Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0107

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-12 ta’ April 2018.
    "Aviabaltika" UAB vs "Ūkio bankas" AB.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/47/KE – Eżekuzzjoni tal-arranġamenti finanzjarji kollaterali – Bidu tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista kollateral finanzjarju – Seħħ tal-fatt li wassal għall-eżekuzzjoni tal-kollateral – Inklużjoni tal-kollateral finanzjarju fil-massa ta’ falliment – Obbligu li d-djun jitħallsu, fl-ewwel lok, mill-kollateral finanzjarju.
    Kawża C-107/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:239

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MACIEJ SZPUNAR

    ippreżentati fit-12 ta’ April 2018 ( 1 )

    Kawża C‑107/17

    UAB “Aviabaltika”

    vs

    Bab Ūkio bankas

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema, il-Litwanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Moviment liberu tal-kapital – Eżekuzzjoni tal-arranġamenti kollaterali finanzjarji – Bidu tal-proċedura ta’ stralċ fir-rigward ta’ min jakkwista kollateral finanzjarju – Seħħ tal-fatt li wassal għall-eżekuzzjoni tal-kollateral – Inklużjoni tal-kollateral finanzjarju fil-massa ta’ insolvenza – Obbligu li d-djun jitħallsu, fl-ewwel lok, mill-kollateral finanzjarju”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Din hija t-tieni darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/47/KE ( 2 ).

    2.

    Fl-ewwel kawża li tat lok għas-sentenza Private Equity Insurance Group ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkjarifika d-drittijiet ta’ min jakkwista l-kollateral (iktar ’il quddiem “min jakkwista l-kollateral”) f’każ ta’ insolvenza ta’ min jipprovdi l-kollateral (iktar ’il quddiem “min jipprovdi l-kollateral”). F’dan il-każ, għandha tiddeċiedi fuq kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/47 f’sitwazzjoni fejn tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral.

    3.

    B’mod iktar preċiż, permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 2002/47 teżiġix li min jakkwista l-kollateral ikunx jista’ jew għandux jirrealizza l-kollateral finanzjarju minkejja l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu. Permezz tat-tielet domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà ta’ trattament differenti għal min jipprovdi l-kollateral minn dak mogħti lill-kredituri l-oħra involuti f’din il-proċedura ta’ insolvenza sabiex min jipprovdi l-kollateral ikun jista’ effettivament jirkupra l-kollateral finanzjarju li ma ġiex irrealizzat minn min jakkwista l-kollateral.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    L-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2002/47 jippreċiża li “arranġament kollaterali finanzjarju” jfisser arranġament, liema arranġament taħtu, min jipprovdi l-kollateral jipprovdi kollateral finanzjarju permezz ta’ garanzija favur ta’ jew lil, min jakkwista l-kollateral, u meta l-proprjetà sħiħa tal-kollateral finanzjarju tibqa’ ma’ min ikun jipprovdi il-kollateral, meta id-dritt tas-sigurtà ikun stabbilit.

    5.

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/47, intitolat “L-enforzar ta’ l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi meta jseħħ avveniment t’enforzar, min jakkwista l-kollateral għandu jkun jista jirrealizza permezz tas-segwenti, kwalunkwe kollateral finanzjarju pprovdut taħt, u soġġett għat-termini mifthiema f’arranġament dwar il-kollateral finanzjarju tal-garanzija:

    (a)

    strumenti finanzjarji permezz ta’ bejgħ jew approprjazzjoni u permezz ta’ tpaċija tal-valur tagħhom kontra, jew billi jiġi applikat il-valur tagħhom waqt l-iskarigu ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti;

    (b)

    flus kontanti permezz ta’ tpaċija tal-ammont kontra, jew billi jiġi applikat bħala skarigu ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti.

    […]

    5.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jidħol fis-seħħ skond it-termini tiegħu, nonostante l-inizzjalar jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta’ xoljiment jew miżuri ta’ organizazzjoni mill-ġdid, dwar minn jipprovdi l-kollateral jew min jakkwista l-kollateral.”

    B.   Id-dritt Litwan

    6.

    Fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2002/47, jirriżulta li, il-leġiżlatur Litwan irrefera għal “arranġament kollaterali finanzjarju mingħajr it-trasferiment ta’ titolu” minflok “arranġament kollaterali finanzjarju [bl-għoti ta’ garanzija]”. L-Artikolu 2(8) tal-Lietuvos Respublikos finiansinio užtikrinimo susitarimų įstatymas (il-Liġi Litwana dwar l-arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju) jippreċiża:

    “‘arranġament kollaterali finanzjarju mingħajr it-trasferiment ta’ titolu’ huwa ftehim li permezz tiegħu min jipprovdi l-kollateral, jipprovdi kollateral finanzjarju permezz ta’ garanzija favur ta’ jew lil, min jakkwista l-kollateral, u meta l-proprjetà sħiħa jew ristretta tal-kollateral finanzjarju tibqa ta’ min ikun jipprovdi l-kollateral.”

    7.

    L-Artikolu 9(3) u (8) tal-Liġi Litwana dwar l-arranġamenti kollaterali finanzjarji jipprovdi:

    “3.   F’każ li jseħħ avveniment li jwassal għall-infurzar tal-kollateral finanzjarju, min jakkwista l-kollateral għandu d-dritt li jirrealizza unilateralment il-kollateral finanzjarju pprovdut taħt arranġament kollaterali finanzjarju mingħajr it-trasferiment ta’ titolu, b’wieħed mill-modi deskritti hawn taħt u skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-arranġament:

    […]

    8.   L-arranġament kollaterali finanzjarju jidħol fis-seħħ fid-dati previsti fih, indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ jew mill-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fir-rigward ta’ min jipprovdi jew jakkwista l-kollateral.”

    III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

    8.

    Fl-2011 u fl-2012, UAB aviacijos kumpannija (iktar ’il quddiem “Aviabaltika”) u l-Bank AB (iktar ’il quddiem “Ūkio bankas”) ikkonkludew żewġ arranġamenti kollaterali li abbażi tagħhom ingħataw garanziji lil partijiet kontraenti ta’ Aviabaltika (minn hawn ’il quddiem “l-arranġamenti tal-2011 u tal-2012”). Aviabaltika tat il-fondi li jinsabu fil-kont miftuħ f’isimha f’Ūkio bankas bħala kollateral għall-obbligi tagħha.

    9.

    Wara l-konklużjoni ta’ dawk l-arranġamenti, Ūkio bankas u Commerzbank AG kkonkludew l-arranġamenti ta’ kontrokollateral, li fuqhom Commerzbank pprovda kollateral lil State Bank of India. Dan tal-aħħar ipprovda l-kollateral lil min jakkwista l-kollateral inkwistjoni, jiġifieri lill-partijiet kontraenti ta’ Aviabaltika.

    10.

    F’Mejju 2013, inbdiet proċedura ta’ insolvenza kontra Ūkio bankas.

    11.

    Aviabaltika ma wettqitx l-obbligi tagħha fil-konfront tal-partijiet kontraenti li għalihom kien ġie kkostitwit il-kollateral taħt l-arranġamenti tal-2011 u tal-2012.

    12.

    Fl-2014, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet kontraenti, Commerzbank inforza l-obbligi tiegħu taħt l-arranġament ta’ kontrokollateral. Imbagħad Commerzbank iddebita ċerti somom tal-fondi li Ūkio bankas kien iddepożita f’kont sabiex jipprovdi l-kontrokollateral.

    13.

