argumenti magħmula fir-rikors tal-appell jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li allegatament ikun ivvizzjat bi żbalji ta’ liġi b’mod li tkun tista’ teżerċita l-missjoni li hija għandha fil-qasam ikkonċernat u twettaq l-istħarriġ tal-legalità tagħha ( 10 ).

    31.

    Għal dak li jirrigwarda t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu jiġi nnotat li l-parti l-kbira tal-argumenti magħmula mill-appellanti jirrigwardaw essenzjalment l-evalwazzjoni tad-dritt magħmula mill-Qorti Ġenerali. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta parti tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi fl-appell ( 11 ).

    32.

    Madankollu, dan ma japplikax għall-argumenti tal-appellanti li jirrigwardaw iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ilment dwar il-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni u t-trattament kunfidenzjali tal-ilment (it-tielet u r-raba’ parti tal-ewwel aggravju). F’dan ir-rigward, l-appellanti tirrepeti biss l-argumenti ta’ natura fattwali diġà magħmula fl-ewwel istanza. Hija ssostni b’mod partikolari l-kritika tagħha li l-persuni maħtura ma kellhomx il-kwalifiki u l-imparzjalità meħtieġa u tfittex għalhekk li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali mingħajr madankollu ma tinvoka żnaturament tagħhom. Għalhekk, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell huwa limitat għall-punti ta’ ligi.

    33.

    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda t-talba tal-appellanti intiża għaċ-ċensura tal-elementi meqjusa illegali fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punti 22 u 23 tas-sentenza appellata, li l-qrati tal-Unjoni ma għandhomx kompetenza sabiex jagħtu ordnijiet lill-istituzzjonijiet ( 12 ). Barra minn hekk, l-appellanti ma kkontestatx din il-parti tas-sentenza fir-rikors tal-appell tagħha. Għalhekk, dan il-kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud mill-ewwel bħala inammissibbli.

    34.

    Bl-istess mod, għalkemm l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI jista’ ċertament jagħti lok għall-ftuħ eventwali ta’ proċedura ta’ investigazzjoni ġdida fi ħdan il-BEI, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tordna dan il-ftuħ mill-ġdid, peress li hija l-amministrazzjoni li għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ). Għalhekk l-aħħar kap tat-talbiet tal-appell huwa inammissibbli wkoll.

    B. Fuq il-mertu

    35.

    L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja kemm l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI u l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BEI.

    36.

    Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-iżbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali humiex ta’ natura li jiġġustifikaw l-annullament tas-sentenza appellata (parti 1 u 2 iktar ’il quddiem). Fl-affermattiv, għandu jiġi kkunsidrat, fit-tieni lok, jekk il-kawża hijiex fi stat li tiġi deċiża u jekk l-iżbalji allegati lill-BEI jiġġustifikawx, jekk ikun il-każ, l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI kif ukoll l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BEI (parti 3 iktar ’il quddiem).

    1.   Fuq l-appell

    a)   Fuq l-ewwel aggravju

    37.

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, wara li eżaminat l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ investigazzjoni, li l-irregolaritajiet invokati mill-appellanti ma kinux jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha skont l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB u għalhekk ma kinux jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI, u lanqas l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BEI.

    1) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq determinazzjoni żbaljata tal-portata tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti

    38.

    L-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedurali tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 6 tal-KEDB meta, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li d-drittijiet tal-lanjanti fi proċedura ta’ investigazzjoni dwar fastidju sesswali skont il-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol huma iktar limitati minn dawk li għandu l-individwu akkużat. Billi bbażat ruħha fuq din il-premessa żbaljata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-illegalitajiet proċedurali invokati mill-appellanti.

    39.

    B’mod iktar preċiż, l-appellanti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, il-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti meta qieset li huwa leġittimu li l-Bord ta’ Investigazzjoni ma kienx ikkomunikalha d-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u tal-persuni li nstemgħu waqt l-investigazzjoni li servew bħala bażi għad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment.

    40.

    Fit-tieni lok, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li huwa suffiċjenti li l-Bord ta’ Investigazzjoni sema’ biss tnejn mill-ħdax-il xhud proposti mill-appellanti għar-raġuni li ma huwiex obbligat jisma’ x-xhieda kollha proposti minn parti fil-proċedura.

    41.

    Fit-tielet lok, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li huwa legali l-fatt li l-Bord ta’ Investigazzjoni ċaħad ir-rapporti mediċi pprovduti mill-appellanti insostenn tal-ilment tagħha peress li dawn ir-rapporti kienu ġew redatti wara li seħħew il-fatti kontenzjużi. Għalhekk, billi llimitat il-possibbiltajiet tagħha li tipprovdi provi, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tal-appellanti u d-drittijiet tad-difiża tagħha.

    42.

    It-tweġiba tal-Qorti Ġenerali għall-ilmenti mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza bbażati fuq in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tagħha mill-BEI matul il-proċedura ta’ investigazzjoni hija bbażata fuq ġurisprudenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ( 14 ), ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali ( 15 ), li tipprovdi li s-sitwazzjoni ta’ lanjanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni dwar fastidju morali ma tistax tiġi assimilata ma’ dik tal-persuna li hija s-suġġett tal-ilment u li, għalhekk, il-lanjanti ma jistax jipprevalixxi mill-istess drittijiet proċedurali bħall-persuna akkużata.

    43.

    Peress li din il-ġurisprudenza kienet żviluppata fil-kuntest ta’ kawżi rregolati mir-Regolamenti tal-Persunal, qabel xejn għandhom jitfakkru l-karatteristiċi prinċipali tal-proċedura li tinfetaħ wara talba għal assistenza skont ir-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-proċedura ta’ investigazzjoni li hija inkwistjoni f’dan il-każ (punt i). Imbagħad ser nislet il-konklużjonijiet dwar id-drittijiet proċedurali li għandhom jingħataw lid-diversi persuni kkonċernati fil-kuntest ta’ tali proċedura (punt ii). Finalment, ser neżamina jekk dawn ir-rekwiżiti ġewx osservati f’dan il-każ (punt iii).

    i) Il-proċeduri amministrattivi ta’ investigazzjoni dwar fastidju fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni

    44.

