EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0330

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2018.
Verbraucherzentrale Baden-Württemberg e.V. vs Germanwings GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Il‑punt 18 tal-Artikolu 2 – Artikolu 23(1) – Trasport – Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni Ewropea – Informazzjoni – Indikazzjoni tal-prezz finali li għandu jitħallas – Inklużjoni tan-noll tal-ajru fil-prezz finali li għandu jitħallas – Obbligu li n-nollijiet tal-ajru jiġu indikati f’euro jew f’valuta nazzjonali – Għażla tal-valuta nazzjonali rilevanti – Kriterji ta’ konnessjoni.
Kawża C-330/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:516

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )

Kawża C‑330/17

Verbraucherzentrale Baden-Württemberg eV

vs

Germanwings GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni – Il-punt 18 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 23(1) – Informazzjoni – Ħtieġa li n-nollijiet tal-passiġġieri jiġu indikati ‘f’euro jew f’valuta nazzjonali’ – Obbligu possibbli li dawn in-nollijiet jingħataw f’valuta nazzjonali partikolari – Kriterji rilevanti, jekk ikun il-każ, biex tiġi identifikata din il-valuta”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 18 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ( 2 ).

2.

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn assoċjazzjoni ta’ konsumaturi u trasportatur bl-ajru stabbilit fil-Ġermanja fir-rigward ta’ prattika kummerċjali, allegatament żleali, ta’ dan tal-aħħar li kienet tikkonsisti fil-bejgħ fuq is-sit internet tiegħu, b’mod partikolari lil konsumatur fil-Ġermanja, ta’ titjira li titlaq mir-Renju Unit fejn indika n-noll tiegħu f’lira sterlina biss.

3.

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet fuq it-trasportaturi bl-ajru li joperaw fl-Unjoni, skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 u fid-dawl tad-definizzjoni ta’ “nollijiet ta’ l-ajru”, li tinsab fil-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, li jistipula li l-imsemmija tariffi għandhom ikunu “espressi f’euro jew f’muniti lokali”.

4.

B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tiddetermina, minn naħa, jekk, meta t-trasportaturi bl-ajru jkunu beħsiebhom jirrikorru għal valuta li mhijiex l-euro biex jindikaw il-prezzijiet tas-servizzi li joffru lill-passiġġieri potenzjali, humiex liberi li jagħżlu l-valuta nazzjonali tal-għażla tagħhom jew, għall-kuntrarju, għandhomx jużaw valuta partikolari u, min-naħa l-oħra, f’dan l-aħħar każ, skont liema kriterji din għandha tiġi identifikata.

5.

F’dawn il-konklużjonijiet ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasportaturi kkonċernati ma humiex obbligati jużaw valuta nazzjonali li tkun ġiet stabbilita minn qabel mil-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jinnotifikaw in-nollijiet tagħhom lill-passiġġieri.

6.

Sussidjarjament, biex ikun kopert il-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tali obbligu jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, ser nippreżenta osservazzjonijiet dwar il-kriterji rilevanti sabiex tiġi identifikata l-valuta nazzjonali li għandha tintuża għal dan il-għan.

II. Il-kuntest ġuridiku

7.

Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008, “[i]l-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta’ l-ajru bejn linja ta’ l-ajru u oħra. Għalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta’ l-ajru li joriġinaw fil-Komunità, inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha. It-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji huma mħeġġin ukoll jindikaw il-prezz finali għas-servizzi ta’ l-ajru tagħhom minn pajjiżi terzi lejn il-Komunità”.

8.

Il-punt 18 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “nollijiet ta’ l-ajru”, għall-finijiet ta’ dan l-istrument bħala “il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ passiġġieri fuq servizzi ta’ l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra”.

9.

L-Artikolu 23 tal-istess regolament, intitolat “Informazzjoni u non-diskriminazzjoni”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“In-nollijiet ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

(a)

in-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru;

(b)

it-taxxi;

(ċ)

il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

(d)

ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (c) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

Germanwings GmbH hija trasportatur bl-ajru stabbilit fil-Ġermanja. F’Settembru 2014, konsumatur li kien f’dan il-pajjiż xtara titjira minn Londra (ir-Renju Unit) għal Stuttgart (il-Ġermanja) minn fuq il-paġna tal-internet “www.germanwings.de” operata mill-imsemmija kumpannija. In-noll ta’ din it-titjira kien indikat biss fil-Lira Sterlina u, wara li għamel il-prenotazzjoni tiegħu, il-konsumatur irċieva fattura li kienet tindika l-imsemmi noll kif ukoll spejjeż oħrajn ukoll f’lira sterlina.

11.

Wara li ġiet informata minn dan il-konsumatur, il-Verbraucherzentrale Baden-Württemberg eV (l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi tal-Land ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“Verbraucherzentrale”) ressqet azzjoni għal inġunzjoni kontra Germanwings, quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), għar-raġuni li l-fatt li hija ma fformulatx it-tariffi fil-valuta Ġermaniża (l-euro), f’tali ċirkustanzi, kien jikkostitwixxi aġir żleali. Il-konvenuta oġġezzjonat li l-kompetituri tagħha kienu wkoll jindikaw in-nollijiet tal-ajru għal titjiriet minn Londra f’liri sterlini. B’deċiżjoni tat-22 ta’ April 2015, l-imsemmija qorti laqgħet it-talba tar-rikorrenti.

12.

Meta Germanwings appellat minn din id-deċiżjoni, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja) annullat id-deċiżjoni, b’deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2015, għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprovdi biss li għandu jkun indikat il-prezz finali, mingħajr ma jipprevedi b’liema valuta, u li mid-definizzjoni li tinsab fil-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament ma jistax jiġi dedott li l-“munita lokali” għandha dejjem tkun dik tal-pajjiż fejn it-trasportatur bl-ajru għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu.

13.

Adita b’rikors mill-Verbraucherzentrale, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2017, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2017, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-nollijiet tal-ajru għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji li għandhom jiġu speċifikati skont it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, għandhom jiġu indikati f’valuta partikolari, sa fejn dawn ma humiex espressi f’euro?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

F’liema valuta nazzjonali jistgħu n-nollijiet imsemmija fl-Artikolu 2(18) u fit-tieni u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jiġu indikati, meta trasportatur tal-ajru stabbilit fi Stat Membru (f’dan il-każ il-Ġermanja) jippromwovi u joffri lil konsumatur fuq l-internet servizz tal-ajru li l-post ta’ tluq tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ ir-Renju Unit)?

Il-fatt li, f’dan il-kuntest, it-trasportatur tal-ajru juża għall-offerta indirizz tal-internet b’domain tal-ogħla livell speċifiku għal pajjiż (www.germanwings.de fil-każ ineżami), li jirreferi għall-Istat Membru tas-sede tiegħu, u li l-konsumatur ikun jinsab f’dan l-Istat Membru huwa determinanti?

Huwa sinjifikattiv il-fatt li t-trasportaturi tal-ajru kollha jew il-maġġoranza kbira ħafna tagħhom jindikaw in-nollijiet inkwistjoni fil-valuta nazzjonali fis-seħħ fil-post tat-tluq?”

14.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Verbraucherzentrale, minn Germanwings u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn it-tnejn tal-aħħar biss ippreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tad-19 ta’ April 2018.

IV. Analiżi

A.   Fuq l-obbligu possibbli li n-nollijiet tal-ajru jiġu espressi f’valuta nazzjonali partikolari meta jiġu ppubblikati (l-ewwel domanda)

15.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tas-servizzi tal-ajru offruti fl-Unjoni li huma rregolati minn dan l-istrument ( 3 ), in-“nollijiet ta’ l-ajru” għandhom jiġu espressi f’valuta nazzjonali stabbilita minn qabel mil-leġiżlatur, “sa fejn dawn ma humiex espressi f’euro” ( 4 ).

