EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0554

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2018.
EP Agrarhandel GmbH vs Bundesminister für Land-, Forst-, Umwelt und Wasserwirtschaft.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Regolament (KE) Nru 73/2009 – Sostenn favur bdiewa – Primjums għall-baqar li jreddgħu – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 117 – Trażmissjoni ta’ informazzjoni – Deċiżjoni 2001/672/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/300/UE – Moviment tal-annimali tal-ifrat fil-mergħat tas-sajf fil-muntanja – Artikolu 2(4) – Terminu ta’ notifika tal-moviment – Kalkolu – Notifiki tardivi – Ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-ħlas tal-primjums – Kundizzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tat-terminu ta’ spedizzjoni.
Kawża C-554/16.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:406

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

7 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Regolament (KE) Nru 73/2009 – Sostenn favur bdiewa – Primjums għall-baqar li jreddgħu – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 117 – Trażmissjoni ta’ informazzjoni – Deċiżjoni 2001/672/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/300/UE – Moviment tal-annimali tal-ifrat fil-mergħat tas-sajf fil-muntanja – Artikolu 2(4) – Terminu ta’ notifika tal-moviment – Kalkolu – Notifiki tardivi – Ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-ħlas tal-primjums – Kundizzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tat-terminu ta’ spedizzjoni”

Fil-Kawża C‑554/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

EP Agrarhandel GmbH

vs

Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 117 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16), kif ukoll tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE tal-20 ta’ Awwissu 2001 li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall-movimenti ta’ annimali bovini meta mqegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 341), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/300/UE tal-25 ta’ Mejju 2010 (ĠU 2010, L 127, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2001/672”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EP Agrarhandel GmbH u l-Bundesminister für Land - und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (il-Ministru Federali għall-Agrikoltura, għall-Forestrija, għall-Ambjent u għall-Ilma, iktar ’il quddiem il-“Ministru għall-Agrikoltura”) rigward ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil EP Agrarhandel primjum għall-baqar li jreddgħu għal ċerti baqar minħabba li l-moviment tagħhom lejn mergħat tas-sajf kien ġie nnotifikat tardivament.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000

3

Il-premessi 4 sa 7 u 14 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1760/2000 tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 248) jipprovdu:

“(4)

Wara l-instabilità fis-suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mill-laħam taċ-ċanga kkawżata mill-kriżi ta’ l-enċefaloġija sponġiforma bovina, it-titjib fit-trasparenza tal-kondizzjonijiet għall-produzzjoni u l-marketing tal-prodotti fil-kwistjoni, b’mod partikolari rigward it-traċċabbiltà, eżerċitat influwenza pożittiva fuq il-konsum tal-laħam taċ-ċanga. Sabiex tibqa’ tinżamm u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fil-laħam taċ-ċanga u għalbiex ikun evitat illi dawn jiġu mqarrqa, huwa meħtieġ illi jiġi żviluppat il-qafas li fih ikun magħmul disponibbli t-tagħrif għall-konsumaturi bit-tikkettjar suffiċenti u ċar tal-prodott.

(5)

Għal dan l-iskop huwa essenzjali li tiġi stabbilita, min-naħa l-waħda, sistema effiċenti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart fl-istadju tal-produzzjoni u li tiġi stabbilita, min-naħa l-oħra, sistema speċifika Komunitàrja ta’ tikkettjar fis-settur tal-laħam taċ-ċanga bbażata fuq kriterji oġġettivi fl-istadju tal-marketing.

(6)

Bis-saħħa tal-garanziji pprovduti permezz ta’ dan it-titjib, iridu jinkisbu wkoll ċerti ħtiġijiet ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-bhejjem.

(7)

B’riżultat, il-fiduċja tal-konsumatur fil-kwalità tal-laħam taċ-ċanga u l-prodotti mill-laħam taċ-ċanga tittejjeb, jiġi ppreservat livell aktar għoli tas-saħħa pubblika u l-istabbiltà fit-tul tas-suq tal-laħam taċ-ċanga tkun irrinfurzata.