    L-obbligu tal-amministrazzjoni tal-Unjoni li tintervjeni insostenn ta’ membru tal-persunal li jqis li huwa vittma ta’ fastidju jew ta’ kull forma ta’ intimidazzjoni oħra jirriżulta mid-dmir ta’ assistenza tal-imsemmija amministrazzjoni li, fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ impjieg irregolati mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, huwa previst fl-Artikolu 24 tal-istess regolamenti. Il-preżentazzjoni ta’ talba għal assistenza skont ir-Regolamenti tal-Persunal hija segwita minn investigazzjoni amministrattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-fatti u sabiex, b’konoxxenza tal-kawża, tislet il-konsegwenzi xierqa. Għalhekk l-investigazzjoni amministrattiva ma għandhiex l-għan li tissanzjona aġir, iżda hija intiża qabel xejn sabiex tistabbilixxi jekk l-amministrazzjoni għandhiex tintervjeni insostenn tal-uffiċjal ( 16 ). Għal dan il-għan, huwa suffiċjenti li tintwera prima facie r-realtà tal-allegazzjonijiet mingħajr madankollu ma jiġi antiċipat ir-riżultat ta’ proċedura dixxiplinari eventwali miftuħa sussegwentement ( 17 ).

    45.

    B’mod simili, il-Politika tal-BEI fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol tipprovdi, fir-rigward tar-relazzjonijiet ta’ impjieg irregolati mir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, proċedura formali li fil-kuntest tagħha l-allegata vittma jkollha l-possibbiltà li tippreżenta uffiċjalment ilment li jibda l-proċedura ta’ investigazzjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-proċedura hija distinta mill-proċedura ta’ investigazzjoni li tinfetaħ wara talba għal assistenza skont ir-Regolamenti tal-Persunal ( 18 ). Fil-fatt, il-proċedura inkwistjoni f’din il-kawża tipprevedi bħala eżitu tal-proċedura mhux biss iċ-ċaħda tal-ilment jew il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-persuna akkużata b’fastidju, iżda wkoll il-ftuħ ta’ tali proċedura fir-rigward tal-allegata vittma jekk l-ilment jiġi deċiż li huwa infondat jew magħmul in mala fide. Għalhekk, f’dan ir-rigward, hija tmur lil hinn mill-proċedura prevista wara talba għal assistenza skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

    ii) Fuq id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati fi proċedura ta’ investigazzjoni dwar fastidju

    46.

    Reċentement il-Qorti Ġenerali kellha l-okkażjoni tfakkar il-kuntest li fih ġiet żviluppata l-ġurisprudenza dwar it-talbiet għal assistenza skont ir-Regolamenti tal-Persunal, imsemmija fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll tippreċiża l-portata tagħha ( 19 ).

    47.

    Minn dawn il-preċiżazzjonijiet jirriżulta li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali la tillimita d-drittijiet proċedurali ta’ lanjanti fi proċedura ta’ investigazzjoni dwar fastidju bħala tali, u lanqas ma tagħtih, a priori, pożizzjoni inqas favorevoli minn dik tal-persuna akkużata, li allegatament hija responsabbli għall-fastidju ( 20 ). Għalhekk, għandha pjuttost issir distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċedura amministrattiva ta’ investigazzjoni mibdija permezz tat-talba għal assistenza skont ir-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, il-proċedura dixxiplinari li, jekk ikun il-każ, tinfetaħ wara ( 21 ). Filwaqt li l-proċedura amministrattiva hija rregolata, skont il-Qorti Ġenerali, bħala prinċipju, mid-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 41 tal-Karta, id-drittijiet tad-difiża proprja huma applikabbli biss fl-istadju tal-proċedura dixxiplinari ( 22 ).

    48.

    Ċertament, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li hija ġurisprudenza stabbilita li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċeduri kollha miftuħa kontra persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ kwalunkwe regoli dwar il-proċedura inkwistjoni ( 23 ). Madankollu, peress li r-rwol tal-persuna li ppreżentat talba għal assistenza jikkonsisti essenzjalment fil-kollaborazzjoni tagħha fit-tmexxija tajba tal-investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li din il-proċedura ma tistax titqies li nfetħet kontra din il-persuna ( 24 ). Mill-banda l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-persuna akkużata b’fastidju għandha, sa mill-bidu tal-proċedura, tkun f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha mill-akkużi li jirrigwardawha ( 25 ). Għalhekk, huwa minħabba r-rwoli rispettivi tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’diversi sentenzi, li d-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati huma distinti.

    49.

    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 41 tal-Karta japplika għal kull proċedura amministrattiva indipendentement min-natura akkużatorja jew investigattiva tagħha u jistabbilixxi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ miżura sfavorevoli kontra tagħha. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ kontradittorju japplika wkoll għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ persuna ( 26 ). Għalhekk, ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni definittiva dwar jekk proċedura amministrattiva ta’ investigazzjoni, kemm jekk hija rregolata mir-Regolamenti tal-Persunal jew mir-regoli tal-Politika tal-BEI fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ( 27 ).

    50.

    Filwaqt li huwa minnu li l-persuna akkużata b’fastidju għandha r-riskju tal-adozzjoni ta’ miżura sfavorevoli fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta, jiġifieri d-deċiżjoni li jingħata segwitu lit-talba għal assistenza, sa mill-bidu tal-proċedura, għandu jiġi nnotat ukoll li l-proċedura ta’ investigazzjoni tista’ taffettwa wkoll b’mod sfavorevoli lill-persuna li għamlet din it-talba. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, matul il-proċedura, it-talba għal assistenza tiġi miċħuda ( 28 ). Għalhekk, kif il-persuna akkużata b’fastidju għandha tkun f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha minn akkużi li jirrigwardawha, li jiġġustifika li hija tista’ tinstema’, eventwalment diversi drabi, fil-kuntest tal-investigazzjoni, il-lanjanti għandu, bl-istess mod, jinstema’ dwar il-motivi li l-amministrazzjoni ser tinvoka insostenn taċ-ċaħda tat-talba tiegħu, jekk ikun il-każ ( 29 ). Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa rrikonoxxut ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 30 ).

    51.

    Peress li l-amministrazzjoni għandha tagħti lil kull persuna affettwata l-possibbiltà li tressaq il-fehmiet tagħha b’mod effettiv ( 31 ), dan jimplika, fl-opinjoni tiegħi, li l-lanjanti għandu jkun f’pożizzjoni li jikkontesta kull element li fuqu l-awtorità kompetenti tista’ tibbaża d-deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha, fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet magħmula mix-xhieda jew sorsi oħra, u jipprovdi kull element probatorju f’dan ir-rigward. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, wieħed ma jistax jikkunsidra li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ilment inizjali jew ta’ osservazzjonijiet preċedenti huwa diġà suffiċjenti sabiex tintlaħaq konklużjoni dwar ir-rispett tad-dritt tal-lanjanti li jinstema’. B’mod partikolari, jista’ jkun neċessarju li l-lanjanti jingħata l-possibbiltà li jargumenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar abbozz ta’ rapport ta’ investigazzjoni ( 32 ).

