Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0048

    Kawża T-48/16: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2016 – Sigma Orionis vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 98, 14.3.2016, p. 59–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 98/59


    Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2016 – Sigma Orionis vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-48/16)

    (2016/C 098/75)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Sigma Orionis SA (Valbonne, Franza) (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ sussidju EP7 u H2020 billi ssospendiet il-ħlasijiet kollha dovuti lir-rikorrenti abbażi ta’ rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF li tfassal illegalment,

    tiddikjara li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ sussidju EP7 u H2020 billi xoljiet il-kuntratti ta’ suddidju inkwistjoni abbażi ta’ rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF li tfassal illegalment,

    sussidjarjament, tordna l-ħatra ta’ espert sabiex jiġu ddeterminati s-sommom inkontestabbilment dovuti lir-rikorrenti abbażi tal-kuntratt ta’ sussidji inkwistjoni.

    Konsegwentement, tikkundanna lill-konvenuta

    għall-ħlas tas-sommom illegalment sospiżi dovuti abbażi tal-kuntratti ta’ sussidju EP7, jiġifieri EUR 607 404,49, miżjuda, skont l-Artikolu II.5.5, bl-interessi moratorji kkalkolati mid-data ta’ meta s-sommom saru dovuti, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda bi 3,5 punti,

    għall-ħlas tas-sommom illegalment sospiżi dovuti abbażi tal-kuntratti ta’ sussidju H2020, jiġifieri EUR 226 688,68, miżjuda, skont l-Artikolu 21.11.1, bl-interessi moratorji kkalkolati mid-data ta’ meta s-sommom saru dovuti, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda bi 3,5 punti,

    tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu addizjonali li hija sofriet, evalwat, f’dan l-istadju, għal EUR 1 500 000 bla ħsara għal żieda jew tnaqqis fil-mori tal-kawża,

    għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq rapport ta’ investigazzjoni stabbilit permezz ta’ provi miġbura illegalment sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-pagamenti dovuti lir-rikorrenti u dan, fl-intier tagħhom. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan is-sens, li sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi miġbura illegalment, kemm is-sospensjoni tal-ħlasijiet kif ukoll ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ sussidju huma illegali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-konklużjoni tad-diversi rapporti tekniċi ta’ verifika kienet, mingħajr eċċezzjoni, li r-rikorrenti kienet tuża r-riżorsi skont il-prinċipji ta’ ekonomija, ta’ effiċjenza u ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tallega li kkonstatat b’mod validu li fil-kuntest ta’ sussidji oħra r-rikorrenti wettqet irregolaritajiet li huma tali li jiġġustifikaw jew ix-xoljiment jew is-sospensjoni tal-pagamenti kollha fil-kuntratti ta’ sussidju inkwistjoni. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-ftehimiet ta’ sussidju hija l-unika forma ta’ finanzjament tar-rikorrenti u mingħajr ebda dubju l-assenza ta’ proġetti Ewropej ġodda twassalha għall-falliment.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, b’mod gravi u manifest, injorat il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, fatt li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Ir-rikorrenti allegatament sofriet dannu marbut mar-reputazzjoni tagħha u man-numru ta’ ordnijiet li tirċievi, u dan inaqqas kunsiderevolment, jekk mhux saħansitra jġib fix-xejn, kull perspettiva ta’ parteċipazzjoni, fil-ġejjieni, għal proġetti Ewropej ġodda. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-ftehimiet ta’ sussidju hija l-unika forma ta’ finanzjament tar-rikorrenti u mingħajr ebda dubju l-assenza ta’ proġetti Ewropej ġodda twassalha għall-falliment.


    Top