Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0587

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018.
    HM vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AST‑SC/03/15 – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni – Talba għal eżami mill-ġdid – Rifjut li tittrażmetti din it-talba lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali għal raġuni ta’ tardività – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla.
    Kawża T-587/16.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:818

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    21 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

    “Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AST‑SC/03/15 – Nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni – Talba għal eżami mill-ġdid – Rifjut li tittrażmetti din it-talba lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali għal raġuni ta’ tardività – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla”

    Fil-Kawża T‑587/16,

    HM, irrappreżentata minn H. Tettenborn, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr u G. Gattinara, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) tas‑17 ta’ Awwissu 2015 li ma tiħux inkunsiderazzjoni t-talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li r-rikorrenti ma titħalliex tgħaddi għall-fażi segwenti tal-kompetizzjoni EPSO/AST‑SC/03/15‑3 u, min-naħa l-oħra, tad-“deċiżjoni impliċita” tal-Bord tal-Għażla li ma tintlaqax din it-talba,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fit‑8 ta’ Jannar 2015, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST‑SC/03/15‑3, abbażi ta’ testijiet, għall-istabbiliment ta’ lista’ ta’ riżerva ta’ segretarji u ta’ skrivana (gradi SC 1 u SC 2) f’oqsma differenti (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni ġenerali”) (ĠU 2015, C 3A, p. 1).

    2

    Fit‑12 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti, HM, applikat għall-kompetizzjoni ġenerali. Hija għażlet il-qasam “appoġġ lis-segretarjat” u l-grad SC 2, iżda aċċettat li l-kandidatura tagħha tista’ possibbilment tiġi assenjata mill-ġdid għall-grad SC 1.

    3

    Il-punt 2 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali jipprevedi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet speċifiċi għall-ammissjoni fir-rigward ta’ diplomi, tliet kundizzjonijiet distinti, li minnhom l-aħħar biss hija rilevanti f’dan il-każ. Din il-kundizzjoni hija fformulata kif ġej:

    “Taħriġ professjonali (ekwivalenti għal-Livell 4 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki) ta’ mill-inqas sena, segwit minn minimu ta’ tliet snin esperjenza professjonali. Kemm it-taħriġ kif ukoll l-esperjenza għandhom ikunu prinċipalment relatati man-natura tad-dmirijiet.”

    4

    Ir-rikorrenti pparteċipat fit-testijiet ta’ dħul fil‑25 ta’ Marzu 2015. B’ittra tal‑11 ta’ Ġunju 2015, hija ġiet informata mill-EPSO li kienet għaddiet minn dawn it-testijiet, peress li kisbet il-minimu meħtieġ għal kull wieħed minnhom. Fl-istess ittra, l-EPSO indika li l-fażi segwenti hija l-istudju, mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Għażla”), tal-applikazzjonijiet elettroniċi sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-kandidati.

    5

    Jeżisti nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet fit-tilwima dwar jekk kienx fid-data tat‑30 ta’ Lulju 2015, jew iktar tard, li r-rikorrenti ġiet informata, permezz ta’ komunikazzjoni elettronika fil-kont EPSO tagħha, li l-Bord tal-Għażla, wara eżami tal-applikazzjoni online tagħha, kien iddeċieda li din ma titħalliex tgħaddi għall-fażi segwenti tal-kompetizzjoni ġenerali. Fid-deċiżjoni tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura”), il-Bord tal-Għażla bbaża ruħu fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kellhiex il-kwalifiki meħtieġa, jiġifieri li, minkejja li hija ġġustifikat taħriġ professjonali ta’ sena, dan it-taħriġ ma kienx, prinċipalment, relatat man-natura tad-dmirijiet li huma s-suġġett tal-kompetizzjoni ġenerali.

    6

    Jeżisti nuqqas ta’ ftehim addizzjonali bejn il-partijiet fuq il-kwistjoni rigward id-dati li fihom ir-rikorrenti kkonsultat il-kont EPSO tagħha. Fil-fatt, filwaqt li din tal-aħħar issostni li hija regolarment ikkonsultat il-kont tagħha u l-aħħar darba li kkonsultat il-kont kien fid‑29 ta’ Lulju u fl‑4 ta’ Awwissu 2015 mingħajr ma sabet, madankollu, messaġġi jew kumunikazzjonijiet ġodda, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li r-reġistru elettroniku tas-sistema informatika dwar il-kontijiet EPSO wera li kien biss fit‑8 ta’ Awwissu 2015, fit‑20.41, li r-rikorrenti kkonsultat il-kont tagħha, fejn id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla kienet tqiegħdet disat ijiem qabel.

    7

    Fis‑7 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti rċeviet, mingħand l-EPSO, messaġġ elettroniku awtomatiku bil-kontenut li ġej:

    “Data: il-Ġimgħa, is‑7 ta’ Awwissu 2015 fit‑15.26 […]

    Suġġett: Messaġġ ġdid ġie ppubblikat fil-kont EPSO tiegħek. […]

    Dan huwa messaġġ elettroniku awtomatiku. Jekk jogħġbok tweġibx.