[…]

(14)

Għall-għan tat-traċċar bil-ħeffa u preċiż tal-bhejjem għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll ta’ l-iskemi Komunitarji ta’ l-għajnuna, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jistabbilixxi bażi ta’ informazzjoni kkomputerizzata li tirreġistra l-identità tal-bhejjem, l-impriżi kollha fit-territorju tiegħu u ċ-ċaqliq tal-bhejjem, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 97/12/KE tas-17 ta’ Marzu 1997 li temenda u taġġorna d-Direttiva 64/432/KEE dwar il-problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ tal-bhejjem tal-fart u l-ħnieżer ġewwa l-Komunità [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 13], li tiċċara l-ħtiġijiet tas-saħħa dwar din il-bażi ta’ informazzjoni.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

a)

il-lametti tal-widnejn li jidentifikaw il-bhejjem individwalment;

b)

il-ħażniet ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata;

ċ)

il-passaporti tal-bhejjem;

d)

ir-reġistri individwali miżmuma fuq kull impriża.

Il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat għandu jkollhom aċċess għat-tagħrif kollu kopert b’dan it-Titolu. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-aċċess għal din l-informazzjoni għall-partijiet kollha interessati, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jkollhom interess u li jkunu rrikonoxxuti mill-Istat Membru, sakemm ikunu żgurati l-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali.”

5

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament:

“Bl-eċċezzjoni tat-trasportaturi, kull min iżomm il-bhejjem għandu:

iżomm reġistru aġġornat,

ġaladarba l-ħażna ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata tkun qiegħda taħdem kollha kif imiss, jirrapporta lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-impriża u t-twelid u l-imwiet kollha tal-bhejjem fuq l-impriża, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu taż-żmien stabbilit mill-Istat Membru ta’ bejn tlieta jew sebat ijiem minn meta jkun ġara l-avveniment. Madanollu, fuq it-talba ta’ Stat Membru u skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu taż-żmien u jipprovdu regoli speċjali li japplikaw għall-moviment tal-bhejjem tal-fart meta jinħarġu għall-mergħa tas-sajf f’erji muntanjużi differenti.”

Ir‑Regolament Nru 73/2009

6

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprevedi:

“Bidwi li jirċievi pagamenti diretti għandu jissodisfa l-ħtiġiet ta’ ġestjoni statutorji mniżżla fl-Anness II u l-kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba msemmija fl-Artikolu 6.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament:

“Fejn fi kwalunkwe żmien f’sena kalendarja partikolari (minn hawn ’il quddiem imsejħa “is-sena kalendarja konċernata”) ma ssirx konformità mal-kundizzjonjiet amministrattivi statutorji u l-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, u n-nuqqas ta’ konformità msemmi jkun ir-riżultat ta’ att jew ta’ nuqqas direttament marbut mal-bidwi li kien ippreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna fis-sena kalendarja konċernata, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ngħata jew għandu jingħata lil dak il-bidwi, wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 10 u 11 għandhu jitnaqqas jew jiġi eskluż f’konformità mar-regoli dettaljati stipulati fl-Artikolu 24.

[…]”

8

L-Artikolu 111(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   Bidwi li jrabbi baqar li jreddgħu fl-impriża tiegħu jista’ jikkwalifika, malli japplika, għal primjum ta’ manteniment ta’ baqar li jreddgħu (“primjum għall-baqar li jreddgħu”). Għandu jingħata f’forma ta’ primjum annwali għal kull sena kalendarja u għal kull bidwi skont il-limiti massimi individwali.

2.   Il-primjum għal baqar li jreddgħu għandu jingħata lil kull bidwi:

a)

li ma jfornix ħalib jew prodotti tal-ħalib mill-farm tiegħu għal 12-il xahar mill-jum meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.