    Sadanittant, il-Kaunas apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja) ammettiet fil-passiv ta’ Ūkio bankas il-kreditu ta’ Aviabaltika fil-konfront ta’ dan tal-ewwel li jirriżulta mir-rimessa ta’ fondi abbażi tal-kollateral skont l-arranġament kollaterali finanzjarju.

    14.

    Wara li adempixxa l-obbligi tiegħu fil-konfront ta’ Commerzbank, Ūkio bankas ġibed parti mill-ammont iddebitat minn Commerzbank minn fondi li kienu jinsabu f’kont miftuħ f’isem Aviabaltika. Dawn il-fondi ġew ikkostitwiti mill-indennizz riċevut b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Litwani dwar l-assigurazzjoni tad-depożiti. Fil-kawża prinċipali, Ūkio bankas jitlob li Aviabaltika tirrimborsalu l-parti rimanenti tas-somma dovuta abbażi tal-arranġamenti tal-2011 u tal-2012, kif ukoll l-interessi.

    15.

    Fil-kuntest ta’ din il-kawża, Aviabaltika ssostni li Ūkio bankas kellu jħallas id-djun tiegħu billi jiġbed mill-fondi li kienu jinsabu fil-kont miftuħ biex ikopri l-kollateral. Barra minn hekk, Aviabaltika tikkunsidra li hija ma hijiex se tkun tista’ tirkupra l-kollateral finanzjarju li ma ġiex irrealizzat minn Ūkio bankas fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ dak il-bank. Aviabaltika ssostni għalhekk li, jekk jilqgħu t-talba ta’ Ūkio bankas, il-qrati nazzjonali jkunu qed jikkundannawha, fil-prattika, tħallas għal darba oħra lil dak il-bank somma flus ekwivalenti għall-ammont ta’ dawk il-fondi.

    16.

    Min-naħa l-oħra, Ūkio bankas isostni li, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, huwa kien ipprojbit milli jadempixxi obbligu finanzjarju li ma kienx adempixxa qabel il-ftuħ ta’ dik il-proċedura. Ūkio bankas jindika wkoll li, mal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, il-fondi li kienu jinsabu fil-kont miftuħ f’isem Aviabaltika għall-kopertura tal-kollateral kienu jappartjenu għall-massa fallimentarja tal-bank u li, minħabba f’hekk, huwa ma setax jużahom biex iħallas id-djun tiegħu.

    17.

    Permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2015, Kaunas apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja) laqgħet it-talbiet kollha ta’ Ūkio bankas dwar l-arranġamenti tal-2011 u tal-2012.

    18.

    B’sentenza tal-31 ta’ Mejju 2016, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) ikkonfermat is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2015.

    19.

    Aviabaltika ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema).

    IV. Il-proċedura u d-domandi preliminari

    20.

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tistabbilixxi li l-garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] ma għandhiex tkun tifforma [m’għandux ikun jifforma] parti mill-assi rimanenti wara l-falliment tal-benefiċjarju tal-garanzija [ta’ min jakkwista l-kollateral] (tal-bank fi proċedura ta’ falliment)? Fi kliem ieħor, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti lill-benefiċjarju tal-garanzija [lil min jakkwista l-kollateral] (lill-bank) li de facto jissodisfa l-kreditu tiegħu, li jkun iggarantit b’garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] (jiġifieri mill-fondi li jinsabu fil-kont bankarju u mid-dritt ta’ kreditu fuq dawn il-fondi), minkejja li l-avveniment li jwassal għall-eżekuzzjoni tal-garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] jseħħ wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ stralċ tal-benefiċjarju tal-garanzija [ta’ minn jakkwista l-kollateral](il-bank)?

    2)

    Fid-dawl tal-istruttura tad-Direttiva 2002/47, l-Artikolu 4(1) u (5) għandu jiġi interpretat sistematikament bħala li jagħti lill-fornitur tal-garanzija [lil minn jipprovdi l-kollateral] d-dritt li jirrikjedi li l-benefiċjarju tal-garanzija [min jakkwista l-kollateral] (il-bank) jissodisfa l-kreditu tiegħu, li huwa iggarantit b’garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] (mill-fondi li jinsabu fil-kont bankarju u mid-dritt ta’ kreditu fuq dawn il-fondi), fl-ewwel lok billi jdur kontra l-garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] u bħala [li] jimponi l-obbligu korrispondenti fuq il-benefiċjarju tal-garanzija [min jakkwista l-kollateral] li jottempora ruħu ma’ tali rikjesta, minkejja li jkunu diġà nbdew il-proċeduri ta’ stralċ kontrih?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda u jekk il-fornitur tal-garanzija [min jipprovdi l-kollateral] jħallas il-kreditu ggarantit tal-benefiċjarju tal-garanzija [ta’ min jakkwista l-kollateral] permezz ta’ attiv ieħor li jappartjenu lilu, id-Direttiva 2002/47 u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 8 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jkun hemm deroga, għall-benefiċċju tal-fornitur tal-garanzija [ta’ minn jipprovdi l-kollateral], mill-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri tal-benefiċjarju tal-garanzija [ta’ minn jakkwista l-kollateral] (tal-bank) li jkun fi proċedura ta’ stralċ u li dan tal-aħħar għandu jingħata preferenza fuq il-kredituri l-oħra fil-kuntest tal-imsemmija proċedura sabiex ikun jista’ jirkupra l-garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju]?”

    21.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Aviabaltika, Ūkio bankas, il-Gvern Litwan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, li kienu wkoll preżenti waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fit-18 ta’ Jannar 2018.

    V. Analiżi

    A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

    22.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 jobbligax lill-Istati Membri jiżguraw li min jakkwista l-kollateral ikun jista’ jeżegwixxi l-arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija sabiex jirkupra l-kreditu tiegħu mingħand min ikun ipprovda l-kollateral, meta l-avveniment li jwassal għall-eżekuzzjoni tal-kollateral iseħħ wara l-bidu tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min ikun akkwista l-kollateral. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 2002/47 tistabbilixxix il-mod li bih jista’ jiġi żgurat li jitwettaq l-arranġament kollaterali finanzjarju f’każ ta’ insolvenza ta’ min ikun akkwista l-kollateral.

    23.

    Għalkemm jirriżulta mill-kontenut tal-ewwel domanda preliminari li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ż-żewġ domandi huma identiċi, hemm lok li jiġi osservat li l-eżistenza tal-obbligu li jiġi żgurat li min jakkwista l-kollateral ikun jista’ jeżegwixxi l-arranġament kollaterali finanzjarju f’każ ta’ insolvenza trid tiġi indirizzata qabel ma jiġi ddeterminat kif din il-possibbiltà għandha tiġi żgurata.

    24.

    Barra minn hekk, huwa minnu li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-kuntest tal-ewwel domanda preliminari, jekk id-Direttiva 2002/47 tqiegħedx fuq l-istess livell il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ min jipprovdi u minn jakkwista l-kollateral f’każ ta’ insolvenza ta’ parti oħra għall-arranġament. Madankollu, jirriżulta li, permezz ta’ din l-istess domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi, essenzjalment, jekk il-kollateral finanzjarju jistax ikun irrealizzat minn min jakkwista l-kollateral meta dan ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    25.

    Sabiex inwieġeb għal din id-domanda, qabelxejn ser nindirizza l-eżistenza tal-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li min jakkwista l-kollateral ikun jista’ jinforza l-kollateral finanzjarju jekk ikun iddikjarat insolventi. Imbagħad ser nanalizza d-Direttiva 2002/47 sabiex nistabbilixxi jekk hija tiddeterminax il-mod kif għandha tiġi żgurata l-possibbiltà ta’ infurzar tal-kollateral finanzjarju.

