Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0242

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2018.
    Legatoria Editoriale Giovanni Olivotto (L.E.G.O.) SpA vs Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Bijolikwidi użati għal installazzjoni termoelettrika – Direttiva 2009/28/KE –Artikolu 17 – Kriterji tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi – Artikolu 18 – Sistemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438/UE – Skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi approvati mill-Kummissjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-operaturi intermedjarji li jippreżentaw ċertifikati ta’ sostenibbiltà — Artikolu 34 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija.
    Kawża C-242/17.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:318

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

    Kawża C‑242/17

    Legatoria Editoriale Giovanni Olivotto (LEGO) SpA

    vs

    Gestore dei servizi energetici (GSE) SpA,

    Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

    Ministero dello Sviluppo Economico,

    Ministero delle Politiche Agricole e Forestali,

    fil-preżenza ta’:

    ED & F Man Liquid Products Italia Srl,

    Unigrà Srl,

    Movendi Srl

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

    “Domanda preliminari — Ambjent — Promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli — Garanzija tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi — Metodu tal-bilanċ tal-massa — Sistemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà — Skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà, approvati mill-Kummissjoni — Operaturi ekonomiċi obbligati li jippreżentaw ċertifikati ta’ sostenibbiltà”

    1. 

    Fis-sentenza E.ON Biofor Sverige ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-impatt ta’ ċerti miżuri meħuda mill-Isvezja sabiex tivverifika s-sostenibbiltà tal-bijogassijiet mill-bijomassa, meta kienu suġġetti għal kummerċ intra-Komunitarju (dawn tqassmu permezz ta’ pipelines tal-gass f’diversi Stati Membri).

    2. 

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax biss il-bijogassijiet, iżda tirrigwarda wkoll il-bijolikwidi sostenibbli (speċifikament iż-żejt tal-palm li joriġina mill-Indoneżja u li huwa kkummerċjalizzat f’ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni). Filwaqt li dawk tal-ewwel jinkisbu mill-bijomassa għall-użu fit-trasport, tal-aħħar jiġu wkoll mill-bijomassa, iżda huma maħsuba għal għanijiet ta’ enerġija minbarra għat-trasport, fosthom il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-produzzjoni ta’ tisħin u tkessiħ.

    3. 

    F’din il-kawża għandha tiġi eżaminata r-relazzjoni bejn żewġ tipi ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni għas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi: dawk nazzjonali, minn naħa, u dawk volontarji, approvati mill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-portata tal-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28/KE ( 3 ), b’rabta mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2011/438 ( 4 ).

    4. 

    Fuq il-bażi ta’ din il-premessa, is-sentenza għandha tiċċara jekk l-applikazzjoni ta’ waħda mis-sistemi (nazzjonali jew volontarji) sabiex tiġi ċċertifikata s-sostenibbiltà tal-bijolikwidi hijiex alternattiva u esklużiva jew sempliċement sussidjarja.

    5. 

    Ir-risposta għandha tippermetti li jiġu ċċarati d-dubji tal-qorti inkwistjoni fir-rigward tal-possibbiltà li Stat Membru jirrikjedi konformità mar-rekwiżiti addizzjonali għall-operaturi ekonomiċi li aċċettaw sistema volontarja.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 2009/28

    6.

    Skont il-premessa 76:

    “Il-kriterji ta’ sostenibbiltà jkunu effettivi biss jekk iwasslu għal tibdiliet fl-imġiba tal-atturi fis-suq. Dawk it-tibdiliet iseħħu biss jekk il-bijokarburanti u bijolikwidi li jissodisfaw dawk il-kriterji jkunu jgwadu minn vantaġġ fil-prezz meta imqabbla ma’ dawk li ma jissodisfawhomx. Skont il-metodu tal-bilanċ tal-massa tal-verifika tal-konformità, hemm rabta fiżika bejn il-produzzjoni tal-bijokarburanti u bijolikwidi li jilħqu l-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi fil-Komunità, li tipprovdi bilanċ xieraq bejn il-provvista u d-domanda u tassigura vantaġġ fil-prezz li huwa ikbar milli f’sistemi fejn m’hemmx din ir-rabta. Biex ikun żgurat li bijokarburanti u bijolikwidi li jilħqu l-kriterji ta’ sostennibiltà jistgħu jinbiegħu bi prezz ogħla, il-metodu tal-bilanċ tal-massa għandha għalhekk tintuża biex tkun ivverifikata l-konformità. Dan għandu jżomm l-integrità tas-sistema filwaqt li fl-istess ħin jevita l-impożizzjoni ta’ piż mhux raġonevoli fuq l-industrija. Madankollu, jeħtieġ li jiġu vverifikati metodi oħra ta’ verifika.”

    7.

    L-Artikolu 2(h) u (i), jinkludi dawn id-definizzjonijiet:

    “h)

    ‘bijolikwidi’ tfisser karburant likwidu għal għanijiet ta’ enerġija minbarra għat-trasport, inklużi l-elettriku u t-tisħin u t-tkessiħ, prodott mill-bijomassa;

    i)

    ‘bijokarburanti’ tfisser karburant likwidu jew ġassuż għat-trasport prodott mill-bijomassa”.

    8.

    Il-premessa 65 hija fformulata kif ġej:

    “Il-produzzjoni tal-bijokarburanti għandha tkun sostenibbli. Il-bijokarburanti użati għall-konformità mal-miri stabbiliti f’din id-Direttiva, u dawk li jibbenefikaw minn skemi ta’ sostenn nazzjonali, għandhom għalhekk jiġu meħtieġa jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà.”

    9.

    L-Artikolu 17 jiddeskrivi l-kriterji għas-sostenibbiltà kif ġej:

    “1.   Irrispettivament minn jekk il-materja prima kenitx ikkultivata ġewwa jew barra t-territorji tal-Komunità, l-enerġija mill-bijokarburanti u bijolikwidi għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) biss jekk tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6:

    a)

    il-kejl tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-miri nazzjonali;

    b)

    il-kejl tal-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli;

    c)

    l-eliġibbiltà għal sostenn finanzjarju għall-konsum ta’ bijokarburanti u bijolikwidi.

    […]

    2.   L-iffrankar ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett serra mill-użu ta’ bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrat għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mill-anqas 35 %.

    […]

    3.   Il-bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 m’għandhomx isiru minn materja prima miksuba minn art b’valur għoli ta’ bijodiversità […]

    […]

    4.   Il-bijokarburanti u bijolikwidi kkundistrati għall-finijiet msemmija il-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 m’għandhomx isiru minn materja prima miksuba minn art b’ħażna għolja ta’ karbonju […]

    […]

    5.   Il-bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 m’għandhomx isiru minn materia prima miksuba minn art li kienet art tal-peat f’Jannar 2008 […].

    6.   Materja prima agrikola kkultivata fil-Komunità u użata għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandhom jinkisbu skont ir-rekwiżiti u l-istandards taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija taħt l-intestatura ‘Ambjent’ fil-Parti A u fil-punt 9 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 tal-Kunsill, tad‑19 ta’ Jannar 2009 […]

    […]

    8.   Għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri m’għandhomx jirrifjutaw li jikkunsidraw, għal raġunijiet oħra ta’ sostenibbiltà, bijokarburanti u bijolikwidi miksuba f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

    […]”

    10.

    L-Artikolu 18 (“Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi”) jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 7 tiegħu:

    “1.   Fejn bijokarburanti u bijolikwidi għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(1), l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ġew sodisfatti. Għal dak il-għan għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jużaw sistema ta’ bilanċ tal-massa li:

    a)

    tippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew bijokarburant b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jiġu mħallta;

    b)

    teħtieġ li informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà u d-daqsijiet tal-kunsinni msemmija fil-punt (a) tibqa’ assenjata lit-taħlita; u

    c)

    tipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita tiġi deskritta bħala li għandha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2010 u l-2012 dwar it-tħaddim tal-metodu ta’ verifika tal-bilanċ tal-massa deskritt fil-paragrafu 1 u dwar il-potenzjal li jkunu permessi metodi oħra ta’ verifika fir-rigward ta’ xi tipi ta’ materja prima, bijokarburanti jew bijolikwidi. […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jippreżentaw informazzjoni affidabbli u li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, fuq talba, id-data li ntużat biex tkun żviluppata l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġament għal standard adegwat ta’ verifika indipendenti tal-informazzjoni ppreżentata, u li jipprovdu evidenza li dan sar. L-awditjar għandu jivverifika li s-sistemi użati mill-operaturi ekonomiċi huma preċiżi, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi. Dan għandu jevalwa l-frekwenza u l-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni u l-affidabilità tad-data.

    L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar il-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, ir-ristawr tal-art degradata, l-evitar ta’ konsum eċċessiv ta’ ilma f’zoni fejn l-ilma ikun skars kif ukoll informazzjoni xierqa u rilevanti dwar il-miżuri meħuda biex jitqiesu l-kwistjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7).

    […]

    L-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw kemm jekk il-bijokarburanti jew bijolikwidi jkunu prodotti fil-Komunità kemm jekk ikunu importati.

