EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0516

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse eGen vs Agrarmarkt Austria.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Programm operattiv fis-settur tal-frott u l-ħaxix – Regolament (KE) Nru 1234/2007, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 361/2008 – Artikoli 103b, 103d u 103g – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 – Artikolu 60 u Anness IX, punt 23 – Investimenti magħmula fl-azjendi u/jew fl-istabbilimenti tal-organizzazzjoni ta’ produtturi – Kunċett – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali.
Kawża C-516/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1011

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Programm operattiv fis-settur tal-frott u l-ħaxix – Regolament (KE) Nru 1234/2007, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 361/2008 – Artikoli 103b, 103d u 103g – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 – Artikolu 60 u Anness IX, punt 23 – Investimenti magħmula fl-azjendi u/jew fl-istabbilimenti tal-organizzazzjoni ta’ produtturi – Kunċett – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali”

Fil-Kawża C‑516/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse eGen

vs

Agrarmarkt Austria,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse eGen, minn G. Burgstaller, Rechtsanwalt,

għal Agrarmarkt Austria, minn R. Leutner, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u K. Skelly kif ukoll minn A. Lewis, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 103c, tal-Artikolu 103d(2), u tal-Anness I, Partijiet IX u X, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008, tal-14 ta’ April 2008 (ĠU 2008, L 121, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1234/2007”), tal-Artikoli 65, 66 u 69 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU 2007, L 350, p. 1), tal-Artikolu 51(7), u tal-Artikoli 64, 65 u 68 sa 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU 2011, L 157, p. 1), kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Hija tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni u l-validità tal-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, il-validità tal-Artikolu 21(1)(i), u tal-Artikolu 52(6)(a), tar-Regolament Nru 1580/2007, kif ukoll il-validità tal-Artikolu 50(3)(d), u tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Erzeugerorganisation Tiefkühlgemüse eGen (iktar ’il quddiem “ETG”) u Agrarmarkt Austria (iktar ’il quddiem “AMA”), persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li taġixxi, b’mod partikolari, inkwantu aġenzija tal-pagamenti, rigward deċiżjoni li permezz tagħha AMA kkonstatat in-nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea ta’ investiment magħmul minn ETG u, konsegwentement, irrifjutat il-ħlas ta’ din l-għajnuna għas-sena 2014, sa fejn din kienet intalbet għal dan l-investiment, u eżiġiet ir-rimbors tal-għajnuna diġà rċevuta għal dan.

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1234/2007

3

It-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament Nru 1234/2007 jirrigwarda l-intervent fis-suq. Il-Kapitolu IV ta’ dan it-titolu jirrigwarda l-iskemi ta’ għajnuna u, f’dan il-kapitolu, is-Sezzjoni IVa, introdotta fir-Regolament Nru 1234/2007 permezz tar-Regolament Nru 361/2008, tirrigwarda l-għajnuna fis-settur tal-frott u l-ħaxix. Is-subsezzjoni II ta’ din is-Sezzjoni IVa hija intitolata “Fondi operattivi u programmi operattivi”. Hija tinkludi l-Artikoli 103b sa 103g tar-Regolament Nru 1234/2007.

4

L-Artikolu 103b ta’ dan ir-regolament, intitolat “Fondi operattivi”, jipprevedi:

“1.   L-organizzazzjonijiet tal-produturi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix jistgħu jistabbilixxu fond operattiv. Il-fond għandu jkun iffinanzjat permezz ta’:

a)

kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ membri jew ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha;

b)

għajnuna finanzjarja [tal-Unjoni] li tista’ tingħata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

2.   Il-fondi operattivi għandhom jintużaw biss sabiex ikunu ffinanzjati programmi operattivi approvati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 103g.”

5

L-Artikolu 103c tar-Regolament Nru 1234/2007, intitolat “Fondi [programmi] operattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-programmi operattivi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix għandu jkollhom żewġ objettivi jew aktar minn dawk li jissemmew fl-Artikolu 122(c) jew mill-objettivi li ġejjin:

a)

ippjanar tal-produzzjoni,

b)

titjib tal-kwalità tal-prodott,

c)

titjib tal-valur kummerċjali tal-prodott,

d)

promozzjoni tal-prodotti, kemm jekk friski kif ukoll jekk ipproċessati,

e)

miżuri ambjentali u metodi ta’ produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent, inkluża l-biedja organika,

[…]”

6

L-Artikolu 103d ta’ dan ir-regolament, intitolat “Assistenza finanzjarja [tal-Unjoni]”, jipprevedi:

“1.   L-għajnuna finanzjarja [tal-Unjoni] għandha tkun daqs l-ammont tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li jissemmew fl-Artikolu 103b(1)(a) hekk kif tħallsu effettivament imma għandha tkun limitata għal 50 % tan-nefqa effettiva li saret.

2.   L-assistenza finanzjarja [tal-Unjoni] għandha jkollha limitu massimu ta’ 4,1 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kull organizzazzjoni tal-produtturi.

Madankollu, dak il-persentaġġ jista’ jiġi miżjud għal 4,6 % […] sakemm dak l-ammont li jeċċedi l-4,1 % […] jintuża biss għal miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.

[…]”

7

L-Artikolu 103g tal-imsemmi regolament jirrigwarda l-approvazzjoni ta’ programmi operattivi. Huwa jipprevedi:

“1.   L-abbozzi tal-programmi operattivi għandhom ikunu ppreżentati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li għandhom japprovawhom jew jiċħduhom jew jitolbu l-modifika tagħhom b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din is-subsezzjoni.

2.   L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-ammont stmat tal-fond operattiv għal kull sena u għalhekk għandhom iressqu raġunijiet xierqa ibbażati fuq stimi tal-programmi operattivi, fuq in-nefqa għas-sena attwali u possibbilment in-nefqa għas-snin preċedenti u, jekk ikun meħtieġ, fuq il-kwantitajiet ta’ produzzjoni stmati għas-sena ta’ wara.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-organizzazzjoni tal-produtturi jew lill-assoċjazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi bl-ammont stmat ta’ assistenza finanzjarja [tal-Unjoni] b’mod konformi mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 103d.

4.   Il-ħlasijiet ta’ assistenza finanzjarja [tal-Unjoni] għandhom isiru abbażi tan-nefqa li ssir għall-iskemi koperti mill-programm operattiv. Ħlasijiet bil-quddiem jistgħu jsiru fir-rigward ta’ l-istess skemi suġġetti għall-għoti ta’ garanzija jew sigurtà.

5.   L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tinnotifika lill-Istat Membru bl-ammont finali tan-nefqa għas-sena ta’ qabel, akkumpanjat mid-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa, sabiex tkun tista’ tirċievi l-bilanċ ta’ l-assistenza finanzjarja [tal-Unjoni].

[…]”

8

Fit-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament Nru 1234/2007, dwar ir-“[r]egoli dwar kummerċjalizzazzjoni u produzzjoni”, il-Kapitolu II huwa ddedikat għall-“[o]rganizzazzjonijiet ta’ produtturi, organizzazzjonijiet ta’ bejn fergħat, organizzazzjonijiet ta’ operaturi”. F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 122 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Organizzazzjonijiet ta’ produtturi”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu organizzazzjonijiet ta’ produtturi, li:

[…]

c)

isegwu għan speċifiku li jista’ b’mod partikolari, jew fir-rigward tas-settur tal-frott u tal-ħaxix għandu, jinkludi wieħed jew aktar mill-objettivi li ġejjin:

i)

l-iżgurar li l-produzzjoni hija ppjanata u aġġustata skond id-domanda, partikolament f’termini ta’ kwalità u ta’ kwantità;

ii)

il-konċentrazzjoni tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tagħha;

iii)

l-ottimizzazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet tal-produzzjoni.”

