Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0124

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2018.
    Vossloh Laeis GmbH vs Stadtwerke München GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vergabekammer Südbayern.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57 – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 80 – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Proċedura – Raġunijiet għall-esklużjoni – Tul massimu tal-perijodu ta’ esklużjoni – Obbligu li l-operatur ekonomiku jikkopera mal-awtorità kontraenti sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu.
    Kawża C-124/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:316

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fis‑16 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

    Kawża C‑124/17

    Vossloh Laeis GmbH

    vs

    Stadtwerke München GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vergabekammer Südbayern (Awla tal-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja))

    “Domanda preliminari — Kuntratti pubbliċi — Proċedura — Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE — Raġunijiet ta’ esklużjoni — Obbligu tal-operatur ekonomiku li jikkoopera mal-awtorità kontraenti sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ esklużjoni — Kunċett ta’ ‘awtoritajiet investigattivi’ — Kalkolu tal-perijodu massimu ta’ esklużjoni”

    1. 

    Operatur ekonomiku jista’ jiġi temporanjament eskluż mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jekk ikun wettaq imġiba li tinsab fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24/UE ( 2 ). Madankollu, dan il-perijodu ta’ esklużjoni jista’ jitnaqqas meta dan l-operatur juri lill-awtorità kontraenti li, minkejja l-azzjoni preċedenti tiegħu ta’ ksur, irriabilita ruħu b’suċċess.

    2. 

    Sabiex jagħti prova mill-ġdid tal-affidabbiltà tiegħu, il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi, fost kundizzjonijiet oħra, li l-operatur ekonomiku għandu “jiċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi jikkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi” ( 3 ). Parti kbira minn din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ din il-frażi tal-aħħar.

    3. 

    Meta inkorpora d-Direttiva 2014/24 fid-dritt nazzjonali, il-leġiżlatur Ġermaniż ippreveda li din il-kollaborazzjoni għandha tkun mhux biss minn naħa tal-awtoritajiet investigattivi iżda wkoll mill-awtorità kontraenti.

    4. 

    F’dan il-kuntest, il-Vergabekammer Südbayern (Awla tal-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja) tagħmel żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja bla preċedent:

    Minn naħa, tixtieq tkun taf jekk ir-rekwiżit ta’ kollaborazzjoni (mal-awtorità kontraenti) miżjud mil-leġiżlatur intern huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi x’inhuwa d-dies a quo tal-perijodu massimu (tliet snin ta’ esklużjoni) li jipprovdi l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 meta, jekk ma jkun ġie stabbilit ebda terminu permezz ta’ sentenza definittiva, dan għandu jibda mid-“data tal-avveniment rilevanti”.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 2014/24

    5.

    Il-premessa 102 tipprovdi:

    “Madankollu, trid tingħata xi ftit konċessjoni għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jadottaw miżuri ta’ konformità li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe reat kriminali jew kondotta skorretta u li jimpedixxu b’mod effettiv milli jkun hemm iżjed okkorrenzi tal-imġiba ħażina. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari minn miżuri tal-persunal u organizzattivi bħall-qtugħ tar-rabtiet kollha ma’ persuni jew organizzazzjonijiet involuti fl-imġiba ħażina, miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ rapportar u kontroll, il-ħolqien ta’ struttura ta’ verifika interna għall-monitoraġġ tal-konformità u l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Fejn tali miżuri joffru garanziji suffiċjenti, l-attur ekonomiku inkwistjoni ma għandux jibqa’ jiġi eskluż minħabba dawk ir-raġunijiet waħedhom. L-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li jiġu eżaminati l-miżuri ta’ konformità li ttieħdu bil-ħsieb li jiġu ammessi għall-proċedura ta’ akkwist [għoti ta’ kuntratti]. Madankollu, għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi eżatti applikabbli f’tali każijiet. Huma għandhom, b’mod partikolari, ikunu liberi li jiddeċiedu jekk jippermettux lill-awtoritajiet kontraenti individwali li jwettqu l-valutazzjonijiet rilevanti jew li jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet oħra f’livell ċentrali jew deċentralizzat f’dak il-kompitu.”

    6.

    L-Artikolu 57 (“Raġunijiet għall-esklużjoni”) jipprovdi:

    “1.   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti] fejn ikunu stabbilixxew, permezz ta’ verifika skont l-Artikoli 59, 60 u 61, jew huma b’xi mod ieħor konxji li dak l-operatur ekonomiku kien is-suġġett ta’ kundanna b’sentenza definittiva għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

    a)

    parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali […];

    b)

    korruzzjoni […];

    c)

    frodi […];

    d)

    reati terroristiċi jew reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, […] jew inċitazzjoni jew għajnuna jew tixwix jew tentattivi għal twettiq ta’ reat […];

    e)

    ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu […];

    f)

    it-tħaddim tat-tfal u forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin […].

    […]

    2.   Operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż milli jipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist [għoti ta’ kuntratti] fejn l-awtorità kontraenti tkun konxja li […] qed jikser l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fejn dan ġie stabbilit b’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li jkollha effett finali u vinkolanti […].

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jintalbu mill-Istati Membri biex jeskludu l-parteċipazzjoni tal-operatur ekonomiku minn proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti] meta l-awtorità kontraenti tista’ turi bi kwalunkwe mezz adegwat li […] qed jikser l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas tat-taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

    Dan il-paragrafu ma għandux jibqa’ japplika meta operatur ekonomiku jkun issodisfa l-obbligi tiegħu billi ħallas jew daħal fi ftehim vinkolanti bil-ħsieb li jitħallsu t-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali debiti, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe interess akkumulat jew multi.

    […]

    4.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti] kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    a)

    fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat ksur tal-obbligi applikabbli msemmija fl-Artikolu 18(2);

    b)

    fejn l-operatur ekonomiku jkun fallut jew huwa soġġett għal proċeduri ta’ insolvenza jew stralċ, fejn l-assi tiegħu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew mill-qorti, fejn jinsab fi ftehim ma’ kredituri, fejn l-attivitajiet kummerċjali tiegħu huma sospiżi jew qiegħed fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili taħt il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;

    c)

    fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi b’mezz adegwat li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża;

    d)

    fejn l-awtorità kontraenti ikollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni;

    e)

    fejn konflitt ta’ interess skont it-tifsira tal-Artikolu 24 ma jistax jiġi rimedjat b’mod effettiv minn miżuri oħrajn inqas intrużivi;

    f)

    fejn id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-involviment ta’ qabel tal-operaturi ekonomiċi fit-tħejjija tal-proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti], kif imsemmi fl-Artikolu 41, ma tistax tiġi rimedjata minn miżuri oħrajn inqas intrużivi;

    g)

    fejn l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku preċedenti, kuntratt preċedenti ma’ entità kontraenti jew kuntratt ta’ konċessjoni preċedenti li wassal għat-terminazzjoni antiċipata ta’ dan il-kuntratt preċedenti, penali jew sanzjonijiet komparabbli;

    h)

    fejn l-operatur ekonomiku kien ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, ikun żamm mistura tali informazzjoni jew ma jistax jissottometti id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 59; jew

    i)

    fejn l-operatur ekonomiku ikun ħa azzjoni biex jinfluwenza b’mod mhux adegwat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, biex jakkwista informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġi mhux adegwati fil-proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti] jew biex jagħti informazzjoni qarrieqa b’negliġenza li jista’ jkollha influwenza materjali fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-esklużjoni, l-għażla jew l-għoti.

