Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0551

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Marzu 2018.
J. Klein Schiphorst vs Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 7, 63 u 64 – Benefiċċji tal-qgħad – Persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor – Żamma tad-dritt għall-benefiċċji – Tul taż-żmien.
Kawża C-551/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:200

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Marzu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 7, 63 u 64 – Benefiċċji tal-qgħad – Persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor – Żamma tad-dritt għall-benefiċċji – Tul taż-żmien”

Fil-Kawża C-551/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), b’deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

J. Klein Schiphorst

vs

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen, minn J. Hut, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn L. Noort u K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn M. Wolff kif ukoll minn C. Thorning u J. Nymann-Lindegren, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz u H. Shev kif ukoll minn L. Swedenborg u F. Bergius, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn K. Moen u D. Lund, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Klein Schiphorst u r-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni tal-Istitut tal-Immaniġġar tal-Assigurazzjonijiet għal Ħaddiema Impjegati, il-Pajjiżi l-Baxxi), dwar iċ-ċaħda tat-talba tiegħu għall-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċju tal-qgħad tiegħu lil hinn minn tliet xhur.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

Il-Ftehim KE-Svizzera

3

L-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni ta’ seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”), jipprovdi:

“B’mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu, skond l-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li:

[…]

(b)

tiġi ddeterminata l-leġislazzjoni applikabbli;

[…]

(d)

jitħallsu l-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti;

[…]”

4

L-Artikolu 1 tal-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, tal-31 ta’ Marzu 2012 (ĠU 2012, L 103, p. 51), jipprevedi:

“1.   Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti legali tal-Unjoni Ewropea li għalihom qiegħda ssir referenza u kif emendati, bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness, jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.   It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea.”

5

It-Sezzjoni A tal-imsemmi anness tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għar-Regolament Nru 883/2004.

Ir-Regolament Nru 883/2004

6

Il-premessi 3, 4, 32, u 45 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdu:

“(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali fir-rigward ta’ persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità kien emendat u aġġornat diversi drabi sabiex jirrifletti mhux biss żviluppi fuq livell Komunitarju, inklużi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll bidliet fil-leġislazzjoni fuq livell nazzjonali. Dawn il-fatturi ikkontribwixxew biex jagħmlu r-regoli Komunitarji dwar il-kordinazzjoni komplikati u li jieħdu ż-żmien. Għaldaqstant, sabiex jintlaħaq l-għan tal-moviment liberu tal-persuni, huwa essenzali li dawn ir-regoli jinbidlu billi jkunu immodernizzati u simplifikati.

(4)

Huwa neċessarju li l-karatteristiċi speċjali ta’ leġislazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali jkunu rispettati u li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni.

[…]

(32)

Sabiex tkun inkoraġġita l-mobilità ta’ ħaddiema, huwa xieraq li, b’mod partikolari, tkun faċilitata t-tfittxija għal impjieg fid-diversi Stati Membri; għaldaqstant, huwa meħtieġ li tkun assigurata koperazzjoni aktar fil-qrib u aktar effettiva bejn l-iskemi ta’ assigurazzjoni għal meta persuna ma tkunx impjegata u s-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istati Membri kollha.

(45)

Minħabba li l-objettiv ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-miżuri ta’ kordinazzjoni sabiex jiggarantixxu li d-dritt ta’ moviment liberu ta’ persuni jkun jista’ jiġi eżerċitat b’mod effettiv, ma jistax jintlaħaq kif suppost mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-livell u l-effetti ta’ dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan il-Regolament ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv”.

7

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

8

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

(h)

benefiċċji mogħtija lil persuni li ma jkunux impjegati;

[…]”

9

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rinunzja [tneħħija] ta’ regoli dwar ir-residenza”, jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji.”

10

L-Artikolu 63 tal-istess regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali għat-tneħħija tar-regoli [tal-klawżoli] dwar ir-residenza”, jipprovdi:

“Għall-fini ta’ dan il-Kapitolu, l-Artikolu 7 għandu japplika biss f’każijiet previsti mill-Artikoli 64, 65 u 65a u fil-limiti preskritti fihom.”