    […]

    4.   Il-Komunità għandha tħabrek biex tikkonkludi strumenti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi li fihom dispożizzjonijiet dwar kriterji ta’ sostenibbiltà li jikkorrispondu ma’ dawk ta’ din id-Direttiva. Fejn il-Komunità tkun ikkonkludiet strumenti ta’ ftehim li fihom dispożizzjonijiet li jkopru l-kwistjonijiet koperti mill-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dawk l-istrumenti ta’ ftehim juru li l-bijokarburanti u bijolikwidi prodotti minn materja prima kkultivata f’dawk il-pajjiżi jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà inkwistjoni. […]

    Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi nazzjonali jew internazzjonali volontarji li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-bijomassa jkollhom data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) jew juru li l-kunsinni ta’ bijokarburant jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3) sa (5). […]

    […]

    5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet skont il-paragrafu 4 biss jekk il-ftehim jew l-iskema kkonċernati jissodisfaw standards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti. […]

    6.   Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafu 4 għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(3). Dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu validi għal perijodu ta’ mhux aktar minn ħames snin.

    7.   Meta operatur ekonomiku jipprovdi prova jew data miksuba skont ftehim jew skema li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 4, sal-punt kopert minn dik id-deċiżjoni, Stat Membru m’għandux jeħtieġ li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5), u lanqas informazzjoni dwar il-miżuri msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    […]”

    2. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438

    11.

    L-Artikolu 1 jipprovdi:

    “L-iskema volontarja msejħa ‘International Sustainability and Carbon Certification’ li għaliha tressqet talba għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fit‑18 ta’ Marzu 2011, turi li l-kunsinni tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikoli 17(3)a, 17(3)b, 17(3)c, 17(4) u 17(5) tad-Direttiva 2009/28/KE u fl-Artikoli 7b(3)a, 7b(3)b, 7b(3)c, 7b(4) u 7b(5) tad-Direttiva 98/70/KE. L-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE. L-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.

    Barra minn hekk, tista’ tintuża biex tintwera l-konformità mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE u mal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE.”

    12.

    L-Artikolu 2(1), jindika:

    “Id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta’ ħames (5) snin wara li tidħol fis-seħħ.”

    Dan il-perijodu ntemm fid‑9 ta’ Awwissu 2016.

    3. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1361 ( 5 )

    13.

    Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/1361, il-Kummissjoni għal darba oħra rrikonoxxiet l-“International Sustainability and Carbon Certification” bħala skema li turi konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà skont id-Direttiva 2009/28 għal perijodu ta’ 5 snin.

    14.

    L-Artikolu 1 jipprovdi:

    “L-‘International Sustainability & Carbon Certification system’ (minn hawn ’il quddiem, ‘l-iskema’) li fit‑23 ta’ Ġunju 2016 tressqet lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent, turi li l-konsenji tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi prodotti skont l-istandards għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi stabbiliti fl-iskema jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà kif stabbiliti fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    […]”

    15.

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/1361/UE daħlet fis-seħħ fil‑11 ta’ Awwissu 2016.

    B.   Id-dritt nazzjonali

    1. Digriet Leġiżlattiv Nru 28 tal-2011 ( 6 )

    16.

    Skont l-Artikolu 38:

    “Mill‑1 ta’ Jannar 2012, il-bijokarburanti […] u l-bijolikwidi […] għandhom jitqiesu biss bil-għan li jintlaħqu l-objettivi nazzjonali u jistgħu jkollhom aċċess għall-għajnuna […] jekk josservaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà previsti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/30/KE”.

    2. Digriet Leġiżlattiv Nru 66 tal-2005 ( 7 )

    17.

    Skont l-Artikolu 2(1)(i)f, wara li ġie emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 55/2011 ( 8 ), “operatur ekonomiku” huwa:

    “Kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fil-Komunità jew f’pajjiż terz li toffri jew tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terzi, bi ħlas jew mingħajr ħlas, bijokarburanti maħsuba għas-suq Komunitarju, jew li toffri jew tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terzi, bi ħlas jew mingħajr ħlas, materja prima, prodotti intermedji, taħlitiet jew residwi għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti maħsuba għas-suq Komunitarju”.

    18.

    Dan l-istess digriet leġiżlattiv jirriproduċi fl-Artikolu 7c tiegħu l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fir-regolamenti tal-Unjoni u fl-Artikolu 7d tiegħu jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali għas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti (Sistema Nazionale di certificazione della sostenibilità dei biocarburanti), li magħha għandhom jikkonformaw ruħhom il-parteċipanti kollha fil-katina ta’ produzzjoni, sakemm ma jużawx ftehim jew sistema volontarja ta’ ċertifikazzjoni minn dawk ipprovduti fl-Artikolu 7c(4) tad-Direttiva 98/70/KE, introdott permezz tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/30.

    3. Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012 ( 9 )

    19.

    L-Artikolu 2 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

    “[…]

    2.   […]

    i)

    Ċertifikat ta’ sostenibbiltà: dikjarazzjoni magħmula mill-aħħar operatur fil-katina tal-provvista, b’valur ta’ awtoċertifikazzjoni […] li jinkludi l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi ggarantit li l-kunsinna ta’ bijokarburanti jew bijolikwidi hija sostenibbli;

    […]

    p)

    Katina ta’ provvista jew katina ta’ kustodja: metodu li jippermetti li l-ġenerazzjoni ta’ rabta bejn l-informazzjoni jew dikjarazzjonijiet relatati mal-materja prima jew mal-prodotti intermedji u d-dikjarazzjonijiet li jirreferu għall-prodotti finali. Dan il-metodu jinkludi l-fażijiet kollha ta’ produzzjoni tal-materja prima sal-provvista tal-bijokarburant jew bijolikwidu maħsub għall-konsum;

    […]

    3.   Operatur ekonomiku jfisser […]:

    a)

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni Ewropea jew f’pajjiż terz li toffri jew tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas, il-bijokarburanti u l-bijolikwidi maħsuba għas-suq tal-Komunità, […] u

    b)

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni Ewropea jew f’pajjiż terz li toffri jew tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas, materja prima, prodotti intermedji, prodotti sekondarji jew skart u taħlitiet tagħhom għall-produzzjoni tal-bijokarburanti u l-bijolikwidi maħsuba għas-suq Komunitarju.”

    20.

    L-Artikolu 8 jipprovdi:

    “1.   Esklużivament fir-rigward tal-elementi koperti minn skema volontarja li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 7c(4), tad-Direttiva 98/70, introdott permezz tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/30/KE, l-operaturi ekonomiċi li jikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-iskemi volontarji għandhom jagħtu prova tal-affidabbiltà tal-informazzjoni jew dikjarazzjonijiet ipprovduti lill-operatur ekonomiku li jmiss fil-katina ta’ provvista, lill-fornitur jew lill-utent, billi jakkumpanjaw il-kunsinni korrispondenti bil-provi jew informazzjoni pprovduti f’dawn l-iskemi. Dawn il-provi jew informazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal awtoċertifikazzjoni […];

    […]

    4.   Meta l-iskemi volontarji previsti fil-paragrafu 1 jew il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 2 ma jipprevedux verifika tal-kriterji kollha ta’ sostenibbiltà u l-użu tal-metodu ta’ bilanċ tal-massa, l-operaturi ekonomiċi fil-katina tal-provvista li kienu jibbenefikaw minnhom għandhom jikkompletaw dik il-verifika fi kwalunkwe każ fil-kwistjonijiet kollha li ma humiex previsti minn tali skemi jew ftehimiet, billi japplikaw is-sistema nazzjonali ta’ verifika.”

    21.

    L-Artikolu 12 jindika:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dan id-Digriet, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 8(1), l-operaturi ekonomiċi fil-katina ta’ provvista ta’ bijolikwidi jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi volontarji suġġetti għal deċiżjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tad-Direttiva 98/70/KE, li japplika għall-bijokarburanti, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2.

    2.   L-operaturi tal-katina ta’ provvista ta’ bijolikwidi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni indikata fl-Artikolu 7(5), (6), (7) u (8) fid-dikjarazzjoni jew ċertifikazzjoni li jakkumpanjaw il-kunsinni fil-katina ta’ provvista kollha, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin […]”.

    II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    22.

    Il-kumpannija Legatoria Editoriale Giovanni Olivotto SpA (iktar ’il quddiem, “LEGO”) tamministra stamperija f’Lavis (Provinċja ta’ Trento, ir-Reġjun ta’ Trentino Alto Adige, l-Italja). Fl-istabbiliment tagħha, hija bniet installazzjoni termoelettrika b’qawwa ta’ 0.840 megawatt, fejn bijolikwidu jintuża bħala kombustibbli, b’mod partikolari, iż-żejt veġetali tal-palm mhux irraffinat.

    23.

    Il-kumpannija li bniet dik l-installazzjoni kienet Movendi S.r.l., li aġixxiet, ukoll, bħala intermedjarja (trader) fl-akkwist tal-bijolikwidu meħtieġ bħala provvista lill-impjant termoelettriku.

    24.

    Fl‑24 ta’ Novembru 2010, LEGO talbet lill-kumpannija pubblika Gestore dei servizi energetici SpA (iktar ’il quddiem “GSE”) sabiex tikkwalifikaha bħala “installazzjoni li tuża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” ( 10 ). Din il-kwalifika, meta ngħatat, ippermettiet li din ikollha aċċess għall-iskema ta’ inċentivi ta’ ċertifikati ħodor (CV) matul it-tliet snin mill-2012 sal-2014, għal total ta’ 14698 CV, li jammontaw għal EUR 1610 421.58.

    25.