    Għażiż/a kandidat/a,

    Din in-notifika tikkonċerna l-applikazzjoni tiegħek għal kompetizzjoni jew għal proċedura ta’ selezzjoni tal-Karrieri mal-UE organizzata mill-[EPSO].

    Messaġġ ġdid ġie ppubblikat fil-kont EPSO tiegħek.

    Tista’ tidħol fil-kont tiegħek billi żżur dan il-link: […].

    Dejjem tiegħek,

    NB: Infakkruk li għandek tiċċekkja l-kont EPSO tiegħek tal-inqas darbtejn fil-ġimgħa kif inhu indikat fil-Gwida Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Ġenerali jew fis-sejħa għal espressjoni ta’ interess. Kull komunikazzjoni uffiċjali tintbagħat permezz tal-kont EPSO u huma d-dati msemmija f’dawn l-ittri ppubblikati biss li għandhom valur legali.

    Din in-notifika bil-posta elettronika hija servizz addizzjonali tal-EPSO mingħajr valur legali.

    In-notifika bil-posta elettronika tintbagħat fl-istess ħin meta l-messaġġ ġdid jiġi ppubblikat fil-kont EPSO tiegħek. Għal raġunijiet barra mill-kontroll tagħna, il-wasla tan-notifiki permezz tal-messaġġi elettroniċi tista’, f’ċerti każijiet, tittardja. L-ebda ilment abbażi ta’ dan id-dewmien ser jitittieħed inkunsiderazzjoni.

    It-tim EPSO.”

    8

    Fit‑13 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti ressqet, abbażi tal-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa (ĠU 2014, C 60 A, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regoli Ġenerali”), talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura tal-Bord tal-Għażla (iktar ’il quddiem it-“talba għal eżami mill-ġdid”). Hija sostniet, essenzjalment, li l-komunikazzjoni elettronika fil-kont EPSO tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura ma kinitx suffiċjentement motivata sa fejn din kienet tikkonsisti f’sempliċi repetizzjoni tal-formulazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali. Barra minn hekk, minn naħa, hija indikat li kienet ġiet awtorizzata minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni preċedenti li tippreżenta ruħha għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, li, skont ir-rikorrenti, kienet tikkonċerna wkoll l-attivitajiet ta’ segretarjat u li kienet tipprevedi livell ta’ kwalifiki ogħla minn dak previst fil-kuntest tal-kompetizzjoni ġenerali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti sostniet li, f’tali każ, il-fatt li l-Bord tal-Għażla ma kienx qies l-evalwazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-kompetizzjoni preċedenti kellu jkun motivat b’mod speċifiku.

    9

    Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑17 ta’ Awwissu 2015, l-EPSO, permezz ta’ N. H., fil-kwalità tagħha bħala l-kap tat-tim għar-relazzjonijiet mal-kandidati, għarraf lir-rikorrenti li ma setax jieħu inkunsiderazzjoni t-talba tagħha għal eżami mill-ġdid, peress li din ma kinitx ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ għaxart ijiem tal-kalendarju stabbilit mir-Regoli Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015”). L-EPSO indika lir-rikorrenti li dan it-terminu kien beda jiddekorri fit‑30 ta’ Lulju 2015, wara l-komunikazzjoni elettronika fuq il-kont EPSO.

    10

    Fl‑1 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti, permezz ta’ messaġġ elettroniku, talbet lill-EPSO sabiex tibgħat mingħajr dewmien it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid lill-Bord tal-Għażla. Hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali, skont liema punt it-talbiet għal eżami mill-ġdid huma “mressqa għall-kunsiderazzjoni tal-istess entità li adottat id-deċiżjoni kkontestata (jew il-bord tal-għażla jew l-EPSO)”. Hija sostniet li peress li t-talba għal eżami mill-ġdid kienet diretta kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura, meħuda mill-Bord tal-Għażla, din it-talba kellha tkun imressqa, fi kwalunkwe każ, quddiem dan il-bord.

    11

    Fis‑16 ta’ Settembru 2015, l-EPSO informa lir-rikorrenti li t-talba tagħha għal eżami mill-ġdid, imsemmija fil-punt 10 ta’ hawn fuq, ma kinitx ser tittieħed inkunsiderazzjoni, minħabba n-natura tardiva tagħha. B’messaġġ elettroniku tal‑20 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti talbet mill-ġdid jekk it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid kinitx intbagħtet lill-Bord tal-Għażla.

    12

    Fil‑25 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti rċeviet it-tweġiba li ġejja mill-EPSO:

    “kif diġà ġie spjegat f’ittri preċedenti, aħna (EPSO) ngħaddu lill-Bord tal-Għażla, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħna, biss l-ilmenti [Beschwerden] li ġew ippreżentati fil-ħin. Peress li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-ilment tiegħek [Beschwerde], dan tal-aħħar ma ntbagħatx.”