    Irrispettivament mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu jew jistgħu jipprovdu għall-possibblità li l-awtorità kontraenti ma teskludix operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dak il-punt, fejn l-awtorità kontraenti tkun stabbilixxiet li l-operatur ekonomiku inkwistjoni jkun jista’ jwettaq il-kuntratt, b’teħid fil-kont tar-regoli u l-miżuri nazzjonali applikabbli dwar il-kontinwazzjoni tal-kummerċ fil-każ tas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (b).

    […]

    6.   Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti].

    Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

    Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

    Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist [kuntratti] jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ.

    7.   Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tal-kundanna bis-sentenza finali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.”

    2. Id-Direttiva 2014/25/UE ( 4 )

    7.

    Skont l-Artikolu 77 (“Sistemi ta’ kwalifika”):

    “1.   L-entitajiet kontraenti li jixtiequ dan jistgħu jistabbilixxu u jħaddmu sistema ta’ kwalifika tal-operaturi ekonomiċi.

    L-entitajiet kontraenti li jistabbilixxu jew iħaddmu sistema ta’ kwalifika għandhom jiżguraw li fil-ħin kollu, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu kwalifika.

    2.   Is-sistema taħt il-paragrafu 1 tista’ tinvolvi stadji ta’ kwalifika differenti.

    L-entitajiet kontraenti għandhom jistabbilixxu regoli u kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u l-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika u kriterji u regoli oġġettivi għat-tħaddim tas-sistema ta’ kwalifika, li jkopru suġġetti bħall-iskrizzjoni fis-sistema, l-aġġornar perijodiku tal-kwalifiki, f’każ li jkun hemm, u t-tul ta’ żmien tas-sistema.

    Fejn dawk il-kriterji u r-regoli jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi, għandhom japplikaw l-Artikoli 60 sa 62. Il-kriterji u r-regoli jistgħu jiġu aġġornati kif meħtieġ.

    […]”.

    8.

    Skont l-Artikolu 80 (“Użu tar-raġunijiet ta’ esklużjoni u l-kriterji tal-għażla previsti fid-Direttiva 2014/24/UE”):

    “1.   Ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika f’sistema ta’ kwalifika u r-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ kandidati u offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati, fi djalogi kompetittivi jew fi sħubijiet għall-innovazzjoni jistgħu jinkludu r-raġunijiet għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

    Fejn l-entità kontraenti tkun awtorità kontraenti, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

    Jekk l-Istati Membri jesiġu dan, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom, barra minn hekk, jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

    […]”.

    B.   Id-dritt nazzjonali. Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (Liġi kontra l-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni) ( 5 ).

    9.

    L-Artikolu 124 jipprovdi:

    “(1)   Filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu lil impriża milli tipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fi kwalunkwe ħin meta:

    […]

    3.

    l-impriża tkun wettqet ksur serju kkonfermat, fil-qafas tal-attività tagħha, li jqiegħed l-integrità tagħha f’dubju; […]

    4.

    l-awtorità kontraenti għandha elementi suffiċjentement plawżibbli sabiex tikkonkludi li l-impriża daħlet fi ftehimiet ma’ impriżi oħra li l-iskop jew l-effett tagħhom kien li l-kompetizzjoni tiġi mfixkla, ristretta jew distorta,

    […]”.

    10.

    L-Artikolu 125 jipprovdi:

    “(1)   L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jeskludu impriża li tkun suġġetta għal kawża ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 123 jew l-Artikolu 124 milli tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, jekk dik l-impriża tkun tat prova li:

    1.

    ħallset jew impenjat ruħha li tħallas kumpens għall-ħsara kkawżata mir-reat jew min-nuqqas,

    2.

    ikkjarifikat b’mod sħiħ il-fatti u ċ-ċirkustanzi billi kkollaborat b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u mal-awtorità kontraenti, u

    3.

    adottat miżuri konkreti tekniċi u organizzattivi u fir-rigward tal-persunal li huma xierqa sabiex jipprevjenu li jkun hemm reat ġdid jew nuqqas ġdid.

    […]”

    11.

    Skont l-Artikolu 126:

    “Jekk impriża suġġetta għal kawża ta’ esklużjoni ma tkun ħadet ebda miżura jew miżuri suffiċjenti ta’ awtoriabilitazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 125 hija tista’:

    1.

    fil-każ tar-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 123, tiġi eskluża milli tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal perijodu massimu ta’ ħames snin mid-data tal-kundanna permezz tas-sentenza definittiva,

    2.

    fil-każ tar-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 124, tiġi eskluża milli tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal perijodu massimu ta’ tliet snin, mid-data tal-avveniment rilevanti.”

    II. Il-fatti

    12.

    Fl‑2011 Stadtwerke München GmbH (iktar ’il quddiem, “Stadwerke München” jew l-“awtorità kontraenti”) introduċiet “sistema ta’ kwalifika”, fis-sens tal-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/25, li l-għan tagħha kien li tagħżel impriżi sabiex jipprovdulha materjal għal linji ferrovjarji ( 6 ).

    13.

    Fl‑4 ta’ Novembru 2016, il-kumpannija Vossloh Laeis GmbH ġiet eskluża minn din is-sistema, minħabba li fid‑9 ta’ Marzu 2016 l-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju federali tal-akkordji, il-Ġermanja) kien imponilha multa talli għal diversi snin ipparteċipat f’akkordju attiv sar-rebbiegħa tal‑2011.

    14.

    Fost dawk effettwati ħażin mill-imġiba kollużiva tal-membri tal-akkordju kien hemm Stadtwerke München stess, li, għal din ir-raġuni, ressqet azzjoni ċivili kontra Vossloh Laeis, fejn talbet kumpens għad-danni.

    15.

    Skont id-digriet tar-rinviju, Vossloh Laeis ma kkollaboratx mal-awtorità kontraenti sabiex tiċċara l-ksur tar-regoli fil-qasam tal-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. B’mod partikolari:

    Wara l-iskoperta tal-akkordju fl‑2011, Vossloh Laeis ma kinitx indirizzat lill-awtorità kontraenti u lanqas ħadet xi inizjattiva sabiex tiċċara l-fatti fit-totalità tagħhom.

    Kien biss fl‑2016 li waqfet tiċħad, quddiem l-awtorità kontraenti, il-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki kollużivi rilevanti, għalkemm iddikjarat li kienet ikkontestat id-deċiżjoni li timponi sanzjoni u ddeskriviet il-miżuri organizzattivi u tal-persunal adottati sabiex tiċċara l-fatti u tevita r-repetizzjoni tagħhom fil-futur. Hija żiedet li kienet ser tirrimborsa d-dannu kkawżat minħabba l-imġiba illeċita tagħha.

    16.

    Madankollu, Vossloh Laeis ma aċċettatx li tibgħat id-deċiżjoni li timponi sanzjoni lill-awtorità kontraenti sabiex tkun tista’ teżaminaha. Lanqas ma aċċettat li tikkoopera magħha sabiex tiċċara l-ksur imwettaq, peress li kienet tal-fehma li l-kooperazzjoni tagħha mal-awtorità għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni kienet biżżejjed.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju ma tikkontestax (kif kien iddikjarat fid-deċiżjoni li timponi sanzjoni stess) li Vossloh Laeis kienet ikkollaborat b’mod kontinwu u mingħajr restrizzjonijiet mal-awtorità Ġermaniża għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni matul il-proċedura quddiemha.