    52.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet validi għal kull investigazzjoni amministrattiva dwar fastidju japplikaw a fortiori għall-proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa skont ir-regoli interni tal-BEI peress li, fil-fatt, dawn jipprovdu l-possibbiltà li jiġu adottati diversi deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sfavorevoli lil-lanjanti fis-sens tal-Artikolu 41(2) tal-Karta, fosthom li jitqiegħed inkwistjoni huwa stess.

    iii) Fuq ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti f’din il-kawża

    – Fuq id-dritt tal-appellanti li tinstema’ dwar id-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata u tax-xhieda

    53.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li mhux iktar tard mill-mument fejn jidher li l-ilment ser jiġi miċħud, il-lanjanti għandu jkollu, skont l-Artikolu 41 tal-Karta, l-istess drittijiet proċedurali bħal dawk li għandha l-persuna akkużata b’fastidju ( 33 ). Il-lanjanti jista’ għalhekk jeżiġi, bħal kull persuna akkużata b’fastidju, li jinstema’, possibbilment diversi drabi, dwar il-fatti li jirrigwardawh, b’mod partikolari sa fejn l-awtorità kompetenti tevalwa l-aġir tiegħu stess.

    54.

    Għalhekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 52 tas-sentenza appellata, is-sitwazzjoni tal-lanjanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni tista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, tiġi assimilata għal dik tal-persuna akkużata b’fastidju. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord ta’ Investigazzjoni ma wettaqx illegalità meta rrifjuta li jikkomunika lill-appellanti l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju kif ukoll tax-xhieda sabiex hija tkun tista’ tagħmel osservazzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol ma tipprevedix il-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju lil-lanjanti ( 34 ). Madankollu, il-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol ma tistax tidderoga mill-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni mfakkra fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-kontenut tad-dritt tal-appellanti li tinstema’ fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju.

    55.

    B’mod ċar, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-ċaħda tal-ilment huwa fih innifsu att sfavorevoli li jaffettwa lill-appellanti sabiex tiddeduċi, minn dan, li kien neċessarju li jiġu kkomunikati lill-appellanti d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u tal-persuna akkużata b’fastidju li fuqhom il-President tal-BEI kellu l-intenzjoni jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. Dan in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni huwa iktar u iktar sorprendenti sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien diġà enfasizza diversi drabi li r-rikonoxximent eventwali ta’ fastidju mill-amministrazzjoni jista’ fih innifsu jkollu effet ta’ benefiċċju fil-proċess terapewtiku ta’ fejqan tal-persuna li ġġarrab fastidju, b’tali mod li l-amministrazzjoni għandha tisma’ b’mod effettiv lill-persuna kkonċernata qabel tiċħad l-ilment tagħha ( 35 ). Dan japplika iktar u iktar fil-każ tal-appellanti, fejn iċ-ċaħda tal-ilment kienet barra minn hekk akkumpanjata b’rakkomandazzjonijiet li jallegaw li hija stess kienet l-oriġini tal-problemi kkonstatati minħabba nuqqas ta’ attitudni pożittiva.

    56.

    F’dan ir-rigward, mill-punti 48 u 49 kif ukoll mill-punti 69 u 71 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali aċċettat li d-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata u tax-xhieda dwar il-prestazzjoni professjonali tal-appellanti, l-istat ta’ saħħa (psikoloġika) tagħha u l-problemi privati tagħha ħadu natura deċiżiva li wasslet sabiex il-kredibbiltà tal-appellanti tiddgħajjef u, finalment, għaċ-ċaħda tal-ilment mill-President tal-BEI. Madankollu, peress li naturalment l-appellanti ma setgħetx tkun taf b’dawn l-elementi fil-mument tal-preżentazzjoni tal-ilment tagħha u waqt is-smigħ tagħha, u lanqas setgħet issir taf bihom sussegwentement, wieħed ma jistax jikkunsidra li hija nstemgħet b’mod effettiv qabel iċ-ċaħda tal-ilment tagħha.

    57.

    Għalhekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tatx lill-appellanti d-dritt li tkun taf l-osservazzjonijiet tal-persuna akkużata kif ukoll il-kontenut tax-xhieda sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha jew elementi ġodda insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. Dan japplika iktar u iktar sa fejn il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li fir-realtà l-għan tal-investigazzjoni kien inbidel matul il-proċedura peress li l-President tal-BEI kien qiegħed jikkunsidra l-adozzjoni ta’ miżuri dixxiplinari kontra l-appellanti, mingħajr ma hija kienet instemgħet dwar il-fatti li jiġġustifikaw dan it-tibdil.

    58.

    Il-fatt li finalment ma nfetħitx il-proċedura dixxiplinari ma jistax iqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-mandatarju tal-BEI waqt is-seduta, hija ċ-ċaħda tal-ilment li taffettwa b’mod sfavorevoli lill-appellanti fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta, u mhux biss il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari ulterjuri.

    59.

    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali lanqas ma rrilevat ċirkustanzi li jippermettu li jiġi aċċettat li l-BEI aġixxa fl-interess li jipprevjeni riskju ta’ influwenza tax-xhieda min-naħa tal-appellanti jew li raġunijiet oħra ta’ kunfidenzjalità setgħu, jekk ikun il-każ, jiġġustifikaw restrizzjoni tal-aċċess tagħha għad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda ( 36 ). Mill-bqija, li kieku dan kien il-każ, kien ikun suffiċjenti li jiġi kkomunikat lill-appellanti l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda jew ġabra fil-qosor tal-aspetti ritenuti fid-dawl tar-rapport tal-investigazzjoni mingħajr ma tiġi żvelata l-identità tal-persuni wara din ix-xhieda.

    60.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li meta ddeċidiet, f’tali ċirkustanzi, li l-Bord ta’ Investigazzjoni ma kienx obbligat jikkomunika lill-appellanti l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u tax-xhieda li fuqhom kellu l-intenzjoni jibbaża r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. L-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu għalhekk jintlaqa’.

    – Fuq id-dritt tal-appellanti li teżiġi s-sejħa tax-xhieda proposti

    61.

    L-appellanti tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rispett tad-dritt għal smigħ tagħha kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju ma jirrikjedux is-sejħa tax-xhieda kollha proposti minnha.

    62.