    13

    Fl‑4 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrenti ressqet ilment, bil-miktub, kontra d-“deċiżjonijiet” tas‑17 ta’ Awwissu, tas‑16 u tal‑25 ta’ Settembru 2015, li permezz tagħhom l-EPSO kien ikkomunikalha li t-talba tagħha għal eżami mill-ġdid ma kinitx ser tittieħed inkunsiderazzjoni.

    14

    B’deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2016, l-ilment tar-rikorrenti ġie miċħud. It-traduzzjoni Ġermaniża ta’ din id-deċiżjoni ġiet mgħoddija lilha fit‑18 ta’ April 2016.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    15

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fit‑23 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Il-kawża ġiet irreġistrata taħt in-numru F‑17/16.

    16

    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis‑6 ta’ April 2016, ir-rikorrenti talbet l-anonimat skont l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2016, ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lir-rikorrenti li huwa kien laqa’ din it-talba.

    17

    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li din kienet tinsab fid-data tal‑31 ta’ Awwissu 2016. Għaldaqstant, din il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru T‑587/16 u ġiet assenjata lir-Raba’ Awla.

    18

    Peress li l-partijiet ma talbux iż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali abbażi tal-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla), li qieset li kellha biżżejjed informazzjoni mill-annessi tal-proċess tal-kawża, iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

    19

    Fil‑5 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni. It-tweġibiet tagħha ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti. Fit‑13 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

    20

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015;

    tannulla d-“deċiżjoni impliċita” tal-Bord tal-Għażla li ma tintlaqax it-talba għal eżami mill-ġdid;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    21

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    22

    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikors dirett kontra d-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 huwa inammissibbli, inkwantu li din la hija d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura u lanqas ma hija t-tweġiba tal-Bord tal-Għażla għat-talba għal eżami mill-ġdid. Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura biss tippreġudika lir-rikorrenti, sa fejn din bidlet is-sitwazzjoni legali tagħha u direttament u immedjatament affettwat l-interessi tagħha. Id-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 ma bidlet xejn minn din il-konstatazzjoni, peress li din kienet biss rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni t-talba għal eżami mill-ġdid, u dan għal raġunijiet formali ta’ tardività. Il-Kummissjoni ssostni li din id-deċiżjoni tal-EPSO hija “purament konfermatorja”, li ma għandha l-ebda kontenut awtonomu u li ma tissostitwixxix id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura. B’hekk, skont il-Kummissjoni, din ma tistax tkun is-suġġett ta’ lment jew ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

    23

    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kellha, b’mod ċar, il-possibbiltà ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tikkontesta d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 270 TFUE, mingħajr ma kellha bżonn tressaq ilment minn qabel jew li tressaq ilment fil-konfront tagħha. Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti, madankollu, ma kinitx awtorizzata li tagħżel “tielet rimedju” u li tippreżenta rikors kontra att li ma kkawżalhiex preġudizzju. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kellha wkoll il-possibbiltà ġuridika li tikseb eżami mill-ġdid, mill-Bord tal-Għażla, tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura.

    24

    Il-Kummissjoni ssostni li anki jekk id-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 kienet tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, ir-rikorrenti ma kellha, fi kwalunkwe każ, ebda interess ġuridiku ċert u attwali f’dan il-każ. Huwa evidenti li l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 ma jagħti l-ebda benefiċċju lir-rikorrenti, peress li din tal-aħħar ma kkontestatx id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura. Għalhekk, anki fl-eventwalità tal-annullament tad-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015, il-Bord tal-Għażla ma setax, skont il-Kummissjoni, jesprimi ruħu dwar il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura. Barra minn hekk, ir-riferiment għad-digriet tat‑3 ta’ April 2001, Zaur‑Gora u Dubigh vs Il‑Kummissjoni (T‑95/00 u T‑96/00, EU:T:2001:114), ma huwiex rilevanti, peress li, f’din il-kawża, ma kienx hemm deċiżjoni ġdida tal-Bord tal-Għażla bbażata fuq it-talba għal eżami mill-ġdid, b’tali mod li l-ebda terminu ġdid ma seta’ jibda jiddekorri.

    25

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li t-talba tar-rikorrenti, intiża sabiex tannulla l-allegata “deċiżjoni impliċita” tal-Bord tal-Għażla, hija inammissibbli minħabba ksur tal-prinċipju ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors. F’kull każ, għandha tiġi miċħuda din it-talba tar-rikorrenti, peress li l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ma jipprevedix li talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla tista’ impliċitament tiġi miċħuda. Il-Bord tal-Għażla ma jifformax parti mill-amministrazzjoni u peress li huwa indipendenti minnha, is-silenzju tiegħu ma jistax jiġi interpretat bħala “deċiżjoni impliċita negattiva”. Il-kwistjoni dwar x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ reazzjoni ta’ Bord tal-Għażla għal talba għal eżami mill-ġdid hija, skont il-Kummissjoni, kwistjoni purament ipotetika.

    26

    Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

    27

    Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet u, fit-tieni lok, l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet.

    Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet

    28

    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti tindirizza r-rikors tagħha, l-ewwel nett, kontra d-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 u, it-tieni nett, kontra allegata “deċiżjoni impliċita” tal-Bord tal-Għażla li ma tintlaqax it-talba għal eżami mill-ġdid.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta kandidat għal kompetizzjoni jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda minn Bord tal-Għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawżalu preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2), jew, jekk ikun il-każ, tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ April 2001, Zaur‑Gora u Dubigh vs Il‑Kummissjoni, T‑95/00 u T‑96/00, EU:T:2001:114, punt 26, u s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il‑Kummissjoni, T‑173/05, EU:T:2006:392, punt 19).

    30

    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-EPSO adotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Awwissu 2015. Mill-atti tal-kawża tal-Kummissjoni u mit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Bord tal-Għażla ma kienx jaf bl-eżistenza tat-talba tar-rikorrenti għal eżami mill-ġdid. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni espressament irrikonoxxiet li t-talba għal eżami mill-ġdid imressqa mir-rikorrenti ma kinitx parti mit-talbiet għal eżami mill-ġdid mibgħuta lill-Bord tal-Għażla. Huwa wkoll stabbilit li l-Bord tal-Għażla ma kienx speċifikament informat a posteriori dwar id-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 li din ma tittiħidx inkunsiderazzjoni. L-iktar l-iktar, dan ġie informat “b’mod ġenerali” dwar ir-rifjut tal-EPSO fir-rigward tat-talbiet tardivi għal eżami mill-ġdid.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, peress li l-Bord tal-Għażla ma kienx jaf bl-eżistenza tat-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa adotta xi “deċiżjoni impliċita” ta’ ċaħda fil-konfront tagħha.

    32

    Għaldaqstant, it-tieni kap tat-talbiet huwa mingħajr skop u, għalhekk, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet

    33

    Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 ma kinitx tammonta għal att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti, li din kienet purament konfermatorja, li ma kellha l-ebda kontenut awtonomu u li din id-deċiżjoni ma ssostitwixxietx id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Awwissu 2015, l-EPSO ċaħad it-talba tar-rikorrenti għal eżami mill-ġdid. Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq jirrizulta li deċiżjoni li tiċħad talba għal eżami mill-ġdid kienet tippreġudika lir-rikorrenti u, għaldaqstant, kienet tkun tista’ tiġi kkontestata kieku din kienet ġiet adottata mill-Bord tal-Għażla.

    34

    Jekk, bħal f’dan il-każ, talba għal eżami mill-ġdid imressqa minn kandidat tiġi miċħuda mill-EPSO għal raġuni ta’ tardività, dan il-kandidat għandu kull interess li jsir stħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni. Tali ċaħda tipprekludi li l-Bord tal-Għażla jeżamina din it-talba għal eżami mill-ġdid huwa stess, iżda l-annullament tagħha, mill-Qorti Ġenerali, twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar l-imsemmija talba.

    35

    Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li, fil-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali, huwa espressament previst li jekk it-talba għal eżami mill-ġdid tirċievi tweġiba pożittiva, il-persuna kkonċernata tiġi integrata mill-ġdid fil-kompetizzjoni fl-istadju fejn hija kienet ġiet eskluża, irrispettivament minn kemm tkun avvanzat il-kompetizzjoni. Il-fatt li, fil-frattemp, il-proċedura ta’ kompetizzjoni ġenerali ġiet iffinalizzata ma jikkonfutax din il-konklużjoni, peress li r-rikorrenti żżomm tal-inqas interess li tikseb deċiżjoni dwar il-legalità tal-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni sabiex l-illegalità allegata ma tirriproduċix ruħha fil-futur fil-kuntest ta’ proċedura simili għal dik f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 50). Fil-fatt, ma huwiex eskluż li l-EPSO seta’ kellu rwol simili fi proċedura ta’ selezzjoni ulterjuri u simili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li l-proċedura ta’ kompetizzjoni ġenerali ġiet iffinalizzata fil-frattemp.

    36

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti u li din tal-aħħar għandha interess ċert u attwali, kif ukoll suffiċjentement serju, li din id-deċiżjoni tiġi annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, T‑47/05, EU:T:2008:384, punt 65).

    Fuq il-mertu

    37

    Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-EPSO sabiex jadotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Awwissu 2015, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ kwalifika tat-talba għal eżami mill-ġdid u, ir-raba’ wieħed, fuq żball fl-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu li fih it-talba għal eżami mill-ġdid setgħet tiġi mressqa.