9

L-Anness I tar-Regolament Nru 1234/2007 huwa intitolat “Lista tal-prodotti msemmijin fl-Artikolu 1(1)”. Huwa jispeċifika, fil-Parti IX tiegħu, rigward il-frott u l-ħaxix, li dan ir-regolament ikopri fost l-oħrajn dawk li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 0709, indikati bħala “[ħ]axix ieħor, frisk jew imkessaħ, eskluż[i ċerti kategoriji ta’ bżar, żebbuġ u qamħ]”. Fil-Parti X tiegħu, dwar il-prodotti ta’ frott u ħaxix ipproċessati, dan l-anness jindika li dan ir-regolament ikopri fost l-oħrajn dawk li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 0710 indikati bħala “[v]eġetali (mhux imsajrin jew imsajrin bl-istim jew bit-togħlija fl-ilma), friżati, eskluż[i ċerti kategoriji ta’ qamħ, żebbuġ u bżar]”.

10

Ir-Regolament Nru 1234/2007 tħassar, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671). Madankollu, skont l-Artikolu 231(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, il-programmi pluriannwali kollha adottati qabel l-1 ta’ Jannar 2014 jkomplu jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1234/2007 sal-iskadenza tagħhom.

Ir-Regolament Nru 1580/2007

11

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1580/2007 jinkludi definizzjonijiet. Fil-paragrafu 1 tiegħu, huwa jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu [III, dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi]:

[…]

i)

‘ipproċessar ta’ l-ewwel stadju’: tfisser ipproċessar ta’ prodott ta’ frott jew ħxejjex fi prodott ieħor imniżżel fl-Anness I tat-Trattat [FUE]. Tindif, qtugħ, tirqim, tnixxif u ppakkjar ta’ prodotti friski għall-iskop tal-marketing ma għandux ikun meqjus bħala pproċessar ta’ l-ewwel stadju;

[…]”

12

Il-Kapitolu II ta’ dan it-Titolu III huwa intitolat “Fondi ta’ operazzjoni u programmi ta’ operazzjoni”. It-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu II, li tinkludi l-Artikoli 52 u 53 tal-imsemmi regolament, tirrigwarda l-“[v]alur ta’ produzzjoni mqiegħed fis-suq”. L-Artikolu 52, intitolat “Bażi għall-kalkolazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq għal organizzazzjoni tal-produtturi għandu jkun ikkalkulat fuq il-bazi tal-produzzjoni ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, li għaliha l-organizzazzjoni tal-produtturi hija rikonoxxuta.

[…]

6.   Il-produzzjoni mqiegħda fis-suq għandha tkun fatturata fl-istadju ta’ ‘organzzazzjoni mhix produttur’:

a)

fejn applikabbli, bħala prodott li huwa ppakkjat, ippreparat, jew li għadda minn l-ewwel stadju ta’ pproċessar;

[…]”

13

L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1580/2007 ġie emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 687/2010, tat-30 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 199, p. 12), li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 2010, u li introduċa sistema ġdida għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Din is-sistema ġdida għall-kalkolu ġiet irriprodotta fl-Artikolu 50 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

14

It-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1580/2007, li tinkludi l-Artikoli 57 sa 68 ta’ dan tal-aħħar, hija ddedikata għall-programmi operattivi. L-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontenuti ta’ programmi ta’ operazzjoni u spejjeż eliġibbli”, jispeċifika, fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu, li “[l]-investimenti jew azzjonijiet jistgħu jkunu implimentati fuq azzjonijiet [f’azjendi] individwali ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, [biss] sakemm jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-programm ta’ operazzjoni. Jekk il-membru jitlaq mill-organizzazzjoni tal-produtturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investiment jew il-valur residwu tiegħu ikun irkuprat, sakemm l-Istat Membru ma jipprovdix mod ieħor” u, fil-paragrafu 4 tiegħu, li “[i]l-programmi ta’ operazzjoni ma għandhomx jinkludu l-azzjonijiet jew l-ispejjeż imsemmija fil-lista stabbilita fl-Anness VIII”. Dan l-Anness VIII, punt 22, jirreferi għall-“[i]nvestimenti jew tipi ta’ azzjonijiet simili mhux fuq l-azzjonijiet [fl-azjendi] ta’ l-organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, [jew] sussidjarja […]”.

15

L-Artikoli 65 u 66 tar-Regolament Nru 1580/2007 huma intitolati, rispettivament, “Deċiżjoni” u “Emendi għal programmi ta’ operazzjoni għas-snin ta’ wara”. Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli ġew irriprodotti, mingħajr tibdil sostanzjali, fl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

16

Fit-Taqsima 4 tal-imsemmi Kapitolu II, intitolata “Għajnuna”, jinsabu l-Artikoli 69 sa 73 tar-Regolament Nru 1580/2007. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 69 ta’ dan ir-regolament, dwar l-ammont approvat tal-għajnuna, u tal-Artikolu 70 ta’ dan, intitolat “Applikazzjonijiet”, ġew irriprodotti, mingħajr tibdil sostanzjali, fl-Artikoli 68 u 69 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

17

Ir-Regolament Nru 1580/2007 tħassar permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Ġunju 2011, u r-riferimenti magħmula għar-regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala magħmula għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011

18

Il-premessa 42 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 tgħid:

“Fil-każ ta’ investimenti f’azjendi individwali, sabiex ikun evitat li persuna privata li tkun qatgħet il-konnessjonijiet mal-organizzazzjoni matul il-ħajja utli tal-investiment tistagħna b’mod mhux iġġustifikat, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jippermettu lill-organizzazzjoni tirkupra l-valur li jibqa’ tal-investiment, sew jekk it-tali investiment ikun ta’ membru u sew jekk ikun tal-organizzazzjoni.”

19

Il-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jirrigwarda l-fondi operattivi u l-programmi operattivi. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata”, tinkludi l-Artikoli 50 u 51 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 50 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Bażi għall-kalkolu”, jipprevedi:

“1.   Għal organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-produzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha u tal-membri produtturi tagħha, u għandu jinkludi biss il-produzzjoni ta’ dak il-frott u l-ħaxix li għaliha ġiet irrikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi. […]

[…]

3.   Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata m’għandux jinkludi l-valur tal-frott u l-ħaxix ipproċessat jew ta’ kwalunkwe prodott ieħor li mhuwiex prodott tas-settur tal-frott u l-ħaxix.

Madankollu, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u l-ħaxix maħsub għall-ipproċessar li jkun inbidel f’wieħed mill-prodotti tal-frott u tal-ħaxix ipproċessati elenkati fil-Parti X tal-Anness I għar-Regolament [Nru 1234/2007] jew fi kwalunkwe prodott ipproċessat ieħor imsemmi f’dan l-Artikolu u deskritt aktar fl-Anness VI għal dan ir-Regolament, minn organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-membri produtturi tagħhom […] sew jekk dawn jagħmlu x-xogħol huma stess jew permezz tal-esternalizzazzjoni, għandu jiġi kkalkulat billi tiġi applikata rata fissa, mogħtija bħala perċentwal, għall-valur iffatturat ta’ dawk il-prodotti pproċessati. Dik ir-rata fissa għandha tkun ta’:

[…]

d)

62 % għall-frott u l-ħaxix iffriżat;

[…]”

20

L-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jirrigwarda l-perijodu ta’ referenza. Huwa jipprevedi:

“1.   Il-limitu massimu annwali fuq l-għajnuna msemmi fl-Artikolu 103d(2) tar-Regolament [Nru 1234/2007] għandu jiġi kkalkulat kull sena fuq il-bażi tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata matul perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

[…]

7.   B’deroga mill-paragraf[u] 1 […], il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-perjodu ta’ referenza għandu jkun kif ikkalkulat skont il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-perjodu ta’ referenza.

Madankollu, għall-programmi operattivi approvati sal-20 ta’ Jannar 2010, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għas-snin sal-2007 għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-perjodu ta’ referenza, filwaqt li l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għas-snin mill-2008 ’l quddiem għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli fl-2008.

Għall-programmi operattivi approvati wara l-20 ta’ Jannar 2010, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għas-snin mill-2008 ’l quddiem għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żmien meta ġie approvat il-programm operattiv.”

21

It-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tat-Titolu III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 huwa ddedikat għall-programmi operattivi u jinkludi l-Artikoli 55 sa 67. L-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament, rigward l-eliġibbiltà tal-azzjonijiet fil-kuntest tal-programmi operattivi, jipprevedi:

“1.   Il-programmi operattivi m’għandhomx jinkludu l-azzjonijiet jew l-infiq imsemmija fil-lista stabbilita fl-Anness IX.

