EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TJ0165

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) tat-13 ta’ Diċembru 2018 (Estratti).
Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd u Airport Marketing Services Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Ftehimiet konklużi mal-kumpannija tal-ajru Ryanair u s-sussidjarja tagħha Airport Marketing Services – Servizzi ajruportwali – Servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Kriterju tal-investitur privat – Irkupru – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Aċċess għall-fajl – Dritt għal smigħ.
Kawża T-165/16.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:952

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Ftehimiet konklużi mal-kumpannija tal-ajru Ryanair u s-sussidjarja tagħha Airport Marketing Services – Servizzi ajruportwali – Servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Kriterju tal-investitur privat – Irkupru – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Aċċess għall-fajl – Dritt għal smigħ”

Fil-Kawża T‑165/16,

Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda),

Airport Marketing Services Ltd, stabbilita f’Dublin,

irrappreżentata minn G. Berrisch, E. Vahida, I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati u B. Byrne, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, L. Armati, u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert u S. Petrova, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/287 tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.26500 (2012/C) (ex 2011/NN, ex CP 227/2008) mogħtija mill-Ġermanja lil Flughafen Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair Ltd. (ĠU 2016, L 59, p. 22),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn G. Berardis, President, S. Papasavvas, D. Spielmann (Relatur), Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-miżuri inkwistjoni

1

L-ewwel rikorrenti, Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd (iktar ’il quddiem “Ryanair”) hija kumpannija tal-ajru stabbilita fl-Irlanda, li topera iktar minn 1800 titjira kuljum li u li tikkollega 200 destinazzjoni f’31 pajjiż fl-Ewropa u fl-Afrika ta’ Fuq. It-tieni rikorrenti, Airport Marketing Services Ltd (iktar ’il quddiem “AMS”), hija sussidjarja ta’ Ryanair li tipprovdi soluzzjonijiet fil-qasam tal-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni, u l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha tikkonsisti fil-bejgħ ta’ spazji pubbliċitarji fuq is-sit internet ta’ Ryanair.

2

L-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz jinsab fin-nofsinhar tal-Land Thüringen, il-Ġermanja. Dan l-ajruport huwa miżmum u operat mill-kumpannija Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH (iktar ’il quddiem “AOC”) li l-azzjonisti tagħha huma awtoritajiet pubbliċi jew entitajiet miżmuma 100 % mill-awtoritajiet pubbliċi.

3

Minn dan l-ajruport, Ryanair kienet tipprovdi titjiriet kuljum lejn l-ajruport ta’ Londra-Stansted (ir-Renju Unit) bejn l-2003 u l-2011. B’effett mill-2007, hija kienet ukoll introduċiet rotta lejn l-ajruport ta’ Barcelona-Girona (Spanja). Bl-istess mod, hija introduċiet rotta lejn l-ajruport ta’ Edinburgh (ir-Renju Unit) fl-2009 u rotta lejn l-ajruport ta’ Alicante (Spanja) fl-2010.

4

B’hekk, fit-3 ta’ Marzu 2003, AOC ikkonkludiet, għal perijodu ta’ għaxar snin, kuntratt ta’ servizzi ajruportwali ma’ Ryanair, li kien jipprovdi li din tal-aħħar tinkariga ruħha li twettaq titjiriet regolari kuljum lejn l-ajruport ta’ Londra-Stansted. Ryanair kienet marbuta tħallas tariffa għall-fornitura ta’ servizzi ajruportwali, konformement mar-Regolament Ajruportwali ta’ Altenburg-Nobitz dwar Tariffi Ajruportwali li kien fis-seħħ fid-data tal-eżekuzzjoni tagħhom, kif ukoll somma li tkopri t-tariffi tas-sigurtà applikati għall-passiġġieri u t-taxxi tal-Istat. Ir-rikorrenti indikaw li l-kuntratt ta’ servizzi ajruportwali serva ta’ bażi għall-estensjoni tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet li laħqet total ta’ erba’ rotot bl-ajru (destinazzjonijiet ta’ Londra, Girona, Edinburgh u Alicante).