    1. Osservazzjonijiet preliminari

    26.

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-kwistjoni mqajma f’din il-kawża — dwar l-infurzar ta’ arranġament kollaterali finanzjarju f’każ li l-avveniment ta’ infurzar tal-kollateral finanzjarju jseħħ wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra min jakkwista l-kollateral, għadha ma ġietx deċiża mill-qorti tar-rinviju fil-ġurisprudenza tagħha. Madankollu dik il-qorti indirizzat kwistjoni simili fil-kuntest ta’ kawżi dwar ħlas lura tal-kollateral finanzjarju mitluba wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ fil-konfront ta’ min jakkwista l-kollateral, meta ma kien seħħ ebda avveniment ta’ infurzar tal-arranġament kollaterali finanzjarju.

    27.

    Skont il-ġurisprudenza Litwana, it-trasferiment tal-fondi fil-kont bankarju jinvolvi t-telf tad-dritt ta’ proprjetà fuq dawn il-fondi u l-akkwist ta’ talba għall-ħlas lura tal-ammont ittrasferit fil-konfront tal-bank. Barra minn hekk, skont din il-ġurisprudenza, il-konklużjoni ta’ arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija u r-rimessa ta’ fondi f’kont bankarju bħala kollateral għandhom l-effett li jagħtu bħala kollateral il-krediti ta’ rifużjoni ta’ dawk il-fondi.

    28.

    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jistabbilixxu projbizzjoni tal-infurzar ta’ kwalunkwe obbligu pendenti meta tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza.

    29.

    Madankollu, għalkemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kollateral finanzjarju jipprovdu li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ma jillimitax id-drittijiet ta’ min jakkwista l-kollateral, huma ma jagħtux protezzjoni simili lil min jipprovdi l-kollateral.

    30.

    Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma tagħtix lil min jipprovdi l-kollateral id-dritt li jirkupra — tal-anqas barra mill-proċedura ta’ insolvenza — il-kollateral finanzjarju wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra min jakkwista l-kollateral.

    31.

    Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tindika li t-tħassib tagħha jirriżulta mill-fatt li d-Direttiva 2002/47 ma tiddefinixxix b’mod ċar il-portata tad-drittijiet ta’ min jipprovdi l-kollateral f’każ ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral. Madankollu, hija tikkunsidra li, fis-sentenza Private Equity Insurance Group ( 4 ), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva 2002/47 fis-sens li tipprekludi, essenzjalment, li proċedura ta’ insolvenza taffettwa l-arranġamenti kollaterali finanzjarji.

    32.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq ir-relazzjoni bejn l-iskema ta’ arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija u r-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża.

    2. Id-Direttiva 2002/47 tistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri biex jiżguraw li min jakkwista l-kollateral ikun jista’ jeżegwixxi l-arranġament kollaterali finanzjarju f’każ ta’ insolvenza?

    a) Il-pożizzjonijiet tal-partijiet

    33.

    Ūkio bankas tqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għall-parti tal-ewwel domanda preliminari li tikkonċerna d-dritt ta’ min jakkwista l-kollateral li jħallas id-dejn tiegħu permezz tal-kollateral finanzjarju f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża. Din il-parti tal-ewwel domanda preliminari tikkonċerna s-sitwazzjoni speċifika li fiha d-debitur — fir-relazzjoni legali li tirriżulta mill-eżistenza ta’ kont bankarju (il-bank) — ikun ukoll min akkwista l-kollateral — fir-relazzjoni legali li tinħoloq mill-kostituzzjoni ta’ kollateral finanzjarju. Madankollu, ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-banek u d-detenturi tal-kontijiet bankarji ma jaqgħux taħt id-Direttiva 2002/47, iżda taħt id-dritt nazzjonali biss.

    34.

    Il-Gvern Litwan iqis li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 ma jobbligax lill-Istati Membri jiżguraw li, wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-konfront ta’ min jakkwista l-kollateral, dan tal-aħħar ikun jista’ jirkupra d-dejn tiegħu mill-kollateral finanzjarju. Skont dan il-Gvern, l-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2002/47 jipprovdu protezzjoni għal min jakkwista l-kollateral f’każ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral. Dan jgħodd iktar u iktar peress li d-Direttiva 2002/47 tirregola b’mod minimu id-drittijiet ta’ min jipprovdi l-kollateral.

    35.

    Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 għandu l-għan li jħares liż-żewġ partijiet fl-arranġament kollaterali finanzjarju kontra l-effetti tal-proċeduri ta’ insolvenza.

    36.

    Aviabaltika tqis li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 jagħti lil min jakkwista l-kollateral, b’mod ċar u inekwivoku, id-dritt li jirrealizza l-kollateral finanzjarju minkejja l-proċedura ta’ insolvenza miftuħa kontra tiegħu, meta l-fatt li jwassal għar-realizzazzjoni tiegħu jiġi wara l-ftuħ ta’ din il-proċedura.

    b) L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47

    37.

    Skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47, “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jidħol fis-seħħ skond it-termini tiegħu, nonostante l-inizzjalar jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta’ xoljiment jew miżuri ta’ organizazzjoni mill-ġdid, dwar minn jipprovdi l-kollateral jew min jakkwista l-kollateral”.

    38.

    Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 ma tagħti lok għal ebda dubju fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni tirrigwarda sitwazzjonijiet fejn tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral jew min jipprovdi l-kollateral ( 5 ). Għalhekk, it-termini tal-Artikolu 4(5) ta’ din id-Direttiva huma ċari dwar il-fatt li l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu qafas legali li jiżgura li l-arranġament kollaterali finanzjarju jkun jista’ jiġi infurzat skont il-modalitajiet previsti minn dak l-arranġament indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral.

    39.

    Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet ma jippermettux li jiġi deċiż li l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw regolamenti li taħthom il-kollateral finanzjarju ma jaqax taħt il-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral.

    3. Id-Direttiva 2002/47 tiddetermina l-mod kif għandha tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġi eżegwit l-arranġament kollaterali finanzjarju, meta min jakkwista l-kollateral ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza?

    a) Il-pożizzjonijiet tal-partijiet

    40.

    Il-Gvern Litwan iqis li l-esklużjoni tal-kollateral finanzjarju mill-massa ta’ min jakkwista l-kollateral li jkun fallut ma għandhiex titqies bħala miżura indispensabbli biex id-Direttiva 2002/47 tiġi trasposta korrettament. Barra minn hekk dak il-Gvern josserva li l-kollateral finanzjarju, iddepożitat f’dan il-każ fi flus kontanti mal-istituzzjoni ta’ kreditu, jaqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/49 ( 6 ). Din id-Direttiva ma ssemmix il-kollateral finanzjarju bħala istituzzjoni li għandha tingħata status partikolari. Huwa protett bħala depożitu u, bħad-depożiti l-oħrajn, jaqa’ fil-massa tal-istituzzjoni ta’ kreditu falluta.

    41.

    Fl-istess ordni ta’ ideat, Ūkio bankas jirrileva li fid-dritt tal-Unjoni ma hemm ebda prinċipju ġenerali li jeżiġi li beni riċevut mingħand persuna oħra jinżamm separat mill-bqija tal-assi tiegħu. Li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq din is-soluzzjoni, kien jadotta regola ċara u espliċita f’dan ir-rigward. Ūkio bankas jinvoka diversi atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni insostenn tal-pożizzjoni tiegħu.