    Movendi ma kellhiex fis-setgħa tagħha, b’mod materjali, il-kunsinni tal-prodott li ġew ikkonsenjati direttament lil LEGO mill-kumpanniji ED & F Man Liquid Products Italia S.r.l. u Unigrà S.r.l. (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji fornituri”). Matul is-seduta, dawn l-impriżi indikaw li l-bijolikwidu pprovdut lil LEGO kien żejt tal-palma mhux irraffinat, importat mill-Indoneżja, u ġej minn Franza, u għalhekk kien diġà rrilaxxat għaċ-ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni.

    26.

    Fid‑19 ta’ Ġunju 2014, GSE stiednet lil LEGO biex tibgħatilha ċ-ċertifikazzjonijiet meħtieġa mil-liġi Taljana. LEGO bagħtitilha numru ta’ dokumenti fis‑26 ta’ Ġunju 2014.

    27.

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2014, GSE eskludiet lil LEGO mill-iskema ta’ inċentivi, minħabba li kisret il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-iskema tal-għajnuna u ordnat l-irkupru taċ-ċertifikati ħodor kollha mogħtija.

    28.

    Dik id-deċiżjoni kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-argumenti li ġejjin:

    Movendi, minkejja li topera bħala intermedjarju u li ma għandhiex fil-pussess tagħha l-bijolikwidu użat sabiex tagħti provvista lill-installazzjoni, għandha titqies bħala “operatur ekonomiku” skont it-tifsira tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012 u, għalhekk, kellha toħroġ, min-naħa tagħha, ċertifikat ta’ sostenibbiltà fir-rigward tal-kunsinni kollha ta’ bijolikwidu, peress li dawk maħruġa mill-kumpanniji fornituri ma kinux biżżejjed;

    Iċ-ċertifikati tas-sostenibbiltà kellhom data sussegwenti għat-trasport meta, skont id-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, dawn kellhom “jakkumpanjaw kull kunsinna”.

    29.

    LEGO appellat id-deċiżjoni ta’ GSE quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li ċaħdet it-talbiet tagħha fis-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2016. Kontra din is-sentenza, hija marret fl-aħħar istanza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

    30.

    Insostenn tal-appell tagħha, LEGO ssostni:

    Movendi ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “operatur ekonomiku”, fis-sens tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, peress li hija limitata sabiex ikollha r-rwol ta’ intermedjarju biex tikseb, f’isem LEGO, l-aħjar offerta ta’ bijolikwidu eżistenti fis-suq.

    Movendi lanqas ma hija parti mill-katina ta’ provvista, peress li ma amministratx materjalment il-kunsinni tal-bijolikwidu, li huma kkunsinnati lil LEGO direttament mill-kumpanniji fornituri.

    Il-kumpanniji fornituri użaw l-iskema volontarja “International Sustainability and Carbon Certification” (iktar ’il quddiem is-“sistema ISCC”), irrikonoxxuta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438, u joħorġu ċertifikat ta’ sostenibbiltà għal kull kunsinna ta’ prodotti, u b’hekk tiġi ggarantita t-traċċabbiltà sħiħa tal-bijolikwidu.

    Skont is-sistema ISCC, l-intermedjarju li ma jkollux materjalment għad-dispożizzjoni tiegħu l-prodott ma huwiex obbligat li jikseb l-akkreditazzjoni u lanqas joħroġ ċertifikati ta’ sostenibbiltà ambjentali. L-impożizzjoni ta’ li obbligi jew piżijiet addizzjonali fuq operatur ekonomiku li josserva r-regoli ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni u kontroll irrikonoxxuta minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tkun kuntrarja għall-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28.

    L-allegata funzjoni “sussidjarja” (li, skont il-qorti tal-ewwel istanza, ikollha s-sistema ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali) hija eskluża mill-kliem tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438.

    Is-sentenza appellata wkoll tmur kontra l-liġi fil-parti fejn jintqal li huwa obbligatorju li ċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà jinkludu l-istess data bħal dik tal-eżekuzzjoni tat-trasport tal-kunsinni ta’ bijolikwidu.

    31.

    L-appell ta’ LEGO ġie kkontestat, quddiem il-qorti tar-rinviju, minn GSE, billi bbażat ruħha fuq dawn l-allegazzjonijiet:

    L-intermedjarji huma inklużi fil-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” tal-Artikolu 2 tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, peress jagħmlu parti mill-katina ta’ provvista. Għalhekk, huma suġġetti għall-obbligi ta’ verifika u ta’, monitoraġġ tas-sostenibbiltà tal-prodott, sabiex tiġi ggarantita t-traċċabbiltà sħiħa tagħhom u jiġu evitati tibdiliet jew falsifikazzjonijiet, li ma humiex neċessarjament marbuta mad-disponibbiltà fiżika tagħhom.

    Iċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà maħruġa mill-kumpanniji fornituri ma humiex biżżejjed, minħabba li huma relatati biss ma’ stadju wieħed tal-katina ta’ provvista. Skont l-Artikolu 8(4) tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, meta l-iskemi volontarji ta’ akkreditazzjoni u ċertifikazzjoni ma jiggarantixxux verifika sħiħa tal-kriterji ta’ sostenibbiltà, l-operaturi involuti fil-katina ta’ provvista għandhom jissupplimentawhom permezz tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali. Din id-dispożizzjoni ma tmurx kontra r-regolamenti tal-Unjoni, li jiffissaw biss limiti minimi għall-Istati Membri.

    Fiċ-ċertifikat ta’ sostenibbiltà, li, konformement mal-Artikolu 7(8), tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, għandu “jakkumpanja” kull kunsinna tal-prodott, għandu jkun hemm l-istess data bħal dik tal-kunsinna. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevali fuq l-iskema volontarja, minħabba li tiggarantixxi verifika iktar iddettaljata.

    32.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28/KE moqri flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2011/438/UE, tad‑19 ta’ Lulju 2011, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Ministerjali tat‑23 ta’ Jannar 2012, u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 12 tiegħu, li jimponi obbligi speċifiċi differenti u iktar sinjifikattivi minn dawk imposti fil-każ tal-adeżjoni f’sistema volontarja li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata skont l-paragrafu 4 tal-Artikolu 18 hawn fuq imsemmi?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, l-operaturi ekonomiċi li huma involuti fil-katina tal-provvista tal-prodott, inkluż meta jkunu operaturi li jaġixxu bħala sempliċi traders, jiġifieri bħala intermedjarji, li ma jkollhom qatt pussess tal-prodott, għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni Ewropea ċċitata fl-ewwel domanda?”

    33.

    Fil-proċedura bil-miktub saru osservazzjonijiet minn LEGO, GSE, ED & F Man Liquid Products Italia, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni. Kollha kemm huma pparteċipaw ukoll fis-seduta li saret fit‑28 ta’ Frar 2018.

    III. Analiżi tad-domandi preliminari

    34.

    Fil-kawża tqajmet il-problema tar-relazzjoni bejn is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali għas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi (l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28) u skemi volontarji, nazzjonali jew internazzjonali, irrikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4) u (5) tal-istess Direttiva 2009/28.

    35.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiddeċiedi dwar l-appell li għandu jiġi deċiż fl-aħħar istanza, huwa essenzjali li jiġi ċċarat jekk hemmx kontradizzjoni bejn il-liġijiet tal-Unjoni u l-liġijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni.

    36.

    Id-dubji tagħha, b’mod partikolari, jirrigwardaw l-Artikoli 8 u 12 tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012. Għalkemm dawn jagħtu valur lill-konformità ma’ skema volontarja sabiex tiċċertifika s-sostenibbiltà (dejjem sakemm, loġikament, kienet suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni), fl-istess ħin, l-operaturi huma meħtieġa li jaċċettaw obbligu doppju, u kontroversjali:

    Minn naħa, huma għandhom “jikkompletaw dik il-verifika fi kwalunkwe każ fil-kwistjonijiet kollha li ma humiex previsti minn tali skemi jew ftehimiet, billi japplikaw is-sistema nazzjonali ta’ verifika”.

    Min-naħa l-oħra, huma għandhom “għandhom jinkludu l-informazzjoni indikata fl-Artikolu 7(5), (6), (7) u (8) fid-dikjarazzjoni jew ċertifikazzjoni li jakkumpanjaw il-kunsinni fil-katina ta’ provvista”.

    37.

    Qabel ma nanalizza b’mod speċifiku ż-żewġ domandi preliminari, ser nagħmel xi osservazzjonijiet dwar il-monitoraġġ tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi, li jtennu jew jikkumplimentaw dawk li ppreżentajt għall-bijogassijiet fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża E.ON Biofor Sverige ( 11 ).

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    38.

    L-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28 fih il-kriterji li għandu jissodisfa bijolikwidu, bħaż-żejt tal-palm, sabiex jitqies sostenibbli. Din il-kwalifika jew “tikketta ekoloġika” hija conditio sine qua non sabiex il-konsum tal-bijolikwidu jitqies għall-: a) valutazzjoni tal-konformità mill-Istati tal-obbligu tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra; b) evalwazzjoni tal-konformità mal-obbligi tal-użu tal-enerġija rinnovabbli; u c) benefiċċju mid-diversi tipi ta’ għajnuniet maħluqa mill-Istati sabiex jippromwovu l-konsum tal-enerġija rinnovabbli.

    39.