    18.

    L-awtorità kontraenti qieset li l-ispjegazzjonijiet ta’ Vossloh Laeis ma wrewx li kienet ħadet miżuri suffiċjenti ta’ awtoriabilitazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 125 tal-GWB. Għal din ir-raġuni, fl‑4 ta’ Novembru 2016, hija informatha definittivament li kienet eskluża, b’effett immedjat, mis-sistema ta’ kwalifika.

    19.

    Vossloh Laeis ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Vergabekammer Südbayern (Awla tal-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern), li għamlet id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    III. Id-domandi preliminari

    20.

    Id-domandi preliminari huma fformulati kif ġej:

    “a)

    Dispożizzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li, sabiex jikseb awtoriabilitazzjoni, operatur ekonomiku għandu jikklarifika totalment il-fatti u ċ-ċirkustanzi relatati mar-reat jew man-nuqqas u d-dannu hekk ikkawżat, billi jikkollabora attivament, mhux biss mal-awtoritajiet investigattivi, iżda wkoll mal-awtorità kontraenti, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25/UE moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24/UE?

    b)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24/UE għandu f’dan il-kuntest jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jikseb awtoriabilitazzjoni, l-operatur ekonomiku kkonċernat huwa fi kwalunkwe każ marbut li jinforma lill-awtorità kontraenti bil-fatti b’mod li jippermetti lil din tal-aħħar tevalwa jekk il-miżuri ta’ awtoriabilitazzjoni meħuda (miżuri tekniċi, organizzattivi u tal-persunal u kumpens għad-dannu) humiex xierqa u suffiċjenti?

    c)

    Fil-każijiet ta’ esklużjoni fakultattiva previsti fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE, il-perijodu massimu ta’ esklużjoni jew it-terminu ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24/UE huwa ta’ tliet snin dekorribbli mill-avveniment rilevanti. B’‘avveniment rilevanti’ għandu wieħed jifhem it-twettiq tar-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE jew il-mument determinanti huwa dak meta l-awtorità kontraenti jkollha informazzjoni ċerta u konkreta dwar l-eżistenza tar-raġuni ta’ esklużjoni?

    d)

    Konsegwentement, fil-każ ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu [57](4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE, meta operatur ekonomiku jipparteċipa f’akkordju, l-avveniment rilevanti kkonċernat fis-sens tal-Artikolu [57](7) tad-Direttiva 2014/24/UE huwa t-tmiem tal-parteċipazzjoni fl-akkordju jew il-ksib mill-awtorità kontraenti ta’ informazzjoni ċerta u konkreta dwar il-parteċipazzjoni f’akkordju?”

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjoni tal-partijiet

    21.

    Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2017.

    22.

    Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn Vossloh Laeis, Stadtwerke München, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Grieg, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni, li, bl-eċċezzjoni ta’ Stadtwerke München u tal-Gvern Pollakk, dehru fis-seduta li saret fil‑21 ta’ Frar 2018.

    V. L-analiżi

    23.

    B’mod preliminari, u għalkemm ebda waħda mill-partijiet ma qajmet dubju dwarha, wieħed għandu jiftakar li l-kwalifika tal-Vergabekammer Südbayern (Awla tal-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja) bħala qorti, skont it-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE, ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen ( 7 ).

    24.

    L-erba’ domandi magħmula f’din il-proċedura jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi. Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda għandu jiġi ċċarat jekk il-kollaborazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 (sabiex tingħata prova tal-affidabbiltà ta’ operatur ekonomiku suġġett għal xi waħda mir-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti fil-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-artikolu) għandhiex tiġi pprovduta biss lill-“awtoritajiet investigattivi” jew anki lill-awtorità kontraenti, meta, f’dan il-każ tal-aħħar, dan ikun ipprovdut fir-regoli interni ta’ Stat Membru.

    25.

    Iż-żewġ domandi li jifdal jikkonċernaw il-perijodu ta’ esklużjoni li jista’ jiġi suġġett għalih operatur ekonomiku li ma adottax il-miżuri ta’ awtoriabilitazzjoni msemmija fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24. Speċifikament, għandu jiġi ċċarat liema huwa l-“avveniment rilevanti” imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, bħala dies a quo tat-terminu.

    A.   Il-kunċett ta’ “awtoritajiet investigattivi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 (l-ewwel u t-tieni domandi)

    1. Is-sintesi tal-argumenti tal-partijiet

    26.

    Vossloh Laeis issostni li, billi teħtieġ kollaborazzjoni attiva mal-awtorità kontraenti, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża imponiet kundizzjoni addizzjonali fuq l-awtoriabilitazzjoni, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 jirreferi biss għall-kollaborazzjoni attiva mal-awtoritajiet investigattivi.

    27.

    Fl-opinjoni tagħha, it-termini “awtorità kontraenti” u “awtorità investigattiva” jirreferu, fid-dritt tal-Unjoni, għal atturi differenti, b’funzjonijiet differenti: fejn filwaqt li l-ewwel waħda tagħti kuntratti pubbliċi, it-tieni waħda għandha l-kompitu li tinvestiga reati jew, b’mod ġenerali, eventwali nuqqasijiet.

    28.

    Vossloh Laeis issostni li l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24 jagħmel distinzjoni bejn il-miżuri ta’ awtoriabilitazzjoni mwettqa mill-operatur ekonomiku, minn naħa, u l-prova tal-effettività tagħhom, min-naħa l-oħra. Ir-raġunament wara l-artikolu huwa li l-operatur ekonomiku għandu jadotta l-miżuri meħtieġa ta’ awtoriabilitazzjoni, u mbagħad, jekk jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (kemm jekk ta’ għoti jew ta’ kwalifika minn qabel), għandu jagħti prova, quddiem l-awtorità kontraenti, li dawn il-miżuri kienu wasslu għal riżultati. Il-leġiżlatur Ġermaniż mar lil hinn minn din l-iskema billi rdoppja r-rekwiżit ta’ kollaborazzjoni, u għalhekk mar kontra d-Direttiva 2014/24.

    29.

    Il-pożizzjoni meħuda minn Vossloh Laeis hija wkoll dik sostnuta, sostanzjalment, mill-Gvern Elleniku.

    30.

    Għall-kuntrarju, skont Stadtwerke München, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Ungeriż, il-fatt li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma ttrasponietx il-kontenut tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 verbatim ma jikkawża ebda problema. Permezz taż-żieda tar-riferiment għall-awtorità kontraenti, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-dritt Ġermaniż, l-espressjoni “awtoritajiet investigattivi” tista’ tiġi interpretata bħala li tirreferi biss għal dawk l-awtoritajiet li għandhom is-setgħa li jinvestigaw reati. Sabiex tiġi evitata traspożizzjoni insuffiċjenti, kien essenzjali li din l-espressjoni tintuża fl-iktar sens wiesgħa tagħha, raġuni li wasslet sabiex il-leġiżlatur nazzjonali jispeċifika li l-operatur ekonomiku huwa obbligat li jikkollabora, fl-istess ħin, mal-“awtoritajiet investigattivi” fis-sens strett u mal-awtorità kontraenti, bħala “awtorità investigattiva” f’sens inqas strett. Din tal-aħħar “tinvestiga” wkoll meta, skont l-Artikolu 57(5) u (6) tad-Direttiva 2014/24, teżamina jekk offerent huwiex suġġett għal kawża ta’ esklużjoni fakultattiva jew jissodisfax il-kriterji għall-awtoriabilitazzjoni.