    42.

    Għall-kuntrarju tal-pożizzjoni tal-Gvern Litwan u ta’ Ūkio bankas, Aviabaltika u l-Kummissjoni jikkunsidraw li r-rimessa ta’ fondi bħala kollateral finanzjarju ta’ garanzija ma tistax timplika l-integrazzjoni ta’ dawn il-fondi fil-massa tal-assi ta’ min jakkwista l-kollateral.

    43.

    B’mod iktar preċiż, Aviabaltika tikkontesta l-premessa li fuqha hija bbażata l-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-fondi mogħtija bħala kollateral finanzjarju ma jagħmlux parti mill-patrimonju ta’ min jakkwista l-kollateral.

    44.

    Il-Kummissjoni tidħol f’aktar dettall fuq dan l-aspett. Hija tikkunsidra li, fil-kuntest tad-Direttiva 2002/47, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ arranġamenti kollaterali finanzjarji, jiġifieri arranġamenti ta’ garanzija u arranġamenti bi trasferiment ta’ titolu. Skont il-Kummissjoni, il-kollateral finanzjarju pprovdut skont arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija m’għandux jagħmel parti mill-massa tal-assi ta’ min jakkwista l-kollateral f’każ ta’ stralċ ta’ dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni tindika li fl-abbozz tad-direttiva inkwistjoni, hija daħħlet il-premessa 13 li t-tieni sentenza tagħha kienet tipprovdi li, f’dak li jirrigwarda l-arranġamenti kollaterali finanzjarji ta’ garanzija, min jipprovdi l-kollateral seta’ jżomm il-proprjetà tas-somma kommessa biex b’hekk id-dritt tiegħu jkun protett f’każ ta’ falliment ta’ min jakkwista l-kollateral ( 7 ). Għalkemm il-kliem tat-tieni sentenza tal-premessa 13 tal-abbozz tad-Direttiva 2002/47 ma ddaħħalx fid-Direttiva 2002/47, is-separazzjoni tal-arranġamenti kollaterali finanzjarji f’żewġ kategoriji ma tneħħietx. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni li tgħid li min jipprovdi l-kollateral jitlef id-drittijiet ta’ proprjetà tiegħu fuq il-flus ipprovduti fil-kuntest tal-arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija ixxejjen id-differenza bejn iż-żewġ kategoriji ta’ arranġamenti.

    b) Dwar l-effetti tat-trasferiment tal-fondi fil-kont bankarju u tal-kostituzzjoni tal-kollateral finanzjarju

    45.

    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li fl-osservazzjonijiet tagħhom, Aviabaltika u l-Kummissjoni ma jirreferux għall-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral iżda għall-massa tal-assi tiegħu. Fil-fatt, Aviabaltika u l-Kummissjoni jidhru li jqisu li f’dan il-każ ma għandhiex tqum il-kwistjoni dwar iż-żamma tal-kollateral finanzjarju barra mill-massa fallimentarja, peress li dan huwa kollateral finanzjarju ta’ garanzija.

    46.

    Huwa minnu li, fil-kummentarji, ġie ssuġġerit li fil-każ ta’ arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija fis-sens tad-Direttiva 2002/47, il-kredituri ta’ min jakkwista l-kollateral ma għandhom l-ebda dritt fuq il-fondi mogħtija bħala kollateral finanzjarju, għaliex fl-aħħar mill-aħħar ma jappartjenux għall-patrimonju ta’ min jakkwista l-kollateral ( 8 ).

    47.

    Madankollu, jidher li dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skont il-leġiżlazzjoni Litwana, it-trasferiment ta’ fondi fil-kont bankarju jwassal għat-telf tad-dritt ta’ proprjetà fuq dawn il-fondi.

    48.

    Barra minn hekk, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Gvern Litwan iddikjara li, fil-każ ta’ kollateral ipprovdut fil-forma ta’ flus kontanti fuq kont miftuħ għand min jakkwista l-kollateral, id-distinzjoni bejn arranġament kollaterali bi trasferiment ta’ titolu u arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija hija stabbilita skont id-detentur tal-kont inkwistjoni. Meta jinfetaħ il-kont f’isem min jipprovdi l-kollateral, huwa arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija, filwaqt li, fil-każ fejn min jakkwista l-kollateral huwa d-detentur tal-kont, huwa arranġament kollaterali bi trasferiment ta’ titolu.

    49.

    Għalhekk, jidhirli li, f’dan il-każ, ir-raġuni li għaliha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar iż-żamma tal-kollateral finanzjarju barra mill-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral tirriżulta mill-fatt li — skont l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Litwana magħmula mill-ġurisprudenza nazzjonali — it-trasferiment tal-fondi fil-kont bankarju (irrispettivament mid-detentur tagħhom) tirriżulta fl-allokazzjoni tal-fondi lill-bank ( 9 ).

    50.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju ma hijiex ċara f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tas-suġġett tal-kollateral finanzjarju.

    51.

    Minn naħa, fl-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-fondi li jinsabu fil-kont bankarju kif ukoll id-dritt ta’ dejn fuq tali fondi meta hija tirreferi għall-kollateral finanzjarju. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tindika fit-talba tagħha li għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-kollateral finanzjarju jikkonsisti fid-dritt ta’ dejn fuq il-fondi li jinsabu fil-kont bankarju miftuħ f’isem Aviabaltika fi ħdan Ūkio bankas.

    52.

    Fi kwalunkwe każ, jidhirli li, skont il-qorti tar-rinviju, il-pretensjoni restitwita ta’ dawn il-fondi jaqa’ wkoll fil-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral. Għal din ir-raġuni, dik il-qorti tistaqsi, fl-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, dwar iż-żamma tal-fondi u tal-kreditu barra mill-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral.

    c) Dwar il-protezzjoni tal-possibbiltà tal-eżekuzzjoni tal-kollateral finanzjarju

    53.

    Aviabaltika u l-Kummissjoni jikkunsidraw li — fil-każ ta’ arranġament kollateral finanzjarju ta’ garanzija — id-Direttiva 2002/47 tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-kollateral finanzjarju ma jkunx jaqa’ taħt il-massa tal-assi ta’ min jakkwista l-kollateral. Konsegwentement, il-kollateral finanzjarju ma jistax jaqa’ taħt il-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral.

    54.

    Iż-żamma separata tal-oġġett tal-kollateral finanzjarju meta ġie kkostitwit tkun għalhekk l-unika soluzzjoni konformi mal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47.

    55.

    Madankollu, jien mhux persważ b’tali approċċ kategoriku. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 288 TFUE, direttiva, inkluża d-Direttiva 2002/47, torbot lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li jrid jinkiseb, filwaqt li tħalli f’idejn il-qrati nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-mezzi.

    56.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li s-sistemi legali tal-Istati Membri dwar l-insolvenza huma kkaratterizzati minn differenzi kbar. L-istess japplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-effetti tar-rimessa tal-oġġett tal-kollateral finanzjarju lil min jakkwista l-kollateral.

    57.

    Din kienet ir-raġuni għaliex il-leġiżlatur għażel li ma jadottax att dwar il-kollateral finanzjarju bħala strument unitarju tal-Unjoni. Pjuttost huwa kellu l-għan li jintroduċi l-iskema tal-kollateral finanzjarju bl-anqas impatt possibbli fuq il-qafas legali eżistenti fl-Istati Membri ( 10 ).

    58.