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċċitata fil-punt 55 tas-sentenza appellata, huwa minnu li Bord ta’ Investigazzjoni ma huwiex marbut isejjaħ ix-xhieda kollha proposti minn lanjanti minħabba s-setgħa diskrezzjonali tiegħu għal dak li jirrigwarda t-tmexxija tal-investigazzjoni ( 37 ). Madankollu, din is-setgħa diskrezzjonali hija rregolata wkoll mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mid-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati stabbiliti fl-Artikolu 41 tal-Karta. Għalhekk, id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Investigazzjoni għal dak li jirrigwarda l-iżvolġiment tal-investigazzjoni ma humiex esklużi, mill-bidu, minn kull stħarriġ ġudizzjarju. B’hekk, b’mod partikolari, il-Bord ta’ Investigazzjoni ma jistax jastjeni mingħajr motivazzjoni u ġustifikazzjoni mis-smigħ ta’ xhieda proposti, iżda għandu jaġixxi b’mod li l-partijiet jinstemgħu b’mod ġust sabiex jiżgura d-dritt għal smigħ tagħhom.

    63.

    Minn din il-perspettiva, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ammetta li kien iġġustifikat li ma jissejjaħx xhud supplimentari f’kawża li fiha l-Bord ta’ Investigazzjoni kien diġà sejjaħ ħmistax mit-tmintax-il xhud propost mill-persuna kkonċernata kif ukoll għoxrin oħra ( 38 ). Minn dan jista’ jiġi dedott li ma jistax jeżisti obbligu li jissejħu x-xhieda kollha proposti minn parti meta l-Bord ta’ Investigazzjoni jqis li l-fatti huma suffiċjentement ċari u meta l-persuni kkonċernati jkunu diġà nstemgħu b’mod xieraq. Bl-istess mod, f’kawża oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu fuq il-fatt li l-investigatur kellu elementi suffiċjenti fil-fajl sabiex jikkonferma d-deċiżjoni ta’ dan l-investigatur li jsejjaħ biss tnax mit-52 xhud proposti mir-rikorrenti f’dik il-kawża ( 39 ).

    64.

    Madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx jekk il-Bord ta’ Investigazzjoni kellux diġà ċarezza suffiċjenti jew jekk l-appellanti kinitx diġà nstemgħet b’mod xieraq. Għall-kuntrarju, mir-rikors tal-appell jirriżulta, minn naħa, li kienu ssejħu biss ftit mix-xhieda proposti mill-appellanti u, min-naħa l-oħra, li hija lanqas kienet ġiet avżata dwar dan. Għalhekk, meta, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ikkonstatat biss li l-Bord ta’ Investigazzjoni bl-ebda mod ma kien marbut isejjaħ lix-xhieda kollha tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    65.

    Minn dan jirriżulta li t-tieni ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu jintlaqa’.

    – Fuq iċ-ċaħda taċ-ċertifikati mediċi

    66.

    Fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-BEI seta’ ġustament jiċħad iċ-ċertifikati mediċi ppreżentati mill-appellanti bħala provi tal-eżistenza ta’ atti li jikkostitwixxu fastidju, peress li l-persuni li għamluhom ma kinux assistew għall-allegati atti inkwistjoni.

    67.

    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li tali ċertifikati mediċi jistgħu ċertament jikkjarifikaw l-eżistenza jew in-natura ta’ preġudizzju mġarrab mill-allegata vittma ta’ fastidju skont il-kontenut tagħhom u d-data tal-istabbiliment tagħhom. Barra minn hekk, dan ġie rrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tas-sentenza appellata. Mill-banda l-oħra, wieħed ma jistax jagħti lil ċertifikat mediku l-istess saħħa probatorja bħal xhieda diretta ta’ persuna li assistiet għall-att inkwistjoni. Madankollu, peress li l-għan tal-investigazzjoni huwa li tiġi stabbilita r-realtà tal-atti speċifiċi allegati mil-lanjanti kif ukoll l-evalwazzjoni tagħhom fid-dawl tad-definizzjoni ta’ fastidju sesswali, il-Qorti Ġenerali għaldaqstant kellha raġun meta ddeċidiet li ċ-ċertifikati mediċi ppreżentati mill-appellanti ma setgħux jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-atti seħħewx ( 40 ).

    iv) Konklużjoni intermedja

    68.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-drittijiet li setgħet tinvoka l-appellanti fil-kuntest tal-investigazzjoni kienu inqas estiżi minn dawk li għandha l-persuna akkużata b’fastidju u, għalhekk, li l-appellanti ma kellhiex id-dritt li l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata kif ukoll tax-xhieda jiġi kkomunikat lilha jew li teżiġi li jissejħu xhieda supplimentari sa fejn neċessarju sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ tagħha.

    2) Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq l-assenza ta’ konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini li jirregolaw il-proċedura ta’ investigazzjoni

    69.

    It-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha bħala suġġett l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ wħud mit-termini previsti mill-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata, li, minkejja n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija termini, ebda illegalità ma setgħet tiġi allegata lill-BEI peress li l-konvokazzjoni għas-smigħ kif ukoll id-deċiżjoni kienu waslu lill-appellanti f’terminu raġonevoli u peress li l-BEI kien aġixxa b’diliġenza. Mill-banda l-oħra, l-appellanti hija tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata n-natura strettament vinkolanti tat-termini inkwistjoni.

    70.

    Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol għandha, bħar-regoli interni tal-BEI, natura ġuridika vinkolanti, li ġiet irrikonoxxuta wkoll mill-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tas-sentenza appellata ( 41 ). Għalhekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li l-Qorti Ġenerali donnha madankollu ssostni fil-punt 47 tas-sentenza appellata, ma hemmx lok li t-termini previsti minn dawn ir-regoli jiġu kkunsidrati bħala sempliċi oġġettivi indikattivi ta’ amministrazzjoni tajba intiżi sabiex jiffavorixxu l-iżvolġiment tal-proċedura f’terminu raġonevoli ( 42 ).

    71.

    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ksur ta’ terminu vinkolanti ma jiġġustifikax fih innifsu, f’kull każ, l-annullament tal-att meħud fit-tmiem tal-proċedura inkwistjoni ( 43 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament telqet mill-premessa li l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu jistgħu jiġu evalwati biss skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża.

    72.

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Politika fil-qasam tad-dinjità fuq ix-xogħol tissuġġetta d-diversi stadji tal-proċedura ta’ investigazzjoni għal termini qosra ħafna, kultant ta’ ħamest ijiem tax-xogħol. Fid-dawl tal-effett potenzjalment gravi tal-investigazzjoni fuq ir-relazzjonijiet ġewwa l-grupp u l-pożizzjoni esposta tal-lanjanti, kif ukoll tal-interess tal-persuna akkużata b’fastidju li teħles minn kull akkuża miġjuba kontra tagħha malajr kemm jista’ jkun, dawn it-termini huma intiżi sabiex jipprevjenu estensjoni ta’ sitwazzjoni ta’ inċertezza. Għalhekk, l-għan li jrid jintlaħaq mit-termini li jirregolaw il-proċedura ta’ investigazzjoni ma huwiex biss li jiġi stabbilit kemm iddum din il-proċedura iżda huwa pjuttost il-protezzjoni tal-interessi tal-persuni kkonċernati.