11

L-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni li mhumiex impjegati li jmorru fi Stat Membru ieħor”, jipprevedi:

“1.   Jekk persuna li ma għandha l-ebda impjieg u li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti biex tkun intitolata għal benefiċċji, tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg hemmhekk, din il-persuna għandha tibqa’ intitolata għal benefiċċji li jingħataw fi flus meta persuna ma tkunx impjegata, iżda dan bil-kondizzjonijiet u fil-limiti li ġejjin:

[…]

(ċ)

il-persuna għandha tibqa’ intitolata għal benefiċċji għal perjodu ta’ tlett xhur mill-jum li fih ma baqgħetx disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istat Membru minn fejn telqet, u dan bil-kondizzjoni li l-perjodu totali li matulu ingħataw benefiċċji ma jaqbiżx it-tul totali tal-perjodu li matulu din il-persuna hija intitolata għal benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru; is-servizzi jew l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jtawwlu l-perjodu ta’ tlett xhur għal massimu ta’ sitt xhur;

[…]

2.   Jekk il-persuna konċernata tmur lura lejn l-Istat Membru fil-jum jew qabel il-jum li jispiċċa l-perjodu li matulu kienet intitolata għal benefiċċji taħt il-paragrafu 1(c), hija għandha tibqa’ intitolata għal benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. Din il-persuna iżda ma tibqax intitolata għal benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti jekk ma tmurx lura lejn dak l-Istat fil-jum jew qabel il-jum li fih jispiċċa l-perjodu msemmi, sakemm id-disposizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni ma jkunux aktar favorevoli. F’każijiet eċċezzjonali, is-servizzi jew l-istituzzjonijiet kompetenti jistgħu jagħtu permess lill-persuna konċernata biex tmur lura f’data wara li jispiċċa l-perjodu msemmi u xorta tibqa’ intitolata għal benefiċċji.

[…]”

Id-dritt Olandiż

12

L-Artikolu 3:4 tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Kodiċi Amministrattiv) jipprovdi:

“1.   Il-korp amministrattiv għandu jsib bilanċ bejn l-interessi direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġi u min-natura tal-kompetenza li għandha tiġi eżerċitata.

2.   L-effetti negattivi ta’ deċiżjoni għal persuna kkonċernata waħda jew għal diversi persuni kkonċernati ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet imfittxija mid-deċiżjoni.”

13

Skont l-Artikolu 19(1)(e) tal-Werkloosheidswet (il-Liġi dwar il-qgħad, iktar ’il quddiem il-“WW”), il-ħaddiem li jirrisjedi jew joqgħod barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, għal raġunijiet oħra minbarra l-vaganzi, ma għandux dritt għall-benefiċċji.

14

Skont l-Artikolu 19(9) u (10) tal-WW:

“9.   B’deroga għall paragrafu (1)(e), id-dritt għall-benefiċċji jinżamm fir-rigward tal-ħaddiem li jirrisjedi jew joqgħod barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, għal raġunijiet oħra minbarra l-vaganzi, jekk matul dan is-soġġorn huwa jipparteċipa f’attivitajiet li jaffavorixxu l-integrazzjoni professjonali tiegħu fis-sens tal-Kapitoli VI u XA, sakemm:

a.

l-attivitajiet ma jdumux iktar minn sitt xhur;

b.

dikjarazzjoni ta’ intenzjoni turi li huma joffru prospettiva reali ta’ impjieg sussegwenti ta’ mill-inqas sitt xhur; u

c.

li huma jitwettqu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fi Stat ieħor li jkun parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew fl-Isvizzera.

10.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, il-frażi ‘dikjarazzjoni ta’ intenzjoni’ tfisser: dikjarazzjoni ffirmata li fiha l-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni tindika li hija għandha l-intenzjoni li timpjega ħaddiem li jipparteċipa f’attivitajiet li jiffavorixxu l-integrazzjoni professjonali tiegħu, imsemmija fil-Kapitoli VI u XA, fit-tmiem ta’ dawn l-attivitajiet.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Filwaqt li kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn huwa kien jibbenefika, mit-2 ta’ Mejju 2011, minn benefiċċji tal-qgħad skont il-WW, fid-19 ta’ Lulju 2012, J. Klein Schiphorst, ċittadin Olandiż, informa lill-Istitut tal-Immaniġġar tal-Assigurazzjonijiet għal Ħaddiema Impjegati (iktar ’il quddiem il-“Uwv”) li huwa kellu l-intenzjoni li jmur l-Isvizzera sabiex ifittex impjieg u talab għal dan il-għan iż-żamma tad-drittijiet tiegħu għall-benefiċċji tal-qgħad.