5

Barra minn hekk, AOC ikkonkludiet tliet kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-ewwel wieħed ma’ Ryanair u t-tnejn l-oħra ma’ AMS.

6

Skont l-ewwel kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, iffirmat fis-7 ta’ April 2003 għal perijodu ta’ għaxar snin, Ryanair kellha timplimenta attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni sabiex tirreklama ż-żona ta’ Altenburg-Nobitz. AOC kienet marbuta tħallas iż-żewġ tariffi bħala korrispettiv. Min-naħa, hija kienet tħallas “tariffa ta’ suċċess” għal kull passiġġier li jitlaq, li kienet tiddetermina tariffa netta li kellha titħallas minn Ryanair għas-servizzi ajruportwali li jikkonċernaw l-inżul, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru lokali, l-illuminazzjoni, il-parkeġġ (mingħajr parkeġġ tal-lejl), assistenza fuq il-korsa tal-ajruport u assistenza għall-passiġġieri, l-infrastruttura u t-taxxi ajruportwali għal kull passiġġier. AOC kienet tikkalkola t-tariffa netta għal kull passiġġier permezz ta’ skedi ta’ volum tal-passiġġieri u kienet tippreżenta l-kalkolu lil Ryanair fi tmiem il-ġimgħa. Ryanair kienet tikkalkola t-tariffa ta’ suċċess u kienet tippreżenta l-kalkolu lil AOC f’terminu ta’ 30 jum fi tmiem ix-xahar. Il-kalkolu kien ibbażat kull darba fuq is-servizzi li twettqu fix-xahar kalendarju preċedenti. Ryanair setgħet tnaqqas it-tariffa ta’ suċċess tagħha bbażata fuq ir-riżultat mill-fatturi mensili ta’ AOC għat-tariffi ta’ nżul. Min-naħa l-oħra, AOC kienet tħallas “tariffa ta’ suċċess” ibbażata fuq perċentwal speċifiku taż-żidiet eventwali tat-tariffi imposti mill-ajruport, jiġifieri 100 % ta’ kull żieda fit-tariffa tas-sigurtà imposta mill-Istat, sa limitu massimu ta’ 10 % tar-rata ppubblikata fuq perijodu ta’ ħames snin u 100 % ta’ kull żieda fit-tariffi ppubblikati jew ta’ tariffi, dazju jew taxxi introdotti fit-tariffi ajruportwali ppubblikati, sa limitu massimu ta’ 10 %, fuq perijodu ta’ ħames snin totali, tat-tariffa ppubblikata mħallsa minn Ryanair.

7

Skont it-tieni kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, iffirmat fit-28 ta’ Awwissu 2008 għal tul inizjali ta’ sentejn, AMS kienet marbuta tipprovdi servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li kienu jikkonsistu f’reklami fuq is-sit internet ta’ Ryanair, bi ħlas minn AOC ta’ [kunfidenzjali] ( 2 ) fl-2008 u ta’ [kunfidenzjali] fl-2009. Il-kuntratt kien jeżiġi li Ryanair topera rotta bejn l-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz u dak ta’ Londra-Stansted kuljum fis-sajf u erba’ darbiet fil-ġimgħa fix-xitwa, kif ukoll rotta lejn l-ajruport ta’ Girona tliet darbiet fil-ġimgħa fis-sajf biss.

8

Skont it-tielet kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, iffirmat fil-25 ta’ Jannar 2010 għal tul inizjali ta’ sena, AMS inkarigat ruħha mill-ġdid li tipprovdi mill-ġdid servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li kienu jikkonsistu f’reklami fuq is-sit internet ta’ Ryanair, bi ħlas minn AOC ta’ [kunfidenzjali]. Il-kuntratt kien marbut mal-impenn ta’ Ryanair li tipproponi, b’effett mis-sajf tal-2010, u esklużivament matul l-istaġun tas-sajf IATA li jibda fit-28 ta’ Marzu 2010 u jispiċċa fit-30 ta’ Ottubru 2010, rotot bejn l-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz u dak ta’ Londra-Stansted (seba’ darbiet fil-ġimgħa), ta’ Girona (tliet darbiet fil-ġimgħa) u ta’ Alicante (darbtejn fil-ġimgħa).