    73.

    Madankollu, dan l-għan ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda wara t-terminu. Għall-kuntrarju, l-annullament tad-deċiżjoni għas-sempliċi raġuni li hija ttieħdet wara t-terminu jwassal preċiżament sabiex itawwal l-istat ta’ inċertezza li t-termini huma intiżi li jipprevjenu.

    74.

    Fi kwalunkwe każ, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu jista’ jagħti dritt għal kumpens. F’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk it-tul ta’ proċedura kienx irraġonevoli ( 44 ). F’dan il-każ, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, meta kkunsidrat il-kwistjoni dwar jekk il-konvokazzjoni għas-smigħ u l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI kinux seħħew f’terminu raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet applikazzjoni korretta ta’ din il-ġurisprudenza. B’mod partikolari, hija ħadet inkunsiderazzjoni, minn naħa, fir-rigward tat-terminu tal-ftuħ tal-investigazzjoni, il-fatt li l-appellanti kienet informata diversi drabi dwar l-istat attwali tal-ilment tagħha (punt 36 tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-terminu tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-President, li l-għan tal-investigazzjoni kien inbidel matul il-proċedura u għalhekk kienet neċessarja informazzjoni supplimentari (punti 48 u 49 tas-sentenza appellata).

    75.

    Lil hinn minn dawn il-konstatazzjonijiet, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li ż-żmien li għadda bejn il-preżentazzjoni tal-ilment fl-20 ta’ Mejju 2015 u d-deċiżjoni tal-President fis-16 ta’ Ottubru 2015 ma kienx twil b’mod irraġonevoli taqa’ fil-kompetenza esklużiva tagħha li tevalwa l-fatti. Għalhekk din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fl-istadju tal-appell.

    76.

    Konsegwentement l-argument tal-appellanti li n-nuqqas ta’ osservanza tat-termini previsti għall-proċedura ta’ investigazzjoni kellu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI u għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BEI, għandu jiġi miċħud.

    b)   Fuq it-tieni u t-tielet aggravji, ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata dwar il-legalità ta’ ċerti elementi ta’ ġustifikazzjoni fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 tal-KEDB

    77.

    Permezz tat-tieni u tat-tielet aggravji tagħha, l-appellanti tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx illegali l-fatt li l-President tal-BEI bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq xhieda mogħtija minn persuni mhux ikkwalifikati f’dan ir-rigward li jiddeskrivu lill-appellanti bħala persuna li għandha problemi psikoloġiċi, li għaddiet minn żmien ħażin wara li ma baqgħetx mal-ex sieħeb tagħha, u sussegwentement tilfet ħafna piż, li għandha diffikultajiet sabiex taċċetta kull forma ta’ kritika u għandha karattru manipulattiv, kif ukoll jagħti x’jifhem li l-ilment tagħha kien immotivat minn raġunijiet oħra barra l-fastidju sesswali li hija allegatament ġarrbet.

    78.

    F’dan il-kuntest, l-appellanti tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ motivazzjoni peress li hija kienet kontradittorja meta fil-punt 76 tas-sentenza appellata ddeċidiet li, minkejja li l-fatt li ssemmew dawn l-elementi kien “kemm superfluwu kif ukoll ta’ dispjaċir”, huwa ma jikkostitwixxix illegalità li tista’ tiġi attribwita lill-BEI.

    79.

    Sabiex tiċħad l-argumenti tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, fuq il-fatt li l-Bord ta’ Investigazzjoni kif ukoll il-President tal-BEI ma għamlux huma stess dikjarazzjonijiet dwar il-ħajja privata jew is-saħħa psikoloġika tal-appellanti iżda rriproduċew biss id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali donnha tikkonkludi li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex imputabbli lill-BEI.

    80.

    Madankollu, fil-punt 71 kif ukoll fil-punt 81 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-Bord ta’ Investigazzjoni effettivament ibbaża ruħu fuq dawn l-istess dikjarazzjonijiet sabiex jiġġustifika r-rakkomandazzjoni tiegħu li jiċħad l-ilment. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi nnotat li din ir-rakkomandazzjoni tqiegħed iktar inkwistjoni l-kredibbiltà tal-appellanti bħala persuna milli dik tal-allegazzjonijiet tagħha. B’hekk, il-Bord ta’ Investigazzjoni għamel mill-evalwazzjoni tal-personalità tal-appellanti, allegatament stabbilita mix-xhieda, il-bażi nnifisha taċ-ċaħda tal-ilment. Issa, ma jistax jiġi aċċettat li l-Bord ta’ Investigazzjoni u sussegwentement il-President tal-BEI bbażaw id-deċiżjoni tagħhom li taffettwa lill-appellanti b’mod sfavorevoli fuq evalwazzjoni li huma ma jaċċettawx. Fil-fatt, hija preċiżament il-missjoni tal-Bord ta’ Investigazzjoni li jistabbilixxi l-fatti li jiġġustifikaw id-deċiżjoni finali. Waqt is-seduta, ġie ppreċiżat f’dan ir-rigward li ma huwiex il-kompitu tal-President tal-BEI li jwettaq verifiki fattwali supplimentari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li l-osservazzjonijiet dwar il-personalità u l-aġir tal-appellanti kontenuti fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni kienu imputabbli lill-BEI. Għall-kuntrarju, jekk il-Qorti Ġenerali kienet waslet għall-konklużjoni li l-Bord kien irriproduċa biss – iżda ma aċċettax – l-evalwazzjonijiet kontenuti fix-xhieda, il-Qorti Ġenerali kellha mbagħad tikkonkludi nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI, li ma kienet ibbażata fuq xejn minbarra r-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni u x-xhieda riprodotta minnu. Ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali dwar l-imputabbiltà lill-BEI tal-evalwazzjonijiet kontenuti fid-dikjarazzjonijiet tax-xhieda huwa għalhekk ivvizzjat minn żball ta’ liġi.

    81.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti intiż sabiex juri ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta billi, fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, argumentat li r-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni kif ukoll id-deċiżjoni tal-Presidenti tal-BEI ma kinux is-suġġett ta’ tixrid u li l-elementi sostnuti fl-imsemmi rapport finalment ma waslu għal ebda konsegwenza, b’mod partikolari dixxiplinari, fuq is-sitwazzjoni professjonali tal-appellanti.