[…]

6.   L-investimenti jew l-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati f’azjendi individwali u/jew f’bini tal-membri produtturi tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, inklużi f’każijiet fejn l-azzjonijiet ikunu esternalizzati għal membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, dejjem jekk jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-programm operattiv. Jekk il-membru produttur jitlaq mill-organizzazzjoni tal-produtturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investiment jew il-valur li jibqa’ tiegħu jkun irkuprat. […]

7.   L-investimenti u l-azzjonijiet relatati mat-trasformazzjoni tal-frott u tal-ħaxix fi frott u ħaxix ipproċessat jistgħu jkunu eleġibbli għall-appoġġ fejn investimenti u azzjonijiet bħal dawn ifittxu li jilħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 103c(1) tar-Regolament [Nru 1234/2007], inklużi dawk imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 ta’ dak ir-Regolament, u sakemm huma identifikati fl-istrateġija nazzjonali msemmija fl-Artikolu 103f(2) tar-Regolament [Nru 1234/2007].”

22

L-Artikolu 64 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, intitolat “Deċiżjoni”, li jirriproduċi mingħajr tibdil sostanzjali l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 1580/2007, jipprevedi:

“1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha, kif xieraq:

a)

tapprova l-ammonti tal-fondi operattivi u l-programmi operattivi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament [Nru 1234/2007] u dawk ta’ dan il-Kapitolu;

b)

tapprova l-programmi operattivi, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni tal-produtturi taċċetta ċerti emendi; jew

c)

tirrifjuta l-programmi operattivi jew partijiet minnhom.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tiddeċiedi dwar il-programmi operattivi u l-fondi operattivi sal-15 ta’ Diċembru tas-sena li fiha jkunu tressqu.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi b’dawk id-deċiżjonijiet sal-15 ta’ Diċembru.

Madankollu, għal raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista’ tiddeċiedi dwar il-programmi operattivi u l-fondi operattivi sal-20 ta’ Jannar ta’ wara d-data meta jitressqu. Id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tista’ tistipula li l-infiq ikun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara t-tressiq.”

23

L-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Emendi tal-programmi operattivi għas-snin ta’ wara”, jirriproduċi mingħajr tibdil sostanzjali l-formulazzjoni tal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 1580/2007. Huwa jipprevedi:

“1.   L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jitolbu li jsiru emendi fil-programmi operattivi, inkluż fit-tul tagħhom, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru, sabiex dawn jiġu applikati mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

[…]

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-emendi tal-programmi operattivi sal-15 ta’ Diċembru tas-sena li fiha ssir it-talba.

Madankollu, għal raġunijiet iġġustifikati kif xieraq, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista’ tiddeċiedi dwar l-emendi tal-programmi operattivi sal-20 ta’ Jannar ta’ wara s-sena li fiha jitressqu. Id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tista’ tistipula li l-infiq ikun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik li fiha ssir it-talba.”

24

It-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li tinkludi l-Artikoli 68 sa 72 ta’ dan ir-regolament, tirrigwarda l-għajnuna. F’din it-taqsima, l-Artikolu 68 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ammont tal-għajnuna approvat” u li jirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 1580/2007, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi bl-ammont tal-għajnuna approvat, kif mitlub mill-Artikolu 103g(3) tar-Regolament [Nru 1234/2007], sal-15 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel dik li għaliha tkun qed tintalab l-għajnuna.

2.   Meta japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(2) jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(3), l-Istati Membru għandhom jagħtu notifika tal-ammont tal-għajnuna approvat sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Jannar tas-sena li għaliha tkun qed tintalab l-għajnuna.”

25

L-Artikolu 69 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, intitolat “Applikazzjonijiet għall-għajnuna” u li jikkorrispondi għall-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1580/2007, jipprevedi:

“1.   L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iressqu applikazzjoni għall-għajnuna jew il-bilanċ tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għal kull programm operattiv li għalih tkun qed tintalab l-għajnuna sal-15 ta’ Frar tas-sena ta’ wara dik li għaliha tkun qed tintalab l-għajnuna.

2.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandu jkollhom magħhom provi dokumentati li juru:

[…]

b)

il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata;

[…]”

26

L-Artikolu 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li huwa intitolat “Ħlas tal-għajnuna”, jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom iħallsu l-għajnuna sal-15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara dik li fiha jiġi implimentat il-programm”.

27

L-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jelenka l-azzjonijiet u l-ispejjeż li ma humiex eliġibbli skont il-programmi operattivi msemmija fl-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament. Il-punt 23 ta’ dan isemmi “[i]nvestimenti jew tipi ta’ azzjonijiet simili mhux fuq l-azjendi [fl-azjendi] u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew il-membri produtturi tagħhom jew kumpanija sussidjarja […]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28

ETG hija organizzazzjoni ta’ produtturi, fis-sens tar-Regolament Nru 1234/2007. B’ittri tal-15 ta’ Settembru 2009, tad-19 ta’ Diċembru 2009 u tal-14 ta’ Jannar 2010, hija ssottomettiet lill-Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministru Federali tal-agrikoltura, il-forestrija, l-ambjent u l-ġestjoni tal-ilma, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“awtorità Awstrijaka kompetenti”) applikazzjoni għal għajnuna ta’ programm operattiv għas-snin 2010 sa 2014.

29

Fost l-azzjonijiet li kellhom jibbenefikaw minn din l-għajnuna kien jinsab l-akkwist ta’ linja ta’ pproċessar ta’ spinaċi, użata sabiex jiġu pproċessati spinaċi miġbura friski fi spinaċi ffriżati. Din il-linja ta’ pproċessar, akkwistata minn ETG, kienet ġiet stabbilita fis-sit ta’ Ardo Austria Frost GmbH (iktar ’il quddiem “Ardo”), parti kontraenti ta’ ETG li teżerċita attività ta’ pproċessar u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ ETG. L-operat tal-imsemmija linja kellu jsir “taħt is-sorveljanza u r-responsabbiltà” ta’ ETG u, skont din tal-aħħar, l-art meħtieġa għal din il-linja ta’ pproċessar kienet “tqiegħdet fid-dispożizzjoni ta’ ETG minn ARDO taħt kuntratt ta’ self għall-installazzjoni u l-operat tal-magni [li jikkostitwixxu l-linja ta’ pproċessar]”.

30

B’ittra tad-19 ta’ Jannar 2010, l-awtorità Awstrijaka kompetenti approvat dan il-programm operattiv. Il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, l-Awstrija) speċifikat, f’dan ir-rigward, li huwa stabbilit li, meta hija kkunsidrat b’dan il-mod dan l-investiment bħala eliġibbli għall-għajnuna kkonċernata, din l-awtorità kienet taf li din il-linja ta’ pproċessar kienet tinsab mhux fuq art li tappartjeni lil ETG, iżda fuq is-sit ta’ Ardo. Din il-qorti tispeċifika, minbarra dan, li l-imsemmi programm operattiv kien ibbażat fuq kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata stabbilit abbażi taċ-ċifri tas-sena 2009, peress li ETG kienet ġiet stabbilita biss matul is-sena 2009, u li dan il-valur ġie kkalkolat billi ġew inklużi, fost l-oħrajn, l-“ispejjeż ta’ pproċessar”, li jinkorpora, għall-ispinaċi kkonċernati, “il-proċess li l-ispinaċi jinġab f’biċċiet, il-ħasil, il-qtugħ, it-tnixxif, is-smit […] [kif ukoll] l-iffriżar”.

31

Diversi emendi tal-istess programm operattiv ġew awtorizzati. B’mod partikolari, b’ittra tat-13 ta’ Diċembru 2013, il-perijodu ta’ referenza li serva għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ġie emendat. Ir-riferiment għas-sena 2009 ġie ssostitwit bil-medja tas-snin 2009 sa 2011, u l-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kompla jinkludi l-“ispejjeż ta’ pproċessar”.