16.

Il-kliem tal-ewwel domanda preliminari ma jindikax direttament tali qari flimkien tal-imsemmija Artikolu 23(1) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2. Madankollu, fil-fehma tiegħi dan huwa dedott, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet esposti mill-qorti tar-rinviju sabiex tispjega din id-domanda, b’mod partikolari fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni li hija kkontestata quddiemha ( 5 ), u, min-naħa l-oħra, mill-kontenut tat-tieni domanda preliminari, li tkompli mal-ewwel domanda u li tgħaqqad espressament l-imsemmija dispożizzjonijiet.

17.

Bħal Germanwings u l-Kummissjoni, u għall-kuntrarju tal-Verbraucherzentrale, fil-fehma tiegħi ( 6 ) inqis li r-risposta għad-domanda kemxejn rriformulata ( 7 ) għandha tkun fin-negattiv, għar-raġunijiet li ġejjin.

18.

Qabel xejn, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, meta att tal-Unjoni ma jirreferix b’mod espress għad-dritt tal-Istati Membri għad-definizzjoni ta’ kunċett partikolari ( 8 ), dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq billi tqis mhux biss il-kliem tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti minnha, kif ukoll l-oriġini tagħhom ( 9 ).

1. Interpretazzjoni fid-dawl tal-kliem tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati

19.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tenfasizza li mit-test tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma jirriżulta espressament l-ebda obbligu li n-nollijiet għandhom jiġu indikati f’valuta nazzjonali partikolari. Fil-fehma tagħha, din iċ-ċirkustanza tindika l-libertà ta’ għażla f’idejn it-trasportaturi bl-ajru, kif qieset il-qorti li ddeċidiet fl-appell. Naqbel ma’ din l-analiżi.

20.

Fil-fatt, ninnota li l-paragrafu (1) tal-Artikolu 23 huwa maħsub biex jimponi l-obbligu ta’ “informazzjoni” ( 10 ) fuq it-trasportaturi bl-ajru li joffru titjiriet minn Stat Membru, u li jiddefinixxu l-punti prinċipali ta’ din l-informazzjoni. B’mod partikolari, it-tieni u t-tielet sentenzi ta’ dan il-paragrafu (1), li huma speċifikament imsemmija fid-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, jistabbilixxu rekwiżiti rigward l-indikazzjoni tal-“prezz finali” li l-klijent irid iħallas ( 11 ). Madankollu, filwaqt li din id-dispożizzjoni telenka fid-dettall l-elementi ta’ informazzjoni li għandhom ikunu kkomunikati ( 12 ), ma hemm l-ebda indikazzjoni tal-valuta li fiha dan il-prezz għandu jiġi indikat sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu stabbilit fiha.

21.

Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008, li tirreferi wkoll għall-ħtieġa li l-klijenti jiġu informati dwar il-prezz finali u l-elementi kollha tiegħu, lanqas ma ssemmi li għandha tintuża valuta speċifika għal dan il-għan.

22.

Nenfasizza f’dan l-istadju li dan huwa l-każ, anki peress li d-dimensjoni internazzjonali tal-obbligu ta’ trasparenza u ta’ informazzjoni sħiħa fuq il-prezzijiet, li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 23, u mhux biss dik intra-Komunitarja, ittieħdet inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur ( 13 ), meta fassal dan ir-regolament ( 14 ).

23.

Fir-rigward tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-regolament imsemmi, li jiddefinixxi n-“nollijiet ta’ l-ajru” fis-sens ta’ dan l-istrument, dan ċertament isemmi espliċitament “il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali”, mingħajr madankollu ma jippreċiża dak li għandu jinftiehem bl-aħħar żewġ kelmiet ta’ din il-frażi, b’mod partikolari mingħajr ma jindika jekk hijiex il-“munita lokali” ta’ Stat Membru ( 15 ) u fuq kollox, f’dan il-każ, mingħajr ma jispeċifika jekk it-trasportaturi humiex fil-libertà li jagħżlu l-munita li jridu ( 16 ).

24.

Il-fatt li l-aġġettiv “lokali” jintuża f’diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni ( 17 ) ma jidhirlix li huwa deċiżiv. Minkejja li dan l-aġġettiv jista’, fil-fehma tiegħi, jirrifletti iktar idea ta’ prossimità milli t-termini li jirreferu għal pajjiż li jintużaw f’verżjonijiet oħra ( 18 ), għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1008/2008 ma fih ebda indikazzjoni dwar il-kwistjoni ta’ x’għandu jinftiehem hawnhekk b’“lokali” u liema huwa l-kriterju ta’ prossimità rilevanti f’dan ir-rigward ( 19 ). Barra minn hekk, jekk jitqies li din il-varjazzjoni fit-terminoloġija tista’ tiġi kkunsidrata bħala determinanti f’din il-kawża, hija ġurisprudenza stabbilita li fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element ( 20 ).

25.

Ninnota li l-frażi “il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali”, li hija invokata mill-qorti tar-rinviju, tidher ukoll, mingħajr preċiżjoni oħra, fil-punt 19 tal-istess Artikolu 2, sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “rati ta’ l-ajru” li jixbah lil dak ta’ “nollijiet ta’ l-ajru”. Fil-fehma tiegħi, u skont l-opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni waqt is-seduta, wieħed għandu jżomm f’moħħu dan ix-xebh terminoloġiku meta ssir l-interpretazzjoni tal-imsemmi punt 18 f’din il-kawża ( 21 ).

26.

Barra minn hekk, nosserva li l-kunċett ta’ “prezz finali”, imsemmi fl-Artikolu 23(1), u fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008, ma huwiex ekwivalenti għall-kunċett ta’ “nollijiet ta’ l-ajru”, kif iddefinit fil-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ( 22 ). Ċertament, dawn jikkoinċidu parzjalment, peress li l-ewwel kunċett jinkludi t-tieni ( 23 ), b’mod li hemm lok li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati flimkien f’din il-kawża ( 24 ). Madankollu, kif semmew Germanwings u l-Kummissjoni, l-elementi tal-“prezz finali” flimkien man-“nollijiet ta’ l-ajru” skont l-imsemmi Artikolu 23 ma humiex koperti mill-imsemmi punt 18 tal-Artikolu 2, peress li dan jiddefinixxi biss dan il-kunċett tal-aħħar ( 25 ), fatt li jimmilita kontra t-teżi li l-frażi “f’euro jew f’muniti lokali” fl-Artikolu 2 tirrikjedi l-użu ta’ valuta lokali speċifika sabiex tingħata l-informazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 23.

27.

Fuq kollox, bħal Germanwings u l-Kummissjoni, nenfasizza li l-leġiżlatur tal-Unjoni naqas milli jagħti struzzjoni espliċita fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, u b’mod partikolari li jistabbilixxi kriterji preċiżi ta’ identifikazzjoni, rigward il-valuta li t-trasportaturi bl-ajru għandhom jużaw biex jinformaw lill-klijenti dwar in-nollijiet tagħhom. Huwa għamel dan, minkejja li kien manifestament konxju mill-fatt li setgħu jintużaw diversi valuti nazzjonali minflok l-euro, kif turi l-formulazzjoni tal-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, u minkejja li ra li jadotta regoli ddettaljati fir-rigward tal-obbligu li t-trasportaturi bl-ajru jindikaw dejjem kompletament u definittivament il-prezzijiet tat-titjiriet li jbigħu ( 26 ).

28.

Jiena nqis li dan in-nuqqas intenzjonat ta’ indikazzjonijiet fir-rigward tal-valuta jista’ jinftiehem bħala li jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur li ma jimponix restrizzjonijiet partikolari fuq it-trasportaturi f’dan ir-rigward ( 27 ). Il-fehma tiegħi hija msaħħa mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

2. Interpretazzjoni fir-rigward tal-oriġini tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati

29.