    Il-ħsieb wara l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28 hija li jiġi evitat li żoni ta’ valur ekoloġiku għoli ( 12 ) jiġu ddedikati għall-produzzjoni tal-bijomassa għall-ġenerazzjoni tal-bijolikwidi. Id-Direttiva 2009/28 wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti tal-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijolikwidi, sabiex l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jintroduċu kriterji addizzjonali, skont l-Artikolu 17(8), u lanqas ma jistgħu jieqfu jużaw wieħed minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28 ( 13 ).

    40.

    Sabiex jiġi vverifikat jekk bijolikwidu kkummerċjalizzat jissodisfax dawn il-kriterji ta’ sostenibbiltà, id-Direttiva 2009/28 għażlet il-metodu tal-bilanċ tal-massa (iktar ’il quddiem “BM” u eliminat il-possibbiltajiet l-oħrajn ( 14 ). Il-metodu BM jittollera t-taħlit ta’ diversi bijolikwidi għall-kummerċjalizzazzjoni, iżda jiżgura t-traċċabbiltà mis-sors sal-konsum tagħhom. In-negozjant għandu jkollu dokumenti li juru li l-istess ammont ta’ bijokarburant bħal dak li tneħħa min-netwerk ta’ distribuzzjoni ġie introdott f’dak in-netwerk, wara li nkiseb skont il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(2) sa (5), tad-Direttiva 2009/28.

    41.

    B’differenza mill-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijolikwidi, li ġew suġġetti għal armonizzazzjoni eżawrjenti tad-Direttiva 2009/28, l-applikazzjoni tal-metodu BM ġiet armonizzata parzjalment biss ( 15 ) permezz tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, li jipprovdi, fi kwalunkwe każ, it-tliet kundizzjonijiet għall-użu tal-metodu BM:

    Għandu jippermetti li kunsinni ta’ materja prima jew bijolikwidi b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jiġu mħallta.

    Għandu jirrikjedi l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà ambjentali u dwar il-volumi tal-kunsinni tal-bijolikwidu sabiex din tibqa’ assenjata lit-taħlita.

    Għandu jipprovdi li s-somma tal-kunsinni kollha meħuda mit-taħlita jkollha l-istess karatteristiċi ta’ sostenibbiltà, fl-istess kwantitajiet, bħas-somma tal-kunsinni kollha miżjuda mat-taħlita.

    42.

    Fuq il-bażi ta’ din l-armonizzazzjoni parzjali, id-Direttiva 2009/28 tippermetti l-implimentazzjoni tal-metodu BM permezz ta’, alternattivament:

    Sistema nazzjonali ta’ applikazzjoni stabbilita mill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru, skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28.

    Sistemi volontarji, nazzjonali jew internazzjonali, irrikonoxxuti mill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(4) u (5) tad-Direttiva 2009/28.

    Sistema internazzjonali prevista fi ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi u li l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet għal dan il-għan.

    43.

    Fil-preżent, l-Unjoni ma kkonkludiet ebda ftehim bħal dan ma’ Stati terzi u l-metodu BM japplika jew permezz ta’ sistemi nazzjonali (bħal dik Taljana f’dan il-każ), jew inkella permezz tal-iskemi volontarji li l-Kummissjoni approvat sa issa, bħal dak tal-iskema ISCC ( 16 ).

    44.

    Huwa importanti li wieħed jinnota li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 ikkontempla biss il-possibbiltà li jintużaw skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni fir-rigward ta’ bijokarburanti, iżda mhux dik li dawn jintużaw sabiex tintwera konformità mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi. Kellha tiġi adottata d-Direttiva (UE) 2015/1513 ( 17 ), fis-seħħ mill‑15 ta’ Ottubru 2015, sabiex it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 ġie emendat u inkluda wkoll il-possibbiltà li s-sostenibbiltà tal-bijolikwidi tiġi ċċertifikata permezz ta’ skemi volontarji approvati mill-Kummissjoni ( 18 ).

    B.   Risposta għad-domandi preliminari: rabta bejn is-sistema Taljana ta’ ċertifikazzjoni tal-bijolikwidi u s-sistema volontarja ISCC

    45.

    Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28, moqri flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, li jimponi obbligi speċifiċi, differenti u iktar stretti minn dawk imposti fil-każ ta’ skema volontarja ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi, adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4) tal-imsemmija Direttiva 2009/28.

    46.

    Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li jiġi stabbilit, suċċessivament:

    Jekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438 hijiex applikabbli għall-kawża, direttament jew b’riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    F’liema sitwazzjoni legali jinsabu l-operaturi li jużaw is-sistema volontarja ISCC.

    Jekk regolament nazzjonali, bħal dak Taljan, jistax jimponi kundizzjonijiet addizzjonali ma’ dawk ta’ sistema volontarja.

    Jekk, f’każ li jkunu ammissibbli, dawn il-kundizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli mal-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE.

    1. Nuqqas ta’ applikazzjoni diretta tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438 u riferiment għaliha mil-leġiżlazzjoni nazzjonali

    47.

    Il-qorti tar-rinviju tqis li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438 hija applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali. Din l-affermazzjoni għandha, madankollu, tiġi spjegata.

    48.

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438 ġiet adottata skont l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28, li jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi li skema volontarja, nazzjonali jew internazzjonali, turi li l-kunsinni tal-bijokarburanti jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(3) sa (5), tad-Direttiva 2009/28, jew li jkun fihom data preċiża skont l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva (biex jitkejjel kemm qegħdin jiġu ffrankati emissjonijiet tal-gassijiet serra).

    49.

    Skont l-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2009/28, id-deċiżjonijiet sabiex jiġu rrikonoxxuti skemi volontarji adottati mill-Kummissjoni għandhom ikunu validi għal perijodu ta’ mhux iktar minn ħames snin.

    50.

    L-iskema ISCC ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit‑18 ta’ Marzu 2011, sabiex jinkiseb ir-rikonoxximent tagħha bħala sistema volontarja ta’ portata globali għal varjetà wiesgħa ta’ bijokarburanti ( 19 ). Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tagħha, b’riżultat pożittiv, u finalment ġiet inkluża taħt id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438 ( 20 ).

    51.

    Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438, l-iskema volontarja ISCC turi li l-kunsinni ta’ bijokarburanti jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(2) sa (5), u, barra minn hekk, tista’ tintuża sabiex tintwera l-konformità mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28.

    52.

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438 tirrikonoxxi l-iskema ISCC biss sabiex tiġi pprovata s-sostenibbiltà tal-bijokarburanti, iżda mhux dik tal-bijolikwidi. Fl‑2011, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 kien jikkontempla din il-possibbiltà biss. Minħabba d-differenzi bejn il-bijokarburanti u l-bijolikwidi ( 21 ), ma huwiex possibbli li din id-deċiżjoni, li l-kontenut tagħha huwa ċar f’dan is-sens, tiġi interpretata b’mod li tinkludi ż-żewġ kategoriji.

    53.

    Il-possibbiltà li tiġi ċċertifikata s-sostenibbiltà tal-bijolikwidi permezz ta’ skemi volontarji kienet possibbli biss wara l-emenda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28, permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 2015/1513, li daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Ottubru 2015.

    54.

    LEGO bbenefikat mill-iskema ta’ inċentivi ta’ ċertifikati ħodor matul it-tliet snin 2012-2014 ( 22 ), billi użat bijolikwidu (żejt tal-palm) u mhux bijokarburant bħala kombustibbli għall-impjant termoelettriku tagħha. Għalhekk, hija ma setgħetx tibbenefika mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438, li, nirrepeti, tkopri biss l-iskema ISCC bħala sistema ta’ ċertifikazzjoni volontarja għas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti u mhux tal-bijolikwidi.

    55.

    Madankollu, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 kien jipprovdi biss ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti (u mhux bijolikwidi) permezz tas-sistemi volontarji, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi tal-iskema ta’ sostenibbiltà tal-UE għall-bijokarburanti u bijolikwidi, tal‑2010 kienet tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jestendu l-użu ta’ dawn is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-bijokarburanti għall-bijolikwidi wkoll ( 23 ).

    56.

    L-Artikolu 12 tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012 ( 24 ) seta’ jwieġeb għal din l-istedina tal-Kummissjoni. Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan ikkonferma li permezz ta’ dan l-artikolu l-operaturi ekonomiċi setgħu jiċċertifikaw is-sostenibbiltà tal-bijolikwidi billi jirrikorru għal sistemi volontarji approvati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-bijokarburanti biss.

    57.

    Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ domanda preliminari hija limitata għall-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, mhux tad-dritt intern ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk id-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012 effettivament kienx ikopri l-użu għall-bijolikwidi ta’ skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni (bħall-ISCC) li l-Kummissjoni kienet approvat għall-bijokarburanti, meta seħħew il-fatti tal-kawża.

    58.

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-premessi, ser nanalizza l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fiż-żewġ alternattivi li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju.

    2. Applikazzjoni tas-sistema ISCC permezz ta’ riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali

    59.

    Mill‑11 ta’ Awwissu 2016, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/1361, il-Kummissjoni kompliet tirrikonoxxi l-iskema volontarja ISCC bħala sistema ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti u estendietha, ukoll, għall-ewwel darba, għall-bijolikwidi. Peress li l-kawża tittratta biss, ratione temporis, ir-revoka tal-inċentivi li jikkorrispondu għat-tliet snin 2012-2014, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/1361 ma għandha ebda effett fuq is-soluzzjoni tagħha.

