Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0077

    Kawża T-77/16: Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2016 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 165, 10.5.2016, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.5.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 165/15


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2016 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-77/16)

    (2016/C 165/16)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) u Airport Marketing Services Ltd (Dublin) (rappreżentanti: G. Berrisch, E. Vahida u I. Metaxas-Maragkidis, avukati, u B. Byrne, Solicitor)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla, sa fejn taffettwa lir-rikorrenti, l-Artikoli 1(2), 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-1 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.27339, li tiddikjara li Ryanair u Airport Marketing Services kienu rċivew għajnuna mill-Istat illegali mingħand Flugplatz GmbH Aeroville Zweibrücken (“FGAZ”) /Flughafen Zweibrücken GmbH (“FZG”) u mil-Land Rhineland-Palatine, inkompatibbli mas-suq intern; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur, mid-Deċiżjoni, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni ma ppermettietx lir-rikorrenti jaċċedu għall-fajl tal-investigazzjoni u ma poġġithomx f’sitwazzjoni fejn ikunu jistgħu jagħmlu validament l-osservazzjonijiet tagħhom.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat it-test tal-operatur f’ekonomija tas-suq (“OES”) billi wettqet analiżi konġunta tal-ftehim għas-servizzi tal-ajruport ma’ Ryanair u l-ftehim għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma’ AMS. Barra minn hekk, b’mod żbaljat il-Kummissjoni rrifjutat li tibbaża ruħha fuq analiżi komparattiva. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ma assenjatx valur xieraq lis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, żbaljat meta ċaħdet ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Land li jakkwista dawn is-servizzi; b’mod żbaljat ċaħdet il-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu ġew akkwistati għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq informazzjoni inkompleta u mhux xierqa sabiex tikkalkola l-profitabbiltà, ħadet inkunsiderazzjoni perijodu ta’ żmien qasir wisq, b’mod żbaljat ibbażat l-evalwazzjoni tagħha unikament fuq ir-rotot miftiehma, u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-esternalitajiet tan-netwerk li l-ajruport seta’ jistenna li jikseb mir-relazzjoni ma’ Ryanair.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) peress li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi selettività.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq il-ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta waslet għall-konklużjoni li l-għajnuna mogħtija lil Ryanair u lil AMS kienet ekwivalenti għat-telf marġinali akkumulat tal-ajruport minflok għall-benefiċċju reali ta’ Ryanair u AMS. Il-Kummissjoni missha eżaminat sa liema punt l-allegat benefiċċju kien effettivament ġie ttrasferit lill-passiġġieri ta’ Ryanair. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkwantifikatx il-vantaġġ kompetittiv li Ryanair allegatament ibbenefikat minnu bis-saħħa tal-flussi ta’ ħlas (allegatament) b’telf tal-ajruport. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma spjegatx b’mod xieraq għaliex l-irkupru tal-ammont tal-għajnuna msemmi fid-deċiżjoni kien neċessarju sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-għoti tal-għajnuna.


    Top