16

B’deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2012, l-Uwv laqa’ t-talba ta’ J. Klein Schiphorst għall-perijodu bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u t-30 ta’ Novembru 2012.

17

Permezz ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Novembru 2012, J. Klein Schiphorst talab lill-Uwv, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 883/2004, l-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad tiegħu lil hinn minn tliet xhur.

18

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ Novembru 2012 u tas-16 ta’ Jannar 2013, l-Uwv ċaħad l-imsemmija talba kif ukoll l-ilment ippreżentat kontra din iċ-ċaħda. F’din l-aħħar deċiżjoni, l-Uwv spjega li ma kienx juża l-fakultà mogħtija lid-dipartimenti jew lill-istituzzjonijiet kompetenti mill-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 għall-estensjoni sa massimu ta’ sitt xhur tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad.

19

B’sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2013, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn J. Klein Schiphorst kontra d-deċiżjoni tal-Uwv tas-16 ta’ Jannar 2013, minħabba li dan tal-aħħar ma mmotivax b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għaliex huwa ma kienx jeżerċita tali fakultà.

20

B’deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2013, l-Uwv iddikjara mill-ġdid infondat l-ilment ta’ J. Klein Schiphorst kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2012. Peress li kien jikkunsidra l-possibbiltajiet li jinsab impjieg kienu ġeneralment ikbar fil-Pajjiżi l-Baxxi milli f’pajjiżi oħra, l-Uwv irrileva li bħala prinċipju huwa ma kienx jestendi l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad wara l-perijodu ta’ tliet xhur, skont l-istruzzjonijiet tal-Minister van Sociale zaken en Werkgelegenheid (il-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u għall-Impjieg, il-Pajjiżi l-Baxxi). F’dan il-kuntest, l-Uwv qies li l-inizjattivi ta’ J. Klein Schiphorst sabiex isib impjieg fl-Isvizzera u ċ-ċirkustanzi invokati minnu ma kinux ta’ natura li jiġi kkunsidrat li ma kienx raġonevoli, f’dan il-każ, li jimxi ma’ tali prinċipju.

21

B’sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn J. Klein Schiphorst kontra d-deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2013. Din il-qorti kkunsidrat li, fid-dawl tan-natura diskrezzjonali tal-fakultà msemmija fl-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Uwv kellu jimplementa din il-fakultà skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali.

22

J. Klein Schiphorst appella minn din l-aħħar sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi).

23

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tad-deċiżjoni tal-Uwv li permezz tagħha huwa rrifjuta li juża għall-benefiċċju ta’ J. Klein Schiphorst il-fakultà mogħtija lid-dipartimenti u lill-istituzzjonijiet kompetenti mit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 li t-tul tal-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad jiġi estiż lil hinn minn tliet xhur.

24

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, dwar il-punt jekk l-Istati Membri humiex awtorizzati li ma jużawx din il-fakultà fl-ebda ċirkustanza. Fil-każ ta’ risposta negattiva, din il-qorti tikkunsidra li jkun għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-iskop u tal-għan tar-Regolament Nru 883/2004, minkejja l-projbizzjoni ta’ klawżola ta’ residenza jew tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħux, bħala prinċipju, jirrifjutaw li jeżerċitaw l-imsemmija fakultà u sempliċement jagħmlu użu minnha b’mod konkret f’ċirkustanzi partikolari biss. Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ risposta negattiva oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’liema mod l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn din l-istess fakultà.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 64(1), initio u punt (ċ), tar-Regolament Nru 883/2004 tista’ tiġi eżerċitata, fid-dawl tal-Artikoli 63 u 7 [ta’ dan ir-regolament], tal-għan u tal-iskop [tal-imsemmi] regolament kif ukoll tal-moviment liberu tal-persuni u tal-ħaddiema, billi bħala prinċipju tiġi rrifjutata kull talba għall-estensjoni tat-tul tal-esportazzjoni ta’ benefiċċji tal-qgħad, sakemm il-Uwv […] ma jqisx li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, pereżempju l-eżistenza ta’ prospettivi konkreti u perċettibbli ta’ impjieg, ma jippermettulux li raġonevolment jirrifjuta li jestendi t-tul tal-esportazzjoni?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda:

(2)

Kif għandhom l-Istati Membri jeżerċitaw il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 64(1), initio u punt (ċ), tar-Regolament Nru 883/2004?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

26

Id-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, b’mod partikolari tal-Artikolu 64 tiegħu, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom persuna kompletament qiegħda li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex tkun intitolata għall-benefiċċji u li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg iżżomm id-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad inkwistjoni.