32

B’deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2015, AMA kkonstatat li l-investiment fl-imsemmija linja ta’ pproċessar ma kienx eliġibbli għall-għajnuna kkonċernata, skont il-kriterju ta’ nuqqas ta’ eliġibbiltà previst fil-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, u, konsegwentement, irrifjutat il-ħlas ta’ din l-għajnuna għas-sena 2014, sa fejn din kienet intalbet għal dan l-investiment, u eżiġiet ir-rimbors tal-għajnuna diġà rċevuta minn ETG għalih. ETG ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali).

33

Il-qorti tar-rinviju tindika, b’mod preliminari, li għandha dubji rigward id-dritt applikabbli, minn naħa, għad-determinazzjoni tan-natura eliġibbli tal-ispejjeż marbuta mal-linja ta’ pproċessar ikkonċernata u, min-naħa l-oħra, għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Jekk il-kwistjoni tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż tidhrilha li hija effettivament irregolata mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, hija tistaqsi jekk it-tibdil introdott, bl-ittra tat-13 ta’ Diċembru 2013 imsemmija hawn fuq, fil-programm operattiv approvat fid-19 ta’ Jannar 2010, għandux bħala effett li jwassal għall-applikazzjoni tal-metodu ġdid għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, previst mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

34

Fuq il-mertu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-eventwali effetti, fuq l-ammont tal-għajnuna li għandha titħallas għas-sena 2014, tad-diversi ittri tal-awtoritajiet Awstrijaki, jiġifieri dik li tapprova l-programm operattiv, dik li tapprova l-emenda ta’ dan il-programm u dik li tikkomunika lil ETG l-ammont tal-għajnuna approvat. B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi jekk għandhiex tqis il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li jinsab f’dawn l-ittri bħala vinkolanti u mhux verifikabbli minnha fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiemha.

35

F’dan ir-rigward, hija ssostni li, skont id-dritt Awstrijak, hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina ex officio l-kwistjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata quddiemha, anki fuq il-bażi ta’ lment li ma tqajjimx minn ETG u anki jekk il-proċedura jkollha eżitu sfavorevoli għal din il-kumpannija. Madankollu, hija ma tistax tagħmel dan l-eżami ex officio meta l-kwistjoni tkun diġà ġiet deċiża f’deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva.

36

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tgħid li għandha dubji rigward il-validità tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata, kemm fl-ipoteżi fejn dan il-kalkolu jkun irregolat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 kif ukoll fil-każ li dan ikun irregolat mir-Regolament Nru 1580/2007.

37

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-azzjonijiet marbuta mal-ipproċessar tal-frott u l-ħaxix jistgħux ikunu s-suġġett ta’ għajnuna tal-Unjoni fil-kuntest ta’ programm operattiv ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi rrikonoxxuta fis-settur tal-frott u l-ħaxix u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet.

38

Fir-raba’ lok, hija tistaqsi dwar il-portata tal-kriterju ta’ nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna previst fil-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, b’mod partikolari fid-dawl tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan. Hija ssostni li l-għajnuna rigward il-linja ta’ pproċessar ġiet irrifjutata lil ETG għar-raġuni “li dan l-investiment kien jikkonsisti f’miżura implementata fuq artijiet li jappartjenu lil terz”. Madankollu, jekk dan il-punt 23 jiġi interpretat fis-sens li huwa oppost b’mod assolut għall-għajnuna għall-investimenti mwettqa fuq art li tappartjeni lil terz, jiġifieri mingħajr ma l-applikant ikun jista’ jipprova f’każ individwali li jeżistu raġunijiet ekonomiċi leġittimi sabiex jinvesti f’tagħmir li jinsab f’art li tappartjeni lil terz, huwa jista’, fil-fehma tagħha, ikun invalidu.

39

Fil-ħames lok, din il-qorti tistaqsi, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-imsemmi punt 23 bħala “kriterju ta’ esklużjoni assolut” għall-investimenti mwettqa fuq artijiet li jappartjenu lil terzi, jekk ETG tistax madankollu tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li, fil-fehma tagħha, l-awtoritajiet Awstrijaki dejjem ġew informati li ETG kienet qed tinstalla l-linja ta’ pproċessar inkwistjoni fuq art li tappartjeni lil Ardo u li huma approvaw il-programm operattiv ikkonċernat b’għarfien tal-fatti.

40

Fis-sitt u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’sens sfavorevoli għal ETG u/jew tiddikjara eventwalment invalidi wħud minn dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ssib ruħha quddiem talba ta’ ETG intiża sabiex l-effetti tas-sentenza tagħha jiġu limitati ratione temporis. F’dan ir-rigward, hija tindika li hija għandha mistoqsijiet dwar il-mod li bih hija għandha hija nnifisha tirrispondi għall-argumenti li ETG tibbaża fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex tikkontesta r-rimbors mitlub, jew sabiex tikseb il-ħlas ta’ somom li huma s-suġġett ta’ impenji vinkolanti, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tipproċedi għal ebda limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza tagħha ratione temporis, jew tipproċedi għal limitazzjoni li ma hijiex estiża għal ETG.

41

F’dawn ir-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

L-Artkoli 65, 66 u 69 tar-Regolament [Nru 1580/2007], kif ukoll (sa mit-2[2] ta’ Ġunju 2011) l-Artikoli 64, 65 u 68 tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011], jimponu li d-deċiżjoni li tapprova l-programm operattiv u tal-ammont tal-fondi, jew modifika ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll li d-deċiżjoni dwar l-‘ammont tal-għajnuna approvat’ ma jkunux adottati sempliċement bħala komunikazzjoni, iżda, formalment, bħala deċiżjoni vinkolanti (tal-inqas provviżorjament), li l-applikant jista’ diġà minn qabel jikkontesta, jiġifieri indipendentement minn kontestazzjoni tad-deċiżjoni finali (skont l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1580/2007 jew tal-Artikolu 69 tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011]) dwar it-talba għal ħlas tal-għajnuna (ħlas definittiv)?

b)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati [fl-ewwel domanda, punt a)] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, waqt l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet (fid-dispożittiv tad-deċiżjoni), il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jiġi stabbilit ukoll b’mod vinkolanti?

c)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn qorti tiġi adita b’rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ awtorità amminstrattiva li tat deċiżjoni finali, għal perijodu annwali speċifiku tal-programm operattiv, fuq talba għall-ħlas tal-għajnuna finanzjarja fil-kuntest ta’ programm operattiv, skont l-Artikolu 103g(5) tar-Regolament [Nru 1234/2007], din il-qorti hija prekluża, minħabba deċiżjoni definittiva diġà eżistenti dwar l-approvazzjoni tal-programm operattiv u tal-ammont tal-fondi, kif ukoll minħabba d-deċiżjoni dwar l-‘ammont tal-għajnuna approvat’, li teżamina l-kwistjoni tal-legalità tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li jintuża bħala bażi għall-iffissar tal-limitu massimu tal-għajnuna?

d)

Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-ewwel domanda, punti a), b) jew c)]: ir-Reglament [Nru 1234/2007], b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-‘Kodiċi tan-NM ex 0709 […] Ħaxix ieħor, frisk jew imkessaħ […]’), u l-Parti X tal-istess anness (‘Prodotti ta’ Frott u Ħxejjex proċessati’, f’dak li jikkonċerna l-‘Kodiċi tan-NM ex 0710 […] Veġetali, […] friżati’), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti bbażati fuq ħxejjex, li jirriżultaw mill-kombinazzjoni tal-proċessi ta’ wara l-ħsad u li jikkonsistu fit-tindif, fil-qtugħ, fis-smit u fl-iffriżar, ma għandhomx jitqiesu bħala prodotti fis-sens tal-parti IX tal-Anness I, iżda bħala prodotti fis-sens tal-Parti X tal-Anness I?

e)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva [għall-ewwel domanda, punt d)]: il-kunċett ta’ ‘valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata’, użat fl-Artikolu 103d(2) tar-Regolament [Nru 1234/2007], għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-valur għandu jiġi kkalkolat b’tali mod li jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-valur tal-produzzjoni, mingħajr il-valur li jikkorrispondi mal-istadju ta’ pproċessar, billi jitnaqqas il-valur tal-proċess fejn il-ħaxix maħsud, maħsul, imqatta’ u mismut huwa ttrasformat f’ħaxix iffriżat?

f)