    31.

    Madankollu, waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Gvern Ġermaniż ikkwalifika l-pożizzjoni inizjali tiegħu, fis-sens li, permezz tar-riferiment konġunt għall-awtoritajiet investigattivi u għall-awtorità kontraenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma hemmx l-intenzjoni li l-istess obbligu jiġi rduppjat.

    32.

    Għal Stadtwerke München, anki jekk kellu jitqies li l-estensjoni tad-dover ta’ kollaborazzjoni ma hijiex koperta mill-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri iktar stretti f’dan ir-rigward. Dan jirriżulta mill-ispirtu, mill-iskop u mill-funzjoni tar-raġunijiet ta’ esklużjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    33.

    F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li s-soluzzjoni użata mil-leġiżlatur nazzjonali hija trasparenti u nondiskriminatorja. Barra minn hekk, id-direttiva ma tipprojbixxix espressament l-adozzjoni ta’ miżuri iktar stretti. Finalment, anki l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kontraenti fil-proċess ta’ awtoriabilitazzjoni hija neċessarja, peress li huma għandhom jivverifikaw jekk l-operaturi ekonomiċi għandhomx jiġu esklużi mill-proċedura u, jekk dan ikun il-każ, jivverifikaw ukoll il-miżuri awtokorrettivi li jkunu wettqu.

    34.

    Skont il-Kummissjoni, għall-kuntrarju tal-kunċett ta’ “awtorità kontraenti” użat fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, il-kunċett ta’ “awtorità investigattiva” la ġie ddefinit minn din id-direttiva u lanqas mid-Direttiva 2014/25. Fl-opinjoni tagħha, għalkemm l-istess awtorità tista’ tintervjeni kemm bħala awtorità kontraenti kif ukoll bħala awtorità investigattiva, ma jidhirx li r-riferiment għal din tal-aħħar fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 jirreferi għall-awtorità kontraenti.

    35.

    Għall-Kummissjoni, l-interpretazzjoni sistematika tad-dispożizzjoni turi li, lil hinn mill-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet investigattivi, hemm ukoll id-dmir ta’ kollaborazzjoni mal-awtorità kontraenti, għalkemm ta’ natura differenti. Fi kwalunkwe każ, il-kollaborazzjoni maż-żewġ awtoritajiet ma għandhiex twassal għal irduppjar jew għal repetizzjoni tal-istess obbligi.

    36.

    Il-Kummissjoni temmen ukoll li l-kooperazzjoni meħtieġa minn kull awtorità għandha l-karatteristiċi partikolari tagħha, jiġifieri, ma hijiex identika. L-għan segwit mill-awtoritajiet investigattivi meta jistabbilixxu l-proċeduri tagħhom (sabiex jidentifikaw ksur) huwa differenti mill-eżami li jsir mill-awtoritajiet kontraenti (sabiex jaċċertaw l-affidabbiltà ta’ operatur ekonomiku). Fl-ewwel każ, tiġi ddeterminata l-ħtija tal-partijiet involuti, fir-rigward ta’ avvenimenti tal-passat. Fit-tieni każ, jiġu analizzati r-riskji li jista’ jkun hemm, fil-futur, fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku lil offerent speċifiku.

    2. Evalwazzjoni

    37.

    L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24 jinkludi sensiela ta’ raġunijiet ta’ esklużjoni tal-operaturi ekonomiċi fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi r-raġunijiet mandatorji (“l-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu”) u l-paragrafu 4 jipprovdi dawk fakultattivi (“l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu”).

    38.

    Fost ir-raġunijiet fakultattivi hemm l-imġiba kollużiva msemmija fl-ittra (d): “fejn l-awtorità kontraenti ikollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni”, tista’ tirrifjuta l-parteċipazzjoni tiegħu f’waħda minn dawn il-proċeduri.

    39.

    Sakemm din l-iskwalifika ma tkunx ġiet deċiża permezz ta’ sentenza definittiva — f’liema każ, japplikaw id-dispożizzjonijiet tas-sentenza—, l-operatur ekonomiku inkwistjoni jista’ juża l-possibbiltà pprovduta fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, jiġifieri, itemm il-perijodu normali ta’ esklużjoni ( 8 ) qabel ma jiskadi kompletament.

    40.

    Sabiex jibbenefika minn din il-possibbiltà, l-operatur ekonomiku msemmi hawn fuq għandu juri li, “minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni” (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24), l-imġiba sussegwenti tiegħu għamlitu “affidabbli”. Sabiex “juri l-affidabbiltà tiegħu” (ibid.), “jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed” (ibid.) għal dawn il-finijiet.

    41.

    Sabiex twettaq l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-affidabbiltà msemmija fid-dispożizzjoni, l-awtorità kontraenti għandha, neċessarjament, issegwi l-linji gwida li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu 6. Jista’ biss jitqies li ngħatat prova tagħha jekk l-operatur ekonomiku: a) ikun ħallas — jew impenja ruħu li jħallas — il-kumpens li jikkorrispondi għad-dannu kkawżat mill-ksur li ta’ lok għall-esklużjoni tiegħu; b) ikun iċċara l-fatti u ċ-ċirkustanzi b’mod eżawrjenti; u ċ) ikun adotta miżuri konkreti (tekniċi, organizzattivi u tal-persunal) xierqa sabiex jevita ksur ġdid.

    42.

    Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw biss it-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u huma bbażati fuq in-nuqqas ta’ qbil bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 (li jgħid li l-operatur ekonomiku għandu juri “li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi”) u l-punt 2 tal-Artikolu 125(1) tal-GWB (li jgħid li l-kollaborazzjoni attiva għandha tkun ma’ “l-awtoritajiet investigattivi u [ma]l-awtorità kontraenti”).

    43.

    Ir-riferiment għall-“awtorità kontraenti” ġie miżjud ma’ dak li għamel il-leġiżlatur tal-Unjoni għall-“awtoritajiet investigattivi” bil-għan, skont Stadtwerke München, li tiġi evitata interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 li jistabbilixxi d-dmir tal-operatur ekonomiku li jikkoopera biss mal-“awtoritajiet investigattivi” fis-sens strett (jiġifieri, mal-istituzzjonijiet li jinvestigaw u jressqu azzjonijiet kontra reati jew nuqqasijiet), filwaqt li jinsa li, f’sens wiesa’, l-awtorità kontraenti tinvestiga wkoll meta teżamina jekk operatur ekonomiku jkunx ġie suġġett għal kawża ta’ esklużjoni jew jekk ikunx irnexxielu juri l-affidabbiltà tiegħu minkejja dan.

    44.

    Madankollu, ma naħsibx li hemm riskju ta’ ftehim ħażin minħabba l-ineżattezza allegata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, skont il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tiegħu.

    45.