9

Sussegwentement, ir-rotot lejn l-ajruporti ta’ Barcelona-Girona, ta’ Edinburgh u ta’ Alicante ġew abbandunati kollha u, fil-31 ta’ Marzu 2011, l-istess ġara fir-rigward tar-rotta lejn l-ajruport ta’ Londra-Stansted, b’mod li, f’din id-data, Ryanair waqqfet kull attività ta’ tluq mill-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz.

[omissis]

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

25

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

26

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

27

Permezz ta’ att ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba fit-terminu stabbilit.

28

Permezz ta’ att ippreżentat fit-22 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2016, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.

29

B’deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2018, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem is-Sitt Awla Estiża.

30

Fuq il-bażi ta’ rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u li tistieden, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previst fl-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet.

31

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018.

32

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(4) u l-Artikoli 2 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Fid-dritt

[omissis]

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ vantaġġ

[omissis]

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-analiżi tagħha ta’ profittabbiltà

[omissis]

– Fuq l-ilment ibbażat fuq l-użu ta’ suppożizzjonijiet inadatti fil-kalkolu tal-profittabbiltà

[omissis]

247

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni eżaminat b’mod żbaljat il-profittabbiltà tal-kuntratti inkwistjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni perijodu ta’ żmien limitat għal seba’ xhur, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li dan l-argument għandu jiġi eżaminat direttament skont il-prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, kif jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE, u mhux skont il-Linji Gwida tal-2014.

248

Sussegwentement, mill-ġurisprudenza (ara l-punt 106 iktar ’il fuq) jirriżulta li hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx validament tqis, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-profittabbiltà inkrementali, li operatur f’ekonomija tas-suq, li jopera minflok l-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz, kien jevalwa l-interess li jikkonkludi l-kuntratt tal-25 ta’ Jannar 2010, flimkien mal-kuntratt ta’ servizzi ajruportwali tat-3 ta’ Marzu 2003 u l-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta’ April 2003, billi jieħu inkunsiderazzjoni perijodu ta’ żmien limitat għal seba’ xhur.

249

L-aġir ta’ operatur avżat f’ekonomija tas-suq huwa ggwidat minn perspettivi ta’ profittabbiltà fuq perijodu itwal (sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-305/89, EU:C:1991:142, punt 20). Tali operatur li jixtieq jimmassimizza l-profitti tiegħu huwa lest jieħu riskji kkalkolati fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni xierqa li għandu jistenna mill-investiment tiegħu.

250

Madankollu, f’dan il-każ, huwa paċifiku li t-tliet kuntratti inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010, ġew konklużi għal żmien determinat. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-aħħar kuntratt beda fil-25 ta’ Jannar 2010 u spiċċa sena wara li tnediet l-ewwel rotta bl-ajru li kellha tibda mal-istaġun tas-sajf tal-2010. Peress li s-servizzi tal-ajru ta’ Ryanair kienu intiżi esklużivament għal perijodu ta’ seba’ xhur, jiġifieri l-istaġun tas-sajf IATA fl-2010, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi tal-profittabbiltà għal dan il-perijodu biss.

251

Huwa paċifiku wkoll li, hekk kif indikat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, qabel il-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni, l-operatur tal-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz ma kienx ipprepara pjan ta’ negozju dwar l-operat tar-rotot lejn l-ajruporti ta’ Londra, ta’ Girona u ta’ Alicante.