27

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda ż-żamma ta’ dritt għall-benefiċċji tal-qgħad ta’ ċittadin Olandiż li ma marx fi Stat Membru ieħor, iżda fi Stat terz, jiġifieri fil-Konfederazzjoni Svizzera, sabiex fih ifittex impjieg.

28

Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera, il-partijiet kontraenti jirregolaw, skont l-Anness II tal-imsemmi ftehim, il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bl-għan li jiggarantixxu, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u l-ħlas tal-benefiċċji lill-persuni residenti fit-territorju tal-partijiet kontraenti. Issa, il-punt 1, tas-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim KE-Svizzera jipprevedi l-applikazzjoni, bejn il-partijiet kontraenti, tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk, u peress li, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi anness, “[i]t-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ inkluż fl-atti legali msemmija fis-sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandu jinftiehem li jinkludi lill-Isvizzera flimkien mal-Istati koperti mill-atti legali rilevanti tal-Unjoni Ewropea”, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ikopru wkoll il-Konfederazzjoni Svizzera.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin ta’ Stat Membru suġġett għal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-benefiċċji tal-qgħad u li jmur l-Isvizzera sabiex ifittex impjieg, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004.

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta bħala prinċipju kull talba għal estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tikkunsidrax li r-rifjut ta’ din it-talba jwassal għal riżultat mhux raġonevoli.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 4 u 45 tar-Regolament Nru 883/2004, l-għan tiegħu huwa li jikkoordina s-sistemi tas-sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. Dan ir-regolament wettaq modernizzazzjoni u semplifikazzjoni tar-regoli inklużi fir-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li jżomm l-istess għan ta’ dan tal-aħħar.

32

Kif jirriżulta mill-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 883/2004, il-persuna kompletament qiegħda li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex tkun intitolata għall-benefiċċji u li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg iżżomm id-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad inkwistjoni taħt il-kundizzjonijiet u fil-limiti elenkati f’din id-dispożizzjoni.

33

B’mod partikolari, l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jipprevedi li d-dritt għall-benefiċċji għandu “[j]ibqa’” matul perijodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-persuna qiegħda ma baqgħetx disponibbli għas-servizzi tal-impjieg tal-Istat Membru minn fejn telqet, u dan bil-kundizzjoni li l-perijodu totali li matulu jingħataw benefiċċji ma jaqbiżx it-tul totali tal-perijodu li matulu din il-persuna hija intitolata għal benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. It-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tal-imsemmi regolament jgħid, għall-kuntrarju, li d-dipartimenti jew l-istituzzjonijiet kompetenti “jistgħu” jestendu dan il-perijodu ta’ tliet xhur sa massimu ta’ sitt xhur.

34

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C-554/14, EU:C:2016:835, punt 31).

35

Fir-rigward tal-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta b’mod ċar minnha li d-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad huwa żgurat għal perijodu ta’ tliet xhur lil persuna kompletament qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1408/71, li hija d-dispożizzjoni preċedenti għall-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 883/2004, li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet kienet tagħti lill-ħaddiem qiegħed il-fakultà għal perijodu determinat li jeżenta ruħu mill-obbligu, impost minn diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, li jagħmel lilu nnifsu disponibbli għas-servizzi tal-impjieg tal-Istat Membru kompetenti, mingħajr ma jitlef id-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad fil-konfront ta’ dan l-Istat (sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1980, Testa et, 41/79, 121/79 u 796/79, EU:C:1980:163, punt 4, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2002, Rydergård, C-215/00, EU:C:2002:111, punt 17).

36

Fir-rigward tat-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, din tipprovdi li d-dipartimenti jew l-istituzzjonijiet kompetenti “jistgħu” jestendu dan il-perijodu ta’ tliet xhur sa massimu ta’ sitt xhur.