    38

    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, peress li t-talba tagħha għal eżami mill-ġdid kienet diretta kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura, din kellha tiġi mressqa quddiem il-Bord tal-Għażla li kien adotta din id-deċiżjoni, konformement mal-formulazzjoni ċara tal-kundizzjonijiet ġenerali. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-EPSO ma huwiex kompetenti sabiex jevalwa t-tardività ta’ talba għal eżami mill-ġdid, peress li dan għandu biss il-funzjoni ta’ “appoġġ amministrattiv” għall-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet ġenerali. L-iktar, huwa awtorizzat li jinforma lill-Bord tal-Għażla dwar qbiż ta’ termini. Skont ir-rikorrenti, l-ebda att legali ma jippermetti lill-EPSO li jieħu d-deċiżjoni inkwistjoni minflok il-Bord tal-Għażla. Approċċ bħal dan lanqas ma jirriżulta minn prattika preċedenti tal-amministrazzjoni. Interpretazzjoni differenti ma tkunx skont il-funzjoni tal-EPSO fil-kuntest ta’ kompetizzjonijiet ġenerali. Ir-rikorrenti ssostni li minn prinċipju ġenerali tad-dritt amministrattiv jirriżulta li hija l-awtorità nnifisha jew qorti superjuri li għandha tiddeċiedi dwar rikors kontra d-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-EPSO ma kienx f’pożizzjoni li jissostanzja d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Awwissu 2015. Minn dan jirriżulta li huwa ma kienx kapaċi jassumi l-funzjoni ta’ Bord tal-Għażla f’dan ir-rigward.

    39

    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-EPSO u l-Bord tal-Għażla huma marbutin permezz tat-test tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali kkonċernat u permezz tar-Regoli Ġenerali. Hija tenfasizza wkoll li huma ma jistgħux jidderogaw minn dawn ir-regoli mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-legalità tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati. Skont il-Kummissjoni, il-formulazzjoni tar-Regoli Ġenerali espressament tipprevedi li, skont it-tqassim tal-kompetenzi, kemm il-Bord tal-Għażla u kemm l-EPSO jistgħu jiddeċiedu dwar is-segwitu li għandu jingħata lil talba għal eżami mill-ġdid intern. Minn dan jirriżulta li l-EPSO huwa wkoll kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni dwar talba għal eżami mill-ġdid.

    40

    Il-Kummissjoni ssostni li, konformement mal-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll mad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti ta’ l-Awdituri, tal-Kmitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u ta’ l-Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi [l-EPSO] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46) u d-Deċiżjoni 2002/621/KE tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Segretarjat Ġenerali tal-Qorti ta’ l-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni, u r-Rappreżentant ta’ l-Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma [tal-EPSO] (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 48), huwa l-EPSO li għandu jorganizza l-kompetizzjonijiet sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li għandu jiżgura l-applikazzjoni ta’ standards uniformi f’dawn il-kompetizzjonijiet.

    41

    Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-EPSO għandu l-għan li jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Bord tal-Għażla, li jinkludi s-sorveljanza tal-osservanza tat-termini mill-kandidati fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid. Is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Pachtitis (T‑361/10 P, EU:T:2011:742) ikkonfermat dan it-tqassim tal-kompetenzi. L-EPSO jista’ wkoll jiċħad it-talbiet għal eżami mill-ġdid intern li ma jirrispettawx it-termini. Tali għan jikkorrispondi għall-ispirtu u għall-iskop tal-istandards imsemmija iktar ’il fuq, sa fejn dan l-għan jippermetti li jitnaqqas il-piż tax-xogħol tal-Bord tal-Għażla. Skont il-Kummissjoni, il-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali għandu jiġi interpretat li “jindika li l-istess entità għandha tiddeċiedi dwar il-kontenut tad-deċiżjoni għal eżami mill-ġdid (jiġifieri fuq l-ammissibbiltà fuq il-mertu tat-talbiet għal eżami mill-ġdid)”. F’dan il-każ, din bl-ebda mod ma hija kwistjoni ta’ “eżami mill-ġdid” tal-kontenut tad-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura, iżda biss tal-aspetti formali. Issa, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li dan il-prinċipju japplika wkoll għal aspetti formali bħall-osservanza tat-termini. Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, il-kompetenza tal-EPSO ma tistax tiddependi fuq il-mod li bih id-deċiżjonijiet tiegħu jkunu motivati.

    42

    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sostniet ukoll, essenzjalment, li l-Bord tal-Għażla kien ġie informat “b’mod ġenerali” dwar ir-rifjut tal-EPSO fir-rigward tat-talbiet tardivi għal eżami mill-ġdid. Skont il-Kummissjoni, il-proċedura normali tal-EPSO tipprevedi li l-Bord tal-Għażla ma jkunx informat individwalment bit-talbiet imressqa wara l-iskadenza tat-termini. Dan huwa prinċipalment dovut għall-fatt li dawn it-talbiet kienu xi kultant jaslu ħafna wara l-laqgħa li fiha l-Bord tal-Għażla kien iddeċieda dwar it-talbiet li kienu ġew imressqa fil-ħin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għall-bażijiet legali u għall-allegazzjonijiet diġà mfakkra fil-punt 40 iktar ’il fuq, dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-EPSO u l-Bord tal-Għażla. Dan huwa implimentat fil-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali, peress li l-EPSO għandu s-setgħa li jiddikjara bħala inammissibbli t-talbiet għal eżami mill-ġdid imressqa wara l-iskadenza tat-termini, mingħajr ma jgħaddihom lill-Bord tal-Għażla. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għall-interess tas-servizz u għall-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli.