L-interpretazzjoni litterali proposta hawn fuq hija fl-opinjoni tiegħi kkorroborata minn analiżi ta’ kif żviluppaw id-dispożizzjonijiet ikkonċernati tar-Regolament Nru 1008/2008 matul il-ħidma leġiżlattiva li wasslet għall-formulazzjoni attwali tagħhom. Fil-fatt, fih xejn ma jindika li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni, u lanqas il-ħsieb, li jintroduċi rekwiżiti speċifiċi dwar il-valuta fil-qafas tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008.

30.

Nippreċiża li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi riformulazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2409/92 dwar b’mod partikolari nollijiet għal servizzi tal-ajru ( 28 ), li diġà kien jipprovdi l-obbligu ta’ komunikazzjoni tan-nollijiet tal-ajru ( 29 ), iżda li kien inqas ċar u inqas strett minn dak attwalment previst.

31.

L-awturi tar-Regolament Nru 1008/2008 b’mod ċar riedu jsaħħu, fl-Artikolu 23 tiegħu, l-obbligu ta’ informazzjoni fuq it-trasportaturi bl-ajru sabiex, minn naħa, jiffavorixxu iktar trasparenza tal-prezzijiet għall-passiġġieri billi jimponu l-ippubblikar tan-nollijiet inklużi t-taxxi kollha, il-ħlasijiet jew supplimenti oħrajn, u, min-naħa l-oħra, iktar prezzijiet ġusti, billi jiġġieldu kontra d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ġġenerati min-nuqqas ta’ trasparenza ( 30 ). Min-naħa l-oħra, imkien ma jidher li kienet kwistjoni li jiġi impost l-użu ta’ valuta speċifika f’dan ir-rigward.

32.

L-uniċi dettalji dwar flus li jidhru fix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 1008/2008 huma marbuta mad-definizzjonijiet ġenerali mogħtija fl-Artikolu 2. Ninnota li l-espressjoni “il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali”, użata fil-punti 18 u 19 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, kienet diġà preżenti essenzjalment fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikolu 2(a) u (d) tar-Regolament Nru 2409/92, li kienu jirreferu għall-“prezzijiet espressi f’ecu jew f’muniti lokali”. Is-sostituzzjoni tal-kelma “ecu” b’“euro”, fir-Regolament Nru 1008/2008, jidhirli li hija sempliċiment relatata mal-introduzzjoni tal-euro bħala l-munita unika f’ċerti Stati Membri ( 31 ).

33.

Fir-rigward tal-frażi “f’muniti lokali” li kienet tidher erba’ darbiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2409/92 ( 32 ), ix-xogħlijiet preparatorji ta’ dan tal-aħħar ma jagħtu ebda indikazzjoni li tissostanzja t-teżi li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jirrikjedi li t-trasportaturi bl-ajru jużaw valuta nazzjonali speċifika meta jikkomunikaw it-tariffi tagħhom. Min-naħa l-oħra, minn dawn ix-xogħlijiet jirriżulta b’mod ċar li l-intenzjoni tal-awturi ta’ dan ir-regolament kienet li jippermettu lill-kumpaniji “joffru lill-konsumaturi għażla suffiċjenti ta’ servizzi tal-ajru bi prezzijiet raġonevoli” ( 33 ).

34.

Nosserva li l-frażi “f’muniti lokali” intużat ukoll, mingħajr iktar dettalji, fl-Artikoli 2(a) tal-istrumenti preċedenti dwar it-tariffi tas-servizzi tal-ajru li għalihom jirreferi l-preambolu tar-Regolament Nru 2409/92 ( 34 ). F’dan tal-aħħar, din tkompli, bħala alternattiva, mal-frażi “f’ecu”, l-unika prevista mill-Kummissjoni għall-ewwel ( 35 ), wara talba għal emenda kemxejn differenti mill-Parlament Ewropew ( 36 ) u ripetuta mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 37 ). Matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li ma kellhiex elementi dwar ir-raġunijiet eżatti tal-bidliet magħmula sussegwentement biex tinkiseb il-frażi “prezzijiet espressi […] f’muniti lokali” fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 2409/92 ( 38 ), liema espressjoni ntużat mill-ġdid fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008.

35.

Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi, huwa ċar mill-ħidma preparatorja kollha msemmija iktar ’il fuq li bl-ebda mod ma kienet kwistjoni li tiġi adottata xi regola, u wisq inqas xi kriterji ta’ identifikazzjoni korrelattivi, li timponi l-użu ta’ valuta nazzjonali speċifika skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. L-approċċ li qed nipproponi ma huwiex ikkontestat, anzi, saħansitra huwa kkonfermat minn elementi kuntestwali, li issa se jiġu analizzati.

3. Interpretazzjoni fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati

36.

L-ewwel nett, nosserva li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li fuqu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jinsab fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament, dwar id-“Dispożizzjonijiet dwar l-ipprezzar”, filwaqt li l-punt 18 tal-Artikolu 2, fejn jissemmew “prezzijiet espressi […] f’muniti lokali”, jinsab fil-Kapitolu I tiegħu, li jirrigwarda d-“Dispożizzjonijiet ġenerali”.

37.

Għalhekk, ir-rabta materjali bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, kif stabbilit fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma hijiex evidenti, anki jekk id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 japplikaw għall-Artikolu 23, bħalma japplikaw għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn kollha tal-imsemmi regolament, fatt dan li jiġġustifika li dan l-aħħar artikolu jiġi interpretat fid-dawl tal-ewwel wieħed ( 39 ). Barra minn hekk, infakkar li l-kunċett ta’ “nollijiet ta’ l-ajru” li huwa ddefinit fil-punt 18 tal-Artikolu 2, ma jikkoinċidix totalment mal-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 23(1) ( 40 ).

38.

F’dan il-kuntest, insostni li, fin-nuqqas ta’ referenza espressa bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1008/2008, ma jistax jiġi kkunsidrat li, permezz tal-formula użata fil-punt 18 tal-Artikolu 2, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jillimita l-għażla tat-trasportaturi fir-rigward tal-valuta nazzjonali li fiha huma jridu jikkomunikaw it-tariffi li għandhom jipprovdu f’konformità mal-Artikolu 23(1).

39.

It-tieni nett, nosserva li l-qorti tar-rinviju ssemmi l-“libertà ta’ l-ipprezzar” stabbilita fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1008/2008 ( 41 ) sabiex issostni t-teżi li l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament ma jimponix l-użu ta’ valuta nazzjonali partikolari. Il-Verbraucherzentrale toġġezzjona li din il-libertà ma hijiex ostakolata mis-sempliċi fatt li hemm lok li t-tariffi jiġu indikati f’valuta speċifika, filwaqt li Germanwings issostni li r-regola pprovduta b’dan il-mod tinkludi l-libertà li wieħed jagħżel il-munita li fiha t-tariffi tal-passiġġieri huma ddenominati.

40.

Għalkemm jiena wkoll nipproponi t-teżi msemmija hawn fuq, madankollu ma naqbilx mal-perspettiva ta’ Germanwings li l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament għandu jkollu rwol determinanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-libertà stabbilita fl-imsemmi artikolu hija l-qofol ta’ eliminazzjoni gradwali tal-kontroll fuq il-prezzijiet eżerċitat mill-Istati Membri, minħabba li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-ajru kellha l-għan li tikseb diversifikazzjoni ikbar tal-offerta kif ukoll tariffi irħas għall-benefiċċju tal-konsumaturi ( 42 ).

41.

L-imsemmi Artikolu 22 għandu bħala għan id-deregolamentazzjoni tas-settur ( 43 ), li tippermetti lit-trasportaturi bl-ajru jiddeterminaw il-valur attribwit lis-servizzi tagħhom. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda impatt f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-valuta li fiha t-tariffi tal-passiġġieri għandhom jiġu kkomunikati. Madankollu, l-ispirtu ta’ liberalizzazzjoni li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni, kif indikat il-Kummissjoni ( 44 ), huwa tali li jikkonferma l-interpretazzjoni li r-Regolament Nru 1008/2008 ma jimponi l-ebda restrizzjoni dwar dan.