    Fl-opinjoni tiegħi, hija wkoll ir-raġuni għaliex l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-arranġament kollaterali finanzjarju jidħol fis-seħħ “indipendentement”, b’mod partikolari, mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral. Bil-kliem użat fit-tieni sentenza tal-premessa 12 tad-Direttiva 2002/47, li tikkorrispondi għall-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva, din hija “protezzjoni” tal-arranġamenti kollaterali finanzjarji kontra ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-insolvenza. Dan l-approċċ huwa kkonfermat ukoll mill-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-abbozz tad-Direttiva 2002/47 li jipprovdi li din id-Direttiva għandha l-għan li teżenta sa ċertu punt lill-arranġamenti kollaterali minn ċerti dispożizzjonijiet tal-liġijiet dwar l-insolvenza, partikolarment dawk li jistgħu jostakolaw l-eżekuzzjoni tal-kollateral ( 11 ).

    59.

    F’dan il-kuntest, nosserva li d-Direttiva 2002/47 ma tistabbilixxix kif dan il-kollateral finanzjarju għandu jkun “immunizzat” kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza. Fi kwalunkwe każ, b’differenza mill-istrumenti l-oħra tad-dritt sekondarju tal-Unjoni msemmija minn Ūkio bankas ( 12 ), id-Direttiva 2002/47 ma teżiġix li l-kollateral finanzjarju jinżamm b’mod separat meta jiġi kkostitwit. Għaldaqstant, ma jidhirlix li ż-żamma tal-kollateral finanzjarju barra mill-massa tal-assi ta’ min jakkwista l-kollateral hija l-unika soluzzjoni imposta mid-Direttiva 2002/47.

    60.

    Jiena tal-fehma li l-Istati Membri jistgħu jadottaw soluzzjonijiet differenti meta jittrasponu d-Direttiva 2002/47 sabiex jeżentaw il-kollateral finanzjarju mir-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza, b’tali mod li l-eżekuzzjoni tal-arranġament kollaterali finanzjarju ma tkunx tista’ tiġi affettwata mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra min jakkwista l-kollateral.

    61.

    L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jiċċaraw id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-effetti tat-tqegħid tal-kollateral finanzjarju għad-dispożizzjoni ta’ min jakkwista l-kollateral, b’tali mod li ma jidħolx fil-massa tal-assi ta’ min jakkwista l-kollateral meta jiġi kkostitwit. Huma jistgħu wkoll jiċċaraw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza li jispeċifikaw l-assi li jiffurmaw parti mill-massa tal-insolvenza. Barra minn hekk, ma tistax qabel kollox tiġi eskluża s-soluzzjoni li l-kollateral finanzjarju jaqa’ fil-massa fallimentarja, filwaqt li min jakkwista l-kollateral iżomm id-dritt li jirrealizza dan il-kollateral minkejja l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ insolvenza.

    62.

    Fid-dawl tal-argumenti mressqa hawn fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti lil min jakkwista l-kollateral li jirkupra d-dejn tiegħu fuq il-kollateral finanzjarju kkostitwit skont arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija, minkejja li l-fatt li wassal għall-eżekuzzjoni tal-kollateral finanzjarju seħħ wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu kif għandha tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġi eżegwit l-arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ garanzija meta min jakkwista l-kollateral ikun is-suġġett ta’ tali proċedura.

    B.   Fuq it-tieni domanda preliminari

    63.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tistabbilixxi jekk id-Direttiva 2002/47 tagħtix lil min jipprovdi l-kollateral id-dritt li jeżiġi li min jakkwista l-kollateral juża l-ewwel il-kollateral finanzjarju għall-ħlas tad-dejn garantit u jimponi fuq min jakkwista l-kollateral obbligu korrispondenti f’dak li jirrigwarda l-irkupru tal-kreditu tiegħu fuq dak il-kollateral.

    1. Il-pożizzjoni tal-partijiet

    64.

    Ūkio bankas jikkonstata, fl-ewwel lok, li, fil-każ ta’ falliment, il-bank ma għandux il-possibbiltà li jirkupra l-kreditu tiegħu mill-kollateral finanzjarju meta dan jikkonsisti f’fondi f’kont miftuħ minn min jipprovdi l-kollateral mal-bank.

    65.

    Fit-tieni lok, Ūkio bankas jindika li d-Direttiva 2002/47 tagħti lil min jakkwista l-kollateral id-dritt li jagħżel il-mod kif jeżerċita l-kreditu tiegħu kontra min jipprovdi l-kollateral. L-Artikolu 4(1) u (5), kif ukoll l-Artikolu 2(1)(l) ta’ din id-direttiva jirrigwardaw il-possibbiltà li l-kollateral finanzjarju jiġi rrealizzat. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/47 juża, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu, rispettivament, l-espressjonijiet “min jakkwista l-kollateral għandu jkun jista’ jirrealizza permezz tas-segwenti [fil-paragrafu] kwalunkwe kollateral finanzjarju” u “li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju [jista’] jidħol fis-seħħ skond it-termini tiegħu” ( 13 ). L-Artikolu 2(1)(l), tad-Direttiva 2002/47 jipprovdi, min-naħa tiegħu, li meta jseħħ avveniment ta’ inadempjenza “min jakkwista l-kollateral huwa ntitolat sabiex jirrealizza jew japproppria il-kollateral finanzjarju jew tidħol fis-seħħ dispożizzjoni dwar il-close-out netting” ( 14 ).

    66.

    Fl-istess spirtu, il-Gvern Litwan iqis b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/47, l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li min jakkwista l-kollateral jista’ jirrikorri għall-mezzi ta’ eżekuzzjoni tal-kollateral previsti f’din id-dispożizzjoni.

    67.

    Min-naħa l-oħra, Aviabaltika sostniet waqt is-seduta li l-espressjonijiet invokati minn Ūkio bankas u l-Gvern Litwan jfissru li min jakkwista l-kollateral jista’ jiddeċiedi, jekk ikun jixtieq, jekk jirkuprax id-djun tiegħu jew le mingħand min jipprovdi l-kollateral.

    68.

    Aviabaltika tqis, barra minn hekk, li l-Artikolu 4(1) u (5), tad-Direttiva 2002/47 ma jirregolax espliċitament il-kwistjoni tal-obbligu ta’ min jakkwista l-kollateral li jirkupra l-kreditu tiegħu l-ewwel mill-kollateral ikkostitwit. L-eżistenza u l-portata ta’ tali obbligu għandhom fil-fatt jiġu stabbiliti skont l-arranġament konkluż bejn il-partijiet, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali applikabbli għal dak l-arranġament u tal-għanijiet tad-Direttiva 2002/47. Minn din il-premessa, Aviabaltika tqis li l-preżunzjoni li tgħid li l-ewwel għandu jiġi rrealizzat il-kollateral hija kundizzjoni impliċita tal-arranġament.

    69.

    Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil min jipprovdi l-kollateral id-dritt li jeżiġi li min jakkwista l-kollateral iħallas id-dejn tiegħu l-ewwel permezz tal-kollateral previst mill-arranġament, sakemm dan ma jipprovdix mod ieħor.

    2. Dwar il-metodi ta’ realizzazzjoni tal-kollateral finanzjarju

    70.

    Huwa evidenti li, mil-lat lingwistiku, l-Artikolu 2(1)(l), u l-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 jimplikaw pjuttost l-għażla aktar milli l-obbligu li wieħed jirrealizza l-kollateral finanzjarju.

    71.

    Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li min jakkwista l-kollateral huwa intitolat li jirrealizza l-kollateral finanzjarju meta jseħħ “l-avveniment t’enforzar [tiegħu]” fis-sens tal-Artikolu 2(1)(l) ta’ din id-direttiva. Għalhekk dan ma huwiex xi avveniment ċert iżda suppożizzjoni. Konsegwentement, il-fatt li avveniment ta’ inforzar huwa inċert jista’ jispjega għaliex l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 jikkonċerna l-possibbiltà li arranġament ta’ kollateral finanzjarju jkun jista’ jidħol fis-seħħ indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    72.

    Rigward l-użu tal-kliem “min jakkwista l-kollateral għandu jkun jista’ jirrealizza [kollateral finanzjarju]” li jinsab fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/47 u “min jakkwista l-kollateral huwa ntitolat sabiex jirrealizza […] il-kollateral finanzjarju”, fl-Artikolu 2(1)(l) ta’ din id-Direttiva, nosserva li dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu bosta modi kif jiġi rrealizzat il-kollateral finanzjarju. Dan jista’ jispjega għaliex ma huwiex obbligu iżda hija għażla li wieħed jirrikorri għal wieħed minn dawn il-metodi.

    73.

    Jidher li l-interpretazzjoni tal-kliem fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni u li jirreferi għall-possibbiltà li jiġi rrealizzat il-kollateral finanzjarju — b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) u (5) — ma tippermettix li tingħata risposta univoka għat-tieni domanda preliminari.

    74.

    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 jirreferi għal stipulazzjonijiet kuntrattwali biex jiġu ddeterminati l-modalitajiet tar-realizzazzjoni tal-kollateral finanzjarju. Barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/47, bħall-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva, jagħtu wkoll ċertu valur għat-“termini” ( 15 ) tal-arranġament ta’ kollateral finanzjarju jew għat-“termini” tiegħu ( 16 ). Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw li l-arranġament kollaterali finanzjarju jiġi eżegwit skont l-arranġamenti inizjali bejn il-partijiet, indipendentement minn kull ċirkustanza esterna, inkluż il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza.

    75.

    Minn dan isegwi li, fil-kuntest tad-Direttiva 2002/47, l-arranġamenti tal-partijiet għall-arranġament ta’ kollateral finanzjarju jibbenefikaw minn status partikolari. Għaldaqstant, wieħed jista’ jargumenta li l-għan ta’ din id-direttiva huwa primarjament li jiġu rrispettati l-intenzjonijiet tal-partijiet espressi waqt il-konklużjoni tal-arranġament ta’ kollateral finanzjarju. Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-arranġament ta’ kollateral finanzjarju konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

    76.

    Issa, kuntrarjament għal dak li jsostnu Aviabaltika u l-Kummissjoni, jien ma naħsibx li d-Direttiva 2002/47 tistabbilixxi l-preżunzjoni li min jakkwista l-kollateral huwa obbligat li jirkupra d-dejn tiegħu mill-kollateral finanzjarju, sakemm l-arranġament ta’ kollateral finanzjarju ma jipprovdix mod ieħor. Din il-kwistjoni tiddependi, b’mod partikolari, fuq is-soluzzjonijiet adottati mil-leġiżlatur nazzjonali fil-każ tal-interpretazzjoni tal-arranġamenti konklużi bejn individwi.

    77.

    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil min jakkwista l-kollateral li jħallas id-dejn tiegħu l-ewwel permezz tal-kollateral ipprovdut skont arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ garanzija.

    3. Dwar l-implikazzjonijiet tas-soluzzjoni proposta għall-irkupru tal-kollateral mhux użat minn min jipprovdi l-kollateral

    78.

    Jiena nifhem l-argument imressaq minn Aviabaltika u mill-Kummissjoni li l-fatt li min jakkwista l-kollateral ma huwiex obbligat iħallas id-dejn tiegħu l-ewwel permezz tal-kollateral finanzjarju jista’ jostakola l-irkupru effettiv ta’ dan il-kollateral minn min jipprovdi l-kollateral f’każ ta’ insolvenza ta’ min jakkwista l-kollateral, b’tali mod li, fil-prattika, min jipprovdi l-kollateral ikollu jħallas darbtejn somma flus ekwivalenti għall-ammont tal-kollateral finanzjarju.

    79.

    Madankollu, fid-dawl tal-ewwel żewġ soluzzjonijiet previsti fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri, l-ewwel, iż-żamma tal-kollateral finanzjarju barra mill-massa tal-assi ta’ min jakkwista l-kollateral u, it-tieni, iż-żamma tiegħu barra mill-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral, min jipprovdi l-kollateral għandu jkollu d-dritt li jirkupra l-kollateral u għar-rimbors sħiħ tiegħu indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza. Jidher li dawn iż-żewġ soluzzjonijiet jipproduċu effetti sostenibbli, b’tali mod li l-fatt li min jakkwista l-kollateral ma kienx affettwat mill-assi l-oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral ma joħloqx ir-riskju li min jipprovdi l-kollateral ma jkunx jista’ jirkupra l-kollateral li ma ntużax.

    80.

    Madankollu dan ir-riskju jinħoloq fir-rigward tat-tielet soluzzjoni prevista fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri s-sitwazzjoni fejn il-kollateral finanzjarju jaqa’ fil-massa fallimentarja. F’dan il-każ, min jakkwista l-kollateral jista’ jirkupra d-dejn tiegħu minn assi oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral, li għalhekk ikollu jipprova jirkupra l-kollateral mhux użat fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza skont l-ordni tal-kredituri kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet nazzjonali. Għaldaqstant, f’xi każijiet, jista’ jiġri li min jipprovdi l-kollateral ma jkunx jista’ jirkupra b’mod effettiv il-kollateral finanzjarju, anki jekk min jakkwista l-kollateral ikun irkupra d-dejn tiegħu minn assi oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral.

    81.

    Madankollu, m’iniex ċert li din is-soluzzjoni hija konformi mal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    82.

    Fuq livell ġenerali, is-sistema stabbilita bid-Direttiva 2002/47 tiffavorixxi — skont il-premessa 3 ta’ din id-direttiva — l-integrazzjoni u l-konvenjenza tas-suq finanzjarju, kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

    83.

    Għal dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn is-sistema tal-arranġament kollaterali finanzjarju stabbilita bid-Direttiva 2002/47 u r-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza, il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tindika li din hija intiża sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-arranġamenti finanzjarji kollaterali.

    84.

    Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-premessa 12 tad-Direttiva 2002/47 ma ssemmix l-“immunità” ta’ min jakkwista l-kollateral jew ta’ min jipprovdi l-kollateral iżda l-“protezzjoni” tal-arranġamenti kollaterali finanzjarji kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-premessa 11 tad-Direttiva 2002/47 — anki jekk tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha — tgħid ukoll li din id-direttiva għandha l-għan li tipproteġi l-arranġamenti kollaterali finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet formali previsti mill-imsemmija direttiva. F’dan l-ispirtu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 50 tas-sentenza Private Equity Insurance Group ( 17 ), li s-sistema stabbilita permezz tad-Direttiva 2002/47 tagħti vantaġġ lill-kollateral finanzjarju fih innifsu.

    85.

    Il-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom jippermettu li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2002/47 ma għandhiex l-għan li tipprovdi biss l-għażla li jiġi rrealizzat kollateral finanzjarju f’każ ta’ insolvenza ta’ waħda mill-partijiet, iżda li tistabbilixxi arranġamenti partikolari għall-arranġament kollaterali finanzjarju bħala strument ikkaratterizzat miċ-ċertezza legali tiegħu li — kif jistabbilixxu l-premessi 3 u 17 ta’ din id-direttiva — jippermetti li tiġi promossa l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

    86.