37

F’dan ir-rigward, kif irrilevat mill-Gvern Olandiż, minn dak Daniż, minn dak Svediż u minn dak Norveġiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, mill-użu tal-kelma “jistgħu” jirriżulta li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-istituzzjonijiet kompetenti li jestendu sa massimu ta’ sitt xhur il-perijodu li matulu l-benefiċċji tal-qgħad miġbura minn persuna kompletament qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg jinżammu.

38

Barra minn hekk, kif il-partijiet intervenjenti kollha speċifikaw matul is-seduta, ix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni juru, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni intiża sabiex jagħmel obbligatorju perijodu ta’ esportazzjoni ta’ tul ta’ sitt xhur ikun vinkolanti ma ġietx aċċettata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-Istati Membri, sussegwentement, fl-aħħar laħqu ftehim fuq il-formulazzjoni li tikkostitwixxi t-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ), tar-Regolament Nru 883/2004.

39

Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-benefiċċji tal-qgħad jingħataw mill-istituzzjoni kompetenti skont il-leġiżlazzjoni applikata minnha, skont l-Artikolu 64(1)(d) ta’ dan ir-regolament.

40

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 64(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, jekk il-persuna kkonċernata ma tirritornax fl-Istat Membru kompetenti fl-iskadenza jew qabel it-tmiem tal-perijodu li matulu hija intitolata għall-benefiċċji skont l-Artikolu 64(1)(ċ) tal-istess regolament, jiġifieri, tliet xhur jew, jekk ikun il-każ, jekk dan il-perijodu jiġi estiż mill-istituzzjonijiet kompetenti, sa massimu ta’ sitt xhur, hija titlef kull dritt għal benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti, għalkemm l-imsemmija istituzzjonijiet jistgħu madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, jawtorizzaw lill-persuna kkonċernata tirritorna f’data ulterjuri mingħajr telf tad-dritt tagħha.

41

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tippermetti b’mod partikolari lill-istituzzjonijiet kompetenti li jestendu, f’“każijiet eċċezzjonali”, il-perijodu ta’ tliet xhur li matulu l-persuna kkonċernata hija intitolata għall-benefiċċji sabiex jiġi evitat li t-telf ta’ kull dritt għal benefiċċji fil-każ ta’ ritorn wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu jwassal għal riżultati sproporzjonati. Tali possibbiltà tikkonferma li l-perijodu ta’ skadenza tal-benefiċċji tal-qgħad jista’ jiġi limitat għal tliet xhur, peress li l-istituzzjonijiet kompetenti ma humiex obbligati mit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 li jagħtu estensjoni tiegħu sa massimu ta’ sitt xhur.

42

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li r-Regolament Nru 883/2004 ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom persuna kompletament qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg tista’ tibbenefika mill-estensjoni tal-imsemmi perijodu lil hinn minn tliet xhur.

43

Fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 883/2004, kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jikkoordina s-sistema ta’ sigurtà soċjali fis-seħħ fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan ir-regolament ma jistabbilixxix sistema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu sistemi nazzjonali distinti u għandu bħala uniku għan tiegħu li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-persuni. L-imsemmi regolament iħalli għalhekk ikomplu jeżistu sistemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom persuna għandha drittijiet diretti jew biss skont id-dritt intern, jew skont id-dritt intern flimkien, jekk meħtieġ, mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C-140/12, EU:C:2013:565, punt 43, u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-308/14, EU:C:2016:436, punt 67).

45

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt għaż-żamma tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur jikkontribwixxi għall-assigurazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 1980, Testa et, 41/79, 121/79 u 796/79, EU:C:1980:163, punt 14). Issa, tali konklużjoni tapplika wkoll fir-rigward tar-Regolament Nru 883/2004, sa fejn dan, minbarra li jiżgura l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur, jippermetti wkoll l-estensjoni ta’ dan il-perijodu sa massimu ta’ sitt xhur.

46

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 jiżgura l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad matul perijodu ta’ tliet xhur biss, filwaqt li jippermetti, madankollu, skont id-dritt nazzjonali, l-estensjoni tal-imsemmi perijodu sa massimu ta’ sitt xhur.

47

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza li għalih tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004.