42.

It-tielet nett, fir-rigward tal-kuntest iktar ġenerali li jifforma parti minnu l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, nosserva li, kif diġà alludiet il-Kummissjoni, lanqas id-Direttiva 98/6/KE ( 45 ), li tirrigwarda speċifikament l-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi, ma tinkludi regoli vinkolanti dwar il-valuta li fiha għandu jiġi fformulat il-prezz li għandu jitħallas, għalkemm din il-kwistjoni ma ġietx moħbija mil-leġiżlatur ( 46 ). Id-Direttiva 2011/83/UE ( 47 ), li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-konsumaturi — b’mod partikolari f’termini ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet — fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratti ma’ professjonisti, ukoll ma tipprovdi xejn f’dan ir-rigward ( 48 ).

43.

Il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, huma perfettament kompatibbli mal-interpretazzjoni teleoloġika, li ser issegwi, tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

4. Interpretazzjoni fid-dawl tal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati

44.

Kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta b’mod ċar kemm mit-titolu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008 kemm mill-kliem tal-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu li dan “huwa intiż li jiggarantixxi, b’mod partikolari, l-informazzjoni u t-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru minn ajruport li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li jikkontribwixxi, għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-klijent li jagħmel użu minn dawn is-servizzi” ( 49 ).

45.

Bl-istess mod, il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament tistipula li “[i]l-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta’ l-ajru bejn linja ta’ l-ajru u oħra”. Tgħid ukoll li, “[g]ħalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta’ l-ajru li joriġinaw [fl-Unjoni], inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha.”

46.

Skont il-qorti tar-rinviju u l-Verbraucherzentrale, l-għan ta’ tqabbil effettiv tal-prezzijiet indikat fl-ewwel sentenza tal-imsemmija premessa 16 ikun kompromess li kieku kull trasportatur bl-ajru kellu l-libertà li jindika n-nollijiet tal-ajru għal titjira fi ħdan l-Unjoni fil-valuta tal-għażla tiegħu. Bħal Germanwings u l-Kummissjoni ma naqbilx ma’ din il-fehma.

47.

L-ewwel nett, nippreċiża li jidhirli, fid-dawl tal-oriġini tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-klijenti ( 50 ) huwa, ċertament, wieħed mill-għanijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda din kellha wkoll l-għan li tiżgura kompetizzjoni aktar b’saħħitha fost it-trasportaturi bl-ajru ( 51 ). Dan it-tħassib doppju jirriżulta wkoll minn strumenti preċedenti ( 52 ) u sussegwenti ( 53 ) f’dan il-qasam.

48.

Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ikun aħjar li ma tingħatax interpretazzjoni tant wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni li twassal biex tiffavorixxi prinċipalment, jekk mhux esklussivament, l-interessi tal-klijenti ( 54 ), mingħajr ma jitqiesu biżżejjed ir-restrizzjonijiet fuq it-trasportaturi bl-ajru, b’mod espliċitu, u l-marġni ta’ manuvra li tħallitilhom, b’mod impliċitu, fid-dawl tal-imsemmi regolament.

49.

F’dan ir-rigward, nirrileva, fit-tieni lok, li sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-libertà tal-ipprezzar mogħtija lit-trasportaturi bl-ajru. Huwa impona espliċitament fuq dawn it-trasportaturi l-obbligu li jippubblikaw informazzjoni sħiħa dwar in-nollijiet tal-ajru tagħhom u dwar il-kundizzjonijiet applikabbli għalihom, waqt li speċifika wkoll li dawn it-tariffi għandhom jinkludu t-taxxi, il-ħlasijiet u drittijiet kollha applikabbli ( 55 ).

50.

B’hekk, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprovdi, b’mod iddettaljat ħafna, sensiela sħiħa ta’ rekwiżiti rigward id-data li għandha dejjem tiġi kkomunikata f’dan il-kuntest ( 56 ), waqt li akkumpanja dawn ir-rekwiżiti b’penali possibbli ( 57 ). Nenfasizza li l-obbligu li jiġi indikat dejjem l-ammont finali li għandu jitħallas jiffavorixxi t-trasparenza tal-prezzijiet u jostakola l-prattika inġusta li ċerti trasportaturi bl-ajru kienu jeżerċitaw, fejn kienu jipproponu prezz mhux komplut fil-bidu tat-tranżazzjoni u eżatt qabel ma din tiġi konkluża jżidu diversi ħlasijiet supplimentari ( 58 ).

51.

Il-premessa 16 ta’ dan ir-Regolament issegwi l-istess loġika, billi tindika liema huma l-elementi li l-prezz finali għandu neċessarjament jinkludi, kif ikkonfermat fit-tieni sentenza ta’ din il-premessa, li tiċċara l-kontenut tal-ewwel sentenza tagħha, li l-Verbraucherzentrale, b’mod żbaljat, tinvoka waħedha.

52.

Kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni din il-parti fil-kawża prinċipali, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex li tippermetti lill-klijent jivvaluta kemm huma għoljin in-nollijiet tal-ajru fil-valuta li hu l-iktar familjari magħha, iżda li tiġi żgurata trasparenza billi l-elementi kollha tal-prezz jiġu indikati sew fil-prezz finali u, b’hekk, il-klijent ikollu l-possibbiltà reali li jqabbel il-prezzijiet. Inżid ngħid li naqbel mal-opinjoni espressa mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li xejn ma jindika li l-protezzjoni tal-konsumatur imfittxija mir-Regolament Nru 1008/2008 tinkludi l-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar kontra r-riskju ta’ telf marbut mal-kambju.

53.

Barra minn hekk, kieku l-użu ta’ valuta speċifika kien jidher li jikkostitwixxi element determinanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija ta’ informazzjoni u trasparenza tal-prezzijiet, l-awturi tar-Regolament Nru 1008/2008 ma kinux jonqsu milli jagħmlu din ir-regola u milli jiddefinixxu l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-valuta rilevanti. Ladarba l-leġiżlatur ma għamilx dan, nikkunsidra li ma jispettax lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel hekk minfloku, u dan wisq inqas peress li l-adozzjoni ta’ tali regola ma kinitx, fil-fehma tiegħi, neċessarja biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi.

54.

Fil-fatt, nenfasizza, fit-tielet lok, li, minbarra d-diffikultajiet relatati mad-definizzjoni possibbli ta’ kriterji adegwati ( 59 ), fil-fehma tiegħi niddubita kemm l-użu ta’ munita nazzjonali speċifika tippermetti iktar lill-klijent janalizza b’mod effettiv il-prezzijiet tas-servizzi użati mid-diversi trasportaturi bl-ajru, b’mod konformi mal-għan ta’ tqabbil effettiv u tat-trasparenza tal-prezzijiet imfittex mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri fid-dawl tal-premessa 16 ta’ dan tal-aħħar ( 60 ).

55.

Huwa minnu li, għalkemm jidher li fir-Regolament Nru 1008/2008 ma ġietx prevista limitazzjoni tan-numru ta’ muniti nazzjonali li jistgħu jintużaw mit-trasportaturi bl-ajru biex jesprimu n-nollijiet tal-ajru tagħhom, kif tipproponi l-Verbraucherzentrale, din tippermetti mal-ewwel daqqa ta’ għajn li tiffaċilita t-tqabbil tal-offerti proposti għal servizz identiku.

56.