    60.

    Madankollu, kif indikajt preċedentement, l-Artikolu 12 tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012 seta’ kopra l-użu tal-iskema volontarja ISCC għall-bijolikwidi. Jekk dan huwa l-każ, l-impriżi li jipprovdu ż-żejt tal-palm u LEGO setgħu kienu koperti b’mod validu minn din l-iskema volontarja.

    61.

    F’dan il-każ, ikun meħtieġ li jiġi ċċarat jekk l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28 jippermettix jew jipprekludix l-użu simultanju jew sussidjarju tas-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni Taljana lil operaturi li japplikaw sistema ta’ ċertifikazzjoni volontarja, bħall-ISCC. Il-Gvern Taljan isostni li din id-dispożizzjoni tad-Direttiva tippermetti l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali għall-monitoraġġ tas-sostenibbiltà, bħal dawk stabbiliti fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni Taljana.

    62.

    L-aċċettazzjoni tat-teorija tal-Gvern Taljan mingħajr spjegazzjoni timplika l-applikazzjoni ġġeneralizzata (jiġifieri għall-każijiet kollha) tas-sistema nazzjonali, sakemm kienet iktar “stretta” mis-sistema volontarja. Iżda konsegwenza bħal din tnaqqas l-inċentiv għall-operaturi ekonomiċi sabiex jużaw l-iskemi volontarji, li l-iskop tagħhom huwa li jevitaw l-impożizzjoni ta’ piżijiet mhux raġonevoli fuq l-industrija, billi joħolqu soluzzjonijiet effiċjenti sabiex juru konformità mal-kriterji għas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi ( 25 ).

    63.

    L-Artikolu 8(4) tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012 jippermetti l-ħtieġa ta’ rekwiżiti addizzjonali li għandhom jiġu imposti fuq operatur ekonomiku taħt skema volontarja meta dan tal-aħħar “ma [jipprevedix] verifika tal-kriterji kollha ta’ sostenibbiltà u l-użu tal-metodu ta’ bilanċ tal-massa”. Is-sitwazzjoni li jirreferi għaliha dan l-artikolu għandha, bħala prinċipju, isseħħ fi ftit każijiet biss, minħabba li l-loġika teħtieġ li, bis-saħħa tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28, il-Kummissjoni tapprova, bħala regola ġenerali, skemi volontarji li jużaw il-metodu BM u li jiċċertifikaw il-konformità mal-kriterji kollha ta’ sostenibbiltà ( 26 ).

    64.

    Madankollu, iseħħ il-każ li, skont il-Kummissjoni nnifisha ( 27 ), hija fattibbli l-approvazzjoni tal-iskemi volontarji li, minbarra li jużaw il-metodu BM, jippermettu ċ-ċertifikazzjoni ta’ wħud biss mir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi. F’sitwazzjoni bħal din, xejn ma jipprekludi l-applikazzjoni supplimentari tas-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni, sabiex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà li ma humiex koperti mill-iskema volontarja. Mifhum b’dan il-mod, l-Artikolu 8(4) tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, ma jkunx oġġezzjonabbli.

    65.

    Għandi nfakkar, f’dan il-punt, li l-proċeduri għall-monitoraġġ tar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi ma kinux suġġetti għal armonizzazzjoni eżawrjenti. L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28 jistabbilixxi l-obbligu li jintuża l-metodu BM u li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet minimi fl-applikazzjoni tiegħu, iżda ma rnexxilux jistabbilixxi proċedura Komunitarja armonizzata ( 28 ).

    66.

    Konsegwentement, l-għażla ta’ waħda mis-sistemi ta’ ċertifikazzjoni jew oħra tal-Artikolu 18 (nazzjonali jew volontarji approvati mill-Kummissjoni) għandha ssir mill-operaturi ekonomiċi. Fuq il-bażi ta’ din l-għażla:

    Jekk l-operaturi jużaw sistema volontarja kompleta (jiġifieri, li tinkludi l-prova tar-rekwiżiti kollha ta’ sostenibbiltà) approvata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jissuġġettawhom għal rekwiżiti addizzjonali, minħabba li dan huwa pprojbit mill-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28. L-istess sitwazzjoni sseħħ jekk regola nazzjonali testendi l-użu ta’ skema volontarja approvata mill-Kummissjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

    Jekk, min-naħa l-oħra, l-operaturi jagħżlu sistema volontarja mhux kompleta, iżda wkoll approvata mill-Kummissjoni, l-applikazzjoni sussidjarja tas-sistema nazzjonali hija fattibbli, fejn ma jkunx previst mill-iskema volontarja.

    Jekk l-operatur jadotta skema volontarja mhux approvata mill-Kummissjoni, l-Istat Membru jista’ jitlob konformità sħiħa mar-rekwiżiti tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali.

    67.

    Fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji fornituri taż-żejt tal-palm u LEGO bbenefikaw mis-sistema volontarja ISCC, matul il-perijodu 2012-2014. Jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(4) tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, tkopri din l-għażla għall-bijolikwidi, inkunu qegħdin naffaċċjaw l-ewwel sitwazzjoni li għadni kif semmejt jew, pjuttost, varjant tagħha. Dan ikun l-użu ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni volontarja għall-bijolikwidi, permezz ta’ riferiment ta’ regola nazzjonali għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu ta’ sistema bħal din esklużivament għall-bijokarburanti.

    68.

    Is-sistema volontarja ISCC hija skema kompleta, li tippermetti ċ-ċertifikazzjoni tal-konformità mal-kriterji kollha ta’ sostenibbiltà u l-użu tal-metodu BM. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438, skont liema din l-iskema turi li l-kunsinni tal-bijokarburanti jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(2) sa (5), u, barra minn hekk, tista’ tintuża sabiex tintwera l-konformità mal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28. Id-dokumentazzjoni li tispjega l-funzjonament tas-sistema ISCC ( 29 ) tirrikonoxxi wkoll li din hija skema volontarja kompleta.

    69.

    L-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28 jistabbilixxi preżunzjoni ta’ ċirkulazzjoni libera għall-bijolikwidi li s-sostenibbiltà tagħhom hija ċċertifikata minn skema volontarja kompleta, sabiex jekk aġent ekonomiku jipproduċi provi jew data miksuba f’dan il-qafas, l-Istat Membru ma jkollux jobbliga lill-fornitur jipproduċi provi ulterjuri li ġew issodisfatti l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(2) sa (5), jew informazzjoni dwar il-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu.

    70.

    Għalhekk, l-Artikolu 18(7), tad-Direttiva 2009/28 jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regolamenti nazzjonali, bħad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, li jimponi li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti l-iktar stretti stabbiliti fis-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà fuq l-operaturi li jużaw skema volontarja kompleta, approvata mill-Kummissjoni għall-bijokarburanti u estiża għall-bijolikwidi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    3. Applikazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni

    71.

    Jekk il-qorti tar-rinviju tqis li, skont l-Artikolu 12 tad-Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012, l-iskema volontarja ISCC ma kinitx applikabbli għall-bijolikwidi fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, ikun jirriżulta t-tielet każ deskritt hawn fuq, jiġifieri l-użu minn operaturi ekonomiċi ta’ skema volontarja li ma hijiex approvata mill-Kummissjoni sabiex tiġi ċċertifikata s-sostenibbiltà ta’ bijolikwidu, bħaż-żejt tal-palm.

    72.

    F’din is-sitwazzjoni, l-Istat Membru jista’ jitlob li jiġu ssodisfatti b’mod sħiħ jew parzjali r-rekwiżiti tas-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni mill-operaturi ekonomiċi fil-katina ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-bijolikwidu.

    73.

    Ir-rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni ISCC li l-awtoritajiet Taljani sostnew li ġew issodisfatti, f’din il-kawża, kienu tnejn:

    Minn naħa, iċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà għandhom jakkumpanjaw il-kunsinni tal-bijolikwidu, jiġifieri, għandu jkollhom l-istess data bħal dik tat-trasport tagħhom.

    Min-naħa l-oħra, dawn iċ-ċertifikati kellhom jiġu ppreżentati mill-operaturi ekonomiċi kollha involuti fit-tranżazzjoni, inklużi l-intermedjarji sempliċi, anki jekk ma kinux f’kuntatt fiżiku mal-bijolikwidu.

    74.

    Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, dan huwa iktar strett mill-iskema ISCC (li tippermetti li ċ-ċertifikat jingħata iktar tard). Madankollu, ma naħsibx li huwa kuntrarju għad-Direttiva 2009/28 u nqis, ukoll, li huwa rekwiżit xieraq sabiex jiġi applikat il-metodu BM għall-monitoraġġ tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi.

    75.

    Fil-fatt, dan ir-rekwiżit jippermetti monitoraġġ aħjar tal-katina tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bijolikwidu u jiffaċilita t-traċċabbiltà tal-kunsinni li għalihom jiġi applikat il-metodu BM sabiex jiġi vverifikat li l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28 ikunu ġew issodisfatti.

    76.

    Jiena naħseb li huwa raġonevoli li sistema nazzjonali timponi l-preżentazzjoni simultanja taċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà tal-bijolikwidi fil-mument li fih il-kunsinni jgħaddu minn operatur għal ieħor. It-tolleranza tad-dewmien fil-ħruġ u l-preżentazzjoni ta’ dawn iċ-ċertifikati tista’ tkun ammissibbli taħt skema volontarja, bħall-ISCC, iżda ma nara ebda raġuni għalfejn sistemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni għandhom neċessarjament josservawha.