    43

    Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    44

    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali, intitolat “Proċedura ta’ reviżjoni interna”, huwa fformulat kif ġej:

    “Tista’ titlob reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-bord tal-għażla jew tal-EPSO li direttament u immedjatament taffettwa l-istatus legali tiegħek fil-kompetizzjoni (jiġifieri li tistabbilixxi r-riżultati tiegħek u/jew tiddetermina jekk tistax tipproċedi għall-istadju li jmiss tal-kompetizzjoni jew tiġix eskluż minnu).

    Talbiet għal reviżjoni jistgħu jkunu bbażati fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin:

    irregolarità materjali fil-proċess tal-kompetizzjoni,

    nuqqas ta’ konformità, mill-bord tal-għażla jew l-EPSO, mar-regoli li jirregolaw il-proċedura tal-kompetizzjoni kif stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż tal-kompetizzjoni, dawn ir-regoli ġenerali, u l-ġurisprudenza.

    Innota li ma tistax tikkontesta l-validità tal-evalwazzjoni tal-bord tal-għażla dwar il-kwalità tal-ħidma tiegħek fit-test. […]

    Proċedura

    Ippreżenta t-talba tiegħek fi żmien għaxart ijiem mid-data meta d-deċiżjoni li tixtieq tikkontesta tittella’ fil-kont tal-EPSO tiegħek:

    jew permezz tal-formola ta’ kuntatt fuq il-websajt tal-EPSO,

    jew bil-posta lill-[EPSO].

    […]

    Għandek tindika b’mod ċar id-deċiżjoni li inti tixtieq tikkontesta, u għandek tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata t-talba tiegħek.

    Il-proċedura tar-reviżjoni interna hija mmexxija mit-tim legali tal-EPSO.

    Meta nirċievu t-talba tiegħek, nibagħtulek irċevuta fi żmien 15‑il jum tax-xogħol.

    It-talba tiegħek imbagħad tiġi analizzata u mressqa għall-kunsiderazzjoni tal-istess entità li adottat id-deċiżjoni kkontestata (jew il-bord tal-għażla jew l-EPSO). Il-bord tal-għażla jew l-EPSO mbagħad jieħdu deċiżjoni dwar it-talba tiegħek. Wara li tittieħed deċiżjoni, titħejja tweġiba motivata li tindirizza l-argumenti tiegħek mit-tim legali.

    Aħna neżaminaw it-talba tiegħek bir-reqqa, b’mod ġust u oġġettiv. Il-proċedura tista’ tieħu bosta ġimgħat. Nibagħtulek deċiżjoni motivata malajr kemm jista’ jkun, permezz tal-kont tal-EPSO tiegħek.

    Jekk it-talba tiegħek għal reviżjoni tirċievi risposta pożittiva, tiġi integrat mill-ġdid fil-kompetizzjoni fl-istadju fejn tkun ġejt eskluż, irrispettivament minn kemm tkun avvanzat il-kompetizzjoni sadittant, sabiex id-drittijiet tiegħek jiġu ssalvagwardjati.”

    45

    L-indikazzjoni tal-fatt li “t-talba tiegħek imbagħad tiġi analizzata u mressqa għall-kunsiderazzjoni tal-istess entità li adottat id-deċiżjoni kkontestata (jew il-bord tal-għażla jew l-EPSO)” hija akkumpanjata b’nota ta’ qiegħ il-paġna fformulata kif ġej: “Dan huwa dovut għall-qsim tal-kompetenzi impost mir-Regolamenti tal-Persunal.”

    46

    F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li l-entità li tkun ħadet id-“deċiżjoni kkontestata”, skont ir-regola msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ kandidatura, hija l-Bord tal-Għażla u mhux l-EPSO. Skont il-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali, huwa wkoll il-Bord tal-Għażla u mhux l-EPSO li kellu jiddeċiedi dwar it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti.

    47

    Il-fatt li t-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti ġiet miċħuda għal raġunijiet purament formali huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ir-Regoli Ġenerali ma jagħmlux distinzjoni skont jekk iċ-ċaħda tkunx ibbażata fuq raġunijiet sostantivi jew proċedurali. Għall-kuntrarju, mill-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali jirriżulta li l-qasam tal-kompetenzi tat-tim legali tal-EPSO huwa limitat għall-ġestjoni tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid intern. F’dan il-kuntest, huwa biss dak it-tim li jista’ jibgħat lir-rikorrenti “rċevuta fi żmien 15‑il jum tax-xogħol” wara li jkun irċieva t-talba għal eżami mill-ġdid.

    48

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li huwa fl-assenza ta’ kull bażi legali għal dan l-għan li l-EPSO, permezz ta’ N. H., ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid imressqa mir-rikorrenti.

    49

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni.

    50

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni stess tafferma li l-EPSO u l-Bord tal-Għażla huma marbutin permezz tat-test tal-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali kkonċernat u permezz tar-Regoli Ġenerali. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 44 sa 48 iktar ’il fuq, mir-Regoli Ġenerali jirriżulta li l-Bord tal-Għażla kien l-uniku entità kompetenti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti. Għalhekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 39 iktar ’il fuq), din bl-ebda mod ma hija kwistjoni, f’dan il-każ, ta’ deroga mir-Regoli Ġenerali u lanqas, għaldaqstant, ta’ preġudizzju tal-legalità tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati.