L-Artikolu 51(7) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011], għandu jiġi interpretat fis-sens li organizzazzjoni ta’ produtturi li kienet ippreżentat programm ta’ għajnuna li jirrigwarda s-snin 2010 sa 2014 u li kien ġie approvat qabel l-20 ta’ Jannar 2010, iżda li, f’data sussegwenti (it-13 ta’ Diċembru 2013), kien is-suġġett ta’ approvazzjoni mmodifikata fejn ġie ddefinit mill-ġdid il-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal dak il-programm, għadha tista’ tinvoka l-‘leġiżlazzjoni applikabbli fl-2008’ anki wara din il-modifika tal-programm operattiv (jiġifieri għall-għajnuna li kellha titħallas fis-sena 2014)?

g)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva [għall-ewwel domanda, punti e) u f)]: l-Artikolu 52(6)(a) u l-Artikolu 21(1)(i) tar-Regolament [Nru 1580/2007], huma invalidi sa fejn, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-istadji ta’ pproċessar tal-ħxejjex maħsuda fejn il-ħxejjex huma pproċessati fi ‘prodott ieħor imniżżel fl-Anness I tat-Trattat KE’ huma inklużi fil-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata?

h)

Fil-każ ta’ risposta negattiva [għall-ewwel domanda, punt f)] (u irrispettivament mir-risposta għad-domandi l-oħra): l-Artikolu 50(3)(d) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011], huwa invalidu?

2)

a)

L-Artikolu 103c tar-Regolament [Nru 1234/2007],, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ ‘programm operattiv fis-settur ta’ frott u ħxejjex’, hija ammissibbli biss l-għajnuna għall-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala prodotti fis-sens tal-Parti IX tal-Anness I [ta’ dan ir-regolament], iżda mhux ukoll l-għajnuna għall-promozzjoni tal-investimenti għall-ipproċessar ta’ dawn il-prodotti?

b)

Fil-każ ta’ risposta negattiva [għat-tieni domanda, punt a)]: liema kundizzjoniiet u sa fejn l-Artikolu 103c tar-Regolament [Nru 1234/2007], jippermetti tali għajnuna għall-promozzjoni tal-investimenti għall-ipproċessar?

c)

L-Artikolu 60(7) tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011], huwa invalidu?

3)

a)

Il-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni mill-miżuri ta’ promozzjoni tirriżulta biss mil-lokalizzazzjoni ġeografika tal-investimenti f’art li tappartjeni lil terzi?

b)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva [għat-tielet domanda, punt a)]: il-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011], huwa invalidu?

c)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva [għat-tielet domanda, punt a)] u ta’ risposta negattiva [għat-tielet domanda, punt b)]: ir-regola stabbilita fil-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011] tikkostitwixxi dispożizzjoni ċara u inekwivoka sa fejn l-aspettattivi leġittimi ta’ operatur ekonomiku li jkun ibbenefika minn miżuri ta’ promozzjoni ta’ attivitajiet imwettqa f’art li tappartjeni lil terz iżda li jagħmlu parti mill-attivitajiet tiegħu, ma jkunux protetti, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu taw dawn il-miżuri ta’ promozzjoni jew ikunu ntrabtu li jagħtuhom b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi?

4)

Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tillimitax b’mod favorevoli għall-persuna kkonċernata l-effetti ta’ sentenza (fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE) fejn, permezz ta’ interpretazzjoni ġdida tad-dritt tal-Unjoni jew tal-annullament ta’ att ġuridiku tal-Unjoni meqjus sa dak iż-żmien bħala validu, ikun hemm konsegwenzi ġuridiċi dannużi għall-persuna kkonċernata, ikollu l-effett li din il-persuna, f’sitwazzjoni fejn jiġi stabbilit li qed taġixxi in bona fide, tiġi prekluża milli tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali quddiem il-qorti nazzjonali filwaqt li tinvoka s-sitwazzjoni partikolari tagħha?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tielet domanda, punt a)

42

Bit-tielet domanda, punt a) tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li investiment imwettaq fil-kuntest ta’ programm operattiv imsemmi fl-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament ikun illokalizzat f’art li tagħha terz, u mhux l-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata, ikun proprjetarju jikkostitwixxi, skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, raġuni għal nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna tal-ispejjeż inkorsi, taħt dan l-investiment, minn din l-organizzazzjoni ta’ produtturi.

43

F’dan ir-rigward, għandu, b’mod preliminari, jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju hija dik ta’ AMA tat-12 ta’ Ottubru 2015, rigward il-ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għas-sena 2014, fil-kuntest ta’ programm operattiv rigward is-snin 2010 sa 2014, approvat fid-19 ta’ Jannar 2010, jiġifieri qabel l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011. Madankollu, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tranżitorja kontrarja u peress li l-Artikolu 149 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 iħassar ir-Regolament Nru 1580/2007 u jispeċifika li r-referenzi magħmula għal dan tal-aħħar għandhom jinftiehmu bħala magħmula għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-eliġibbiltà tal-azzjonijiet imwettqa u tal-ispejjeż inkorsi b’rabta mal-ħlas tal-imsemmija għajnuna għas-sena 2014 hija effettivament irregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

44

Mill-bqija, il-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess nazzjonali mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi d-dispożizzjoni li abbażi tagħha l-akkwist tal-linja ta’ pproċessar ikkonċernata ġie ddikjarat mhux eliġibbli għall-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li ssostitwixxa l-punt 22 tal-Anness VIII, tar-Regolament Nru 1580/2007, ma introduċiex f’din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar emendi rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

45

Fil-fatt, il-punt 22 tal-Anness VIII, tar-Regolament Nru 1580/2007 kien jipprevedi n-nuqqas ta’ eliġibbiltà taħt il-programmi operattivi ta’ investimenti jew ta’ tipi oħra ta’ azzjonijiet simili li ma kinux “imwettqa fuq l-azzjonijiet [fl-azjendi]” ta’, b’mod partikolari, l-organizzazzjoni ta’ produtturi, filwaqt li l-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jirreferi mhux biss għall-azjenda, iżda wkoll għall-“istabbilimenti” ta’ tali organizzazzjoni. Għaldaqstant, jekk investiment jaqa’ taħt il-kriterju ta’ nuqqas ta’ eliġibbiltà previst f’dan il-punt 23, kien jaqa’ neċessarjament ukoll taħt il-kriterju ekwivalenti li kien previst fl-imsemmi punt 22.

46

Fir-rigward tal-interpretazzjoni mitluba, għandu jitfakkar li l-Artikolu 60(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jipprevedi li l-programmi operattivi ma jinkludux l-azzjonijiet jew l-ispejjeż imsemmija fil-lista li tinsab fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament. Dan l-Anness IX, fil-punt 23 tiegħu, jelenka, fost l-azzjonijiet u l-ispejjeż mhux eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna taħt dawn il-programmi operattivi, “[i]nvestimenti jew tipi ta’ azzjonijiet simili mhux fuq l-azjendi [fl-azjendi] u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jew il-membri produtturi tagħhom jew kumpanija sussidjarja kif imsemmija fl-Artikolu 50(9) [tal-imsemmi regolament]”.

47

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Ardo, li fuq l-art tagħha ġiet installata l-linja ta’ pproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija terz fil-konfront ta’ ETG, organizzazzjoni ta’ produtturi rikorrenti fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, biżżejjed, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, li jiġi stabbilit jekk l-espressjoni “fuq l-azjendi [fl-azjendi] u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi” tirreferix biss għall-azjendi u/jew l-istabbilimenti li tagħhom hija proprjetarja l-organizzazzjoni ta’ produtturi jew jekk għandhiex tiġi adottata interpretazzjoni oħra.

48

Mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi l-ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens tagħha u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 ma jiddefinixxix x’għandu jinftiehem b’investimenti mwettqa “fuq l-azjendi [fl-azjendi] u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi” u lanqas ma jagħmel riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda t-tifsira li għandha tiġi adottata ta’ dan il-kliem. Għaldaqstant, dan għandu jitqies, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li jindika kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha.

50

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem li għalih id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi l-ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita skont is-sens abitwali ta’ dan fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża l-kliem u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li huwa jagħmel parti minnha (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, EasyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2014,Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata) u billi jiġi eskluż li, fil-każ ta’ dubju, it-test ta’ dispożizzjoni jitqies b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C‑428/07, EU:C:2009:458, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑51/14, EU:C:2015:380, punt 34).