48

Fil-fatt, jirriżulta minn dan l-artikolu, b’mod partikolari mill-kliem “[s]akemm dan ir-[Regolament Nru 883/2004] ma jgħidx mod ieħor”, li dan ir-regolament jinkludi dispożizzjonijiet speċjali li jidderogaw mill-prinċipju tat-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, intitolat “[d]ispożizzjonijiet speċjali għat-tneħħija tar-regoli [tal-klawżoli] dwar ir-residenza”, li jipprevedi, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-persuna kompletament qiegħda li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti sabiex tkun intitolata għall-benefiċċji u li tmur fi Stat Membru ieħor, li t-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza tapplika biss fil-każijiet previsti fl-Artikolu 64 tal-istess regolament u fil-limiti stabbiliti fih.

49

Kif ġie sostnut mill-Gvern Daniż, minn dak Svediż u minn dak Norveġiż waqt is-seduta, mill-qari flimkien tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 63, kif ukoll tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta li l-esportabbiltà tal-benefiċċji tal-qgħad tal-persuna kompletament qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg hija żgurata, minn naħa, matul il-perijodu ta’ tliet xhur skont l-ewwel parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ), ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, matul il-perijodu ulterjuri sa massimu ta’ sitt xhur fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun ibbenefikat minn estensjoni tal-perijodu ta’ tliet xhur skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

50

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-differenzi eżistenti bejn is-sistemi u l-miżuri tal-Istati Membri li jkunu implementaw il-fakultà prevista msemmija fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet għal moviment liberu tal-ħaddiema, ladarba l-Artikolu 48 TFUE jipprevedi koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom, peress li d-differenzi sostantivi u proċedurali bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ kull Stat Membru u, għaldaqstant, fid-drittijiet tal-persuni affiljati għal dawn is-sistemi ma humiex effettwati minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C-208/07, EU:C:2009:455, punt 84, kif ukoll tal-11 ta’ April 2013, Jeltes et, C-443/11, EU:C:2013:224, punt 43).

51

Fir-rigward tal-kriterji li abbażi tagħhom l-istituzzjoni kompetenti tista’ testendi l-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad sa massimu ta’ sitt xhur, għandu jiġi enfasizzat li, meta, bħal f’din il-kawża, l-Istat Membru kkonċernat ikun eżerċita l-fakultà msemmija fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, huwa għandu, fl-assenza ta’ kriterji stabbilti minn dan ir-regolament, jadotta, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, miżuri nazzjonali li jistabbilixxu l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjoni kompetenti, b’mod partikolari billi jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li fihom l-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur u sa massimu ta’ sitt xhur għandha jew ma għandiex tingħata lil persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor sabiex tfittex impjieg.

52

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-ispeċifikazzjonijiet imwettqa mill-Gvern Olandiż waqt is-seduta jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien, għall-ewwel, irrinunzja milli jeżerċita l-fakultà pprovduta mit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004, fuq il-bażi ta’ istruzzjoni tal-Ministru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjieg ta’ Jannar 2011. Madankollu, sussegwentement, wara li, permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2013 mogħtija fil-kawża prinċipali, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam) ikkunsidrat li ċ-ċaħda ta’ talba għal estensjoni lil hinn minn tliet xhur tal-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad għandha tkun immotivata, l-Uwv iddeċieda, filwaqt li jinżamm il-prinċipju li talba ta’ din in-natura ma tistax tintlaqa’, li ċirkustanzi partikolari għall-każ ikkonċernat, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ prospettivi konkreti u perċettibbli ta’ impjieg, jistgħu jiġġustifikaw li tali talba tintlaqa’. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Uwv jikkunsidra li tali ċirkustanzi jeżistu meta l-persuna kkonċernata tkun fi proċess li jista’ jwassal f’impjieg u li jeżiġi l-estensjoni tas-soġġorn fl-Istat Membru ospitanti, jew li l-persuna kkonċernata tipprovdi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni minn persuna li timpjega li toffrilha prospettiva reali ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru.

53

F’tali ċirkustanzi, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, Stat Membru jibqa’ fil-limiti awtorizzati mid-dritt tal-Unjoni jekk huwa jadotta miżuri li abbażi tagħhom l-estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad sa massimu ta’ sitt xhur tista’ tingħata biss meta ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta bħala prinċipju kull talba ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tikkunsidrax li r-rifjut ta’ din it-talba jwassal għal riżultat mhux raġonevoli.

Fuq it-tieni domanda

55

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 64(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li tirrifjuta bħala prinċipju kull talba ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad lil hinn minn tliet xhur, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tikkunsidrax li r-rifjut ta’ din it-talba jwassal għal riżultat mhux raġonevoli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top