    82.

    Għal dak li jirrigwarda l-aħħar argument minn dawn it-tnejn, il-fatt li l-evalwazzjoni tal-aġir u tal-personalità tal-appellanti ma kellhiex segwitu dixxiplinari huwa irrilevanti għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet li kienu saru kinux jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta jew tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

    83.

    Għalhekk, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali kkonkludietx ġustament li seta’ jiġi eskluż ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta sa fejn ir-rapport kien ikkomunikat biss lill-persuna akkużata b’fastidju u lill-President tal-BEI.

    84.

    F’dan ir-rigward, qabel xejn, hemm lok li jiġi rrilevat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, f’sentenza li tirrigwarda investigazzjoni dwar fastidju morali, li l-iżvelar ta’ informazzjoni li tista’ tqajjem xnigħat negattivi dwar ir-rikorrent kif ukoll tippreġudika r-reputazzjoni tiegħu u l-kredibbiltà tiegħu mal-persuni akkużati b’fastidju biss kien suffiċjenti sabiex tiġi konkluża illegalità li tagħti dritt għal kumpens ( 45 ).

    85.

    Mill-banda l-oħra, f’kawża li tirrigwarda ċ-ċaħda ta’ kandidatura għal promozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea li kienet akkumpanjata minn kummenti offensivi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll il-fatt aggravanti li d-dokument ikkonċernat kien is-suġġett ta’ tixrid fid-dipartiment kollu ( 46 ).

    86.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), il-kwistjoni dwar jekk kummenti meqjusa offensivi jew ta’ natura li jiddiskreditaw lill-persuna kkonċernata kinux is-suġġett ta’ tixrid tista’ ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, li jinkludi mhux biss ir-rispett tar-reputazzjoni iżda wkoll dak tal-unur ta’ persuna ( 47 ). Barra minn hekk, il-Qorti EDB iddeċidiet diversi drabi li l-integrità psikoloġika taqa’ wkoll taħt id-dritt tar-rispett tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB ( 48 ). Madankollu, sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB, kemm il-gravità tad-dikjarazzjoni ( 49 ) u l-iskop ( 50 ) tagħha, u kif ukoll ġustifikazzjonijiet eventwali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll. Għalhekk, ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB ma jistax jiġi evalwat billi tiġi kkunsidrata biss il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet kinux is-suġġett ta’ tixrid.

    87.

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx evalwazzjoni tal-gravità tal-kummenti u tal-effett tagħhom fuq l-integrità psikoloġika tal-appellanti, li hija kienet ippruvat tistabbilixxi permezz taċ-ċertifikati mediċi. Hija lanqas eżaminat jekk id-dikjarazzjonijiet setgħux jikkontribwixxu b’mod utli u oġġettiv għal evalwazzjoni tan-natura ta’ mala fide jew le tal-ilment. Finalment, fir-rigward ta’ eventwali ġustifikazzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra l-kwistjoni dwar jekk l-investigazzjoni dwar l-aspetti tal-ħajja privata tal-appellanti u l-fatt li ssemmew fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni kif ukoll fid-deċiżjoni tal-President tal-BEI kinux rilevanti fid-dawl tal-għan tal-investigazzjoni, jiġifieri l-istabbiliment tar-realtà tal-atti mwettqa mill-persuna akkużata b’fastidju.

    88.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta u tal-Artikolu 8 tal-KEDB jista’ jiġi eskluż sempliċement minħabba l-assenza ta’ konsegwenzi dixxiplinari mill-osservazzjonijiet dwar il-personalità u l-aġir tal-appellanti kif ukoll minħabba l-assenza ta’ żvelar tar-rapport fl-unità tagħha, huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi.

    2.   Fuq il-konsegwenzi tal-fondatezza tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju kif ukoll tat-tieni aggravju

    89.

    Il-fondatezza tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju dwar il-portata tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti tiġġustifika, fiha nnifisha, l-annullament tas-sentenza appellata. Fil-fatt, huwa billi bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li d-drittijiet proċedurali li għandhom jiġu rrikonoxxuti lill-appellanti kienu bħala prinċipju inqas estiżi minn dawk tal-persuna akkużata b’fastidju li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex juru l-illegalitajiet fl-iżvolġiment tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Peress li ċ-ċaħda tat-talbiet għal annullament kif ukoll tat-talbiet għal kumpens kienu interament ibbażati fuq l-assenza ta’ kull illegalità f’din il-proċedura, is-sentenza appellata għandha għalhekk tiġi annullata.

    90.

    Għalhekk, ma hemmx lok li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni dwar jekk il-fondatezza tat-tieni aggravju dwar l-iżbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta tiġġustifikax ukoll l-annullament tas-sentenza appellata. Wara l-annullament tas-sentenza appellata, dawn il-kunsiderazzjonijiet jibqgħu madankollu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-talbiet għal kumpens invokati fl-ewwel istanza.

    3.   Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    91.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    92.

    Dan huwa l-każ f’din il-kawża għal dak li jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI mitlub mill-appellanti fl-ewwel istanza, peress li interpretazzjoni korretta tal-portata tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti mill-Qorti Ġenerali kellha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI.

    93.

    Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-drittijiet proċedurali, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ, ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura ħlief jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti ( 51 ). B’mod partikolari, dan ma jkunx il-każ meta l-amministrazzjoni ma jkollha ebda marġni ta’ diskrezzjoni dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed fi tmiem il-proċedura.

    94.

    Issa, f’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li d-deċiżjoni tal-President tal-BEI kienet tkun differenti kieku l-appellanti kellha d-dritt li tikkontesta d-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u tax-xhieda jew li tipproduċi elementi ġodda insostenn tal-ilment tagħha. Dan huwa minnu iktar u iktar peress li l-għan tal-investigazzjoni kien inbidel meta mqabbel mal-mument tal-preżentazzjoni tal-ilment mill-appellanti u għalhekk kien qed jiffoka fuq l-aġir tal-appellanti u l-personalità tagħha, aspetti li dwarhom l-appellanti kien għad ma kellhiex l-okkażjoni tagħmel osservazzjonijiet.

    95.

    Għalhekk, it-talba għal annullament mressqa fl-ewwel istanza għandha tintlaqa’ u d-deċiżjoni tal-President tal-BEI li tiċħad l-ilment tal-appellanti għandha tiġi annullata. Barra minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi din il-proposta u tannulla d-deċiżjoni, huwa l-BEI li għandu jadotta l-miżuri xierqa li teħtieġ l-eżekuzzjoni ta’ dan l-annullament.