    51

    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, imfakkra fil-punti 40 sa 42 iktar ’il fuq, li huwa l-EPSO li għandu jorganizza l-kompetizzjonijiet sabiex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-persunal tal-istituzzjonijiet filwaqt li jiżgura l-applikazzjoni ta’ standards uniformi f’dawn il-kompetizzjonijiet u, f’dan il-kuntest, li jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Bord tal-Għażla, hemm lok li jiġi kkonstatat li minn dan ma jistax jiġi dedott li l-EPSO seta’ jiddeċiedi huwa stess li jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni t-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti, minkejja l-formulazzjoni ċara tar-Regoli Ġenerali li tattribwixxi din il-kompetenza lill-Bord tal-Għażla.

    52

    Fil-fatt, qabelxejn, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola l-proċeduri tal-kompetizzjonijiet, li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-EPSO għandu tali kompetenza fil-każ li d-deċiżjoni msemmija fit-talba għal eżami mill-ġdid ġiet adottata mill-Bord tal-Għażla. Jekk minn din id-dispożizzjoni effettivament jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jafdaw lill-EPSO bir-responsabbiltà li jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura l-applikazzjoni ta’ standards uniformi fil-proċeduri ta’ selezzjoni tal-uffiċjali tal-Unjoni u f’ċerti proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ eżami, ma huwiex possibbli li minn dan jiġi dedott li l-EPSO seta’, f’dan il-kuntest, jassumi l-kompetenza li jiddeċiedi dwar talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla.

    53

    Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 7(2) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri fid-dawl tad-deċiżjonijiet iċċitati mill-Kummissjoni (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), ir-responsabbiltajiet assenjati lill-EPSO jaqgħu fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet ġenerali, tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku mogħti lil istituzzjoni fil-kuntest ta’ kompetizzjoni interna, tad-determinazzjoni tal-kontenut tal-eżamijiet organizzati mill-istituzzjonijiet kif ukoll tad-definizzjoni u tal-organizzazzjoni tal-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet lingwistiċi. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-deċiżjoni meħuda mill-EPSO li tirrifjuta t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni adottata mill-Bord tal-Għażla ma tistax titqies bħala sempliċi sitwazzjoni ta’ appoġġ tekniku jew ta’ għajnuna lill-Bord tal-Għażla, u lanqas bħala waħda li taqa’ taħt waħda mir-responsabbiltajiet l-oħra tal-EPSO msemmija hawn fuq.

    54

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll, f’dan ir-rigward, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, li dan il-każ huwa fundamentalment differenti minn sitwazzjoni fejn, pereżempju, l-EPSO kien informa biss lill-Bord tal-Għażla dwar l-iskadenza tat-terminu previst għall-finijiet tat-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid, filwaqt li ħalla lill-imsemmi Bord tal-Għażla li jagħżel l-approċċ li għandu jiġi adottat f’kull każ li jiġi trażmess lilu. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, talba għal eżami mill-ġdid hijiex tardiva ma hijiex neċessarjament deċiżjoni proċedurali sempliċi, kif il-Kummissjoni tidher li qed tinsinwa, iżda tista’ tkun kumplessa, sa fejn din tista’ tiddependi fuq evalwazzjoni ta’ elementi tekniċi bħal dawk intiżi sabiex juru d-data preċiża tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla lill-kandidat ikkonċernat.

    55

    Sussegwentement, fir-rigward tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Pachtitis (T‑361/10 P, EU:T:2011:742, punti 52 et seq.), invokata mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li lanqas din ma ssostni l-argument li l-EPSO jista’, huwa stess, jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni t-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni fattwali li tat lok għal din is-sentenza kienet differenti minn dik tal-każ preżenti, sa fejn ma kinitx kwistjoni ta’ reazzjoni għal talba għal eżami mill-ġdid, imressqa konformement mar-Regoli Ġenerali, iżda kwistjoni ta’ determinazzjoni ta’ min kellu l-kompetenza li jiddefinixxi l-kontenut tal-eżamijiet ta’ preselezzjoni fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ġenerali.

    56

    Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Pachtitis (T‑361/10 P, EU:T:2011:742), jirriżulta li l-EPSO ma kellux il-kompetenza allegata li hija msemmija hawn fuq. Għall-kuntrarju, fil-punt 52 ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat, essenzjalment, li kemm l-għażla kif ukoll l-evalwazzjoni tas-suġġetti tad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-EPSO u, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet rilevanti pjuttost allokaw lill-EPSO r-rwol ta’ assistent tal-Bord tal-Għażla fl-iżvolġiment ta’ kompetizzjoni sa fejn dan kien responsabbli għall-iżvilupp tal-metodi u tat-tekniki ta’ selezzjoni.