    77.

    Barra minn hekk, huwa rekwiżit li ma jidhirx li jiġġenera restrizzjoni sostanzjali fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ bijolikwidi fl-Unjoni, u lanqas fil-kummerċ bejn l-Unjoni u Stati terzi.

    78.

    Jitqajmu iktar diffikultajiet mill-kompatibbiltà mad-Direttiva 2009/28 tat-tieni rekwiżit addizzjonali, skont liema jiġi impost id-dmir fuq l-operaturi ekonomiċi kollha, inklużi intermedjarji sempliċi li ma għandhom ebda kuntatt fiżiku mal-kunsinni tal-bijolikwidu, li jippreżentaw iċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà.

    79.

    L-argumenti tal-partijiet dwar il-kompatibbiltà ta’ dan ir-rekwiżit mad-Direttiva 2009/28 huma diverġenti. Il-Gvern Taljan u GSE huma favurih, filwaqt li skont il-Kummissjoni, LEGO u l-kumpanniji fornituri, dan huwa inkompatibbli mal-kliem u l-ispirtu ta’ din id-direttiva.

    80.

    Fl-opinjoni tiegħi, is-setgħa tal-Istat Taljan sabiex jistabbilixxi u japplika s-sistema nazzjonali ta’ verifika tiegħu taħdem favur it-teżi tal-GSE u l-Gvern Taljan.

    81.

    L-Artikolu 18(1), tad-Direttiva 2009/28 juża l-kunċett ta’ aġent ekonomiku, iżda mingħajr ma jipprovdi definizzjoni tiegħu. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikunu dawk li jispeċifikaw liema aġenti jew operaturi ekonomiċi huma obbligati jipproduċu prova tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi ( 30 ). Huma responsabbli wkoll (l-Artikolu 18(3)) mill-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni affidabbli u sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istat Membru d-data li użaw sabiex jelaborawha. L-aġenti għandu jkollhom, ukoll, livell ta’ verifika xieraq ( 31 ), indipendenti mill-informazzjoni li jippreżentaw, u għandhom juru li wettqu din il-verifika.

    82.

    Jiena nemmen li dispożizzjoni miktuba b’dawn it-termini tagħti setgħa lill-Istati Membri sabiex is-sistemi nazzjonali tagħhom ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi jinkorporaw ir-rekwiżit inkwistjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm ebda ostakolu kontra l-obbligu fuq is-sempliċi intermedjarji sabiex jippreżentaw id-dokumentazzjoni mitluba, minħabba li huma meqjusa bħala ħolqa fil-katina tal-proċess ta’ distribuzzjoni tal-bijolikwidu.

    83.

    F’dan il-proċess, l-għarfien u r-rispett tal-proprjetajiet tul il-katina tal-kustodja għandhom jiġu żgurati permezz tal-metodu BM ( 32 ). Fil-każ ta’ ktajjen ta’ produzzjoni u distribuzzjoni kumplessi bħal dawk taż-żejt tal-palm, miksub fl-Indoneżja u ttrasportat minn Franza lejn l-Italja sabiex jiġi kkunsinnat lil LEGO, ma nemminx li d-dmir li tiġi pprovduta dokumentazzjoni jista’ jitqies eċċessiv.

    84.

    Inqis li din il-miżura hija xierqa wkoll sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ frodi u sabiex tiżgura li l-bijolikwidi li jimxu mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-metodu BM biss jibbenefikaw mill-għajnuna għall-konsum tagħhom u jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    85.

    Għalhekk, l-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28 ma jipprekludix li s-sempliċi intermedjarji jkunu suġġetti għar-rekwiżiti tas-sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi, sakemm ma jkunux suġġetti għal sistema volontarja ta’ ċertifikazzjoni approvata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4), ta’ din id-direttiva jew dik li tirriżulta li hi applikabbli b’riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    4. Kompatibbiltà mal-Artikolu 34 TFUE tar-rekwiżit li s-sempliċi intermedjarji jkunu suġġetti għal sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi

    86.

    Il-fatt li qorti nazzjonali, minn perspettiva formali, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari li tirreferi għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi utli kollha għall-interpretazzjoni sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni, għalkemm ma semmithomx meta għamlet id-domandi preliminari. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha ppreżentati mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża ( 33 ).

    87.

    Wara li jitqies li huwa kompatibbli mad-Direttiva 2009/28 li s-sempliċi intermedjarji jkunu suġġetti għal sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan ir-rekwiżit jiksirx il-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma semmietx dan il-punt.

    88.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kwalunkwe regola li tittrasponi direttiva ta’ armonizzazzjoni mhux eżawrjenti fid-dritt intern għandha tkun konformi mad-dritt primarju ( 34 ). Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti, il-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux tad-dritt primarju ( 35 ).

    89.

    Jeħtieġ li jiġi eżaminat l-obbligu kontenzjuż skont din il-ġurisprudenza, peress li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/28 jarmonizza, b’mod mhux eżawrjenti, il-liġijiet nazzjonali dwar is-sistemi ta’ verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijolikwidi ( 36 ).

    90.

    Għaldaqstant, għandu jiġi ċċarat jekk, billi jiġu imposti l-obbligi tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikati fuq is-sempliċi intermedjarji, mingħajr kuntatt fiżiku mal-prodott, fil-katina tal-provvista ta’ bijolikwidu, ir-regola nazzjonali toħloqx ostakolu fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ dan it-tip ta’ merkanzija li huwa inkompatibbli mal-projbizzjoni tal-Artikolu 34 TFUE ( 37 ).

    91.

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-Artikolu 34 TFUE jipprojbixxi bejn l-Istati Membri l-miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, dan jaffettwa kwalunkwe miżura nazzjonali li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju ( 38 ). F’dan il-każ, il-kummerċ intra-Komunitarju huwa affettwat, peress li hija merkanzija (żejt tal-palm) prodotta fl-Indoneżja, importata f’ċirkulazzjoni libera fl-UE u maħżuna fi Franza, minn fejn ġiet ittrasportata lejn l-Italja sabiex tinbiegħ lil LEGO.

    92.

    Id-dmir li jiġu ppreżentati ċertifikazzjonijiet li jagħtu prova tas-sostenibbiltà tagħha, impost fl-Italja fuq sempliċi intermedjarji mingħajr kuntatt fiżiku mal-bijolikwidu, jagħmel l-importazzjoni tagħha minn Stati Membri oħra jew minn pajjiżi terzi iktar diffiċli. Mingħajr dan id-dmir, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ din il-merkanzija tkun eħfef u jiġu ffaċilitati l-iskambji intra-Komunitarji jew l-iskambji ma’ Stati terzi.

    93.

    Għalhekk, b’dan il-mod ( 39 ) ir-regola nazzjonali toħloq ostakolu għall-kummerċ tal-bijolikwidi, li jista’ jiġi kkwalifikat bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva kontra l-Artikolu 34 TFUE. L-ostakolu għall-kummerċ ma kienx iseħħ kieku l-leġiżlazzjoni Taljana limitat dak id-dmir għall-operaturi fil-katina tal-forniment f’kuntatt fiżiku mal-bijolikwidi.

    94.

    Madankollu, din ir-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali mniżżla fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi? Fiż-żewġ każijiet, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 40 ).

    95.

    L-obbligu jista’ jkun kopert taħt il-ħarsien tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, taħt il-pjan tal-promozzjoni tal-użu tal-bijolikwidi bħala enerġija rinnovabbli ( 41 ), li jgħin sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra, li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jiġġieldu ( 42 ).

    96.

    Billi tiffavorixxi l-preżervazzjoni tal-ambjent, il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, b’mod ġenerali, u tal-bijolikwidi, b’mod partikolari, il-miżura tikkontribwixxi wkoll, indirettament, għall-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni u tal-annimali, kif ukoll għall-preżervazzjoni tal-pjanti, li huma raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE ( 43 )

    97.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-aġenti ekonomiċi kollha, mingħajr eċċezzjoni, li jieħdu sehem fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-bijolikwidi sostenibbli huma involuti fir-rigward tal-katina ta’ kustodja, żgurata bl-użu tal-metodu BM, jgħin fil-prevenzjoni tal-frodi. Bl-istess mod, dan jevita li dawn il-bijolikwidi jiġu kkummerċjalizzati bil-vantaġġi legali inerenti, sabiex dawk li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ sostenibbiltà ma jibbenefikawx minnhom. Il-protezzjoni tal-ambjent u l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jiġġustifikaw, għalhekk, regolament nazzjonali ta’ dan it-tip.

    98.

    Issa, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk ir-regolamenti Taljani jgħaddux mit-test tal-proporzjonalità, jiġifieri jekk humiex adegwati sabiex jiggarantixxu l-kisba tal-għan maħsub u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq.

    99.