252

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, li operatur f’ekonomija tas-suq kien jevalwa l-profittabbiltà inkrementali tal-kombinazzjoni tat-tliet kuntratti inkwistjoni fir-rigward ta’ spejjeż u dħul matul it-tul tal-operat tar-rotta tal-ajru inkwistjoni, jiġifieri seba’ xhur.

253

L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet qieset b’mod żbaljat, fil-premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratt dwar is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010 kien ser jintemm sena wara li tnediet l-ewwel rotta bl-ajru ta’ Ryanair u mhux wara l-forniment tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS, huwa ineffettiv. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li tali żball, minkejja li huwa deplorabbli, kellu impatt sinjifikattiv fuq il-kalkolu tal-profittabbiltà inkrementali mistennija mill-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010. Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li, anki jekk il-kuntratt kien ġie konkluż għal tul inizjali ta’ sena wara l-introduzzjoni tal-ewwel servizz ta’ kummerċjalizzazzjoni minn AMS, id-dħul inkrementali minn attivitajiet ajrunawtiċi u mhux ajrunawtiċi, kif ukoll l-ispejjeż operazzjonali inkrementali mistennija mill-operat tar-rotot bl-ajru ta’ Ryanair fl-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz ma nbidilx. Bl-istess mod, ma huwiex stabbilit li d-dewmien temporali tal-fatturazzjoni minn AMS lil AOC tal-prezz tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kellu xi impatt fuq l-ammont li kien dovut minn AOC abbażi tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u li kien parti mill-ispejjeż li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-25 ta’ Jannar 2010.

254

Il-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tul effettiv tal-operat tar-rotta bl-ajru ta’ Ryanair, u mhux it-tul tal-kuntratt tal-25 ta’ Jannar 2010, jiġifieri sena, ma jaffettwax il-validità tal-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li operatur f’ekonomija tas-suq kien jistenni sempliċement id-dħul inkrementali għall-perijodu li matul tiegħu Ryanair impenjat ruħha li twettaq ir-rotta bl-ajru inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni pprovduti minn AMS ma kinux intiżi li jkollhom effetti sostenibbli fuq l-aġir tal-persuni li jikkonsultaw is-sit internet ta’ Ryanair (ara l-punti 184 sa 188 iktar ’il fuq).

255

Fl-aħħar nett, l-argument li l-Kummissjoni kellha tanalizza il-profittabbiltà tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010 għall-perijodu bejn id-data tal-bidu ta’ dan il-kuntratt sad-data tal-iskadenza tal-kuntratt ta’ servizzi ajruportwali tat-3 ta’ Marzu 2003 ma jistax jintlaqa’.

256

Fil-fatt, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-kuntratt ta’ servizzi ajruportwali tat-3 ta’ Marzu 2003 baqa’ japplika sal-iskadenza tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010, hemm lok li jiġi kkonstatat li, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-kuntratti tal-2003, li kienu jipprovdu b’mod partikolari titjiriet regolari kuljum lejn l-ajruport ta’ Londra-Stansted matul is-sena kollha (premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata), il-partijiet irrevedew, u anki kkompletaw, il-kundizzjonijiet tal-kollaborazzjoni sussegwenti tagħhom kemm f’termini ta’ impenn tal-operat tat-titjiriet kif ukoll tar-remunerazzjoni għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni. Għalhekk, permezz tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 2008, Ryanair impenjat ruħha li topera rotta lejn dan l-ajruport kuljum fis-sajf u erba’ darbiet fil-ġimgħa fix-xitwa, kif ukoll rotta lejn l-ajruport ta’ Girona, fis-sajf biss, tliet darbiet fil-ġimgħa (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li, bil-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010, Ryanair impenjat ruħha li topera rotot lejn l-ajruporti ta’ Londra-Stansted (seba’ darbiet fil-ġimgħa), ta’ Girona (tliet darbiet fil-ġimgħa) u ta’ Alicante (darbtejn fil-ġimgħa) matu l-istaġun tas-sajf IATA. Bl-istess mod, bil-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 2008 u bil-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010, AOC impenjat ruħha li tħallas rispettivament l-ammont ta’ [kunfidenzjali] (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) u l-ammont ta’ [kunfidenzjali] (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) sabiex tikseb is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS. Dawn il-ħlasijiet kienu jinkludu t-“tariffa ta’ suċċess”, stabbilita fil-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta’ April 2003 bħala remunerazzjoni tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni żgurati minn Ryanair.