    Il-verżjoni Ġermaniża tuża l-espressjoni “Ermittlungsbehörden”, li tikkorrispondi eżattament għal dik użata f’oħrajn, bħal dik Spanjola (“autoridades investigadoras”), il-verżjoni Ingliża (“investigating authorities”), il-verżjoni Franċiża (“autorités chargées de l’enquête”), il-verżjoni Taljana (“autorità investigative”), il-verżjoni Portugiża (“autoridades responsáveis pelo inquérito”) jew il-verżjoni Olandiża (“onderzoekende autoriteiten”). F’dawn il-verżjonijiet kollha, barra minn hekk, l-awtoritajiet u l-korpi li jagħtu kuntratti pubbliċi jew jorganizzaw proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jissejħu wkoll bl-istess termini: “poder adjudicador”, bl-Ispanjol, u “öffentliche Auftraggeber”, bil-Ġermaniż.

    46.

    Il-problema, għalhekk, ma hijiex fl-ineżattezza tat-termini tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24 li tirreferi għal korpi ta’ natura differenti. Dak li jiġri huwa li din l-istess dispożizzjoni tagħti lill-awtoritajiet kontraenti wkoll xi wħud mill-kompiti investigattivi. Pereżempju:

    Skont l-ewwel paragrafu, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu operatur ekonomiku “fejn ikunu stabbilixxew […] jew huma b’xi mod ieħor konxji li […] kien is-suġġett ta’ kundanna b’sentenza definittiva għal [ċerti] raġunijiet”.

    Fuq l-istess linja, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, isemmi l-każ li “l-awtorità kontraenti tista’ turi bi kwalunkwe mezz adegwat li l-operatur ekonomiku qed jikser l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas tat-taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali”.

    Finalment, każijiet oħrajn elenkati fil-paragrafu 4 jeħtieġu ċerta attività investigattiva ( 9 ) tal-awtoritajiet kontraenti. Pereżempju, skont l-ittra (c), tista’ “turi b’mezz adegwat li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża”.

    47.

    Fil-fehma tiegħi, l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti ma jagħmilx lill-awtorità kontraenti waħda mill-“awtoritajiet investigattivi” msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24.

    48.

    Ċertament, l-awtorità kontraenti ser ikollha tuża attività investigattiva mandatorja (fis-sens indikat hawn fuq) sabiex tivverifika jekk jeżistux xi wħud mill-każijiet ta’ esklużjoni tal-Artikolu 57(1) u (4) tad-Direttiva 2014/24. Madankollu, l-għan tal-paragrafu 6 ta’ dan l-istess artikolu ma huwiex li l-awtorità kontraenti tistabbilixxi hija stess u fi kwalunkwe każ il-fatti li x’aktarx jikkawżaw l-esklużjoni, iżda li, ladarba l-operatur ekonomiku jkun eskluż, tevalwa l-provi prodotti minn min isostni li rriabilita ruħu.

    49.

    Ir-rwol tal-awtorità kontraenti f’din l-evalwazzjoni tal-provi, għalhekk, huwa passiv, meta mqabbel mar-rwol attiv tal-operatur ekonomiku. Dan tal-aħħar għandu jipproduċi l-provi li dwarhom għandha tiddeċiedi l-awtorità kontraenti, mingħajr ma jkun essenzjali, nirrepeti, li biex tagħmel dan hija twettaq, fil-każijiet kollha, attivitajiet ta’ istruzzjoni (jew investigazzjoni) f’dan ir-rigward.

    50.

    L-operatur ekonomiku li jiddefendi r-riabilitazzjoni tiegħu għandu juri, inter alia, “li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi”. Loġikament, għandu juri dan quddiem l-awtorità kontraenti, jiġifieri, quddiem l-awtorità li, wara li teżamina l-provi, tiddeċiedi jekk l-offerent ikunx wera l-affidabbiltà tiegħu b’mod suffiċjenti u, għalhekk, jista’ jiġi aċċettat mill-ġdid fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti.

    51.

    B’mod ġenerali, għalhekk, l-“awtoritajiet investigattivi” msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 ma humiex l-awtoritajiet kontraenti. Quddiem dawn tal-aħħar, l-offerent (jew l-impriża li tixtieq tkun parti minn sistema ta’ kwalifika, bħalma jiġri f’dan il-każ) għandu juri li kkollabora b’mod attiv u eżawrjenti mal-awtoritajiet investigattivi sabiex jiċċara l-fatti. Madankollu, din il-kollaborazzjoni għandha tkun, neċessarjament, dik mogħtija lil istituzzjoni differenti mill-awtorità kontraenti nnifisha: altrimenti, għal din tal-aħħar, ikun fatt magħruf li ma jeħtieġ ebda prova.

    52.

    Is-sekwenza ratione temporis tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57(6) tikkonferma din il-konklużjoni. Dak li għandu juri l-operatur ekonomiku quddiem l-awtorità kontraenti huma fatti li seħħew fil-passat, jiġifieri, fi żmien qabel dak li jikkonċerna lill-awtorità kontraenti sabiex tirriabilitah.

    53.

    Għalhekk, il-kumpens għad-danni għandu jkun tħallas jew sar impenn li jitħallas, kif ukoll għandhom ikunu diġà ttieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiġu evitati każijiet ġodda ta’ ksur. Għall-istess raġuni, il-kjarifiki (dwar il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-imġiba li tat lok għall-esklużjoni) għandhom ikunu ġew offruti, fi żmienhom, lil awtorità li ma tistax tkun l-awtorità kontraenti, li quddiemha għandu jintwera biss li din il-kjarifika — bħall-ħlas ta’ kumpens jew l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa — saret diġà.

    54.

    Fil-fehma tiegħi, din hija l-iktar interpretazzjoni plawsibbli tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24. U din hija, preċiżament, l-iktar interpretazzjoni li tixraq għal każ bħal dan, fejn l-imġiba li kkawżat l-esklużjoni (il-parteċipazzjoni tal-kumpannija f’akkordju) kienet evalwata u ssanzjonata minn “awtorità investigattiva”: il-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji).

    55.

    Ma jagħmilx sens, f’din is-sitwazzjoni, li l-obbligu ta’ kollaborazzjoni jiġi rduppjat, billi jiżdied id-dmir li ssir kollaborazzjoni mal-awtorità kontraenti, kif jiġri jekk l-operatur ekonomiku li, wara li jiġi eskluż, ifittex li jiġi rriabilitat, ikun imġiegħel jiċċara l-istess fatti u l-istess ċirkustanzi quddiem żewġ awtoritajiet differenti.

    56.

    Madankollu, jista’ jintqal (kif tgħid Stadtwerke München) li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jintroduċu kriterji iktar stretti sabiex l-operaturi ekonomiċi juru l-affidabbiltà tagħhom, matul il-perijodu ta’ esklużjoni. Ikun fattibbli, allura, li jintalbu, minbarra li jikkollaboraw mal-awtoritajiet investigattivi, jagħmlu dan ukoll mal-awtorità kontraenti.

    57.

    Favur din it-teorija hemm argumenti li mhux ta min jinjorahom. Minn naħa, skont l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, “l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ( 10 ), fir-rigward tal-każijiet ta’ esklużjoni fakultattivi ( 11 ), li d-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi “ma [t]ipprevedix uniformità ta’ applikazzjoni […] fuq livell tal-Unjoni, minħabba li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikawx dawn il-kawżi ta’ esklużjoni, jew li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’livell ta’ applikazzjoni li jista’ jvarja każ b’każ, skont il-kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali li jipprevalu fil-livell nazzjonali”.