Madankollu, il-forniment ta’ ħalib jew prodotti tal-ħalib direttament mill-azjenda lill-konsumatur m’għandux jipprevjeni li jingħata l-primjum;

b)

il-forniment ta’ ħalib jew prodotti tal-ħalib li t-total tal-kwota individwali tagħhom, kif msemmi fl-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 [tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1)], ma jaqbiżx 120000 kg.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji stabbiliti minnhom, li jbiddlu jew jirtiraw il-limitu kwantitattiv, dment li l-bidwi jżomm, għal talanqas sitt xhur konsekuttivi minn meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni, għadd ta’ baqar li jreddgħu mhux anqas minn 60 % u għadd ta’ erħiet li ma jaqbiżx 40 % tan-numru li għalih ġie mitlub il-primjum.

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għadd ta’ annimali eliġibbli taħt il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, jekk il-baqar jappartjenux għall-merħla li tredda’ jew għall-merħla tal-ħalib, għandu jkun stabbilit abbażi tal-kwota tal-ħalib individwali tal-benefiċjarju disponibbli fl-azjenda fil-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja kkonċernata, espressa f’tunnellati u l-produzzjoni medja tal-ħalib.”

9

L-Artikolu 117 tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi:

“Biex jikkwalifika għall-pagamenti diretti taħt din it-Taqsima, annimal għandu jkun identifikat u rreġistrat skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

Madankollu, annimal għandu wkoll jitqies eliġibbli għall-pagamenti meta l-informazzjoni stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tkun ġiet irraportata lill-awtorità kompetenti fl-ewwel jum tal-perijodu taż-żamma tal-annimal kif iddeterminat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2) ta’ dan ir-Regolament.”

10

Konformement mal-Anness II dwar ir-rekwiżiti amministrattivi statutorji msemmija fl-Artikoli 4 u 5, Punt A, dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali, punt 7, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali huma previsti, b’riferiment għall-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament Nru 1760/2000.

Ir‑Regolament (KE) Nru 1121/2009

11

L-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru 1121/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa previsti fit-Titoli IV u V tiegħu (ĠU 2009, L 316, p. 27) jipprovdi:

“Il-perjodu taż-żamma ta’ sitt xhur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 111(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu jibda fil-jum wara dak li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1122/2009

12

L-Artikolu 2(24) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65) jipprovdi:

“‘bhima determinata’ tfisser bhima li għaliha jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall-għoti tal-għajnuna”.

13

L-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 75, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajuna skont dan ir-Regolament wara l-limitu ta’ żmien rilevanti għandu jwassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li għalihom il-bidwi kien ikun intitolat kieku l-applikazzjoni kienet ippreżentata fil-limitu taż-żmien.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura partikolari li għandha tittieħed mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ fi żmien xieraq li jippermetti li jiġu skedati u mwettqa kontrolli effettivi, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti skont l-Artikoli 12 u 13 meta dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet bħal dawk, ikunu kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna konċernata. F’dak il-każ, it-tnaqqis għandu jiġi applikat fuq l-ammont pagabbli għall-għajnuna konċernata.

Jekk id-dewmien jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju l-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli.”

14

Skont l-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 1122/2009:

“Fejn jinstabu każi ta’ irregolaritajiet fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

a)

annimal bovin li jkun tilef waħda miż-żewġ lametti tal-widnejn għandu jitqies bħala determinat kemm-il darba jkun identifikat b’mod ċar u individwalment bl-elementi l-oħra tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini;

b)

meta l-irregolaritajiet misjuba jirrigwardaw entrati inkorretti fir-reġistru jew passaporti tal-bhejjem, il-bhejjem konċernati għandhom ikunu meqjusa biss bħala mhux determinati jekk jinstabu żbalji bħal dawn f’tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha l-bhejjem konċernati għandhom jitqiesu bħala mhux determinati wara l-ewwel sejba.

L-Artikolu 21 għandu japplika fir-rigward tal-entrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini.”