257

Għalhekk, huwa raġonevoli li jitqies li operatur f’ekonomija tas-suq, li jaġixxi minflok AOC, kien jistenna fil-mument li fih ġie konkluż il-kuntratt tal-25 ta’ Jannar 2010 li, fil-mument tal-iskadenza tal-aħħar kuntratt, ir-rikorrenti ma jaċċettawx sempliċement li jistabbilixxu mill-ġdid it-termini tal-kuntratt ta’ servizzi ajruportwali tat-3 ta’ Marzu 2003 u tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta’ April 2003, iżda jinsistu wkoll fuq in-negozjar mill-ġdid tal-impenn tal-operat ta’ titjiriet mill-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz kif ukoll fuq il-ħlasijiet ġodda għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

258

Barra minn hekk, il-fatt li Ryanair ma kinitx lesta sempliċement li tistabbilixxi mill-ġdid it-termini inizjali tal-kuntratti tal-2003 mingħajr ma titlob ħlasijiet ġodda huwa kkonfermat ex post mill-fatt li, minn naħa, Ryanair kellha rotta waħda biss matul l-istaġun tax-xitwa IATA 2010/2011, li beda fit-30 ta’ Ottubru 2010 u ntemm fit-28 ta’ Marzu 2011, lejn u mill-ajruport ta’ Londra-Stansted, madankollu bis-sostenn finanzjarju ta’ impriżi privati reġjonali (premessa 32(d) u premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata), u mill-fatt li, min-naħa l-oħra, l-azzjonisti u d-diretturi ta’ AOC kienu rrifjutaw li jħallsu s-somma ta’ EUR 420000 mitluba minn Ryanair bħala tariffi għall-kummerċjalizzazzjoni għall-ħin tas-sajf 2011, peress li din tal-aħħar temmet l-attivitajiet tagħha fl-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz f’Marzu 2011.

259

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li kien ikun iktar xieraq li l-Kummissjoni teżamina din il-profittabbiltà mistennija tal-kuntratt tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010 fuq perijodu bejn id-data tal-bidu ta’ dan il-kuntratt sad-data tal-iskadenza tal-kuntratt ta’ servizzi ajruportwali tat-3 ta’ Marzu 2003 li fir-rigward tiegħu kien marbut, jiġifieri f’April 2013 u estiż għalhekk sal-perijodu ta’ żmien mill-2010 sal-2013 minflok seba’ xhur li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, huwa minnu li n-nota tal-14 ta’ April 2016 prodotta mir-rikorrenti tindika li l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010, flimkien maż-żewġ kuntratti l-oħra, kienet tkun profittabbli li kieku l-analiżi tal-profittabbiltà twettqet fuq il-perijodu minn Jannar 2010 sa April 2013. Madankollu, kif indikat ġustament il-Kummissjoni, l-analiżi fin-nota tal-14 ta’ April 2016 ma tinkludix il-ħlasijiet il-ġodda mistennija għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

260

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti dwar il-perijodu ta’ żmien tal-analiżi tal-profittabbiltà.

261

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar ir-rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ inġenju tal-ajru, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġi kkalkolat in-numru mistenni ta’ passiġġieri skont il-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata, rata ta’ 80 % għal inġenju tal-ajru b’189 post li jikkorrispondi għall-kapaċità msemmija f’dan il-kuntratt.