    58.

    Fl-opinjoni tiegħi, dan ikun possibbli biss jekk tkun kollaborazzjoni differenti minn dik mitluba għall-awtoritajiet investigattivi. Għalhekk, jista’ jinftiehem li l-kollaborazzjoni mal-awtorità kontraenti, stabbilita fil-punt 2 tal-Artikolu 125(1) tal-GWB, ma għandhiex l-istess skop bħal dik mitluba mill-operatur ekonomiku fir-rigward tal-awtoritajiet investigattivi, iżda hija relatata ma’ mġiba li l-evalwazzjoni tagħha bħala kawża ta’ esklużjoni għandha tiġi deċiża u evalwata mill-awtorità kontraenti nnifisha.

    59.

    Minn din il-perspettiva, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 124(4) tal-GWB ( 12 ), tagħmel sens: l-operatur ekonomiku għandu jikkollabora b’mod attiv mal-awtorità kontraenti sabiex: i) jiċċara l-fatti u ċ-ċirkustanzi li setgħu wasslu sabiex din tal-aħħar temmen li l-kawża ta’ esklużjoni hija applikabbli għalih u li għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha; u ii) jipperswadiha li, minkejja dan, jista’ jiġi rriabilitat.

    60.

    Għall-kuntrarju, jekk ir-regola nazzjonali ġiet interpretata li tfisser li l-operatur ekonomiku għandu jikkoopera bl-istess mod (u darbtejn) mal-awtorità kontraenti u mal-awtoritajiet investigattivi sabiex jiċċara l-istess fatti u ċirkustanzi fir-rigward tal-istess kawża ta’ esklużjoni, dan iwassal għal riżultat li ma naħsibx li huwa kompatibbli mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24:

    Minn naħa, ikun hemm irduppjar tal-obbligi meħtieġa fir-rigward ta’ dawk li, bħall-awtoritajiet investigattivi u l-awtoritajiet kontraenti, iwettqu funzjonijiet differenti.

    Min-naħa l-oħra, l-operatur ekonomiku jista’ jitqiegħed f’sitwazzjoni qrib għal waħda fejn jiġi mċaħħad milli jiddefendi ruħu meta, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, l-awtorità kontraenti ssostni li ġarrbet ħsarat u preġudizzji, bħala riżultat tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li wassal għall-esklużjoni ta’ dak tal-ewwel, u titlob kumpens għalih ( 13 ).

    61.

    Fil-fatt, dan l-irduppjar tal-obbligi jinjora d-differenzi li jeżistu bejn il-funzjonijiet rispettivi tal-awtoritajiet investigattivi fil-qasam tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni u dawk tal-awtoritajiet kontraenti. Barra minn hekk, jekk waħda minn dawn l-awtoritajiet kontraenti tkun f’pożizzjoni li tiġġudika jekk il-fatti li temmen li kkawżawla dannu ġewx iċċarati b’mod xieraq jew le, u ma tkunx limitata, għalhekk, sabiex taċċerta jekk l-operatur ekonomiku kkollaborax b’mod eżawrjenti mal-awtoritajiet investigattivi sabiex jiċċarahom, tista’ ma tkunx fl-aħjar pożizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni, bin-nerwtralità u bl-imparzjalità meħtieġa, dwar it-talba għar-riabilitazzjoni.

    B.   Il-kunċett ta’ “avveniment rilevanti” fis-sens tal-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 (it-tielet u r-raba’ domanda preliminari)

    62.

    Skont l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Mmbri “għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu”.

    63.

    Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx libertà assoluta, f’dan ir-rigward, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi ċerti limiti għat-tul tal-perijodu massimu. B’mod partikolari:

    Jekk iż-żmien ta’ esklużjoni jkun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza definittiva, dan għandu japplika dejjem.

    Jekk, f’każ ta’ sentenza definittiva, ma jkunx ġie speċifikat fiha ż-żmien ta’ esklużjoni, dan ma jistax idum iktar minn ħames snin mill-mument tal-kundanna, meta inkwistjoni jkun hemm raġunijiet ta’ esklużjoni obbligatorji (dawk tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu).

    Jekk ma jkun hemm l-ebda sentenza definittiva, jew sentenza li ma tindikax iż-żmien massimu ta’ esklużjoni, dan jitnaqqas għal “tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4” (raġunijiet fakultattivi ta’ esklużjoni).

    64.

    L-aħħar żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw dan l-aħħar punt, fejn il-qorti tixtieq tiċċara dubji dwar il-kunċett ta’ avveniment “rilevanti”.

    1. Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

    65.

    Vossloh Laeis targumenta li l-espressjoni inkwistjoni tirreferi għall-eżistenza oġġettiva tar-raġuni ta’ esklużjoni. Li kieku l-leġiżlatur ried jistrieħ fuq l-għarfien suġġettiv tal-awtorità kontraenti, huwa kien jifformulah b’dan il-mod. L-interpretazzjoni sistematika ta’ din id-dispożizzjoni twassal għall-istess konklużjoni, peress li, f’każ ieħor, id-data tkun tiddependi fuq kull awtorità kontraenti, li jikkuntrasta maċ-ċertezza legali.

    66.

    Għal Stadtwerke München, il-mument deċiżiv ma huwiex dak fejn issir (jew tintemm) l-imġiba li tikkawża l-esklużjoni fakultattiva, iżda dak fejn il-kundizzjonijiet tagħha jiġu ssodisfatti kompletament, kundizzjonijiet li fosthom hemm il-komponent suġġettiv (għarfien tar-raġuni mill-awtorità kontraenti). Skont din il-premessa, l-avveniment rilevanti normalment ikun dak fid-data li fiha l-awtorità kontraenti jkollha informazzjoni soda dwar il-preżenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni.

    67.

    Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Ungeriż jaqblu, essenzjalment, ma’ dan l-istess approċċ. L-“avveniment rilevanti” huwa ddeterminat mill-mument li fih l-awtorità kontraenti jkollha informazzjoni ċerta u soda dwar l-eżistenza tal-kawża ta’ esklużjoni, jiġifieri, għall-Gvern Ungeriż, dak il-mument li fih ikun hemm deċiżjoni definittiva u finali dwar il-każ.

    68.

    Il-Gvern Grieg huwa inklinat li japplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 14 ) għall-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, sabiex ma jkun hemm l-ebda differenza fil-proċedura amministrattiva jew kriminali korrispondenti. Għalhekk, huwa jiddeduċi li dak li huwa “rilevanti” huwa meta jkun seħħ l-avveniment li ddetermina l-esklużjoni, u mhux meta dan sar magħruf mill-awtorità kontraenti.

    69.

    Għall-Gvern Pollakk, li ssottometta biss osservazzjonijiet dwar din il-kwistjoni, l-“avveniment rilevanti” huwa l-konklużjoni tal-ftehim li kien intiż li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni. Jekk ma jkunx possibbli li tiġi speċifikata d-data ta’ dan il-ftehim, għandha tittieħed id-data tal-avveniment li tippermetti li l-konklużjoni tiegħu titqies probabbli (jista’ jkun, pereżempju, il-jum li fih intemmet il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti li matulha ġie stabbilit li l-operaturi ekonomiċi parteċipanti pprovaw jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni).

    70.