    96.

    Madankollu, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża għal dak li jirrigwarda t-talba għal kumpens ( 52 ).

    97.

    Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-tieni aggravju ( 53 ) jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha tevalwa mill-ġdid l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità u l-iskop tal-kummenti magħmula fir-rapport tal-Bord ta’ Investigazzjoni kif ukoll tal-eventwali ġustifikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BEI jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-preġudizzju li l-appellanti tallega li ġarrbet u tar-rabta tiegħu mal-illegalitajiet invokati, għadha ma ġietx eżaminata mill-Qorti Ġenerali.

    98.

    Għalhekk hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens.

    C. Fuq l-ispejjeż

    99.

    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

    VI. Konklużjoni

    100.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Lulju 2017, OZ vs Il-BEI (T‑607/16) hija annullata.

    2)

    Id-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tas-16 ta’ Ottubru 2015 li tiċħad l-ilment tal-appellanti dwar fastidju sesswali skont il-“Politika fil-qasam tar-rispett tad-dinjità tal-persuna fuq ix-xogħol” tal-BEI hija annullata.

    3)

    Il-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal kumpens.

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni (F-42/10, EU:F:2012:64, punti 46 sa 48); tat-23 ta’ Ottubru 2013, BQ vs Il-Qorti tal-Awdituri (F-39/12, EU:F:2013:158, punt 72), u tas-16 ta’ Diċembru 2015, De Loecker vs SEAE (F-34/15, EU:F:2015:153, punt 43), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs Il-BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 40).

    ( 3 ) ĠU 2013, L 287, p. 15, u rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126.

    ( 4 ) Ħlief bi żball min-naħa tiegħi, dan id-dokument, ipprovdut mill-BEI bil-Franċiż fuq talba mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx ippubblikat u huwa aċċessibbli biss fuq l-internet.

    ( 5 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2017, OZ vs Il-BEI (T‑607/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:495).

    ( 6 ) Dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tqajjem ex officio, għall-ewwel darba fi stadju tal-proċedura ta’ appell, l-inammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 22).

    ( 7 ) Dan it-terminu ġie miżjud fir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI wara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs Il-BEI (C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134). Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra madankollu li din il-verżjoni ġdida tapplika biss meta l-membru tal-persunal ikun ġie rreklutat wara l-2013; ara pereżempju, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Ottubru 2018, PD vs Il-BEI (T‑615/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:642, punt 48). Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni qabel l-2013 anki jekk rikors kontra att imputabbli lill-BEI jiġi introdott wara tliet xhur, dan ma jistax jiġi kkunsidrat mill-ewwel bħala li ġie ppreżentat f’terminu irraġonevoli.

    ( 8 ) Ara, f’dan is-sens, il-pożizzjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs Il-BEI (C‑334/12 RX-II, EU:C:2012:733, punt 51), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs Il-BEI (T‑192/99, EU:T:2001:72, punt 56), kif ukoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Lulju 2014, CH vs Il-BEI (F-95/11 u F-36/12, EU:F:2014:188, punt 80).

    ( 9 ) Qabel ir-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI fl-2013 wara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs Il-BEI (C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134), l-użu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma kienx obbligatorju.

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Ġunju 2014, Cartoon Network vs L-UASI (C‑670/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2024, punti 42 sa 46), u s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Wam Industriale vs Il-Kummissjoni (C‑560/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:726, punt 44). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonfermata mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni f’verżjonijiet lingwistiċi oħra minbarra l-verżjoni Franċiża, bħall-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Pollakka.

    ( 11 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il‑Kummissjoni (C‑68/05 P, EU:C:2006:674, punt 54) u, b’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-iżvolġiment ta’ proċedura amministrattiva, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:104, punt 77) kif ukoll is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 92).

    ( 12 ) Sentenza tat-23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il-Kummissjoni (C‑62/01 P, EU:C:2002:248, punt 43).

    ( 13 ) L-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li, fil-kuntest ta’ appell, it-talbiet tal-appellant għandhom ikunu intiżi għall-annullament totali jew parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u, jekk ikun il-każ, sabiex tingħata deċiżjoni, totalment jew parzjalment, dwar it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza; ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 205).

    ( 14 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta’ Diċembru 2015, De Loecker vs SEAE (F-34/15, EU:F:2015:153, punt 43).

    ( 15 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs Il-BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 40).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punti 6871 sa 72) u s-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni (F-42/10, EU:F:2012:64, punt 46); tat-23 ta’ Ottubru 2013, BQ vs Il-Qorti tal-Awdituri (F-39/12, EU:F:2013:158, punt 72), u tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs Il-BEI (F-103/11, EU:F:2014:185, punt 148). Dan l-intervent jista’ jieħu l-forma ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-persuna akkużata b’fastidju iżda wkoll miżura ta’ tneħħija; ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni (F-52/05, EU:F:2008:161, punti 207 sa 213).

    ( 17 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta’ Diċembru 2015, De Loecker vs SEAE (F-34/15, EU:F:2015:153, punt 41).

    ( 18 ) Il-Qorti Ġenerali enfasizzat reċentement id-differenza għal dak li jirrigwarda t-terminoloġija, jiġifieri l-“ilment” previst mir-regolamenti applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (li minn din il-perspettiva jixbaħ lil dak tal-BEI) u t-“talba għal assistenza” skont ir-Regolamenti tal-Persunal fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punti 7778).

    ( 19 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393).

    ( 20 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punt 6970).

    ( 21 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punti 7172).

    ( 22 ) Is-similaritajiet bejn il-proċedura dixxiplinari u l-proċedura kriminali ġew esposti mill-Avukat Ġenerali Roemer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Van Eick vs Il-Kummissjoni (35/67, mhux ippubblikati, EU:C:1968:32, p. 510), kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Tzoanos vs Il-Kummissjoni (C‑191/98 P, EU:C:1999:127, punt 27).

    ( 23 ) Sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry (C‑344/05 P, EU:C:2006:710, punt 37), u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51). Deċiżjoni li twaqqaf kollokament ma tistax tiġi kkunsidrata bħala proċedura li nfetħet kontra l-persuna kkonċernata fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Reynolds (C‑111/02 P, EU:C:2004:265, punt 57). Il-proċedura dixxiplinari għandha madankollu titqies li nfetħet kontra l-persuna kkonċernata fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, li jiġġustifika l-applikabbiltà tad-drittijiet tad-difiża kif previsti mill-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

    ( 24 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punt 66), li tirriproduċi s-soluzzjoni mogħtija mis-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni (F-42/10, EU:F:2012:64, punti 46 sa 48); tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament (F-132/14, EU:F:2015:115, punt 57), tat-23 ta’ Ottubru 2013, BQ vs Il-Qorti tal-Awdituri (F-39/12, EU:F:2013:158, punt 72).