    Ma naħsibx li hemm dubji kbar dwar l-adegwatezza tal-miżura għall-għan tagħha. Kif diġà spjegajt, il-protezzjoni massima tal-katina ta’ kustodja ta’ dawn il-bijolikwidi hija mixtieqa, mill-produzzjoni sal-użu tal-enerġija tagħhom, speċjalment meta l-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni jkun kumpless (kif diġà ġie spjegat, iż-żejt tal-palm tal-Indoneżja, maħżun fi Franza, jiġi ddistribwit l-Italja). Sabiex ikun hemm prevenzjoni ta’ frodi, nirrepeti, u sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà tal-bijolikwidi, naħseb li hija miżura xierqa li tista’ tintlaħaq minn Stat Membru, li tista’ tiġi inkluża fis-sistema nazzjonali tiegħu ta’ verifika ta’ din is-sostenibbiltà.

    100.

    It-test tal-proporzjonalità għandu janalizza, barra minn hekk, jekk il-miżura, anki meta tkun adegwata, tmurx lil hinn minn dak li huwa indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li ma huwiex meħtieġ li s-sempliċi intermedjarji jiġu obbligati jikkonformaw lilhom infushom mar-rekwiżiti tas-sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi, minħabba li huma sempliċi traders li ma għandhomx il-prodott fil-pussess tagħhom u ma jkollhomx kuntatt fiżiku miegħu. Peress li l-metodu BM jiżgura t-traċċabbiltà fiżika tal-prodott, l-aġenti ekonomiċi biss li jimmanifatturawh, ibigħuh, jaħżnuh u jixtruh, li jkun materjalment fil-pussess tagħhom, għandhom ikunu marbuta bis-sistema ta’ verifika nazzjonali, peress li huma l-uniċi aġenti li għandhom il-kapaċità jibdluh.

    101.

    Dan l-argument, li huwa kondiviż minn LEGO u l-kumpanniji fornituri, ma jikkonvinċinix. Kif jallegaw il-Gvern Taljan u GSE, intermedjarju jipparteċipa wkoll fil-katina ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-bijolikwidu u jista’ jwettaq frodi fir-rigward tas-sostenibbiltà tiegħu, anki mingħajr ma jkollu kuntatt fiżiku miegħu.

    102.

    Waqt is-seduta ġie stabbilit li Movendi kienet tgawdi mill-pussess legali tal-bijolikwidu u d-disponibbiltà sħiħa tiegħu, bħala sid. Bħala prinċipju, ma kien hemm xejn li jwaqqafha milli tbigħu, tħalltu ma’ prodotti mhux sostenibbli jew tbiddel il-kompożizzjoni tiegħu, minħabba li, nirrepeti, kellha s-setgħat kollha inerenti għall-kontroll sħiħ fuq l-oġġett. Jidhirli li l-eventwalità ta’ dawn ir-riskji hija biżżejjed sabiex nemmen li l-estensjoni għal dik il-persuna ġuridika (jew għal intermedjarji oħra fil-katina ta’ kummerċjalizzazzjoni) tal-obbligi tas-sistema hija proporzjonata, għalkemm dan jista’ jikkawża piżijiet amministrattivi addizzjonali.

    103.

    Konsegwentement, nemmen li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li s-sempliċi intermedjarji, mingħajr kuntatt fiżiku mal-prodott, jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti minn sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi hija kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE.

    IV. Konklużjoni

    104.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula preċedentement, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja):

    “1)

    L-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,

    Jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti l-iktar stretti previsti fis-sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà għall-operaturi li jibbenefikaw minn skema volontarja kompleta, approvata mill-Kummissjoni għall-bijokarburanti u estiża għall-bijolikwidi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Ma jipprekludix li sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi teħtieġ dokumentazzjoni probatorja wkoll mill-aġenti ekonomiċi li jipparteċipaw fil-katina ta’ provvista tal-prodott bħala sempliċi intermedjarji, mingħajr ma jkollhom pussess materjali tal-bijolikwidu, meta dawn ma jkunux koperti minn sistema volontarja ta’ ċertifikazzjoni approvata mill-Kummissjoni jew li tkun applikabbli permezz ta’ riferiment tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    2)

    L-Artikolu 34 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li s-sempliċi intermedjarji, mingħajr kuntatt fiżiku mal-prodott, jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti minn sistema nazzjonali ta’ verifika tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidi, meta din tkun applikabbli.

    3)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/438 tad‑19 ta’ Lulju 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema internazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tal-karbonju u tas-sostenibbiltà msejħa “International Sustainability and Carbon Certification” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttiva 2009/28/KE u fid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kienet applikabbli biss għall-kummerċ ta’ bijokarburanti, iżda mhux għall-kummerċ ta’ bijolikwidi, minbarra fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru kienet tippermetti li l-iskema volontarja approvata minn din id-deċiżjoni tiġi estiża għall-bijolikwidi, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali”.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017 (C‑549/15, EU:C:2017:490).

    ( 3 ) Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 2009, p. 16).

    ( 4 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema internazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tal-karbonju u tas-sostenibbiltà msejħa “International Sustainability and Carbon Certification” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttiva 2009/28/KE u fid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 190, p. 79).

    ( 5 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad‑9 ta’ Awwissu 2016 dwar ir-rikonoxximent tal-“International Sustainability & Carbon Certification system” għall-wiri tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2016, L 215, p. 33).

    ( 6 ) Decreto legislativo Nru 28 tat‑3 ta’ Marzu 2011 Attuazione della direttiva 2009/28/CE sulla promozione dell’uso dell’energia da fonti rinnovabili, recante modifica e successiva abrogazione delle direttive 2001/77/CE e 2003/30/CE (id-Digriet Leġiżlattiv dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/28/KE) (GURI Nru 71, tat‑28 ta’ Marzu 2011).

    ( 7 ) Decreto legislativo Nru 66 tal‑21 ta’ Marzu 2005, Attuazione della direttiva 2003/17/CE relativa alla qualità della benzina e del combustibile diesel (id-Digriet Leġiżlattiv dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/17/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil) (GURI Nru 96, tas‑27 ta’ April 2005).

    ( 8 ) Decreto legislativo, Nru 55 tal‑31 ta’ Marzu 2011, Attuazione della direttiva 2009/30/CE, che modifica la direttiva 98/70/CE, per quanto riguarda le specifiche relative a benzina, combustibile diesel e gasolio, nonchè l’introduzione di un meccanismo inteso a controllare e ridurre le emissioni di gas a effetto serra, modifica la direttiva 1999/32/CE per quanto concerne le specifiche relative al combustibile utilizzato dalle navi adibite alla navigazione interna e abroga la direttiva 93/12/CEE (id-Digriet Leġiżlattiv dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/30/KE li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE) (GURI Nru 97, tat‑28 ta’ April 2011).

    ( 9 ) Decreto del ministero dell’ambiente e della tutela del territorio e del mare, 23 ta’ Jannar 2012, Sistema nazionale di certificazione per biocarburanti e bioliquidi (id-Digriet tal-Ministeru tal-Ambjent u tal-Ħarsien tat-Territorju u tal-Baħar, Sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni għal bijokarburanti u bijolikwidi) (GURI Nru 31 tas‑7 ta’ Frar 2012). Iktar ’il quddiem id-“Digriet tat‑23 ta’ Jannar 2012”.

    ( 10 ) GSE hija l-impriża pubblika kkummissjonata fl-Italja sabiex tamministra s-sussidji għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli.

    ( 11 ) Konklużjonijiet tat‑18 ta’ Jannar 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:25), punti 40 sa 49.

    ( 12 ) Pereżempju, art ta’ valur għoli minħabba l-bijodiversità tagħha (foresti primarji u żoni bis-siġar, żoni għall-protezzjoni tan-natura jew għall-protezzjoni ta’ speċi jew ekosistemi rari, mhedda jew fil-perikolu, bwar u mergħat ta’ diversità għanja) jew b’riżervi għoljin ta’ karbonju (artijiet mistagħdra, żoni bis-siġar jew b’siġar għoljin ħafna) u torbieri umdi tal-wiċċ.

    ( 13 ) Din hija l-opinjoni espressa mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta’ sostenibbiltà tal-UE għal bijokarburanti u bijolikwidi u dwar ir-regoli tal-għadd għal bijokarburanti (ĠU 2010, C 160, p. 8).

    ( 14 ) B’mod speċifiku, ġie eskluż l-użu tal-metodu ta’ preservazzjoni tal-identità, li jipprekludi t-taħlit ta’ bijolikwidi ma’ xulxin jew ma’ tipi ta’ kombustibbli oħra, u tal-metodu ta’ ċertifikati negozjabbli (book and claim), li jippermetti lill-fornituri jipproduċu prova tas-sostenibbiltà tal-bijolikwidu mingħajr il-ħtieġa li juru xi tip ta’ traċċabbiltà. Analiżi komparattiva tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dawn it-tliet metodi tista’ tidher f’Van de Staaij, J., Van den Bos, A., Toop, G., Alberici, S. u Yildiz, I., “Final report for Task 1 in the context of the project ENER/C1/2010-431”, Analysis of the operation of the mass balance system and alternatives, 2012.