Madankollu, jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja tammetti l-eżistenza ta’ obbligu li tintuża tali jew tali munita nazzjonali, xorta waħda jibqa’ l-inkonvenjent ikkawżat mill-użu ta’ muniti differenti. Fil-fatt, kif semmiet il-Kummissjoni, kieku l-kliem tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament kellu jiġi kkunsidrat bħala deċiżiv f’dan ir-rigward, il-formulazzjoni alternattiva “il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali” inkluża fih tista’ tinftiehem bħala li tawtorizza dejjem lit-trasportatur bl-ajru li jippreżenta l-prezzijiet tiegħu f’euro ( 61 ), filwaqt li l-kompetituri tiegħu jistgħu jagħżlu għall-kuntrarju l-valuta partikolari nazzjonali. B’hekk, minħabba l-possibbiltà li n-noll ta’ servizz ikun indikat b’żewġ modi differenti, il-paragun effettiv tal-prezzijiet jista’, fit-teorija, jibqa’ diffiċli għall-klijent, anki jekk din l-allegata diffikultà ma hijiex neċessarjament ppruvata fil-prattika fil-fehma tiegħi.

57.

Il-problemi relatati mal-possibbiltà li jintużaw valuti differenti jistgħu, fil-fatt, ikunu limitati minn diversi fatturi li jiffaċilitaw it-tqabbil ( 62 ). Barra minn hekk, jidhirli li ma huwiex indispensabbli li jkun meħtieġ li l-prezzijiet tat-titjiriet ikunu indikati f’valuta speċifika, peress li, sa ċertu punt, ir-regolazzjoni tista’ titwettaq b’mod naturali f’dan is-suq, minħabba s-sempliċi fatt li klijent potenzjali jista’ jeskludi spontanjament lit-trasportaturi bl-ajru li jindikaw il-prezzijiet tagħhom f’valuta li tidhirlu li hija mhix adattata jew hija imprattikabbli.

58.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jippubblikaw in-nollijiet tal-ajru tagħhom, it-trasportaturi bl-ajru mhumiex obbligati jesprimu dawn in-nollijiet f’valuta nazzjonali partikolari, jekk ma jkunux espressi f’euro.

B.   Dwar il-kriterji ta’ identifikazzjoni tal-valuta nazzjonali possibbilment imposta fil-mument tal-pubblikazzjoni tat-tariffi tal-passiġġieri (it-tieni domanda)

59.

It-tieni domanda preliminari hija magħmula biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari li mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jirriżulta li t-trasportaturi bl-ajru huma obbligati jippubblikaw in-nollijiet tal-ajru tagħhom f’valuta nazzjonali partikolari. Peress li nipproponi li tingħata risposta opposta għall-ewwel domanda, inqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għal din it-tieni domanda. L-osservazzjonijiet qosra segwenti għalhekk se jsiru biss sussidjarjament.

60.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tgħid f’liema valuta nazzjonali jistgħu jiġu indikati n-nollijiet tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija aktar ’il fuq, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jiġifieri meta trasportatur bl-ajru stabbilit fi Stat Membru (f’dan il-każ, il-Ġermanja) ibiegħ, permezz tas-sit internet tiegħu b’isem ta’ dominju tal-ogħla livell li jikkollegah ma’ dan l-Istat (f’dan il-każ, “www.germanwings.de” ( 63 )), lil konsumatur li jinsab f’dan l-istess pajjiż, servizz tal-ajru li l-post ta’ tluq tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, ir-Renju Unit). Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk huwiex importanti, f’dan ir-rigward, li t-trasportaturi bl-ajru kollha jew il-maġġoranza tagħhom jindikaw dawn in-nollijiet fil-valuta nazzjonali applikabbli fil-post tat-tluq.

61.

Il-Verbraucherzentrale tallega li għandha tittieħed bħala bażi l-valuta nazzjonali tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt konkluż bejn it-trasportatur bl-ajru u l-konsumatur indirizzat mir-reklamar, abbażi tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 593/2008 ( 64 ). Minn dan jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, in-noll tat-titjira inkwistjoni kellu jiġi indikat fil-valuta Ġermaniża, jiġifieri f’euro, u mhux fil-valuta tar-Renju Unit, jiġifieri l-lira sterlina.

62.

Madankollu, Germanwings issostni li n-nollijiet tal-ajru għandhom jiġu indikati f’euro jew fil-valuta nazzjonali tal-Istat Membru tal-post tat-tluq u li l-kriterji l-oħra ta’ konnessjoni elenkati fit-tieni domanda preliminari huma irrilevanti għad-determinazzjoni tal-valuta nazzjonali, fis-sens tar-Regolament Nru 1008/2008. Il-qorti tar-rinviju tidher li xxaqleb lejn din l-interpretazzjoni.

63.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li t-trasportaturi bl-ajru jesprimu n-nollijiet tal-ajru, il-prezzijiet finali u l-elementi l-oħra msemmija f’din id-dispożizzjoni fil-valuta tal-post tat-tluq. B’mod sussidjarju, jien naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni, peress li, fil-fehma tiegħi, l-imsemmi Artikolu 23(1) ma jipprovdi xejn dwar dan is-suġġett ( 65 ).

64.

Fl-ewwel lok, jidhirli li l-kriterju tal-post tat-tluq tat-titjira kkonċernata jista’ jkun rilevanti biex tiġi ddeterminata l-valuta nazzjonali li fiha n-nollijiet tal-ajru għandhom jiġu ddenominati. Fil-fatt, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, peress li l-punt tat-tluq tat-titjira huwa neċessarjament komuni għas-servizzi kollha tal-ajru ipparagunati, il-valuta nazzjonali użata mid-diversi trasportaturi biex jagħmlu l-offerti tagħhom tkun l-istess għal dawn is-servizzi kollha, li jiffaċilita, b’mod partikolari, il-paragun effettiv tal-prezzijiet, previst mir-Regolament Nru 1008/2008 ( 66 ). Il-Kummissjoni ġustament issostni wkoll li dan huwa kriterju li huwa oġġettivament marbut mat-tranżazzjoni, għaliex huwa f’dan il-post li tibda l-eżekuzzjoni tas-servizz miftiehem ( 67 ). Barra minn hekk, jidher li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-klijent li jrid imur fil-post tat-tluq tat-titjira li jkun qiegħed jikkunsidra li jixtri huwa mistenni li jkun jaf il-munita ta’ dak il-pajjiż kif ukoll kif jużaha, bħat-trasportatur li jipprovdi dan is-servizz.

65.

Nippreċiża li ma huwiex determinanti, fil-fehma tiegħi, jekk it-trasportaturi bl-ajru kollha jew il-maġġoranza tagħhom jindikawx jew le t-tariffi tagħhom fil-valuta nazzjonali tal-post tat-tluq, kif imsemmi fl-aħħar tad-domanda magħmula ( 68 ). Madankollu, l-eżistenza possibbli ta’ din il-prattika, jekk tiġi stabbilita, tista’ ssaħħaħ l-idea li t-trasportaturi jkunu jistgħu faċilment jissodisfaw dan il-kriterju.

66.

Barra minn hekk, li l-post tat-tluq tat-titjira jintuża bħala kriterju jkun kompatibbli mal-fatt li l-espressjoni “muniti lokali” użata fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, dwar in-nollijiet tal-ajru, għandha tingħata tifsira li tkun tgħodd ukoll għall-espressjoni użata b’mod identiku għar-rati tal-ajru għat-trasport tal-merkanzija fil-punt 19 tal-istess artikolu dwar ir-rati tal-ajru ( 69 ), li ma jippermettix l-adozzjoni tal-kriterju propost mill-Verbraucherzentrale ( 70 ).

67.

It-tieni nett, bħall-qorti tar-rinviju u Germanwings, inqis li l-kriterju tal-post fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tat-trasportatur bl-ajru li joffri s-servizz inkwistjoni ma jistax jiġi aċċettat, minħabba li l-valuti li jistgħu jintużaw biex jiġi indikat il-prezz ta’ servizz identiku jvarjaw skont l-għadd ta’ pajjiżi fejn huma stabbiliti d-diversi trasportaturi li joffru dan is-servizz ( 71 ), li mhuwiex ser jgħin lill-klijenti jqabblu l-prezzijiet.