15

L-Artikolu 65(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għajnuna skont l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali bovini, tinstab differenza bejn l-għadd ta’ bhejjem dikjarati u dak determinat skont l-Artikolu 63(3), l-ammont totali ta’ għajnuna li għaliha l-bidwi jkun intitolat skont dawk l-iskemi għall-perjodu tal-primjum konċernat għandu jitnaqqas bil-perċentwali li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk ma jkunx hemm aktar minn tliet bhejjem li nstabu b’irregolaritajiet.”

Id-Deċiżjoni 2001/672

16

L-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jipprevedi:

“L-informazzjoni li tinstab fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 hija introdotta fid-database għall-annimali bovini għal inqas sebat ijiem wara d-data meta l-annimali huma mdaħħla fil-mergħa.”

Id-Deċiżjoni 2010/300

17

Il-premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2010/300 jipprovdu:

“(5)

Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-annimali, li jiġu spustati minn azjendi differenti għall-istess żona muntanjuża ta’ mergħat għas-sajf, jaslu hemm fuq perjodu ta’ iktar minn sebat ijiem. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, il-limiti ta’ żmien fid-Deċiżjoni 2001/672/KE għandhom għalhekk jiġu adattati sabiex jittieħed kont ta’ dak il-fatt prattiku mingħajr ma tkun kompromessa t-traċċabilità.

(6)

Id-Deċiżjoni 2001/672/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.”

18

Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni, l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, fil-verżjoni inzjali tagħha, ġie emendat kif ġej:

“L-informazzjoni li tinsab fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi riportata lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 fil-15-il jum wara d-data ta’ meta l-annimali kienu ttieħdu fil-mergħa.”

Id-dritt Awstrijak

19

It-Taqsima 3 tal-Verordnung des Bundesministers für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft über Direktzahlungen im Rahmen der gemeinsamen Agrarpolitik (ir-Regolament tal-Ministru għall-Agrikoltura dwar pagamenti diretti fi ħdan il-politika agrikola komuni) (BGBl. II no 491/2009), intitolata “Primjum għall-baqar li jreddgħu u primjum għall-baqar tal-ħalib”, tipprevedi:

“Applikazzjoni

§ 12. L-informazzjoni tad-database elettronika għall-annimali tal-ifrat li tikkonċerna t-trobbija ta’ baqar li jreddgħu u ta’ erieħ titqies bħala applikazzjoni għal primjum għall-baqar li jreddgħu tal-bidwi.

Dispożizzjonijiet komuni

§ 13. (1) jitqies bħala applikant il-bidwi li jrabbi baqar li jreddgħu, erieħ jew baqar tal-ħalib eliġibbli fl-1 ta’ Jannar, fis-16 ta’ Marzu jew fl-10 ta’ April [tas-sena kkunsidrata], u li jkun ippreżenta, għas-sena kkunsidrata, applikazzjoni unika għall-impriża tiegħu.

[…]”

20

L-Artikolu 6 tal-Verordnung des Bundesministers für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft über die Kennzeichnung und Registrierung von Rindern (ir-Regolament tal-Ministru għall-Agrikoltura, dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat) (BGBl II Nru °201/2008 fil-verżjoni tal-BGBl. II Nru° 66/2010), intitolat “Notifiki mingħand min irabbi”, jipprovdi:

“(1)   Hemm lok li jiġu nnotifikati, f’terminu ta’ sebat ijiem:

1.

Il-movimenti ta’ annimali ġewwa jew barra mill-impriża

[…]

3.   il-movimenti ta’ annimali lejn mergħat/mergħat fil-muntanji, meta dan iwassal għal taħlita ta’ annimali tal-ifrat li jappartjenu lil diversi persuni li jrabbu.

4.   il-movimenti lejn mergħat/mergħat fil-muntan ji ta’ komun ieħor, meta l-mergħat/mergħat fil-muntanji għandhom in-numru ta’ identifikazzjoni tagħhom stess...

[…]

(5)   in-notifika ta’ mergħat fil-muntanji/mergħat għandha ssir permezz tal-użu ta’ formola maħruġa mill-AMA u tiġi trażmessa bil-posta jew bl-internet lill-AMA. In-notifiki l-oħra previsti fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom jiġu trażmessi lill-AMA bit-telefon, bil-miktub jew permezz tal-internet, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1).