51

F’dan il-każ, is-sens abitwali tal-espressjoni inkwistjoni ma jippermettix, minnu nnifsu, li tingħata mal-ewwel interpretazzjoni inekwivoka ta’ din. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tista’, fil-lingwaġġ ta’ kuljum u skont il-verżjonijiet lingwistiċi, tirreferi għal azjenda jew għal stabbiliment li huwa l-proprjetà tal-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata jew tirreferi, b’mod iktar ġenerali, għal azjenda jew għal stabbiliment li fuqu l-organizzazzjoni ta’ produtturi teżerċita forma ta’ kontroll.

52

Madankollu, minn naħa, jirriżulta biċ-ċar mill-kuntest li jagħmel parti minnu l-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 li investimenti magħmula fl-azjendi u/jew fl-istabbilimenti ta’ terzi fil-konfront tal-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata ma jistgħux, fil-prinċipju, lanqas parzjalment, jibbenefikaw minn għajnuna prevista taħt programm operattiv.

53

Fil-fatt, l-Artikolu 60(6) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, jekk investimenti jiġu implementati fl-azjendi u/jew fl-istabbilimenti tal-membri produtturi tal-organizzazzjoni ta’ produtturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li, ħlief f’ċirkustanzi debitament iġġustifikati, dawn l-investimenti jew il-valur residwali tagħhom jiġu rkuprati jekk il-membru produttur jitlaq l-organizzazzjoni. Bl-istess mod, mill-premessa 42 tal-istess regolament jirriżulta li, sabiex jiġi evitat kwalunkwe arrikiment indebitu ta’ individwu li jkun qata’ l-konnessjonijiet tiegħu mal-organizzazzjoni ta’ produtturi matul il-ħajja utli tal-investiment, din l-organizzazzjoni għandha tiġi awtorizzata tirkupra l-valur residwali ta’ dan.

54

Min-naħa l-oħra, l-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jistabbilixxu wkoll li huma biss l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuti skont id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minbarra l-premessa 42 ta’ dan ir-regolament, li l-essenza tagħha hija mfakkra fil-punt preċedenti, li l-imsemmi regolament jistabbilixxi r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1234/2007 f’dak li jirrigwarda s-settur tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat. Issa, mill-Artikolu 103b ta’ dan ir-regolament imsemmi l-aħħar jirriżulta li l-finanzjament tal-fondi operattivi tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix, li għalih tista’ tikkontribwixxi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, ma jistax iservi biss għas-sempliċi finijiet tal-programmi operattivi approvati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 103g tal-istess regolament.

55

Ikun manifestament kuntrarju għall-istruttura tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif esposta fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza, u għal dan l-għan li terzi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna finanzjarja. Dan ikun madankollu l-każ jekk jiġi ammess li huma eliġibbli għal din investimenti li fir-rigward tagħhom ma jkunx ġie żgurat li huma jibbenefikaw esklużivament lill-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata.

56

F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li s-sempliċi fatt li l-organizzazzjoni ta’ produtturi ma hijiex proprjetarja tal-azjenda jew tal-istabbiliment li fih isir l-investiment ma huwiex neċessarjament, fil-prinċipju, biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li ma huwiex żgurat li dan l-investiment isir għall-benefiċċju esklużiv ta’ din l-organizzazzjoni, huwa mill-inqas imperattiv, sabiex jitqies bħala spiża eliġibbli taħt programm operattiv imsemmi taħt l-Artikolu 60(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li l-investiment inkwistjoni jsir f’azjenda u/jew fi stabbiliment li, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, jitqiegħdu taħt il-kontroll esklużiv tal-imsemmija organizzazzjoni, b’tali mod li kwalunkwe użu ta’ dan l-investiment bi profitt għal terz jiġi eskluż.

57

Il-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, sa fejn huwa jirreferi għal investimenti magħmula “fuq l-azjendi [fl-azjendi] u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi”, għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat fis-sens li huwa jirreferi għal investimenti magħmula f’azjendi u/jew fi stabbilimenti li, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, huma mqiegħda taħt il-kontroll esklużiv tal-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata, b’tali mod li kull użu ta’ dawn l-investimenti bi profitt għal terz jiġi eskluż.

58

Kif sostniet il-Kummissjoni Ewropea, hija biss din l-interpretazzjoni li tippermetti li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix.

59

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja li l-linja ta’ pproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali nxtrat minn ETG u tintuża “taħt is-sorveljanza u r-responsabbiltà” ta’ din tal-aħħar, din il-linja ta’ pproċessar hija installata fuq art li tappartjeni lil Ardo, li kienet “tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ ETG minn [din] taħt kuntratt ta’ self għall-installazzjoni u l-operat tal-magni [li jikkostitwixxu l-linja ta’ pproċessar]”. L-investiment ikkonċernat ma jidhirx għaldaqstant li sar f’azjenda u/jew stabbiliment li, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, huwa mqiegħed taħt il-kontroll esklużiv ta’ ETG, b’tali mod li kwalunkwe użu ta’ dan l-investiment bi profitt għal terz jiġi eskluż. L-applikazzjoni tal-kriterju tan-nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna previst fil-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, tidher għaldaqstant ġustifkata.

60

F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-allegata eżistenza ta’ “raġunijiet ekonomiċi leġittimi” li jiġġustifikaw li l-investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali sar fl-azjenda u/jew fl-istabbiliment ta’ terz, li fuqu l-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata ma teżerċitax kontroll esklużiv, ma tista’ fl-ebda każ tippermetti li jitqies li dan il-kriterju ta’ nuqqas ta’ eliġibbiltà ma huwiex, f’dan il-każ, applikabbli. L-istess jgħodd fir-rigward tal-allokazzjoni kontabbli ta’ dan l-investiment lil din l-organizzazzjoni ta’ produtturi kif ukoll fir-rigward tal-eżistenza ta’ allegata “konnessjoni ekonomika” tal-imsemmi investiment mal-azjenda tal-organizzazzjoni ta’ produtturi jew ukoll fir-rigward tal-fatt li teżisti “rabta operattiva” bejn l-istess investiment u l-imsemmija organizzazzjoni. Fil-fatt, tali motivi bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi ggarantit li l-investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jintużax bi profitt għal terz.

61

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda, punt a), għandha tkun li l-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, sa fejn huwa jirreferi għal investimenti magħmula “fuq l-azjendi [fl-azjendi] u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi”, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

is-sempliċi fatt li investiment magħmul fil-kuntest ta’ programm operattiv imsemmi fl-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament ikun illokalizzat f’art li tagħha terz, u mhux l-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata, ikun proprjetarju ma jikkostitwixxix, fil-prinċipju, skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, raġuni għal nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna tal-ispejjeż inkorsi, taħt dan l-investiment, minn din l-organizzazzjoni ta’ produtturi;

dan il-punt 23 tal-Anness IX, jirreferi għal investimenti magħmula f’azjendi u/jew fi stabbilimenti li huma, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, imqiegħda taħt il-kontroll esklużiv tal-imsemmija organizzazzjoni ta’ produtturi, b’tali mod li kwalunkwe użu ta’ dawn l-investimenti bi profitt għal terz jiġi eskluż.

Fuq it-tielet domanda, punt b)

62

Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, it-tielet domanda, punt b), hija magħmula biss fil-każ li l-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li l-organizzazzjoni ta’ produtturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex proprjetarja tal-art li fuqha huwa llokalizzat investiment magħmul fil-kuntest ta’ programm operattiv imsemmi fl-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi, skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, raġuni għal nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna kkonċernata tal-ispejjeż inkorsi, taħt dan l-investiment, minn din l-organizzazzjoni ta’ produtturi.

63

Mir-risposta għat-tielet domanda, punt a), jirriżulta li tali interpretazzjoni ma tistax tiġi adottata. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda, punt b).