68.

It-tielet nett, lanqas ma jkun xieraq li jiġi adottat il-kriterju tal-isem ta’ dominju tal-ogħla livell tal-indirizz tal-internet użat mit-trasportatur bl-ajru li joffri s-servizz ikkonċernat. Bħall-qorti tar-rinviju, jidhirli li jkun faċli għal trasportatur tal-ajru li jevita dan il-kriterju billi b’mod arbitrarju, jagħżel isem ta’ dominju tal-ogħla livell tal-pajjiż li fil-valuta tiegħu jkun jixtieq jindika n-nollijiet tiegħu. Barra minn hekk, Germanwings tinvoka ġustament li l-ismijiet tad-dominju mhumiex dejjem nazzjonali, għalhekk mhux bilfors jirreferu għal pajjiż speċifiku, kif jista’ jkun il-każ jekk l-indirizz jispiċċa b’“.com”, ipoteżi li fiha l-kriterju ta’ konnessjoni inkwistjoni jfalli.

69.

Ir-raba’ nett, lanqas ma jien favur il-kriterju tal-post ta’ residenza tal-klijent jew il-kriterju tal-post ta’ residenza abitwali tal-klijent, peress li ġie osservat li dawn iż-żewġ postijiet mhux bilfors jikkoinċidu, ladarba jista’ jkun hemm sitwazzjoni fejn persuna tkun trid tixtri servizz tal-ajru minn pajjiż li normalment ma tgħixx fih. Anki jekk jista’ jiġi preżunt li l-klijent ikun familjari mal-valuti fis-seħħ f’dawn il-postijiet, dawn il-kriterji ma humiex xierqa fil-fehma tiegħi, peress li, fil-mument li t-trasportatur bl-ajru jagħmel l-offerta ta’ bejgħ tiegħu, ma jkunx jista’ jiddetermina l-pajjiż fejn jinsab il-pubbliku li effettivament se juri interess. Kif issemmi l-qorti tar-rinviju, tali approċċ jobbliga lil-linji tal-ajru jillokalizzaw upstream lill-klijenti potenzjali kollha u, kull darba, jindikaw nollijiet differenti għad-diversi żoni monetarji previsti, li jidhirli li huwa piż eċċessiv fir-rigward tal-għan doppju tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

70.

Il-ħames nett, it-teżi sostnuta mill-Verbraucherzentrale ( 72 ) ma tikkonvinċinix għar-raġunijiet li ġejjin. Minn naħa, jista’ jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1008/2008 ma jistabbilixxi l-ebda rabta mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 593/2008, minkejja li dan tal-aħħar ġie adottat ftit xhur qabel dak tal-ewwel. Min-naħa l-oħra, skont il-Verbraucherzentrale, abbażi tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 593/2008, fin-nuqqas ta’ għażla mill-partijiet, tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn il-passiġġier għandu r-residenza abitwali tiegħu, u għalhekk għandha tintuża l-valuta ta’ dak il-pajjiż fil-pubblikazzjoni tan-nollijiet, sakemm jew il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tat-titjira jinsab hemmhekk ukoll. Issa, tali approċċ ikun jeħtieġ li l-passiġġier futur jiġi lokalizzat permezz ta’ softwer jew li dan jindika sistematikament ir-residenza abitwali tiegħu biex ikun jaf in-nollijiet proposti, li jista’ jikkawża problemi prattiċi u possibbilment legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, kif qalet Germanwings. Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni proposta mill-Verbraucherzentrale tinjora l-fatt li l-Artikolu 5(3) jinkludi regola supplimentari ta’ prossimità li tista’, fil-fatt, twassal sabiex jiġi indikat pajjiż ieħor ( 73 ), u mhux biss dak li fih jgħix il-passiġġier.

71.

Konsegwentement, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jimponi fuq it-trasportaturi bl-ajru li jesprimu n-nollijiet tagħhom f’valuta nazzjonali partikolari, fil-fehma tiegħi jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tkun li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, ma tipprekludix li n-nollijiet inkwistjoni jiġu ddenominati fil-valuta tal-pajjiż tal-post tat-tluq tat-titjira kkonċernata.

V. Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tagħti risposti għad-domandi tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jippubblikaw in-nollijiet tal-ajru tagħhom, it-trasportaturi bl-ajru mhumiex obbligati jesprimu dawn in-nollijiet f’valuta nazzjonali partikolari, jekk ma jkunux espressi f’euro.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

( 3 ) Inkwantu l-imsemmi Artikolu 23(1) isemmi espressament “servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat”.

( 4 ) Ninnota li, permezz ta’ dawn l-aħħar kelmiet, il-qorti tar-rinviju tiffoka d-domanda tagħha fuq dawk il-każijiet fejn, bħal fil-kawża prinċipali, it-trasportaturi bl-ajru għandhom l-intenzjoni li jużaw valuta differenti mill-euro, biex jikkomunikaw in-nollijiet tagħhom lill-passiġġieri potenzjali.

( 5 ) Ara wkoll il-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Nippreċiża li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, il-Kummissjoni pproponiet risposta konġunta għaż-żewġ domandi preliminari u tat opinjoni moderata, billi sostniet, minn naħa, li r-Regolament Nru 1008/2008 ma jimponi “ebda restrizzjoni” fuq it-trasportatur bl-ajru fir-rigward tal-għażla tal-“valuta lokali” li fiha huwa jesprimi n-nollijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi regolament jista’ “l-iktar” jimponi li din l-għażla ma tkunx “kompletament arbitrarja”, peress li dan l-istrument jippreskrivi biss l-osservanza ta’ “kriterji oġġettivi marbuta mat-tranżazzjoni, fejn it-trasportatur bl-ajru jista’ jagħmel din l-għażla, mingħajr ma jkun neċessarjament limitat għal valuta lokali waħda”.

( 7 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, jekk ikun il-każ, għandha tifformula mill-ġdid id-domandi preliminari magħmula, sabiex tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, SAKSA, C‑185/17, EU:C:2018:108, punt 28).

( 8 ) Bħalma huwa l-każ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1008/2008, li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba f’din il-kawża.

( 9 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato (C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 31), kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 20).

( 10 ) Ara t-titolu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008 li jsemmi wkoll in-“non-diskriminazzjoni”, li hija s-suġġett tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu.

( 11 ) Dwar l-għanijiet ta’ dawn ir-rekwiżiti, ara l-punti 44 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Ara wkoll il-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) B’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-21 ta’ April 2008, dwar il-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-regolament futur Nru 1008/2008 (COM(2008) 175 finali, p. 4) tippreċiża li “l-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ l-obbligi tat-trasparenza ta’ l-informazzjoni […] twessa’ għal kull titjira li tibda fil-Komunità, inklużi t-titjiriet operati minn kumpaniji ta’ pajjiżi terzi (l-Artikolu 24 [li sar l-Artikolu 23]). […] [L-aħħar sentenza tal-]premessa 15 [li saret il-premessa 16] tħeġġeġ lill-kumpaniji Komunitarji juru l-istess livell ta’ trasparenza għat-titjiriet [minn pajjiżi terzi u] bid-destinazzjoni f’ajruport tal-Komunità” (enfasi miżjuda minni).