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni tliet dati differenti: 1) dik tal-imġiba li tikkostitwixxi raġuni ta’ esklużjoni; 2) il-mument li fih jiġu ssodisfatti l-kriterji ta’ waħda minn dawn ir-raġunijiet, li fil-każ tal-ittri c) u d) tal-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24, huwa dak li fih l-awtorità kontraenti tista’ turi n-nuqqas ta’ operatur ekonomiku jew ikollha elementi suffiċjentement plawsibbli; u 3) id-data li fiha l-awtorità investigattiva tkun stabbilixxiet, permezz ta’ sentenza definittiva, l-imġiba ħażina.

    71.

    Għall-Kummissjoni, iċ-ċertezza legali (li hija r-raġuni li tiġġustifika l-limitazzjoni ratione temporis tar-raġunijiet ta’ esklużjoni) hija favur l-ewwel waħda minn dawn it-tliet alternattivi. Madankollu, ir-riskju li l-kuntratt pubbliku jingħata lil xi ħadd li jkun wettaq nuqqasijiet professjonali (li jiġġustifika, speċifikament, il-każijiet ta’ esklużjoni tad-Direttiva 2014/24) ixaqleb lejn l-għoti ta’ preċedenza lit-tieni waħda.

    72.

    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni invokat favur l-argumenti tagħha r-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi konklużi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 106(14) u (15) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 ( 15 ), minħabba li kkunsidrat li huma utli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, peress li għandu jkun hemm ċerta armonija bejn l-Artikolu 57 u dawn ir-regoli. Minn dan, hija tiddeduċi li, b’mod definittiv, il-perijodu massimu li fih operatur ekonomiku jista’ jiġi eskluż huwa ta’ tliet snin mid-deċiżjoni definittiva li timponi sanzjoni adottata minn awtorità investigattiva.

    2. L-evalwazzjoni

    73.

    Kif diġà enfasizzajt, l-Artikolu 57(7), in fine, tad-Direttiva 2014/24 jirreferi, sabiex jiġi stabbilit il-bidu tal-perijodu massimu ta’ esklużjoni, meta dan tal-aħħar ma jkunx ġie speċifikat f’sentenza definittiva, għall-“avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4” ( 16 ). Bħala prinċipju, għalhekk, dan il-kunċett jinkludi l-imġiba jew iċ-ċirkustanza deskritta fid-diversi każijiet indikati fl-imsemmi Artikolu 57(4).

    74.

    Domanda differenti, li hija dik magħmula mill-qorti tar-rinviju, hija jekk il-kalkolu tal-perijodu ta’ esklużjoni għandux jibda fid-data li fiha din l-imġiba jew iċ-ċirkustanza ssir attwalment jew fil-mument li fih l-awtorità kontraenti jkollha informazzjoni, soda u li tista’ tintwera, dwar l-eżistenza tiegħu.

    75.

    Il-partijiet involuti f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari alternaw bejn li jadottaw interpretazzjoni oġġettiva, ibbażata fuq it-twettiq ta’ “avveniment rilevanti”, u interpretazzjoni suġġettiva, ibbażata fuq l-għarfien ta’ dan il-fatt mill-awtorità kontraenti.

    76.

    Kif enfasizzat il-Kummissjoni, filwaqt li l-ewwel perspettiva tagħti prijorità lill-garanzija taċ-ċertezza legali, it-tieni waħda tiffavorixxi l-protezzjoni tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, fir-rigward tar-riskju involut fl-aċċettazzjoni ta’ offerenti li huma suġġetti għal raġunijiet ta’ esklużjoni.

    77.

    Madankollu, sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, analiżi eżawrjenti tal-iskema ratione temporis tal-perijodi ta’ esklużjoni previsti fid-Direttiva 2014/24 ma hijiex essenzjali, iżda huwa biżżejjed li jsir riferiment għar-raġuni speċifika ta’ esklużjoni diskussa.

    78.

    B’mod iktar speċifiku, fil-każ tal-parteċipazzjoni ta’ Vossloh Laeis f’akkordju, li ġiet ikkonfermata u ssanzjonata mill-awtorità Ġermaniża tal-kompetizzjoni, il-kontroversja tikkonċerna jekk il-perijodu ta’ tliet snin jibdiex: i) meta din il-parteċipazzjoni seħħet jew intemmet (approċċ oġġettiv); jew ii) meta l-awtoritajiet, kemm jekk dik investigattiva, jew l-awtorità kontraenti, kellhom prova affidabbli tal-imġiba illeċita jew issanzjonawha (approċċ suġġettiv).

    79.

    Il-Gvern Grieg jemmen li l-formula adottata fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003 dwar id-dies a quo hija rilevanti għat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-imġiba illeċita fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dan it-terminu “jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha sar il-ksur. Madankollu, fil-każ li l-ksur ikun kontinwu jew kontinwat, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġurnata ta’ meta l-ksur intemm”.

    80.

    Jista’ jitqies, fil-fatt, li jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jagħti preċedenza liċ-ċertezza legali ta’ min iwettaq il-ksur iktar milli lill-effettività tas-setgħa ta’ ssanzjonar tal-Kummissjoni, l-istess kriterju jkun jista’ jiġi estrapolat għall-ewwel jum tal-perijodu ta’ esklużjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    81.

    Madankollu, naħseb li din l-idea ma hijiex kompluta. Jekk tiġi applikata l-analoġija, din ikollha ssir fl-intier tagħha, b’tali mod li — bħal f’każijiet ta’ preskrizzjoni ta’ mġiba li tirrestrinġi l-kompetizzjoni — il-perijodu massimu ta’ esklużjoni, ladarba jkun beda, jista’ jiġi interrott ( 17 ). Dan x’aktarx ikun jista’ jiġi estiż, għalhekk, lil hinn mit-tliet snin li, b’mod eżawrjenti, jipprevedi l-Artikolu 57(7) tad-direttiva ( 18 ).

    82.

    Nemmen, għal din ir-raġuni, li s-soluzzjoni tista’ tintlaħaq b’mod analoġiku, iżda permezz tal-applikazzjoni ta’ din it-teknika ta’ integrazzjoni tar-regola fir-rigward tal-bqija tal-kontenut tad-dispożizzjoni. Fiha jiġi stabbilit li, meta r-raġuni ta’ esklużjoni obbligatorja tkun imġiba illeċita li l-konstatazzjoni tagħha tkun saret f’sentenza li ma stabbilixxietx it-tul tal-perijodu, l-ewwel jum tal-kalkolu tal-ħames snin ta’ esklużjoni ser ikun speċifikament id-data tal-kundanna.

    83.

    Fil-fehma tiegħi, dan l-istess kriterju jista’ jiġi applikat, mingħajr diffikultajiet ermenewtiċi, fir-rigward ta’ mġiba li tillimita l-kompetizzjoni, li l-eżistenza tagħha tista’ biss titqies bħala pprovata (fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ innoċenza) f’deċiżjoni, kemm jekk ġudizzjarja jew amministrattiva. F’din l-ipoteżi, li hija din tal-każ preżenti, hija d-data ta’ din id-deċiżjoni (li titqies bħala kundanna f’sens mhux tajjeb) li sservi bħala “avveniment rilevanti” sabiex jibda l-kalkolu tat-tliet snin ta’ esklużjoni.

    84.