Fuq it-tielet domanda, punt c)

64

It-tielet domanda, punt c), hija wkoll magħmula fil-każ li l-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru°543/2011 jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li l-organizzazzjoni ta’ produtturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex proprjetarja tal-art li fuqha huwa llokalizzat investiment magħmul fil-kuntest ta’ programm operattiv imsemmi fl-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi, skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, raġuni għal nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna kkonċernata tal-ispejjeż inkorsi, taħt dan l-investiment, minn din l-organizzazzjoni ta’ produtturi.

65

Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi adottata. Madankollu, permezz ta’ din it-tielet domanda, punt c), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-realtà, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ETG tistax tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-għajnuna li ngħatat jew li ġiet imwiegħda lilha għall-investiment ikkonċernat. Kif ġie espost fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-kriterju ta’ nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna kkonċernata previst fil-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru°543/2011 jidher applikabbli għal dan l-investiment, anki jekk għal raġuni differenti minn dik prevista mill-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, din it-tielet domanda, punt c), tibqa’ rilevanti u għaldaqstant għandha tingħata risposta għaliha.

66

Permezz tal-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità nazzjonali kompetenti, minn naħa, tirrifjuta l-ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna finanzjarja li kienet intalbet minn organizzazzjoni ta’ produtturi għal investiment finalment meqjus bħala mhux eliġibbli għal din b’applikazzjoni tal-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru°543/2011 u, min-naħa l-oħra, titlob mingħand din l-organizzazzjoni ta’ produtturi r-rimbors tal-għajnuna diġà rċevuta għal dan l-investiment.

67

Iċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkaratterizzati mill-fatt li, meta l-awtorità Awstrijaka kompetenti approvat il-programm operattiv ikkonċernat u, b’dan il-mod, qieset li l-investiment marbut mal-akkwist tal-linja ta’ pproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien a priori eliġibbli għall-għajnuna mitluba, u ladarba hija għamlet l-ewwel ħlasijiet parzjali marbuta ma’ dan l-investiment, din l-awtorità kellha għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi li fihom din il-linja ta’ pproċessar kienet ser tiġi installata u operata.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull eżerċizzju, minn Stat Membru, ta’ setgħa diskrezzjonali biex jiġi deċiż jekk huwiex opportun li jintalab jew le l-ħlas lura tal-fondi tal-Unjoni mogħtija indebitament jew irregolarment huwa inkompatibbli mal-obbligu, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, impost fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali li jirkupraw il-fondi mħallsa indebitament jew irregolarment (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et, 205/82 sa 215/82, EU:C:1983:233, punt 22).

69

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni u l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan l-operatur ekonomiku li jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-1 ta’ April 1993, Lageder et, C‑31/91 sa C‑44/91, EU:C:1993:132, punt 35, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 52).

70

F’dan il-każ, mill-analiżi tat-tielet domanda, punt a) jirriżulta li l-għajnuna inkwistjoni ngħatat b’mod li jmur kontra d-dispożizzjoni li tinsab fil-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, interpretata fid-dawl tal-kuntest li tagħmel parti minnu din id-dispożizzjoni u tal-għan rilevanti segwit permezz tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

71

Minbarra dan, waqt l-approvazzjoni tal-programm operativ ikkonċernat, kien diġà stabbilit sew li, fil-kuntest tal-finanzjament tal-politika agrikola komuni, kienet meħtieġa interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż mill-Unjoni, peress li l-ġestjoni tal-politika agrikola komuni, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza bejn l-operaturi ekonomiċi tal-Istati Membri, tipprekludi li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ dispożizzjoni speċifika, jiffavorixxu l-operaturi ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1985, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 55/83, EU:C:1985:84, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2014, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑610/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2349, punt 41).

72

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jikkostitwixxi dispożizzjoni li kontriha ma jistax jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

73

Mill-bqija, l-awtorità Awstrijaka kompetenti ma setgħetx validament tintrabat li tagħti lil ETG trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

74

Għaldaqstant, billi approvat il-programm operattiv ikkonċernat u billi pproċediet bl-ewwel ħlasijiet marbuta mal-investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija awtorità nazzjonali ma setgħetx toħloq, favur ETG, indipendentement mill-bona fide ta’ din, aspettattivi leġittimi li tibbenefika minn trattament li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

75

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda, punt c), għandha tkun li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità nazzjonali kompetenti, minn naħa, tirrifjuta l-ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna finanzjarja li tkun intalbet minn organizzazzjoni ta’ produtturi għal investiment finalment meqjus bħala mhux eliġibbli għal din b’applikazzjoni tal-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 u, min-naħa l-oħra, titlob mingħand din l-organizzazzjoni ta’ produtturi r-rimbors tal-għajnuna diġà rċevuta għal dan l-investiment.

Fuq l-ewwel domanda, punti a) sa h)

76

Bl-ewwel domanda, punti a) sa c) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 65, 66 u 69 tar-Regolament Nru 1580/2007 u l-Artikoli 64, 65 u 68 sa 70 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti nazzjonali, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi adita b’rikors dirett kontra deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali li tiddeċiedi fuq talba għal ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna finanzjarja fil-kuntest ta’ programm operattiv, imressqa skont l-Artikolu 103g(5) tar-Regolament Nru 1234/2007, huma jipprekludu li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, din il-qorti teżamina ex officio l-kwistjoni tal-legalità tal-metodu għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Fil-każ li din l-ewwel domanda, punti a) sa c), tingħata risposta fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju għamlet l-ewwel domanda, punti d) sa h).

77

Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda, punti a) sa c), u, imbagħad, l-ewwel domanda, punti d) sa h), huma rilevanti biss fil-każ li mir-risposta għat-tielet domanda, punt a) jirriżulta li l-kriterju ta’ nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna previst fil-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 ma setax jiġi applikat għall-investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, mir-risposta għat-tielet domanda, punt a) jirriżulta li dan ma huwiex il-każ.

78

Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda, punti a) sa h).

Fuq it-tieni domanda, punti a) sa c)

79

Bit-tieni domanda, punti a) u b) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 103c tar-Regolament Nru 1234/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li, fil-kuntest ta’ programm operattiv fis-settur tal-frott u l-ħaxix, fis-sens ta’ dan l-artikolu, tingħata għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għal investimenti intiżi għall-ipproċessar ta’ frott u ta’ ħaxix u, jekk dan ma huwiex il-każ, taħt liema kundizzjonijiet u sa fejn hija awtorizzata tali għajnuna. Bit-tieni domanda, punt c) tagħha, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 60(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li jipprevedi li ċerti investimenti u azzjonijiet marbuta mal-ipproċessar ta’ frott u ta’ ħaxix fi frott u ħaxix ipproċessati jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jibbenefikaw minn għajnuna, huwiex validu.

80

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod effettiv għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 67, u tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 22). L-istess jgħodd meta d-domandi magħmula jirrigwardaw il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata].

81

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess nazzjonali mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-unika raġuni li fuqha huwa bbażat, fid-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, ir-rifjut ta’ ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna għal-linja ta’ pproċessar inkwistjoni u t-talba għal rimbors tal-għajnuna diġà rċevuta għal din tinsab fl-applikazzjoni tal-kriterju għal nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna previst fil-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

82

Risposta għat-tieni domanda, punti a) sa c), f’din iċ-ċirkustanza tkun tammonta, għaldaqstant, manifestament għall-għoti ta’ opinjoni konsultattiva fuq kwistjoni ipotetika, bi ksur tal-missjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko, C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo, C‑313/12, EU:C:2013:718, punti 39 u 40).

83

Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, punti a) sa c).

Fuq ir-raba’ domanda

84

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis, huwa jipprekludi li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eskluż l-irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament.

85

B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja ma pproċedietx b’limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis. Issa, ETG, essenzjalment, talbet tali limitazzjoni fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-invalidità ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, sempliċement ipproċediet bl-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

86

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Awstrijak talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis b’mod partikolari fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-investimenti magħmula f’art li tappartjeni lil terz ma humiex eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna. Issa, kif jirriżulta mill-punti 59 u 61 ta’ din is-sentenza, l-investimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux li huma eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna, għaliex huma magħmula f’azjendi u/jew stabbilimenti li ma humiex imqiegħda taħt il-kontroll esklużiv tal-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata. Għaldaqstant, għandha tittieħed deċiżjoni fuq din id-domanda.