262

Il-Kummissjoni spjegat quddiem il-Qorti Ġenerali li rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ 80 % kien argument raġonevoli. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għar-rapport annwali ta’ Ryanair tal-2009 li fih hemm indikat, minn naħa, li t-titjiriet operati minn Ryanair fuq in-netwerk tagħha kellhom rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ 81 % u, min-naħa l-oħra, li r-rati ta’ użu tal-kapaċità fuq rotot ġodda bħal pereżempju r-rotta l-ġdida lejn l-ajruport ta’ Alicante prevista fil-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2010, kienu ġeneralment iktar baxxi.

263

Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni spjegat li r-rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ 80 % kkonstatata minnha kienet sitwazzjoni iktar ottimista minn dik adottata mill-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz dwar id-dħul mistenni mill-attivitajiet ta’ Ryanair. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproduċiet tabella li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu pprovdew waqt il-proċedura amministrattiva u li kienet tinkludi xenarji differenti dwar ir-rati ta’ użu tal-kapaċità minn 70 sa 90 %. Din it-tabella kienet tipprovdi li, anki b’rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ 70 %, seta’ jinkiseb riżultat pożittiv bl-attività ta’ Ryanair (ara l-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

264

Minn dan isegwi li, sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta’ użu tal-kapaċità kkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi oġġettivi li, barra minn hekk, kienu jiġġustifikaw biżżejjed id-diverġenza fir-rigward tar-rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ 85 % li ġiet applikata f’każijiet oħra ta’ għajnuna mill-Istat dwar il-ftehimiet konklużi mir-rikorrenti ma’ ajruporti oħra. Peress li l-metodi ta’ kalkolu tar-rata ta’ użu tal-kapaċità kkonstatata f’dawn il-każijiet l-oħra u d-deċiżjoni kkontestata huma differenti, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ tal-Kummissjoni ma jistax jitqies bħala inkoerenti.

265

Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni ta’ rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ 80 % għandu jiġi miċħud.

266

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esternalità tan-netwerk fil-kalkolu tad-dħul mhux ajrunawtiku għas-sena 2010, hemm lok li jitfakkar li, fl-assenza ta’ informazzjoni ex ante rilevanti, il-Kummissjoni telqet mill-premessa li, f’Jannar 2010, meta ġie ffirmat il-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz ħa inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tad-dħul mhux ajrunawtiku, id-dħul effettiv tas-snin preċedenti, li kien żdied kunsiderevolment meta mqabbel mal-2006 u l-2007. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li, fl-2010, l-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz kien ibbaża l-previżjonijiet tad-dħul mhux ajrunawtiku tiegħu fuq is-sentejn preċedenti, li kien ta’ ammont medju ta’ EUR 1.80 sa 2.30 għal kull passiġġier għas-snin 2008 u 2009 (premessa 263(b) tad-deċiżjoni kkontestata).

267

Għandu jiġi kkonstatat li dan il-kalkolu tad-dħul mhux ajrunawtiku għas-sena 2010 ma huwa vvizzjat b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

268

Fil-fatt, kif spjegat il-Kummissjoni, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienu pprovdew servizzi simili ħafna matul is-snin preċedenti fil-kuntest tal-kuntratt tat-28 ta’ Awwissu 2008, flimkien mal-kuntratt ta’ servizzi ajruportwali tat-3 ta’ Marzu 2003 u mal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta’ April 2003, b’tali mod li ma kien hemm xejn li jippermetti lil operatur f’ekonomija tas-suq li jassumi żieda f’daqqa tad-dħul mhux ajrunawtiku għal kull passiġġier minħabba l-esternalità tan-netwerk.

269

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-użu ta’ suppożizzjonijiet inadatti fil-kalkolu tal-profittabbiltà għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ryanair DAC u Airport Marketing Services Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Berardis

Papasavvas

Spielmann

Csehi

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Diċembru 2018.

Firem

[omissis]


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli għall-pubblikazzjoni.

( 2 ) Informazzjoni kunfidenzjali ommessa.

Top