    Ma naħsibx li dan l-għan huwa kompatibbli mas-soluzzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li min jipprovdi l-kollateral huwa obbligat iħallas għat-tieni darba lil min jakkwista l-kollateral somma flus ekwivalenti għall-istess ammont tal-kollateral finanzjarju f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    87.

    Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, f’ċerti każijiet, tali soluzzjoni tista’ twassal għall-insolvenza ta’ min jipprovdi l-kollateral. Issa, mill-premessa 17 tad-Direttiva 2002/47 jirriżulta li s-sistema ta’ kollateral finanzjarju stabbilita minn din id-direttiva għandha l-għan li tillimita l-effetti kuntaġġużi fil-każ tal-inadempjenza ta’ parti għal arranġament kollaterali finanzjarju.

    88.

    Għaldaqstant, il-possibbiltà li wieħed jirkupra l-kreditu mill-assi l-oħrajn ta’ min jipprovdi l-kollateral ma tistax tipprekludi li min jipprovdi l-kollateral effettivament jirkupra dak il-kollateral finanzjarju, minkejja l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral. Fil-każ kuntrarju, min jakkwista l-kollateral ikun sistematikament imħajjar jirkupra d-dejn tiegħu mill-assi l-oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral sabiex jikseb, fir-realtà, id-doppju tal-ammont tal-kollateral finanzjarju.

    89.

    Fid-dawl tal-argumenti mressqa hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda preliminari li l-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil min jakkwista l-kollateral iħallas id-dejn tiegħu l-ewwel permezz tal-kollateral ipprovdut taħt l-arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija. Tali obbligu jista’ madankollu jirriżulta mill-istipulazzjonijiet tal-arranġament kollaterali finanzjarju, interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli għal dan l-arranġament. Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà tal-irkupru tal-kreditu mill-assi l-oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral wara li jseħħ avveniment li jwassal għall-eżekuzzjoni tal-kollateral finanzjarju ma jistax jipprekludi li min jipprovdi l-kollateral jirkupra effettivament dak il-kollateral mhux użat f’każ ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra min jakkwista l-kollateral.

    C.   Fuq it-tielet domanda preliminari

    1. Fuq l-ammissibbiltà

    90.

    Permezz tat-tielet domanda preliminari, magħmula fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk min jipprovdi l-kollateral għandux ikun privileġġat fuq kredituri oħra ta’ min jakkwista l-kollateral li jkun insolventi sabiex jirkupra l-kollateral finanzjarju meta min jakkwista l-kollateral ikun irkupra d-dejn tiegħu minn assi oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral.

    91.

    Għandu jiġi osservat li, fil-fehma tiegħi, it-tielet domanda preliminari ma għandha x’taqsam xejn mas-suġġett tal-kawża prinċipali, b’tali mod li l-ammissibbiltà tagħha tista’ tiġi ddubitata.

    92.

    Din il-kwistjoni tikkonċerna l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ insolvenza miftuħa kontra Ūkio bankas. F’dan ir-rigward, infakkar li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti li fetħet il-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ Ūkio bankas inkludiet it-talba ta’ Aviabaltika fuq Ūkio bankas fil-passiv ta’ dan tal-aħħar ( 18 ).

    93.

    Madankollu, il-kawża prinċipali hija kawża bejn Ūkio bankas u Aviabaltika dwar l-eżekuzzjoni tal-arranġamenti tal-2011 u tal-2012. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li Aviabaltika ressqet kontrotalba kontra Ūkio bankas. B’hekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma hijiex mitluba tiddeċiedi dwar id-domandi li jirrigwardaw l-irkupru tal-kreditu ta’ Aviabaltika mingħand Ūkio bankas fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza.

    94.

    Għaldaqstant, ma naħsibx li r-risposta għat-tielet domanda preliminari tkun utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    95.

    Barra minn hekk, nirrileva li l-qorti tar-rinviju ma tinvoka ebda dispożizzjoni tad-dritt Litwan li tista’ taffettwa l-ordni tal-kredituri ta’ min jakkwista l-kollateral u li tiffavorixxi lil min jipprovdi l-kollateral. Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/47, il-leġiżlatur Litwan ma ddeċidiex li jipproteġi d-drittijiet ta’ min jipprovdi l-kollateral permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza li jindikaw l-ordni li bih il-kredituri tal-impriża insolventi għandhom jitħallsu.

    96.

    Fi kwalunkwe każ, it-tielet domanda preliminari hija rilevanti biss fl-ipoteżi fejn il-kollateral finanzjarju jaqa’ fil-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral. Skont l-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari, tali soluzzjoni hija, fil-prinċipju, permessa mid-Direttiva 2002/47 ( 19 ). Barra minn hekk, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li din is-soluzzjoni hija dik prevista fil-ġurisprudenza Litwana.

    97.

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk min jipprovdi l-kollateral għandux ikun privileġġat fuq il-kredituri l-oħra ta’ min jakkwista l-kollateral li jkun insolventi sabiex jirkupra l-kollateral finanzjarju ladarba min jakkwista l-kollateral ikun irkupra d-dejn minn assi oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral, jirriżulta mir-risposta tiegħi għat-tieni domanda preliminari li l-possibbiltà tal-irkupru tal-kreditu mill-assi l-oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral ma jistax jipprekludih milli jirkupra effettivament il-kollateral mhux użat.

    98.

    Madankollu, fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà li jiġi rkuprat il-kollateral mhux użat, meta min jakkwista l-kollateral ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tistaqsi jekk id-Direttiva 2002/47 jistax ikollha impatt fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza li jispeċifikaw l-ordni li bih il-kredituri ta’ min jakkwista l-kollateral għandhom jitħallsu. Din il-kwistjoni ma ġietx deċiża fil-kuntest tal-analiżi tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari.

    99.

    Filwaqt li nammetti n-natura ipotetika tal-ħsibijiet tiegħi fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, inqis li l-analiżi ta’ din il-kwistjoni, sa fejn tirrigwarda l-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu preferenza lil min jipprovdi l-kollateral, sabiex ikun jista’ jirkupra l-kollateral mhux użat meta jidħol fil-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral, hija utli sabiex tippreżenta kull aspett legali tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    2. Dwar l-impatt tad-Direttiva 2002/47 fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza

    100.

    Ūkio bankas jikkunsidra li d-Direttiva 2002/47 ma tagħti ebda preferenza lil min jipprovdi l-kollateral fuq il-kredituri l-oħrajn ta’ min jakkwista l-kollateral fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza sabiex jirkupra l-kollateral finanzjarju u li għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri tal-bank insolventi. Aviabaltika, il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni huma tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/47 ma jirregolawx l-ordni li fih il-kredituri tal-impriża insolventi għandhom jitħallsu.

    101.

    Madankollu, jiena mhux konvint li l-assenza ta’ dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2002/47 li jistabbilixxu l-ordni tal-kredituri timplika li din id-direttiva, meta tiġi trasposta, ma jkollhiex xi impatt fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-ordni li fih il-kredituri tal-impriża insolventi għandhom jiġu sodisfatti.

    102.

    F’każ li l-leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi li jintegra il-kollateral finanzjarju kkostitwit skont arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija, fil-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral li jkun insolventi, dak il-leġiżlatur għandu jerfa’ l-konsegwenzi tal-għażla tiegħu u jirriflettihom f’dispożizzjonijiet nazzjonali tal-insolvenza, inklużi fid-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw l-ordni li fih il-kredituri tal-impriża insolventi għandhom jitħallsu.

    103.