    57

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat, sussidjarjament, li l-Kummissjoni ma ċċitatx, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet konkreti tad-deċiżjonijiet li għalihom tirreferi sabiex tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-kompetenza tal-EPSO li jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni t-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-istess deċiżjonijiet għandhom grad ġerarkiku inferjuri għal dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Pachtitis, T‑361/10 P, EU:T:2011:742, punt 53). Għaldaqstant, lanqas dawk ir-referenzi ġenerali, imressqa mill-Kummissjoni, ma jippermettu li tinbidel il-konklużjoni li skontha l-EPSO ma kellux il-kompetenza msemmija hawn fuq.

    58

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tipprova li l-EPSO kellu s-setgħa li jiċħad huwa stess it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti, peress li din it-talba tressqet, fil-fehma tiegħu, wara l-iskadenza tat-termini. Ma jistax jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni tal-EPSO kienet tikkorrispondi għall-ispirtu jew għall-iskop tal-istandards imsemmija mill-Kummissjoni, bl-għan li, fil-fehma tagħha, “jippermetti li jitnaqqas il-piż tax-xogħol tal-Bord tal-Għażla”. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jieħdu preċedenza fuq il-formulazzjoni ċara tal-istandard tal-kompetenzi, jiġifieri, f’dan il-każ, il-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali.

    59

    Barra minn hekk, għandhom jiġu wkoll miċħuda bħala ineffettivi, f’dan il-każ, id-diversi allegazzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni li jirreferu għal fatturi bħalma huma l-ħtieġa li jiġi osservat terminu raġonevoli u ta’ aġir fl-interess tas-servizz jew, b’mod iktar ġenerali, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    60

    Fil-fatt, qabelxejn, kif issostni r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ma sostnietx, u wisq inqas uriet, li, f’dan il-każ, it-talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrenti kienet ġiet ikkomunikata lill-EPSO ħafna wara l-laqgħa tal-Bord tal-Għażla li matulha kienu ġew evalwati t-talbiet għal eżami mill-ġdid li kienu ġew imressqa fil-ħin. Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammont ta’ xogħol tal-Bord tal-Għażla f’każ li jkollu jiġi mlaqqa’ għal laqgħat addizzjonali għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid ta’ talbiet manifestament tardivi, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, għal uħud minn dawn it-talbiet, l-eżami ma jkunx wieħed li jirrikjedi ħafna ħin. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, it-teħid ta’ pożizzjoni mill-Bord tal-Għażla f’dan ir-rigward huwa amministrazzjoni tajba.

    61

    Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali jirriżulta b’mod espliċitu li kien previst li l-eżami ta’ talbiet għal eżami mill-ġdid kellu jsir bir-reqqa, b’mod ġust u oġġettiv, u li l-proċedura “tista’ tieħu bosta ġimgħat”. Ġie wkoll indikat b’mod espliċitu li, jekk it-talba għal eżami mill-ġdid tirċievi tweġiba pożittiva, il-persuna kkonċernata tiġi integrata mill-ġdid fil-kompetizzjoni fl-istadju fejn tkun ġiet eskluża, “irrispettivament minn kemm tkun avvanzat il-kompetizzjoni sadittant”. Dan huwa marbut man-neċessità sabiex id-drittijiet tal-persuni kkonċernati jiġu ssalvagwardjati. Dawn l-elementi kollha jwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistax jiġi interpretat li jimponi, għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba, tbegħid mir-Regoli Ġenerali, fir-rigward tal-kompetenza tal-Bord tal-Għażla sabiex jieħu pożizzjoni fuq it-talba għal eżami mill-ġdid.

    62

    Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-Bord tal-Għażla kien ġie informat “b’mod ġenerali” bir-rifjut tal-EPSO dwar it-talbiet tardivi għal eżami mill-ġdid, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif ir-rikorrenti ssostni fl-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, din l-allegazzjoni ma hija sostnuta minn ebda prova, diretta jew indiretta. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Bord tal-Għażla kien ġie effettivament informat, b’mod ġenerali, dwar il-fatt li l-EPSO kellu jipproċedi b’dan il-mod, jibqa’ l-fatt li informazzjoni ta’ natura ġenerali ma kinitx tkun ta’ natura li tippermetti lill-Bord tal-Għażla li jeżerċita l-kompetenza mogħtija lilu mill-punt 3.4.3 tar-Regoli Ġenerali f’dan ir-rigward.

    63

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel motiv tar-rikorrenti. Għaldaqstant, mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra tar-rikorrenti u lanqas dwar l-ammissibbiltà tad-dokumenti li ma jikkonċernawx il-kompetenzi tal-EPSO u li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni għall-ewwel darba bħala anness mal-kontroreplika jew fl-istadju tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, hemm lok li, minħabba nuqqas ta’ kompetenza, id-deċiżjoni tal-EPSO tas‑17 ta’ Awwissu 2015 tiġi annullata.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni essenzjalment tilfet it-talbiet tagħha, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) tas‑17 ta’ Awwissu 2015 li ma tiħux inkunsiderazzjoni t-talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li HM ma titħalliex tgħaddi għall-fażi segwenti tal-kompetizzjoni EPSO/AST‑SC/03/15‑3 hija annullata.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Kanninen

    Schwarcz

    Iliopoulos

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Novembru 2018.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.

    Top