87

Insostenn ta’ din, dan il-gvern jinvoka riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi, għall-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għandha mnejn tgħib, kif ukoll għas-settur kollu tal-frott u l-ħaxix. Minbarra dan, il-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jirreferi, f’bosta verżjonijiet lingwistiċi, għall-eżistenza ta’ rabta operattiva bejn l-organizzazzjoni ta’ produtturi u l-investiment ikkonċernat, u dan joħloq inċertezza oġġettiva u importanti fir-rigward tal-portata tad-dritt tal-Unjoni.

88

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, sempliċement tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni interpretata b’dan il-mod tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti wkoll għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u kkostitwiti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni tilwima li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed f’dubju relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tkun tista’ tiġi deċiża tali limitazzjoni, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi ferm, meta, minn naħa, kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomċi gravi dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta, min-naħa l-oħra, kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħajra jaġixxu b’mod mhux konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u importanti fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kien eventwalment ikkontribwixxa l-aġir innifsu adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Barra minn hekk, huwa l-Istat Membru li jitlob limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ sentenza mogħtija b’mod preliminari li għandu jippreżenta, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċifri li jistabbilixxu r-riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C‑263/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:466, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, b’mod analogu, is-sentenza tad-9 ta’ April 2014, T‑Mobile Austria, C‑616/11, EU:C:2014:242, punt 53).

92

F’dan il-każ, fit-talba tiegħu għal limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis, imressqa wkoll fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddikjarat l-invalidità ta’ dispożizzjoni jew ta’ diversi dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju, il-Gvern Awstrijak bl-ebda mod ma ta dettalji dwar kif l-interpretazzjoni adottata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza hija, minnha nnifisha, tali li twassal għal riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi. F’dan ir-rigward, huwa sempliċement semma, b’mod ġenerali, li l-assenza ta’ limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis“tista’ twassal għal konsegwenzi potenzjalment fatali” u invoka “numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi”, mingħajr ma pprovda l-iċken ħjiel ta’ data rigward in-numru ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi eventwalment ikkonċernati jew rigward is-somom eventwalment inkwistjoni.

93

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza, ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu limitati l-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-ewwel kriterju msemmi f’dawn il-punti huwiex issodisfatt.

94

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jistax madankollu jiġi invokat minn ETG quddiem il-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li huma l-Istati Membri, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li għandhom jiżguraw fit-territorju rispettiv tagħhom l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (ara, b’mod analogu, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Oelmühle u Schmidt Söhne, C‑298/96, EU:C:1998:372, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95

Bl-istess mod, mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1), li AMA rreferiet għalih fid-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali u li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti, essenzjalment, fl-Artikolu 58(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, u rettifika ĠU 2016, L 130, p. 13), jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, il-miżuri kollha li huma neċessarji sabiex jiġu rkuprati s-somom mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi. Kull eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali sabiex jiġi deċiż jekk huwiex opportun li jintalab jew le l-ħlas lura tal-fondi tal-Unjoni mogħtija indebitament jew irregolarment huwa inkompatibbli ma’ dan l-obbligu (ara, b’mod analogu, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Oelmühle u Schmidt Söhne, C‑298/96, EU:C:1998:372, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif dan diġà tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

96

Madankollu, kif indikat il-Kummissjoni, it-tilwim rigward l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni għandu, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni, jiġi deċiż mill-qrati nazzjonali, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħhom, bir-riżerva tal-limiti li jimponi d-dritt tal-Unjoni, fis-sens li r-regoli ddettaljati previsti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux iwasslu sabiex jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-irkupru tal-għajnuna indebita u li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha ssir b’mod mhux diskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intiżi sabiex jiġi deċiż tilwim nazzjonali tal-istess tip (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Oelmühle u Schmidt Söhne, C‑298/96, EU:C:1998:372, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 2009, Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank, C‑281/07, EU:C:2009:6, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Għalhekk, ma jistax jitqies li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li d-dritt nazzjonali fil-qasam ta’ rkupru ta’ benefiċċji finanzjarji mħallsa indebitament mill-amministrazzjoni pubblika jieħu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-prinċipju ta’ legalità, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li dan tal-aħħar jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, C‑336/00, EU:C:2002:509, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2007, ROM‑projecten, C‑158/06, EU:C:2007:370, punt 24).

98

B’mod partikolari, dan il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li liġi tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom. Effettivament, l-individwi għandu jkollhom il-possibbiltà li jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità, u li jieħdu passi konsegwentement (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Stichting ROM‑projecten, C‑158/06, EU:C:2007:370, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Issa, f’dan il-każ, mill-analiżi tat-tielet domanda, punt a), jirriżulta li d-dispożizzjoni li tinsab fil-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, interpretata fid-dawl tal-kuntest li hija tinsab fih u tal-għan rilevanti segwit permezz tal-leġiżlazzjoni applikabbli, kienet tippermetti lill-individwu, benefiċjarju finali ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, li jkun jaf b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija kienet timponi fuqu, b’tali mod li dan kien f’pożizzjoni li jkun jaf mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jieħu passi konsegwentement.

100

Madankollu, l-interess tal-Unjoni li tiġi rkuprata għajnuna li tkun ġiet irċevuta bi ksur tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ meta jiġu evalwati l-interessi inkwistjoni, inkluż jekk jitqies, minkejja dak li tfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun obbligat jirrimborsaha (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, C‑336/00, EU:C:2002:509, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2007, ROM‑projecten, C‑158/06, EU:C:2007:370, punt 32).

101

Barra minn hekk, huwa biss jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna kien in bona fide fir-rigward tar-regolarità ta’ din li huwa jkun f’pożizzjoni li jikkontesta l-irkupru tagħha (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, C‑336/00, EU:C:2002:509, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis, huwa ma jipprekludix li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eskluż l-irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament, sakemm il-kundizzjonijiet previsti jkunu l-istess għall-irkupru ta’ benefiċċji finanzjarji purament nazzjonali, l-interess tal-Unjoni jittieħed b’mod sħiħ inkunsiderazzjoni u l-bona fide tal-benefiċjaru tkun stabbilita.

Fuq l-ispejjeż

103

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 23 tal-Anness IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, sa fejn jirreferi għal investimenti magħmula “fuq l-azjendi [fl-azjendi] u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi”, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

is-sempliċi fatt li investiment magħmul fil-kuntest ta’ programm operattiv imsemmi fl-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament ikun illokalizzat f’art li tagħha terz, u mhux l-organizzazzjoni ta’ produtturi kkonċernata, ikun proprjetarju ma jikkostitwixxix, fil-prinċipju, skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, raġuni għal nuqqas ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna tal-ispejjeż inkorsi, taħt dan l-investiment, minn din l-organizzazzjoni ta’ produtturi;

dan il-punt 23 tal-Anness IX, jirreferi għal investimenti magħmula f’azjendi u/jew fi stabbilimenti li huma, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, imqiegħda taħt il-kontroll esklużiv tal-imsemmija organizzazzjoni ta’ produtturi, b’tali mod li kwalunkwe użu ta’ dawn l-investimenti bi profitt għal terz jiġi eskluż.

 

2)

Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità nazzjonali kompetenti, minn naħa, tirrifjuta l-ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna finanzjarja li tkun intalbet minn organizzazzjoni ta’ produtturi għal investiment finalment meqjus bħala mhux eliġibbli għal din b’applikazzjoni tal-punt 23 tal-Anness IX, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 u, min-naħa l-oħra, titlob mingħand din l-organizzazzjoni ta’ produtturi r-rimbors tal-għajnuna diġà rċevuta għal dan l-investiment.

 

3)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-assenza ta’ limitazzjoni tal-effetti ta’ din is-sentenza ratione temporis, huwa ma jipprekludix li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eskluż l-irkupru ta’ għajnuna mħallsa indebitament, sakemm il-kundizzjonijiet previsti jkunu l-istess għall-irkupru ta’ benefiċċji finanzjarji purament nazzjonali, l-interess tal-Unjoni Ewropea jittieħed b’mod sħiħ inkunsiderazzjoni u l-bona fide tal-benefiċjaru tkun stabbilita.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top