    L-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 ma jirreferix, għalhekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għall-imġiba kollużiva nnifisha, li għandha titqies bħala “avveniment rilevanti”, iżda għall-konstatazzjoni legali tal-eżistenza ta’ dan l-aġir; jew, jekk ikun ippreferut, għall-kwalifika legali ta’ azzjoni, li l-awtorità diġà ssanzjonat bħala mġiba illeċita.

    85.

    Fi kliem ieħor, jekk kien hemm deċiżjoni li evalwat espliċitament il-parteċipazzjoni ta’ operatur ekonomiku f’akkordju, l-“avveniment rilevanti” sabiex l-awtorità kontraenti — destinatarja tal-mandat jew, jekk applikabbli, tas-setgħa li teskludi lil dan l-operatur ekonomiku — tikkalkula l-ħin massimu ta’ skwalifika, ma huwiex l-imġiba attwali tal-kumpannija responsabbli għall-ksur, iżda l-kwalifika u s-sanzjoni tagħha bħala mġiba restrittiva tal-kompetizzjoni.

    86.

    Fil-fehma tiegħi, li hija konformi mal-opinjoni tal-Gvern Ungeriż u, fis-seduta, tal-Kummissjoni, dan il-fattur għandu jkun il-fattur “rilevanti” għall-awtorità kontraenti, sabiex tispeċifika l-perijodu massimu tal-esklużjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat. Fid-dawl tas-sanzjoni imposta mill-awtorità tal-kompetizzjoni, l-awtorità kontraenti ma teħtieġ xejn iktar, peress li legalment diġà ġiet innotata l-preżenza ta’ mġiba xierqa sabiex tiġi ddeterminata l-esklużjoni. Il-perijodu ta’ esklużjoni jibda minn hemm, jiġifieri, mill-jum li fih tkun inħarġet id-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni korrispondenti.

    VI. Konklużjoni

    87.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lill-Vergabekammer (Awla tal-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja) kif ġej:

    “1.

    L-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [l-għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE:

    Jipprekludu li operatur ekonomiku li għandu l-intenzjoni li jagħti prova tal-affidabbiltà tiegħu, minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti, għandu jikkollabora b’mod attiv mal-awtorità kontraenti sabiex jiċċara b’mod eżawrjenti l-fatti u ċ-ċirkustanzi li pparteċipa fihom bħala koawtur ta’ ftehim maħsub sabiex jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, meta dan l-istess operatur ikun diġà kkollabora b’mod attiv, billi ċċara ċ-ċirkustanzi tiegħu b’mod eżawrjenti, mal-awtorità tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni li investigat u ssanzjonat dawn il-fatti.

    Ma jipprekludux lil Stat Membru milli jeħtieġ din il-kollaborazzjoni attiva mal-awtorità kontraenti, bħala kundizzjoni sabiex l-operatur ekonomiku jagħti prova tal-affidabbiltà tiegħu u ma jkunx eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti, fil-każ ta’ mġiba li tikkostitwixxi ksur li l-fatti u ċ-ċirkustanzi tagħha għandhom jiġu speċifikati mill-awtorità kontraenti nnifisha.

    2.

    Meta operatur ekonomiku jkun ġie suġġett għar-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) tad-Direttiva 2014/24, minħabba li laħaq ftehimiet intiżi li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni li diġà kienu suġġetti għal deċiżjoni li timponi sanzjoni, il-perijodu massimu ta’ esklużjoni huwa kkalkulat mid-data ta’ dik id-deċiżjoni.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

    ( 3 ) Mingħajr enfasi fil-verżjoni oriġinali.

    ( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [l-għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).

    ( 5 ) Kif ippubblikata fis‑26 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. I, p. 1750, 3245), kif emendata l-aħħar bil-Liġi tat‑13 ta’ Ottubru 2016 (BGBl. I, p. 2258). Iktar ’il quddiem, “GWB”.

    ( 6 ) Sussegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Diċembru 2016, is-sistema ta’ kwalifika inkwistjoni ġiet itterminata.

    ( 7 ) Kawża C‑292/15, EU:C:2016:817, punt 29.

    ( 8 ) It-tul massimu ta’ dan il-perijodu, skont l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, fin-nuqqas ta’ sentenza definittiva li tkun stabbilietu, għandu jkun ta’ ħames jew tliet snin, skont il-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

    ( 9 ) Jiena nuża dan l-aġġettiv fit-tifsira proċedurali tiegħu, jiġifieri, dik li tindika proċedura li fiha l-investigatur jibda ex officio l-ipproċessar tiegħu, billi jallega provi li jinkriminaw jew li jiskaġunaw imġiba.

    ( 10 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Impresa di Costruzioni Ing. E. Mantovani u Guerrato (C‑178/16, EU:C:2017:1000, punt 31).

    ( 11 ) Tirreferi għal dawk inklużi fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6 Vol. 7 p. 132). Madankollu, għandi nfakkar li l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 jirreferi għas-“sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 [tal-istess Artikolu 57]”, jiġifieri kemm ir-raġunijiet ta’ esklużjoni obbligatorji kif ukoll dawk fakultattivi.

    ( 12 ) Skont din id-dispożizzjoni, l-esklużjoni ta’ impriża huwa possibbli meta l-awtorità kontraenti jkollha elementi plawsibbli biżżejjed sabiex tikkonkludi li tkun daħlet fi ftehim kollużiv.

    ( 13 ) Il-kollaborazzjoni mal-awtorità kontraenti mitluba mill-operatur ekonomiku tista’ tikkawża dannu lil dan tal-aħħar meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, iż-żewġ partijiet ikunu parti fi proċedura ċivili mibdija minn dik tal-ewwel, li tallega li ġarrbet ħsara minħabba l-imġiba tal-impriża offerenti (il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju) li twassal għall-esklużjoni, li fir-rigward tagħha t-tieni parti jkollha l-għan li tiġi rriabilitata.

    ( 14 ) Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat(Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

    ( 15 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 286, p. 1).

    ( 16 ) Ser ikun hemm każijiet fejn jista’ jkun hemm xi tip ta’ sentenza ġudizzjarja (pereżempju, fil-każ ta’ proċedura ta’ insolvenza jew ta’ likwidazzjoni; fil-każ tal-ittra (b)) iżda f’oħrajn, raġuni ta’ esklużjoni tista’ tiġi evalwata mingħajr il-ħtieġa ta’ medjazzjoni tagħha (għalhekk, jekk l-operatur ekonomiku jkun ipprova jikseb informazzjoni kunfidenzjali; fil-każ tal-ittra (i)).

    ( 17 ) Skont l-Artikolu 25(3) u (5) tar-Regolament Nru 1/2003, “[k]walunkwe azzjoni meħuda mil-Kummissjoni jew mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għall-għan ta’ l-investigazzjonijiet jew proċeduri b’rispett ta’ ksur tinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni għall-imposizzjoni ta’ multi jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. L-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tapplika b’effet mid-data li fiha l-azzjoni ġiet notifikata lil mill-anqas waħda mil-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża li pparteċipaw fil-ksur […] Il-preskrizzjoni terġa’ tibda tiddekorri wara kull interruzzjoni”.

    ( 18 ) Din id-dispożizzjoni, b’differenza mill-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 966/2012, ma tistabbilixxix b’mod speċifiku terminu ta’ preskrizzjoni tal-esklużjoni.

    Top