    L-ewwel nett, fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Private Equity Insurance Group ( 20 ), li jirreferi għall-argumenti ta’ xi partijiet interessati li jqisu li l-ħarsien mogħti mill-kollateral finanzjarju rrealizzat jista’ jaffettwa l-ordni tal-kredituri indikati minn liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza, osservajt li, mill-perspettiva tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2002/47, ma tqumx il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-kredituri fil-proċedura ta’ falliment peress li din id-direttiva tfittex sempliċement li tiżgura d-dritt li jiġi rrealizzat il-kollateral fil-każijiet kollha li jwasslu għall-infurzar tiegħu. Jidhirli li din il-pożizzjoni ġiet kondiviża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha. Fis-sentenza Private Equity Insurance Group ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[…] differenza fit-trattament [tal-kredituri li jirriżultaw min-natura partikolari tal-kollateral finanzjarju] hija bbażata fuq kriterju oġġettiv li huwa relatat mal-għan leġittimu tad-Direttiva 2002/47, li huwa li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-effikaċità ta’ kollateral finanzjarju sabiex lis-stabbiltà tas-sistema finanzjarja tiġi żgurata.”

    104.

    It-tieni nett, f’termini tal-impatti fuq l-ordni tal-kredituri, ma nara l-ebda differenza sinjifikattiva bejn iż-żamma tal-kollateral finanzjarju kkostitwit taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ garanzija, barra mill-massa fallimentari ta’ min jakkwista l-kollateral, u t-tibdil fl-ordni tal-kredituri. Fiż-żewġ każijiet, dan il-kollateral ikun rimborsat lil min jipprovdi l-kollateral, irrispettivament mill-pretensjonijiet tal-kredituri l-oħra ta’ min jakkwista l-kollateral.

    105.

    It-tielet nett, ċertament, id-Direttiva 2002/47 — skont l-Artikolu 8(4) tiegħu — ma taffettwax ir-regoli ġenerali tal-liġi nazzjonali tal-insolvenza f’dak li jirrigwarda n-nullità tal-operazzjonijiet konklużi, b’mod partikolari, fil-perjodu ta’ qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ.

    106.

    Madankollu, ma jidhirlix li dik id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li, bħala prinċipju, meta tiġi trasposta d-Direttiva 2002/47 ma jistax ikollha impatt fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza.

    107.

    L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2002/47 ikun superfluwu fl-ipoteżi li d-Direttiva 2002/47 ma jistax ikollha effett fuq dawn ir-regoli. Għalhekk, jiena pjuttost inklinat nikkunsidra li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-Istati Membri huma awtorizzati jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-insolvenza sabiex jiġu żgurati l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

    108.

    Għalhekk inqis li, fil-każ li l-leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi li jintegra il-kollateral finanzjarju kkostitwit skont arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija, fil-massa fallimentarja tal-klijent insolventi, dan il-leġiżlatur huwa obbligat li jagħti preferenza lil min jipprovdi l-kollateral fuq il-kredituri l-oħra involuti fil-proċedura ta’ insolvenza sabiex min jipprovdi l-kollateral ikun jista’ effettivament jirkupra l-kollateral fejn min jakkwista l-kollateral ma jkunx irrealizza dan il-kollateral wara s-seħħ ta’ fatt li jwassal għall-infurzar tiegħu.

    109.

    Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati hawn fuq, u fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tielet domanda preliminari, nipproponi li tingħata risposta fis-sens li, fil-każ li l-leġiżlatur nazzjonali jiddeċiedi li jintegra il-kollateral finanzjarju kkostitwit skont arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija, fil-massa fallimentarja ta’ min jakkwista l-kollateral li jkun insolventi, id-Direttiva 2002/47 tirrikjedi li tingħata preferenza lil min jipprovdi l-kollateral fuq il-kredituri l-oħra ta’ min jakkwista l-kollateral li jkun insolventi, b’tali mod li min jipprovdi l-kollateral ikun jista’ jirkupra l-kollateral mhux użat meta min jakkwista l-kollateral ikun irkupra l-kreditu tiegħu minn assi oħra li jappartjenu lil min jipprovdi l-kollateral.

    VI. Konklużjoni

    110.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domandi preliminari magħmula mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja):

    1)

    L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ġunju 2002, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti lil minn jakkwista l-kollateral li jirkupra l-kreditu tiegħu mill-kollateral finanzjarju kkostitwit skont arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija, minkejja li l-fatt li wassal għall-eżekuzzjoni tal-kollateral finanzjarju seħħ wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu kif għandha tiġi żgurata l-possibbiltà li jitwettaq l-arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija meta min jakkwista l-kollateral ikun is-suġġett ta’ tali proċedura.

    2.

    L-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil min jakkwista l-kollateral iħallas id-dejn tiegħu l-ewwel permezz tal-kollateral ikkostitwit skont l-arranġament kollaterali finanzjarju ta’ garanzija. Tali obbligu jista’ madankollu jirriżulta mill-istipulazzjonijiet tal-arranġament kollaterali finanzjarju, interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli għal dan l-arranġament. Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li jiġi rkuprat id-dejn mill-assi l-oħrajn ta’ min jipprovdi l-kollateral wara li jseħħ avveniment ta’ infurzar tal-kollateral finanzjarju ma tistax tipprekludi li min jipprovdi l-kollateral jirkupra effettivament dan il-kollateral mhux użat f’każ ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ġunju 2002, dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 89).

    ( 3 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, (C‑156/15, EU:C:2016:851).

    ( 4 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016 (C‑156/15, EU:C:2016:851).

    ( 5 ) Ara, f’dan is-sens, Devos, D., The Directive 2002/47/EC on Financial Collateral Arrangements of June 6, 2002, De Walsche, A., Vandersanden, G., Mélanges en hommage à Jean-Victor Louis, vol. II, Bruxelles, Editions de l’Université de Bruxelles, 2003, p. 269.

    ( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149).

    ( 7 ) Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali [COM(2001) 168, tas-27 ta’ Marzu 2001].

    ( 8 ) Ara T’Kint, F., Derjcke, W., La Directive 2002/47/KE concernant les contrats de garantie financière au regard des principes généraux du droit des sûretés, (id-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kollateral), Euredia 2003, Vol. 1, p. 55.

    ( 9 ) Ara wkoll sommarju tal-każistika nazzjonali fil-punti 27 sa 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 10 ) Ara, f’dan is-sens, il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (COM(2001) 168, tas-27 ta’ Marzu 2001, (iktar ’il quddiem il-“memorandum ta’ spjegazzjoni tal-abbozz”), punt 2.3).

    ( 11 ) Ara l-punt 2.1 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-abbozz.

    ( 12 ) Ara b’mod partikolari l-Artikoli 39 u 48(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU 2012, L 201, p. 1). Ara, wkoll, l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li jħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35). L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2015/2366 jipprovdi żewġ mezzi biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ salvagwardja tal-fondi. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn li l-fondi jinżammu separati [l-Artikolu 10(1)(a)] u li jimponu obbligu ta’ assigurazzjoni tal-fondi inkwistjoni [Artikolu 10(1)(b)].

    ( 13 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 14 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 15 ) Ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/47.

    ( 16 ) Ara l-Artikolu 6(1) kif ukoll l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2002/47.

    ( 17 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, (C‑156/15, EU:C:2016:851).

    ( 18 ) Ara l-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 19 ) Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 20 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Private Equity Insurance Group (C‑156/15, EU:C:2016:586).

    ( 21 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, (C-156/15, EU:C:2016:851, punt 51).

    Top