(6)   Għall-finijiet ta’ osservanza tat-terminu, id-data ta’ riċezzjoni titqies bħala determinanti.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012, il-Vorstand für den Geschäftsbereich II der Agrarmarkt Austria (organu stralċjarju) ta lil EP Agrarhandel, għas-sena kalendarja 2011, primjums għall-annimali tal-ifrat għal ammont totali ta’ EUR 398.80. Madankollu, dan irrifjuta li jagħti, għal din l-istess sena, primjums għal ċerti annimali tal-ifrat.

22

EP Agrarhandel ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Ministru għall-Agrikoltura. Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2013, dan ċaħad dan ir-rikors minħabba li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ notifika jew ta’ notifika żbaljata jew tardiva fid-database dwar l-annimali tal-ifrat tal-informazzjoni rilevanti għall-għoti tal-primjums, l-annimal ma jitqiesx bħala “bhima determinata” fis-sens tal-Artikolu 2(24) tar-Regolament Nru 1122/2009, u li ebda primjum ma jista’ jingħata peress li n-notifika tardiva ma saritx qabel il-bidu tal-perijodu ta’ żamma.

23

Il-Ministru għall-Agrikoltura jfakkar li n-notifika li tikkonċerna 37 baqra u 6 erieħ ikkonċernati ma kinitx irċevuta fit-terminu ta’ ħmistax-il jum stabbilit fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, b’tali mod li l-primjum għall-baqar li jreddgħu ma setax jitħallas għal dawn l-annimali, indipendentement min-numru ta’ ġranet ta’ servizz postali. Fil-fatt, il-moviment ta’ dawn l-annimali seħħ fis-17 ta’ Ġunju 2011 u n-notifika ġiet irċevuta mill-awtorità kompetenti fis-7 ta’ Lulju 2011.

24

EP Agrarhandel ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672 ma jagħmilx riferiment għar-“riċezzjoni” tan-notifika tal-moviment ta’ annimali tal-ifrat iddestinati sabiex jirgħu u li l-għoti tan-notifika bil-posta seħħ fl-aħħar jum tat-terminu ta’ ħmistax-il jum previst minn din id-dispożizzjoni u li għalhekk seħħ fit-termini imposti.

25

Bil-kontra, hija tqis li kieku kellu jiġi kkunsidrat li t-terminu inkwistjoni ma kienx ġie osservat, is-sanzjoni adottata, jiġifieri t-telf tal-primjum li jikkonċerna l-baqar u l-erieħ ikkonċernati, unikament peress li n-notifika, li barra minn hekk il-kontenut tagħha huwa preċiż, ġiet irċevuta b’xi ġranet dewmien minħabba titwil tat-terminu tas-servizz postali, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni [2001/672] jippekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħalma huwa l-[Artikolu] 6(6) tal-Ministru tal-Agrikoltura, dwar l-identifikazzjoni tal-annimali bovini, li, fir-rigward tal-konformità mat-termini kollha koperti minn din id-dispożizzjoni – u għaldaqstant anki fir-rigward tan-notifika ta’ moviment lejn mergħa tas-sajf – tqis l-irċevuta tan-notifika rilevanti bħala l-fattur determinanti?

2)

X’effett għandu t-tieni paragrafu tal-Artikolu 117 tar-Regolament Nru 73/2009 fuq l-eliġibbiltà għal primjum għal annimali bovini li l-moviment tagħhom lejn mergħa tas-sajf ikun ġie innotifikat tard fis-sens tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni [2001/672]?

3)

Jekk in-notifika tard ta’ moviment lejn mergħa tas-sajf taħt it-tieni pararafu tal-Artikolu 117 tar-Regolament Nru 73/2009 ma tirriżultax fit-telf tal-eliġibbiltà għal primjum, jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet għal tali notifika tard?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonali nazzjonali li skont din, għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu ta’ notifika tal-movimenti lejn mergħat tas-sajf, id-data ta’ riċezzjoni tan-notifika titqies bħala dik determinanti.