( 14 ) Fuq l-oriġini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ara wkoll il-punti 29 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) It-terminoloġija użata f’dan il-punt 18 tal-Artikolu 2, ma teskludix a priori li “munita lokali” tista’ tkun dik ta’ Stat terz, billi l-premessi 8, 10 u 16 kif ukoll l-Artikoli 13, 15 u 22 tal-istess regolament jirreferu għas-servizzi tal-ajru b’konnessjoni ma’ pajjiżi terzi. Madankollu, jidhirli li huwa probabbli li l-leġiżlatur kien qed jikkunsidra pjuttost il-valuta ta’ Stat Membru li ma jkunx adotta l-euro, li jikkostitwixxi l-possibbiltà l-oħra prevista fl-imsemmi punt 18. Fi kwalunkwe każ, għalkemm il-Verbraucherzentrale u Germanwings ipproponew li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari billi tiġi speċifikata “il-valuta nazzjonali tal-Istat Membru” (enfasi miżjuda minni), il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fil-fehma tiegħi, tiddeċiedi fuq dan il-punt, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ din il-kawża.

( 16 ) Skont il-qorti tar-rinviju, kieku l-formula użata kienet “il-prezzijiet espressi f’euro jew f’munita lokali” (enfasi miżjuda minni), kien jirriżulta b’mod iktar ċar li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jagħti tali għażla. Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

( 17 ) B’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“moneda local”), bid-Daniż (“lokal valutale”), bl-Ingliż (“local currency”), bit-Taljan (“valuta locale”), bl-Olandiż (“lokale valuta”) u bil-Portugiż (“moeda local”).

( 18 ) B’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża (“Landeswährung”), bil-Franċiż (“monnaie nationale”) u bl-Isvediż (“nationell valuta”).

( 19 ) Ara wkoll il-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Anisimovienė et (C‑688/15 u C‑109/16, EU:C:2018:209, punt 78).

( 21 ) Fuq dan is-suġġett, ara wkoll il-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Nippreċiża li l-kunċett ta’ “noll(ijiet) ta’ l-ajru” jintuża mhux biss fl-Artikolu 23 tal-imsemmi Regolament, iżda wkoll fil-premessa 15 tiegħu kif ukoll fl-Artikoli 16 u 22 tiegħu.

( 23 ) Skont l-Artikolu 23(1), “[d]an il-prezz finali li għandu jitħallas […] għandu jinkludi n-noll […] ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni” (enfasi miżjuda minni).

( 24 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) F’dan is-sens, fir-rigward tal-iskema applikabbli għad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-prezz finali, ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin (C‑290/16, EU:C:2017:523, punti 23 et seq.).

( 26 ) Fuq il-kontenut tal-imsemmija regoli u fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, ara l-punti 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda s-silenzju tal-leġiżlatur, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, Fédération des entreprises de la beauté (C‑13/17, EU:C:2018:246, punti 3435 kif ukoll il-punti 45 et seq.).

( 28 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar nolijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 427), li ġie mħassar bir-Regolament Nru 1008/2008 (ara l-Artikolu 27 ta’ dan tal-aħħar).

( 29 ) Kif ġej: “Trasportaturi bl-ajru li joperaw ġewwa l-Komunità għandhom jinfurmaw lill-pubbliku inġenerali, fuq talba, bin-nolijiet ta’ l-ajru kollha u rati standard ta’ tagħbija.”

( 30 ) Ara l-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità, datata t-18 ta’ Lulju 2006 (COM(2006) 396 finali, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 2, 4 u 10, kif ukoll il-premessa 15 u l-Artikolu 24(1)). Ara wkoll ir-rapport tal-Parlament Ewropew, tal-11 ta’ Mejju 2007, fuq din il-proposta (A6–178/2007, p. 25 sa 29 u 33); l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-31 ta’ Mejju 2007, fuq din il-proposta (ĠU 2007, C 175, p. 85, punt 8) kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet (p. 3 u 4).

( 31 ) F’dan ir-rigward, ara l-premessi 2 u 6 kif ukoll l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ l-Euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 81), kif ukoll il-premessa 2 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98, tat-3 ta’ Mejju 1998, dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 111, rettifika fil-ĠU 2017, L 253, p. 41).

( 32 ) Ara l-punti (a) sa (d) tal-imsemmi Artikolu 2, li rispettivament jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “nolijiet ta’ l-ajru”, “rati tal-postijiet”, ta’ “nolijiet ta’ charter” u “rati ta’ tagħbija”.

( 33 ) Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Regolament (KEE) tal-Kunsill dwar it-tariffi u r-rati tal-merkanzija tas-servizzi tal-ajru, datata t-18 ta’ Settembru 1991 (COM(91) 275 finali, p. 3). Dwar il-liberalizzazzjoni tal-iffissar tal-imsemmija tariffi, ara p. 14 sa 16 ta’ dan id-dokument.

( 34 ) Ara d-Direttiva tal-Kunsill 87/601/KEE tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar in-nollijiet għal servizzi skedati bl-ajru bejn Stati Membri (ĠU 1987, L 374, p. 12) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2342/90 tal-24 ta’ Lulju 1990 dwar in-nollijiet għal servizzi skedati bl-ajru (ĠU 1990, L 217, p. 1). Ninnota li fid-Direttiva 87/601 ma nżammitx il-frażi “munita li għandha valuta legali lokalment” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr kriterji ta’ lokazzjoni, oriġinarjament prevista mill-Kummissjoni (ara l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 1981 dwar it-tariffi għat-trasport bl-ajru skedat bejn l-Istati Membri, ĠU 1982, C 78, p. 6).

( 35 ) Ara l-Artikolu 2 tal-proposta msemmija hawn fuq (COM(91) 275 finali, p. 57).

( 36 ) Ara r-Rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-Parlament tas-27 ta’ Marzu 1992 (A3–142/92, p. 16 — Emenda 5 li jaqra kif ġej: “prezz pagabbli f’ecu/valuta lokali xierqa” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u p. 28, fejn huwa indikat li “[i]l-possibilità tal-formulazzjoni tat-tariffi […] f’valuta nazzjonali tidher li hija rilevanti fid-dawl tal-prattika attwali, iżda għandu jkun hemm kontroll biex jiġi evitat li din l-għażla ma tintużax, pereżempju, biex taħbi differenzi bejn it-tariffi domestiċi u esterni”) [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll l-Opinjoni tal-Parlament tat-8 ta’ April 1992 dwar il-proposta inkwistjoni tal-Kummissjoni (ĠU 1992, C 125, p. 147, emenda Nru 23).

( 37 ) Fl-opinjoni tiegħu tad-29 ta’ April 1992, dan il-Kumitat iqis xieraq li “issir allużjoni [fid-definizzjoni ta’ “nollijiet tal-ajru”] għall-muniti lokali kif ukoll għall-ecu sakemm din tiġi introdotta bħala valuta komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1992, C 169, p. 20, punt 5.2.1.1.1, enfasi miżjuda minni).

( 38 ) Bl-għarfien li l-proposta emendata ppreżentata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ġunju 1992 (COM(92) 274 finali, ĠU 1992, C 206, p. 54, emenda nru 5) kienet qed tuża l-formulazzjoni proposta mill-Parlament (“prezz pagabbli f’ecu/valuta lokali xierqa”), li madankollu ma nżammitx fil-verżjoni finali tar-Regolament Nru 2409/92 (“prezzijiet espressi f’ecu jew f’muniti lokali”).

( 39 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, ħlief fil-kuntest tal-obbligi ta’ servizz pubbliku msemmija fl-Artikolu 16 tiegħu, “it-trasportaturi ta’ l-ajru […] għandhom jistabbilixxu nollijiet ta’ l-ajru għal servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji”.

( 42 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin (C‑290/16, EU:C:2017:523, punti 4647), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li mill-għan imfittex mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma jistax jiġi dedott li l-kuntratti tat-trasport bl-ajru ma jkunux suġġetti għall-osservanza tar-regoli ġenerali li jipproteġu lill-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti.

( 43 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Vueling Airlines (C‑487/12, EU:C:2014:27, punti 27 et seq.).

( 44 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1008/2008 saħħaħ b’mod sinifikanti l-libertà tal-ipprezzar tat-tariffi meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet li kien hemm fl-Artikoli 5 sa 8 tar-Regolament Nru 2409/92.