    ( 15 ) Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta’ sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE (ĠU 2010, C 160, p.1), huma miżjuda kjarifiki addizzjonali dwar kif jiġi applikat il-metodu BM bħala proċedura sabiex tiġi żgurata l-katina tal-ħażna tal-bijolikwidi, li tkun kapaċi tiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà mill-fażi tal-produzzjoni sal-konsum finali. Il-Kummissjoni indikat li l-BM huwa sistema li fiha l-“karatteristiċi ta’ sostenibbiltà” għadhom assoċjati ma’ “kunsinni” u li, meta l-kunsinni b’karatteristiċi ta’ sostenibbiltà differenti jitħalltu, il-volumi separati u l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà ta’ kull kunsinna jibqgħu assenjati mat-taħlita. Jekk taħlita tiġi sseparata, kwalunke kunsinna li tittieħed minnha tista’ tiġi assenjata kwalunkwe sett ta’ karettistiċi ta’ sostenibbiltà (akkumpanjata mill-volumi) sakemm il-kombinament tal-kunsinni kollha li toħroġ mit-taħlita tkun tal-istess volumi għal kull sett ta’ karatteristiċi ta’ sostenibbiltà li kienu jinsabu fit-taħlita.

    ( 16 ) Dawn jistgħu jinstabu fuq https://ec.europa.eu/energy/en/topics/renewable-energy/biofuels/voluntary-schemes.

    ( 17 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2015, L 239, p. 1).

    ( 18 ) It-test il-ġdid tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2009/28 kien jipprovdi kif ġej: “Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li skemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu standards għall-produzzjoni ta’ prodotti ta’ bijomassa jkun fihom data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2), u/jew juru li konsenji ta’ bijokarburant jew bijolikwidu [korsiv miżjud minni] jkunu konformi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3), (4) u (5), u/jew li l-ebda materjal ma ġie mmodifikat jew mormi intenzjonalment sabiex il-konsenja jew parti minnha taqa’ taħt l-Anness IX. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dawn l-iskemi jkun fihom data preċiża għall-finijiet ta’ informazzjoni dwar miżuri meħudin għall-konservazzjoni ta’ żoni li jipprovdu, f’sitwazzjonijiet kritiċi, servizzi bażiċi ta’ ekosistemi (bħal protezzjoni għal nixxigħat ta’ ilma minn art għolja għal xmajjar jew ibħra, u kontroll tal-erożjoni), għall-protezzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, ir-restawr ta’ art degradata, li jkun evitat konsum eċċessiv ta’ ilma f’żoni fejn l-ilma jkun skars u dwar il-kwistjonijiet imsemmijin fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(7). Il-Kummissjoni tista’ wkoll tirrikonoxxi żoni għall-protezzjoni ta’ ekosistemi jew speċijiet rari, mhedda jew fil-periklu ta’ estinzjoni rikonoxxuti minn ftehimiet internazzjonali jew inklużi f’listi stabbiliti minn organizzazzjonijiet intergovernattivi jew mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura għall-finijiet tal-Artikolu 17(3)(b)(ii).”

    ( 19 ) Id-dokumentazzjoni dwar il-funzjonament tal-iskema ISCC hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni https://ec.europa.eu/energy/en/topics/renewable-energy/biofuels/voluntary-schemes

    ( 20 ) Skont il-premessi 8 u 9 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438, l-iskema ISCC kopriet b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà tad-Direttiva 2009/28 u użat metodu BM skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva. L-evalwazzjoni tal-iskema ISCC uriet ukoll li din tissodisfa standards xierqa ta’ affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti u wkoll li hija tissodisfa r-rekwiżiti metodoloġiċi tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28.

    ( 21 ) Qiegħed nirreferi għad-definizzjonijiet taż-żewġ prodotti fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2009/28. It-tnejn huma ġġenerati mill-bijomassa, iżda dawk tal-ewwel huma kombustibbli likwidi jew gassużi użati biss għat-trasport, filwaqt li dawk tal-aħħar huma kombustibbli likwidi maħsuba għal għanijiet ta’ enerġija minbarra għat-trasport.

    ( 22 ) Il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438, skont l-Artikolu 2 tagħha, kienet ħames snin mid-dħul fis-seħħ tagħha (jiġifieri, mill‑10 ta’ Awwissu 2011 sad‑9 ta’ Awwissu 2016).

    ( 23 ) Fil-punt 2.5 (“Skemi volontarji għall-bijolikwidi”) ġie ddikjarat: “Għall-bijolikwidi, il-Kummissjoni ma tistax tirrikonoxxi b’mod espliċitu skema volontarja bħala sors ta’ dejta preċiża għall-kriterji relatati mal-art.[…]. Madankollu, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li xi skema volontarja tipprovdi dejta preċiża fejn il-bijofjuwils huma kkonċernati, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċettaw dawn l-iskemi bl-istess mod għall-bijolikwidi”.

    ( 24 ) Infakkar il-kliem ta’ dan l-artikolu: “1. Għall-finijiet ta’ dan id-Digriet, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 8(1), l-operaturi ekonomiċi fil-katina ta’ provvista ta’ bijolikwidi jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi volontarji suġġetti għal deċiżjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tad-Direttiva 98/70/KE, li japplika għall-bijokarburanti, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2.”

    ( 25 ) Il-premessa 76 tad-Direttiva 2009/28 u l-premessa 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/438.

    ( 26 ) Dan jidher fit-tabella ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni disponibbli fuq https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/voluntary_schemes_overview_dec17.pdf.

    ( 27 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta’ sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE, skont liema “[s]kema volontarja għandha tkopri l-kriterji tas-sostenibbiltà kollha stipulati fid-Direttiva jew parti minnhom”.

    ( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat‑18 ta’ Jannar 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:25), punt 57; u s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490), punt 40. Skont din tal-aħħar “fid-dawl tan-natura ġenerali tat-termini li bihom huma espressi l-kriterji elenkati fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28, lanqas ma jista’ jitqies li l-imsemmija dispożizzjoni wettqet armonizzazzjoni kompleta tal-metodu ta’ verifika marbut mas-sistema tal-bilanċ tal-massa. Għall-kuntrarju, mill-imsemmija punti jirriżulta li l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni u ta’ manuvra meta jkunu meħtieġa jiddeterminaw, b’mod iktar preċiż, il-kundizzjonijiet konkreti li għandhom ikunu ssodisfatti mis-sistemi ta’ bilanċ tal-massa li għandhom ikunu implementati mill-operaturi ekonomiċi.”

    ( 29 ) Ara, b’mod partikolari, id-dokument ISCC, Assessment of International Sustainability & Carbon Certification system (ISCC), 2016, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/energy/en/topics/renewable-energy/biofuels/voluntary-schemes.

    ( 30 ) Fil-każ tal-iskemi volontarji, din il-marġni ta’ diskrezzjoni teżisti wkoll meta jiġu ddeterminati l-aġenti ekonomiċi obbligati, li għandha tivvaluta l-Kummissjoni meta twettaq l-evalwazzjoni tagħhom.

    ( 31 )

    ( 32 ) Il-punt 2.2.3. tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta’ sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE jiddikjara li “[t]ipikament, il-bijofjwils/bijolikwidi għandhom katina tal-produzzjoni b’ħafna ħoloq, mill-post fejn jinsab il-fjuwil sakemm jiġi distribwit. Il-materja prima għall-industrija normalment tiġi trasformata fi prodott intermedju u mbagħad fi prodott finali. Iż-żamma tal-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva għandha tintwera fir-rigward tal-prodott finali. Għal dan il-għan, hemm bżonn li jsiru talbiet dwar il-materja prima u/jew il-prodotti użati.” Jiġi pprovdut ukoll li “[i]l-metodu li permezz tiegħu ssir konnessjoni bejn l-informazzjoni u t-talbiet li jikkonċernaw il-materja prima jew il-prodotti intermedjarji u t-talbiet dwar il-prodotti finali hu magħruf bħala l-katina ta’ informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat il-metodu. Il-katina ta’ informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat il-metodu normalment tinkludi l-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-materja prima għall-industrija sakemm dan il-fjuwil jinħareġ għall-konsum. Il-metodu stipulat fid-Direttiva għall-katina ta’ informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat huwa l-metodu ta’ bilanċ tal-massa […]”.

    ( 33 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 72); u tas‑27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 81 u ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2000, Ruwet (C‑3/99, EU:C:2000:560, punt 47); u tat‑18 ta’ Settembru 2003, Bosal (C‑168/01, EU:C:2003:479, punti 2526). Fil-każ ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti permezz ta’ direttivi li jippermettu miżuri nazzjonali iktar protettivi, il-Qorti tal-Ġustizzja temmen ukoll li dawn għandhom ikunu kompatibbli mal-projbizzjoni tal-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, C‑205/07, EU:C:2008:730, punti 33 sa 35).

    ( 35 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 57 u ġurisprudenza ċċitata).

    ( 36 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punti 7677).

    ( 37 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat‑18 ta’ Jannar 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:25, punt 72); u s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 78).

    ( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (C‑8/74, EU:C:1974:82, punt 5); tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 66); tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 77); u tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 96).

    ( 39 ) Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2009/28, “L-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw kemm jekk il-bijokarburanti jew bijolikwidi jkunu prodotti fil-Komunità kemm jekk ikunu importati.”

    ( 40 ) Ara, b’mod speċjali, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 76); u tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑524/07, EU:C:2008:717, punt 54).

    ( 41 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 73); tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 91); u tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 84).

    ( 42 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598, punt 56); tal‑11 ta’ Settembru 2014, Essent Belgium (C‑204/12 sa C‑208/12, EU:C:2014:2192, punt 92); u tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punti 85 u 88).

    ( 43 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 75); tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 80); u tat‑22 ta’ Ġunju 2017, E.ON Biofor Sverige (C‑549/15, EU:C:2017:490, punt 89).

    Top