28

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 111(1) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprevedi l-benefiċċju ta’ primjum imsejjaħ “primjum għall-baqar li jreddgħu” għal kull bidwi li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 111.

29

Skont l-Artikolu 117 ta’ dan ir-regolament, jistgħu jibbenefikaw minn tali primjum unikament l-annimali identifikati u rreġistrati konformement mar-Regolament Nru 1760/2000.

30

Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat, it-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 jipprovdi li kull trasportatur “jirrapporta lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-impriża u t-twelid u l-imwiet kollha tal-bhejjem fuq l-impriża, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu taż-żmien stabbilit mill-Istat Membru ta’ bejn tlieta jew sebat ijiem minn meta jkun ġara l-avveniment. Madanollu, fuq it-talba ta’ Stat Membru u skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu taż-żmien u jipprovdu regoli speċjali li japplikaw għall-moviment tal-bhejjem tal-fart meta jinħarġu għall-mergħa tas-sajf f’erji muntanjużi differenti.”

31

Id-Deċiżjoni 2001/672 tipprevedi, fl-Artikolu 2(4) tagħha li l-informazzjoni li għandha tidher fil-lista ta’ annimali tal-ifrat li jistgħu jiċċaqilqu lejn il-mergħat hija “riportata lill-awtorità kompetenti […] fil-15-il jum wara d-data ta’ meta l-annimali kienu ttieħdu fil-mergħa”.

32

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk dan it-terminu għandux jitqies bħala li huwa terminu ta’ riċezzjoni jew terminu ta’ spedizzjoni tal-informazzjoni meħtieġa. Fl-ewwel każ, din għandha tkun ġiet irċevuta mill-awtorità kompetenti mhux iktar tard minn ħmistax-il jum wara l-moviment tal-annimali tal-ifrat, u fit-tieni każ, din għandha tkun ġiet spedita qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

33

Għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, tindika li l-informazzjoni hija “riportata” lill-awtorità nazzjonali kompetenti, mhux iktar tard minn ħmistax-il jum wara l-wasla tal-annimali fil-mergħat. Minn tali formulazzjonijiet jirriżulta li l-informazzjoni għandha tiġi spedita qabel l-iskadenza tat-terminu impost (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ April 2004, Borgmann, C‑1/02, EU:C:2004:202, punt 23).

34

Madankollu, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, it-termini użati għandhom natura ġenerali u għalhekk jistgħu jiġu interpretati b’mod differenti.

35

Minbarra dan, il-verżjoni fil-lingwa Portugiża tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672 tipprevedi li l-informazzjoni għandha tiġi nnotifikata f’terminu ta’ ħmistax-il jum li jiddekorri mill-moviment tal-annimali lejn il-mergħat u mhux sa l-iktar tard ħmistax-il jum wara l-wasla tagħhom.

36

Issa, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont il-kuntest u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tas-26 ta’ April 2012, DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessi 4 sa 7 tar-Regolament Nru 1760/2000, li fuq il-bażi tiegħu l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672 huwa bbażat, li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex ittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-kwalità tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti mil-laħam taċ-ċanga, li tinżamm il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u li tissaħħaħ fit-tul l-istabbiltà tas-suq tal-laħam taċ-ċanga.

38

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 41 tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296), dwar il-primjums għall-qatla ta’ annimali tal-ifrat, li, sabiex dawn l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu, huwa indispensabbli li s-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat tkun totalment effettiva u affidabbli f’kull mument, sabiex, b’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jindividwaw malajr kemm jista’ jkun, fil-każ ta’ epiżootija, il-provenjenza ta’ annimal u li jittieħdu immedjatament il-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju għas-saħħa pubblika. Dan ma jistax ikun il-każ jekk min iżomm l-annimali ma jinnotifikax il-movimenti tal-annimali tal-ifrat tiegħu f’database elettronika fit-terminu stabbilit fit-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000.