    ( 25 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punt 69).

    ( 26 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 50), u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 54), kif ukoll, fil-qasam tas-servizz pubbliku, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Alvarez vs Il-Parlament (206/81, EU:C:1982:333, punt 6) u tas-17 ta’ Novembru 1983, Tréfois vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (290/82, EU:C:1983:334, punt 19). Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar preċiż iċ-ċaħda ta’ ilment dwar fastidju ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs Il-BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punti 3541).

    ( 27 ) Sa fejn l-appellanti tallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħha li tinstema’ kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju, prinċipji li huma stabbiliti wkoll fl-Artikolu 41 tal-Karta, għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża huwa irrilevanti li hija torbot dawn il-prinċipji formalment mal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 6 tal-KEDB.

    ( 28 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punt 73).

    ( 29 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry (C‑344/05 P, EU:C:2006:710, punti 3738).

    ( 30 ) Sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 21); tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 38), u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 51), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs Il-BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 34), u tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punti 6974).

    ( 31 ) Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il-Parlament (T‑237/00, EU:T:2005:437, punt 101); tat-8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il-Kummissjoni (T‑277/03, EU:T:2005:83, punt 64), kif ukoll is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Prequ’Italia (C‑276/16, EU:C:2017:1010, punt 46). Dwar il-portata tad-dritt li tressaq il-fehmiet tagħha b’mod effettiv, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Il-Kummissjoni vs De Bry (C‑344/05 P, EU:C:2006:483, punti 44 et seq.).

    ( 32 ) Dawn huwa wkoll dak li eżiġew il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs Il-BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 50), u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2013, BG vs Il-Qorti tal-Awdituri (F-39/12, EU:F:2013:158, punti 7374). Fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet insuffiċjenti wkoll il-fatt li l-amministrazzjoni semgħet lir-rikorrent fuq il-motivi li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tat-talba mingħajr ma tagħtu aċċess għar-rapport tal-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-evitar tiegħu fuq il-post tax-xogħol.

    ( 33 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punt 69).

    ( 34 ) Ara l-punt 54 tas-sentenza appellata.

    ( 35 ) Ara s-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-23 ta’ Ottubru 2013, BQ vs Il-Qorti tal-Awdituri (F-39/12, EU:F:2013:158, punt 72), u tas-16 ta’ Diċembru 2015, De Loecker vs SEAE (F-34/15, EU:F:2015:153, punt 43); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punt 64).

    ( 36 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2015, Cerafogli vs Il-BĊE (T‑114/13 P, EU:T:2015:678, punt 45). Madankollu, f’dik il-kawża r-rikorrenti kellha aċċess għall-abbozz tar-rapport tal-Bord tal-Investigazzjoni li jiġbor fil-qosor id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda.

    ( 37 ) Sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2012, Donati vs Il-BĊE (F-63/09, EU:F:2012:193, punt 187), u tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs Il-BEI (F-103/11, EU:F:2014:185, punt 157); issa ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il-Parlament (T‑218/17, EU:T:2018:393, punti 97 sa 101).

    ( 38 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ Diċembru 2012, Donati vs Il-BĊE (F-63/09, EU:F:2012:193, punt 187).

    ( 39 ) Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il-Kummissjoni (F-46/11, EU:F:2013:115, punt 125).

    ( 40 ) F’din il-loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat sentenza tal-Qorti Ġenerali li fiha din tal-aħħar iddeċidiet li kien iġġustifikat li Bord ta’ Investigazzjoni astjena milli jsejjaħ xhieda li ma assistewx għall-inċident inkwistjoni, la totalment u lanqas parzjalment; ara d-digriet tas-16 ta’ Ottubru 1997, Dimitriadis vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑140/96 P, EU:C:1997:493, punt 38).

    ( 41 ) Ara wkoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Novembru 2014, De Nicola vs Il-BEI (F-52/11, EU:F:2014:243, punt 143).

    ( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2005, Piro vs Il-Kummissjoni (T‑193/03, EU:T:2005:164, punt 78).

    ( 43 ) Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni (C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 56).

    ( 44 ) In-natura irraġonevoli għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża; ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 229 sa 235), u tat-28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs Il-BEI (C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134, punti 2829).

    ( 45 ) It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma eżaminax din l-illegalità mill-perspettiva ta’ ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta b’mod espress iżda rrikonoxxa li hija kkawżat dannu morali lir-rikorrent; ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs Il-BEI (F-103/11, EU:F:2014:185, punt 151).

    ( 46 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni (C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 27 sa 29).

    ( 47 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tad-29 ta’ Ġunju 2004, Chauvy et vs Franza (CE:ECHR:2004:0629JUD006491501, punt 70), u tal-15 ta’ Novembru 2007, Pfeifer vs l-Awstrija (CE:ECHR:2007:1115JUD001255603, punt 35).

    ( 48 ) Sentenza tal-Qorti EDB tad-9 ta’ April 2009, A. vs In-Norveġja (CE:ECHR:2009:0409JUD002807006, punt 64).

    ( 49 ) Id-dikjarazzjoni għandha tkun ta’ natura li tikkawża inkonvenjent lill-ħajja privata tal-persuna kkonċernata; ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tad-9 ta’ April 2009, A. vs In-Norveġja (CE:ECHR:2009:0409JUD002807006, punt 64); tal-10 ta’ Lulju 2014, Axel Springer AG vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2012:0207JUD003995408, punt 83), kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, Delphi AS vs L-Estonja (CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, punt 137).

    ( 50 ) F’sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Sanchez Cardenas vs In-Norveġja (CE:ECHR:2007:1004JUD001214803, punt 37), il-Qorti EDB ikkunsidrat li d-dikjarazzjoni inkwistjoni, f’dan il-każ magħmula minn qorti fil-kuntest ta’ sentenza, kienet irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża.

    ( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑301/87, EU:C:1990:67, punt 31); tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill (C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94); tas-6 ta’ Settembru 2012, Storck vs L-UASI (C‑96/11 P, EU:C:2012:537, punt 80); tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 38), kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 79).

    ( 52 ) Fuq il-possibbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament fuq ċerti partijiet tal-kawża u li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-bqija, ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs de Nil u Impens (C‑259/96 P, EU:C:1998:224).

    ( 53 ) Ara l-punti 83 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    Top