( 45 ) Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32).

( 46 ) Fil-21 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 98/6, fejn indikat li, skont l-Artikolu 4(1) tagħha, xi Stati Membri stabbilixxew limitazzjonijiet fuq l-indikazzjoni tal-prezzijiet f’valuta nazzjonali u f’euro li kienu applikabbli matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni lejn l-euro (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, COM(2006) 325 finali, punt 4).

( 47 ) Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

( 48 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-19 ta’ Diċembru 2011, intitolata “Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: Komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport” [COM(2011) 898 finali, punt 3.2].

( 49 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2015, Air Berlin (C‑573/13, EU:C:2015:11, punt 33), u tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin (C‑290/16, EU:C:2017:523, punt 30), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.

( 50 ) Kuntrarjament għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni (COM(2006) 396 finali, p. 10, 13 u 50), il-premessi 15 u 16 kif ukoll l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprevedu l-“klijenti”, jiġifieri l-persuni li jixtru biljetti tal-ajru, peress li huwa possibbli li l-“passiġġieri”, jiġifieri l-persuni li jivvjaġġaw b’dawn il-biljetti, ma jkunux xtrawhom huma stess.

( 51 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet u d-dokumenti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna relatata ma’ dan il-punt.

( 52 ) Għaldaqstant, il-ħames premessa tar-Regolament Nru 2409/92, imħassar bir-Regolament Nru 1008/2008, kienet tindika li hu xieraq “li l-libertà tal-prezzijiet tkun ikkumplimentata b’salvagwardi xierqa għall-interessi tal-konsumaturi u l-industrija.”

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq (COM(2011) 898 finali, punt 3.2).

( 54 ) Interpretazzjoni wiesgħa hija ġġustifikata wkoll fil-kuntest tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kumpens u l-assistenza lill-passiġġieri f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien ta’ titjira, li għandhom l-għan espress li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2012, Finnair, C‑22/11, EU:C:2012:604, punti 2334, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela-Villamor, C‑321/11, EU:C:2012:609, punti 2533).

( 55 ) Dwar dan is-suġġett, ara s-siltiet tad-dokumenti preparatorji li huma msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari rigward il-kontenut tad-data li għandha tiġi kkomunikata lill-klijenti u rigward it-termini ta’ din il-komunikazzjoni (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland, C‑112/11, EU:C:2012:487, punti 11 sa 20; tat-18 ta’ Settembru 2014, Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punti 32 sa 39; tal-15 ta’ Jannar 2015, Air Berlin, C‑573/13, EU:C:2015:11, punti 20 sa 45, kif ukoll tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin, C‑290/16, EU:C:2017:523, punti 18 sa 36).

( 57 ) Skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mar-regoli stabbiliti fil-[Kapitolu dwar id-dispożizzjonijiet dwar l-ipprezzar] u għandhom jistabbilixxu penalitajiet għall-ksur tagħhom [li] għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi”.

( 58 ) Ara wkoll Grard, L., “Des règles nouvelles pour le marché unique du transport aérien”, Revue de droit des transports, 2008, Nru 12, kummentarju 260, Taqsima 3B.

( 59 ) Fuq dan is-suġġett, ara l-punti 59 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) B’kuntrast, b’mod partikolari, mal-obbligi imposti fuq it-trasportatur bl-ajru li jindikaw il-prezz finali kull meta jindikaw il-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru u għal kull servizz tal-ajru indikat min-noll, kif ukoll l-ammont tad-diversi elementi li jiffurmaw il-prezz finali (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2015, Air Berlin, C‑573/13, EU:C:2015:11, punti 3441, u tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin, C‑290/16, EU:C:2017:523, punti 2436).

( 61 ) Il-Kummissjoni tqis, ġustament fil-fehma tiegħi, li n-nollijiet tal-ajru għandhom ikunu jistgħu jiġu espressi f’euro irrispettivament mill-ajruporti li bejniethom hija proposta r-rotta.

( 62 ) Minn naħa, kif indikat fl-aħħar tat-tieni domanda preliminari, jidher li t-trasportaturi bl-ajru spiss jesprimu r-rati tagħhom fil-munita tal-post tat-tluq ta’ titjira, li jwassal għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni f’munita waħda. Min-naħa l-oħra, jista’ jiġri wkoll li t-trasportaturi joqogħdu attenti li jindikaw it-tariffi tagħhom kemm f’euro kif ukoll fil-munita nazzjonali, ħaġa li żżid il-punti ta’ tqabbil. Fl-aħħar nett, mhuwiex rari li l-klijent, jew l-aġenzija tal-ivvjaġġar li tbigħlu t-titjira, jużaw softwer ta’ konverżjoni, li jsolvi d-differenza bejn il-muniti.

( 63 ) Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, li, fil-prinċipju, huma biss huma awtentiċi, għalkemm huwa ppreċiżat li Germanwings sostniet, waqt is-seduta, li l-estensjoni hija fir-realtà “.com/de”, bl-ogħla livell ikun “.com” — li mhuwiex dominju tal-ogħla livell speċifiku għal xi pajjiż — u li l-linja dijagonali ta’ qabel id-“de” tindika biss il-lingwa tas-sit tal-internet.

( 64 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008 L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87), li l-Artikolu 5 tiegħu jgħid:
“2. Sa fejn il-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ trasport ta’ passiġġieri ma ġietx magħżula mill-partijiet skond it-tieni subparagrafu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih il-passiġġier ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li l-post ta’ tluq jew il-post tad-destinazzjoni jkunu f’dak il-pajjiż. Jekk dawn ir-rekwiżiti ma jiġux sodisfatti, għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn it-trasportatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu.
Fir-rigward tal-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ trasport ta’ passiġġieri skond l-Artikolu 3, il-partijiet jistgħu jagħżlu biss il-liġi tal-pajjiż fejn:
(a) il-passiġġier ikollu r-residenza abitwali tiegħu; jew
(b) it-trasportatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu; jew
(ċ) it-trasportatur ikollu l-post ta’ l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu; jew
(d) ikun hemm il-post tat-tluq; jew
(e) ikun hemm il-post tad-destinazzjoni;
3. Fejn jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li, fin-nuqqas ta’ għażla ta’ liġi, il-kuntratt huwa manifestament aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.”

( 65 ) Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda preliminari (ara l-punti 15 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 66 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 44 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 67 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C-448/16, EU:C:2018:160, punt 68), mogħtija rigward il-ġurisdizzjoni, li tipprovdi li “[i]l-post tat-tluq kif ukoll il-post tal-wasla tal-ajruplan għandhom jitqiesu, fuq l-istess livell, bħala l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ trasport bl-ajru”. Ninnota li, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex qed tintalab twieġeb mill-angolu tal-post tal-wasla.

( 68 ) Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Germanwings invokat, fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-użu tal-valuta tal-post tat-tluq huwa l-prassi tat-trasportaturi bl-ajru. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, Germanwings tenniet dan l-argument, għalkemm ammettiet, fir-risposta li tipproponi li tingħata, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1008/2008 ma tistax tiddependi minn jekk dik hijiex il-prattika normali.

( 69 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Li tibbaża fuq kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-persuni ttrasportati, li jidhirli li huma ineffettivi fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija.

( 71 ) Il-qorti tar-rinviju tagħti l-eżempju li, skontu, għal titjira li titlaq mir-Renju Unit, in-noll jista’ jkun indikat f’liri sterlini minn trasportatur stabbilit f’dak il-pajjiż, f’euro minn trasportatur stabbilit fil-Ġermanja, f’forint minn trasportatur stabbilit fl-Ungerija u fi zlote Pollakki minn trasportatur stabbilit fil-Polonja.

( 72 ) Teżi mfakkra fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 ) Ara ċ-ċitazzjoni tal-imsemmi Artikolu 5 fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top