39

Madankollu, hemm lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, in-notifika tal-moviment għal destinazzjoni u ta’ provenjenza mill-impriża ta’ annimali li għandha natura kostituttiva fundamentali għall-bhejjem u importanza partikolari għat-traċċar ta’ annimali f’każ ta’ qtil, peress li dawn l-annimali huma ddestinati għal konsum immedjat, u, min-naħa l-oħra, is-sempliċi reġistrazzjoni tal-moviment ta’ annimali għal destinazzjoni u ta’ provenjenza minn mergħat, li ma tqajjimx dubju dwar l-appartenenza tal-annimali għall-impriża u ma tikkostitwixxix stadju li jippreċedi direttament il-konsum.

40

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li t-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu t-terminu massimu taż-żmien u jipprovdu regoli speċjali li japplikaw għall-movimenti tal-annimali tal-ifrat meta jinħarġu għall-mergħa tas-sajf f’postijiet muntanjużi differenti. Id-Deċiżjoni 2001/672 tipprevedi tali deroga għat-terminu previst f’din id-dispożizzjoni.

41

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, fil-verżjoni inizjali tiegħu, ċertament kien jipprevedi li l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan il-paragrafu kellha tiġi “introdotta fid-database għall-annimali bovini għal inqas sebat ijiem wara d-data meta l-annimali huma mdaħħla fil-mergħa”. Għalhekk minn dan jirriżulta li din l-informazzjoni ma setgħetx titqies bħala ġiet introdotta ħlief meta kienet ġiet effettivament irreġistrata f’din id-database. Għalhekk ma kienx suffiċjenti li n-notifika kienet ġiet fdata lis-servizzi postali fit-terminu impost (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Toeters u Verberk, C‑171/03, EU:C:2004:714, punt 43).

42

Madankollu, il-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2010/300 tippreċiża li taħt ċerti ċirkustanzi, l-annimali li jiġu spustati minn impriżi differenti lejn l-istess mergħa tas-sajf li tinsab fil-muntanja u li jaslu hemmhekk fuq perijodu ta’ iktar minn sebat ijiem u sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, it-termini previsti mid-Deċiżjoni 2001/672/KE fil-verżjoni inizjali tagħha għandhom għalhekk jiġu adattati sabiex jittieħed kont ta’ din ir-realtà mingħajr ma tkun kompromessa t-traċċabbiltà.

43

Għalhekk, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-emenda tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-terminu previst f’din id-dispożizzjoni ġie osservat meta l-informazzjoni meħtieġa tkun intbagħtet lill-awtorità kompetenti mhux iktar tard minn ħmistax-il jum wara l-wasla tal-annimali fil-mergħat.

44

F’dan ir-rigward, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, approċċ iktar restrittiv li jeħtieġ li r-riċezzjoni tan-notifika mill-awtorità kompetenti tkun seħħet fit-terminu impost imur kontra l-għan ta’ estensjoni u ta’ flessibbiltà tat-terminu ta’ komunikazzjoni.

45

Għalhekk, la l-kuntest u lanqas l-iskop tar-Regolament Nru 1760/2000 u tad-Deċiżjoni 2001/672 ma jipprekludu li t-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinftiehem bħala terminu ta’ spedizzjoni bil-konsegwenza li, skont il-każ, l-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa ma tasalx għand l-awtorita kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ħlief xi ġranet wara t-terminu impost.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel domanda tiġi risposta li l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu ta’ notifika tal-movimenti b’destinazzjoni lejn mergħat tas-sajf, id-data ta’ riċezzjoni tan-notifika titqies bħala dik determinanti.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

47

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE tal-20 ta’ Awwissu 2001 li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall-movimenti ta’ annimali bovini meta mqegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/300/UE tal-25 ta’ Mejju 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu ta’ notifika tal-movimenti b’destinazzjoni lejn mergħat tas-sajf, id-data ta’ riċezzjoni tan-notifika titqies bħala dik determinanti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.

Top